KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑15 ta’ Jannar 2026 ( 1 )
Kawża C‑603/24
Stellantis Portugal, S.A.
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE u Direttiva 77/388/KEE – Kunsinni bejn kumpanniji relatati – Aġġustament tal-prezz tal-bejgħ fi ħdan grupp ta’ kumpanniji skont il-garanzija u l-ispejjeż operattivi sostnuti mix-xerrej – Aġġustament tal-prezz ta’ kunsinna bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas awtonoma – Rilevanza tal-aġġustamenti tal-prezz ta’ trasferiment għall-finijiet tal-VAT”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Id-dritt dwar it-taxxa fuq id-dħul għandu diversi aspetti. Wieħed minnhom huwa l-prezzijiet ta’ trasferiment li għandhom rwol importanti bejn il-kumpanniji relatati għall-finijiet tat-tqassim raġonevoli tal-profitti, fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament. Sfortunatament, id-determinazzjoni ta’ prezz ta’ trasferiment korrett hija inqas kwistjoni ta’ liġi milli “kwistjoni ta’ twemmin”. F’dan ir-rigward, ma jeżistix prezz ta’ trasferiment korrett, iżda biss diversi metodi sabiex tali prezz jiġi ddeterminat u konsegwentement firxa sħiħa ta’ prezzijiet ta’ trasferiment “korretti”. |
|
2. |
Huwa probabbilment għal din ir-raġuni li sa issa dejjem kien hemm sforzi li jiġi eskluż id-dritt tal-VAT mill-prezzijiet ta’ trasferiment, li bħala prinċipju jopera mingħajr tali “kwistjonijiet ta’ twemmin”. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari turi li dan jista’ ma jkunx iktar possibbli fil-futur ( 2 ). |
|
3. |
Kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawża Acromet Towercranes ( 3 ), diġà deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawża ineżami tikkonċerna aġġustament a posteriori tal-prezz ta’ kunsinna intiża għat-tqassim intern tal-profitti bejn il-kumpanniji tal-grupp. F’dan ir-rigward, din il-proċedura tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi l-kamp tal-aġġustamenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment motivati mit-taxxa fuq id-dħul u l-konsegwenzi tagħhom fir-rigward tad-dritt tal-VAT, liema kamp sa issa għadu ma ġiex eżaminat, u tagħti, jekk ikun possibbli, risposta li tipprovdi gwida lil hinn mill-każ preżenti. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
4. |
Il-kuntest ġuridiku tas-sena finanzjarja inkwistjoni 2006, rilevanti fil-kawża ineżami, huwa kkostitwit mis-Sitt Direttiva dwar il-VAT ( 4 ), li kien għad ma kellha ebda dispożizzjoni dwar it-trasferiment tad-dejn fiskali fil-każ ta’ provvisti ta’ servizzi pprovduti lil persuna taxxabbli stabbilita barra mill-pajjiż. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati huma identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). |
|
5. |
L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT (li jikkorrispondi għall-punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT) jipprovdi: “It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:
|
|
6. |
L-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT (li jikkorrispondi għall-punt (1)(a) tal-Artikolu 11(A) tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT) jiddefinixxi l-bażi tat-taxxa u jipprovdi: “Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.” |
|
7. |
L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva dwar il-VAT (li jikkorrispondi għall-punt (1) tal-Artikolu 11(Ċ) tas-Sitt Direttiva dwar il-VAT) jipprovdi: “(1) Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew fejn il-prezz hu mnaqqas wara li l-provvista tkun saret, l-ammont taxxabbli għandu jiġi ridott għaldaqstant skond kondizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.” |
B. Id-dritt Portuġiż
|
8. |
Huwa minnu li l-formulazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt Portugiż ma ġietx ikkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, għandu jitqies li d-Direttiva dwar il-VAT ġiet trasposta konsegwentement fil-Portugall mill-Código do IVA (il-Kodiċi dwar il-VAT). |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
9. |
Stellantis Portugal, S.A. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) topera fil-kummerċ ta’ vetturi bil-mutur u fl‑2006, is-sena inkwistjoni, kienet tagħmel parti (b’mod iktar preċiż, il-preċedessur legali tagħha) mill-grupp ta’ impriżi General Motors li jimmanifattura u jikkummerċjalizza vetturi kif ukoll partijiet ta’ bdil u aċċessorji. |
|
10. |
Dan il-grupp kien jinkludi manifatturi tat-tagħmir oriġinali (Original Equipment Manufacturers, iktar ’il quddiem l-“OEM”), li jipproduċu l-prodotti u/jew jikkonsenjawhom lil kumpanniji tal-bejgħ nazzjonali (National Sales Companies, iktar ’il quddiem in-“NSC”) jew lil organizzazzjonijiet tal-bejgħ nazzjonali (National Sales Organizations, iktar ’il quddiem in-“NSO”), li mbagħad jikkummerċjalizzaw dawn il-prodotti fi ħdan suq ġeografiku ddefinit minn qabel. |
|
11. |
Fil-katina tal-produzzjoni, ir-rikorrenti assumiet il-funzjonijiet ta’ NSC/NSO u kienet tixtri vetturi mingħand il-manifatturi Ewropej (OEM) tal-grupp General Motors. Il-vetturi mixtrija nbiegħu mill-ġdid lil konċessjonarji indipendenti Portugiżi li sussegwentement bigħuhom lil klijenti finali. |
|
12. |
Fil-każ ta’ difetti tal-manifattura, il-klijent finali kien imur għand il-konċessjonarju sabiex dawn jissewwew mill-konċessjonarju fil-faċilitajiet tiegħu stess. Il-konċessjonarji Portugiżi mbagħad kienu jiffatturaw lir-rikorrenti l-ispejjeż li jkunu ġarrbu għat-tiswija tal-vetturi, u kienu jiffatturaw l-ammont rilevanti tal-VAT għal din il-provvista ta’ servizz. Tali tiswijiet ta’ vetturi setgħu jitwettqu f’każ ta’ problemi li jirriżultaw minn difetti fil-proċess tal-manifattura tal-vetturi bil-mutur u l-partijiet ta’ bdil u l-aċċessorji; f’każ ta’ problemi koperti mill-garanzija tal-vettura; u f’każ ta’ proċeduri relatati mal-assistenza fit-triq. |
|
13. |
Ir-rikorrenti informat lill-manifatturi Ewropej tal-grupp General Motors (l-OEMs rispettivi) bl-ispejjeż li hija kienet sostniet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi kif ukoll tal-partijiet ta’ bdil u l-aċċessorji mmanifatturati minn dan il-grupp. Dawn l-ispejjeż kienu jinkludu l-ispejjeż ta’ tiswija tal-vetturi msemmija iktar ’il fuq kif ukoll l-ispejjeż operattivi proprji, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, tal-elettriku u tal-kummerċjalizzazzjoni. |
|
14. |
Skont l-ispejjeż ikkonstatati, kien sussegwentement isir aġġustament tal-prezz tal-vetturi mibjugħa lir-rikorrenti mill-manifatturi Ewropej tal-grupp General Motors. Dan l-aġġustament kien isir abbażi ta’ ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment tal-vetturi nnegozjati konkluż bejn il-kumpanniji tal-grupp General Motors. |
|
15. |
Dan il-ftehim kien jipprovdi: “[…] General Motors Corporation (iktar ’il quddiem ‘GM’) u s-sussidjarji tagħha GME għandhom japplikaw proċedura ta’ ffissar ta’ prezzijiet ibbażata fuq is-suq sabiex jiddeterminaw il-prezzijiet ta’ trasferiment (tal-prodotti) mibjugħa mill-unitajiet tal-manifattura ta’ GM [l-OEMs] lill-unitajiet ta’ distribuzzjoni. Il-prezzijiet […] għandhom jiġu ddeterminati billi jitnaqqas mill-prezzijiet tal-bejgħ esterni l-ammont totali tal-ispejjeż marbuta mad-distribuzzjoni u l-ammont tal-profitt operattiv fil-mira […]. Skont il-proċedura segwita mill-GME, il-prezzijiet ta’ trasferiment inizjali għandhom jiġu ddeterminati f’kull perijodu bażi abbażi ta’ marġni gross għall-prezzijiet tal-bejgħ esterni mistennija. Fi tmiem kull perijodu, il-prezz ta’ trasferiment għandu jiġi aġġustat skont il-profitt operattiv iddefinit minn qabel tal-unità ta’ distribuzzjoni sabiex il-qligħ operattiv reali tal-unità jikkorrispondi għall-profitt operattiv fil-mira […]” |
|
16. |
Il-ftehim kien jippreċiża wkoll dan li ġej: “[…] il-prezzijiet ta’ trasferiment inizjali għandhom jiġu aġġustati fi tmiem kull perijodu ta’ referenza sabiex jiġi żgurat li r-riżultati finanzjarji attwali tal-unità tad-distribuzzjoni jikkorrispondu mal-profitt operattiv miftiehem. […] Dan l-aġġustament għandu jsir fil-perijodu rilevanti, u r-rapporti finanzjarji tal-unità tal-bejgħ [OEM] iridu jirriflettu ż-żieda jew it-tnaqqis korrispondenti.” |
|
17. |
L-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ tal-vetturi kien isir permezz tal-ħruġ ta’ nota ta’ kreditu jew anki ta’ debitu mill-manifatturi Ewropej tal-grupp General Motors lir-rikorrenti. |
|
18. |
Is-Serviços de Inspeção Tributária (is-Servizzi tal-Kontroll Fiskali) tad-Direcção de Finanças de Lisboa (id-Direttorat tal-Finanzi ta’ Lisbona, il-Portugall) wettaq kontroll fiskali estern ġenerali fil-bini tar-rikorrenti relatat mas-sena finanzjarja 2006. Ir-rapport finali nħareġ fl‑10 ta’ Diċembru 2009. L-awtorità tat-taxxa kkonkludiet li t-tiswijiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-OEMs, peress li dawn huma dawk li jimmanifatturaw u/jew jimmontaw il-vetturi u l-partijiet ta’ bdil. B’hekk, dawn l-ispejjeż kollha ta’ wara l-bejgħ l-ewwel jiġu sostnuti mir-rikorrenti u mbagħad lill-OEMs rilevanti. |
|
19. |
F’dan ir-rigward, l- awtorità tat-taxxa titlaq mill-prinċipju li r-rikorrenti pprovdiet lill-OEMs provvisti ta’ servizzi ġewwa l-pajjiż, suġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 1(1)(a) tal-Kodiċi dwar il-VAT. L-ispejjeż tat-tiswijiet, tal-garanziji u tal-assistenza fit-triq indikati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward jammontaw għal total ta’ EUR 6352 516.47, li jagħti lok għal taxxa fuq il-valur miżjud ta’ ammont ta’ EUR 1334 028.47. Fit‑23 ta’ Diċembru 2009, inħarġu avviżi addizzjonali ta’ impożizzjoni tal-VAT fir-rigward tar-rikorrenti, marbuta mas-sena 2006, ta’ ammont totali ta’ EUR 1504 215.49. |
|
20. |
Jidher li dawn l-avviżi ġew ikkontestati mir-rikorrenti, iżda ġew ikkonfermati mis-sentenza tat-Tribunal Central Administrativo Sul (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tan-Nofsinhar, il-Portugall). Fis‑16 ta’ Novembru 2023, ir-rikorrenti ppreżentat appell straordinarju (recurso de revista) minn din is-sentenza. |
IV. Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari
|
21. |
Is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, previst f’dan l-artikolu, jinkludi aġġustament tal-prezz tal-bejgħ ta’ vetturi, debitament stabbilit u kkonkretizzat f’kuntratt konkluż bejn il-partijiet, bil-għan li jinkiseb marġni ta’ profitt minimu, fejn dan l-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ tal-vetturi huwa attestat permezz tal-ħruġ ta’ nota ta’ kreditu jew ta’ debitu mill-manifatturi Ewropej tal-grupp General Motors lir-rikorrenti/appellanti?” |
|
22. |
Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Stellantis Portugal, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li kien neċessarju li tinżamm seduta skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura. |
V. Evalwazzjoni legali
A. Fuq il-komprensjoni tad-domanda preliminari magħmula
|
23. |
Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija, prima facie, sorprendenti u tista’ tinftiehem, mat-tieni daqqa ta’ għajn, biss abbażi tal-pożizzjoni meħuda mill-awtorità tat-taxxa Portugiża matul il-proċedura. |
1. Provvista ta’ servizzi bi prezzijiet kemm pożittivi kif ukoll negattivi?
|
24. |
Abbażi tar-regoli interni tal-grupp, il-prezz tal-prodotti (vetturi bil-mutur u partijiet tal-bdil) mibjugħa lir-rikorrenti huwa intiż jiżgura li din tal-aħħar tikseb biss, jew tal-inqas, ċertu riżultat (rilevanti għad-dritt dwar it-taxxa fuq id-dħul) u li tiġi ntaxxata fil-Portugall. Għalhekk, il-prezzijiet tal-prodotti mibjugħa jiġu aġġustati perjodikament mill-bejjiegħ. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, dan l-aġġustament isir fiż-żewġ direzzjonijiet. Il-konsegwenza ta’ dan hija li, f’każ ta’ żieda fil-prezzijiet, ix-xerrej xorta jkollu jħallas a posteriori ammont lill-bejjiegħ, filwaqt li f’każ ta’ tnaqqis fil-prezzijiet, ix-xerrej ikun ħallas żejjed u għalhekk jirċievi rimbors. Din hija r-raġuni għaliex il-bejjiegħ joħroġ noti ta’ kreditu jew ta’ debitu korrispondenti. |
|
25. |
Matul is-sena inkwistjoni rilevanti, il-prezz tnaqqas u x-xerrej ġie rrimborsat. L-awtorità tat-taxxa issa tidher li tixtieq tqis dan ir-rimbors bħala remunerazzjoni għal servizz ipprovdut lill-bejjiegħ mix-xerrej fil-Portugall. Din hija r-raġuni għaliex il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tnaqqis fil-prezz tax-xiri ta’ provvista mwettqa mill-bejjiegħ jistax jikkostitwixxi remunerazzjoni għal servizz ipprovdut mix-xerrej lill-bejjiegħ. |
|
26. |
Insibha kemxejn diffiċli nimmaġina liema jista’ jkun is-servizz ipprovdut minn xerrej li, għal kwalunkwe raġuni, iħallas a posteriori prezz tax-xiri inqas jew ogħla ( 6 ). Ir-Repubblika Portugiża lanqas ma hija f’pożizzjoni li tispjega dan f’iktar dettall fl-osservazzjonijiet tagħha. Peress li, fil-kawża ineżami, il-prezz tax-xiri seta’ wkoll jiżdied (pereżempju, jekk ikun hemm inqas każijiet ta’ garanzija jew jekk jonqsu l-ispejjeż operattivi tax-xerrej/tar-rikorrenti), l-ipoteżi ta’ provvista ta’ servizzi indipendenti mix-xerrej issir saħansitra iktar dgħajfa. Għalhekk jidher, skont l-awtorità tat-taxxa Portugiża, li x-xerrej ipprovda lill-bejjiegħ servizz li, skont din l-istess loġika, ħallas huwa stess. |
|
27. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din hija provvista ta’ servizzi inkambju għal remunerazzjoni negattiva, li ma hijiex prevista mid-dritt tal-VAT jew li ma tipproduċix konsegwenzi fil-qasam tal-VAT għall-“fornitur tas-servizzi”. Dan jagħmel sens ukoll, peress li l-VAT, bħala taxxa ġenerali fuq il-konsum, għandha l-għan li tintaxxa l-ispiża ta’ beni ta’ konsum ( 7 ). Madankollu, jekk id-destinatarju ta’ provvista ta’ servizzi ma jsostnix spiża, iżda minflok jirċievi flus, il-piż tal-VAT ma japplikax. Konsegwentement, il-fatt li x-xerrej ta’ beni, skont iċ-ċirkustanzi previsti mill-kuntratt, għandu jħallas a posteriori bejn wieħed u ieħor għal kunsinna, jimmilita b’mod ċar kontra l-provvista ta’ servizzi mix-xerrej u, għall-kuntrarju, jimmilita favur aġġustament tal-korrispettiv tal-provvista diġà mwettqa. |
2. Inkarigu tal-ispejjeż bħala provvista ta’ servizz?
|
28. |
L-awtorità tat-taxxa Portugiża tidher li tikkunsidra li l-inkarigu tal-ispejjeż ta’ garanzija għall-vetturi “b’difetti” mixtrija u mibjugħa mill-ġdid mir-rikorrenti jikkostitwixxi servizz ipprovdut lill-bejjiegħ tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, il-karozzi difettużi jissewwew mill-aħħar bejjiegħ bi spejjeż tiegħu stess (il-konċessjonarju tal-vetturi fi tmiem il-katina tal-provvista), iżda dawn l-ispejjeż huma sussegwentement iffatturati lir-rikorrenti. Din tal-aħħar tbati l-ispejjeż tal-garanzija, iżda dawn huma, sa ċertu punt, diġà meħuda inkunsiderazzjoni fil-prezz tax-xiri tagħha. Huwa biss meta dawn ikunu ogħla milli previst (u meta ma jintlaħaqx iktar ir-riżultat previst mil-leġiżlazzjoni fiskali dwar id-dħul) li l-prezz tax-xiri tal-beni jitnaqqas. |
|
29. |
Madankollu, huwa pjuttost ċar mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT li s-sempliċi inkarigu tal-ispejjeż ma jistax jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi. Id-dritt tal-VAT ma jintaxxax il-ħlasijiet bħala tali. Ħlas (u għalhekk ukoll rimbors tal-ispejjeż sostnuti) huwa rilevanti biss, għall-finijiet tad-dritt tal-VAT, meta jsir “għal” provvista ta’ servizzi. Huwa għalhekk li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jindika li jkun hemm tranżazzjoni taxxabbli biss meta provvista ta’ servizzi titwettaq bi ħlas. Mill-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta wkoll li huma biss il-ħlasijiet irċevuti mill-fornitur għal tranżazzjonijiet li huma rilevanti. |
|
30. |
Il-fatt li r-rikorrenti ssostni, inizjalment, l-ispejjeż tat-tiswija tal-prodotti li hija tbigħ u li dawn l-ispejjeż (minbarra spejjeż oħra – kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni) jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet tal-prodott mixtri għalhekk ma jfissirx li hija b’hekk tipprovdi xi servizz lil terz. F’dan ir-rigward, hija pjuttost tissodisfa l-obbligi ta’ bejgħ tagħha stess fil-konfront tax-xerrej tagħha, espost huwa stess għall-pretensjonijiet ta’ garanzija tal-klijenti tiegħu (tal-klijenti finali). |
3. Rilevanza tad-dritt tal-VAT fir-rigward ta’ tqassim tal-profitti?
|
31. |
Fl-aħħar mill-aħħar, l-aġġustament tal-prezz tax-xiri jservi fil-kawża ineżami “biss” sabiex jitqassmu l-profitti ta’ kumpannija relatata ma’ kumpannija relatata oħra. Dan huwa, bħala prinċipju, irrilevanti għall-finijiet tad-dritt tal-VAT. It-tqassim tal-profitti ma jsirx għal attività ekonomika (provvista ta’ kunsinna jew ta’ servizzi), iżda biss minħabba l-parteċipazzjoni f’attività ekonomika esterna. Anki jekk holding dominanti ma titqiesx li hija persuna taxxabbli minkejja li tirċievi dividendi li jammontaw għal miljuni ( 8 ), l-aġġustamenti tal-profitti fil-kuntest ta’ aġġustament a posteriori tal-prezzijiet ta’ trasferiment bl-istess mod diffiċilment jistgħu jkunu rilevanti. L-aġġustament tal-profitti abbażi tat-taxxa fuq id-dħul, bħala prinċipju, ma huwiex relatat mad-dritt tal-VAT u għalhekk ma jikkostitwixxix ir-remunerazzjoni mħallsa bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi, indipendentement mill-fornitur tagħha. |
4. Konklużjoni intermedjarja
|
32. |
Għalhekk, l-aġġustament tal-korrispettiv ta’ provvista, imsemmi espressament fid-domanda, qatt ma jista’ jikkostitwixxi fih innifsu provvista ta’ servizzi. |
|
33. |
Jekk id-domanda titqies letteralment, din tista’ tingħata risposta malajr ħafna. Is-sempliċi aġġustament (’il fuq jew ’l isfel) ta’ prezz tal-bejgħ għal provvista bħala prinċipju qatt ma jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. |
B. Fuq id-domanda preliminari proprja: il-konsegwenzi ta’ aġġustament tal-prezz immotivat mid-dritt dwar it-taxxa fuq id-dħul
|
34. |
Madankollu, jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi eżaminata f’iktar dettall, hija tqajjem il-kwistjoni dommatika tal-konsegwenzi, għall-finijiet tad-dritt tal-VAT, ta’ aġġustament tal-prezzijiet ta’ trasferiment immotivat mit-taxxa fuq id-dħul. Fuq eżami mill-qrib, din id-domanda diġà saret lill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża oħra (fil-kawża Acromet Towercranes ( 9 )), mingħajr madankollu ma ngħatat risposta eżawrjenti f’dak il-każ. |
|
35. |
F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rriformulat id-domanda, li kienet ġiet korrettament magħmula u li kienet diffiċli li tingħata risposta għaliha, b’tali mod li rrendiet faċli li tingħata risposta għaliha. Huwa dubjuż kemm din ir-risposta relattivament sempliċi, kienet ukoll risposta utli. Huwa għalhekk li ser nieħu l-opportunità fil-kawża ineżami u ser nifformula mill-ġdid domanda li hija sempliċi li tingħata risposta għaliha b’mod li l-problema sottostanti tkun ċara u tkun tista’ tiġi solvuta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssolvix il-problema fil-kawża ineżami, is-soluzzjoni tal-problema tiġi biss iddifferita. Għalhekk, l-inċertezzi diġà mqajma fil-prattika mis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq jibqgħu jippersistu. |
|
36. |
Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif l-aġġustamenti ta’ prezz tal-bejgħ miftiehem bejn żewġ kumpanniji tal-istess grupp (imsejħa wkoll prezzijiet ta’ trasferiment għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul) għandhom jiġu ttrattati għall-finijiet tal-VAT meta dan l-aġġustament tal-prezzijiet iservi prinċipalment sabiex jitqassam b’mod xieraq il-profitt bejn iż-żewġ kumpanniji relatati (fis-sens tad-dritt dwar it-taxxa fuq id-dħul). |
|
37. |
Bħala regola ġenerali, it-tqassim tal-profitti previst mill-kuntratt għandu l-għan li jevita li, għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, l-awtorità tat-taxxa twettaq aġġustament a posteriori tal-prezzijiet ta’ trasferiment minħabba l-fatt li l-prinċipju ta’ distakkament possibbilment seta’ ma ġiex osservat, b’tali mod li kumpannija waħda (ġeneralment dik f’pajjiż b’tassazzjoni baxxa) iġġenerat, għall-finijiet tal-awtorità tat-taxxa (ġeneralment dik f’pajjiż b’tassazzjoni għolja), profitti għoljin wisq li fir-realtà kienu ġġenerati u taxxabbli fil-pajjiż l-ieħor (pereżempju, fil-pajjiż ta’ tassazzjoni għolja). |
|
38. |
L-Avukat Ġenerali Richard de la Tour, li, kuntrarjament għall-Qorti tal-Ġustizzja, qajjem il-kwistjoni delikata fil-proċedura ċċitata iktar ’il fuq għandu jaqbel f’dan ir-rigward fuq il-fatt li, għall-finijiet tad-dritt tal-VAT, regoli jew kriterji fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul ma jistgħux ikunu determinanti ( 10 ). Il-punt deċiżiv huwa jekk il-kundizzjonijiet għal tranżazzjoni taxxabbli (u suġġetta għall-VAT) (Artikolu‑2(1) tad-Direttiva dwar il-VAT) humiex issodisfatti meta l-prezzijiet ta’ trasferiment jiġu aġġustati a posteriori. |
|
39. |
Madankollu, kuntrarjament għall-Avukat Ġenerali Richard de la Tour ( 11 ), inqis li huwa kompletament possibbli u anki neċessarju li tingħata risposta ta’ prinċipju għad-domanda dwar liema inhuma l-konsegwenzi, fil-qasam tal-VAT, tal-aġġustament tal-prezzijiet ta’ trasferiment immotivat mit-taxxa fuq id-dħul. Minkejja r-realtà kumplessa ta’ qasam ġuridiku sistematiku bħad-dritt tal-VAT, ma hemmx neċessarjament lok li dan jiġi deċiż mill-ġdid kull darba każ b’każ. |
|
40. |
Fil-fatt, jeżistu ċerti sitwazzjonijiet fejn aġġustament tal-prezz ta’ trasferiment f’ċirkustanzi simili jwassal għal konsegwenzi għall-finijiet tal-VAT, u oħrajn fejn dan ma huwiex il-każ. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jiġu distinti wkoll minn xulxin, mingħajr ma tiġi invokata n-natura eżawrjenti. |
C. Fuq id-domanda preliminari fformulata mill-ġdid
|
41. |
F’dan ir-rigward, id-domanda fformulata mill-ġdid u li għandha tingħata risposta għaliha hija fformulata kif ġej: “Aġġustament tal-korrispettiv ta’ kunsinna fi ħdan grupp, immotivat fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, għandu jitqies bħala bidla sostanzjali tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT fis-sens tal-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT jew bħala l-ammont taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi awtonoma min-naħa tal-persuna li tibbenefika mill-bidla fil-prezz ta’ trasferiment jew għandu jitqies sempliċement bħala aġġustament tal-profitt bejn żewġ kumpanniji tal-grupp li huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ VAT?” |
|
42. |
F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi sitwazzjonijiet. B’hekk, huwa konċepibbli li l-persuna taxxabbli tipprovdi servizzi jew kunsinni awtonomi bl-għan li jiġi ġġenerat dħul u nfiq, li b’hekk jinfluwenzaw il-profitti kif mixtieq. Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat din is-sitwazzjoni fil-kawża Acromet Towercranes ( 12 ). Madankollu, huwa wkoll possibbli li l-partijiet jiffatturaw xi provvista biss fuq il-karta sabiex jorjentaw il-profitti b’mod korrispondenti. Ħafna drabi dawn huma ftehimiet li jippermettu aġġustament fiż-żewġ direzzjonijiet, peress li huwa diffiċli li tiġi kkonċepita provvista ta’ servizzi minn tal-inqas f’direzzjoni waħda (ara f’dan ir-rigward, is-Sezzjoni C.1. iktar ’il quddiem). |
|
43. |
Madankollu, huwa konċepibbli wkoll li l-awtorità tat-taxxa (pereżempju għaxar snin wara fil-kuntest ta’ awditjar fiskali) taġġusta l-prezzijiet ta’ trasferiment għal allokazzjoni xieraqa tal-profitti, li ħafna drabi mingħajr ma jkun fluss ta’ ħlas veru, iwassal finalment għal żieda (fittizja) tal-profitti minn naħa (u, effettivament, għal żieda fittizja fl-ispejjeż u għalhekk għal tnaqqis fil-profitti fuq in-naħa l-oħra) (ara, f’dan ir-rigward, is-Sezzjoni C.2. iktar ’il quddiem). Madankollu, huwa konċepibbli wkoll li l-prezz tax-xiri eżistenti jiġi aġġustat a posteriori abbażi ta’ ċerti varjabbli li kienu għadhom miftuħa meta ġie ffissat il-prezz tax-xiri oriġinali (ara, f’dan ir-rigward, is-Sezzjoni C.3. iktar ’il quddiem). |
1. Provvista ta’ servizzi awtonoma intiża sabiex tiġġenera nfiq u dħul jew fatturazzjoni fittizja ta’ servizzi fittizji intiżi sabiex jikkoreġu l-profitti?
|
44. |
Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, hija suġġetta b’mod partikolari għat-taxxa fuq il-valur miżjud “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”. |
|
45. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, provvista ta’ servizzi titwettaq biss “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, u għalhekk hija suġġetta għall-VAT biss meta jkun hemm relazzjoni legali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju li fl-ambitu tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jiġbor il-fornitur tkun tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv għas-servizz ipprovdut lir-riċevitur ( 13 ). F’dan ir-rigward, kif jirriżulta wkoll ġustament mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-relazzjoni ġuridika neċessarja għandha tinftiehem b’mod wiesa’ ( 14 ). |
|
46. |
Meta s-servizz li għandu jiġi pprovdut u l-korrispettiv li għandu jitħallas għalih jirriżultaw minn kuntratt sottostanti, jista’, bħala prinċipju, jitqies li teżisti tali relazzjoni ġuridika. Dan jidher li huwa l-punt tat-tluq korrett tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ) u tal-Avukat Ġenerali ( 16 ) fil-kawża Acromet Towercranes. Jekk ikun effettivament ġie miftiehem korrispettiv għal servizz ipprovdut, bil-kundizzjoni ta’ kisba jew ta’ nuqqas ta’ kisba ta’ riżultat ta’ profitt korrispondenti, ikun hemm (fil-mument li fih tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni korrispondenti) provvista ta’ servizzi bi ħlas rilevanti għall-finijiet tal-VAT. |
|
47. |
Fil-kawża ineżami, ma hemm lanqas kuntratt li abbażi tiegħu servizz ipprovdut mix-xerrej (ir-rikorrenti) lill-bejjiegħ (OEM) jista’ jiġi ġġustifikat b’mod jew ieħor. Minn naħa, ir-rikorrenti sempliċement tixtri karozzi u tbigħhom mill-ġdid. Dan il-bejgħ mill-ġdid jinvolvi wkoll it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tal-garanzija. Min-naħa l-oħra, l-ipoteżi tal-awtorità tat-taxxa, li r-rikorrenti tipprovdi servizzi fil-forma ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ implimentazzjoni tal-garanzija favur il-bejjiegħ tagħha u għalhekk bi ħlas li jirriżulta mill-aġġustament tal-prezz, ma jkollha ebda sens jekk il-profitt tar-rikorrenti jkun ogħla mill-firxa prevista. Fil-fatt, fil-każ ta’ spejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni iktar baxxi jew ta’ spejjeż ta’ garanzija iktar baxxi, ir-rikorrenti xorta jkollha tħallas xi ħaġa lill-bejjiegħ għall-provvista ta’ servizzi tagħha stess. Dan ma huwiex realistiku. |
|
48. |
Li kieku arranġament bħal dan kien ġie miftiehem kuntrattwalment, dan ikun pjuttost jimmilita favur provvista ta’ servizzi fittizja, b’tali mod li tali kuntratt ikun ġustament ( 17 ) irrilevanti għall-finijiet tal-impożizzjoni tal-VAT fuq l-infiq sostnut ta’ oġġett ta’ konsum. Madankollu, fil-kawża ineżami, tali arranġament lanqas ma kien is-suġġett ta’ ftehim kuntrattwali, iżda provvista ta’ servizzi hija sempliċement allegata mill-awtorità tat-taxxa. |
2. Aġġustament retroattiv tal-prezzijiet ta’ trasferiment mill-awtorità tat-taxxa għall-finijiet tal-aġġustament tal-profitt
|
49. |
Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti meta aġġustament tal-prezzijiet ta’ trasferiment, ordnat mill-awtorità tat-taxxa (u għalhekk unilaterali), isir bl-għan li l-profitti jitqassmu b’mod ġust bejn il-kumpanniji (bir-riżultat li ħafna drabi dan ikun bejn Stati differenti). |
|
50. |
Sakemm dan iseħħ biss fil-kuntest tat-tassazzjoni fuq id-dħul tal-kumpannija X fl-Istat Membru A, din tikkostitwixxi finzjoni pura. Għal raġunijiet li jaqgħu taħt id-dritt tat-taxxa fuq id-dħul, il-profitt jiżdied debitament. Il-kwistjoni dwar jekk, fl-Istat B l-ieħor, il-profitt tal-kumpannija Y jitnaqqasx (loġikament dan għandu jsir) hija kwistjoni kompletament differenti. Fil-fatt, peress li l-Istat l-ieħor jista’ jkollu interpretazzjonijiet oħra dwar il-prezz ta’ trasferiment korrett u li, kif indikajt iktar ’il fuq, ma jeżistix prezz ta’ trasferiment uniku, dan ma huwiex neċessarjament il-każ. Dan jista’ jiġi deskritt bħala dilemma fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, li fir-rigward tagħha ġew żviluppati b’mod partikolari l-proċeduri ta’ ftehim reċiproku ( 18 ). |
|
51. |
B’kuntrast, id-dritt tal-VAT jitlaq mill-prinċipju li aġġustament tal-prezz (il-korrispettiv) dejjem jipproduċi l-istess effetti fuq iż-żewġ naħat. Għalhekk, id-dejn fiskali tal-fornitur jitnaqqas jew jiżdied (Artikoli 90 u 73 tad-Direttiva dwar il-VAT), filwaqt li t-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa tar-riċevitur jiżdied jew jonqos b’mod korrispondenti (Artikolu 186 tad-Direttiva dwar il-VAT). F’dan ir-rigward, u dan huwa dak li jiddistingwi d-dritt tal-VAT mid-dritt dwar it-taxxa fuq id-dħul, ma huwiex il-valur oġġettiv ta’ provvista li huwa determinanti, iżda l-valur maqbul mill-partijiet, kif enfasizzat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja għal darba oħra ( 19 ). |
|
52. |
Huwa għalhekk li d-Dokument ta’ Ħidma Nru 923 tal-Kumitat tal-VAT ġustament jindika dan li ġej: “Teżisti tensjoni bejn ir-regoli fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment stabbiliti għall-finijiet tat-tassazzjoni diretta li, abbażi tal-prinċipju ta’ distakkament, huma intiżi li jwasslu għall-evalwazzjoni ta’ distakkament ta’ tranżazzjoni (jiġifieri l-valur normali) u r-regoli tal-VAT, ġeneralment ibbażati fuq l-eżistenza ta’ provvista bi ħlas, fejn il-korrispettiv huwa kkunsidrat bħala valur oġġettiv (jiġifieri l-prezz effettivament imħallas” ( 20 ). |
|
53. |
L-interpretazzjoni tal-awtorità tat-taxxa tal-iffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment korrett jista’ għalhekk ikollha konsegwenzi għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul u, bħala prinċipju, ma għandhiex konsegwenzi għall-finijiet tal-VAT. Fil-kawża ineżami, l-interpretazzjonijiet tal-partijiet dwar l-ammont tal-korrispettiv jibqgħu determinanti. |
|
54. |
Id-dikjarazzjonijiet kompletament korretti tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-VAT jirrigwardaw ukoll dawn l-interpretazzjonijiet. Skont din id-dispożizzjoni, tali aġġustamenti tal-prezzijiet ta’ trasferiment ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT ( 21 ). Madankollu, il-Grupp ta’ Esperti dwar il-VAT jippreċiża, f’dan ir-rigward, li għandha ssir distinzjoni bejn il-każijiet li fihom l-aġġustament huwa previst kuntrattwalment u li, jekk ikun hemm aġġustament għall-kunsinni preċedenti, dan għandu jwassal għal rettifika tal-bażi taxxabbli ( 22 ). |
|
55. |
Madankollu, jekk għal raġunijiet li jaqgħu taħt id-dritt tat-taxxa fuq id-dħul, l-awtorità tat-taxxa żżid (jew tnaqqas ukoll) unilateralment il-profitt (fl-aħħar mill-aħħar b’mod fittizju), din ma tkunx bidla fil-korrispettiv miftiehem bejn il-kumpanniji kkonċernati. Għalhekk, dan ma jbiddel fundamentalment xejn mis-servizzi diġà pprovduti għall-ħlas miftiehem (ara l-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT), u lanqas ma jaffettwa l-ammont ta’ VAT dovuta u diġà mħallsa. Madankollu, fil-kawża ineżami, ma jidhirx li hemm sitwazzjoni bħal din. |
3. Aġġustament a posteriori ta’ prezz indeterminat iżda determinabbli (varjabbli)
|
56. |
Il-kawża ineżami pjuttost tikkonċerna l-aġġustament a posteriori ta’ prezz għall-vetturi kkunsinnati li, fil-mument tal-ftehim kien għadu indeterminat u għalhekk indikat bi prezz ta’ riferiment, iżda li seta’ jvarja ’l fuq jew ’l isfel skont l-evoluzzjoni ta’ parametri differenti. Għalhekk wieħed jista’ tabilħaqq jitkellem dwar prezz indeterminat iżda determinabbli (varjabbli). Skont il-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju, il-parametri determinanti huma l-ispejjeż sostnuti mix-xerrej (ir-rikorrenti) (spejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni proprji u spejjeż ta’ garanzija mħallsa) għall-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi mmanifatturati minn General Motors u mixtrija minnha. |
|
57. |
Fi tmiem kull perijodu, sar aġġustament tal-prezz ta’ trasferiment skont il-profitt operattiv iddefinit minn qabel tal-entità ta’ kummerċjalizzazzjoni (fil-kawża ineżami, tar-rikorrenti), sabiex il-profitt operattiv reali tar-rikorrenti jikkorrispondi wkoll għall-profitt operattiv mistenni. |
|
58. |
Dan il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz tal-bejgħ bejn l-OEMs u r-rikorrenti ppermetta li jiġi żgurat li r-rikorrenti żammet il-profitt allokat lilha fi ħdan il-grupp, iżda la iktar u lanqas inqas. Dan il-profitt allokat jiddependi fuq il-varjabbli (l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni proprji u l-ispejjeż tal-garanzija mħallsa) li ġew imnaqqsa a posteriori fuq kull oġġett ta’ konsum mixtri. Skont l-evoluzzjoni tal-varjabbli, il-prezz tax-xiri żdied jew naqas a posteriori. |
|
59. |
Għal tali sitwazzjonijiet, fid-direttiva hemm dispożizzjonijiet analogi li jirregolaw il-konsegwenzi fil-qasam tal-VAT. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li jinħolqu servizzi fittizji lil hinn mill-kunsinni magħmula, speċjalment meta dawn jistgħu jwasslu għal prezz negattiv. |
|
60. |
L-Artikolu 90 tad-Direttiva dwar il-VAT espressament jipprovdi li, fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz wara li t-tranżazzjoni tkun saret, il-bażi taxxabbli għandha titnaqqas skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri. Fil-kawża ineżami, dan huwa l-ammont taxxabbli tal-provvista lir-rikorrenti. Fl-istess ħin, l-Artikolu 73 tad-Direttiva dwar il-VAT ikopri żidiet a posteriori fil-prezz, peress li, skont din id-dispożizzjoni, l-ammont taxxabbli tal-kunsinna tal-bejjiegħ huwa fl-aħħar mill-aħħar dak kollu li l-bejjiegħ jirċievi għall-provvista tiegħu. Dan neċessarjament jinkludi żidiet a posteriori fil-prezzijiet. |
|
61. |
Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet juru b’mod ċar li bidliet fil-prezz konkret ta’ kunsinna jbiddlu l-ammont taxxabbli ta’ din il-kunsinna. Jekk dan huwa l-każ, tali bidla tal-ammont taxxabbli ma tistax fl-istess ħin tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi. Għalhekk, aġġustament a posteriori tal-prezz għandha impatt biss fuq l-ammont taxxabbli tat-tranżazzjoni sottostanti. |
|
62. |
F’sitwazzjonijiet oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha teżamina l-effetti ta’ tibdil fil-prezz a posteriori u dejjem qieset f’dan ir-rigward in-nuqqas tal-eżistenza ta’ servizz (fittizju) “permezz tal-aġġustament tal-kuntratt”. Għalhekk, fid-dritt doganali jqumu kwistjonijiet simili meta l-valur doganali jiġi aġġustat a posteriori. Filwaqt li fil-kawża Hamamatsu ( 23 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li aġġustament ġenerali tal-prezzijiet ta’ trasferiment mingħajr riferiment konkret għall-aġġustamenti li jikkonċernaw merkanzija importata individwalment kien jikkostitwixxi bidla mhux prevista li ma tipproduċix effetti doganali, fil-kawża Tauritus ( 24 ), hija qieset li l-bidla kuntrattwali a posteriori ta’ prezz tal-bejgħ indefinit, iżda determinabbli (varjabbli) ta’ merkanzija individwali hija rilevanti għall-finijiet tad-dritt doganali. Dan jikkorrispondi għad-distinzjoni proposta fil-kawża ineżami skont il-modalitajiet rispettivi tal-aġġustament ta’ prezz ta’ trasferiment. |
|
63. |
Fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Acromet Towercranes ( 25 ) ma tipprekludix din il-konklużjoni fil-kawża ineżami. Minn naħa, dik il-kawża ma kinitx tikkonċerna l-aġġustament ta’ prezz ta’ trasferiment, iżda l-ipoteżi ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas jekk il-profitt kien għoli jew baxx wisq. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-riżultat kienx verament konvinċenti f’dan il-każ partikolari jew jekk, għall-kuntrarju, kienx hemm fatturazzjoni għal servizzi fittizji, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar mill-aħħar iddeċidiet li jkun hemm provvista ta’ servizzi bi ħlas meta l-partijiet ikunu ftiehmu kuntrattwalment dwar provvista ta’ servizzi bi ħlas, billi preżumibbilment qieset li s-servizz effettivament ġie pprovdut. |
VI. Konklużjoni
|
64. |
Għalhekk, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) għandha tkun kif ġej: “L-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 73 u l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rilevanza, għall-finijiet tal-VAT, ta’ aġġustament tal-profitti mmotivat mit-taxxa fuq id-dħul tiddependi minn dak li huwa marbut ma’ tali aġġustament u mill-mod kif dan iseħħ. Meta l-aġġustament tal-profitti jsir permezz ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas awtonoma (ħolqien ta’ nfiq u ta’ dħul) u meta ma jkunx hemm biss provvisti ta’ servizzi fittizji, dawn il-provvisti ta’ servizzi bi ħlas awtonomi jikkostitwixxu tranżazzjonijiet taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112/KE. Meta l-aġġustament tal-profitti jsir unilateralment u retroattivament mill-awtorità tat-taxxa għall-finijiet biss ta’ allokazzjoni xierqa tal-profitti bejn żewġ Stati ta’ impożizzjoni, dan ma jkunx, fil-prinċipju, rilevanti għall-finijiet tal-VAT. B’kuntrast, jekk, bħal fil-kawża ineżami, l-aġġustament tal-profitti jsir permezz ta’ prezz tal-bejgħ previst preċiżament għal dan l-għan u l-ammont miftiehem tiegħu jkun varjabbli, u jkun jirrigwarda provvista ta’ beni konkreta, dan jikkostitwixxi tnaqqis tal-ammont taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 90 jew ta’ parti oħra tal-ammont taxxabbli skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-provvista mwettqa. Peress li l-bidla tal-ammont taxxabbli ta’ provvista tirrigwarda biss il-korrispettiv (ir-remunerazzjoni), hija ma tistax tikkostitwixxi fiha nnifisha ‘provvista ta’ servizzi bi ħlas’ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112/KE”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Ara wkoll dwar dan is-suġġett Echevarria, Gorka, The interplay between transfer pricing and Value Added tax: Recent Case Law, f’EC Tax Review 2025/5, p. 201 (207 et seq).
( 3 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:646).
( 4 ) Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).
( 5 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).
( 6 ) Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti kieku r-rikorrenti kienet ipprovdiet servizz bi ħlas u mbagħad paċietu mal-ammont dovut relatat mal-prezz tax-xiri. Madankollu, minn naħa, skont il-fatti kkomunikati, dan ma seħħx fil-kawża ineżami u, min-naħa l-oħra, dan qatt ma jwassal għal prezz tal-bejgħ ogħla. Għadaqstant, din il-possibbiltà tista’ tiġi eskluża fil-kawża ineżami.
( 7 ) Ara, f’dan ir-rigward, f’iktar dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Zlakov (C‑744/23, EU:C:2025:332, punti 39 et seq).
( 8 ) Dan huwa minn tal-inqas dak li ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja – ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 1991, Polysar Investments Netherlands (C‑60/90, EU:C:1991:268, punt 13); ara wkoll is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2022, Finanzamt R (Tnaqqis tal-VAT marbut ma’ kontribuzzjoni ta’ soċju) (C‑98/21, EU:C:2022:645, punti 41 et seq.), tat‑8 ta’ Novembru 2018, C&D Foods Acquisition (C‑502/17, EU:C:2018:888, punti 30 et seq), u tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Ryanair (C‑249/17, EU:C:2018:834, punti 16 et seq.). Madankollu, dan ma huwiex kompletament konvinċenti u għalhekk ma huwiex nieqes mill-kontroversja – ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Högkullen (C‑808/23, EU:C:2025:149, punti 32 et seq.).
( 9 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:646).
( 10 ) Konklużjonijiet fil-kawża Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:244, punt 38).
( 11 ) Konklużjonijiet fil-kawża Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:244, punt 32)
( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:646).
( 13 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Credidam (C‑179/23, EU:C:2024:571, punt 36), tal‑15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA (C‑846/19, EU:C:2021:277, punt 36), u tat‑3 ta’ Marzu 1994, Tolsma (C‑16/93, EU:C:1994:80, punt 14).
( 14 ) Sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen (C‑677/21, EU:C:2023:348, punt 31).
( 15 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:646, punti 35 u 36).
( 16 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:244, punti 41 et seq.).
( 17 ) Konklużjoni possibbilment differenti fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:646, punt 48), u fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:244, punt 48), li madankollu ma indirizzawx l-argument oppost fid-dawl tal-fatti inkwistjoni.
( 18 ) Fil-frattemp, ġiet introdotta għal dan il-għan id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/1852 tal‑10 ta’ Ottubru 2017 dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Taxxa fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2017 L 265, p. 1). Madankollu, din tkopri biss il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-interpretazzjoni u mill-applikazzjoni tal-ftehimiet u tal-konvenzjonijiet li jipprevedu l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja fuq id-dħul u, jekk ikun il-każ, fuq il-kapital.
( 19 ) Sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, Högkullen (C‑808/23, EU:C:2025:516, punt 21), li tirreferi għas-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Amper Metal (C‑334/20, EU:C:2021:961, punt 28), u sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Tulică u Plavoşin (C‑249/12 u C‑250/12, EU:C:2013:722, punt 33).
( 20 ) Ara d-Dokument ta’ Ħidma Nru 923 tal-Kumitat Konsultattiv tat-Taxxa dwar il-Valur Miżjud (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-VAT” (Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DG TAXUD)), taxud.c.1[2016]1280928 – EN fil-punt 3.4 (p. 23) [traduzzjoni libera].
( 21 ) Ara d-Dokument ta’ Ħidma Nru 071 REV2 tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-VAT, taxud.c.1(2018)2326098 – EN, p. 2.
( 22 ) Ara l-punt 2.2.2.2 (p. 8) tad-Dokument ta’ Ħidma Nru 071 REV2 tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-VAT, taxud.c.1 (2018) 2326098.
( 23 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Hamamatsu Photonics Deutschland (C‑529/16, EU:C:2017:984, punt 18 u punti 31 et seq.).
( 24 ) Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2025, Tauritus (C‑782/23, EU:C:2025:353, punti 60 u 61).
( 25 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, Arcomet Towercranes (C‑726/23, EU:C:2025:646).