Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
NORKUS
ippreżentati fil‑15 ta’ Jannar 2026 (1)
Kawża C‑560/24 [Besthame] (i)
R.S.
vs
Minister for Justice
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni – Dritt ta’ residenza dderivat – Naturalizzazzjoni ulterjuri tal-membru tal‑familja – Artikolu 35 – Frodi jew abbuż ta’ dritt u/jew żwieġ ta’ konvenjenza”
I. Introduzzjoni
1. Il-kwistjoni legali li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jqajjem hija s-segwenti: l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jinvestigaw u, jekk ikun il-każ, jistabbilixxu jew jikkonkludu li persuna li fil-passat ibbenefikat minn dritt ta’ residenza dderivat bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, skont id-Direttiva 2004/38/KE (2), wettqet abbuż ta’ dritt jew frodi, anki meta din il-persuna kisbet, sadattant, iċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru u li r-residenza tagħha fl-imsemmi Stat Membru għalhekk ma għadhiex ibbażata fuq din id‑direttiva?
2. Din id-domanda saret mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l‑Irlanda) fil-qafas ta’ kawża bejn R.S. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent fil‑kawża prinċipali”), ċittadin Irlandiż naturalizzat, u l-Minister for Justice (il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Minister for Justice”) dwar il-konstatazzjoni, magħmula minn dan tal-aħħar, li qabel il-kisba taċ-ċittadinanza Irlandiża, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, dak iż-żmien ċittadin ta’ pajjiż terz, kien daħal fi żwieġ ta’ konvenjenza ma’ ċittadina tal-Unjoni u kien ta informazzjoni żbaljata jew qarrieqa sabiex jikseb karta ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal‑Unjoni.
3. L-eżami tal-kwistjoni twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti, għat-tieni darba, interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà semmiet l-abbuż ta’ dritt jew il-frodi b’mod partikolari fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-moviment liberu tal‑persuni (3), l-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari għal interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu hija dik li wasslet għas-sentenza McCarthy et (4). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jissuġġetta d-dritt ta’ dħul ta’ ċittadin ta’ Stat terz għall-kisba minn qabel ta’ visa, meta dan ikun detentur ta’ karta ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Hija spjegat li dan l-artikolu ma jippermettix miżuri li jipprekludu, filwaqt li jsegwu għan ta’ prevenzjoni ġenerali, lill-membri tal-familja milli jidħlu mingħajr visa fit-territorju ta’ Stat (5).
4. Min-naħa l-oħra, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l‑okkażjoni li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38 minn perspettiva differenti. L-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma tirrigwardax abbuż ta’ dritt li għandu jiġi stabbilit bħala tali, iżda pjuttost il-kapaċità ta’ din id-direttiva li tistabbilixxi l-abbuż, kif ukoll il-konsegwenzi legali li għandhom jiġu misluta mill-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dan l-abbuż, kommess fil‑passat u stabbilit b’mod finali mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet l‑eżistenza ta’ żwieġ ta’ konvenjenza, u l-klassifikazzjoni taż-żwieġ għalhekk ma kinitx parti minn din il-kawża.
5. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il‑kwistjoni jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 huwiex applikabbli meta l‑persuna kkonċernata ma għadhiex “benefiċjarju”, fis-sens tal‑imsemmija direttiva, fl-Istat Membru ospitanti tad-drittijiet mogħtija minnha u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti li jinvestigaw l-eżistenza ta’ żwieġ ta’ konvenjenza u li jikkonstataw l-eżistenza tiegħu, mingħajr ma jiġu misluta konsegwenzi legali immedjati oħra.
6. F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis li s-sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ma għadhiex “benefiċjarju”, bis-saħħa tad-Direttiva 2004/38, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
7. Fil-qafas ta’ dawn il-konklużjonijiet, nirreferi għall-premessi 25 u 28 tad-Direttiva 2004/38 u għall-punt 1 u għall-punt 2(a) tal-Artikolu 2, l‑Artikolu 3(1), l-Artikolu 15(1) u (3), l-Artikolu 30(1) u (3), l‑Artikolu 31(1) u (3), l-Artikolu 35, u l-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva.
B. Id-dritt Irlandiż
8. Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż permezz tal‑European Communities (Free Movement of Persons) Regulations 2015 (S.I. No 548 of 2015) (ir-Regolament tal-2015 Relatat mal‑Komunitajiet Ewropej (Moviment liberu tal-persuni) (S.I. Nru 548 tal‑2015), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2015”).
9. L-Artikolu 27 tar-Regolament tal‑2015, intitolat “Terminazzjoni tad-drittijiet”, jistipula, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:
“(1) Il-Ministru jista’ jirrevoka, jirrifjuta li jipproċessa jew jirrifjuta li jagħti, skont il-każ, kwalunkwe wieħed mill-elementi li ġejjin meta jiddeċiedi, skont dan l-artikolu, li d-dritt jew, skont il-każ, l-istatus ikkonċernat ikun qiegħed jintalab abbażi ta’ frodi jew abbuż ta’ dritt: [...]
(b) karta ta’ residenza [...]
(2) Meta l-Ministru jissuspetta, abbażi ta’ raġunijiet raġonevoli, li dritt jew status li jinvolvi li persuna tiġi ttrattata bħala membru tal-familja awtorizzat, mogħti permezz ta’ dan ir-regolament, huwa mitlub jew inkiseb abbażi ta’ frodi jew ta’ abbuż ta’ dritt, il-Ministru għandu d-dritt li jitlob id-dettalji u jikseb l-informazzjoni raġonevolment neċessarja sabiex jinvestiga dwar il-kwistjoni.
[...]
(4) F’dan l-artikolu, l-“abbuż ta’ dritt” jinkludi b’mod partikolari żwieġ ta’ konvenjenza [...]”
10. L-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Żwieġ ta’ konvenjenza”, jistipula:
“(1) Il-Ministru jista’, meta jipproċedi sabiex jiddeċiedi dwar kwalunkwe kwistjoni rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, ma jieħux inkunsiderazzjoni żwieġ partikolari bħala fattur li għandu effett fuq din id-deċiżjoni meta l-Ministru jikkunsidra jew jistabbilixxi li dan iż-żwieġ huwa żwieġ ta’ konvenjenza.
(2) Fejn il-Ministru, meta jieħu inkunsiderazzjoni żwieġ sabiex jipproċedi b’deċiżjoni dwar kwalunkwe kwistjoni rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, għandu raġunijiet raġonevoli sabiex iqis li ż-żwieġ huwa żwieġ ta’ konvenjenza, jista’ jindirizza lill-partijiet fiż-żwieġ b’notifika li titlob lill-persuni kkonċernati jagħtu, fit-terminu stabbilit fl-imsemmija notifika, l-informazzjoni raġonevolment neċessarja, bil‑miktub jew fiżikament, sabiex tikkonvinċi lill-Ministru li ż-żwieġ ma huwiex żwieġ ta’ konvenjenza.”
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
11. R.S., imwieled f’pajjiż terz, daħal fl-Irlanda matul is-sena 2002 peress li kien detentur ta’ permess ta’ residenza għall-istudenti. Matul is‑sena 2010, sittax-il jum qabel ma skada dan il-permess ta’ residenza, R.S., sa dakinhar ċittadin ta’ pajjiż terz, iżżewweġ ċittadina tal-Unjoni li kienet eżerċitat id-dritt tagħha ta’ moviment u ta’ residenza fl-Irlanda. Sussegwentement, huwa ngħata karta ta’ residenza għal ħames snin bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.
12. Fl‑2015, R.S. kiseb iċ-ċittadinanza Irlandiża. Minn dakinhar, ir‑residenza tiegħu fl-Irlanda hija bbażata fuq din iċ-ċittadinanza. Fl‑2018, R.S. u l-konjuġi tiegħu ddivorzjaw. Matul is-sena 2019, ċittadina ta’ pajjiż terz ressqet talba ta’ residenza fl-Irlanda minħabba li hija kienet omm ta’ wild, ċittadin Irlandiż, li tiegħu R.S. kien il-missier bijoloġiku. Din it-talba tat lok għal investigazzjoni dwar jekk iż-żwieġ li seħħ fl‑2010 kienx żwieġ ta’ konvenjenza.
13. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2019, il-Minister for Justice “irrevoka” il-karta ta’ residenza maħruġa fl‑2010 minħabba li, insostenn tat-talba tiegħu għal karta ta’ residenza, R.S. kien ipproduċa dokumenti qarrieqa u li ż-żwieġ li seħħ fl‑2010 kien żwieġ ta’ konvenjenza. Wara talba għal ri-eżami mressqa minn R.S., din id‑deċiżjoni ġiet kkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2020.
14. Fl‑1 ta’ Frar 2022, il-Minister for Justice madankollu adotta deċiżjoni ġdida fi tmiem korrispondenza mal-avukati ta’ R.S. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, huwa rtira d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Settembru 2020, annulla dik tat‑18 ta’ Diċembru 2019 u kkonstata li R.S. kien ipproduċa dokumenti jew informazzjoni falza jew qarrieqa u daħal fi żwieġ ta’ konvenjenza sabiex jikseb status jew dritt li għalih ma kienx ikun eliġibbli b’xi mod ieħor skont id-Direttiva 2004/38. Il-Ministru kkunsidra li “kwalunkwe dritt jew status mogħti bis-saħħa ta’ [din] id‑direttiva minħabba [dan] iż-żwieġ [...] jitqies li ġie rtirat ab initio”.
15. R.S. adixxa lill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) b’rikors għal annullament (certiorari) tat-tliet deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Settembru 2020, tat‑13 ta’ Frar 2020 u tal‑1 ta’ Frar 2022, minħabba li l‑Minister for Justice kien aġixxa ultra vires. Fil-fatt, bħala ċittadin Irlandiż, R.S. ma kien għadu jaqa’ taħt l-ebda dispożizzjoni tar‑Regolament tal-2015 u lanqas tad-Direttiva 2004/38 li għalhekk ma setgħux jawtorizzaw lill‑Minister for Justice jieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Dan ir-rikors ġie miċħud mill-High Court (il-Qorti Għolja) permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2023.
16. Sussegwentement R.S. adixxa lill-Court of Appeal (il-Qorti tal‑Appell), il-qorti tar-rinviju.
17. Din il-qorti tispjega qabelxejn li d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2022 għandha tinftiehem bħala li ma tinvolvix ir-revoka jew ir-rifjut ta’ dritt ta’ residenza, iżda bħala li tinkludi “deċiżjoni”, “konstatazzjoni ” jew “konklużjoni” dwar sitwazzjoni fil-passat jew aġir fil-passat ta’ R.S. Hija żżid li din id-deċiżjoni tagħti x’tifhem li din il-konklużjoni jew konstatazzjoni tista’ titqies fil-kuntest ulterjuri ta’ rievalwazzjoni tal‑istatus ta’ ċittadin Irlandiż ta’ R.S., filwaqt li jiġi rrikonoxxut li kwalunkwe rievalwazzjoni ulterjuri tieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi u d-drittijiet fundamentali tiegħu kollha. Fir-rigward tar‑rievalwazzjoni taċ-ċittadinanza Irlandiża ta’ R.S., l-imsemmija qorti tispjega li, minħabba deċiżjonijiet reċenti tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), l-ebda proċedura kostituzzjonali ma tippermetti bħalissa li ssir investigazzjoni sabiex tiġi rrevokata din iċ-ċittadinanza.
18. Fid-dawl tal-argumenti mressqa quddiemha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 35 tagħha.
19. F’dan ir-rigward, filwaqt li jiġu nnutati d-differenzi fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti u dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza Lounes (6), il-qorti tar-rinviju tqis li minn din is-sentenza jista’ jiġi dedott li d‑Direttiva 2004/38 ma tibqax tapplika għal ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta dan iċ-ċittadin jikseb iċ‑ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti u, b’riżultat ta’ dan, ma jibqax jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal‑Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Minkejja dan, fis-sentenza Chenchooliah (7), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija direttiva kienet tapplika għal deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li rrisjeda fl-Istat Membru ospitanti bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, minkejja li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma kienx għadu “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva.
20. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, b’analoġija, id-Direttiva 2004/38 tibqax tirregola s-sitwazzjoni li fiha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tipprova tistabbilixxi jekk persuna kinitx inizjalment kisbet, permezz ta’ abbuż ta’ dritt jew frodi, il-benefiċċju ta’ dritt ta’ residenza bbażat fuq din id-direttiva, f’mument meta din il-persuna ma għadhiex “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.
21. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament tal‑2015 jawtorizza lill-Minister for Justice, minn naħa, li jirrevoka, jirrifjuta li jipproċessa jew jirrifjuta li jagħti karta ta’ residenza mitluba abbażi ta’ frodi jew abbuż ta’ dritt u, min-naħa l-oħra, li jinvestiga dwar il-frodi jew l-abbuż issuspettat. Filwaqt li r-revoka ma tistax tapplika b’mod retroattiv, l-investigazzjoni tista’ tkopri kemm it‑talbiet kurrenti jew pendenti għal karta ta’ residenza kif ukoll il-karti ta’ residenza miksuba fil-passat. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk is-setgħa ta’ investigazzjoni tistax tiġi eżerċitata b’mod awtonomu, indipendentement minn kwalunkwe azzjoni konkreta bħar-revoka jew ir‑rifjut ta’ dritt ta’ residenza, prosekuzzjoni għal reat kriminali, proċedura ta’ tkeċċija jew proċedura ta’ revoka taċ-ċittadinanza Irlandiża.
22. Għall-qorti tar-rinviju, tali setgħa awtonoma tista’ tkun impliċitament inkluża fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal‑2015. Dan jista’ jkun iġġustifikat fid-dawl tal-għan u l-kuntest ta’ dan ir-regolament kollu kemm hu, inkluża s-sistema taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li tirrikjedi sistema soda ta’ prevenzjoni, skoperta u qerda tal-frodi u tal-abbuż ta’ dritt. Sabiex tkun tista’ tipproċedi, jekk ikun il-każ, għal interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) tal-imsemmi regolament konformi mad-dritt tal-Unjoni, din il‑qorti tqis neċessarju li jiġi stabbilit jekk id-Direttiva 2004/38 tapplikax għal ċittadin naturalizzat ta’ Stat Membru biss meta din id-direttiva tawtorizza lil dan l-Istat Membru sabiex jinvestiga żwieġ ta’ konvenjenza konkluż f’mument li fih dan iċ-ċittadin kellu dritt ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru bis-saħħa tal-imsemmija direttiva.
23. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (il-Qorti tal‑Appell), permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2024, li waslet fir‑Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Awwissu 2024, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-Direttiva 2004/38 [...] hija applikabbli għal persuna li qabel kienet kisbet il-benefiċċju ta’ [dritt ta’] residenza dderivat fi Stat Membru fil‑kapaċità tagħha bħala l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jeżerċita drittijiet misluta mit-Trattat fl-Istat ospitanti, iżda li iktar reċentement saret ċittadina tal-Istat ospitanti u ma għadhiex tibbenefika minn kwalunkwe dritt idderivat f’dak l-Istat ospitanti taħt din id-direttiva, u dan għall-finijiet biss li jiġi investigat u (jekk ikun il-każ) iddeterminat jew konkluż li, fl-imgħoddi, dik il-persuna kienet wettqet frodi jew abbuż ta’ dritt u/jew daħlitx fi żwieġ ta’ konvenjenza fis-sens tal-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva bl-iskop li tikseb benefiċċju taħt din id‑direttiva?”
24. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn R.S., il‑Minister of Justice, l-Irlanda, il-Gvern Ġermaniż, u mill‑Kummissjoni. Fis-seduta tal‑15 ta’ Ottubru 2025, saru osservazzjonijiet orali għan-nom ta’ R.S., tal-Irlanda, tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni.
IV. Analiżi
25. Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jinvestigaw u, jekk ikun il-każ, jistabbilixxu u jikkonkludu li persuna, li qabel kienet ibbenefikat minn dritt idderivat ta’ moviment liberu bis-saħħa ta’ din id-direttiva, wettqet frodi jew abbuż ta’ dritt, meta ir-residenza ta’ din il-persuna fl-Istat Membru kkonċernat ma baqgħetx ibbażata fuq l-imsemmija direttiva, inkluż meta hija kisbet, sadattant, iċ‑ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru (8).
26. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, il-partijiet fil‑kawża prinċipali u l-persuni kkonċernati jvarjaw fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38.
27. B’mod ġenerali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż għandhom dubju dwar jekk din id-direttiva għandhiex tapplika għal persuna li fi Stat Membru, bħala ċittadin ta’ pajjiż terz, ibbenefikat minn dritt ta’ residenza dderivat bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni migrant, meta dik il-persuna sadattant tkun akkwistat iċ-ċittadinanza tal‑Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, huma jqisu, essenzjalment, li tali persuna ma taqax iktar taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal‑Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, b’tali mod li din ma tibqax applikabbli għaliha. B’mod partikolari, skont il-Gvern Ġermaniż, il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Konsegwentement, huma jipproponu li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun fin-negattiv. Min-naħa l‑oħra, il-Minister for Justice u l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 huwa applikabbli f’dan il‑każ. Huma kollha jenfasizzaw, b’mod partikolari, li din id‑dispożizzjoni tikkostitwixxi espressjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt. Għalhekk, huma jipproponu li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun fl-affermattiv.
28. Sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, ser nibda l-analiżi tiegħi b’xi kunsiderazzjonijiet ġenerali (Taqsima A). Ser inkompli billi nneħħi kull dubju dwar l-għan tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 35 tagħha li japplika għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Taqsima B), u ntemm billi neżamina l‑portata tas-setgħat li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri (Taqsima C).
A. Xi kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38
29. Għandu jitfakkar qabelxejn li mill-premessi 3 u 4 tad‑Direttiva 2004/38 jirriżulta li din hija intiża sabiex tiffaċilita l‑eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment u residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti b’mod dirett liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u li l‑imsemmija direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ dan id-dritt (9). Il‑premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 tenfasizza li, sabiex jiġi eżerċitat taħt kundizzjonijiet oġġettivi ta’ dinjità, l-imsemmi dritt għandu jingħata wkoll lill-membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini, irrispettivament miċ‑ċittadinanza tagħhom (10). Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva ma tagħti l-ebda dritt awtonomu lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkunu ċittadini ta’ Stat terz. B’hekk, l-eventwali drittijiet mogħtija lil dawk iċ-ċittadini permezz tal-imsemmija direttiva huma dderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat minħabba l-eżerċizzju tal‑moviment liberu tiegħu (11). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u huma benefiċjarji tad-drittijiet mogħtija minnha, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jivvjaġġaw lejn jew jirrisjedu fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak taċ-ċittadinanza tagħhom, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, kif iddefiniti fil-punt 2 tal‑Artikolu 2 ta’ din id‑direttiva, li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom (12).
30. F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li, wara ż-żwieġ tiegħu fl-2010 ma’ ċittadina ta’ Stat Membru residenti fl-Irlanda, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali rrisjeda f’dan l-Istat Membru bħala konjuġi ta’ ċittadina tal‑Unjoni li eżerċitat il-libertà tagħha ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak taċ-ċittadinanza tagħha, huwa stabbilit li huwa kien jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat, bis-saħħa tad‑Direttiva 2004/38 u kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl‑2015, huwa kiseb iċ-ċittadinanza Irlandiża u, minħabba f’hekk, ilu jirrisjedi, minn dakinhar, fl-Irlanda bħala ċittadin Irlandiż. Xi snin iktar tard, fl‑2018, il-konjuġi ddivorzjaw. Huwa għalhekk ċar li, peress li din id-direttiva tirregola biss il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal‑membri tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma għadux jissodisfa d-definizzjoni ta’ “benefiċjarju” tal-imsemmija direttiva, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha (13).
31. Minn dan jirriżulta li fil-mument li fih huwa kiseb id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38 u matul il-perijodu tal-investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ żwieġ ta’ konvenjenza, jiġifieri bejn is-sena 2010 u s-sena 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ din id-direttiva (14), bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li kienet eżerċitat il-libertà tagħha ta’ moviment billi vvjaġġat u irrisjediet fi Stat Membru ieħor differenti minn dak taċ-ċittadinanza tagħha. Min‑naħa l-oħra, minħabba n-naturalizzazzjoni tiegħu mill-Irlanda matul is-sena 2015 (15), l-istatus legali tiegħu inbidel kemm fir-rigward tad-dritt nazzjonali kif ukoll tal-imsemmija direttiva, b’tali mod li, skont is-sentenza Lounes (16), fil-mument tal-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni, fl-2019, l-istess direttiva ma kinitx għadha tirregola r-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru (17).
32. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma għadux “benefiċjarju” ta’ drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza dderivati fl-Istat Membru ospitanti, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2004/38, din id-direttiva ma għadhiex tapplika?
33. Jiena ma naħsibx.
34. Kif ser nuri iktar ’il quddiem, it-telf tal-istatus ta’ benefiċjarju, fis‑sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, ma jfissirx li din id‑direttiva ma tapplikax iktar meta, bħal f’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonstataw l-eżistenza ta’ abbuż jew ta’ frodi tar‑regoli previsti fiha kommess fil-mument li fih ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu l-istatus ta’ benefiċjarju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u l-istatus ta’ benefiċjarju, bis‑saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (18). Minn dan jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, li jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u huma benefiċjarji, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-persuni li ma jeżerċitawx iktar dawn id-drittijiet, għaliex tilfu l-istatus tagħhom ta’ benefiċjarji jistgħu, madankollu, ikomplu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, sakemm, kif ser nuri iktar tard f’dawn il-konklużjonijiet, din tinkludi dispożizzjonijiet li l‑applikazzjoni tagħhom ma tirrikjedix li l-persuna kkonċernata jkollha dan l-istatus fil-mument tal-applikazzjoni tagħhom (19).
35. Wara li ġie ċċarat dan, fil-punti li ġejjin ser niffoka l-eżami tiegħi fuq il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l‑Artikolu 35 tagħha, hijiex applikabbli f’din il-kawża.
B. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38
36. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 huwiex applikabbli għal dan il-każ, għandu jiġi vverifikat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis, jiġifieri jekk din id-dispożizzjoni tapplikax meta l-persuna kkonċernata kellha, fil-passat, l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ din id-direttiva, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha, filwaqt li tkun tilfitu fil-mument li fih din l-ewwel dispożizzjoni kellha tapplika.
37. Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (20). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (21). Għal dan il-għan, ser nipproċedi bl-interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni.
1. Fuq l-interpretazzjoni litterali
38. Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38, intitolat “Abbuż tad-drittijiet”, jistipula li l-“Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza. Kwalunkwe miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u bla ħsara għall-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 30 u 31”.
39. L-ewwel nett, nosserva li ma hemm xejn fil-kliem ta’ din id‑dispożizzjoni li jippermetti li jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, il‑leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita ratione temporis il-possibbiltà għall‑Istati Membri li jadottaw “il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi” (22). Fi kliem ieħor, dan il-kliem ma jispeċifikax li Stat Membru huwa obbligat jadotta biss “il-miżuri neċessarji” marbuta ma’ dritt li bħalissa jipproduċi effetti ġuridiċi bis-saħħa tad‑Direttiva 2004/38. Fil-fatt, jekk tiġi kkunsidrata tali restrizzjoni ratione temporis ifisser, fil-prattika, li jiġi impost element addizzjonali li ma humiex previst mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l‑oħra, l-assenza ta’ tali restrizzjoni ratione temporis tfisser li din il‑possibbiltà għandha għalhekk tinftiehem bħala setgħa għall-Istati Membri li jadottaw tali miżuri, irrispettivament mill-fatt jekk il-persuna kkonċernata tkunx teżerċita jew eżerċitatx dritt mogħti abbażi tad-Direttiva 2004/38.
40. It-tieni nett, mill-kliem tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, li juża l-partiċipju passat “mogħti”, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri, b’mod partikolari, id-drittijiet li l-persuna kkonċernata tibbenefika jew kienet ibbenefikat minnhom, bis-saħħa ta’ din id-direttiva (23).
41. It-tielet nett, nirrileva li l-użu f’din id-dispożizzjoni tal-verb “jirrifjutaw” jinkludi r-rifjut li jingħata dħul jew permess ta’ residenza fl‑Istat Membru ospitanti lill-persuni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, meta dawn il-persuni jkunu akkwistaw id-drittijiet mogħtija minnha permezz ta’ abbuż ta’ dritt jew frodi, u b’hekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex ikunu benefiċjarji, bis-saħħa ta’ din id-direttiva, ta’ tali drittijiet (24). Għaldaqstant, hawnhekk ikun qiegħed jiġi kkunsidrat dritt (eventwali) futur ta’ dħul jew ta’ residenza li għadu ma tnissilx, peress li l-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mid‑Direttiva 2004/38 sabiex ikollha l-kwalità ta’ “benefiċjarju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
42. Ir-raba’ nett, nirrimarka li l-użu tal-verbi “itemmu” u “jirrevokaw” fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 jissuġġerixxi li dan jirrigwarda l‑annullament jew l-irtirar ta’ dritt mogħti minnha, irrispettivament minn jekk dan id-dritt ikunx jew le eżawrixxa l-effetti tiegħu (25). Dawn iż-żewġ verbi jistgħu għalhekk ikollhom natura retroattiva inkwantu jistgħu jwasslu għat-tneħħija ta’ ċerti effetti futuri iżda wkoll tal-effetti preċedenti ta’ dritt bħal dan (26). L-użu ta’ żewġ verbi distinti jidher, bħala regola, li jirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jkopri kemm il‑miżuri nazzjonali li jippermettu l-annullament ta’ dritt ex nunc (bħal pereżempju l-annullament ta’ karta ta’ residenza) kif ukoll l-irtirar tiegħu ex tunc (27).
43. Minn din l-interpretazzjoni jirriżulta għalhekk li l-għażla tal‑leġiżlatur tal-Unjoni li juża t-termini “jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva” tesprimi b’mod ċar il-volontà li jkopri fuq perijodu ta’ żmien id-dritt ta’ dħul jew ta’ residenza inkwistjoni (futur, attwali jew passat) meta dan id-dritt huwa “mogħti b’din id-Direttiva” u dan jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-istess direttiva hija applikabbli irrispettivament mill-fatt li dan id-dritt ma jkunx għadu qiegħed jiġi eżerċitat.
44. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li l-kliem tal-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38 iwassal għall-konstatazzjoni li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal miżuri adottati fir-rigward ta’ dritt mogħti minnha matul perijodu li fih id-detentur ta’ dan id-dritt kien il-“benefiċjarju”, fis‑sens ta’ din id-direttiva, u dan irrispettivament mis-sitwazzojni attwali tal-persuna kkonċernata.
45. Madankollu, hu meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kuntest normattiv li fih jidħol l-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva jikkonfermax jew le din l-interpretazzjoni.
2. Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali
a) L-interpretazzjoni interna jew sistematika
46. Fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38, nosserva, fl-ewwel lok, li l-interpretazzjoni mogħtija fil-punti preċedenti ma hijiex ikkontradetta mill-kliem tal‑premessa 28 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li “[b]iex jipproteġu kontra abbuż tad-drittijiet jew ta’ frodi, notevolment żwiġijet ta’ konvenjenza jew kwalunkwe forma oħra ta’ relazzjonijiet kuntrattwali għall-uniku skop biex jitgawda d-dritt ta’ moviment liberu u residenza, l‑Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jadottaw il-miżuri neċessarji”. Fil-fatt, il-formulazzjoni wiesgħa ta’ din il-premessa, bħal dik ta’ dan l-Artikolu 35, ma tipprevedi l-ebda restrizzjoni ratione temporis relatata mal-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ tali miżuri. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-kliem tal-imsemmija premessa 28 jirreferu għaż-“żwiġijet ta’ konvenjenza jew [għal] kwalunkwe forma oħra ta’ relazzjonijiet kuntrattwali”, u jissuġerixxu għalhekk li l-miżuri li l-Istati Membri “għandu jkollhom il-possibilità li jadottaw”, skont l-imsemmi Artikolu 35, jista’ jkollhom natura retroattiva, peress li dawn iż-żwiġijiet jew għaqdiet ċivili jkunu fil-maġġoranza tal-każijiet diġà seħħew fil‑mument li fih din id-dispożizzjoni tiġi eventwalment applikata.
47. Fit-tieni lok, nirrileva li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Suġġett”, jistipula taħt il-punt (a) tiegħu, li din għandha b’mod partikolari bħala għan li tistabbilixxi “il-kondizzjonijiet li jirregolaw l‑eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom”. Għalhekk, inkwantu l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 japplika għas‑sitwazzjonijiet li fihom il-kundizzjonijiet sabiex jiġi eżerċitat id‑dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza previsti minnha ġew issodisfatti biss formalment, b’tali mod li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx ġenwinament issodisfatti, dan l-aħħar artikolu jaqa’ fil-portata ta’ din l-ewwel dispożizzjoni.
48. F’dan ir-rigward, u kif jirriżulta mis-sens ġenerali tad‑Direttiva 2004/38, b’mod partikolari, tal-Kapitoli II sa IV relatati mal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet ta’ residenza previsti fiha, din id-direttiva tistabbilixxi sistema li tkopri l-evoluzzjoni tas‑sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll id-drittijiet li tagħtihom, mill-mument tad-dħul tagħhom fi Stat Membru ieħor minbarra dak taċ-ċittadinanza tagħhom sal-mument tat-tluq tagħhom minn dak l-Istat Membru (28). Fil‑fatt, din is-sistema tinkludi kemm l-istadji differenti tal-eżerċizzju tal‑moviment liberu ta’ ċittadin u tal-membri tal-familja tiegħu (dħul, residenza jew tluq) kif ukoll id-drittijiet li tagħhom dawn il-persuni huma benefiċjarji u li jikkorrispondu ma’ kull wieħed mill-istadji kkonċernati (dritt ta’ dħul, dritt ta’ residenza, dritt ta’ żamma tad-dritt ta’ residenza jew ta’ tluq). Għaldaqstant, jekk f’xi mument partikolari (inkluż, bħal f’dan il-każ, dak tal-akkwist abbużiv tad-dritt inkwistjoni) iċ-ċittadin tal‑Unjoni u/jew il-membri tal-familja tiegħu ma jibqgħux jissodisfaw il‑kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, li jwassal għat-telf (anki b’effett retroattiv) tal-kwalità tagħhom ta’ “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha u, konsegwentement, tad-drittijiet tagħhom ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, dan madankollu ma jfissirx li dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva ma jibqgħux applikabbli għalihom (29).
49. F’dan il-kuntest evoluttiv, li huwa dak tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, jidhirli importanti li nenfasizza li l-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva jikkonċerna dritt ta’ moviment u ta’ residenza li jkun ġie eżerċitat għal perijodu ta’ żmien partikolari, li minnu l-persuna kkonċernata qatt ma kellha tibbenefika skont l-imsemmija direttiva, peress li hija ssodisfat biss b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju li għalihom dan id-dritt huwa suġġett (30). Kif enfasizzat il-Kummissjoni, dan l-Artikolu 35 huwa applikabbli għal sitwazzjonijiet legali li jseħħu fil-mument tal-kisba tad-dritt mogħti mid-Direttiva 2004/38 sabiex dawn is-sitwazzjonijiet jiġu kklassifikati fid-dawl tal-prattiki jew tal-fatti li juru li dan id-dritt ġie akkwistat b’mod abbużiv (31), u dan anki jekk il‑persuna kkonċernata ma tibqax teżerċita dan id-dritt u ma għandhiex iktar l-istatus ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha.
50. Fit-tielet u l-aħħar lok, inżid li d-“Disposizzjonijiet finali”, fil‑Kapitolu VII tad-Direttiva 2004/38, li tiegħu jifforma parti integrali l‑Artikolu 35, jikkonċernaw l-implimentazzjoni effettiva ta’ din id‑direttiva kollha kemm hi (32). Anki mingħajr ma jkolli nħares b’mod iddettaljat lejn dawn id-dispożizzjonijiet, nosserva, b’mod partikolari, li min-nisġa tal-Artikoli 35 u 36 f’dan il-Kapitolu VII, jirriżulta li dawn huma dispożizzjonijiet trasversali relatati, rispettivament, mad‑diskrezzjoni u l-obbligu tal-Istati Membri li jieħdu miżuri fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (33).
51. Ċertament, differenti mill-Artikolu 35, l-Artikolu 36 jikkonċerna ċittadini tal-Unjoni u membri tal-familja tagħhom li, bħala regola, jeżerċitaw legalment id-drittijiet li ġew mogħtija lilhom mid‑Direttiva 2004/38, iżda li ma osservawx ċerti formalitajiet amministrattivi previsti minnha (34). Barra minn hekk, il-miżuri stipulati f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma ta’ natura differenti, jiġifieri miżuri individwali jew partikolari u miżuri ġenerali (35). Madankollu, minkejja dawn id-differenzi, ma nara l-ebda raġuni li twassalni sabiex nikkunsidra li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli fil‑każ fejn il-persuna kkonċernata ma tkunx għadha benefiċjarju ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, kif enfasizzajt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jaqgħu taħt dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva (36). Jekk jiġi deċiż mod ieħor iwassal sabiex la l-miżuri msemmija fl-Artikolu 35, u lanqas is‑sanzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 36 ma jistgħu jittieħdu kontra persuna li ma għadhiex tibbenefika mid-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38, anki jekk abbuż ta’ dritt jew nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi imposti minnha kienu kommessi waqt il-kisba jew l‑eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, li jrendi l-imsemmija dispożizzjonijiet mingħajr valur.
b) L-interpretazzjoni esterna jew ix-xogħol preparatorju
52. Fix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/38 nosserva li l‑Artikolu 35 ma kienx previst fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni (37). Fil-fatt, dan l-Artikolu ġie miżjud mill-Kunsill “sabiex jiġi spjegat li f’każ ta’ abbuż ta’ drittijiet jew ta’ frodi, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, jannullaw jew jirtiraw kull dritt mogħti minn [din] id-direttiva” (38). Dan jippermetti li tiġi kkonfermata r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, u kif jirriżulta mill-premessa 28 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu “jadottaw il-miżuri neċessarji [...] biex jipproteġu kontra abbuż tad-drittijiet jew ta’ frodi, notevolment żwiġijet ta’ konvenjenza”, u dan irrispettivament mis-sitwazzjoni attwali tal-persuna kkonċernata li qiegħda tibbenefika jew li kienet ibbenefikat minn dritt mogħti minnha.
53. Dan huwa kkorroborat ukoll mil-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal‑2009 (39) u tal‑2023 (40), li ma għandhomx forza obbligatorja, li jsemmu l-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji, f’każ ta’ abbuż jew ta’ frodi, skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, “f’kull ħin”, kemm għaċ-“ċaħda li jingħataw” id-drittijiet mogħtija minn din id‑direttiva jew għat-“terminazzjoni jew l-irtirar” ta’ dawn id-drittijiet (41).
54. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni litterali mogħtija fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hija kkorroborata mill-kuntest normattiv u l-istruttura ta’ din id-direttiva li fiha taqa’ din id-dispożizzjoni.
55. Minkejja dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk huwiex possibbli li hija tibbaża ruħha fuq it-tagħlim tas-sentenza Chenchooliah (42) sabiex tqis li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 huwa applikabbli għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa għalhekk dan il-punt li ser neżamina issa.
c) Dwar il-konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Chenchooliah
56. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li l‑kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2004/38 huwa kunċett “dinamiku” fis-sens li l-kwalità ta’ benefiċjarju, anki jekk tkun ġiet akkwistata fil-passat, tista’ tintilef ulterjorment jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma jibqgħux issodisfatti (43). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din id-direttiva ma tinkludix biss regoli li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ wieħed mid-diversi tipi ta’ drittijiet ta’ residenza li hija tipprevedi iżda wkoll il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tkun tista’ tkompli tibbenefika mid-drittijiet ikkonċernati (44). Hija żżid li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi, barra minn hekk, ġabra ta’ regoli intiżi li jirregolaw is-sitwazzjoni li tirriżulta mit-telf tal-benefiċċju ta’ wieħed minn dawn id-drittijiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ tluq taċ-ċittadin tal‑Unjoni mill-Istat Membru ospitanti (45).
57. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, ikkonstatat li, f’sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni rritorna fl-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u għalhekk ma jibqax jeżerċita, fl-Istat Membru ospitanti, id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu skont id-dritt tal‑Unjoni, iċ-ċittadin ta’ Stat terz, konjugi tal-imsemmi ċittadin tal‑Unjoni, ma jibqax għandu l-kwalità ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal‑Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, meta jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti u ma jibqax joqgħod mal-konjugi tiegħu (46). Fit-tieni lok, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk it-telf ta’ din il-kwalità għandu bħala konsegwenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jibqax jibbenefika mid-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li huwa kien fil-pussess tagħhom matul ċertu żmien, peress li ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet li għalihom dawn id-drittijiet huma suġġetti, dan it-telf madankollu ma jfissirx li d-Direttiva 2004/38 ma għadhiex tapplika għat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin mill-Istat Membru ospitanti (47).
58. Huwa veru li, fil-punt 64 tas-sentenza Chenchooliah, il-Qorti tal‑Ġustizzja fakkret, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-punt 95 tas-sentenza Metock et, li “mill-mument li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jgawdi permezz tad-Direttiva 2004/38 minn drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, dan jista’ jirrestrinġi dawn id-drittijiet biss fl-osservanza tal‑Artikoli 27 u 35 ta’ din id-direttiva”. Madankollu, fil-punt 67 ta’ din l-ewwel sentenza, hija qieset li t-tagħlim li jirriżulta mill-punt 95 tas‑sentenza Metock et ma japplikax għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali li wasslet għas-sentenza Chenchooliah, li fiha ċ‑ċittadina ta’ pajjiż terz ma kinitx għadha benefiċjarju tal-imsemmija direttiva (48).
59. Jiena ma naħsibx li din l-indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi interpretata fis-sens li riedet torbot l-applikazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 mal-perijodu li matulu l-persuna kkonċernata hija “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, jiena nifhem dan il-punt pjuttost fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement għamlet distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li minnhom oriġinaw dawn iż‑żewġ sentenzi, jiġifieri l-fatt li fl-ewwel sitwazzjoni inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għas-sentenza Metock et, iċ-ċittadin tal-Istat terz ikkonċernat kellu dritt ta’ residenza dderivat (f’dak il-mument) (49) fl-Istat Membru ospitanti, fis-sens tad-Direttiva, filwaqt li fit-tieni sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Chenchooliah, iċ-ċittadina tal-Istat terz ikkonċernata kienet tilfet dan id-dritt idderivat (fil-passat) (50). Konsegwentement, inkwantu ż-żewġ sitwazzjonijiet kienu differenti, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-telf tal-istatus ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, ifissirx li deċiżjoni ta’ tneħħija, meħuda għar-raġuni essenzjali li din iċ-ċittadina ġiet irrifjutata dritt ta’ residenza idderivat skont id-Direttiva 2004/38, ma taqax taħt din id-Direttiva, iżda taħt id-dritt nazzjonali applikabbli barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (51).
60. Kif għadni kif esponejt hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil‑punt 69 tas-sentenza Chenchooliah, li din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva, filwaqt li għamlet distinzjoni, fil-punt 79 tagħha, bejn l-istatus ta’ “benefiċjarju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tagħha (52).
61. F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-tagħlim ta’ din il‑ġurisprudenza jikkorroborax l-interpretazzjoni kuntestwali u sistematika li jien għamilt tal-Artikolu 35.
62. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Qorti tal‑Ġustizzja fil-punt 70 tas-sentenza Chenchooliah, li d-Direttiva 2004/38 “ma tinkludix biss regoli li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ wieħed mid-diversi tipi ta’ drittijiet ta’ residenza li hija tipprevedi kif ukoll il‑kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tkun tista’ tkompli tibbenefika mid-drittijiet ikkonċernati” (53), iżda hija tipprevedi, barra minn hekk, “ġabra ta’ regoli intiżi li jirregolaw is-sitwazzjoni li tirriżulta mit-telf tal-benefiċċju ta’ wieħed minn dawn id-drittijiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti” (enfasi miżjuda minni).
63. Mill-użu tal-avverbju “b’mod partikolari” fil-punt 70 tas-sentenza Chenchooliah jirriżulta li l-“ġabra ta’ regoli” previsti mid‑Direttiva 2004/38 “li jirregolaw is-sitwazzjoni li tirriżulta mit-telf tal-benefiċċju ta’ wieħed minn dawn id-drittijiet” ma hijiex limitata għall‑każ ta’ tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni u/jew tal-membri tal-familja tiegħu mill-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, biżżejjed niftakru li, fil‑kuntest u fl-istruttura ta’ din id-direttiva, is-sitwazzjonijiet legali li jirriżultaw fil-mument tal-kisba tad-dritt mogħti minnha jistgħu jevolvu sal-mument li fih ma jibqgħux jeżistu għal raġunijiet oħra minbarra t‑tluq tal-benefiċjarju tal-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari minħabba n-naturalizzazzjoni tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru ospitanti. Dawn is-sitwazzjonijiet legali jistgħu ma jibqgħux jeżistu wkoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi li dan id-dritt ikun inkiseb b’mod abbużiv jew frawdolenti, li jġib miegħu l-annullament jew l-irtirar tagħhom.
64. Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġi argumentat li l-konstatazzjoni, minn awtorità nazzjonali, tal-eżistenza ta’ żwieġ ta’ konvenjenza tista’ twassal għal, b’mod partikolari, “irtirar formali u retroattiv” tad-drittijiet idderivati li ċittadin ta’ Stat terz kien qiegħed jieħu b’mod abbużiv jew frawdolenti tad-Direttiva 2004/38, li jwassal b’hekk għal “telf retroattiv” tal-benefiċċju “formali” ta’ dawn id-drittijiet, u dan irrispettivament mill‑fatt, bħal f’dan il-każ, li dawn ġew eżerċitati fil-passat, għadhom qegħdin jiġu eżerċitati, jew jistgħu jiġu eżerċitati fil-futur (54).
65. Minn dan jirriżulta għalhekk li huwa possibbli li l-qorti tibbaża ruħha, b’analoġija, fuq it-tagħlim tas-sentenza Chenchooliah sabiex tqis li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
3. Interpretazzjoni teleoloġika
66. Infakkar, fl-ewwel lok, fid-dawl tal-għan li għandha d‑Direttiva 2004/38, jiġifieri dak li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali li persuna tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament fit‑territorju tal-Istati Membri li l-Artikolu 21(1) TFUE jagħti b’mod dirett liċ-ċittadini tal-Unjoni (55), li dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jiġu interpretati b’mod ristrettiv u ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, jiġu mnaqqra minn parti kbira tal-kontenut tagħhom u tal-effett utli tagħhom. B’hekk, inkwantu l-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38 jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu d‑drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu jew jirrisjedu b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-garanziji proċedurali previsti minnha sabiex tiżguralhom livell għoli ta’ protezzjoni (56). Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, interpretazzjoni restrittiva tal-imsemmija dispożizzjoni inkwistjoni ċċaħħad lil dawn il‑garanziji proċedurali mill-kontenut sostantiv tagħhom, u b’hekk iċċaħħad minn din il-protezzjoni lill-persuni akkużati b’imġiba abbużiva jew frawdolenti, meta proprju l-imsemmija garanziji jippermettu li tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn id-drittijiet u, konsegwentement, jikkontribwixxu għall-għan ta’ din id-direttiva.
67. Fil-fatt, jekk jiġi sostnut il-kuntrarju u jiġi meqjus li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 ma huwiex applikabbli meta ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu ma għadx għandhom il-kwalità ta’ benefiċjarji tagħha ikun iwassal, kontra l-volontà tal-leġiżlatur tal‑Unjoni, min-naħa, li jiġi injorat ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità fl‑adozzjoni tal-“miżuri neċessarji”, kif stipulati minn dan l-Artikolu, u min-naħa l-oħra, li jinkisru l-Artikoli 30 u 31 ta’ din id-direttiva relatati man‑notifika tad-deċiżjonijiet u mal-aċċess għal rimedji ġudizzjarji u amministrattivi. F’dak il-każ, la l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni u lanqas dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet ma jkunu applikabbli għall-persuni kkonċernati, minkejja li l-garanziji proċedurali previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet (li l-għan tagħhom, kif għadni kif irrilevajt, huwa li tiġi ppreservata l-effettività tad-drittijiet mogħtija mill-imsemmija direttiva) ġew maħsuba sabiex jipproteġu lill-persuni kkonċernati proprju fil-mument meta dawn il-persuni jitilfu d-drittijiet tagħhom għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika, ta’ saħħa pubblika jew għal raġunijiet oħra, u huma intiżi b’mod partikolari sabiex jirregolaw kwalunkwe miżura eventwali ta’ tkeċċija (57).
68. Għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad‑Direttiva 2004/38 u tad-drittijiet li hija tagħti, għandu jkun possibbli għal persuna akkużata b’imġiba abbużiva jew frawdolenti li tikkontesta din l-akkuża u li tkun f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha, billi jkollha aċċess għal rimedji proċedurali effettivi, u dan jirriżulta wkoll mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (58).
69. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan tal-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38, għandi nirrileva, kif għamlet ukoll il‑Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li jista’ jkun li mġiba li tikkostitwixxi “abbuż ta’ dritt” ma tidhirx fil-mument meta jitwettaq l-abbuż, iżda tidher biss f’fażi sussegwenti. Fil-fatt, in-natura abbużiva ta’ żwieġ ta’ konvenjenza tiġi skoperta biss wara li jkunu nġabru provi b’mod formali dwar il-koppja miżżewġa (59). Għaldaqstant, interpretazzjoni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 35 għandha tkun limitata għall-perijodu li matulu l-persuna tkun għadha benefiċjarja ta’ dritt idderivat mogħti min din id-direttiva, twassal sabiex tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn iż-żwieġ ta’ konvenjenza baqa’ inosservat għal perijodu ta’ żmien twil biżżejjed, u b’hekk ixxejjen l-għan u l-effett utli tad-dispożizzjoni.
70. Barra minn hekk, infakkar li din id-dispożizzjoni hija l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni tal-abbuż tad‑dritt. Għalhekk, il-kunċett ta’ “żwieġ ta’ konvenjenza” għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dan il-prinċipju. Ser nindirizza dan il-punt fit‑taqsima li jmiss.
71. Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni teleoloġika tad‑Direttiva 2004/38 tappoġġja l-għan tal-applikazzjoni tal-Artikolu 35.
C. Fuq il-ġlieda kontra l-abbuż ta’ dritt fil-kuntest tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38
1. Fuq l-oġġezzjonijiet allegati mill-Gvern Ġermaniż
72. Kif diġà semmejt, il-Gvern Ġermaniż iqis li l-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38 ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. B’mod partikolari, huwa sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l‑istħarriġ a posteriori tal-kisba abbużiva jew frawdolenti ta’ dritt ta’ residenza mogħti minn din id-direttiva jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali, b’mod konformi mal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.
73. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-approċċ.
74. L-ewwel nett, filwaqt li huwa veru li l-ġlieda kontra l-abbuż tad‑dritt tikkonċerna kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżami tal-użu abbużiv jew frawdolenti fil‑qafas tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandu jsir ġewwa dan il‑qafas, u dan, b’mod partikolari, kif il-Kummissjoni rrilevat, b’mod korrett, sabiex tiġi żgurata “l-applikazzjoni uniformi” tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (60). B’mod iktar preċiż, infakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id‑Direttiva 2004/38 ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mis-setgħa ta’ stħarriġ fuq id-dħul u r-residenza fit-territorju tagħhom tal-membri tal‑familja ta’ ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, fil-mument li fih il‑membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandux iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jgawdi permezz tad-Direttiva 2004/38 minn drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, dan tal-aħħar jista’ jirrestrinġi dan id-dritt biss taħt l-Artikoli 27 u 35 ta’ din id-direttiva (61).
75. Minn dan isegwi li jekk jitqies, kif jagħmel il-Gvern Ġermaniż, li l-istħarriġ ex post tal-kisba abbużiva jew frawdolenti ta’ dritt ta’ moviment u ta’ residenza taħt id-Direttiva 2004/38 jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali, ifisser li, minn naħa, jiġi injorat il-mument tal-kisba inizjali tad-dritt mogħti minn din id-direttiva u, għalhekk, li ma jiġix ikkunsidrat element kruċjali, jiġifieri l-qafas legali tal-Unjoni li jkun stabbilixxa l‑kisba l-akkwist ta’ dak id-dritt. Tali nuqqas imur kontra, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fatt, ikun kuntrarju għal dan il‑prinċipju jekk jiġi aċċettat l-approċċ li l-kisba tad-drittijiet mogħtija mill-imsemmija direttiva hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ tali kisba għandu jintuża d-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, approċċ bħal dan ikun ifisser li jiġi aċċettat li kull Stat Membru jista’ japplika l-kriterji tiegħu stess biex jiddetermina jekk hemmx jew le abbuż tad-drittijiet mogħtija mill-istess direttiva, u b’hekk ixejjen l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, id-Direttiva 2004/38 għandha tapplika sabiex jiġi eżaminat jekk sarx użu abbużiv minnha.
76. Fit-tieni lok, kif għadni kif osservajt hawn fuq, l-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38 jikkonkretizza l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal‑Unjoni ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt, li huwa intiż sabiex jiżgura l-effettività tal-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi (62). F’dan il-kuntest, minkejja li l-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “abbuż ta’ dritt”, infakkar li dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal‑Unjoni, li dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi. B’hekk, hija spjegat li l-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan intiż minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunx intlaħaq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu (63). Fil-fatt, il-kundizzjonijiet kumulattivi oġġettivi u suġġettivi tal-abbuż, li l-Qorti stabbilixxiet fil-ġurisprudenza tagħha, jippermettu b’mod partikolari li ssir distinzjoni, u dan huwa importanti, bejn l-użu leġittimu u l-użu abbużiv tad-drittijiet mogħtija mid-direttiva (64). Fil-qafas ta’ dan il‑kunċett, u fid-dawl tal-premessa 28, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, iż-żwiġijiet ta’ konvenjenza jistgħu jiġu ddefiniti bħala żwieġ li jiġi kkuntrattat, minn naħa, fin-nuqqas ta’ relazzjoni awtentika bejn il‑partijiet, billi l-unjoni tagħhom tkun ta’ natura purament artifiċjali, u, min-naħa l-oħra, bl-uniku għan li jiġi kkonferit lil wieħed mill-konjuġi d‑dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera li kieku ma jkunx jista’ jgawdi minnu, kif mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familji tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni (65). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li żewġ persuni jistgħu jiksbu ċertu vantaġġ miż-żwieġ awtentiku tagħhom, bħal b’mod partikolari d-dritt ta’ residenza, ma jfissirx neċessarjament li dan jikkostitwixxi żwieġ ta’ konvenjenza u li, konsegwentement, ikun seħħ abbuż ta’ dritt (66).
77. Madankollu, tibqa’ tqum il-kwistjoni dwar x’inhi l-portata tas‑setgħat ta’ stħarriġ li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 jagħti lill-Istati Membri.
2. Il-portata tas-setgħat ta’ stħarriġ li l-Artikolu 35 jagħti lill-Istati Membri
78. F’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi, ir-risposta għad-domanda tal‑qorti tar-rinviju hija għalhekk parzjalment ċara. Fil-fatt, l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill‑Istati Membri li jirrevokaw, jirtiraw jew jannullaw, inkluż b’mod retroattiv, dritt ta’ residenza mogħti minn din id-direttiva minkejja li dan id-dritt ikun diġà waqaf milli jipproduċi l-effetti legali tiegħu.
79. Barra minn hekk, nirrileva li d-drittijiet mogħtija mid‑Direttiva 2004/38, li ġew miksuba b’mod abbużiv, iżda li ma kinux eżerċitati mill-persuna li għandha d-dritt għal żmien partikolari, jiġifieri għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, mhux biss seta’ jkollhom effetti legali fil-passat iżda jistgħu wkoll jibqa’ jkollhom dawn l-effetti (bħalissa u fil-futur). Il-fatt li jitqies li d-dritt mogħti mill-imsemmija direttiva ġie miksub b’mod abbużiv fil-passat, jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, skont l‑Artikolu 35 tal-istess direttiva, li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi evitat li abbuż ta’ dritt preċedenti jservi bħala bażi għall-kisba ta’ drittijiet addizzjonali bħalissa jew fil-futur. Għalhekk, anki jekk dan id-dritt ta’ residenza ma jkunx qiegħed jiġi eżerċitat, bħal fil-każ preżenti, irtirar formali ta’ dan id-dritt jista’ possibbilment jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jikkoreġu l-effetti legali dderivati minnu (67).
80. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ stħarriġ, għandu jiġi enfasizzat li, mill-kliem tal-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38 jirriżulta li bl-użu tal-verb “jistgħu”, din id‑dispożizzjoni hija limitata sabiex tawtorizza lill-Istati Membri jieħdu kemm uħud mill-miżuri msemmija fiha jew il-miżuri kollha, jiġifieri r‑rifjut, l-annullament jew l-irtirar ta’ dritt mogħti mid-Direttiva. Min‑naħa l-oħra, l-ebda kelma mill-imsemmija dispożizzjoni ma tista’ tiġi interpretata bħala li tindika li l-Istati Membri huma obbligati jieħdu miżura waħda, diversi jew l-miżuri kollha msemmija. Fil-fatt, mill-kliem “miżuri neċessarji” li jinsabu fl-istess dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il‑miżuri li huma indispensabbli fid-dawl tal-prattiki abbużivi konkreti li jikkostitwixxu l-abbuż allegat. B’hekk, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkonstataw, b’mod individwali u każ b’każ, l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt, sakemm il-miżuri li jadottaw ikunu konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (l-idoneità, in-neċessità u l-proporzjonalità stricto sensu) u huma suġġetti għall-garanziji proċedurali previsti mill‑imsemmija Direttiva.
81. Madankollu, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju għadha tistaqsi jekk l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 jippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jinvestigaw dwar żwieġ ta’ konvenjenza u, jekk ikun il-każ, li jikkonstataw jew jaslu għall‑konklużjoni dwar l-eżistenza tiegħu.
82. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-implimentazzjoni tal‑“miżuri neċessarji” previsti fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 neċessarjament timplika li l-Istati Membri jkollhom setgħa li jinvestigaw dwar abbuż tad-dritt li jista’ jkun issuspettat b’mod leġittimu li jkun seħħ fil-mument tal-kisba tad-dritt mogħti minn din id-Direttiva (68). B’mod iktar preċiż, kif issostni l-Kummissjoni, din is-setgħa ta’ investigazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, fl-ewwel lok, li jevalwaw u jistabbilixxu l-fatti u, fit-tieni lok, li eventwalment jikklassifikaw, fid‑dawl ta’ dawn il-fatt, bħala abbużivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjonijiet legali li jinħolqu fil-mument tal-kisba ta’ dan id-dritt. Ċertament, għalkemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt ma tikkostitwixxix, stricto sensu, miżura ta’ rifjut, ta’ annullament jew ta’ rtirar ta’ dritt mogħti mill-imsemmija direttiva, din il-konstatazzjoni xorta tikkostitwixxi stadju neċessarju u preliminari għall-adozzjoni eventwali ta’ kwalunkwe miżura prevista minn din id-dispożizzjoni, u dan, loġikament, anki jekk dan id-dritt ikun diġà waqaf jipproduċi l-effetti tiegħu. Għalhekk, kif isostnu l-Minister for Justice, l-Irlanda u l‑Kummissjoni, is-setgħa ta’ investigazzjoni tikkostitwixxi setgħa awtonoma tal-Istati Membri li tista’ twassal għall-konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi. Konsegwentement, din taqa’ taħt l‑awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u għandha tosserva l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, u l-Artikolu 7 u 9 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
83. Fit-tieni lok, għandi nżid, kif ġie diskuss mill-partijiet fis-seduta, li taqa’ wkoll taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri il‑limitazzjoni ratione temporis tal-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jadottaw miżuri bis-saħħa tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 (69).
84. Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li fl-assenza ta’ regolamentazzjoni mid-dritt tal-Unjoni dwar sanzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-abbuż u l-frodi ta’ drittijiet mogħtija minn din id-direttiva, il‑possibbiltà li jiġu stipulati dan it-tip ta’ sanzjonijiet taqa’ taħt l‑ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, sakemm dawn is‑sanzjonijiet ikunu effettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati (70).
85. Nirrileva, fir-raba’ u l-aħħar lok, li waqt is-seduta, bħala risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Irlanda enfasizzat li sabiex tikseb iċ-ċittadinanza Irlandiża permezz tan-naturalizzazzjoni, persuna għandha tkun rrisjediet b’mod regolari għal ċertu żmien fl-Irlanda. Madankollu, fis-seduta, hija fakkret li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax ir-revoka taċ-ċittadinanza Irlandiża tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.
86. Fi kwalunkwe każ, u għall-kompletezza tal-analiżi, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, jekk it-tneħħija taċ-ċittadinanza Irlandiża twassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni u tad-drittijiet li jirriżultaw minnu, din it-tneħħija għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-konsegwenzi li hija ġġib fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, tal‑membri tal-familja tagħha, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (71).
V. Konklużjoni
87. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill‑Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) bil-mod segwenti:
L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit‑territorju tal-Istati Membri u li temenda r‑Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jinvestigaw u, jekk ikun il-każ, jistabbilixxu jew jikkonkludu li persuna li bbenefikat preċedentement minn dritt idderivat għall-moviment liberu bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, wettqet frodi jew abbuż ta’ dritt, meta r-residenza ta’ din il-persuna fl-Istat Membru kkonċernat ma għadhiex ibbażata fuq id-Direttiva, inkluż meta hija tkun akkwistat, sadattant, iċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.
2 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r‑Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 (ĠU 2011, L 141, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2004, L 229, p. 35, u fil-ĠU 2005, L 197, p. 34) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/38”).
3 F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296, punt 24); tat‑23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C‑109/01, EU:C:2003:491, punti 55 sa 58), u tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 34 sa 37). F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha biex tiċħad l-argument ta’ Stat Membru li kien ibbażat fuq allegat abbuż ta’ dritt. Fir-rigward tal-ġurisprudenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet l‑Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 iżda mingħajr ma din id-dispożizzjoni tkun issemmiet fid-dispożittiv tas-sentenza, ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Metock”, EU:C:2008:449, punt 75). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (C‑129/18, EU:C:2019:248), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’din il-kawża (punt 112 sa 117).
4 Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, iktar ’il quddiem is‑“sentenza McCarthy et”, EU:C:2014:2450).
5 Ara s-sentenza McCarthy et (punt 5 u d-dispożittiv).
6 Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lounes”, EU:C:2017:862).
7 Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Chenchooliah”, EU:C:2019:693).
8 Minkejja li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-fatt tirrigwarda biss it-telf tal-istatus ta’ benefiċjarju ta’ dritt mogħti bid-Direttiva 2004/38 bħala riżultat tal-kisba taċ‑ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti, inqis li, sabiex jiġi stabbilit jekk l‑Artikolu 35 ta’ dik id-Direttiva japplikax, in-naturalizzazzjoni tal-persuna kkonċernata hija biss wieħed mill-każijiet li jwasslu għat-telf ta’ dan l-istatus. Fil‑fatt, benefiċjarju tal-imsemmija direttiva jista’ jitlef l-istatus tiegħu għal raġunijiet oħra, bħal b’mod partikolari t-tluq mill-imsemmi Stat Membru. Ara l‑punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet. B’hekk, jidhirli li huwa iġġustifikat li jiġi adottat approċċ ġenerali li ma jkun limitat b’mod ristrett għat-telf tal-istatus ta’ benefiċjarju permezz ta’ naturalizzazzjoni sabiex tiġi interpretata din id‑dispożizzjoni, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja. Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża JYSK (C‑117/24, EU:C:2025:372, punt 60).
9 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Metock (punt 82); tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 35), u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Jobcenter Arbeitplus Bielefeld (C‑397/23, EU:C:2025:602, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lounes (punt 31) u McCarthy et (punti 31 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lounes (punt 32) u McCarthy et (punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
12 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lounes (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “kieku ċ-ċittadini tal‑Unjoni ma kellhomx id-dritt li jkollhom ħajja ta’ familja normali fl-Istat Membru ospitanti, l-eżerċizzju tal-libertajiet mogħtija lilhom mit-Trattat ikun serjament ostakolat” (ara s-sentenza Metock (punt 62)).
13 Ara, b’analoġija, is-sentenza Lounes (punt 43).
14 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ngħata, fl‑2010, karta ta’ residenza għal perijodu ta’ ħames snin bħala membru tal‑familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tindikax jekk kienx ibbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti, bis-saħħa tal-Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38.
15 Matul is-seduta R.S. indika li kien kiseb iċ-ċittadinanza Irlandiża fit‑23 ta’ April 2016.
16 Infakkar li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda ċittadina Spanjola, li, wara li rrisjediet fir-Renju Unit mis-sena 1996, kienet kisbet iċ‑ċittadinanza Brittanika permezz ta’ naturalizzazzjoni matul is-sena 2009, filwaqt li żammet iċ-ċittadinanza tagħha Spanjola. Fl‑2014, din iċ-ċittadina żżewġet ċittadin Alġerin. Dan tal-aħħar ippreżenta applikazzjoni għal karta ta’ residenza bħala konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ġiet miċħuda mis-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru għall-Intern, ir-Renju Unit) minħabba li kien qabeż il-perijodu ta’ residenza awtorizzat fir-Renju Unit bi ksur tal-kontrolli dwar l-immigrazzjoni.
17 Ara, b’analoġija, is-sentenza Lounes (punti 41 u 44). F’din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li ċ-ċittadina Spanjola, naturalizzata mir-Renju Unit, ma baqgħetx tissodisfa l-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva ma baqgħetx tirregola r‑residenza tagħha f’dan l-Istat Membru peress li din kienet, min-natura tagħha stess, inkundizzjonata. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-konjuġi tagħha ċittadin ta’ Stat terz ma kienx jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru inkwistjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Ara, ukoll, il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:407).
18 Fil-punt 34 tas-sentenza Lounes, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva [2004/38] jirriżulta li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u huma benefiċarji tad-drittijiet mogħtija minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jirrisjedu fi ‘Stat Membru għajr [dak li tiegħu huma] iċ-ċittadini [...]”, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom […] li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”. Ara l‑punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
19 Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/38 ma fihiex kapitolu intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”. Għall-kuntrarju, hija fiha “Kapitolu I”, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali” li fih hemm, b’mod partikolari, l-Artikolu 1, intitolat “Suġġett” u l‑Artikolu 3, intitolat “Benefiċjarji”.
20 Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12), u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Familienkasse Niedersachsen-Bremen (C‑411/20, EU:C:2022:602, punt 51).
21 Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50); tal‑11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 37), u tal‑11 ta’ Jannar 2024, Inditex (C‑361/22, EU:C:2024:17, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet lingwistiċi fil-lingwa Ingliża (“refuse, terminate or withdraw”), Ġermaniża (“zu verweigern, aufzuheben oder zu widerrufen”, Spanjola (“denegar, extinguir o retirar”), Taljana (“rifiutare, estinguere o revocare”, Litwana (“atsisakyti, nutraukti ar panaikinti”), u Rumena (“refuza, anula sau retrage”).
23 Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet lingwistiċi fil-lingwa Ingliża (“any rights conferred”), Ġermaniża (“die durch diese Richtlinie verliehenen Rechte”), Spanjola (“cualquier derecho conferido”), Taljana (“un diritto conferito”), Litwana (“bet kokią šia direktyva suteiktą teisę”), u Rumena (“orice drept conferit”).
24 Pereżempju, ir-rifjut li tingħata karta ta’ residenza jew t-tiġdid tagħha. Ara, f’dan ir‑rigward, il-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
25 Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-lingwa Ingliża, il-verb “terminate” jfisser, b’mod ġenerali, il-fatt li tintemm sitwazzjoni li għadha għaddejja, filwaqt li l-verb “withdraw” jista’ jfisser li tneħħi, iżda wkoll li tirtira jew tirrevoka. Fil-lingwa Taljana, l‑użu tal-verb “estinguere” jqanqal ukoll l-idea ta’ sitwazzjoni li għadha għaddejja filwaqt li “revocare” jissuġġerixxi l-irtirar ta’ dikjarazzjoni li saret fil‑passat jew sitwazzjoni stabbilita mingħajr ma jkun meħtieġ li xi ħadd ikun fil‑pussess ta’ dak li qiegħed jiġi rrevokat. L-istess japplika għall-verżjoni Ġermaniża, bil‑verb “widerrufen” ifisser “tieħu lura dak li intqal jew ġie ddikjarat”.
26 Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
27 Ma jistax jiġi eskluż li ċerti drittijiet nazzjonali jistgħu jipprovdu l-annullament retroattiv jew jillimitaw il-portata tal-annullament għall-effetti li għadhom iridu jiġu eżegwiti. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna d-“deċiżjoni”, il-“konstatazzjoni” jew il‑“konklużjoni” misluta mis-sitwazzjoni jew mill-aġir passat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari li d-dritt kien “meqjus irtirat ab initio”. B’hekk, il‑Minister for Justice jidher qiegħed imur lura għal dikjarazzjoni fil-passat u mhux jirtira dritt li r-rikorrent għandu bħalissa iżda d-dritt li ngħata lilu fil-passat u li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma għadux jibbenefiku minnu bħalissa. Waqt is-seduta, l-Irlanda spjegat li tali konstatazzjoni tfisser li d-dritt ta’ residenza, li fil-prattika ġie eżerċitat, jitqies li qatt ma kien jeżisti legalment fid-dawl tal-prattiċi abbużivi, u hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika dan.
28 Fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2004/38, ara, b’mod partikolari, il-Kapitolu II, intitolat “Dritt ta’ ħruġ u dħul”, u tal-Kapitolu III, intitolat “Dritt ta’ residenza” [sa tliet xhur (Artikolu 6) u ta’ iktar minn tliet xhur (Artikolu 7). Dan l-aħħar kapitolu jirregola, ukoll, il-kundizzjonijiet taż-żamma tad-dritt ta’ residenza, il-kundizzjonijiet li fihom dan id-dritt jieqaf jeżisti (Artikoli 12 sa 14), u l-garanziji proċedurali (Artikolu 15)]. Ara, ukoll, il-Kapitolu IV, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti” (Artikoli 16 sa 21).
29 Ara l-punti 34 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fi kliem ieħor, is-sistema stabbilita bid-Direttiva 2004/38 tkopri ċ-“ċiklu tal-ħajja sħiħ” tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu. Ara l‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:433, punti 70 sa 75).
30 Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Min-naħa l-oħra, peress li dan l‑Artikolu 35 ma jikkonċernax dritt ta’ moviment u ta’ residenza minn liema dritt il‑persuna kkonċernata tkun tibbenefika iżda li għandu jiġi limitat għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà jew saħħa pubblika, ma jaqax taħt l-Artikolu 1(c) ta’ din id‑direttiva. Limitazzjoni bħal din għar-raġunijiet imsemmija taqa’ taħt id‑dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”.
31 Fi kliem ieħor, il-mument tal-kisba ta’ dritt mogħti mid-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi b’mod loġiku l-applikazzjoni tagħha. Ser nerġa’ nindirizza l-importanza ta’ dan l-element fil-punti 75 u 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, fir‑rigward tal-prova ta’ prattika abbużiva, ara l-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
32 Dawn huma, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet relatati mal-informazzjoni mogħtija lill-pubbliku (Artikolu 34), mal-abrogazzjonijiet tad-direttivi preċedenti (Artikolu 38), mar-rapporti dwar l-applikazzjoni tad-direttiva (Artikolu 39), mal‑modalitajiet ta’ traspożizzjoni (Artikolu 40), mad-dħul fis-seħħ (Artikolu 41), u mad-destinatarji (Artikolu 42).
33 L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Sanzjonijiet”, jistipula li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-disposizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-regoli nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom. Is-sanzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu effettivi u proporzjonati. [...]” (Enfasi miżjuda minni). Infakkar li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38 jikkodifika l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1989, Messner (C‑265/88, EU:C:1989:632, punt 15), u tat‑30 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑24/97, EU:C:1998:184, punt 14 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
34 Ara l-Artikolu 5(5) dwar id-dikjarazzjoni tal-preżenza tal-persuni kkonċernati fl‑Istat Membru ospitanti f’terminu raġonevoli; l-Artikolu 8(2); l-Artikolu 9(3) u l‑Artikolu 20(2) relatati mal-formalitajiet amministrattivi fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu (obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ applikazzjoni għal karta ta’ residenza).
35 Fil-fatt, il-miżuri previsti fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38 huma ta’ natura ġenerali, filwaqt li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 35 ta’ din id-diretttiva, intiżi sabiex jirrifjutaw, jannullaw jew jirtiraw dritt mogħti minn din id-direttiva “għandhom ikunu bbażati fuq eżami individwali tal-każ inkwistjoni” u, għalhekk, huma ta’ natura partikolari. Ara s-sentenza McCarthy et (punti 49 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
36 Ara l-punt 47 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
37 Proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri tad‑29 ta’ Ġunju 2001, COM(2001) 257 finali (ĠU 2001, C 270 E, p. 150).
38 Pożizzjoni Komuni (KE) tal-Kunsill Nru 6/2004 tal‑5 ta’ Diċembru 2003 (ĠU 2004, C 54 E, p. 12, b’mod partikolari p. 32). Enfasi miżjuda minni.
39 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id‑drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri tat‑2 ta’ Lulju 2009, COM(2009) 313 finali, p. 16 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni tal‑2009”).
40 Avviż tal-Kummissjoni “Gwida dwar id-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal‑UE u l-familji tagħhom” tas‑6 ta’ Diċembru 2023, C(2023) 8500 finali (ĠU 2023, C 1392, p. 99) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni tal‑2023”).
41 Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal‑2009, p. 20, u tal‑2023, p. 72.
42 Din is-sentenza ingħatat fil-kuntest ta’ kawża bejn ċittadina Mawrizjana, residenti fl‑Irlanda, u l-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall‑Ugwaljanza, l-Irlanda), dwar deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda fir-rigward tagħha, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Irlandiża, wara r-ritorn tal-konjuġi tagħha, ċittadin tal‑Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza, jiġifieri l-Portugall, fejn kien qiegħed jiskonta piena ta’ priġunerija. Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija kienet, skont id-dritt nazzjonali, ex officio akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju għal perijodu indefinit.
43 Ara s-sentenzi Chenchooliah (punt 62) u Lounes (punti 38 sa 42). Dwar in-natura “dinamika” jew “evoluttiva” tal-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 391) tad-Direttiva 2004/38, ara s-sentenza Metock (punti 73, 80 u 99). Ara, ukoll, il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:433, punti 47 sa 67 u 70).
44 Ara s-sentenza Chenchooliah (punt 70). Ara wkoll il-punt 48 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
45 Ara s-sentenza Chenchooliah (punt 70).
46 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chenchooliah (punti 59 sa 63).
47 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chenchooliah (punt 79). Infakkar li, l-Artikolu 15 tad‑Direttiva 2004/38, intitolat “Garanziji proċedurali”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu li, “[i]l-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika”. Il-paragrafu 3 ta’ dan l‑Artikolu jistipula li “[l]-Istat Membru ospitanti m’għandux jimponi projbizzoni fuq id-dħul fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija li għaliha japplika l-paragrafu 1”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Artikolu 15 jipprevedi “s-sistema li hija applikabbli meta dritt ta’ residenza temporanju skont din id-direttiva jintemm, b’mod partikolari meta ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu li, fil-passat, ikun ibbenefika minn dritt ta’ residenza sa tliet xhur jew għal iktar minn tliet xhur skont, rispettivament, l‑Artikolu 6 jew l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, ma għadux jissodisfa l‑kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza inkwistjoni u jista’ għalhekk, bħala regola, jitkeċċa mill-Istat Membru ospitanti” (ara l-punt 74 ta’ din is-sentenza).
48 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
49 Ara s-sentenza Chenchooliah (punt 65).
50 Ara s-sentenza Chenchooliah (punt 66).
51 Ara s-sentenza Chenchooliah (punt 68).
52 Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, kif osservaw ċerti awturi tad‑duttrina, “il-protezzjoni marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija b’dan il-mod estiża: iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu bbenefikaw minn dritt ta’ residenza dderivat huma protetti b’mod iktar estensiv minn ċittadini ta’ pajjiż terz li qatt ma kienu marbuta ma’ ċittadin tal-Unjoni”. Ara Ritleng, D., “Scope and meaning of Article 15 of Directive 2004/38: Yes but no: Chenchooliah”, Common Market Law Review, Vol. 57, Nru 4, 2020, p. 1183 sa 1200, b’mod partikolari p. 1195.
53 Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
54 F’dan il-każ, dan it-telf retroattiv tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38 kellu bħala konsegwenza, kif indikat il-qorti tar-rinviju, li dawn id-drittijiet jitqiesu “irtirati ab initio”.
55 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Metock (punt 82); tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. U B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 35), u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Jobcenter Arbeitplus Bielefeld (C‑397/23, EU:C:2025:602, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Kif jirriżulta mill-premessa 25 tad-Direttiva 2004/38, dawn il-garanziji proċedurali huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad‑drittijiet taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom f’każ ta’ rifjut ta’ dħul jew ta’ residenza f’Stat Membru ieħor.
57 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
58 Infakkar li, l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2004/38 jistipula li “[l]l-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d‑deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28”.
59 Ara, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill‑Parlament u lill‑Kunsill “Għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-abbuż mill‑moviment liberu: Manwal dwar l-indirizzar tal-kwistjoni ta’ allegati żwiġijiet ta’ konvenjenza bejn ċittadini tal-UE u ċittadini mhux tal-UE fil-kuntest tal-liġi tal‑UE tal-moviment liberu ta’ ċittadini tal-UE” (SWD/2014/0284 finali), COM (2014) 604 finali, taqsima 4.2 (iktar ’il quddiem il-“manwal dwar żwiġijiet ta’ konvenjenza”). Ara wkoll COM(2014) 284 final, taqsima 4.5, p. 42.
60 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2000, Diamantis (C‑373/97, EU:C:2000:150, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61 Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
62 Il-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt ġie stabbilit fis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 52 u 53). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonixxietu, b’mod espress, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fis-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 38). Ara, iktar reċenti, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, Foggia – SGPS (C‑126/10, EU:C:2011:718, punt 50). Ara, f’dan ir-rigward, Tridimas, P. T., “The General Principles of Law: Who Needs Them?” Les Cahiers de Droit Européen, Vol. 52, Nru 1, 2015, p. 419 sa 441, b’mod partikolari p. 427.
63 Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 52 u 53), u McCarthy et (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:345, punti 108 sa 115).
64 B’mod partikolari, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-persuni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li s-sempliċi fatt li ċittadin ta’ Stat Membru għażel li jikseb kwalifika professjonali fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih jirrisjedi, bil-għan li jibbenefika minn leġiżlazzjoni iktar favorevoli, ma huwiex, fih innifsu, biżżejjed sabiex jitqies li teżisti sitwazzjoni ta’ abbuż ta’ dritt. Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 50), u l-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Wahl f’dawn il-Kawżi magħquda (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:265, punti 91 u 92).
65 Ara l-premessa 28 tad-Direttiva 2004/38 u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2023, p. 72: “l-abbuż jista’ jieħu wkoll il-forma ta’ relazzjonijiet oħrajn ta’ konvenjenza”.
66 Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 27), u tat‑23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C‑109/01, EU:C:2003:491, punti 55). F’dan ir-rigward nirrileva, kif indikat il-Kummissjoni, li “żwieġ ma jistax jitqies bħala żwieġ ta’ konvenjenza sempliċement għax jiffaċilita l‑immigrazzjoni jew saħansitra għax jagħti lok għal xi vantaġġ ieħor, ikun liema jkun. Il-kwalità tar-relazzjoni ma għandhiex impatt fuq l-applikazzjoni tal‑Artikolu 35”. Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2009, p. 16. Dwar l‑indikaturi ta’ possibbli abbuż li jistgħu jwasslu għal inkjesta, ara l-manwal dwar żwiġijiet ta’ konvenjenza, p. 7, punt 4.1. Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti AELE tad‑9 ta’ Frar 2021, Kerim (E‑1/20, punt 36) u tat‑23 ta’ Novembru 2021, Q et (E‑16/20, punti 59 sa 64).
67 Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, ta’ benefiċċji soċjali jew vantaġġi soċjali li għadhom jistgħu jitħallsu jew jiġu mitluba minn ċittadin tal-Unjoni jew mill-membri tal-familja tiegħu li huma nies ta’ stat terz, abbażi ta’ numru ta’ snin ta’ residenza akkwistati b’mod illegali. F’dan il-każ, jista’ jiġi immaġinat, b’mod partikolari, li benefiċċji soċjali jistgħu jiġu miċħuda jew li l-awtoritajiet nazzjonali jista’ jitolbu l‑irkupru tagħhom.
68 Mil-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2009 (p. 16) u tat‑2023 (p. 71) jirriżulta li d‑Direttiva 2004/38 “ma żżommx lill-Istati Membri milli jinvestigaw każijiet individwali meta jkun hemm suspett fondat sewwa ta’ abbuż. Madankollu, id-dritt tal-UE jipprojbixxi verifiki sistematiċi”.
69 Il-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tikkontesta b’mod effettiv akkuża ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi u li teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha tista’ tkun kompromessa meta l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu din l-akkuża biss wara perijodu twil.
70 Bħal b’mod partikolari l-annullament ċivili tal-effetti ta’ żwieġ ta’ konvenjenza jew ta’ multi amministrattivi. Ara, f’dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal‑2009, p. 16 u, tal‑2023, p. 71 u 72.
71 Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 39, 41, 42, 45, 55 u 56), u tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189, punti 30 sa 32 u 40). Ara, ukoll, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni) (C‑118/20, EU:C:2022:34); tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Stadt Duisburg (Żamma tad‑drittijiet miksuba wara naturalizzazzjoni) (C‑720/19, EU:C:2020:847), u tal‑5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża) (C‑689/21, EU:C:2023:626).