Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fid‑9 ta’ Ottubru 2025 (1)

Kawża C519/24

Nitrogénművek Vegyipari Zrt.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Veszprémi törvényszék (Qorti ta’ Veszprém, l-Ungerija))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoniji ta’ gassijiet serra — EU ETS — Għanijiet tad-Direttiva 2003/87 — Kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas — Rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju — Taxxa nazzjonali fuq id-diossidu tal-karbonju prodott li jirriżulta mill-użu ta’ kwoti mingħajr ħlas)






I.      Introduzzjoni

1.        Is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE (2) (iktar ’il quddiem l-“EU ETS”) hija waħda mill-istrumenti li permezz tagħhom l-Unjoni Ewropea tfittex li tilħaq l-għanijiet ambjentali tagħha. Id-direttiva għandha l-għan li tiddekarbonizza l-ekonomija tal-Unjoni billi tirregola l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem “emissjonijiet ta’ GS”). Fl-istess ħin, u b’kont meħud tal-interessi ekonomiċi tal-Unjoni, hija tfittex li tikseb tnaqqis b’mod kosteffiċjenti u b’mod ekonomikament effiċjenti(3).

2.        Din il-kawża tqajjem il-kwistjoni dwar sa fejn l-Istati Membri jistgħu jissuplimentaw din is-sistema stabbilita fil-livell tal-Unjoni.

II.    Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

3.        Wara l-pandemija tal-COVID-19 u minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukraina, fis‑17 ta’ Lulju 2023 l-Ungerija adottat il-jelentős térítésmentes kibocsátásiegység-kiosztásban részesülő létesítmény üzemeltetőjét érintő egyes veszélyhelyzeti szabályokról szóló 320/2023. (VII. 17.) Kormányrendelet (id-Digriet Governattiv Nru 320/2023 dwar Ċerti Regoli ta’ Emerġenza għall-Operaturi ta’ Installazzjonijiet li Jibbenefikaw Minn Allokazzjoni Sinjifikattiva Mingħajr Ħlas ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet, iktar ’il quddiem id-“Digriet Governattiv”).

4.        Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Veszprémi törvényszék (il-Qorti ta’ Veszprém, l-Ungerija, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) titlob kjarifika mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt tal-Unjoni rilevanti sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-Digriet Governattiv mal-għanijiet u mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87.

5.        Quddiem il-qorti tar-rinviju, Nitrogénművek Vegyipari Zrt., kumpannija li tipproduċi fertilizzanti tan-nitroġenu stabbilita fl-Ungerija (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), tikkontesta deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa nazzjonali, li ddikjaratha responsabbli għal taxxa fuq il-karbonju skont id-Digriet Governattiv.

6.        Id-Digriet Governattiv jimponi taxxa fuq il-karbonju, ikkalkolata skont il-kwantità ta’ emissjonijiet, fuq l-“operatur[i] ta’ installazzjoni li tibbenefika minn allokazzjoni sinjifikattiva ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas”. It-taxxa hija imposta jekk dawn l-operaturi (i) ipproduċew emissjonijiet iċċertifikati ta’ diossidu tal-karbonju medju annwali matul it-tliet snin ta’ qabel is-sena inkwistjoni u li jaqbżu l-25 000 tunnellata, u (ii) irċevew matul is-sena ta’ qabel is-sena inkwistjoni l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas ekwivalenti għal mill-inqas 50 % tal-medja tal-emissjonijiet totali ċċertifikati tagħha ta’ diossidu tal-karbonju matul it-tliet snin ta’ qabel is-sena inkwistjoni (4).

7.        Id-Digriet Governattiv jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu bħala li japplika biss għall-operaturi ta’ installazzjoni li jibbenefikaw minn allokazzjoni sinjifikattiva  ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas u li għandhom “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott” jew “subinstallazzjonijiet ta’ emissjonijiet minn proċess”, fis-sens tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (5).

8.        Peress li taqa’ f’dak il-kamp ta’ applikazzjoni, ir-rikorrenti ġiet iddikjarata responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju.

9.        Madankollu, ir-rikorrenti qieset li d-Digriet Governattiv, li fuqu huwa bbażat il-piż fiskali, kien imur kontra kemm il-Magyarország Alaptörvénye (iktar ’il quddiem “il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija”) kif ukoll id-dritt tal-Unjoni u għalhekk talbet li l-awtoritajiet tat-taxxa jħalluha temenda d-dikjarazzjoni fiskali tagħha.

10.      In-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Veszprém Vármegyei Adó- és Vámigazgatósága (l-Awtorità Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana – id-Direttorat tat-Taxxa u tad-Dwana, Provinċja ta’ Veszprém, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa tal-ewwel grad”) ċaħdet id-dikjarazzjoni fiskali tar-rikorrenti, ippreżentata fil‑21 ta’ Diċembru 2023, billi qieset li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Governattiv kienu fis-seħħ u applikabbli għar-rikorrenti.

11.      Sussegwentement ir-rikorrenti ippreżentat azzjoni amministrattiva kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa tal-ewwel grad quddiem in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (l-Awtorità Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana – Direttorat tal-Appelli, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa tat-tieni grad” jew il-“konvenuta”).

12.      L-awtorità tat-taxxa tat-tieni grad ikkonfermat id-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa tal-ewwel grad. Hija ppreċiżat li, bħala awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet tat-taxxa ma humiex awtorizzati jiddeċiedu dwar il-legalità ta’ dispożizzjoni legali fir-rigward ta’ kwalunkwe allegata inkompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni tal-Ungerija jew tad-dritt tal-Unjoni. Hija qieset li kien hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

13.      Wara din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tat-taxxa kemm tal-ewwel grad kif ukoll tat-tieni grad (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”) għandhom jiġu emendati b’mod li dik il-qorti tar-rinviju tilqa’ id-dikjarazzjoni fiskali tagħha. Alternattivament, hija talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u l-kundanna tal-konvenuta sabiex tibda proċeduri ġodda u sabiex tagħti deċiżjoni ġdida. Ir-rikorrenti bbażat it-talbiet tagħha fuq l-argument li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jiksru l-Liġi Fundamentali tal-Ungerija u l-EU ETS, u jmorru kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87.

14.      Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, ir-rikorrenti sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li t-taxxa fuq id-diossidu tal-karbonju hija inkompatibbli mal-għan li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, li l-Unjoni fittxet li tiżgura billi introduċiet l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fl-EU ETS. Peress li l-impożizzjoni ta’ din it-taxxa hija direttament marbuta mal-kwoti mingħajr ħlas miġbura skont id-Direttiva 2003/87, dan għandu l-effett, fil-prattika, li jċaħħad dawk il-kwoti min-natura tagħhom ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas.

15.      Ir-rikorrenti żiedet li d-Digriet Governattiv jikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija diskriminatorja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet li d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Digriet Governattiv hija arbitrarja u diskriminatorja fir-rigward tal-operaturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi meta mqabbla ma’ dawk li ma jaqgħux taħtu, kif ukoll fir-rigward tal-operaturi stabbiliti fl-Ungerija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu meta mqabbla mal-operaturi ta’ Stati Membri oħra.

16.      Ir-rikorrenti sostniet ukoll li d-Digriet Governattiv jmur kontra kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li jinkludi restrizzjoni sproporzjonata mhux iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u għalhekk jmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fir-rigward tal-kunċett ta’ “operatur” skont l-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, billi jagħti vantaġġ selettiv lill-operaturi ekonomiċi l-oħra, id-Digriet Governattiv jikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat mhux innotifikata li tikser l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

17.      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti sostniet li d-Digriet Governattiv jikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata tal-proprjetà u għalhekk jikser l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ppreċiżat li kull restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali għandha tosserva l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li din għandha tkun prevedibbli u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati żmien biżżejjed sabiex jipproċedu bl-emendi meħtieġa mill-emendi leġiżlattivi inkwistjoni. In-nuqqas ta’ perijodu tranżitorju jikser dawn il-prinċipji.

18.      Il-konvenuta quddiem il-qorti tar-rinviju talbet li l-azzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju tiġi miċħuda u li jinżamm ir-raġunament ġuridiku espost fid-deċiżjonijiet kontenzjużi. B’mod partikolari, il-konvenuta sostniet li d-Digriet Governattiv ma jiksirx id-Direttiva 2003/87.

19.      Fir-rigward tat-talbiet tagħhom dwar il-konformità (jew in-nuqqas ta’ konformità) tad-Digriet Governattiv mad-Direttiva 2003/87, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-konvenuta invokaw l-istess ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri Iberdrola et (6), ŠKO-Energo (7) u PPC Power (8).

20.      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-libertà ta’ stabbiliment, il-konvenuta indikat li ma kienx ċar kif tali libertà setgħet tiġi miksura peress li r-rikorrenti hija diġà stabbilita fl-Ungerija u li l-istabbiliment tagħha — jew il-bidu jew it-tkomplija tal-attivitajiet tagħha — fi Stat Membru ieħor bl-ebda mod ma huwa, minn kwalunkwe perspettiva, is-suġġett ta’ din il-kawża (9). Fl-aħħar nett, il-konvenuta rreferiet għal Adusbef et (10), sabiex issostni t-teżi tagħha li l-libertà ta’ intrapriża ma hijiex dritt assolut u tista’ tkun suġġetta għal interventi mill-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika. Il-konvenuta sostniet ukoll li d-dritt għall-proprjetà ma huwiex dritt assolut u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ wkoll ikun suġġett għal restrizzjonijiet.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Veszprémi törvényszék (il-Qorti ta’ Veszprém) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-[Direttiva 2003/87] għandha jew tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-għanijiet tagħha u d-dispożizzjonijiet tagħha – b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, l-Artikoli 1, 10 u 11 tagħha, u l-premessi 5, 7 u 20 tagħha, jipprekludu miżura nazzjonali (Digriet Governattiv dwar it-Taxxa fuq il-Karbonju) li

–        tissuġġetta a posteriori l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għal piż fiskali (impożizzjoni ta’ tariffa);

–        tissuġġetta a posteriori l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għal piż fiskali (impożizzjoni ta’ tariffa);

–        tissuġġetta a posteriori l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għal piż fiskali (impożizzjoni ta’ tariffa) li għandu bħala konsegwenza li l-kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas jitneħħilhom il-valur tagħhom u l-effett ta’ kumpens tagħhom;

–        tissuġġetta a posteriori l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għal piż fiskali (impożizzjoni ta’ tariffa) li għandu bħala konsegwenza li l-operaturi jiġu skoraġġuti milli jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, milli jtejbu l-prestazzjonijiet ambjentali tagħhom jew milli jinvestu f’teknoloġiji li josservaw iktar l-ambjent;

–        tissuġġetta a posteriori l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għal piż fiskali (impożizzjoni ta’ tariffa) li l-għan tiegħu ma għandu l-ebda tip ta’ relazzjoni mal-protezzjoni tal-ambjent jew mas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-għanijiet tagħha, iżda li l-għan tiegħu, u l-unika ġustifikazzjoni tas-setgħa li ppermettiet li jiġi adottat, huwa li jiġu rrimedjati l-konsegwenzi tal-kunflitt armat u tal-katastrofi umanitarja li qiegħda sseħħ fil-viċinat tal-Ungerija?

(2)      Fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-Artikoli 18, 49 u 56 TFUE, mill-Artikolu 21 tal-[Karta] u mill-Artikolu 14 tal-[KEDB], il-kunċett ta’ ‘operatur’, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87, għandu jew jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali (Digriet Governattiv dwar it-Taxxa fuq il-Karbonju) li, b’mod inġustifikat u arbitrarju, u mingħajr ma tkun ibbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tissuġġetta ċerta kategorija ta’ tali operaturi għal diskriminazzjoni meta mqabbel ma’ operaturi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija miżura?

(3)      L-Artikoli 18, 49 u 56 TFUE għandhom jew jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali (Digriet Governattiv dwar it-Taxxa fuq il-Karbonju) li tirrestrinġi l-eżerċizzju tal-libertajiet li huma stabbiliti fihom, u li

–        b’mod inġustifikat u arbitrarju, u mingħajr ma tkun ibbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tissuġġetta għal regoli differenti (iktar onerużi) lil ċerta kategorija ta’ operaturi fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87 (jiġifieri tiddiskrimina kontrihom);

–        - tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha b’mod arbitrarju, mingħajr ma tkun ibbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u ma hijiex xierqa sabiex tilħaq l-għanijiet tas-setgħa li ppermettiet li tiġi adottata, u

–        ġiet introdotta f’daqqa waħda u b’mod imprevedibbli, peress li għaddew biss tlett ijiem bejn il-pubblikazzjoni tagħha u d-dħul fis-seħħ tagħha, u li timponi a posteriori obbligi b’effett retroattiv dwar fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha?

(4)      Il-protezzjoni tal-proprjetà ggarantita mill-Artikolu 17 tal-Karta u mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB għandha jew tista’ tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi miżura nazzjonali (Digriet Governattiv dwar it-Taxxa fuq il-Karbonju) li tinvolvi, min-natura tagħha, approprjazzjoni indebita u tinkludi intervent sproporzjonat u intollerabbli li jċaħħad kompletament lill-operaturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha mill-benefiċċji tagħhom f’futur qarib ħafna?”

22.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea bagħtu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Fil‑25 ta’ Ġunju 2025 saret seduta li fiha dawn il-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali.

III. Analiżi

A.      Fuq id-domandi preliminari

24.      Għandhom isiru xi osservazzjonijiet preliminari fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari.

25.      L-ewwel nett, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni, inter alia, tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. Fil-verżjoni oriġinali ta’ dik d-direttiva, id-dispożizzjoni li kienet tittratta l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas kienet fil-fatt l-Artikolu 10. Madankollu, minn dak iż-żmien ’l hawn, dik id-direttiva ġiet emendata diversi drabi (11), u b’hekk l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas hija issa prevista fl-Artikolu 10a tagħha. Għaldaqstant, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem fis-sens li teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a ta’ dik id-direttiva, u mhux tal-Artikolu 10 tagħha.

26.      It-tieni nett, l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda xenarji differenti ppreżentati f’ħames partijiet. Ix-xenarju ppreżentat fl-ewwel parti, li jikkonċerna t-taxxa fuq l-emissjonijiet li tirriżulta mill-użu tal-kwoti ta’ emissjonijiet b’mod ġenerali, huwa ipotetiku peress li dan ix-xenarju ma jikkorrispondix għaċ-ċirkustanzi tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Għall-kuntrarju, it-taxxa inkwistjoni f’din il-kawża, imposta mid-Digriet Governattiv, tikkonċerna taxxa fuq l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju li jirriżultaw mill-installazzjonijiet li jirċievu kwantità sinjifikattiva ta’ kwoti mingħajr ħlas, u tikkonċerna biss tali installazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi għal din il-parti tal-ewwel domanda.

27.      L-elementi l-oħra tal-ewwel domanda jirrigwardaw it-taxxa fuq l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ kwoti mingħajr ħlas. Fil-fatt, dawn il-partijiet tad-domanda diġà jikklassifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li ċċaħħad il-kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas mill-valur u l-effett kumpensatorju tagħhom, kif ukoll li jkollha l-effett li tiddisswadi lill-operaturi milli jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, li jtejbu l-effiċjenza ambjentali tagħhom u/jew li jinvestu f’teknoloġiji li huma iktar favur l-ambjent. Sussegwentement, hija tistaqsi jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tali effetti, hijiex awtorizzata jew ipprojbita mid-Direttiva 2003/87.

28.      Il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex fil-fatt tali effetti ma hijiex kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari. Peress li kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li speċifikament tippreġudika l-għanijiet ta’ direttiva hija inevitabbilment prekluża minn dik id-direttiva, għandu jiġi mifhum mid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża li l-qorti tar-rinviju qiegħda fir-realtà titlob konferma li l-għanijiet li hija isemmi huma fil-fatt l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/87 fiż-żamma tal-kwoti mingħajr ħlas fl-EU ETS.

29.      Fl-analiżi tiegħi, ser nirrispondi għalhekk għad-domanda ffokata fuq l-għanijiet taż-żamma tal-kwoti mingħajr ħlas fl-EU ETS, kif ukoll fuq il-kuntest ġuridiku li permezz tiegħu dawn l-għanijiet huma ggarantiti.

30.      L-aħħar parti tal-ewwel domanda tirrigwarda jekk piż fiskali huwiex prekluż minħabba li ma għandu l-ebda rabta mal-protezzjoni tal-ambjent jew mal-EU ETS u l-għanijiet tagħha, iżda pjuttost għandu l-għan li jindirizza l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukraina. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tingħata biss jekk it-taxxa inkwistjoni ma tmurx kontra l-għanijiet tal-kwoti mingħajr ħlas fil-kuntest tal-EU ETS. Jekk dan huwa l-każ, id-Direttiva 2003/87 tipprojbixxiha indipendentement mill-għan baġitarju intern tagħha.

31.      Fir-rigward tat-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda, ma nqisx li dawn huma rilevanti. Id-Direttiva 2003/87 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE (dak iż-żmien l-Artikolu 175(1) KE), li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ambjent. Madankollu, skont il-premessa 7 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tagħha huma wkoll meqjusa neċessarji sabiex tiġi ppreżervata l-integrità tas-suq intern u jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni titqies li tmur kontra dik id-direttiva, ma jkunx neċessarju li jiġi stabbilit jekk din tmur ukoll kontra kemm il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li din tkun ipprojbita mid-direttiva stess.

32.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ser nindirizza l-għanijiet tad-distribuzzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet lil ċerti operaturi tas-suq. Jekk il-qorti ta’ rinviju tikkonstata li d-Digriet Governattiv u d-deċiżjonijiet adottati abbażi ta’ dan id-digriet jmorru kontra dawk l-għanijiet, hija għandha twarrab il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

B.      Għanijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas

33.      Kif indikat fil-parti introduttiva, u kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-EU ETS għandha l-għan li tnaqqas b’mod sostanzjali l-emissjonijiet ta’ GS fl-Unjoni mingħajr, madankollu, ma ddgħajjef l-iżvilupp ekonomiku, l-impjiegi u l-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni (12).

34.      B’mod ġenerali, l-iskema EU ETS taħdem b’tali mod li kull emissjoni ta’ GS koperta mill-iskema għandha tikkorrispondi għall-kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li għandhom jiġu ċeduti. Sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni għandu jċedi l-ammont ta’ kwoti li jikkorrispondi għall-emissjonijiet ta’ GS tiegħu matul dak il-perijodu (13).

35.      Il-kwoti jistgħu jiġu akkwistati permezz ta’ rkant, jiġifieri bi ħlas, jew allokati mingħajr ħlas. Filwaqt li, fl-istess ħin, il-limitu massimu tal-ammont globali ta’ emissjonijiet permessi jitnaqqas gradwalment.

36.      L-EU ETS kif teżisti llum ġiet introdotta fi stadji. Sa issa, kien hemm erba’ perjodi ta’ skambju tal-EU ETS (14).

37.      Matul l-ewwel perijodu ta’ skambju, mis-sena 2005 sas-sena 2007, kważi l-kwoti kollha li jkopru l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet inklużi fl-iskema ġew allokati mingħajr ħlas abbażi tal-ammont ta’ emissjonijiet passati ta’ dawn l-industriji. Għal dak il-perijodu, kull Stat Membru kellu jiffissa l-limitu massimu, li kien ifisser li l-awtoritajiet nazzjonali kienu inkarigati li jistabbilixxu l-volum ta’ kwoti allokati lil kull installazzjoni abbażi tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet tagħhom.

38.      Matul it-tieni perijodu ta’ skambju, mis-sena 2008 sas-sena 2012, il-proporzjon ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas naqas għal madwar 90 %. Bħal fil-perijodu preċedenti, l-allokazzjoni tal-kwoti ġiet deċiża fil-livell tal-Istati Membri, li wassal għal approċċi nazzjonali diverġenti. Sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi li dan ħoloq, il-leġiżlatur tal-Unjoni adatta l-iskema għat-tielet darba.

39.      Il-bidla sostanzjali fis-sistema seħħet matul it-tielet perijodu ta’ skambju, li kien bejn l-2013 u l-2020. Mill-bidu ta’ dan il-perijodu, l-Istati Membri ma kinux għadhom meħtieġa jfasslu pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni. Minflok, dawn il-pjanijiet ġew issostitwiti mil-limitu massimu uniku tal-kwoti fil-livell tal-Unjoni. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-limitu massimu tnaqqas kull sena f’konformità mal-mira klimatika tal-Unjoni, u b’hekk jiġi żgurat li l-emissjonijiet ġenerali tal-Unjoni jonqsu maż-żmien.

40.      Matul dak it-tielet perijodu, l-irkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet sar is-sistema prestabbilita meta dawn kienu qegħdin jiġu allokati. Madankollu, kwoti mingħajr ħlas baqgħu jiġu ddistribwiti.

41.      Filwaqt li matul l-ewwel żewġ perijodi, l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas tista’ tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi introdott is-suq il-ġdid tal-kwoti u li l-operaturi ekonomiċi parteċipanti jkunu jistgħu jippreparaw ruħhom għalih, għaliex inżammu l-kwoti mingħajr ħlas matul it-tielet u r-raba’ perijodu ta’ skambju?

42.      L-iktar raġuni importanti – rilevanti wkoll matul l-ewwel żewġ perijodi, kif ikkonfermata mill-ġurisprudenza relatata ma’ dawn il-perijodi (15) – hija l-prevenzjoni tat-telf ta’ kompetittività bejn l-industriji tal-Unjoni, li tista’ twassal għall-hekk imsejjaħ fenomenu ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (16).

43.      Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tfisser ir-riskju ta’ spostament ta’ produzzjoni u b’hekk ta’ emissjonijiet ta’ GS lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni, xprunat mill-piż ekonomiku impost mid-dekarbonizzazzjoni fl-Unjoni (17).

44.      Kif imsemmi iktar ’il fuq , ir-regolamentazzjoni u l-ġestjoni tal-EU ETS saru ċċentralizzati fit-tielet perijodu ta’ skambju, li kien jirrikjedi regoli armonizzati tal-Unjoni. Minn dakinhar ’l hawn, id-distribuzzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas qiegħda tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-livell tal-Unjoni. Abbażi tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni tistabbilixxi lista ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (18), li tenumera s-setturi u s-subsetturi li jistgħu jibbenefikaw mill-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas minħabba l-espożizzjoni tagħhom għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-installazzjonijiet u s-subinstallazzjonijiet li joperaw f’dawn is-setturi jistgħu jirċievu kwoti mingħajr ħlas li jkopru sa 100 % tal-emissjonijiet tagħhom.

45.      Madankollu, il-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ma hijiex l-uniku għan tas-sistema mingħajr ħlas tal-kwoti stabbilita skont l-EU ETS. Il-kwoti mingħajr ħlas ma jistgħux ifixklu l-għan ewlieni ta’ dik l-iskema, jiġifieri d-dekarbonizzazzjoni. Għaldaqstant, l-għan l-ieħor li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas hija intiża li tilħaq huwa li tħeġġeġ lill-installazzjonijiet li jirċievu dawn il-kwoti jintroduċu madankollu teknoloġiji ġodda iktar nodfa. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi li installazzjonijiet eliġibbli għal kopertura ta’ 100 % tal-emissjonijiet tagħhom jistgħu jirċievu tali kwoti biss jekk jaħdmu tajjeb f’termini ta’ dekarbonizzazzjoni, fatt li huwa ddeterminat abbażi ta’ parametri referenzjarji tal-prestazzjoni ex ante armonizzati madwar l-Unjoni kollha. L-għadd ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni ma għandux jibqa’ jiġi kkalkulat biss abbażi tal-emissjonijiet tal-passat, iżda jiġi ddeterminat bl-użu tal-parametri referenzjarji tal-emissjonijiet tal-GS żviluppati għal kull prodott. Kif spjegat mill-Kummissjoni, il-parametri referenzjarji huma ddeterminati abbażi tal-ogħla 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti f’termini ta’ dekarbonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni (19); dan għandu l-għan li jippremja installazzjonijiet li jsiru iktar nodfa u jinċentiva installazzjonijiet oħra biex isegwu l-istess triq.

46.      Sabiex ikun hemm allinjament mal-proġett tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (20) u sabiex tintlaħaq il-mira klimatika tal-Unjoni tal-2030 ta’ tnaqqis ta’ tal-inqas 55% tal-emissjonijiet netti meta mqabbel mal-livelli tal-1990, l-EU ETS ġiet adattata għar-raba’ darba, mill-2021 (21).

47.      Din il-kawża tikkonċerna r-raba’ perijodu ta’ skambju, li jestendi mill‑2021 sal‑2030.

48.      Meta mqabbla mat-tielet perijodu ta’ skambju, ma kien hemm l-ebda tibdiliet sinjifikattivi fir-rigward tal-għanijiet tal-allokazzjoni mingħajr ħlas, jew fil-metodi essenzjali biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

49.      Matul ir-raba’ perijodu, irkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jibqa’ l-metodu prinċipali tad-distribuzzjoni tagħhom u huwa rregolat mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, il-kwoti għadhom jitqassmu wkoll mingħajr ħlas, u l-allokazzjoni tagħhom hija rregolata mill-Artikoli 10a u 10b tad-Direttiva 2003/87, fejn l-ewwel wieħed jikkonċerna r-regoli għall-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji ex ante fil-livell tal-Unjoni kollha u it-tieni wieħed jistabbilixxi r-regoli għad-determinazzjoni tas-setturi esposti għar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

50.      Barra minn hekk, matul dan il-perijodu, in-numru ta’ setturi li jibbenefikaw minn allokazzjonijiet mingħajr ħlas naqas għal 63, li xorta kien jirrappreżenta proporzjon kbira tal-emissjonijiet fl-Unjoni, jiġifieri 94 % (22). Madankollu, anki jekk teoretikament dawn is-setturi jistgħu jirċievu kwoti mingħajr ħlas sabiex ikopru 100 % tal-emissjonijiet tagħhom, huma xorta jkollhom jixtru l-kwoti l-oħra fis-suq sabiex ikopru l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom– jekk huma ma jagħtux prestazzjoni tajba daqs l-ogħla 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti. Fl-aħħar nett, is-sistema ta’ kalkolu ta’ tali parametri referenzjarji ġiet ukoll parzjalment emendata matul ir-raba’ perijodu (23).

51.      Minkejja xi bidliet li saru matul ir-raba’ perijodu ta’ negozjar meta mqabbel mat-tielet, ir-raġunijiet ewlenin għaż-żamma tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas baqgħu l-istess — minn naħa waħda jservu biex tinżamm il-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni u biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u, min-naħa l-oħra, dawn għandhom l-għan li jinċentivaw l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni f’setturi eliġibbli għal kwoti mingħajr ħlas.

52.      Dawn iż-żewġ għanijiet jistgħu jeħtieġu miżuri differenti jew saħansitra kontradittorji. Is-sistema armonizzata tal-Unjoni għall-kwoti mingħajr ħlas skont l-EU ETS għalhekk għandha l-għan li tibbilanċja dawn iż-żewġ għanijiet.

53.      Sakemm ma jkunx hemm miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni globali, il-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni koperti mill-EU ETS ser tiġi affettwata, peress li l-prodotti importati minn pajjiżi oħra li ma għandhomx tali miżuri ambjentali jistgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet iktar baxxi. Dan jista’ jinbidel bl-introduzzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (iktar ’il quddiem iċ“CBAM”), li eventwalment jista’ jelimina r-raġunijiet għaż-żamma mingħajr ħlas tal-kwoti (24). Madankollu, l-introduzzjoni tranżitorja taċ-CBAM fl‑2023 ma influwenzatx iċ-ċirkustanzi inkwistjoni f’din il-kawża, peress li r-rikorrenti baqgħet installazzjoni li għandha dritt għall-kopertura sħiħa tal-emissjonijiet tagħha permezz ta’ kwoti mingħajr ħlas għall-produzzjoni tagħha fi ħdan il-parametri referenzjarji.

C.      Il-kompetenzi li fadal tal-Istati Membri fir-rigward tal-allokazzjoni mingħajr ħlas taħt l-EU ETS

54.      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-iskema tal-kwoti mingħajr ħlas skont l-EU ETS, ir-regoli dwar l-allokazzjoni tagħhom huma kompletament armonizzati fil-livell tal-Unjoni (25). Għal dan l-għan, l-istrument prinċipali huwa d-Direttiva 2003/87, li abbażi tagħha l-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ta’ implimentazzjoni u ċerti atti ddelegati li jistgħu jissupplimentawha. L-Artikolu 10a(1) ta’ dik id-direttiva jirreferi għal każijiet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tista’ tissupplimenta r-regoli armonizzati mil-leġiżlatur tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas.

55.      Abbażi tas-setgħat iddelegati tagħha, il-Kummissjoni għalhekk adottat id-Deċiżjoni Delegata 2019/708 li temenda l-lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perijodu 2021 sa 2030 (26).

56.      Qasam ieħor li fih il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta d-Direttiva 2003/87 b’atti ddelegati huwa l-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas lil installazzjonijiet inklużi fil-lista ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, li għalihom hija tista’ tadotta regoli komuni. L-att iddelegat li huwa rilevanti għall-perijodu ta’ skambju kurrenti u għall-installazzjonijiet fissi, bħall-installazzjoni tar-rikorrenti, huwa r-Regolament Delegat 2019/331. Il-Kummissjoni adottat ukoll il-parametri referenzjarji riveduti għall-perijodu bejn l-2021 u l-2025 fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/447 (27).

57.      Abbażi ta’ dawn l-atti, bħala parti mill-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni, l-Istati Membri pprovdew lill-Kummissjoni bil-listi nazzjonali tagħhom ta’ installazzjonijiet u ta’ subinstallazzjonijiet li għandhom dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont ir-regoli armonizzati tal-Unjoni. Il-Kummissjoni sussegwentement approvat dawn il-listi jekk dawn kienu meqjusa konformi mar-regoli armonizzati tal-Unjoni previsti mid-Deċiżjoni (UE) 2021/355 (28).

58.      Anki jekk jiġu adottati regoli ddettaljati mill-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni tar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u għall-istabbilment tal-parametri referenzjarji kif ukoll il-lista tal-installazzjonijiet eliġibbli u l-kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li huma jistgħu jirċievu matul perijodu partikolari. Dawn il-kriterji leġiżlattivi jorbtu lill-Kummissjoni meta tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni u regoli supplimentari. Għalhekk, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DK Recycling (29), il-Kummissjoni għandha tosserva r-regoli skont id-Direttiva 2003/87 meta tistabbilixxi parametri referenzjarji u l-lista ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (30).

59.      Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, id-Direttiva 2003/87 stabbilixxiet armonizzazzjoni kompleta fil-livell tal-Unjoni, li tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni jiżgura li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern tkun minima (31).

60.      Minn dan isegwi b’mod ċar li l-Istati Membri ma jistgħux jemendaw unilateralment ir-regoli li jirregolaw l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas u li huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni.

61.      Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-proċess ta’ stabbiliment tal-listi tas-setturi esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-listi li jidentifikaw l-ogħla 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti sabiex jiġu stabbiliti parametri referenzjarji huwa kumpless u jieħu l-ħin. Hija għandha l-għan li toħloq bilanċ adegwat bejn ir-regoli li, minn naħa, jiżguraw li tinżamm il-kompetittività u jipprevjenu r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u, min-naħa l-oħra, jinċentivaw lill-operaturi ekonomiċi biex ifittxu modi kif jiddekarbonizzaw.

62.      Kif enfasizzat iktar ’il fuq, l-Istati Membri għandhom rwol fit-tfassil tas-sistema ta’ kwoti mingħajr ħlas, jiġifieri, permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, li huma għandhom jieħdu skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87. Huma għandhom jissottomettu listi dettaljati tal-installazzjonijiet li joperaw fit-territorju tagħhom lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha imbagħad taċċettahom jew tirrifjutahom wara li tkun ivverifikat il-konformità ta’ dawn l-installazzjonijiet mar-regoli armonizzati tal-Unjoni stabbiliti mill-EU ETS.

63.      Madankollu, ladarba l-listi tal-installazzjonijiet eliġibbli u l-kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li għalihom huma intitolati huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jinterferixxu iktar mas-sistema. Dan huwa minnu anki jekk iqisu li r-regoli armonizzati tal-Unjoni ma jwasslux għal dekarbonizzazzjoni suffiċjenti.

64.      Hemm biss miżura waħda li l-Istati Membri jistgħu jieħdu fir-rigward tal-kwoti mingħajr ħlas li ġew stabbiliti fil-livell tal-Unjoni. L-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri finanzjarji għall-benefiċċju ta’ ċerti setturi jew subsetturi li huma esposti għal riskju għoli ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba spejjeż indiretti sinjifikattivi tal-elettriku, dment li tali miżuri finanzjarji jkunu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u ma jwasslux għal distorsjonijiet mingħajr bżonn tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

65.      Il-ġustifikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tinstab billi jiġu eżaminati l-effetti li l-esklużjoni tas-settur tal-elettriku mis-sistema ta’ kwoti mingħajr ħlas matul it-tielet fażi ta’ skambju kellha fuq parteċipanti oħra fl-EU ETS. Il-kumpanniji tal-elettriku kellhom jibdew l-irkantar tal-kwoti tagħhom, li rriżulta f’żieda fil-prezzijiet tal-elettriku, peress li l-ispiża ta’ dak l-irkantar ġiet mgħoddija lill-konsumaturi. Żieda fil-prezzijiet tal-elettriku tirrappreżenta spejjeż indiretti għall-installazzjonijiet li jarmu l-karbonju u ma hijiex koperta mill-kwoti mingħajr ħlas li jirċievu. Konsegwentement, id-Direttiva 2003/87 tippermetti, jew wieħed jista’ saħansitra jargumenta, tirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu sussidji għal dawk l-installazzjonijiet li ma jistgħux jgħaddu tali spejjeż indiretti fuq il-konsumaturi mingħajr ma jitilfu l-kompetittività. Għalhekk, l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2003/87 jippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex itaffu r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, flimkien mal-kwoti mingħajr ħlas.

66.      Fil-fehma tiegħi, il-fatt li d-Direttiva 2003/87 innifisha tawtorizza lill-Istati Membri jieħdu miżuri addizzjonali sabiex itaffu r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju maħluqa mill-iskema tal-EU ETS fil-forma ta’ sussidji finanzjarji huwa argument favur il-fehim tas-sistema ta’ kwoti mingħajr ħlas skont dik id-direttiva bħala sistema kompletament armonizzata fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinterferixxu ma’ dik is-sistema biss jekk huma speċifikament awtorizzati jagħmlu dan mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni.

67.      Madankollu, il-fatt li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-EU ETS hija kompletament armonizzata ma jfissirx li l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu miri ta’ dekarbonizzazzjoni addizzjonali u iktar ambizzjużi, permezz ta’ strumenti bħat-taxxi fuq il-karbonju, miġbura mill-operaturi ekonomiċi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Madankollu, dawn it-taxxi ma jistgħux jinterferixxu mas-sistema ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas stabbilita skont l-EU ETS. Barra minn hekk, anki jekk dawn it-taxxi ma jinterferixxux ma’ dik l-iskema, dawn ma jistgħux joħolqu ostakli mhux iġġustifikati għal-libertajiet iggarantiti fis-suq intern.

68.      Stat Membru jista’ għalhekk, fil-fehma tiegħi, jintroduċi taxxa fuq il-karbonju – li ġeneralment iżid il-prezz tal-produzzjoni – fuq kull kumpannija li tinsab fit-territorju tiegħu li toħroġ gassijiet serra, liema taxxa taffettwa għalhekk ukoll l-installazzjonijiet li għandhom dritt għal allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-EU ETS (32). Filwaqt li l-prezz ogħla tal-produzzjoni jista’ jiskoraġġixxi lill-installazzjonijiet milli jistabbilixxu ruħhom f’dak l-Istat Membru, dan ma jaffettwax il-libertà tal-istabbiliment, bl-istess mod bħalma, pereżempju, pagi minimi ogħla fi Stat Membru wieħed meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra ma jippreġudikawx din il-libertà. Barra minn hekk, taxxa bħal din ma taffettwax b’mod negattiv l-għanijiet tal-EU ETS, anki jekk taffettwa l-effett kumpensatorju tal-allokazzjonijiet minghajr ħlas. Kumpannija stabbilita fi Stat Membru li jimponi taxxi fuq il-karbonju tista’ tiddeċiedi li tittrasferixxi l-produzzjoni tagħha lejn Stat Membru ieħor li ma jimponix taxxi fuq il-karbonju b’mod parallel mal-EU ETS, iżda li fih ser ikompli jibbenefika minn kwoti mingħajr ħlas. Konsegwentement, tali taxxa ġenerali mhux neċessarjament toħloq inċentiv sabiex kumpannija titlaq mis-suq intern tal-Unjoni u għalhekk ma tmurx kontra l-għan tal-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

69.      Għall-kuntrarju, jekk piż fiskali introdott minn Stat Membru jfixkel il-bilanċ milħuq fil-livell tal-Unjoni fis-sistema ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-EU ETS, dak il-piż ikun ipprojbit mid-Direttiva 2003/87.

D.      L-applikazzjoni għal din il-kawża

70.      Mill-analiżi preċedenti, huwa possibbli li jiġi konkluż li d-Direttiva 2003/87 tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri, inkluża taxxa fuq il-karbonju, li jinterferixxu mas-sistema armonizzata ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas u li jmorru kontra l-għanijiet ta’ tali sistema.

71.      Dan jagħti risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju.

72.      Dik il-qorti għandha, għalhekk, tevalwa jekk it-taxxa introdotta mid-Digriet Governattiv tinterferixxix effettivament mas-sistema stabbilita għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas u jekk din tmurx kontra kwalunkwe wieħed mill-għanijiet tagħha, b’mod partikolari dak li tissalvagwardja l-kompetittività tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Unjoni u li tinċentivahom jiddekarbonizzaw il-produzzjoni tagħhom.

73.      Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq tali evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi ċerti indikazzjonijiet f’dan ir-rigward sabiex tgħin lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha. Għalhekk ser noffri l-fehim tiegħi fir-rigward ta’ għalfejn id-Direttiva 2003/87 ma tippermettix li jiġu imposti piżijiet fiskali bħal dawk introdotti mid-Digriet Governattiv.

74.      Infakkar li, l-installazzjoni tar-rikorrenti tappartjeni għall-grupp ta’ setturi u subsetturi li, skont l-Artikolu 10b(1) tad-Direttiva 2003/87, jitqiesu li huma esposti għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, kif stabbilit fil-punt 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni Delegata 2019/708. Installazzjonijiet elenkati hemmhekk jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas għall-perijodu li jdum sal-2030 sa 100 % tal-kwantità li tikkorrispondi għall-parametri referenzjarji ddeterminati skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ta’ implimentazzjoni.

75.      Il-piż fiskali introdott mid-Digriet Governattiv jaffettwa l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas tar-rikorrenti, li għaliha hija kellha dritt skont is-sistema tal-EU ETS. Peress li l-piż japplika biss għall-operaturi li jibbenefikaw minn allokazzjoni sinjifikattiva ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, dak id-digriet governattiv fil-fatt jittrasforma dawn il-kwoti mingħajr ħlas fi kwoti bi ħlas. Barra minn hekk, peress li l-piż fiskali huwa applikat għall-emissjonijiet passati tal-operaturi affettwati, ir-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tinkludi tali piż fil-prezz tal-prodotti tagħha sabiex tikkumpensa għal dan il-piż. Għaldaqstant, l-impożizzjoni tal-piż fiskali inkwistjoni tmur kontra l-għan taż-żamma tal-kompetittività tal-industriji li jikkonsmaw livell għoli ta’ karbonju fl-Unjoni, milħuq bl-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas.

76.      Barra minn hekk, il-piż fiskali introdott mid-Digriet Governattiv ma japplikax għall-produtturi kollha tal-GS, anki jekk jiġi kkalkulat abbażi tal-kwantità ta’ gassijiet serra prodotti.

77.      Fil-fatt, dan japplika biss għall-produtturi tal-GS li kienu intitolati għall-kopertura sħiħa tal-produzzjoni tagħhom permezz ta’ kwoti bla ħlas skont l-EU ETS. Għalhekk, dan il-piż ġeneralment ma jżidx l-ispejjeż tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Ungerija, iżda jaffettwa esklużivament lill-operaturi ekonomiċi li ġew ikkunsidrati mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li jeħtieġu protezzjoni kontra tnaqqis fil-kompetittività u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

78.      Barra minn hekk, jidher li l-piż fiskali inkwistjoni jagħmel distinzjoni addizzjonali bejn l-operaturi li għandhom dritt għal kwoti mingħajr ħlas billi jeskludi lil dawk li jirċevuhom skont parametri referenzjarji għas-sħana u għall-kombustibbli. Waqt is-seduta, il-Gvern Ungeriż ġie mistieden jispjega r-raġunijiet għal tali distinzjoni u qal li, f’ċerti setturi, l-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni ma ntlaħqux, u għalhekk il-leġiżlatur iddeċieda li jirreaġixxi billi jintroduċi l-piż.

79.      Madankollu, kif spjegat qabel, l-installazzjonijiet, li d-dritt tagħhom għal kwoti bla ħlas ġie kkonfermat mid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri, ma jistgħux jiġu mċaħħda minn dak id-dritt permezz ta’ miżuri nazzjonali unilaterali. Il-piż fiskali inkwistjoni jinterferixxi mal-lista tal-installazzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw mill-kwoti mingħajr ħlas minħabba l-eżistenza ta’ riskju għoli ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Jekk Stat Membru jqis li jeħtieġ li tiġi emendata lista, għandu jibda tali bidla fil-livell tal-Unjoni.

80.      Meta kienu qegħdin jistabbilixxu l-listi sabiex sussegwentement jissottomettuhom lill-Kummissjoni, l-Istati Membri kellhom joqogħdu attenti rigward jekk prodott suġġett għal parametri referenzjarji kienx immanifatturat f’iktar minn installazzjoni waħda jew jekk diversi prodotti suġġetti għal parametri referenzjarji kinux manifatturati fl-istess installazzjoni, u wkoll jekk il-prodotti intermedji ġewx skambjati lil hinn mil-limiti tal-installazzjoni. Dan kien importanti, kif jenfasizza r-Regolament Delegat 2019/331, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-installazzjonijiet u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (33).

81.      Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni kollha, inħolqot il-lista li tinkludi lir-rikorrenti.

82.      Għaldaqstant, billi jinterferixxi mad-dritt tar-rikorrenti għal allokazzjonijiet mingħajr ħlas – jew mad-dritt ta’ installazzjonijiet oħra li jinsabu f’sitwazzjoni simili – il-piż fiskali inkwistjoni ser ifixkel is-sistema tal-Unjoni għall-kwoti mingħajr ħlas ibbażata fuq l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi parteċipanti kollha.

83.      Il-konvenuta ssostni li l-piż fiskali inkwistjoni huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ GS prodotti u mhux fuq il-bażi tal-valur tal-kwoti mingħajr ħlas allokati lill-operaturi taxxabbli. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq Iberdrola et, hija ssostni li d-Direttiva 2003/87 tawtorizza piżijiet fuq l-użu ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas u tipprojbixxi biss dawk imposti direttament fuq allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas.

84.      Madankollu, is-sitwazzjoni f’Iberdrola et kienet differenti; f’dik il-kawża, il-Gvern Spanjol introduċa piżijiet sabiex jelimina l-prattika li l-valur tal-kwoti jgħaddi għand il-konsumaturi tal-industrija tal-elettriku. Dik l-industrija, li f’dak iż-żmien (it-tieni perijodu ta’ skambju) kienet għadha eliġibbli għal dawk il-kwoti, kienet tinkludi u tgħaddi l-valur ta’ dawk l-emissjonijiet fil-prezzijiet li kellhom jitħallsu mill-konsumaturi, anki jekk dawk l-emissjonijiet kienu allokati mingħajr ħlas. Meta l-kwoti jiġu rkantati u l-prezz tagħhom jgħaddi għand il-konsumaturi, il-profitt li jirriżulta, maħluq mill-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jingħata lill-Istat. Meta l-kwoti jiġu allokati mingħajr ħlas iżda l-valur tagħhom ikun għadu jgħaddi għand il-konsumaturi, il-profitt mill-emissjonijiet tal-karbonju jibqa’ għand l-operatur ekonomiku li pproduċa l-emissjonijiet. Dan manifestament imur kontra l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Peress li l-għan tal-piżijiet f’dik il-kawża kien li jiġi prekluż it-twettiq ta’ tali profitti li kienu jmorru kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li dawk il-piżijiet kienu jmorru kontra dik id-direttiva.

85.      Fil-kawża preżenti, il-leġiżilazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tirrappreżentax tali korrezzjoni tal-effett tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas. Għall-kuntrarju, il-piż fiskali inkwistjoni jinnewtralizza l-valur kumpensatorju ta’ tali allokazzjonijiet u għalhekk jmur kontra l-għan li tiġi ppreżervata l-kompetittività u li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

86.      Jista’ jkun minnu li l-piż fiskali inkwistjoni jkun jista’ jinċentiva lill-operaturi suġġetti għall-imsemmi piż fiskali sabiex inaqqsu l-kwantità tal-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom, u dan jekk il-kumpannija jirnexxilha tirreżisti t-tnaqqis fil-kompetittività u tiddeċiedi li tibqa’ fl-Istat ikkonċernat. Madankollu, is-sistema tal-Unjoni għall-allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas tibbilanċja dawk iż-żewġ għanijiet. Għalhekk, l-interferenza ma’ dak il-bilanċ permezz ta’ taxxi selettivi tal-karbonju tmur kontra s-sistema armonizzata fil-livell tal-Unjoni.

87.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’żewġ kawżi oħra msemmija mill-konvenuta, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tmur kontra wieħed mill-għanijiet tas-sistema ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas. F’ŠKO-Energo, il-piżijiet direttament imposti fuq il-valur tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas tqiesu li jmorru kontra l-għan li tinżamm il-kompetittività, u f’PPC Power, taxxa Slovakka imposta fuq allokazzjonijiet mingħajr ħlas mhux użati nstabet li tmur kontra l-għan li jitħeġġu l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni.

88.      Għaldaqstant, huwa biżżejjed li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkontradixxu wieħed biss mill-għanijiet tas-sistema ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-EU ETS sabiex jiġi deċiż li miżura nazzjonali, bħal piż tal-karbonju selettiv, tmur kontra d-Direttiva 2003/87.

89.      Fl-aħħar nett, ir-raġunament espost iktar ’il fuq huwa applikabbli għal kull miżura nazzjonali, ikun xi jkun l-għan tagħha. Għaldaqstant, anki jekk, kif jirriżulta mill-aħħar parti tal-ewwel domanda preliminari, il-piż fiskali inkwistjoni ma huwiex intiż li jnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju iżda pjuttost biex jindirizza l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukraina, tali miżura titqies li tmur kontra l-EU ETS kif stabbilita mid-Direttiva 2003/87, peress li tmur kontra l-għanijiet tal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas u/jew tinterferixxi mal-bilanċ stabbilit fil-livell tal-Unjoni sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

IV.    Konklużjoni

90.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposta li ġejja lill-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Veszprémi törvényszék (il-Qorti ta’ Veszprém, l-Ungerija):

L-għanijiet u dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 10a u 11 tagħha,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu piż fiskali impost mil-liġi nazzjonali li:

–        jissuġġetta a posteriori l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għal piż fiskali li għandu bħala konsegwenza li l-allokazzjonijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas jitneħħilhom il-valur tagħhom u l-effett kumpensatorju tagħhom; jew

–        jissuġġetta a posteriori l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għal piż fiskali li għandu bħala konsegwenza li jiddisswadi lill-operaturi milli jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, li jtejbu l-effiċjenza ambjentali tagħhom jew li jinvestu f’teknoloġiji li huma iktar favur l-ambjent,

minkejja l-għan iddikjarat ta’ tali piż skont id-dritt nazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).


3      Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87. Ara wkoll il-premessi 5 u 7 tagħha.


4      Ara l-paragrafu 41(ba) u (bb) tad-Digriet Governattiv.


5      Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad‑19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2019, L 59, p. 8, rettifika fil-ĠU 2020, L 296, p. 8) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat”).


6      Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013 (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, iktar ’il quddiem “Iberdrola et”, EU:C:2013:660).


7      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015 (C‑43/14, iktar ’il quddiem “ŠKO–Energo”, EU:C:2015:120).


8      Sentenza tat‑12 ta’ April 2018 (C-302/17, iktar ’il quddiem “PPC  Power”, EU:C:2018:245).


9      Il-konvenuta rreferiet għas-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak (C‑323/18, EU:C:2020:140); tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország (C‑75/18, EU:C:2020:139); u f’Iberdrola et.


10      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020 (C‑686/18, EU:C:2020:567).


11      Kif introdotti mid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU 2009, L 140, p. 63) u kif emendata l-aħħar mid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU 2018, L 76, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/29”). Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/87 ġiet emendata mill-ġdid fl‑2023. Madankollu, dawn l-emendi saru wara ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.


12      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni (C‑540/14 P, “DK Recycling”, EU:C:2016:469, punt 49).


13      L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, l-iktar tard sat‑30 ta’ April ta’ kull sena, l-opertur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet iċedi numru ta’ kwoti egwali għall-emissjonijiet totali minn din l-istallazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ qabel kif verifikat skond l-Artikolui 15, u dawn jiġu sossegwentement ikkanċellati.”


14      Għal deskrizzjoni konċiża iżda ċara tal-evoluzzjoni u r-raġunijiet tal-fażijiet differenti tal-EU ETS, ara Sato, M. et al., “Allocation, allocation, allocation! The political economy of the development of the European Union Emissions Trading System”, WIREs Climate Change, Vol. 13, Ħarġa Numru 5, 2022, p. 1 sa 19.


15      Ara Iberdrola et, punt 39, u ŠKO-Energo, punt 28.


16      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 10 tad-Direttiva 2018/410, li emendat id-Direttiva bażika 2003/87 għar-raba’ perijodu ta’ skambju.


17      Kif spjegat minn Carević. M, “mill-aspett ambjentali, miżura li hija intiża li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tista’ tkun effettiva biss jekk din ma twassalx fl-istess ħin għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju li jirriżulta f’żieda ta’ emissjonijiet xi mkien ieħor” [traduzzjoni libera]; ara ‘Carbon leakage in the EU in the light of the Paris Climate Agreement’, Croatian Yearbook of European Law and Policy, Vol. 11, 2016, p. 47 sa 71, f’p. 51.


18      L-ewwel lista bħal din ġiet stabbilita mill-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Diċembru 2009, li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilaxx tal-karbonju (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10251) (ĠU 2010, L 1, p. 10). Sa issa, il-lista ta’ setturi esposti għal riskju sinjifikattiv ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ġiet emendata diversi drabi. Il-lista attwali hija inkluża fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/708 tal‑15 ta’ Frar 2019 li tissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-determinazzjoni ta’ setturi u sottosetturi meqjusa li jinsabu f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perijodu 2021-2030 (ĠU 2019, L 120, p. 20).


19      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87.


20      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final).


21      Dwar ir-raba’ perijodu ta’ skambju ara, pereżempju, De Clara, S. u Mayr, K., ‘The EU ETS phase IV reform: implications for system functioning and for the carbon price signal’, Oxford Energy Insight, Vol. 38, 2018, p. 1 sa 18.


22      Matul it-tielet perijodu, 156 settur li jirrappreżentaw 98 % tal-emissjonijiet setgħu jibbenefikaw minn kwoti mingħajr ħlas. Ara Sato, M. et al., nota ta’ qiegħ il-paġna 14, op. cit., p. 9.


23      Ibid.


24      Iċ-CBAM ġie introdott bir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU 2023, L 130, p. 52). Skont dan il-mekkaniżmu, il-prodotti importati minn pajjiżi li ma humiex suġġetti għal miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni jiġu imposti mad-dħul fis-suq intern tal-Unjoni, u b’hekk tiġi protetta l-kompetittività tal-produzzjoni tal-Unjoni u tinkoraġġixxi produzzjoni iktar nadifa f’pajjiżi mhux membri tal-Unjoni. Il-fażi tranżitorja tal-introduzzjoni tal-miżura bdiet fl-2023 u għandha tiġi applikata b’mod sħiħ mill‑2026.


25      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 23 tad-Direttiva 2009/29, li daħħlet l-Artikolu 10a fid-Direttiva 2003/87: “Għandha tingħata allokazzjoni gratis tranżitorja għal istallazzjonijiet permezz ta’ regoli [armonizzati] madwar il-Komunità (‘punti ta’ riferiment ex ante’) kollha sabiex tinżamm minima d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa l-Komunità. […]” (enfasi miżjuda).


26      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/447 tat‑12 ta’ Marzu 2021 li jiddetermina l-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-perijodu mill‑2021 sal‑2025 skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2021, L 87, p. 29).


28      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/355 tal‑25 ta’ Frar 2021 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2021, L 68, p. 221).


29      Punt 52.


30      Huwa għalhekk li f’DK Recycling (punt 55), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx tinkludi installazzjoni f’dik il-lista abbażi tal-kunċett ta’ “diffikultajiet”, li kien jingħad li jeżisti fuq livell nazzjonali, peress li dik il-kundizzjoni ma ġietx stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-istabbiliment tal-lista ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.


31      DK Recycling, punt 53.


32      Ara, f’dan ir-rigward, Nysten, J.V., “On the legality of national carbon pricing instruments alongside the new EU ETS 2”, npj Climate Action, Vol. 3, Ħarġa Numru 91, 2024, p. 1 sa 10.


33      Ara l-premessi 15 u 16 tar-Regolament Delegat 2019/331.