Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fil‑11 ta’ Diċembru 2025 (1)

Kawża C488/24

D.V.

vs

MB “Kigas”,

parti oħra fil-proċedura:

Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija – Direttiva 2011/83/UE – Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi – Artikolu 5 – Obbligu prekuntrattwali tal-kummerċjanti li jipprovdu informazzjoni lill-konsumaturi – Portata ta’ dan l-obbligu – Informazzjoni dwar il-karatteristiċi prinċipali ta’ kuntratt – Informazzjoni dwar il-prezz totali ta’ servizz – Informazzjoni dwar id-dazji doganali – Direttiva 2005/29/KE – Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali – Konvenzjoni dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq (CMR) – Artikolu 7”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bejn konsumatur u kummerċjant. Dan il-ftehim kien jimplika t-trasport ta’ diversi beni personali ta’ dan il-konsumatur min-Norveġja għal-Litwanja.

2.        Mad-dħul tiegħu fl-Unjoni Ewropea, meta huwa kien qiegħed jittrasporta l-merkanzija, impjegat tal-kummerċjant ġie mwaqqaf mill-awtoritajiet doganali Svediżi u ġie informat li l-merkanzija ttrasportata kienet suġġetta għal dazji doganali. Wara l-ħlas ta’ dawn id-dazji, il-kummerċjant talab lill-konsumatur ir-rimbors tal-ammont imħallas. Madankollu, il-konsumatur irrifjuta li jħallas l-ammont dovut bħala dazji fuq il-bażi li l-kummerċjant kien kiser l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali tiegħu billi naqas milli jinformah dwar il-proċeduri doganali rilevanti applikabbli għat-trasport tal-merkanzija.

3.        Id-Direttiva 2011/83/UE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi”) (2) tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li l-kummerċjanti għandhom jipprovdu lill-konsumaturi qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, bil-għan li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi (3). Madankollu, il-portata ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni ma hijiex iddefinita b’mod espliċitu fiha u, b’mod iktar preċiż, il-punt sa fejn il-kummerċjanti – li jipprovdu servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija – għandhom jaslu sabiex jissodisfaw dan l-obbligu ma huwiex ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

4.        Minħabba din l-ambigwità, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandux jinftiehem fis-sens li l-kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija lil konsumatur għandu l-obbligu li jinforma lil dan l-istess konsumatur dwar il-proċeduri doganali applikabbli għat-trasport.

II.    Il-fatti, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

5.        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, D.V. (il-mittent tal-merkanzija u l-konsumatur), ikkonkluda ftehim orali permezz tat-telefon mal-konvenuta, “Kigas” MB (iktar ’il quddiem “Kigas”), għat-trasport ta’ merkanzija.

6.        Fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, Kigas, kumpannija ta’ persuni b’responsabbiltà limitata, intrabtet li tittrasporta żewġ muturi, kwadriċiklu, żewġ magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u żewġ magni li jnixxfu l-ħwejjeġ, li kollha jappartjenu lir-rikorrent, min-Norveġja għal-Litwanja għall-prezz ta’ EUR 450. Il-partijiet ma ffirmawx kuntratt ta’ trasport bil-miktub u lanqas ma ħejjew nota ta’ kunsinna li tiddeskrivi d-dettalji tat-trasport.

7.        Fis‑16 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent ikkonsenja l-merkanzija lill-konvenuta fin-Norveġja. Skont dikjarazzjoni ta’ xhud, waqt il-kunsinna tal-merkanzija, impjegat tal-konvenuta staqsa lir-rikorrent jekk kienx neċessarju li jieqaf fid-dwana, iżda dan tal-aħħar spjega li l-merkanzija kienet qiegħda tiġi ttrasportata għalih innifsu.

8.        Fis‑17 ta’ Ġunju 2020, impjegat tal-konvenuta twaqqaf, waqt it-trasport, fil-fruntiera bejn in-Norveġja u l-Isvezja, fejn, waqt kontroll imwettaq minn uffiċjali tad-dwana, ġie deċiż li l-merkanzija kellha tiġi ddikjarata lid-dwana mad-dħul tagħha fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess jum, saret dikjarazzjoni doganali, li kienet timponi dazji doganali ta’ 40 899 krona Svediża (SEK) (EUR 3 890.59) fuq il-merkanzija ttrasportata, li l-konvenuta ħallset.

9.        Fit‑18 ta’ Ġunju 2020, il-konvenuta ffatturat lir-rikorrent l-ammont ta’ EUR 4 340.59 (EUR 450 għas-servizz tat-trasport u EUR 3 890.59 bħala dazji imposti mill-awtoritajiet doganali Svediżi).

10.      It-trasportatur ikkunsinna l-merkanzija kollha, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed mill-muturi tar-rikorrent, fil-post miftiehem fil-Litwanja, fl‑20 ta’ Ġunju 2020. Sussegwentement, il-konvenuta informat lir-rikorrent li l-mutur miżmum kien ser jingħata wara l-ħlas tal-fattura.

11.      Sussegwentement għal dan, ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra l-konvenuta quddiem il-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas, il-Litwanja), fejn talab lil din il-qorti, minn naħa, tiddikjara bħala infondata l-fattura tat‑18 ta’ Ġunju 2020 maħruġa mill-konvenuta, filwaqt li tirrikonoxxi li r-rikorrent ma huwiex responsabbli għall-ħlas tad-dazji indikati fiha, u tikkundanna lill-konvenuta toħroġ fattura ġdida li tindika biss remunerazzjoni għas-servizz ta’ EUR 450 u, min-naħa l-oħra, tordna lill-konvenuta tirritorna immedjatament il-mutur miżmum lir-rikorrent.

12.      Il-konvenuta ressqet kontrotalba quddiem il-qorti, fejn talbet lil din il-qorti, minn naħa tikkundanna lir-rikorrent iħallas EUR 450 għat-trasport tal-merkanzija u, min-naħa l-oħra tikkundanna lir-rikorrent iħallas EUR 3 876.76 bħala danni.

13.      Quddiem din il-qorti, ir-rikorrent sostna li l-konvenuta kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi li tipprovdilu l-informazzjoni neċessarja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

14.      Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ kuntratti li ma humiex kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju. Minkejja li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż bit-telefon, u għalhekk jista’ jitqies bħala kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, il-qorti tar-rinviju kkonfermat, fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jitqies bħala kuntratt li ma huwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, u għalhekk irregolat mill-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u mhux mill-Artikolu 6 tagħha.

15.      L-Artikolu 5(1)(a) u (c) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi jipprovdi:

“1.      Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt li mhuwiex kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b'mod ċar u komprensibbli, jekk dik l-imformazzjoni mhijiex diġà evidenti mill-kuntest:

(a)      il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġett jew tas-servizzi, safejn xieraq għall-mezz u għall-oġġett jew is-servizzi;

[...]

(c)      il-prezz totali tal-oġġetti jew is-servizzi inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi hija tali li l-prezz ma jistax b'mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz għandhu jiġi kkalkolat, kif ukoll, fejn hu applikabbli, kull imposta addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ghall-kunsinna jew għall-posta jew jew, fejn dawk l-imposti ma jistgħux jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, il-fatt li tali imposti addizzjonali jistgħu jkunu dovuti”.

16.      Fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-rikorrent sostna li, billi ma pprovditlux l-informazzjoni rilevanti dwar id-dazji doganali, il-konvenuta naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi. Bħala konsegwenza ta’ dan il-ksur, ir-rikorrent sostna li ma kienx responsabbli għall-ħlas tad-dazji doganali.

17.      Min-naħa tiegħu, il-konvenuta sostniet li hija ma kinitx obbligata, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, tipprovdi informazzjoni lir-rikorrent dwar id-dazji doganali jew id-dokumenti neċessarji għall-proċeduri doganali. Alternattivament, il-konvenuta sostniet li, skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni CMR (4), huwa fil-fatt ir-rikorrent, fil-kapaċità tiegħu bħala mittent, li għandu jipprovdi lit-trasportatur bl-informazzjoni rilevanti dwar id-dwana.

18.      L-Artikolu 11(1) u (2) tal-Konvenzjoni CMR jipprovdi li:

“1.      Għall-finijiet tal-formalitajiet doganali jew oħrajn li għandhom jitlestew qabel il-kunsinna tal-merkanzija, il-mittent għandu jehmeż id-dokumenti meħtieġa man-nota tal-kunsinna jew iqegħedhom għad-dispożizzjoni tat-trasportatur u għandu jipprovdilu l-informazzjoni kollha meħtieġa.

2.      It-trasportatur ma huwiex obbligat jinvestiga l-korrettezza jew l-adegwatezza ta’ dawn id-dokumenti u ta’ din l-informazzjoni. Il-mittent għandu jkun responsabbli fir-rigward tat-trasportatur għal kwalunkwe dannu kkawżata min-nuqqas, mill-insuffiċjenza jew mill-irregolarità ta’ dawn id-dokumenti u ta’ din l-informazzjoni, ħlief fil-każ ta’ tort jew ta’ negliġenza tat-trasportatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

19.      Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, il-Kauno apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaunas, il-Litwanja) laqgħet parzjalment it-talba tar-rikorrent u laqgħet il-kontrotalba tal-konvenuta fl-intier tagħha, filwaqt li ordnat lil din tal-aħħar tirritorna l-mutur lir-rikorrent u kkundannat lir-rikorrent iħallas lill-konvenuta s-somma ta’ EUR 450 għat-trasport tal-merkanzija, kif ukoll dik ta’ EUR 3 876.76 bħala danni.

20.      Din id-deċiżjoni sussegwentement ġiet appellata quddiem il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja), li kkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti inferjuri permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2023.

21.      Dawk il-qrati kkunsidraw li kemm id-dispożizzjonijiet tal-Lietuvos Respublikos civilinis kodeksas (il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja) li jirregolaw il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni CMR huma applikabbli f’din il-kawża. Barra minn hekk, ġie osservat li, fil-każ ta’ kunflitt bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-relazzjonijiet mal-konsumatur u r-regola stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni CMR, hija din tal-aħħar li għandha tipprevali. Fuq il-bażi ta’ dan ir-raġunament, u bi qbil mal-konvenuta, dawk il-qrati ddeċidew li r-rikorrent, bħala l-mittent tal-merkanzija, kien naqas mill-obbligu tiegħu li jipprovdi lill-konvenuta l-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji għat-twettiq tal-formalitajiet doganali u li r-rikorrent kien għalhekk obbligat iħallas lura lill-konvenuta l-ispejjeż sostnuti fir-rigward tad-dazji doganali.

22.      Wara d-deċiżjoni tal-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja), ir-rikorrent appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

23.      Din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija lil konsumatur huwa obbligat jinforma lil dan il-konsumatur bil-proċeduri doganali applikabbli għat-trasport.

24.      Fil-każ li jkun jeżisti tali obbligu, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiċċara l-estent u l-portata ta’ dan l-obbligu. B’mod iktar preċiż, din il-qorti tistaqsi jekk dan l-obbligu ta’ informazzjoni jimponix fuq il-kummerċjant, minn naħa, jidentifika lill-konsumatur id-dokumenti speċifiċi li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali u, min-naħa l-oħra, jikkalkola u jinforma lill-konsumatur bl-ammonti speċifiċi tad-dazji doganali applikabbli, jew jekk huwiex biżżejjed li l-konsumatur jiġi informat sempliċement bil-possibbiltà li jistgħu jiġu imposti dazji doganali.

25.      Minkejja li l-konvenuta hija professjonista fil-qasam tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija, il-qorti tar-rinviju madankollu għandha dubji dwar jekk ikunx proporzjonat li jiġi impost fuq il-kummerċjant l-oneru li jeżamina l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull waħda mill-merkanzija mogħtija lilu għat-trasport, kif ukoll ir-rekwiżiti rilevanti għal kull trasport, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazji doganali applikabbli.

26.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li r-risposta għad-domanda dwar l-estent u l-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni tal-kummerċjant fir-rigward tal-konsumatur f’dak li jirrigwarda l-proċeduri doganali applikabbli fil-kuntest tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, tkun tippermettilha tiddetermina liema parti fil-kawża prinċipali għandha tbati l-konsegwenzi negattivi għall-eżekuzzjoni mhux sodisfaċenti tal-proċeduri doganali u, min-naħa tagħha, li tiddetermina liema waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tad-dazji doganali mħallsa mill-konvenuta matul it-trasport.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      L-Artikolu 5(1)(a) tad-[Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi] li jistabbilixxi l-obbligu għall-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur dwar il-karatteristiċi tas-servizz, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-kummerċjant li jipprovdi servizz tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija lil konsumatur li jinforma lil dan tal-aħħar bil-proċeduri doganali applikabbli għat-trasport? Fl-affermattiv, huwa biżżejjed li l-kummerċjant jindika li l-mittent (il-konsumatur) irid jieħu ħsieb id-dokumenti meħtieġa sabiex jitlestew il-proċeduri doganali u jitħallsu d-dazji doganali jew il-kummerċjant għandu jipprovdi informazzjoni ddettaljata (lista) dwar id-dokumenti speċifiċi li għandhom jiġu ppreżentati lid-dwana kif ukoll it-tariffi (ammonti) tad-dazji doganali applikabbli?

(2)      L-obbligu għall-kummerċjant, previst fl-Artikolu 5(1)(c) tad-[Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi], li jinforma lill-konsumatur dwar il-prezz tal-merkanzija jew tas-servizz inkluż it-taxxi kollha jew, meta l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kkalkulat minn qabel minħabba n-natura tal-merkanzija jew tas-servizz, il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz u, jekk ikun il-każ, kwalunkwe spiża addizzjonali ta’ trasport, ta’ kunsinna jew ta’ posta jew, meta dawn l-ispejjeż ma jistgħux jiġu kkalkulati b’mod raġonevoli minn qabel, li jinfurmah li dawn l-ispejjeż jistgħu ikunu pagabbli, jimplika, għall-kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali tal-merkanzija, l-obbligu li jinforma lill-konsumatur bid-dazji doganali (tariffi u ammonti) applikabbli għat-trasport inkwistjoni?”

28.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Ċek u dak Litwan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

29.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tagħti deċiżjoni mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

III. Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari fuq id-domandi preliminari

30.      Iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu ttrattati flimkien. Permezz tad-domandi tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-obbligu impost fuq il-kummerċjanti, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, li jinformaw lill-konsumaturi dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-merkanzija jew tas-servizz ipprovdut (Artikolu 5(1)(a)) u dwar il-prezz totali tal-merkanzija jew tas-servizz (Artikolu 5(1)(c)), għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi obbligu għall-kummerċjanti li jipprovdu informazzjoni dwar il-proċeduri doganali li għalihom jistgħu jkunu suġġetti din il-merkanzija jew dan is-servizz u, fl-affermattiv, kemm għandha tkun iddettaljata din l-informazzjoni.

31.      Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi ta’ dawn id-domandi, jidhirli li huwa utli li nipprovdi ċertu kuntest, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq merkanzija li tidħol fit-territorju tal-Unjoni li toriġina min-Norveġja (Parti B) u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni CMR għal din il-kawża (Parti C).

32.      L-analiżi tiegħi tad-domandi preliminari ser tinkludi għalhekk żewġ stadji.

33.      Fl-ewwel lok, ser neżamina jekk il-proċeduri doganali jistgħux raġonevolment jitqiesu bħala waħda mill-“karatteristiċi prinċipali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, ta’ servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ser nikkonkludi li l-kunċett ta’ “karatteristiċi prinċipali”, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-proċeduri doganali u b’hekk li jimponi fuq il-kummerċjant li jipprovdi tali servizz l-obbligu li jinforma lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, li l-merkanzija ttrasportata tista’ tkun suġġetta għal dazji doganali (Parti D).

34.      Fit-tieni lok, ser nanalizza l-portata ta’ dan l-obbligu. B’mod iktar preċiż, ser neżamina jekk dan l-obbligu jimponix fuq il-kummerċjant jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti speċifiċi li għandhom jiġu ppreżentati għall-proċeduri doganali kif ukoll ir-rati u l-ammonti speċifiċi tad-dazji doganali għall-kalkolu tal-ammont totali ta’ dazju għal kull trasport (Parti E).

B.      Il-kuntest tal-proċeduri doganali f’din il-kawża

35.      Għalkemm in-Norveġja hija membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), ma hijiex membru tal-unjoni doganali tal-Unjoni Ewropea. Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) jestendi s-suq intern tal-Unjoni għan-Norveġja billi jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-prodotti; madankollu, dan ma jeliminax il-fruntieri doganali jew il-formalitajiet doganali bejn in-Norveġja u l-Unjoni (5).

36.      Għalhekk, il-merkanzija kollha ttrasportata min-Norveġja lejn it-territorju doganali tal-Unjoni għandha tiġi ppreżentata lid-dwana fil-punt tad-dħul u tkun suġġetta għal proċeduri ta’ importazzjoni u għal dazji fuq l-importazzjoni, sakemm ma jkunux japplikaw eżenzjoni speċifika jew trattament preferenzjali.

37.      Skont il-Ftehim ŻEE, merkanzija li tkun toriġina fin-Norveġja u li tkunu akkumpanjata mid-dokumenti neċessarji li jagħtu prova tal-oriġini preferenzjali, tista’ tibbenefika minn dħul mingħajr dazju fl-Unjoni.

38.      Madankollu, merkanzija li ma tkunx toriġina fin-Norveġja jew merkanzija li għaliha ma tistax tintwera l-oriġini preferenzjali għandha tibqa’ suġġetta għat-Tariffa Doganali Komuni tal-Unjoni u għall-VAT fuq l-importazzjonijiet jew għad-dazju tas-sisa applikabbli, irrispettivament minn jekk il-merkanzija ttrasportata hijiex għall-użu personali jew bħala parti minn tranżazzjoni kummerċjali (6).

39.      Għandu jiġi nnotat f’dan l-istadju li ma huwiex ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju jekk il-merkanzija ttrasportata għar-rikorrent kinitx toriġina mill-UE, min-Norveġja jew minn pajjiż terz, u għalhekk jekk il-merkanzija setgħetx tiġi eżentata mid-dazji imposti.

40.      Fi kwalunkwe każ, kif diġà indikat, sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika minn tali eżenzjoni, il-merkanzija kellha tkun akkumpanjata mid-dokumenti neċessarji li juru l-oriġini waqt il-preżentazzjoni tagħha lill-awtoritajiet doganali fl-Isvezja. Madankollu, ma ġiex ikkontestat mill-partijiet fil-kawża prinċipali li r-rikorrent (il-mittent/il-konsumatur) ma pprovdiex lill-konvenuta (it-trasportatur/il-kummerċjant) id-dokumenti u l-informazzjoni relatati ma’ tali proċeduri. Lanqas ma huwa kkontestat f’din il-kawża li l-konvenuta ma pprovdietx lir-rikorrent informazzjoni ddettaljata dwar il-proċeduri doganali, l-eżenzjonijiet applikabbli u r-rekwiżiti għalihom.

C.      L-applikabbiltà tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni CMR f’din il-kawża

41.      Qabel ma neżamina l-mertu u l-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali tal-kummerċjant fil-qasam tad-dazji doganali, ser nindirizza fil-qosor l-argumenti mressqa mill-konvenuta, u sostnuti mill-Gvern Ċek fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dwar l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni CMR.

42.      Filwaqt li jargumenta favur interpretazzjoni stretta tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant, il-Gvern Ċek isostni li kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, li ma jinkludix servizz ta’ senserija doganali (kif jidher li huwa l-każ f’din il-kawża) (7), jikkuntratta biss lil kummerċjant jittrasporta l-merkanzija u għalhekk ma jimponix fuq dan il-kummerċjant l-obbligu li jinforma lill-konsumatur bid-dazji doganali korrispondenti, peress li tali servizz ma jagħmilx parti mill-kuntratt miftiehem.

43.      Insostenn ta’ dan l-argument, il-Gvern Ċek jinvoka l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni CMR li jimponi fuq il-mittent ta’ merkanzija (li huwa wkoll il-konsumatur f’din il-kawża) l-obbligu li jipprovdi lill-kummerċjant id-dokumenti neċessarji u kull informazzjoni oħra li l-kummerċjant ikollu bżonn sabiex iwettaq il-proċeduri doganali. Qabel ma jiġi evalwat jekk tali obbligu impost fuq il-konsumatur għandux ikollu effett fuq l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali tal-kummerċjant, għandha qabelxejn tiġi eżaminata l-applikabbiltà ta’ din il-konvenzjoni għall-fatti ta’ din il-kawża.

44.      Il-Konvenzjoni CMR tikkostitwixxi l-istrument legali li jirregola d-determinazzjoni tar-responsabbiltà tat-trasportaturi fit-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq. Din il-konvenzjoni tapplika, skont l-Artikolu 1 tagħha, għal kull kuntratt ta’ trasport bi ħlas ta’ merkanzija bit-triq f’vetturi meta l-post previst għall-ġbir tal-merkanzija u l-post previst għall-kunsinna, kif speċifikati fil-kuntratt, jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti, li mill-inqas wieħed minnhom ikun Stat kontraenti għall-Konvenzjoni.

45.      F’din il-kawża, il-kwistjoni tirrigwarda kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq li jindika indirizz fin-Norveġja bħala l-post tal-ġbir tal-merkanzija u indirizz fil-Litwanja bħala l-post tal-kunsinna. Peress li kemm in-Norveġja kif ukoll il-Litwanja huma partijiet għall-Konvenzjoni CMR (8), il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà ta’ din il-konvenzjoni, kif previsti fl-Artikolu 1 tagħha, huma kompletament issodisfatti (9).

46.      Il-Konvenzjoni CMR tirregola prinċipalment l-obbligi u r-responsabbiltà limitata tat-trasportatur fit-trasport internazzjonali bit-triq u tirrikjedi li l-mittent jipprovdi d-dokumenti u l-informazzjoni neċessarji għat-twettiq tal-formalitajiet doganali.

47.      Madankollu, għandu jiġi rrilevat mill-bidu, kif irrileva l-Gvern Litwan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-Konvenzjoni CMR “fl-ebda każ ma tkopri l-kwistjonijiet kollha tad-dritt privat li jqumu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq”, u lanqas ma tirregola l-kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi (inklużi dawk relatati mal-obbligu ta’ informazzjoni tal-kummerċjant) fil-konklużjoni ta’ kuntratt bejn konsumatur u kummerċjant (10).

48.      Barra minn hekk, l-obbligu tal-konsumatur li jipprovdi lill-kummerċjant l-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji għall-formalitajiet doganali, skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni CMR, jitnissel biss wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija.

49.      B’hekk, dan l-obbligu postkuntrattwali ma jistax jinftiehem bħala li jeskludi obbligu prekuntrattwali tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumatur bil-proċeduri doganali li jkunu ser japplikaw u bid-dokumenti li l-konsumatur jista’ jkun obbligat jipprovdi lit-trasportatur. Fil-fehma tiegħi, konklużjoni differenti tkun tmur kontra l-għan ġenerali tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

50.      Għalhekk, l-obbligu ta’ mittent li jipprovdi tali dokumenti jitnissel biss ladarba jkun ġie konkluż kuntratt u għalhekk ma għandux jaffettwa l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali tal-kummerċjant.

D.      Id-dazji doganali għandhom jitqiesu bħala waħda mill-karatteristiċi prinċipali ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija?

51.      L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi jipprevedi b’mod ċar li, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt għal merkanzija jew għal servizz, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-karatteristiċi prinċipali ta’ dik il-merkanzija jew ta’ dak is-servizz.

52.      Fil-kuntest tal-kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kunċett ta’ “karatteristiċi prinċipali” jista’ jew jiġi interpretat b’mod strett, jiġifieri bħala li jkopri biss l-informazzjoni dwar ir-relazzjoni legali tat-trasport (bħall-post ta’ ġbir tal-merkanzija, il-post tal-kunsinna, ir-rotta u l-prezz), iżda mhux l-informazzjoni dwar il-proċeduri doganali u d-dokumenti neċessarji għal dawn il-proċeduri, jew b’mod wiesa’, jiġifieri li jkun jinkludi, fil-kunċett tal-karatteristiċi prinċipali, l-informazzjoni dwar il-proċeduri doganali applikabbli għat-trasport.

53.      L-obbligu ta’ informazzjoni għandu jinftiehem fil-kuntest iktar wiesa’ tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur permezz ta’ din id-direttiva.

54.      F’din il-perspettiva, minħabba l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa lill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (11) u, għaldaqstant, lill-kunċett ta’ “informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5 tagħha.

55.      Għalkemm hemm ftit ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, naħseb li xi gwida utli dwar kif il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-portata ta’ dan l-obbligu tista’ tinsilet mill-interpretazzjoni tagħha ta’ dak li jista’ jikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa fir-rigward tal-informazzjoni materjali li kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali (12).

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċetti li jinsabu fid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u fid-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiġu interpretati bl-istess mod, peress li ż-żewġ direttivi huma bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE u għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest leġiżlattiv, regolatorju u amministrattiv li jkopru (13).

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tibbaża ruħha fuq id-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u fuq il-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tagħha bħala gwida għall-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u, b’mod iktar preċiż, sabiex tiddetermina jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellux jew le l-intenzjoni li jinkludi, fl-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 5 tat-tieni direttiva, obbligu ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri doganali fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija.

58.      Mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, u kif imfakkar fil-ġurisprudenza żviluppata f’dan il-kuntest (14), jirriżulta li l-informazzjoni li l-kummerċjant huwa obbligat jipprovdi lill-konsumatur qabel ma jikkonkludi kuntratt tikkostitwixxi l-informazzjoni materjali kollha li l-konsumatur medju, fid-dawl tal-kuntest ta’ dan il-kuntratt, ikollu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali informata, u meta l-ommissjoni ta’ tali informazzjoni tkun twassal jew x’aktarx tkun twassal lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li kieku ma kienx jieħu (15).

59.      Għalhekk, meta kummerċjant jonqos milli jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni li probabbilment kienet twassal lil dan il-konsumatur jieħu deċiżjoni tranżazzjonali differenti li kieku rċieva tali informazzjoni, dan in-nuqqas jikkostitwixxi ksur tal-obbligu tal-kummerċjant skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur.

60.      Jidhirli li l-kriterju f’din il-kawża, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandux jiġi interpretat fis-sens li kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali lil konsumatur huwa obbligat jinforma lil dan il-konsumatur bil-proċeduri doganali applikabbli, huwa jekk il-konsumatur – li jkun ġie informat bil-proċeduri doganali rilevanti – x’aktarx ikun jieħu deċiżjoni tranżazzjonali differenti.

61.      Fid-dawl tal-fatt li d-dazji doganali jistgħu jżidu b’mod sinjifikattiv l-ispiża globali ta’ trasport internazzjonali, kif ġara f’ din il-kawża (16), naħseb li d-dazji doganali jistgħu jitqiesu li għandhom effett dissważiv fuq il-konsumaturi u, konsegwentement, li x’aktarx jiddiswaduhom milli jikkonkludu kuntratti ta’ trasport internazzjonali.

62.      Barra minn hekk, dak li jikkostitwixxi l-“karatteristiċi prinċipali” ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, sabiex jiġi ddeterminat liema informazzjoni prekuntrattwali l-kummerċjant għandu jipprovdi lil konsumatur, jiddependi inevitabbilment mill-kuntest speċifiku li fih iseħħ il-kuntratt (17). Minħabba n-natura transkonfinali tal-kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija u l-fatt li din il-merkanzija hija normalment suġġetta għal dazji doganali, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li dawn id-dazji doganali jikkostitwixxu waħda mill-karatteristiċi prinċipali ta’ dawn it-tipi ta’ kuntratti.

63.      Barra minn hekk, il-fatt li l-Konvenzjoni CMR, li tirregola l-kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-obbligi relatati mal-proċeduri doganali jimmilita favur l-argument li dawn il-proċeduri huma parti mill-“karatteristiċi prinċipali” ta’ dawn it-tipi ta’ kuntratti, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.

64.      Għalhekk, fid-dawl tan-natura speċifika tal-kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija kif ukoll tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, inqis li l-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali lil konsumatur għandu l-obbligu jinforma lill-konsumatur li l-merkanzija ttrasportata tista’ tkun suġġetta għal dazji doganali.

E.      Din l-informazzjoni madankollu kemm għandha tkun iddettaljata?

65.      Wara li ġie stabbilit li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-kummerċjanti obbligu ġenerali li jinformaw lill-konsumatur bil-possibbiltà ta’ proċeduri doganali waqt trasport transkonfinali ta’ merkanzija, issa huwa xieraq li tiġi eżaminata l-portata ta’ dan l-obbligu speċifiku ta’ informazzjoni u, b’mod partikolari, li jiġi eżaminat jekk dan l-obbligu jimponix fuq il-kummerċjant jipprovdi, minn naħa, informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti speċifiċi meħtieġa (Artikolu 5(1)(a)) u, min-naħa l-oħra, informazzjoni ddettaljata dwar ir-rati u l-ammonti tad-dazji doganali applikabbli għat-trasport, għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz globali tas-servizz ipprovdut (Artikolu 5(1)(c)), jew jekk huwiex biżżejjed li din l-informazzjoni tkun ta’ natura iktar ġenerali.

66.      Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni ta’ kummerċjant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur li dazji doganali jistgħu japplikaw għall-merkanzija ttrasportata, huwiex biżżejjed li l-kummerċjant jiddikjara li l-mittent (il-konsumatur) għandu jieħu ħsieb tad-dokumenti neċessarji għall-proċeduri doganali jew jekk il-kummerċjant għandux jipprovdi informazzjoni ddettaljata (bħal lista) dwar id-dokumenti speċifiċi li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali.

67.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tkun tiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, mis-servizz speċifiku offrut mill-kummerċjant u, b’mod iktar preċiż, mill-kwistjoni dwar jekk il-kuntratt jinkludix jew le servizz ta’ senserija doganali, li fil-kuntest tiegħu l-kummerċjant jaċċetta li jaġixxi f’isem il-konsumatur sabiex jitlestew il-proċeduri doganali.

68.      F’dan l-istadju, ta’ min jinnota li, f’konformità mal-obbligu prekuntrattwali tiegħu li jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-karatteristiċi prinċipali ta’ servizz, il-kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija għandu jinforma lill-konsumatur dwar jekk tali servizz ta’ senserija huwiex qiegħed jiġi offrut bħala parti mill-kuntratt konkluż, u b’hekk, dwar min ikun responsabbli sabiex jieħu ħsieb tad-dokumenti meħtieġa għat-twettiq tal-formalitajiet doganali, jiġifieri l-kummerċjant (jekk il-kuntratt ikun jinkludi servizz ta’ senserija) jew il-konsumatur (jekk il-kuntratt ma jkunx jinkludi servizz ta’ senserija).

69.      Fil-fehma tiegħi, huwa biss malli jirċievi tali informazzjoni li konsumatur ikun f’pożizzjoni li jieħu deċiżjoni tranżazzjonali informata, għaliex tali informazzjoni tkun tippermettilu jiddeċiedi jekk ikunx jippreferi jieħu ħsieb huwa stess il-formalitajiet doganali jew jekk ikunx jippreferi jikkuntratta kummerċjant li jkun jipprovdi tali servizz.

1.      Il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni tal-kummerċjanti li joffru servizz ta’ senserija doganali

70.      Kummerċjanti li jipprovdu servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija jistgħu, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, joffru servizz ta’ senserija doganali, li fil-kuntest tiegħu l-kummerċjant ikun ikkuntrattat sabiex jaġixxi bħala rappreżentant doganali tal-konsumatur quddiem l-awtoritajiet doganali.

71.      Tali kuntratt ikun jimplika li l-kummerċjant jaġixxi f’isem il-konsumatur fl-interazzjoni mal-awtoritajiet doganali, iwettaq l-atti u l-formalitajiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni doganali u jiżgura li l-proċeduri jitwettqu u li l-ħlas jiġi rċevut sabiex il-merkanzija tkun tista’ taqsam il-fruntiera mingħajr xkiel. (18)

72.      Fil-każ li kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija jkun jinkludi servizz ta’ senserija doganali, il-kummerċjant ikun, fil-fehma tiegħi, obbligat jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti speċifiċi neċessarji għat-twettiq tal-formalitajiet doganali. Din l-informazzjoni neċessarjament tagħmel parti mis-servizz ipprovdut u għalhekk taqa’ fil-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali tal-kummerċjant skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.

73.      L-Artikolu 5(1)(c) ta’ din id-direttiva jqiegħed piż kunsiderevoli fuq il-kummerċjanti sabiex jinformaw lil konsumatur potenzjali bil-prezz totali tas-servizz ipprovdut. Din id-dispożizzjoni mhux biss timponi fuq il-kummerċjant l-obbligu li jinforma lill-konsumatur, sa fejn huwa possibbli, bil-prezz totali tal-merkanzija inklużi t-taxxi kollha kif ukoll bl-eventwali spejjeż addizzjonali, iżda barra minn hekk tippreċiża li, meta ma jkunx possibbli għall-kummerċjant li jwettaq tali kalkolu tal-prezz totali qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-kummerċjant għandu madankollu jinforma lill-konsumatur dwar il-mod li bih għandu jiġi kkalkolat il-prezz totali.

74.      Meta kummerċjant jaqbel, fil-kuntest tas-servizz tat-trasport internazzjonali tiegħu, li jaġixxi f’isem il-konsumatur bħala rappreżentant doganali tiegħu, dak il-kummerċjant għandu jinkludi l-prezz ta’ dak is-servizz meta jinforma lill-konsumatur dwar il-prezz ġenerali tal-kuntratt, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni tranżazzjonali informata.

75.      Madankollu, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, mhux dejjem ikun possibbli għal kummerċjant li jikkalkola l-ispiża globali tas-servizz li tinkludi d-dazji doganali, meta wieħed iqis li l-ispiża eżatta tad-dazji doganali nnifishom, mhux dejjem tkun tista’ tiġi kkalkolata b’mod raġonevoli minn qabel u probabbilment tiddependi fuq għadd ta’ fatturi differenti (19).

76.      Madankollu, l-informazzjoni dwar ir-rati u l-ammonti applikabbli għad-dazji doganali, kif ukoll dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-fatturi differenti, taqa’ taħt il-“mod li bih il-prezz għandhu jiġi kkalkolat” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u tikkostitwixxi, bħala tali, informazzjoni materjali li l-konsumatur medju għandu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali informata (20).

77.      Għalhekk, l-obbligu ta’ kummerċjant – li jipprovdi servizz ta’ senserija doganali taħt kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija – li jipprovdi informazzjoni dwar il-prezz totali ta’ servizz li jkun jinkludi taxxi u tariffi addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c), jista’ jiġi ssodisfat minn dan il-kummerċjant billi jinforma lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, li d-dazji doganali ser ikunu dovuti, kif ukoll billi jipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar ir-rati u l-ammonti tad-dazji applikabbli għat-trasport ta’ merkanzija speċifika, inkluża informazzjoni dwar il-fatturi ġenerali li jistgħu jinfluwenzaw l-ispiża globali ta’ dawn id-dazji (bħall-valur jew l-oriġini tal-merkanzija ttrasportata) jew fatturi varjabbli oħra li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-kummerċjant (21).

78.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 5(1)(a) u (c) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fis-sens li kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ senserija doganali lil konsumatur, fil-kuntest ta’ servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, huwa obbligat jinforma lill-konsumatur bil-proċeduri doganali applikabbli għat-trasport internazzjonali. Dan l-obbligu jinkludi l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti speċifiċi neċessarji għall-formalitajiet doganali, kif ukoll informazzjoni dettaljata dwar ir-rati u l-ammonti speċifiċi tad-dazji doganali, inkluża informazzjoni dwar il-fatturi ġenerali li jistgħu jinfluwenzaw il-prezz ġenerali tas-servizz ipprovdut.

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni għall-kummerċjanti li ma joffrux servizzi ta’ senserija doganali

79.      Fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat hawn fuq, jista’ jkun sproporzjonat li kummerċjant li ma joffrix tali servizzi ta’ senserija jkun mistenni li jipprovdi l-istess livell ta’ dettall lill-konsumatur fir-rigward tal-proċeduri doganali.

80.      Għalkemm naqbel li l-impożizzjoni ta’ tali obbligu fuq dawn il-kummerċjanti tista’ tkun sproporzjonata, dan ma jnaqqasx id-dmir sostanzjali tal-kummerċjanti li jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni suffiċjenti dwar il-karatteristiċi prinċipali tas-servizz ipprovdut, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni tranżazzjonali informata.

81.      Fl-eżami tal-portata ta’ dan l-obbligu, għandu jinstab il-bilanċ ġust bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi (22). Fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ kummerċjant li jipprovdi informazzjoni dwar id-dazji doganali, minn naħa, ma jistax ikun tant wiesa’ li jimponi piż sproporzjonat fuq il-kummerċjant u fuq ir-riżorsi tiegħu u, min-naħa l-oħra, lanqas ma għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta li ċċaħħad lill-konsumatur mil-livell għoli ta’ protezzjoni żgurat mill-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.

82.      Filwaqt li nżomm dawn il-kunsiderazzjonijiet f’moħħi, naqbel mal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju li jkun sproporzjonat li jiġi impost fuq trasportatur, li ma joffrix servizz ta’ senserija, l-oneru li jistaqsi dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull merkanzija li huwa jiġbor għat-trasport internazzjonali, kif ukoll ir-rekwiżiti dokumentarji speċifiċi applikabbli għat-trasport ta’ din il-merkanzija f’pajjiżi differenti. Dan huwa speċjalment minnu fil-kuntest ekonomiku tal-funzjonament ta’ ċerti impriżi – bħall-impriżi ż-żgħar, bħal f’din il-kawża – li jista’ ma jkollhomx il-mezzi sabiex iwettqu tali riċerka (23).

83.      Madankollu, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, bħad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, hija bbażata fuq il-premessa li l-konsumaturi jinsabu f’sitwazzjoni relattivament dgħajfa fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni (24). Għalhekk, il-kummerċjant għandu jipprovdi informazzjoni suffiċjenti sabiex jirrimedja dan l-iżbilanċ u jippermetti lill-konsumaturi jieħdu deċiżjoni tranżazzjonali informata.

84.      Iżda x’livell ta’ informazzjoni huwa biżżejjed sabiex jiġi indirizzat dan l-iżbilanċ?

85.      Sabiex tingħata risposta għal din il-mistoqsija, għandhom jiġu eżaminati t-tipi ta’ dokumenti li jistgħu jintalbu għall-finijiet tad-dazji doganali.

86.      Il-qafas proċedurali għall-applikazzjoni tad-dazji doganali huwa armonizzat fl-Unjoni kollha (25) u, minbarra d-dikjarazzjoni doganali obbligatorja (26), ir-rekwiżiti dokumentarji ġenerali applikabbli għall-proċeduri doganali huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) 2015/2447 (27). Dawn jinkludu dokumenti ta’ sostenn dwar il-valur doganali (28) u l-oriġini tal-merkanzija ttrasportata (29). Għalhekk, filwaqt li l-Istati Membri huma liberi li jippreskrivu forom partikolari ta’ dokumentazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi (30), ir-rekwiżiti probatorji sottostanti jibqgħu l-istess fl-Unjoni kollha.

87.      Meta jitqies dan, peress li l-kummerċjanti li jipprovdu servizz ta’ trasport internazzjonali jkollhom għarfien speċjalizzat tar-regoli ġenerali dwar il-proċeduri doganali, inkluża d-dokumentazzjoni meħtieġa għal dawn il-proċeduri, bħall-prova tal-valur jew l-oriġini tal-merkanzija, ikun mistenni li l-kummerċjant jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni ġenerali dwar it-tipi ta’ dokumenti probatorji li huwa jista’ jkun meħtieġ jipprovdi lill-kummerċjant għat-twettiq tal-proċeduri doganali, irrispettivament minn jekk dak il-kummerċjant joffrix servizz ta’ senserija doganali jew le, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni tranżazzjonali informata.

88.      Għal dawn ir-raġunijiet, ma naħsibx li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi jista’ jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-kummerċjanti li ma jipprovdux servizz ta’ senserija doganali, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija, l-obbligu li jipprovdu informazzjoni ddettaljata (bħal lista) dwar id-dokumenti speċifiċi li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali fuq fruntiera partikolari għal kull merkanzija ttrasportata. Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni teżiġi sempliċement li l-kummerċjanti jinformaw lill-konsumaturi dwar it-tipi ta’ dokumenti probatorji li l-konsumatur għandu jipprovdi, jiġifieri li l-konsumatur ikollu jipprovdi dokumenti li jipprovaw l-oriġini jew il-valur tal-merkanzija ttrasportata, mingħajr, madankollu, ma jindikaw id-dokumenti speċifiċi neċessarji għal dan l-għan.

89.      Fid-dawl tan-natura tas-servizz ipprovdut, l-obbligu tal-kummerċjant skont l-Artikolu 5(1)(c) ta’ din id-direttiva li jinforma lill-konsumatur dwar il-prezz totali tas-servizz ipprovdut ma għandux jinftiehem bħala li jirrikjedi li kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija – iżda mhux servizz ta’ senserija doganali – jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni ddettaljata dwar ir-rati u l-ammonti speċifiċi tad-dazji doganali. Dan huwa għaliex l-ispiża tad-dazji doganali ma tistax titqies b’mod raġonevoli bħala li tagħmel parti mill-“prezz” ta’ tali servizz, li jinkludi biss it-trasport tal-merkanzija u ma jinkludix servizz ta’ żdoganar.

90.      Naqbel mal-Kummissjoni li l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 5(1)(c) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fid-dawl tan-natura tal-kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u l-konsumatur. Jekk il-kuntratt ma jkunx jipprevedi li t-trasportatur ser jipprovdi servizzi ta’ senserija doganali, huwa ma għandux ikun meħtieġ jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni ddettaljata dwar ir-rati u l-livell tad-dazji doganali applikabbli għall-merkanzija inkwistjoni.

91.      Madankollu, dan ma jneħħi xejn mill-obbligu ta’ tali kummerċjant li jinforma lill-konsumatur li dazji doganali jistgħu jkunu dovuti, skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.

92.      F’din il-perspettiva, wara li jkunu pprovdew din l-informazzjoni lill-konsumatur, dawn il-kummerċjanti għandhom jistipulaw li, fil-każ li l-proċeduri doganali jsiru dovuti fil-fruntiera, jew minħabba n-natura tal-merkanzija li tkun qiegħda tinġarr jew minħabba dokumenti żbaljati jew inadegwati pprovduti mill-konsumatur, il-kummerċjant iħallas id-dazju f’isem il-konsumatur u l-konsumatur ikollu jirrimborsah ladarba l-merkanzija tkun ġiet ikkunsinnjata. Tali informazzjoni dwar l-ispejjeż futuri potenzjali tista’, b’mod raġonevoli, tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni materjali li l-konsumatur għandu bżonn sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata.

93.      Fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, naħseb li l-Artikolu 5(1)(a) u (c) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fis-sens li kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija – iżda mhux servizz ta’ senserija doganali – għandu l-obbligu li jinforma lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, li l-merkanzija ttrasportata tista’ tkun suġġetta għal dazji doganali u li l-konsumatur ikun obbligat jirrimborsa lill-kummerċjant kull dazju mħallas mill-kummerċjant f’isem il-konsumatur. Il-kummerċjant jista’ jissodisfa dan l-obbligu billi jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni ġenerali dwar it-tipi ta’ dokumenti probatorji meħtieġa għall-proċeduri doganali, iżda ma huwiex meħtieġ jipprovdi informazzjoni ddettaljata la dwar id-dokumenti speċifiċi meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-formalitajiet doganali u lanqas dwar ir-rati u l-ammonti ta’ dawk id-dazji doganali.

94.      Bl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet preċedenti għall-fatti tal-kawża prinċipali, ma jidhirx li huwa kkontestat f’ din il-kawża li l-kuntratt konkluż bejn ir-rikorrent u l-konvenuta ma kienx jinkludi servizz ta’ senserija doganali. Lanqas ma huwa kkontestat li l-konvenuta (il-kummerċjant) ma pprovdietx lir-rikorrent (il-konsumatur) informazzjoni ddettaljata dwar il-proċeduri doganali u r-rati tad-dazji doganali applikabbli.

95.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-konvenuta naqsitx milli tipprovdi lir-rikorrenti l-informazzjoni rilevanti dwar eventwali proċeduri doganali u, għaldaqstant, jekk hija kisritx l-obbligu tagħha ta’ informazzjoni prekuntrattwali skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, il-portata ta’ dan il-ksur u l-konsegwenzi tiegħu għall-kuntratt inkwistjoni.

IV.    Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) kif ġej:

L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar id-drittijiet tal-konsumatur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi”),

għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn din id-dispożizzjoni timponi fuq il-kummerċjant l-obbligu li jipprovdi informazzjoni lil konsumatur dwar il-karatteristiċi tal-merkanzija jew tas-servizzi, il-kummerċjant li jipprovdi servizz ta’ trasport internazzjonali lil konsumatur għandu l-obbligu jinforma lil dan il-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, li l-merkanzija ttrasportata tista’ tkun suġġetta għal dazji doganali. Dan l-obbligu jeħtieġ li l-kummerċjanti jinformaw lill-konsumatur dwar jekk servizz ta’ senserija huwiex offrut jew le fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt u, għaldaqstant, dwar jekk huwiex il-kummerċjant jew il-konsumatur li għandu jieħu ħsieb id-dokumenti neċessarji għat-twettiq tal-formalitajiet doganali.

Fil-kuntest tal-kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija li jinkludu servizz ta’ senserija doganali, l-Artikolu 5(1)(a) u (c) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-kummerċjant l-obbligu li jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni ddettaljata dwar id-dokumenti speċifiċi neċessarji għall-formalitajiet doganali, kif ukoll informazzjoni ddettaljata dwar ir-rati u l-ammonti speċifiċi tad-dazji doganali, inkluża informazzjoni dwar il-fatturi ġenerali li jistgħu jinfluwenzaw il-prezz globali tas-servizz ipprovdut.

Fil-kuntest tal-kuntratti ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija li ma jinkludux servizz ta’ senserija doganali, l-Artikolu 5(1)(a) u (c) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-kummerċjant l-obbligu li jinforma lill-konsumatur bl-obbligu li jirrimborsa lill-kummerċjant kull dazju mħallas f’isem il-konsumatur. Dan il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni ġenerali dwar it-tipi ta’ dokumenti probatorji meħtieġa għall-proċeduri doganali, iżda ma huwiex meħtieġ jipprovdi informazzjoni ddettaljata la dwar id-dokumenti speċifiċi meħtieġa għat-twettiq tal-formalitajiet doganali u lanqas dwar ir-rati u l-ammonti ta’ dawk id-dazji doganali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU L 2024/90093).


3      Ara l-premessa 4 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.


4      Il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq, iffirmata f’Genève fid‑19 ta’ Mejju 1956 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni CMR”).


5      Ara, f’dan is-sens, il-Kapitolu 3 tal-Parti II tal-Ftehim ŻEE intitolat “Koperazzjoni fi ħwejjeġ li għandhom x’jaqsu mad-dwana u faċilitazzjoni tal-kummerċ”, Artikolu 21.


6      Ara, f’dan is-sens, il-Kapitolu 1 tal-Parti II tal-Ftehim ŻEE, intitolat “Prinċipji bażiċi”, Artikolu 8(2) sal-Artikolu 10.


7      Tali servizz ikun jimplika li l-kummerċjant li jaġixxi bħala sensar jew aġent doganali għall-konsumatur u li huwa jkun ikkuntrattat sabiex jiżgura li d-dikjarazzjoni doganali tkun korretta, li d-dazji u t-taxxi jiġu pprovduti korrettament u li l-ħlas jiġi rċevut sabiex il-merkanzija tkun tista’ tgħaddi mingħajr xkiel mill-fruntieri. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ma jidhirx li huwa kkontestat bejn il-partijiet li tali kuntratt ma ġiex konkluż.


8      Ara l-Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1208, p. 427, disponibbli fuq: https://treaties.un.org/pages/ViewDetails.aspx?src=TREATY&mtdsg_no=XI-B-11-a&chapter=11&clang=_en.


9      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara, f’dan is-sens, in-Nazzjonijiet Uniti, Kummenti dwar il-Konvenzjoni tad‑19 ta’ Mejju 1956 dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq (CMR), 1975, p. 4, paragrafu 9, disponibbli fuq: https://unece.org/fileadmin/DAM/trans/doc/2006/sc1cmr/commentary.pdf.


11      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Tiketa (C‑536/20, EU:C:2022:112, punt 30).


12      Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali”).


13      Ara, fir-rigward tat-terminu “kummerċjant” użat miż-żewġ direttivi, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Tiketa (C‑536/20, EU:C:2022:112, punt 29). Din l-interpretazzjoni u din l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi huma wkoll konformi mal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, li jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ispira ruħu mill-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali fit-tfassil tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi. Ara, f’dan is-sens, l-Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU 2021, C 525, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”), fil-punt 1.1, intitolat “Il-kunċetti ta’ ‘kummerċjant’ u ta’ ‘konsumatur’”).


14      Fil-linji gwida tagħha għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, il-Kummissjoni tinnota li, meta jagħżlu l-karatteristiċi prinċipali li għandhom jiġu kkomunikati lill-konsumatur, il-kummerċjanti għandhom japplikaw l-istess approċċ bħal dak adottat għall-finijiet tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, jiġifieri li jinformaw lill-konsumatur dwar dawn il-karatteristiċi li huwa jkollu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali informata. Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-punt 3.2, intitolat “Rekwiżiti komuni għall-kuntratti fil-post tan-negozju u mill-bogħod/lil hinn mill-post tan-negozju.”


15      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, NEW Niederrhein Energie und Wasser (C‑518/23, “NEW Niederrhein Energie”, EU:C:2025:35, punt 32).


16      F’din il-kawża, id-dazji doganali wasslu għal spejjeż totali ekwivalenti għal kważi 10 darbiet il-prezz tas-servizz ipprovdut (total ta’ EUR 4 340.59, meta mqabbla ma’ EUR 450 għas-servizz ta’ trasport).


17      Ara, b’analoġija u fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU (C649/17, EU:C:2019:576, punt 37).


18      Ara, fir-rigward tar-rappreżentanti doganali, l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1; rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“KDU”), kif ukoll l-Artikolu 18 tiegħu.


19      Fir-rigward tad-dazji doganali, hemm tliet fatturi ġenerali li jiġu kkunsidrati meta jiġu kkalkolati d-dazji li jkollhom jitħallsu meta tiġi importata l-merkanzija: il-valur tal-merkanzija, il-klassifikazzjoni tat-tariffa tal-merkanzija u l-oriġini tal-merkanzija. Ara, għal informazzjoni ġenerali dwar il-fatturi li jinfluwenzaw il-prezz tad-dazji, is-sit internet tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu tad-dazji doganali, disponibbli fuq:https://taxation-customs.ec.europa.eu/customs/calculation-customs-duties_mt.


20      Ara, b’analoġija, is-sentenza NEW Niederrhein Energie, punt 31.


21      Ara, b’analoġija, is-sentenza NEW Niederrhein Energie, punti 38 u 41. Madankollu, dan ma jimplikax li l-livell ta’ informazzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-prezz għandu jippermetti lill-konsumatur, abbażi ta’ din l-informazzjoni, jikkalkola dan il-prezz huwa stess u b’hekk jasal għal riżultat ta’ numru definittiv (punt 39 ta’ dik is-sentenza).


22      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 4 tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.


23      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU (C‑649/17,:EU:C:2019:576, punt 48).


24      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Air Europa Líneas Aéreas (C‑173/23, EU:C:2024:295, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 28 tal-KDU.


26      Artikolu 158 tal-KDU.


27      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447  tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 195, iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2015/2447”).


28      Artikolu 145 tar-Regolament 2015/2447.


29      Artikolu 116 tar-Regolament 2015/2447.


30      Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu t-traduzzjoni tad-dokumenti. Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 116 tar-Regolament 2015/2447.