Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑18 ta’ Settembru 2025 (1)
Kawża C‑447/24 [Höldermann] (i)
Staatsanwaltschaft Berlin
bl-intervent ta’
SO
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni jew miżuri li jċaħħdu l-libertà – Artikolu 9(1)(i) – Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Persuna li ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni – Eċċezzjonijiet – Nomina ta’ mandatarju – Kundizzjoni relatata mal-għarfien tal-proċess skedat – Informazzjoni dwar id-data u l-post skedati għall-proċess – Rinunzja volontarja u inekwivoka tal-persuna kkonċernata milli tkun preżenti fil-proċess tagħha – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”
I. Daħla
1. Id-dritt għal smigħ xieraq huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali f’soċjetà demokratika. Fuqu jistrieħ id-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu preżenti waqt il-proċess tagħhom, li għandu jiġi żgurat fl-Unjoni Ewropea kollha (2). Madankollu, dan id-dritt ma huwiex assolut. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuna ssuspettata jew akkużata għandha tkun tista’, espressament jew taċitament, iżda inekwivokabbilment, tirrinunzja għal dan id-dritt (3).
2. F’dan il-kuntest, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (4), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 (5).
3. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ sentenza mogħtija fil-Polonja li kkundannat lil ċittadin Ġermaniż għal piena li ċċaħħad il-libertà. Wara li huwa stess talab l-eżekuzzjoni ta’ din il-kundanna fil-Ġermanja quddiem il-qrati Pollakki, dan iċ-ċittadin issa qiegħed jikkontestaha quddiem il-qorti Ġermaniża kompetenti.
4. Din il-kawża tistieden, b’mod partikolari, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża x’għandu jinftiehem bl-espressjoni “konxja mill-kawża [proċess] skedata” li tinsab fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif ukoll il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-awtoritajiet kompetenti fl-implimentazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas. Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li din il-kawża taqa’ f’kuntest fattwali li għandu ċerti differenzi meta mqabbel ma’ dak tal-kawża Khuzdar (C‑95/24), li fir-rigward tagħha ser nippreżenta konklużjonijiet illum ukoll (6).
5. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta din id-dispożizzjoni b’mod koerenti ma’ dak li tipprevedi d-Direttiva 2016/343, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan iwassalni sabiex nikkunsidra b’mod partikolari li l-kundizzjoni, prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, li l-persuna kkonċernata għandha tkun taf bil-proċess skedat teħtieġ li tkun ġiet informata bid-data u bil-post skedati għall-proċess, filwaqt li jiġi ppreċiżat li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata, minħabba l-aġir tagħha, għandha titqies li rċeviet tali informazzjoni.
6. Ser nesponi r-raġunijiet għaliex din l-interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, l-aħjar waħda sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri, filwaqt li tiggarantixxi kemm l-għanijiet intiżi għall-ġlieda kontra l-impunità u għall-promozzjoni tar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuni kkundannati kif ukoll id-drittijiet tad-difiża ta’ dawn il-persuni.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
7. L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(i) tiegħu:
“L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk:
[…]
(i) skond iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4, il-persuna ma dehritx personalment fil-kawża [proċess] li tirriżulta fid-deċiżjoni, sakemm iċ-ċertifikat ma jiddikjarax li l-persuna, skond aktar ħtiġiet proċedurali definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti:
fi żmien debitu
– jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;
u
– kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;
jew
(ii) konxja mill-kawża skedata kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;
jew
(iii) wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament bid-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:
– iddikjarat espressament li hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;
jew
– ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli.”
B. Id-dritt Ġermaniż
8. L-Artikolu 84b tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Legali Internazzjonali fil-Qasam Kriminali) (7), tat‑23 ta’ Diċembru 1982, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“IRG”), intitolat “Kundizzjonijiet addizzjonali għall-ammissjoni”, jipprovdi:
“(1) L-eżekuzzjoni ma tkunx ammissibbli jekk
[…]
2. il-persuna kkundannata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni,
[…]
(3) B’deroga mill-punt 2 tal-paragrafu 1, l-eżekuzzjoni tkun ammissibbli wkoll jekk
1. il-persuna kkundannata tkun ġiet, fi żmien debitu,
(a) imħarrka personalment għall-proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni, jew
(b) mgħarrfa uffiċjalment u effettivament b’mezzi oħra bid-data u l-post skedati tal-proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni, b’tali mod li jkun ġie stabbilit inekwivokabbilment li l-persuna kkonċernata kellha għarfien tas-seduta skedata għall-proċess, u
(c) informata li setgħet tingħata sentenza anki fil-kontumaċja,
[…]
3. il-persuna kkundannata, wara li kellha għarfien tas-seduta skedata għall-proċess, tkun qabbdet avukat sabiex jiddefendiha waqt is-seduta, u effettivament tkun ġiet difiża minn dan l-avukat fis-seduta.
(4) Irrispettivament mill-punt 2 tal-paragrafu 1, l-eżekuzzjoni hija ammissibbli wkoll meta, wara n-notifika tad-deċiżjoni, il-persuna kkundannata
1. tkun iddikjarat espressament li ma tikkontestax id-deċiżjoni mogħtija, jew
2. ma tkunx talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura u lanqas ma tkun ippreżentat appell fit-termini mogħtija.
Il-persuna kkundannata preċedentement trid tkun ġiet informata b’mod espliċitu bid-dritt tagħha għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura jew għal proċedura ta’ appell, li fiha hija għandha d-dritt li tipparteċipa u li tippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda, u tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali.”
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9. Permezz ta’ sentenza mogħtija fil‑5 ta’ Awwissu 2019, is-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze, il-Polonja) ikkundannat lil SO għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena għal reat ta’ assoċjazzjoni (8).
10. Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, is-Sąd Apelacyjny w Poznaniu (il-Qorti tal-Appell ta’ Poznaniu, il-Polonja) ċaħdet l-appell minn din is-sentenza ppreżentat mill-avukat ta’ SO.
11. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2023, is-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze) laqgħet it-talba ta’ SO għall-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà fil-Ġermanja, minħabba li huwa ċittadin Ġermaniż, li ċ-ċentru tal-interessi tiegħu jinsab f’Berlin (il-Ġermanja) u li l-familja tiegħu wkoll tgħix f’dan l-Istat Membru.
12. Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Frar 2023, li magħha kienu annessi din id-deċiżjoni, iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, is-sentenza tal‑5 ta’ Awwissu 2019 u s-sentenza mogħtija fl-appell kif ukoll in-notifika tat-talba lil SO bil-Ġermaniż u bil-Pollakk, din il-qorti talbet lill-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin, il-Ġermanja), bħala l-awtorità kompetenti, Ġermaniża jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-kundanna.
13. Dan tal-aħħar għalhekk talab lill-Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) tiddikjara ammissibbli l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà imposta permezz tas-sentenza tal‑5 ta’ Awwissu 2019.
14. Quddiem din l-Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni, SO oppona għat-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin, billi sostna, b’mod partikolari, li huwa kien deher personalment biss fi 2 mit‑28 seduta tal-proċess tiegħu fil-Polonja, li, fi kliemu, dam iktar minn erba’ snin u nofs fl-ewwel istanza, u li huwa lanqas ma kien deher personalment għas-seduta tal-appell. SO jgħid li ma jafx jekk huwa kienx ġie difiż fl-ewwel istanza matul is‑26 jum l-oħra tas-seduta u fl-appell.
15. Peress li l-imsemmija Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand is-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze), din tal-aħħar indikat, permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Lulju 2023, li SO kien deher personalment fl-ewwel istanza għal tliet seduti matul is-snin 2012 u 2014, ippreżenta osservazzjonijiet fuq il-mertu u talab li s-seduti l-oħra jsiru fil-kontumaċja fil-każ ta’ assenza. SO kien ġie informat bid-dritt tiegħu li jidher fil-proċess u bl-obbligu li jikkomunika kull bidla fl-indirizz li fih huwa jista’ jiġi mħarrek, u li jindika indirizz fil-Polonja għal dan l-għan. Għall-kuntrarju, SO ma deherx personalment fl-appell, iżda rrikorra għall-assistenza ta’ difensur li assista għas-seduti fiż-żewġ istanzi. Il-preżenza tal-imputat fl-appell, bħal dik ta’ difensur, ma hijiex obbligatorja fid-dritt Pollakk. It-taħrika sabiex jidher fl-appell ġiet innotifikata fl-indirizz Pollakk indikat minn SO sabiex jirċievi n-notifiki, jiġifieri l-uffiċċju tad-difensur tiegħu.
16. Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Settembru 2023, is-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze), wara talba ġdida tal-Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin), ipprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar il-proċess fl-ewwel istanza.
17. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2023, din l-Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni ċaħdet it-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin intiża li l-eżekuzzjoni tal-kundanna ta’ SO fil-Ġermanja tiġi ddikjarata ammissibbli, peress li, skont l-informazzjoni pprovduta mis-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze), SO ma kienx ġie mħarrek għal ċerti seduti tal-proċess, filwaqt li ġie ppreċiżat li la kien jidher li l-atti proċedurali mwettqa f’dawn is-seduti tal-proċess fl-ewwel istanza kienu jikkonċernaw biss lill-koakkużati, u lanqas li SO kien jaf b’dawn is-seduti skedati b’xi mod ieħor. Lanqas ma kien hemm difensur li għenu.
18. L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin ippreżenta rikors immedjat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa jsostni li d-dehra personali ta’ SO f’ċerti seduti, li matulhom huwa esprima ruħu fuq il-mertu u talab li tittieħed deċiżjoni anki fl-assenza tiegħu, hija suffiċjenti, peress li kienet deċiżjoni awtonoma tiegħu li ma jipparteċipax fid-dibattiti li saru f’jiem oħra. Barra minn hekk, SO stess talab, permezz tad-difiża tiegħu quddiem is-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze), li l-kundanna tiegħu tiġi eżegwita fil-Ġermanja, u b’hekk irrinunzja għall-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 84(1)(2) tal-IRG.
19. Skont dikjarazzjoni tal-konsulent legali ta’ SO, dan tal-aħħar ma kienx jaf bil-proċess tal-appell. Huwa ma ġiex imħarrek fl-indirizz li għandu fil-Ġermanja. Konsegwentement, huwa lanqas ma seta’ jagħti mandat ad litem sabiex jiġi rrappreżentat waqt il-proċess b’“għarfien tas-seduta skedata għall-proċess”.
20. Wara talba tal-qorti tar-rinviju, l-avukat li ddefenda lil SO quddiem il-qrati Pollakki indika, permezz ta’ dikjarazzjoni tat‑28 ta’ Frar 2024, li s-setgħat tiegħu kienu jestendu kemm għall-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll għal dik fit-tieni istanza, li SO kien indika l-indirizz tal-uffiċċju tiegħu bħala dak fejn setgħu jsiru n-notifiki fil-Polonja u fejn setgħu validament jiġu nnotifikati lilu ittri konformement mad-dritt Pollakk u li, fl-appell, kien ħadlu postu kollega. Huwa probabbli li huwa ma informax lil SO bid-data tas-seduta, peress li l-preżenza ta’ dan tal-aħħar waqt is-seduta ma kinitx obbligatorja u li dan l-avukat kien ġie ssostitwit b’kollega.
21. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ċitazzjoni li tiġi nnotifikata lil mandatarju nnominat mill-persuna kkundannata sabiex jirċievi n-notifiki tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(i)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
22. F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li l-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 9(1)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas, għandu jinftiehem bl-istess mod bħall-kunċett li jinsab fl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (9), li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat (10), peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom termini identiċi, ġew emendati bl-istess deċiżjoni qafas u ma hemm ebda raġuni sabiex il-każijiet ta’ konsenja intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jiġu ttrattati b’mod differenti mill-każijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal sentenza ta’ kundanna. Dan il-kunċett għandu għalhekk ikopri biss, meta proċeduri kriminali jkunu jinvolvu diversi istanzi, l-istanza li matulha tkun ingħatat deċiżjoni definittiva, wara eżami mill-ġdid fil-fatt u fil-liġi, fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata u fuq il-kundanna tagħha għal piena. F’dan il-każ, din hija s-seduta tal-appell tal‑24 ta’ Marzu 2022 quddiem is-Sąd Apelacyjny w Poznaniu (il-Qorti tal-Appell ta’ Poznaniu) u mhux il-proċedura fl-ewwel istanza msemmija mill-Awla tal-Eżekuzzjoni tal-Pieni tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin).
23. Il-qorti tar-rinviju xxaqleb lejn li tqis li risposta fin-negattiv għad-domanda magħmula tista’ tirriżulta mis-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (11), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Piena mogħtija fil-kontumaċja) (12), dwar id-dispożizzjoni identika li tinsab fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taħrika kkonsenjata lil adult li huwa membru fid-dar tal-persuna kkonċernata, li jimpenja ruħu li jikkonsenjaha lill-persuna kkonċernata, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni biss jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun jippermetti li jsir magħruf jekk u, jekk ikun il-każ, meta din il-persuna tkun effettivament ikkonsenjatha lill-persuna kkonċernata. Awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti għandha għalhekk tindika fil-mandat ta’ arrest Ewropew l-elementi li ppermettewlha tistabbilixxi li l-persuna kkonċernata effettivament irċeviet uffiċjalment l-informazzjoni dwar id-data u l-post skedati għall-proċess tagħha. Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għaċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li ma jinkludix tali informazzjoni f’dan il-każ.
24. Madankollu, il-fatti ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk li taw lok għal dawn is-sentenzi. Fil-fatt, id-difensur li rċieva n-notifika kien ġie nnominat espressament minn SO mal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti bħala l-mandatarju awtorizzat li jirċievi n-notifiki billi huwa indika l-indirizz tiegħu bħala l-indirizz fejn setgħu jsiru n-notifiki. Minn dan jista’ jiġi dedott li SO xtaq li n-notifiki magħmula lill-mandatarju awtorizzat li jirċievi dawn tal-aħħar jitqiesu bħala notifiki li saru lilu stess.
25. Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi eżaminat jekk il-persuna kkundannata kinitx irrappreżentata fl-appell b’tali mod li tiġi eliminata r-raġuni għal rifjut ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, hija tixtieq tkun taf jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 humiex issodisfatti jekk il-persuna kkundannata, fil-mument li fih hija tagħti mandat lid-difensur tagħha sabiex jirrappreżentaha, ma kinitx taf bid-data tal-proċess, iżda biss bil-fatt li ser isir proċess.
26. Din il-qorti tindika li, skont din id-dispożizzjoni, l-iffissar tas-seduta tal-proċess għandu jippreċedi kronoloġikament il-ħruġ tal-mandat lil difensur. Madankollu, dan mhux neċessarjament japplika għal proċedura ta’ appell. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tirrileva li, bħala regola ġenerali, persuna kkundannata fl-ewwel istanza li tagħti mandat lid-difensur tagħha sabiex jippreżenta appell tagħti mandat ukoll sabiex jiddefendiha fil-proċedura tal-appell, anki jekk tkun assenti, dment li d-dritt nazzjonali ikun jippermetti dan u li l-preżenza ta’ din il-persuna ma tkunx meħtieġa waqt il-proċess tal-appell. L-istess qorti tinnota li l-imsemmija persuna għandha ċ-ċertezza li ser isir proċess fl-appell, peress li hija tkun qiegħda tappella, iżda hija għad ma għandhiex għarfien tad-data preċiża li fiha l-qorti tal-appell ser tiskeda s-seduta tal-proċess.
27. Skont il-qorti tar-rinviju, is-sempliċi fatt li wieħed ikun jaf li ser isir proċess ta’ appell huwa suffiċjenti, peress li, fil-bqija tal-proċedura, ikun f’idejn il-konvenut li ppreżenta l-appell li jikkuntattja jew le lill-qorti u lid-difensur tiegħu sabiex ikun jista’ jsir jaf bid-data tal-proċess.
28. Il-qorti tar-rinviju żżid li, anki f’każijiet fejn id-difensur jappella mingħajr l-għarfien tal-klijent tiegħu, meta huwa ma jkollux kuntatt ma’ dan tal-aħħar u jkollu l-intenzjoni li josserva, b’mod kawtelatorju, it-terminu għall-preżentata ta’ appell, il-proċedura ta’ appell ma titkompliex mingħajr riferiment għall-klijent u mingħajr ma tasal konferma mingħandu. Għaldaqstant, mill-intervent tad-difensur innominat u tal-avukat li ħadlu postu quddiem is-Sąd Apelacyjny w Poznaniu (il-Qorti tal-Appell ta’ Poznaniu, il-Polonja), din il-qorti tiddeduċi li kien hemm konsultazzjoni ma’ SO u li dan għalhekk ċertament kien jaf bl-imminenza ta’ proċess ta’ appell, anki jekk id-data tas-seduta ma kinitx għadha ġiet iffissata fil-mument ta’ din il-konsultazzjoni.
29. Fit-tielet lok, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u ta’ risposta għat-tieni domanda fis-sens li d-data tal-proċess għandha tkun diġà ġiet iffissata u l-persuna kkonċernata għandha tkun taf biha fil-mument meta jingħata l-mandat lid-difensur tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-kundanna ma jkunx ammissibbli skont l-Artikolu 84(1)(2) tal-IRG, peress li d-deroga prevista fl-Artikolu 84b(3)(3) tal-IRG ma tkunx applikabbli.
30. Madankollu, din il-qorti tosserva li, filwaqt li l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jagħti setgħa ta’ evalwazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, l-Artikolu 84b(1)(2) tal-IRG jipprevedi raġuni assoluta għal rifjut. L-imsemmija qorti tqis li ma huwiex possibbli għaliha li tinterpreta din id-dispożizzjoni contra legem, jiġifieri fis-sens li hija għandha, fl-eżami tar-raġuni għal rifjut, setgħa ta’ evalwazzjoni li tmur lil hinn mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 84b(3) u (4) tal-IRG.
31. Il-qorti tar-rinviju tindika li, kieku hija kellha setgħa ta’ evalwazzjoni, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-kundanna ikun jitqies ammissibbli. Fil-fatt, minkejja l-appell li huwa ppreżenta, SO ma żammx kuntatt suffiċjenti mal-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki u mad-difensur tiegħu, li huwa kien indika l-indirizz tal-uffiċċju tiegħu bħala l-indirizz fejn setgħet issir kull notifika. Barra minn hekk, kien SO stess li talab l-eżekuzzjoni tal-kundanna tiegħu fil-Ġermanja. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti ma ssib l-ebda interess leġittimu ta’ SO li l-eżekuzzjoni tal-kundanna tiegħu f’dan l-Istat Membru tiġi rrifjutata.
32. Dan iwassal lill-imsemmija qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li risposta fis-sens ta’ inkompatibbiltà tista’ tiġi dedotta mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Piena mogħtija fil-kontumaċja) (13), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
33. Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-persuna kkundannata tistax tirrinunzja għall-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u, jekk iva, jekk it-talba mressqa minn din il-persuna quddiem il-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti intiża li l-piena tiġi eżegwita fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha tikkostitwixxix tali rinunzja.
34. L-attitudni ta’ SO hija kontradittorja peress li, minn naħa, huwa talab, fil-Polonja, mingħajr ma esprima riżervi jew oġġezzjonijiet għall-kundanna, li l-piena tiġi eżegwita fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, huwa issa jressaq oġġezzjonijiet fil-Ġermanja f’dan ir-rigward. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li hija għandu jkollha, iżda li d-dritt nazzjonali ma jirrikonoxxilhiex.
35. Anki jekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma tinkludi ebda bażi legali li minnha hija tista’ tiddeduċi li l-persuna kkundannata tista’ tirrinunzja għall-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 9(1)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas, din il-qorti tikkonstata li din id-dispożizzjoni tkopri wkoll każijiet li fihom din il-persuna tista’ tiddeċiedi, permezz tal-aġir li hija tadotta fil-proċedura, jekk tixtieqx tinvoka l-protezzjoni kontra l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja. Fil-fatt, il-punt (iii) tal-imsemmija d-dispożizzjoni jipprevedi l-possibbiltà għall-imsemmija persuna li tirrinunzja milli tikkontesta deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja. Għalkemm in-natura eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni tista’, f’dan ir-rigward, tiddependi mir-rieda tal-persuna kkundannata, huwa konċepibbli li jiġi aċċettat ukoll li l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-imsemmija deċiżjoni tiddependi minn din l-istess rieda, li, f’dan il-każ, ġiet espressa minn SO meta huwa talab lis-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielonej Górze) li l-piena tiġi eżegwita fil-Ġermanja.
36. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Ċitazzjoni li tiġi nnotifikata lil mandatarju nnominat fit-territorju nazzjonali mill-persuna kkundannata tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(i)(i) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909]?
2) L-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-mument li fih jingħata l-mandat, id-data tal-proċess għandha tkun ġiet iffissata u l-persuna kkonċernata għandu jkollha għarfien ta’ din id-data jew ikun biżżejjed li l-persuna kkonċernata tkun tat jew ikkonfermat il-mandat biċ-ċertezza li l-proċess ser jiżvolġi?
3) Il-fatt li fl-Artikolu 84b(1)(2) [tal-IRG], il-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa l-kundanna fil-kontumaċja bħala kawża għal inammissibbiltà assoluta [tat-talba għal eżekuzzjoni], minkejja li l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] jipprovdi f’dan ir-rigward biss raġuni fakultattiva għal rifjut, huwa kompatibbli mas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni?
4) Il-persuna kkonċernata tista’ tirrinunzja għall-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909], u għalhekk tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fil-kontumaċja, minkejja li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 9(1)(i)(i) sa (iii) [ta’ din id-]Deċiżjoni Qafas ma jkunux issodisfatti? Il-fatt li l-persuna kkonċernata titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ emissjoni li l-piena tiġi eżegwita fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha tikkostitiwixxi tali rinunzja?”
37. Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u, flimkien ma’ SO, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fil‑15 ta’ Mejju 2025, li matulha huma wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.
IV. Analiżi
38. B’differenza mill-kawża Khuzdar (C‑95/24), li hija s-suġġett ta’ konklużjonijiet separati ppreżentati llum, din il-kawża ma tikkonċernax ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Din il-kawża tikkonċerna talba għar-rikonoxximent ta’ sentenza u għall-eżekuzzjoni ta’ kundanna skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, indipendentement mill-eżekuzzjoni ta’ tali mandat.
39. Infakkar li, bħad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tikkonkretizza, fil-qasam kriminali, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku. Din id-deċiżjoni qafas issaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji kriminali meta persuni jkunu ġew ikkundannati għal pieni jew għal miżuri li jċaħħdu l-libertà fi Stat Membru ieħor, sabiex tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tagħhom (14).
40. L-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedi għalhekk il-possibbiltà li sentenza akkumpanjata miċ-ċertifikat li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni qafas tiġi mgħoddija lill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna kkundannata li fit-territorju tiegħu hija tgħix. Konformement mal-Artikolu 6(2)(a) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, il-kunsens tal-persuna kkundannata ma huwiex meħtieġ f’dan il-każ.
41. Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija intiża li tistabbilixxi r-regoli li, bil-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, jippermettu lil Stat Membru jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor.
42. Għal dan l-għan, l-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija, bħala prinċipju, marbuta li tilqa’ t-talba, intiża għar-rikonoxximent ta’ sentenza u għall-eżekuzzjoni ta’ kundanna għal piena jew għal miżura li ċċaħħad il-libertà mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tiġi mgħoddija lilha konformement mal-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Bħala prinċipju, hija tista’ tirrifjuta li tilqa’ tali talba biss għar-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 9 tal-istess deċiżjoni qafas (15).
43. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-raġuni prevista fl-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
44. Għall-finijiet tal-eżami tad-domandi preliminari, il-punt ta’ fokalizzazzjoni għandu jkun biss fuq il-proċedura ta’ appell fil-kawża prinċipali. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li l-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi mifhum bħala li jindika l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod finali lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (16). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ xenarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-proċess żvolġa matul żewġ istanzi suċċessivi, jiġifieri l-ewwel istanza segwita bi proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija fl-appell li hija rilevanti biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm din l-istanza wasslet għad-deċiżjoni li ma tistax iktar tkun suġġetta għal rikors ordinarju u li, għaldaqstant, tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża fir-rigward tal-mertu (17).
45. Sa fejn, minn naħa, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 it-tnejn li huma ddaħħlu f’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet qafas permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni u l-għanijiet ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkoinċidu, għandha tiġi adottata l-istess interpretazzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża.
46. Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma magħmula fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali intiżi għall-eżekuzzjoni fil-Ġermanja ta’ kundanna mogħtija fil-Polonja fir-rigward ta’ ċittadin Ġermaniż li, wara li huwa stess talab l-eżekuzzjoni ta’ din il-kundanna fil-Ġermanja quddiem il-qrati Pollakki, issa qiegħed joġġezzjona għaliha quddiem il-qorti Ġermaniża kompetenti.
47. Din il-proċedura tikkonċerna sitwazzjoni fejn, konformement mad-dritt Pollakk, mhux biss din il-persuna kkundannata ma assistietx hija stess għall-biċċa l-kbira tas-seduti organizzati fl-ewwel istanza, iżda fuq kollox, peress li appellat mill-kundanna tagħha fl-ewwel istanza permezz tal-avukat tagħha, hija ma assistietx personalment għall-unika seduta organizzata fl-appell li dwarha hija ma kinitx personalment informata la bid-data u lanqas bil-post. Madankollu, hija kienet irrappreżentata minn avukat li ħa post il-konsulent legali li lilu hija kienet tat mandat sabiex jiddefendiha quddiem il-qrati Pollakki tal-ewwel istanza u tal-appell, u li kien ġie nnotifikat, fuq talba tagħha, bit-taħrika sabiex jidher fl-appell.
A. Fuq l-ewwel domanda preliminari
48. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(i)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li taħrika nnotifikata lil konsulent legali li lilu l-persuna kkundannata tat mandat sabiex jiddefendiha u li nnominatu fl-Istat Membru ta’ kundanna sabiex jirċievi n-notifiki tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni.
49. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi raġuni fakultattiva għar-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mgħoddija minn Stat Membru ieħor u ta’ eżekuzzjoni tal-piena jew tal-miżura li ċċaħħad il-libertà imposti minnha, jekk il-persuna kkundannata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni ta’ kundanna. Madankollu, din il-possibbiltà hija suġġetta għal tliet eċċezzjonijiet, elenkati fil-punti (i) sa (iii) ta’ din id-dispożizzjoni, li jċaħħdu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni mill-possibbiltà li tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tiġi mgħoddija lilha.
50. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-Artikolu 9(1)(i)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija mċaħħda minn din il-possibbiltà meta l-persuna kkonċernata jew “kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni”, jew “b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża [proċess] skedata”, u li barra minn hekk “kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża”.
51. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 4a(1)(a)(i), tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li l-espressjonijiet “ikkonvokata personalment” u “b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża [proċess] skedat” huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u għandhom ikollhom interpretazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha (18). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għad-dispożizzjoni b’formulazzjoni identika li tinsab fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li tirriżulta wkoll mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299.
52. Fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (19), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li taħrika li ġiet innotifikata mhux direttament lill-persuna kkonċernata iżda li ġiet ikkonsenjata, fl-indirizz ta’ din tal-aħħar, f’idejn persuna adulta residenti fid-dar tagħha li impenjat ruħha li tikkonsenjaha lilha, mingħajr ma l-mandat ta’ arrest Ewropew jippermetti li jiġi żgurat jekk, u jekk ikun il-każ, meta din il-persuna adulta effettivament ikkonsenjat din it-taħrika lill-persuna kkonċernata, ma tissodisfax waħedha l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (20).
53. Is-sitwazzjoni fejn taħrika tiġi nnotifikata lil konsulent legali li lilu l-persuna kkundannata tat mandat sabiex jiddefendiha u li hija nnominatu fl-Istat Membru ta’ kundanna sabiex jirċievi n-notifiki ma tistax, fil-fehma tiegħi, titqabbel mas-sitwazzjoni li tat lok għal din is-sentenza.
54. Dan il-każ pjuttost jaqa’, fil-fehma tiegħi, taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Deċiżjoni differenti tkun twassal sabiex tneħħi l-effett utli ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li l-applikazzjoni tagħha tiddependi, b’differenza minn dak li jipprevedi l-Artikolu 9(1)(i)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas, mill-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun tat mandat lil konsulent legali, li jkun ġie nnominat minnha jew mill-Istat, sabiex jiddefendiha fil-proċess, u tkun effettivament ġiet difiża minn dan il-konsulent matul il-proċess.
55. Konsegwentement, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 9(1)(i)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li taħrika li tiġi nnotifikata lil mandatarju li l-persuna kkundannata tkun innominat sabiex jirċievi n-notifiki ma tippermettix, bħala tali, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tapplika l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, sa fejn dan il-każ jaqa’ taħt l-Artikolu 9(1)(i)(ii) ta’ din id-deċiżjoni qafas.
B. Fuq it-tieni domanda preliminari
56. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-mument li fih jingħata l-mandat lil konsulent legali, id-data tal-proċess għandha tkun ġiet iffissata u l-persuna kkonċernata għandu jkollha għarfien ta’ din id-data jew jekk huwiex biżżejjed li l-persuna kkonċernata tkun tat jew ikkonfermat il-mandat biċ-ċertezza li l-proċess ser iseħħ.
57. Infakkar li din id-dispożizzjoni tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata, li tkun taf bil-proċess skedat, tkun tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna kkonċernata jew mill-Istat, sabiex jiddefendiha fil-proċess, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-proċess.
1. L-għarfien tal-proċess skedat jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tiġi informata bid-data u l-post skedati għall-proċess
58. Fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jirriżulta ebda rekwiżit espliċitu fir-rigward tal-għarfien mill-persuna kkonċernata tad-data preċiża tas-seduta li fi tmiemha hija ġiet ikkundannata, meta hija kienet irrappreżentata minn konsulent legali. Il-verżjoni Taljana ta’ din id-dispożizzjoni hija distinta, sa fejn tuża l-espressjoni “essendo al corrente della data fissata” (għandha tkun taf id-data ffissata) (21).
59. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (22).
60. Dan premess, anki jekk il-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi huma inqas preċiżi mill-verżjoni Taljana, għandu jiġi nnotat li l-espressjoni “connaissance du procès prévu” (konxja mill-proċess skedat), li tidher b’ mod partikolari fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, hija ekwivalenti, f’xi verżjonijiet lingwistiċi, għall-espressjoni “konxja mis-seduta stabbilita” (23) jew “konxja mis-seduta skedata” (24). Issa, dawn iż-żewġ espressjonijiet jistgħu jiġu interpretati bħala li intrinsikament jeħtieġu l-għarfien tad-data stabbilita għas-seduta, sa fejn dawn jidhru li jimplikaw li tkun diġà ġiet stabbilita data għas-seduta u li huwa dan l-element li l-parti kkonċernata għandha tkun konxja tiegħu. Inżid ngħid li t-termini Ingliżi “the scheduled trial”, b’artikolu ddefinit, jagħti x’jifhem li data tagħmel parti mill-kunċett ta’ “proċess skedat” peress li “scheduled” tippreżupponi data u ħin preċiżi.
61. Minn dawn l-elementi niddeduċi li, għalkemm huwa minnu li r-rekwiżit espress fir-rigward tal-għarfien mill-persuna kkonċernata tad-data preċiża tas-seduta huwa iżolat fost il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, numru mhux negliġibbli ta’ dawn il-verżjonijiet jagħtu x’jifhem li dan ir-rekwiżit intrinsikament jagħmel parti minn din id-dispożizzjoni.
62. In-nota ta’ riċerka 25/003 imfassla mid-Direttorat għar-Riċerka u d-Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tippermetti, fil-fehma tiegħi, li tiġi ssostanzjata din il-konstatazzjoni, billi teżamina l-mod kif l-imsemmija dispożizzjoni u l-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġew trasposti fi ħdan l-ordinamenti ġuridiċi ta’ kampjun ta’ Stati Membri. Diversi elementi li jinsabu f’din in-nota jimmeritaw li jiġu rrilevati sabiex jiġi ċċarat il-mod kif tista’ tinftiehem l-espressjoni “konxja mill-kawża [proċess] skedata”.
63. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li t-terminu “kawża [proċess]” li jinsab f’din l-espressjoni jista’ jkopri, f’lingwi uffiċjali differenti, żewġ tifsiriet differenti. Fil-fatt, dan it-terminu jista’ jirreferi kemm għall-proċedura fl-intier tagħha kif ukoll għas-seduta. Għalhekk, fil-verżjonijiet Bulgara, Spanjola, Kroata, Daniża, Griega, Franċiża, Litwana, Olandiża, Rumena u Slovena ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, it-terminu użat jikkorrispondi għat-traduzzjoni letterali tal-kelma Ingliża “trial” (proċess) u jista’, minn perspettiva purament terminoloġika, jirreferi kemm għas-seduta kif ukoll għall-proċedura kollha (25). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest speċifiku tad-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584 u 2008/909, dan huwa bħala prinċipju interpretat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali fis-sens ta’ “seduta”.
64. B’mod partikolari, il-verżjonijiet Taljana jużaw, fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u fl-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, it-terminu “processo”, li letteralment ifisser “proċedura”, u mhux “seduta”, kunċett li għalih il-lingwa Taljana għandha terminu speċifiku (“udienza”). Madankollu, fl-interpretazzjoni tagħha, l-espressjoni “konxja mill-kawża [proċess] skedata” ġeneralment titqies li tirreferi għall-“għarfien tad-data tal-ewwel seduta tal-kawża [proċess]” jew, b’mod iktar ġenerali, għal dik ta’ seduta li fiha jibqgħu possibbli d-dehra u l-parteċipazzjoni regolari fil-proċess.
65. Inżid li l-verżjonijiet Ċeka, Ġermaniża, Ungeriża, Pollakka u Svediża tal-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jużaw, rispettivament, it-termini “jednání”, “Verhandlung”, “tárgyalás”, “rozprawa” u “förhandling” li jfissru “seduta” (26).
66. Minn dawn l-elementi niddeduċi li l-espressjoni “konxja mill-kawża [proċess] skedata” hija interpretata fil-biċċa l-kbira tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali bħala li tirreferi għas-seduta skedata.
67. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk “konxja mill-kawża [proċess] skedata” timplikax li l-persuna kkonċernata għandha tkun taf bid-data eżatta tas-seduta jew jekk is-sempliċi fatt li hija kienet taf li ġie stabbilit proċess (mingħajr ma tkun taf speċifikament id-data tiegħu) huwiex suffiċjenti, nosserva, fid-dawl ta’ eżami tat-traspożizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati f’diversi drittijiet nazzjonali, li jistgħu jiġu identifikati tliet kategoriji fi ħdan l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.
68. Fl-ewwel kategorija, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedu li l-persuna kkundannata għandu jkollha għarfien speċifiku tad-data tas-seduta (27). Tabilħaqq, għal dawn l-ordinamenti ġuridiċi, huwa biżżejjed li l-persuna kkundannata li ma attendietx personalment għas-seduta li wasslet għall-kundanna tagħha kienet irrappreżentata minn avukat f’din is-seduta sabiex il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontriha jew is-sentenza mogħtija fl-aħħar tal-imsemmija seduta jkunu jistgħu jiġu eżegwiti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, l-imsemmija ordinamenti ġuridiċi huma distinti mill-assenza espliċita jew impliċita, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, ta’ kwalunkwe rekwiżit relatat mal-għarfien tas-seduta mill-persuna kkundannata (u a fortiori tad-data tas-seduta).
69. It-tieni kategorija tinkludi l-maġġoranza tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (28). F’dawn l-ordinamenti ġuridiċi, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedu li l-persuna kkundannata għandha tkun taf bis-seduta skedata jew bil-proċedura prevista, mingħajr ma jagħmlu riferiment espliċitu għar-rekwiżit li jkollha għarfien tad-data tas-seduta. Għalhekk, fl-imsemmija ordinamenti ġuridiċi, teżisti konkordanza bejn il-formulazzjoni li tinsab, minn naħa, fl-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u, min-naħa l-oħra, fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.
70. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk it-terminu “data” ma jissemmiex b’mod espliċitu fl-ordinamenti ġuridiċi li jinsabu f’din it-tieni kategorija, l-użu tal-espressjoni “konxja mis-seduta skedata” jissuġġerixxi, tal-inqas għal uħud minnhom, li l-għarfien tas-seduta ma jistax jiġi kkonċepit mingħajr l-għarfien ta’ data preċiża għall-iżvolġiment tagħha.
71. Għaldaqstant, l-assenza ta’ rekwiżit formali dwar l-għarfien tad-data tas-seduta għandha tiġi kkwalifikata sa fejn, f’ċerti ordinamenti ġuridiċi, id-data tidher li tinsab impliċitament fil-kunċett ta’ “skedata” li huwa assoċjat mat-terminu “kawża [proċess]”, b’tali mod li n-neċessità li l-persuna kkundannata tkun taf bid-data tas-seduta ma tistax tiġi eskluża.
72. Kif indikajt iktar ’il fuq, tali konklużjoni tista’, pereżempju, tirriżulta mill-espressjoni Ingliża “the scheduled trial” (“il-proċess skedat”) (29).
73. Fit-tielet kategorija, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedu li l-persuna kkundannata għandu jkollha għarfien speċifiku tad-data tas-seduta (30).
74. Għandu jiġi rrilevat li t-traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-ordinamenti ġuridiċi inklużi f’din it-tielet kategorija hija għalhekk iktar preċiża minn dak li jipprevedu stricto sensu l-imsemmija dispożizzjonijiet. Madankollu, kif ġie indikat fir-rigward tal-ordinamenti ġuridiċi inklużi fit-tieni kategorija, din il-konklużjoni għandha tiġi kkwalifikata sa fejn l-indikazzjoni “konxja mis-seduta skedata” li tidher f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi kkonċernati tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, tista’ fiha nnifisha twassal intrinsikament għall-ħtieġa ta’ informazzjoni ċara u effettiva għall-persuna kkundannata fir-rigward tad-data tas-seduta.
75. Fil-fehma tiegħi, l-indikazzjonijiet kollha li jirriżultaw mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 huma ta’ natura li jsostnu l-interpretazzjoni li l-persuna kkonċernata għandha tkun taf bid-data u l-post stabbiliti għas-seduta.
76. Jidhirli li din l-analiżi hija sostnuta mill-eżami tal-istruttura u tal-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Infakkar, f’dan ir-rigward, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni, u, fil-każ ta’ diverġenza bejn dawn id-diversi verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (31).
77. Fir-rigward tal-istruttura ta’ din id-deċiżjoni qafas, nosserva li l-Artikolu 9(1)(i)(i) tagħha jeskludi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li teżegwixxi l-kundanna meta, b’mod partikolari, il-persuna kkonċernata jew tkun ġiet ikkonvokata personalment u għaldaqstant informata bid-data u l-post skedati għall-proċess li ta lok għad-deċiżjoni, jew tkun ġiet informata uffiċjalment u effettivament b’mezzi oħra bid-data u l-post skedati għal dan il-proċess, b’tali mod li jkun ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-proċess skedat. Din id-dispożizzjoni, ifformulata b’dan il-mod għalhekk tagħti x’tifhem li għarfien tal-proċess skedat jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata bid-data u l-post skedati għall-proċess. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-indikazzjoni identika għall-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tal-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata kienet taf bil-proċess skedat għandha tingħata l-istess tifsira, jiġifieri li din intrinsikament tinkorpora l-istess rekwiżit ta’ informazzjoni preċiża dwar id-data u l-post skedati għall-proċess, minkejja li din id-dispożizzjoni ma tirrepetix dak li għandu jinftiehem bl-espressjoni “konxja mill-kawża [proċess] skedata”.
78. Għall-kuntrarju, ma jienx konvint mill-argument li għandu jitqies li l-assenza ta’ indikazzjoni espliċita dwar l-għarfien mill-persuna kkonċernata tad-data u l-post skedati għall-proċess fl-imsemmija dispożizzjoni tista’ tiġi spjegata mill-fatt li l-persuna tat mandat lil konsulent legali sabiex jiddefendiha matul il-proċess. Fil-fatt, il-kundizzjoni relatata mal-għoti ta’ tali mandat ma hijiex, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li tissostitwixxi d-dritt tal-persuna kkonċernata li tidher personalment fil-proċess tagħha. Għalhekk, anki jekk din il-persuna tagħżel li tagħti mandat lil konsulent legali sabiex jiddefendiha fil-proċess, l-imsemmija persuna għandu jkollha informazzjoni preċiża biżżejjed dwar id-data u l-post tal-proċess sabiex hija tkun tista’ tidher personalment jekk tkun tixtieq, u dan sal-mument meta l-proċess effettivament iseħħ.
79. Minn dan isegwi li r-rinunzja volontarja u inekwivoka għad-dritt li wieħed jidher personalment fil-proċess tiegħu trid tiġi stabbilita fil-kuntest tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 billi jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, informazzjoni lill-persuna kkundannata dwar id-data u l-post tal-proċess u, min-naħa l-oħra, id-difiża effettiva matul il-proċess minn konsulent legali li lilu din il-persuna tkun tat mandat.
80. Għalhekk, il-kundizzjoni dwar id-difiża effettiva fil-proċess minn konsulent legali li lilu l-persuna kkundannata tkun tat mandat, li hija msemmija f’din id-dispożizzjoni, tikkostitwixxi l-kontroparti tal-kundizzjoni li tinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(i)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li tipprovdi li din il-persuna tkun ġiet informata li setgħet tingħata deċiżjoni fil-kontumaċja. Il-kundizzjoni dwar l-għarfien tad-data u l-post skedati għall-proċess hija, min-naħa tagħha, komuni għall-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 9(1)(i) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Madankollu, għandu jiġi ċċarat li, kif tindika l-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, id-data skedata għal proċess tista’, għal raġunijiet prattiċi, inizjalment tiġi espressa fil-forma ta’ diversi dati possibbli, inklużi f’perijodu ta’ żmien qasir.
81. Inqis li l-interpretazzjoni li l-għarfien tal-proċess skedat jeħtieġ li l-persuna kkonċernata jkollha informazzjoni dwar id-data u l-post skedati għall-proċess tikkorrispondi għar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li hija espressa b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, jiġifieri li din id-deċiżjoni qafas hija intiża li tippreċiża d-definizzjoni tar-raġunijiet komuni li jippermettu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni teżegwixxi d-deċiżjoni minkejja l-assenza tal-persuna fil-proċess, filwaqt li tirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha. Għalhekk, l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu l-għan li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni u li jippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tipproċedi għar-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija kontra l-persuna kkonċernata minkejja l-assenza tagħha fil-proċess li ta lok għall-kundanna tagħha, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha (32). B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 15 tagħha, jirriżulta espressament li l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ġie emendat sabiex jiġi protett id-dritt tal-akkużat li jidher personalment fil-proċess kriminali mmexxi kontrih filwaqt li jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri (33). Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-dritt tal-akkużat li jkun preżenti fil-proċess tiegħu jikkostitwixxi element essenzjali tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar ġenerali, huwa ta’ importanza kbira fir-rigward tad-dritt għal proċess kriminali ġust, stabbilit fit-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (34).
82. L-interpretazzjoni li nissuġġerixxi jidhirli li hija sostnuta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-Direttiva 2016/343.
2. Interpretazzjoni sostnuta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-Direttiva 2016/343
83. Id-Direttiva 2016/343 ikkompletat il-qafas leġiżlattiv stabbilit b’mod partikolari mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299. Għandu jitfakkar li din id-direttiva ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 82(2)(b) TFUE. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku kif ukoll il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi regoli minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri kriminali. L-imsemmija direttiva għalhekk hija intiża, kif jiddikjaraw il-premessi 9 u 10 tagħha, li ssaħħaħ id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’tali mod li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra u, konsegwentement, li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam kriminali (35). Kif tikkonferma espressament il-premessa 33 tal-istess direttiva, id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess huwa parti integrali mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (36).
84. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343, jipprevedu, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jsir proċess fil-kontumaċja, bil-kundizzjoni li, meta tali proċess jitmexxa minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti, il-persuna kkonċernata għandha, skont l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, li għandhom effett dirett, dritt “għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża […] u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali” (37).
85. Konformement ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jagħti lok għal deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna ssuspettata jew akkużata jista’ jseħħ fl-assenza tagħha, sa fejn il-persuna ssuspettata jew akkużata tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, biż-żamma tal-proċess u bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra fil-proċess tagħha (il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni) jew li l-persuna ssuspettata jew akkużata, li tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess, tkun irrappreżentata minn avukat b’mandat, li jkun ġie nnominat mill-persuna ssuspettata jew akkużata, jew mill-Istat (il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni).
86. Kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-Artikolu 8(4) u mill-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, id-dritt għal proċess ġdid huwa rriżervat għall-persuni li l-proċess tagħhom jinżamm fil-kontumaċja għalkemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti (38). Fi kliem ieħor, persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ tiċċaħħad mid-dritt għal proċess ġdid biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ikunu ssodisfatti (39). Għaldaqstant, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 8(2) ikunu ssodisfatti, il-proċess miżmum fil-kontumaċja jista’ jwassal għal deċiżjoni li, konformement ma’ dak li jipprevedi l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu (40), tista’ tiġi eżegwita, mingħajr obbligu għall-Istat Membru inkwistjoni li jipprevedi d-dritt għal proċess ġdid (41).
87. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tiċċara li l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 huma applikabbli alternattivament u li kull wieħed minnhom jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, li l-ewwel waħda minnhom teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun informata biż-żamma tal-proċess tagħha (42). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-premessa 36 tad-Direttiva 2016/343, li tispeċifika li l-fatt li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tiġi informata biż-żamma tal-proċess għandu jfisser li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tkun tħarrket personalment jew tkun informata uffiċjalment, b’mezzi oħra, dwar id-data u l-post stabbiliti għall-proċess, b’tali mod li tkun tista’ ssir taf bil-proċess (43). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li tintalab teżamina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva humiex issodisfatti li għandha tivverifika jekk dokument uffiċjali, li jindika b’mod inekwivoku d-data u l-post stabbiliti għall-proċess u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ rappreżentanza minn avukat b’mandat, il-konsegwenzi ta’ eventwali nuqqas ta’ dehra, ikunx inħareġ għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata (44).
88. It-tieni kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 sabiex il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tkun tista’ tiġi mċaħħda mid-dritt għal proċess ġdid tista’ tiġi ssodisfatta, jew, konformement mal-Artikolu 8(2)(a) u (4) ta’ din id-direttiva, jekk din il-persuna tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra fil-proċess tagħha jew, skont l-Artikolu 8(2)(b) u (4) tal-imsemmija direttiva, jekk l-imsemmija persuna tkun ġiet irrappreżentata fil-proċess tagħha minn avukat mogħti mandat minnha jew mill-Istat (45).
89. Minn dan isegwi li, għalkemm it-tieni kundizzjoni tvarja skont jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni taqax taħt il-punt (a) jew il-punt (b) tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, l-ewwel kundizzjoni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkonċernata dwar iż-żamma tal-proċess tagħha hija komuni għal dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (46).
90. Jidhirli li huwa xieraq li jitqies li l-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 huma strutturati bl-istess mod.
91. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat, b’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li, f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(i)(i) sa (iii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-kundanna ma jippreġudikawx id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u lanqas id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, kif stabbiliti fl-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (47).
92. Għalhekk, l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jistabbilixxi, fil-punti (i) sa (iii) tiegħu, il-kundizzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata għandha titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tkun preżenti fil-proċess tagħha, b’tali mod li r-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena li ġiet imposta fuq il-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma jistgħux ikunu suġġetti għall-kundizzjoni li hija tkun tista’ tibbenefika minn proċedura ġdida fil-preżenza tagħha fl-Istat Membru ta’ kundanna (48).
93. Sa fejn l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li fihom persuna kkundannata tista’ titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tkun preżenti personalment fil-proċess tagħha u għalhekk tista’ tiġi mċaħħda mid-dritt għal proċess ġdid (49), inqis li għandha tkun teżisti konsistenza fl-interpretazzjoni, minn naħa, ta’ din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
94. Din il-konsistenza hija ġġustifikata mill-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet isegwu l-istess għan intiż li jissaħħaħ id-dritt għal smigħ xieraq fil-proċeduri kriminali sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f’materji kriminali, u jifformaw parti mill-istess sistema globali ta’ garanziji (50). L-imsemmija dispożizzjonijiet huma għalhekk parti minn korp normattiv iktar ġenerali, li b’mod konsistenti joffri garanziji lil persuni suġġetti għal proċeduri kriminali.
95. Ċertament, huwa minnu li, bħad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tintroduċi sistema ta’ rikonoxximent reċiproku bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u li, kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, hija ma hijiex intiża, b’dan il-mod, li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali (51).
96. Huwa minnu wkoll li, meta ntalbet tippreċiża r-relazzjoni bejn id-Direttiva 2016/43 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/343, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet mill-konstatazzjoni li din id-deċiżjoni qafas fiha dispożizzjoni speċifika, jiġifieri l-Artikolu 4a, li tirrigwarda, preċiżament, l-ipoteżi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà, fir-rigward ta’ persuna kkonċernata li ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri li jkunu wasslu għad-deċiżjoni li biha tkun ġiet imposta din il-piena jew din il-miżura (52). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li eventwali nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tista’ twassal għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (53). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva sabiex tiġi ostakolata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jippermetti li tiġi evitata s-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li tipprevedi b’mod eżawrjenti r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni (54). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-Direttiva 2016/343 ma fihiex dispożizzjonijiet applikabbli għall-ħruġ u l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej (55). Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà, meta l-persuna kkonċernata tkun ostakolat it-taħrika tagħha personalment u ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri minħabba li tkun ħarbet lejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għas-sempliċi raġuni li hija ma għandhiex il-garanzija li, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti, ser jiġi rrispettat id-dritt ta’ din il-persuna għal proċedura ġdida, kif iddefinit fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 (56).
97. Din il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni espressa fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tibqax tiddependi fuq l-għoti mill-awtorità emittenti ta’ assigurazzjonijiet, li n-natura suffiċjenti tagħhom kellha tiġi evalwata mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, sabiex jiġi ggarantit lill-persuna li tkun is-suġġett ta’ dan il-mandat li hija jkollha l-possibbiltà li titlob proċedura ġdida fl-Istat Membru emittenti. Sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata fil-proċess tagħha li jirriżultaw mill-eżistenza, fl-Istati Membri, ta’ differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (57), il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jipprevedi raġunijiet preċiżi u komuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mogħtija fi tmiem proċess li fih il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment (58).
98. Minn din il-perspettiva, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li toħloq raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba eventwali nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru emittenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 (59) ma tipprekludix, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jiġu interpretati b’mod koerenti mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343.
99. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-paralleliżmu bejn dawn id-dispożizzjonijiet wassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza r-rabta funzjonali bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (60). Din il-konstatazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, valida wkoll għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
100. Din ir-rabta funzjonali, li tiżgura l-koerenza u l-leġibbiltà tas-sistema ta’ garanziji proċedurali li minnha jibbenefikaw il-persuni kkundannati fil-kontumaċja, twassalni sabiex nikkunsidra, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni tkunx tikkorrispondi għal wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(i)(i) jew (ii) ta’ din id-deċiżjoni qafas u jekk, konsegwentement, ir-rikonoxximent ta’ sentenza u l-eżekuzzjoni ta’ kundanna jkunux jistgħu jiġu rrifjutati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li huma previsti rispettivament fl-Artikolu 8(2)(a) u (b), tad-Direttiva 2016/343, kif identifikati u ppreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja.
101. Deċiżjoni mod ieħor tista’ twassal sabiex l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tiġi obbligata tirrikonoxxi sentenza u teżegwixxi kundanna, minkejja li l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 8(2)(a) jew (b) tad-Direttiva 2016/343 ma jkunux issodisfatti u minkejja li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja għalhekk ma tkunx tista’ tiġi validament imċaħħda mid-dritt tagħha għal proċess ġdid. B’mod partikolari, li jiġi aċċettat li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tiddependi fuq kundizzjonijiet iktar flessibbli minn dawk previsti fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, bħal sempliċi għarfien li ser isir proċess, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, jista’ jobbliga lil din l-awtorità tirrikonoxxi sentenza li madankollu tkun tista’ tiġi kkontestata fi tmiem proċess ġdid, jekk dan iseħħ.
102. Issa, infakkar li, skont dak li jipprevedi l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2016/343, huwa meta tittieħed konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva li deċiżjoni tista’ tiġi eżegwita kontra l-persuna kkonċernata. Għalhekk jidhirli li huwa loġiku li jitqies li, meta l-kundizzjonijiet previsti fil-punti (a) jew (b) ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti u, konsegwentement, il-persuna kkonċernata tista’ tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha għal proċess ġdid u d-deċiżjoni tista’ tiġi eżegwita, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tostakola tali eżekuzzjoni billi tinvoka r-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
103. Dawn l-elementi jsostnu l-opinjoni tiegħi li, kif huwa l-każ għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/343 (61), għandu jiġi kkunsidrat li l-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 huma applikabbli alternattivament u li kull wieħed minnhom jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, li l-ewwel waħda minnhom teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun taf bil-proċess skedat, li jfisser li hija għandha tkun ġiet informata bid-data u l-post stabbiliti għall-proċess.
104. It-tieni kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 9(1)(i)(i) u (ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 sabiex l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tkunx tista’ teżerċita l-possibbiltà tagħha li tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li teżegwixxi l-kundanna hija jew li l-persuna kkundannata tkun ġiet informata li tista’ tingħata deċiżjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra tagħha, jew li din il-persuna tkun tat mandat lil konsulent legali, li jkun ġie nnominat mill-imsemmija persuna jew mill-Istat, sabiex jiddefendiha fil-kawża, u tkun effettivament ġiet difiża minn dan il-konsulent matul il-proċess.
105. Din l-aħħar kundizzjoni, kumulattiva ma’ dik dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkonċernata dwar id-data u l-post stabbiliti għall-proċess, hija ta’ natura li turi li, konformement ma’ dak li huwa indikat fil-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, din il-persuna deliberatament għażlet li tkun irrappreżentata minn konsulent legali minflok ma tidher personalment fil-proċess.
106. Għall-kuntrarju, kuntrarjament għal dak li l-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tista’ tagħti x’tifhem, ma nemminx li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkonċernata dwar id-data u l-post stabbiliti għall-proċess neċessarjament għandu jippreċedi l-mandat li jingħata lill-konsulent legali tagħha sabiex jiddefendiha f’dan il-proċess. L-imsemmija dispożizzjoni pjuttost għandha tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, iżda li mhux neċessarjament għandhom jiġu ssodisfatti f’ċertu ordni. L-adozzjoni ta’ interpretazzjoni differenti twassal għall-impożizzjoni ta’ rekwiżiti formali eċċessivi, bħan-neċessità li jiġi kkonfermat jew imġedded il-mandat fid-dawl tal-proċess fl-appell, filwaqt li dan il-mandat inizjalment ingħata sabiex ikopri l-proċedura kollha. Jekk l-għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkonċernata dwar id-data u l-post stabbiliti għall-proċess għandu l-għan, kif nemmen jien, li jippermetti lil din tal-aħħar tkun preżenti waqt il-proċess tagħha, ma tagħmilx differenza jekk din l-informazzjoni tingħatax qabel ma jingħata mandat lil konsulent legali jew wara li jkun ingħata dan il-mandat. Barra minn hekk ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta ppreċiżat il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, ma enfasizzatx in-neċessità ta’ ordni kronoloġika bejn l-għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkonċernata dwar iż-żamma tal-proċess u l-mandat mogħti lil avukat. Nirrileva, barra minn hekk, li, meta l-persuna kkonċernata tagħti mandat lil avukat sabiex jippreżenta appell u jirrappreżentaha fl-appell, dan il-mandat neċessarjament jippreċedi l-għoti ta’ informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess fl-appell li, mid-definizzjoni stess, ma jkunux magħrufa f’dan l-istadju.
107. Inżid li, jekk l-osservanza ta’ tali ordni kronoloġika tiġi imposta fil-kuntest tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, dan jista’ jwassal għal limitazzjoni kbira tal-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, li jkun kuntrarju għar-regola li r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett. F’dan ir-rigward, infakkar li kwalunkwe eċċezzjoni għall-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandha tiġi interpretata b’mod strett (62). Għalhekk, fir-rigward tal-Artikolu 9(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni tal-kriminalità doppja tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ta’ prinċipju ta’ rikonoxximent tas-sentenza u ta’ eżekuzzjoni tal-kundanna. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni għar-rifjut ta’ rikonoxximent tas-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ kriminalità doppja, kif imsemmija f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod strett, sabiex jiġu limitati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni (63). Kif diġà ċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni stretta tal-imsemmija dispożizzjoni tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, li huwa segwit mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif indikat fl-Artikolu 3(1) tagħha (64). Dawn il-lezzjonijiet għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jiġu applikati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
108. Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq niddeduċi li l-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni teħtieġ l-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata bid-data u l-post stabbiliti għall-proċess u, min-naħa l-oħra, li hija tkun tat mandat lil konsulent legali, li jkun ġie nnominat minnha stess jew mill-Istat, sabiex jiddefendiha fil-proċess, u tkun effettivament ġiet difiża minn dan il-konsulent matul il-proċess. Tali għoti ta’ informazzjoni ma għandux neċessarjament jippreċedi l-mandat mogħti lill-imsemmi konsulent.
109. Issa jeħtieġ li jiġi ċċarat il-mod li bih l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.
3. Il-verifika tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909
a) Fuq l-ewwel kundizzjoni: il-każijiet li fihom il-persuna titqies li rċeviet informazzjoni suffiċjenti
110. Sabiex jiġi vverifikat jekk l-ewwel kundizzjoni imposta mill-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hijiex issodisfatta, jidhirli li huwa wkoll rilevanti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 2016/343. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat sitwazzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata għandha titqies li ġiet informata biż-żamma tal-proċess tagħha.
111. Għalhekk, sabiex jiġi vverifikat jekk l-ewwel kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 8(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/343 hijiex issodisfatta, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, kif jirriżulta mill-premessa 38 ta’ din id-direttiva, għandha tingħata attenzjoni partikolari, minn naħa, lid-diliġenza eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jinformaw lill-persuna kkonċernata biż-żamma ta’ dan il-proċess u, min-naħa l-oħra, lid-diliġenza eżerċitata minn din il-persuna sabiex tirċievi l-informazzjoni relatata miegħu. Konsegwentement, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni eventwali indizji preċiżi u oġġettivi li l-imsemmija persuna, filwaqt li tkun ġiet informata uffiċjalment li hija akkużata li wettqet reat kriminali u, b’hekk taf li kien ser jiġi organizzat proċess kontriha, deliberatament tevita li tirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar id-data u l-post ta’ dan il-proċess. L-eżistenza ta’ tali indizji preċiżi u oġġettivi tista’, pereżempju, tiġi kkonstatata meta l-imsemmija persuna tkun ikkomunikat deliberatament indirizz żbaljat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew ma tkunx għadha tinsab fl-indirizz li hija tkun ikkomunikat (65). Għalhekk, il-fatt li l-persuna kkonċernata deliberatament impedixxiet lill-Istat milli jinformaha jikkostitwixxi ċirkustanza rilevanti sabiex tiġi ddeterminata s-suffiċjenza tal-informazzjoni trażmessa lilha.
112. Abbażi ta’ dawn l-elementi, nirrileva li, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ kundanna ma jidhrux li naqsu mid-dmir tagħhom ta’ diliġenza li jinformaw lil SO dwar il-proċess tal-appell. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li dawn l-awtoritajiet bagħtu, fi żmien xieraq, dokument uffiċjali li jsemmi d-data u l-post tal-proċess fl-indirizz li SO kkomunika lil dawn l-awtoritajiet, jiġifieri l-indirizz tal-uffiċċju tal-konsulent legali tiegħu, u li dan id-dokument effettivament ġie kkonsenjat f’dan l-indirizz. Billi indika l-imsemmi indirizz, SO esprima x-xewqa li n-notifiki mibgħuta lill-uffiċċju tal-konsulent legali tiegħu jitqiesu bħala notifiki magħmula lilu stess.
113. Għall-kuntrarju, SO jista’ jiġi akkużat li naqas mid-dmir tiegħu ta’ diliġenza. Fil-fatt, kif tindika l-qorti tar-rinviju, minkejja l-appell li ppreżenta, SO ma żammx kuntatt suffiċjenti la mal-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki u lanqas mal-konsulent legali tiegħu, li huwa kien indika l-indirizz tal-uffiċċju tiegħu bħala l-indirizz fejn kellha ssir kull notifika. Fin-nuqqas li jżomm tali kuntatt, li kieku kien jippermettilu jsir jaf bid-data u l-post tal-proċess tiegħu, SO ma jistax jinvoka quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni l-fatt li huwa ma kellux din l-informazzjoni. Il-fatt li l-konsulent legali nnifsu ma informax lil SO dwar id-data u l-post tas-seduta tal-appell ma jidhirlix li huwa rilevanti f’dan il-kuntest.
114. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li t-trażmissjoni, fi żmien xieraq, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ kundanna, ta’ dokument uffiċjali li jsemmi d-data u l-post tal-proċess fl-indirizz li l-persuna kkundannata kienet ikkomunikat lil dawn l-awtoritajiet bħala l-indirizz li fih kellhom isiru n-notifiki kollha, jiġifieri l-indirizz tal-uffiċċju tal-konsulent legali tagħha, u l-prova prodotta li dan id-dokument effettivament ġie kkonsenjat f’dan l-indirizz jikkostitwixxu għoti ta’ informazzjoni lil din il-persuna dwar din id-data u dan il-post.
115. Minn dan isegwi li l-persuna kkundannata għandha titqies li kienet taf bid-data u l-post tal-proċess tagħha (66).
116. Peress li l-ewwel kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija għalhekk issodisfatta, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi vverifikat jekk dan huwiex ukoll il-każ għat-tieni kundizzjoni.
b) Fuq it-tieni kundizzjoni: il-mandat lil konsulent legali li ddefenda lill-persuna kkonċernata matul il-proċess
117. F’dak li jirrigwarda r-rappreżentanza minn avukat li ngħata mandat, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-eżistenza ta’ “mandat”, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343, teħtieġ li l-persuna kkonċernata stess tkun fdat lil avukat, jekk ikun il-każ dak li jkun ġie nnominat għaliha ex officio, il-missjoni li jirrappreżentaha waqt il-proċess fil-kontumaċja tagħha (67). Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li persuna kkundannata fil-kontumaċja ġiet difiża minn avukat innominat ex officio matul il-proċedura ġudizzjarja mwettqa fil-kontumaċja tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex jissodisfa t-tieni kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni (68).
118. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentanza minn avukat tippermetti li jintwera li l-persuna ġġudikata fl-assenza tagħha rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku għad-dritt tagħha li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha biss jekk din il-persuna intenzjonalment inkarigat lil dan l-avukat sabiex jiżgura d-difiża tagħha quddiem il-qorti tal-ġudizzju, li jippreżupponi li hija nnominatu speċifikament sabiex jirrappreżentaha, fl-assenza tagħha, waqt il-proċess tagħha (69).
119. Abbażi ta’ dawn l-elementi, li jidhirli li għandhom jiggwidaw l-eżami tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, jidhirli li hemm lok li jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ.
120. Fil-fatt, SO kien ta mandat lill-konsulent legali li huwa kien innomina sabiex jirrappreżentah kemm matul il-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll matul il-proċedura ta’ appell. Il-fatt li SO ġie difiż matul il-proċedura tal-appell minn avukat li ħa post lil dan l-avukat ma jidhirlix li huwa problematiku fir-rigward tal-punt dwar jekk SO kienx irrappreżentat quddiem il-qorti tal-appell minn avukat b’mandat, peress li din id-difiża, li n-natura effettiva tagħha ma hijiex ikkontestata, taqa’ taħt il-kontinwità tal-mandat li ngħata lill-imsemmi konsulent.
121. Dawn l-elementi kollha jwassluni sabiex nikkunsidra li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jidhru li huma ssodisfatti. Konsegwentement, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li teżegwixxi l-kundanna.
122. Fi kwalunkwe każ, anki kieku l-qorti tar-rinviju kellha tasal għall-konstatazzjoni li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti, għandu jiġi enfasizzat li hija ma tistax tiġi mġiegħla, skont id-dritt nazzjonali tagħha, tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li teżegwixxi l-kundanna. Fil-fatt, hija għandha marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tixtieqx tapplika jew le r-raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenza u għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kundanna prevista fl-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. It-tielet domanda preliminari tirrigwarda din il-kwistjoni.
C. Fuq it-tielet domanda preliminari
123. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza u li teżegwixxi kundanna meta ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ma tkun applikabbli.
124. Għar-raġunijiet li esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Khuzdar (C‑95/24), ippreżentati llum u li għalihom nagħmel riferiment, din id-domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tingħata risposta fl-affermattiv.
D. Fuq ir-raba’ domanda magħmula
125. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuna kkundannata tista’ tirrinunzja għall-protezzjoni li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni u b’hekk tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja anki meta l-kundizzjonijiet imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni ma jkunux issodisfatti. B’mod partikolari, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun talbet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ kundanna li l-piena tiġi eżegwita fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina jikkostitwixxix tali rinunzja.
126. Qabelxejn nippreċiża li r-risposta għal din id-domanda hija utli fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali biss sa fejn il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma humiex issodisfatti.
127. Infakkar li l-Artikolu 9(1)(i) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistabbilixxi fil-punti (i) sa (iii) tiegħu l-kundizzjonijiet li fihom il-persuna kkonċernata għandha titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tkun preżenti fil-proċess tagħha, b’tali mod li r-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-piena li ġiet imposta fuq il-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma jistgħux ikunu suġġetti għall-kundizzjoni li hija tkun tista’ tibbenefika minn proċedura ġdida fil-preżenza tagħha fl-Istat Membru ta’ kundanna (70).
128. B’mod partikolari, mill-Artikolu 9(1)(i)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li teżegwixxi l-kundanna jekk, wara li tkun ġiet innotifikata bid-deċiżjoni u tkun ġiet espressament informata bid-dritt tagħha għal proċedura ġdida jew għal proċedura ta’ appell, li fiha l-persuna kkundannata jkollha d-dritt li tipparteċipa u li tippermetti li l-kawża tiġi eżaminata mill-ġdid fil-mertu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda, u tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali, din il-persuna tkun indikat espressament li hija ma tikkontestax id-deċiżjoni jew ma titlobx proċedura ġdida jew proċedura ta’ appell fit-terminu mogħti.
129. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun talbet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ kundanna li l-piena tiġi eżegwita fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina ma jissodisfax, bħala tali, il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.
130. Ċertament, f’dan il-każ, l-attitudni ta’ SO tista’ tidher kontradittorja sa fejn, billi jitlob li l-piena tiegħu tiġi eżegwita fil-Ġermanja, jidher li jaċċetta din il-piena. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li SO jista’ jressaq tali talba filwaqt li jirriżerva d-dritt li jitlob li jsir proċess ġdid.
131. Dan premess, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjoni identika li tinsab fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn l-Artikolu 4a(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, fi kwalunkwe każ, anki wara li tkun ikkonstatat li ċ-ċirkustanzi msemmija mill-eċċezzjonijiet previsti b’mod partikolari fil-punti (a) sa (c) ta’ din id-dispożizzjoni ma jkoprux is-sitwazzjoni inkwistjoni, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, u b’mod partikolari l-aġir muri mill-persuna kkonċernata (71).
132. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li jidhirli li hija applikabbli b’analoġija fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, inqis li t-talba tal-persuna kkonċernata intiża li l-kundanna tagħha tiġi eżegwita fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina tagħmel parti minn dawn iċ-ċirkustanzi. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ għalhekk tiżgura bilanċ bejn l-għanijiet intiżi għall-ġlieda kontra l-impunità, għall-iffaċilitar tar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata u għall-iżgurar tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar.
133. Konsegwentement, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda preliminari li l-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi fil-punti (i) sa (iii) tiegħu l-kundizzjonijiet li fihom il-persuna kkundannata għandha titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tkun preżenti għall-proċess tagħha. Il-fatt li din il-persuna tkun talbet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-kundanna li l-piena tiġi eżegwita fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina ma jissodisfax, bħala tali, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (iii) ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, tali talba tagħmel parti miċ-ċirkustanzi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, sabiex tiddeċiedi jekk hija tixtieqx tinvoka jew le r-raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas.
V. Konklużjoni
134. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) kif ġej:
1) L-Artikolu 9(1)(i)(i) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bl-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
taħrika li tiġi nnotifikata lil mandatarju li l-persuna kkundannata tkun innominat sabiex jirċievi n-notifiki ma tippermettix, bħala tali, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tapplika l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, sa fejn dan il-każ jaqa’ taħt l-Artikolu 9(1)(i)(ii) ta’ din id-deċiżjoni qafas.
2) L-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni teħtieġ l-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun ġiet informata bid-data u l-post stabbiliti għall-proċess u, min-naħa l-oħra, li hija tkun tat mandat lil konsulent legali, li jkun ġie nnominat mill-persuna kkonċernata jew mill-Istat, sabiex jiddefendiha fil-proċess, u tkun effettivament ġiet difiża minn dan il-konsulent matul il-proċess. Tali għoti ta’ informazzjoni ma għandux neċessarjament jippreċedi l-mandat mogħti lill-imsemmi konsulent.
It-trażmissjoni, fi żmien xieraq, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ kundanna, ta’ dokument uffiċjali li jsemmi d-data u l-post tal-proċess fl-indirizz li l-persuna kkundannata kienet ikkomunikat lil dawn l-awtoritajiet bħala l-indirizz li fih kellhom isiru n-notifiki kollha, jiġifieri l-indirizz tal-uffiċċju tal-konsulent legali tagħha, u l-prova prodotta li dan id-dokument effettivament ġie kkonsenjat f’dan l-indirizz jikkostitwixxu għoti ta’ informazzjoni lil din il-persuna dwar din id-data u dan il-post. L-imsemmija persuna għandha għalhekk titqies li kienet taf bid-data u bil-post stabbiliti għall-proċess tagħha, b’tali mod li hemm lok li jitqies li l-ewwel kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif emendata, hija ssodisfatta.
3) L-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza u li teżegwixxi kundanna meta ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ma tkun applikabbli.
Hija l-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu tagħha u tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif emendata.
4) L-Artikolu 9(1)(i) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jistabbilixxi fil-punti (i) sa (iii) tiegħu l-kundizzjonijiet li fihom il-persuna kkundannata għandha titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli tkun preżenti għall-proċess tagħha. Il-fatt li din il-persuna tkun talbet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-kundanna li l-piena tiġi eżegwita fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina ma jissodisfax, bħala tali, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (iii) ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, tali talba tagħmel parti miċ-ċirkustanzi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, sabiex tiddeċiedi jekk hija tixtieqx tinvoka jew le r-raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(i) ta’ din id-deċiżjoni qafas.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa isem fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondix għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 Ara l-premessa 33 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2025, Kachev (C‑135/25 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kachev”, EU:C:2025:366, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
3 Ara l-premessa 35 tad-Direttiva 2016/343. Ara wkoll il-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24).
4 ĠU 2008, L 327, p. 27.
5 Iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”.
6 F’din il-kawża, il-persuna kkonċernata kienet ħarbet, mingħajr ma għażlet domiċilju għall-finijiet tan-notifiki, b’mod li l-qorti Slovakka la kienet f’pożizzjoni li ssibha u lanqas li tinnotifikaha bl-att ta’ taħrika sabiex tidher fis-seduta.
7 BGBl. 1982 I, p. 2071.
8 Iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑5 ta’ Awwissu 2019”.
9 Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).
10 Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Piena mogħtija fil-kontumaċja) (C‑397/22, EU:C:2023:1030).
11 C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346.
12 C‑397/22, EU:C:2023:1030.
13 C‑396/22, EU:C:2023:1029.
14 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatsanwaltschaft Aachen (C‑819/21, EU:C:2023:841, punt 19), u tal‑4 ta’ Settembru 2025, C.J. (Eżekuzzjoni ta’ kundanna wara MAE) (C‑305/22, EU:C:2025:665, punt 45).
15 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatsanwaltschaft Aachen (C‑819/21, EU:C:2023:841, punt 20).
16 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Piena mogħtija fil-kontumaċja) (C‑398/22, EU:C:2023:1031, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Piena mogħtija fil-kontumaċja) (C‑398/22, EU:C:2023:1031, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 32).
19 C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346.
20 Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 54).
21 Il-verżjoni Taljana tal-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha formulazzjoni identika.
22 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, punt 38), u tat‑3 ta’ Lulju 2025, Smiliev (C‑263/24, EU:C:2025:525, punt 67).
23 Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet Ġermaniża u Taljana.
24 Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet Ċeka u Pollakka. Ara wkoll il-verżjoni Svediża, li tagħmel riferiment għall-“għarfien tas-seduta ppjanata”.
25 Bil-Bulgaru: “protses”; bl-Ispanjol: “juicio”; bil-Kroat: “suđenje”; bid-Daniż: “retssag”; bil-Grieg: “díkis”; bil-Franċiż: “procès”; bil-Litwan: “teisminis nagrinėjimas”; bl-Olandiż: “proces”; bir-Rumen: “procesul”, u bis-Sloven: “sojenje”.
26 Għall-kuntrarju, il-verżjonijiet Slovakka u Finlandiża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu wkoll għall-“proċess” (rispettivament, “konania” u “oikeudenkäynnistä”), iżda dan it-terminu huwa interpretat fis-sens ta’ “proċedura” u mhux ta’ “seduta”.
27 Din il-kategorija tiġbor fiha b’mod partikolari r-Repubblika tal-Kroazja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika tal-Polonja.
28 Din il-kategorija tiġbor fiha b’mod partikolari r-Renju tal-Belġju (b’kont meħud tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-lingwa kemm Franċiża kif ukoll dik Olandiża), ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja (b’kont meħud tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kemm fil-lingwa kemm Finlandiża kif ukoll dik Svediża) u r-Renju tal-Isvezja. L-imsemmija kategorija tinkludi wkoll ir-Repubblika Taljana, iżda biss f’dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni tal-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
29 Dan huwa wkoll il-każ għal-leġiżlazzjoni Ċiprijotta, li tuża l-espressjoni Griega “tis programmatisménis díkis”, li hija ekwivalenti għall-espressjoni Ingliża “the scheduled trial”. Fil-Bulgarija, l-użu tal-kelma “nasrochen” (skedata, organizzata, stabbilita) fir-rigward tas-seduta ġej mill-kelma “nasrochvam” li tfisser “id-definizzjoni tal-mument li fih ser isseħħ azzjoni”, li timplika li l-kunċett ta’ “seduta skedata” fid-dritt Bulgaru jinvolvi wkoll id-determinazzjoni ta’ data speċifika. Fid-Danimarka, jintużaw it-termini “den berammede retssag”, li huma tradotti direttament f’“seduta skedata”. Il-fatt li seduta tkun ġiet skedata jfisser li jkunu ġew stabbiliti data u ħin għas-seduta fil-kawża. Fl-Ungerija, it-termini użati huma “kitűzött tárgyalás”, li letteralment ifissru “seduta skedata”, li jimplika li tkun diġà ġiet iffissata data għas-seduta. Fir-Repubblika Ċeka, l-użu tal-aġġettiv “nařízeném”, li letteralment ifisser “stabbilita” jew “ordnata”, b’rabta mat-terminu “jednání” (seduta) jagħti x’jifhem li tkun diġà ġiet iffissata data għas-seduta.
30 Din il-kategorija tinkludi b’mod partikolari r-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja kif ukoll ir-Repubblika Taljana, iżda biss, għal dan l-aħħar Stat Membru, f’dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. B’mod iktar preċiż, ir-Renju ta’ Spanja juża t-termini “konxja mid-data u l-post stabbiliti għas-seduta”, ir-Repubblika Franċiża, “konxja mid-data u l-post tal-proċess” (“proċess” fis-sens ta’ “seduta”), ir-Repubblika Taljana (għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 9(1)(i)(ii) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 biss), “konxja mid-data stabbilita għas-seduta”, ir-Rumanija, “konxja mill-ġurnata, ix-xahar, is-sena u l-post tad-dehra” u r-Repubblika tas-Slovenja, “konxja mill-ġurnata u l-post tas-seduta skedata”.
31 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punt 14), u tat‑13 ta’ Frar 2025, Verbraucherzentrale Berlin (Kunċett ta’ perijodu inizjali ta’ impenn) (C‑612/23, EU:C:2025:82, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generalstaatsanwaltschaft Hamburg”, EU:C:2020:1042, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija ta’ sospensjoni) (C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija ta’ sospensjoni) (C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 50).
34 Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija ta’ sospensjoni) (C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kachev (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kachev (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Iktar ’il quddiem id-“dritt għal proċess ġdid”.
38 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 29).
39 Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 31); tas‑16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid) (C‑400/23, EU:C:2025:14, punt 59); tas‑16 ta’ Jannar 2025, Stangalov (C‑644/23, EU:C:2025:16, punt 36), u Kachev (punt 33).
40 Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi eżegwita kontra l-persuna ssuspettata jew akkużata kkonċernata.
41 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 30).
42 Ara s-sentenza Kachev (punt 34). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 jagħti importanza partikolari lill-għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkonċernata, sa fejn jissuġġetta espressament kull possibbiltà li jiġi organizzat proċess fil-kontumaċja għall-kundizzjoni li din il-persuna tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 51)).
43 Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C‑420/20, EU:C:2022:679, punt 52).
44 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 41).
45 Ara s-sentenza Kachev (punt 38).
46 Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet informata, fi żmien xieraq, biż-żamma tal-proċess tagħha jew meta, filwaqt li tkun ġiet informata biż-żamma tiegħu jew filwaqt li titqies li rċeviet tali informazzjoni, din il-persuna ma tkunx ġiet informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra u lanqas ma tkun ġiet debitament irrappreżentata minn avukat b’mandat f’dan il-proċess, l-imsemmija persuna tibbenefika, bħala prinċipju, minn meta tkun saret taf bid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja tagħha, mid-dritt għal proċess ġdid (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kachev (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
47 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija ta’ sospensjoni) (C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 52).
49 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343 lill-Istati Membri li jmexxu, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ikunu ssodisfatti, proċess fil-kontumaċja u li jeżegwixxu d-deċiżjoni mingħajr ma jipprevedu d-dritt għal proċess ġdid hija bbażata fuq il-premessa li, fis-sitwazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu 2, il-persuna kkonċernata, li tkun ġiet informata kif xieraq, irrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku milli teżerċita d-dritt li tkun preżenti fil-proċess tagħha (punt 34 ta’ din is-sentenza).
50 Fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrilevat li d-“Deċiżjoni Qafas 2002/584 tagħmel parti minn sistema globali ta’ garanziji dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti minn leġiżlazzjonijiet oħra tal-Unjoni” (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni tad-drittijiet) (C‑649/19, EU:C:2021:75, punt 76)).
51 Ara d-digriet tal‑20 ta’ Settembru 2024, Anacco (C‑504/24 PPU, iktar ’il quddiem id-“digriet Anacco”, EU:C:2024:779, punt 51).
52 Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (punt 45).
53 Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (punt 46).
54 Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (punt 47). Ara, ukoll, id-digriet Anacco (punt 55).
55 Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (punt 47).
56 Ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (punt 56). Barra minn hekk, nenfasizza li, fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija ta’ sospensjoni) (C‑514/21 u C‑515/21, EU:C:2023:235), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impenn tal-Istat Membru emittenti li jirrikonoxxi lill-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew id-dritt għal proċess ġdid, meta din tkun ġiet ikkundannata fil-kontumaċja, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, ma jinsabx fost il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tissuġġetta l-konsenja tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għal tali kundizzjoni (punt 80 ta’ din is-sentenza). Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din l-awtorità jista’ jkollha titlob, permezz, jekk ikun il-każ, ta’ talba għal informazzjoni addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-assigurazzjoni tal-Istat Membru emittenti li l-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi mgħarrfa bil-fatt li, skont id-dritt tal-Istat Membru emittenti, hija ser tikseb id-dritt għal proċess ġdid li hija tkun tista’ tipparteċipa fih u li jippermetti li l-eżami mill-ġdid tal-kawża fuq il-mertu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni provi ġodda, u li tali deċiżjoni tiġi kkonfutata, bil-kundizzjoni li, jekk tali assigurazzjoni tingħata mill-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha tikkonsenja lill-persuna kkonċernata, konformement mal-Artikolu 4a(1)(d) tal-imsemmija deċiżjoni qafas (punt 82 tal-imsemmija sentenza).
57 Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 62), u d-digriet Anacco (punt 58).
58 Ara l-premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299. Wara l-emendi introdotti minn din id-deċiżjoni qafas, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 issa twettaq armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja, li tirrifletti l-kunsens li waslu għalih l-Istati Membri kollha dwar il-portata li għandha tingħata, skont id-dritt tal-Unjoni, lid-drittijiet proċedurali li minnhom jibbenefikaw il-persuni kkundannati fil-kontumaċja li huma s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 62), u d-digriet Anacco (punt 58)).
59 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tinvoka l-impossibbiltà li tiġi invokata d-Direttiva 2016/343 sabiex tiġi evitata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minbarra r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara s-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (punt 55)).
60 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, VB II (Informazzjoni dwar id-dritt għal proċess ġdid) (C‑400/23, EU:C:2025:14, punt 48). Ara, ukoll, id-digriet Anacco (punt 52).
61 Ara s-sentenza Kachev (punt 34).
62 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem) (C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 39); tal‑14 ta’ Lulju 2022, Procureur général près la cour d’appel d’Angers (C‑168/21, EU:C:2022:558, punt 40), u tas‑6 ta’ Ġunju 2023, O. G. (Mandat ta’ arrest Ewropew kontra ċittadin ta’ pajjiż terz) (C‑700/21, EU:C:2023:444, punt 33). Ara, ukoll, id-digriet Anacco (punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
63 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Grundza (C‑289/15, EU:C:2017:4, punt 46).
64 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Grundza (C‑289/15, EU:C:2017:4, punti 50 u 51).
65 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kachev (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66 Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-ipoteżi li l-persuna kkonċernata taħrab, is-sentenza Kachev (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
67 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kachev (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 Ara s-sentenza Kachev (punt 59).
69 Ara s-sentenza Kachev (punt 61).
70 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 52).
71 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (C‑396/22, EU:C:2023:1029, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).