Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑13 ta’ Novembru 2025 (1)

Kawża C438/24

Erakond Eestimaa Rohelised

fil-preżenza ta’:

Vabariigi Valimiskomisjon,

Riigikogu,

Õiguskantsler,

Justiitsminister

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Elezzjonijiet Ewropej – Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom – Elezzjonijiet ta’ membri tal-Parlament Ewropew – Rekwiżit ta’ ħlas ta’ depożitu elettorali – Esklużjoni ta’ ċerti kandidati mill-kandidatura għall-elezzjonijiet minħabba nuqqas ta’ ħlas tad-depożitu – Ammont tad-depożitu ugwali għal ħames darbiet is-salarju mensili minimu – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 17(1) u Artikolu 39(2) – Proporzjonalità tal-imsemmi depożitu)






I.      Introduzzjoni

1.        “Put your money where your mouth is” hija espressjoni komuni sabiex jiġu ttestjati l-intenzjonijiet ġenwini ta’ xi ħadd. Iżda sa liema punt jista’ jintuża rekwiżit ta’ depożitu sabiex tiġi evalwata s-serjetà tal-kandidatura ta’ persuna fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew?

2.        Din il-kwistjoni qamet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ kostituzzjonali li fil-kuntest tagħha l-partit politiku Erakond Eestimaa Rohelised (il-Partit tal-Ħodor Estonjan, l-Estonja) qiegħed jikkontesta l-kostituzzjonalità ta’ dispożizzjoni tal-Liġi Elettorali Estonjana – li timponi l-ħlas ta’ ammont ta’ depożitu speċifikat għall-kandidati kollha li jixtiequ joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej – quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

3.        B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 29(5) tal-Euroopa Parlamendi valimise seadus (il-Liġi dwar l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, iktar ’il quddiem l-“EPVS”) jimponi fuq partit politiku jew kandidat indipendenti l-obbligu ta’ ħlas ta’ ħames darbiet is-salarju minimu mensili fiss, li jwassal għal 45 darba l-paga minima mensili fissa għal lista sħiħa ta’ partit.

II.    Il-fatti fil-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4.        Fl‑20 ta’ April 2024, il-Partit tal-Ħodor Estonjan, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ressaq quddiem il-Vabariigi Valimiskomisjon (il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali, il-“Kum missjoni Elettorali”) lista ta’ disa’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fid‑9 ta’ Ġunju 2024.

5.        Il-Kummissjoni Elettorali rreġistrat, permezz tad-Deċiżjoni Nru 103 tad‑29 ta’ April 2024, tnejn mid-disa’ nominazzjonijiet tal-Partit tal-Ħodor, iżda rrifjutat li tirreġistra, permezz tad-Deċiżjoni Nru 102 adottata fl-istess jum, is-seba’ nominazzjonijiet l-oħra tal-Partit tal-Ħodor minħabba li dan il-partit ma kienx ippreżenta kopja tal-ordni ta’ ħlas li tikkonferma l-ħlas tad-depożitu għas-seba’ persuni l-oħra, skont l-Artikolu 29(5) tal-EPVS (2).

6.        Fit‑2 ta’ Mejju 2024, ir-rikorrent ressaq azzjoni kontra d-Deċiżjoni Nru 102 quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema), fejn talab li dik il-qorti jogħġobha: (i) tiddikjara li l-Artikolu 29(5) tal-EPVS huwa antikostituzzjonali; (ii) tannulla d-Deċiżjoni Nru 102; u (iii) tordna lill-Kummissjoni Elettorali tinkludi l-kandidati kollha nnominati mir-rikorrent fil-lista tal-kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni Elettorali żammet il-pożizzjoni tagħha u talbet li l-azzjoni tiġi miċħuda.

7.        Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Mejju 2024, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li għandha tiġi eżaminata l-kostituzzjonalità tal-Artikolu 29(5) tal-EPVS, u ddikjarat li l-kawża tista’ teħtieġ eżami tal-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni. Dik il-qorti kkjamat fil-kawża lir-Riigikogu (il-Parlament Estonjan), lill-Õiguskantsler (il-Kanċillier tal-Ġustizzja), lill-Justiitsminister (il-Ministru għall-Ġustizzja), lill-Ministru li jirrappreżenta lill-Gvern u lill-Kummissjoni Elettorali bħala partijiet interessati, filwaqt li stiednet lill-partijiet ikkonċernati kollha jippreżentaw osservazzjonijiet quddiem l-istess qorti.

8.        Sabiex tispjega t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, abbażi tal-Artikolu 223(1) TFUE u tal-Artikolu 8 tal-Att Elettorali (3), li l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, kompetenti sabiex jirregolaw il-proċedura elettorali għall-elezzjonijiet Ewropej (4).

9.        Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tesprimi l-fehma li obbligu ta’ ħlas ta’ depożitu fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ma huwiex, fih innifsu, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li jsegwi l-għan leġittimu li jiskoraġġixxi kandidaturi frivoli, li jnaqqas in-numru ta’ voti mitlufa u jiżgura l-użu xieraq tar-riżorsi pubbliċi.

10.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li r-rekwiżit ta’ depożitu ma jistax ikun eċċessiv sal-punt li jikkostitwixxi ostakolu insormontabbli għall-kandidatura għall-elezzjoni, peress li tali restrizzjoni tkun sproporzjonata u tista’ thedded il-ħolqien ta’ saħħa politika suffiċjentement rappreżentattiva u/jew tinterferixxi mal-prinċipju ta’ pluraliżmu (5).

11.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) għandha dubji dwar il-proporzjonalità tar-rekwiżit ta’ depożitu previst fl-Artikolu 29 tal-EPVS u tistaqsi għalhekk dwar il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.

12.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 39(2) flimkien mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’)] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, jipprekludu l-obbligu li titħallas garanzija ta’ [5] darbiet iktar mis-salarju mensili minimu għal kull persuna ssottoskritta għar-reġistrazzjoni u garanzija ta’ [45] darba iktar mis-salarju mensili minimu għal lista kompleta ta’ partit?”

13.      Fl-istess ħin, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) issospendiet il-validità tad-Deċiżjoni Nru 102 permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Mejju 2024 sakemm sentenza li ttemm il-proċedura ssir definittiva, filwaqt li ordnat lill-Kummissjoni Elettorali teżamina mill-ġdid ir-reġistrazzjoni tas-seba’ nominazzjonijiet l-oħra tal-Partit tal-Ħodor.

14.      Permezz tad-Deċiżjoni tagħha Nru 105 tal‑14 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni Elettorali rreġistrat is-seba’ kandidati li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet inizjalment irrifjutata, u b’hekk dawn setgħu joħorġu għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fid‑9 ta’ Ġunju 2024.

15.      F’dawn l-elezzjonijiet, il-lista tal-Partit tal-Ħodor kisbet 0.62 % tal-voti kollha mitfugħa u għalhekk ma kiseb ebda siġġu fil-Parlament Ewropew (6).

16.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Estonjan u mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew.

17.      Inżammet seduta fit‑3 ta’ Lulju 2025, li matulha l-Gvern Estonjan, Grieg u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, ressqu l-argumenti orali tagħhom.

III. Analiżi

18.      Dik li nbdiet fl-1952 bħala l-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar malajr ngħatat l-isem ġdid tal-Assemblea Parlamentari Ewropea, qabel ma mbagħad bidlet isimha u saret il-“Parlament Ewropew” fl-1962. Inizjalment, il-Membri tal-Parlament Ewropew (“MEP”) kienu jinħatru mill-parlament nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Dan inbidel, wara l-adozzjoni tal-Att Elettorali fl-1976, li, filwaqt li osserva l-prinċipju ta’ vot universali, ta lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt li jeleġġi r-rappreżentant tiegħu fil-Parlament Ewropew. L-ewwel elezzjonijiet diretti saru f’Ġunju 1979 u l-importanza tal-Parlament bħala l-istituzzjoni li tirrappreżenta liċ-ċittadini tal-Unjoni baqgħet tikber sa minn dak iż-żmien.

19.      Illum, il-Parlament huwa, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-korp leġiżlattiv prinċipali tal-Unjoni, li jiżgura l-osservanza fl-Unjoni tal-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, stipulat fl-Artikolu 10 TUE.

20.      L-Att Elettorali ma jistabbilixxix proċedura uniformi għall-elezzjoni tal-MEP (7). Dan l-att jipprevedi biss li, f’kull Stat Membru, l-MEP għandhom jiġu eletti fuq il-bażi ta’ rappreżentanza proporzjonali – skont is-sistema tal-lista jew is-sistema ta’ votazzjoni unika trasferibbli, li tippermetti lil kull Stat Membru jintroduċi listi preferenzjali (8).

21.      L-Artikolu 8 tal-Att Elettorali jipprevedi li huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw il-proċedura elettorali u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jaffettwawx in-natura essenzjalment proporzjonali tas-sistema ta’ votazzjoni.

22.      Bl-adozzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni, l-Istati Membri jimplimentaw l-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 14(3) TUE u l-Artikolu 1(3) tal-Att Elettorali li jipprevedu l-elezzjoni tal-MEP għal perijodu ta’ ħames snin b’vot dirett universali mogħti b’mod liberu u sigriet (9).

23.      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola d-dritt ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandha tinftiehem bħala li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens li l-Karta tapplika għal tali leġiżlazzjoni, konformement mal-Artikolu 51(1) tagħha.

24.      F’dan id-dawl, id-domanda tal-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda l-Artikolu 39 tal-Karta moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandha tinftiehem bħala li qiegħda tistaqsi jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni, li jimponu rekwiżit ta’ depożitu fuq il-kandidati li jixtiequ joħorġu għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, tippreġudikax b’mod sproporzjonat id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li joħorġu għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew (A). Il-parti tad-domanda dwar l-Artikolu 17(1) tal-Karta – li jipproteġi d-dritt għall-proprjetà – għandha tiġi ttrattata separatament (B).

A.      Ksur tal-Artikolu 39 tal-Karta moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha

25.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’parti mid-domanda tagħha, jekk l-Artikolu 39 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Estonjana li timponi l-ħlas ta’ somma flus mhux negliġibbli bħala kundizzjoni għall-kandidatura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u li hija rimborsabbli biss taħt ċerti kundizzjonijiet. Din id-domanda tistaqsi, essenzjalment, jekk restrizzjoni għad-dritt li wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet imposta minn tali leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata minħabba li hija proporzjonata għat-twettiq tal-għan li jitneħħew kandidaturi frivoli u minħabba li tikkontribwixxi għal korp elett iktar rappreżentattiv.

26.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li r-rekwiżit ta’ ħlas ta’ depożitu previst fl-Artikolu 29(5) tal-EPVS huwa sproporzjonat u, għaldaqstant, jippreġudika d-dritt tal-kandidati li joħorġu għall-elezzjoni.

27.      Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew iqis li, bħala prinċipju, l-impożizzjoni ta’ kundizzjoni ekonomika biex wieħed ikun kandidat tmur kontra l-prinċipju ta’ vot universali.

28.      Kuntrarjament għal dawn il-pożizzjonijiet, u bla ħsara għal ċerta varjazzjoni, il-gvernijiet li intervjenew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-Kummissjoni, iqisu li l-ammont tad-depożitu meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex sproporzjonat.

1.      Limitazzjonijiet għad-dritt ta’ kandidatura fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew

29.      L-Artikolu 39 tal-Karta jipproteġi d-dritt ta’ kull ċittadin li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, billi jirrikonoxxi l-istatus fundamentali ta’ dawn id-drittijiet.

30.      Id-dritt ta’ li wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet Ewropej jista’ jinftiehem bħala l-espressjoni tar-rekwiżit li l-MEP jiġu eletti b’vot universali, kif previst fl-Artikolu 14(3) TUE, u riprodott fl-Artikolu 39(2) tal-Karta (10). Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet fl-Istat Membru li fih jirrisjedu, u mhux neċessarjament fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, iżda dan ma huwiex inkwistjoni f’din il-kawża (11).

31.      Il-parteċipanti f’din il-proċedura ma jikkontestawx li d-dritt ta’ kandidatura fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew huwa limitat minn regoli nazzjonali li jimponu rekwiżit pekunjarju, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, bħala kundizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ kandidatura f’dawn l-elezzjonijiet. Il-kwistjoni li tqum f’din il-kawża hija għalhekk dik dwar jekk tali limitazzjoni tistax tiġi ġġustifikata.

32.      Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, id-drittijiet jistgħu jiġu limitati sakemm din il-limitazzjoni tkun prevista mil-liġi u tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt inkwistjoni. Sabiex tali limitazzjoni tkun aċċettabbli, ir-regoli li jillimitaw id-drittijiet għandhom isegwu għanijiet ta’ interess ġenerali, li l-Unjoni tirrikonoxxi bħala leġittimi, u dawn ir-regoli għandhom ikunu proporzjonati għal dawn l-għanijiet (12).

33.      F’din il-kawża, huwa ċar li l-limitazzjoni inkwistjoni hija introdotta b’liġi: l-EPVS.

34.      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li din il-limitazzjoni tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt ta’ kandidatura għall-elezzjoni, peress li l-limitazzjoni ma tqegħidx f’dubju dan id-dritt bħala tali.

35.      Dak li jibqa’ li għandu jiġi eżaminat f’iktar dettall huwa jekk l-għanijiet ta’ interess ġenerali proposti sabiex tiġi ġġustifikata l-limitazzjoni inkwistjoni humiex leġittimi mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni (2), u jekk ir-regoli, kif imfassla, humiex xierqa (3) u neċessarji (4) sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnhom.

2.      Għan leġittimu ta’ interess ġenerali

36.      Sabiex jiġi evalwat jekk ir-restrizzjoni ta’ dritt iggarantit taħt id-dritt tal-Unjoni – f’din il-kawża, id-dritt ta’ kandidatura fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew – hijiex iġġustifikata, għandu l-ewwel jiġi evalwat jekk l-għanijiet, kif identifikati mid-dritt nazzjonali, li din ir-restrizzjoni tfittex humiex leġittimi mill-perspettiva tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

37.      Kif indikat mill-qorti tar-rinviju, u kkonfermat mill-Gvern Estonjan waqt is-seduta, ir-rekwiżit ta’ depożitu huwa intiż li jiskoraġġixxi kandidaturi frivoli u li jagħti lill-kandidati sens ikbar ta’ responsabbiltà. L-iskoraġġiment ta’ kandidaturi frivoli jnaqqas l-għadd ta’ voti mitlufa fl-elezzjonijiet u jżid il-korrelazzjoni bejn ir-riżultati elettorali u r-rieda reali tal-votanti. Għalhekk, dan jiggarantixxi d-dritt tal-votanti għal rappreżentanza effettiva u r-rappreżentattività tal-korp rappreżentattiv. Dan iservi wkoll, bħala għan sekondarju, sabiex jiżgura li r-riżorsi pubbliċi, bħal, pereżempju, dawk meħtieġa sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-Istat għaż-żamma tal-elezzjonijiet, l-ispejjeż sabiex jiġu rrapportati d-dibattiti fil-midja pubblika, u oħrajn, ma jintużawx b’mod mhux xieraq (13).

38.      Id-diskussjonijiet waqt is-seduta wrew li kien possibbli li jiġu identifikati żewġ għanijiet leġittimi differenti, skont kif wieħed jifhem it-terminu “kandidat frivolu”.

39.      L-ewwel nett, “kandidat frivolu” jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għal individwi li ma għandhomx intenzjoni ġenwina li jiġu eletti fil-Parlament Ewropew. L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew iservu biex jeleġġu individwi li jirrappreżentaw fedelment ir-rieda tal-elettorat fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala MEP u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-politiki tal-Unjoni. Għalhekk, il-kandidati li jixtiequ joħorġu għall-elezzjoni għal din l-istituzzjoni għal raġunijiet oħra, bħall-promozzjoni personali tagħhom stess jew it-tfittxija ta’ interessi purament nazzjonali jew kummerċjali, ma humiex kandidati “serji”.

40.      Jekk l-espressjoni “kandidat frivolu” tinftiehem bħala li tirreferi għall-kandidati li ma għandhomx intenzjonijiet serji, allura għandu jiġi aċċettat bħala għan leġittimu fil-livell tal-Unjoni li dawn il-kandidati jiġu skoraġġuti milli joħorġu għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Fl-istess ħin, il-prevenzjoni ta’ dawn il-kandidati milli joħorġu għall-elezzjoni tiżgura li l-fondi pubbliċi meħtieġa biex ikopru l-ispejjeż taż-żamma tal-elezzjonijiet ma jiġux użati ħażin (14).

41.      It-tieni nett, it-terminu “kandidat frivolu” jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għal kandidat li mill-bidu ma jkollu ebda possibbiltà li jikseb biżżejjed voti sabiex jiġi elett fil-Parlament Ewropew.

42.      Il-Gvern Olandiż, filwaqt li spjega r-raġunijiet tal-iskema ta’ depożiti tiegħu stess, uża t-terminu frivolu, jew mhux serju, meta indika kandidati li ma għandhomx possibbiltà reali li jiġu eletti. Il-voti mitfugħa għal dawn il-kandidati jitqiesu bħala “voti mitlufa” peress li ma jikkontribwixxux għall-elezzjoni ta’ membru għall-korp rappreżentattiv. Għaldaqstant, skont dan il-gvern, sistema li teskludi minn qabel tali kandidati twassal għal korp elett iktar rappreżentattiv tal-elettorat (15).

43.      Fil-fatt, fis-sistemi elettorali b’rappreżentanza proporzjonali permezz ta’ vot uniku trasferibbli, il-voti għall-kandidati li ma jiksbux maġġoranza suffiċjenti sabiex jiksbu siġġu fil-Parlament (imsejħa voti mitlufa) jitqassmu lill-kandidati l-oħra li min-naħa tagħhom jiġu eletti fil-Parlament (16).

44.      Għalkemm dawn il-voti ma humiex neċessarjament “mitlufa” mill-perspettiva tal-votanti, peress li huma kienu esprimew il-preferenzi politiċi tagħhom, u għalhekk tali voti jikkontribwixxu sabiex il-klima politika ta’ soċjetà tinftiehem, dawn jistgħu, madankollu, jitqiesu li huma problematiċi mill-perspettiva tal-produzzjoni ta’ korp elett iktar rappreżentattiv.

45.      Ma nqisx li huwa konvinċenti ħafna li t-tnaqqis fin-numru ta’ “voti mitlufa” bl-eliminazzjoni ta’ kandidati qabel l-elezzjonijiet neċessarjament jikkontribwixxi għal riżultati tal-elezzjoni iktar rappreżentattivi, peress li l-votanti li ma setgħux jivvotaw għall-kandidati “tagħhom”, iżda ngħataw biss il-possibbiltà li jivvotaw għal dawk li setgħu joħorġu għall-elezzjonijiet, ma jkunux fil-fatt irrappreżentati mill-membri Parlamentari eletti. Dawn jew jivvotaw għall-kandidat li jqisu bħala t-“tieni l-aħjar” jew, kif jiġri ta’ spiss, jivvotaw kontra l-“agħar għażla”.

46.      Madankollu, peress li korp elett kompletament rappreżentattiv ma jistax jintlaħaq fil-prattika, it-tentattiv biex jitnaqqas in-numru ta’ “voti mitlufa” huwa ġeneralment aċċettat bħala għan leġittimu meta jiġu organizzati l-elezzjonijiet.

47.      Tali għan ġie rrikonoxxut bħala leġittimu mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) (17).

48.      Il-funzjonament tal-Unjoni huwa, skont l-Artikolu 10 TUE, ibbażat fuq il-kunċett ta’ demokrazija rappreżentattiva. Li jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew ikun verament rappreżentattiv taċ-ċittadini tal-Unjoni sal-punt massimu possibbli huwa, għalhekk, konformi ma’ wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni: id-demokrazija – kif espressa fl-Artikolu 2 TUE (18).

49.      Għalhekk, l-għan li jitnaqqas in-numru ta’ “voti mitlufa” billi jiġu skoraġġuti kandidati li ma għandhomx biżżejjed sostenn pubbliku sabiex joħorġu għall-elezzjoni, sabiex jinkiseb korp iktar rappreżentattiv, jista’ jiġi aċċettat bħala għan leġittimu fl-Unjoni (19).

50.      Sussegwentement, għandha tiġi evalwata n-natura adegwata u neċessarja tar-rekwiżit pekunjarju, li jitħallas lura biss jekk kandidat jilħaq il-livell minimu ta’ 5 % tal-voti kollha mitfugħa. Din tal-aħħar għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kull wieħed miż-żewġ għanijiet leġittimi identifikati: (a) li jiġu skoraġġuti kandidati mhux serji; u (b) li jiġi żgurat korp elett iktar rappreżentattiv billi jitnaqqas in-numru ta’ voti mitlufa.

3.      Adegwatezza

a)      Adegwatezza tar-rekwiżit ta’ depożitu sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu skoraġġuti kandidati mhux serji

51.      Ir-rekwiżit pekunjarju, li jiġi rritornat biss jekk lista jirnexxielha tikseb 5 % tal-voti kollha espressi, jikkostitwixxi metodu adegwat sabiex jitwarrbu kandidati li ma jkollhomx verament intenzjonijiet serji meta joħorġu għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew (kandidati mhux serji)?

52.      Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ.

53.      Għalkemm naf li l-flus ikunu ħafna drabi mezz sabiex jinkiseb riżultat, ma naħsibx li l-impożizzjoni ta’ rekwiżit pekunjarju tista’ tkun miżura adegwata sabiex tiġi żgurata s-serjetà ta’ kandidatura għal elezzjoni politika. Tali kriterju jiffiltra l-kandidati permezz tal-ġid personali tagħhom jew tal-partiti jew tal-organizzazzjonijiet li jsostnuhom, u mhux abbażi tas-serjetà tal-kandidaturi tagħhom.

54.      Rekwiżit pekunjarju, bħal dak stipulat mil-liġi Estonjana, inevitabbilment jiffavorixxi lill-kandidati benestanti u lill-partiti politiċi stabbiliti; kandidati ġodda u movimenti politiċi emerġenti huma partikolarment żvantaġġati, peress li jridu jġarrbu kemm l-ispiża tal-kampanja politika kif ukoll ir-riskju li jitilfu l-ammont imħallas. Dan l-ostaklu finanzjarju jxekkel id-dħul ta’ kandidati serji li joriġinaw minn kuntesti modesti u jxekkel l-iżvilupp ta’ opinjonijiet politiċi differenti, filwaqt li jiżgura li l-qasam politiku jibqa’ jimmilita favur gruppi stabbiliti. Mill-banda l-oħra, kandidat sinjur iżda opportunist ma jitwaqqafx milli joħroġ għall-elezzjoni minn tali obbligu pekunjarju.

55.      Il-prattika wriet li l-flus ma jżommux lill-“kandidati tal-istampa” milli joħorġu għall-elezzjonijiet: f’elezzjonijiet preċedenti għall-Parlament Ewropew fl-Estonja, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, kien hemm kandidati indipendenti li, minkejja li ħallsu d-depożitu, kisbu biss 48 jew 55 vot (20).

56.      Għalhekk, rekwiżit pekunjarju ma jikkostitwixxix miżura adegwata sabiex jiġu ffiltrati kandidati mhux serji. Minflok, dan jiffiltra l-kandidati skont il-ġid.

57.      Peress li l-liġi Estonjana inkwistjoni ma tgħaddix, fil-fehma tiegħi, mit-test ta’ adegwatezza fir-rigward tal-għan li jiġu skoraġġuti kandidati mhux serji, ma hemmx lok li tiġi evalwata n-neċessità tagħha.

b)      L-adegwatezza tar-rekwiżit tad-depożitu sabiex jintlaħaq l-għan li jitnaqqas in-numru ta’ “voti mitlufa”

58.      Anki jekk ir-rekwiżit pekunjarju ma huwiex miżura xierqa sabiex jiġu ffiltrati kandidati mhux serji, tali rekwiżit xorta waħda jiskoraġġixxi lil ċerti kandidati “frivoli”, anki jekk mhux kollha, b’mod partikolari dawk li ma jaħsbux li għandhom il-possibbiltà li jirbħu siġġu, milli joħorġu għall-elezzjoni. Għalhekk, dan jista’ jwassal għal tnaqqis f’“voti mitlufa”.

59.      Jista’ jiġi aċċettat li l-kapaċità li jinġabru flus sabiex jitħallas depożitu, speċjalment meta kkombinata ma’ livell minimu baxx iżda sinjifikattiv ta’ ħlas lura, tista’ tinftiehem bħala prova ta’ ċertu livell ta’ sostenn pubbliku.

60.      Peress li l-flus spiss jintużaw fis-soċjetajiet tagħna bħala għodda prammatika sabiex jiġi ttestjat l-impenn ta’ persuna, kandidat li ma jkunx jista’ jiġbor depożitu raġonevoli minn kwalunkwe sors (partit politiku, donaturi indipendenti, pjattaforma ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, u oħrajn simili) jiżvela nuqqas ta’ ħiliet organizzattivi bażiċi, network jew impenn meħtieġ sabiex jagħmel kampanja serja, u b’hekk ikun sors probabbli ta’ “voti mitlufa”, iktar milli sempliċement ma jkollux riżorsi suffiċjenti.

61.      Minn din il-perspettiva, l-esklużjoni ta’ kandidati li ma jkunux jistgħu jiġbru depożitu tista’ tkun għodda sabiex jitnaqqas in-numru ta’ dawk il-kandidati li x’aktarx ma jiksbux numru suffiċjenti ta’ voti.

62.      Għalhekk inqis li rekwiżit pekunjarju jista’ jitqies bħala miżura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan li jitnaqqas in-numru ta’ “voti mitlufa”, b’mod li jiġi stabbilit korp elett iktar rappreżentattiv.

63.      Bħala pass sussegwenti, għandu jiġi evalwat jekk depożitu pekunjarju, bħal dak impost mil-liġi Estonjana inkwistjoni, huwiex fil-fatt neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

4.      In-neċessità ta’ rekwiżit ta’ depożitu

64.      Fil-Kodiċi ta’ Prattika Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali tagħha, il-Kummissjoni ta’ Venezja ma qisitx depożitu bħala mod inaċċettabbli sabiex jitnaqqas in-numru ta’ voti mitlufa. Madankollu, hija enfasizzat li “għandu jkun rimborsabbli jekk il-kandidat jew il-partit jeċċedi ċertu livell; is-somma u l-livell mitluba ma għandhomx ikunu eċċessivi” (21).

65.      Depożitu għoli wisq u/jew limitu minimu għoli wisq għall-ħlas lura tiegħu jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ kandidati minn gruppi emarġinati, movimenti politiċi ġodda jew individwi b’introjtu baxx li, għalkemm ma jkunux mistennija li jirbħu siġġu, jistgħu jirrappreżentaw pretensjonijiet politiċi ġenwinament importanti u mhux rappreżentati u jiksbu numru rispettabbli ta’ voti. Bl-esklużjoni ta’ dawn il-vuċijiet li ma humiex suffiċjentement irrappreżentati, is-sistema jkollha r-riżultat li dawn il-voti qatt ma jingħaddu jew jiġu espressi fuq il-karta tal-vot.

66.      Bl-istess mod, minkejja l-importanza inkontestabbli tal-partiti politiċi għall-parteċipazzjoni demokratika (22), rekwiżit ta’ depożitu strett wisq jista’ jipprekludi l-ħolqien ta’ partiti ġodda. Dan ikun imur kontra l-prinċipju fundamentali ta’ pluraliżmu politiku ggarantit mid-dritt tal-Unjoni.

67.      Għalhekk, Stat li jimponi obbligu ta’ depożitu għandu, kif indikat mill-QEDB, isib bilanċ, għalkemm delikat, xieraq (23).

68.      Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li somma eċċessiva ħafna u livell minimu għoli wisq jistgħu jinftiehmu bħala li ma humiex neċessarji sabiex tiġi żgurata r-rappreżentattività.

a)      Il-leġiżlazzjoni Estonjana tipprevedi somma eċċessiva u livell minimu għoli wisq?

69.      L-ammont ta’ depożit meħtieġ mil-liġi Estonjana fil-kawża prinċipali għall-kandidatura fl-elezzjonijiet Ewropej jidher li huwa pjuttost oneruż.

70.      L-ewwel nett, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fil-mument tal-preżentata tal-azzjoni, ir-rekwiżit pekunjarju inkwistjoni kien jammonta għal 215 % tas-salarju mensili gross Estonjan medju u kien jammonta għal 3.17-il darba s-salarju mensili medju għal kull kandidat.

71.      Tali livell ta’ rekwiżit pekunjarju huwa sinjifikattiv għall-ġid ta’ persuna medja.

72.      It-tieni nett, anki jekk teżisti biss minoranza żgħira ta’ Stati Membri li jimponu rekwiżit pekunjarju bħala kundizzjoni għall-kandidatura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (24), l-ammont relattiv meħtieġ f’dawn l-Istati jista’ jservi bħala paragun sabiex tiġi evalwata n-neċessità tal-ammont meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Estonjana inkwistjoni.

73.      Għall-finijiet ta’ dan il-paragun, ser inqabbel ir-rekwiżit ta’ depożitu impost mill-Estonja ma’ dak impost mill-Pajjiżi l-Baxxi, Stat Membru li intervjena quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li għandu wkoll rekwiżit pekunjarju. Il-Gvern Olandiż ikkonferma waqt is-seduta li r-rekwiżit ta’ depożitu għall-kandidatura għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu l-istess għanijiet leġittimi bħal dawk imfittxija mill-Artikolu 29 tal-EPVS, jiġifieri li jiġu skoraġġuti l-kandidati frivoli, li jiġi evitat l-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u li jiġu evitati voti mitlufa (25).

74.      Ir-rekwiżit ta’ depożitu għal lista sħiħa ta’ kandidati għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa previst fl-Artikolu H 12 tal-Kileswet (l-Att Elettorali tal-Pajjiżi l-Baxxi) (26), li jeżiġi l-ħlas ta’ depożitu ta’ EUR 11 250 għal kull lista ta’ kandidati, irrispettivament min-numru ta’ kandidati li jinsabu f’din il-lista. In-numru massimu ta’ kandidati għal kull lista elettorali għall-Parlament Ewropew fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa fil-preżent bejn 50 u 80 (27), li jammonta għal madwar EUR 225 għal kull kandidat fuq lista sħiħa – ferm inqas mill-EUR 4 100 meħtieġa għal kull kandidat fuq lista sħiħa skont l-Artikolu 29 tal-EPVS.

75.      Għalhekk, anki jekk in-numru massimu ta’ kandidati għal kull lista jkun l-istess fil-Pajjiżi l-Baxxi bħalma huwa fl-Estonja, jiġifieri, disa’ kandidati, id-depożitu totali f’lista sħiħa jibqa’ jammonta biss għal EUR 1 250 għal kull kandidat, kważi 3.5 darbiet inqas mir-rekwiżit ta’ depożitu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

76.      It-tielet nett, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Õiguskantsler (il-Kanċillier tal-Ġustizzja) ipparaguna r-rekwiżit pekunjarju man-numru minimu ta’ membri ta’ partit politiku fl-Estonja. Fid-dawl tan-numru minimu ta’ membri li partit għandu jinkludi (500), lista sħiħa tkun tfisser li kull membru tal-partit ikollu jħallas EUR 73.80.

77.      F’dan ir-rigward, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit pekunjarju għall-kandidatura għall-elezzjonijiet ma hijiex l-unika spiża li l-partiti jew il-kandidati tagħhom għandhom ibatu, u l-baġit annwali kollu tagħhom ma jistax jiġi eżawrit sabiex joħorġu għal elezzjoni waħda.

78.      Fl-aħħar nett, anki jekk hemm differenzi sinjifikattivi fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet nazzjonali u Ewropej (28), għandu jiġi nnotat li r-rekwiżit pekunjarju għall-kandidati sabiex joħorġu għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-Estonja huwa ħames darbiet iktar restrittiv minn dak għall-kandidati li jixtiequ joħorġu għall-elezzjoni għar-Riigikogu (il-Parlament Estonjan).

79.      In-neċessità tar-regola Estonjana għandha tiġi evalwata wkoll mill-perspettiva tal-livell minimu għall-ħlas lura tal-ammont imħallas, anki fil-każ li ma jintrebaħ ebda siġġu.

80.      F’dan ir-rigward, hemm differenza bejn l-elezzjonijiet nazzjonali u dawk Ewropej. Għall-elezzjonijiet Ewropej, il-livell minimu sabiex wieħed ikun eliġibbli għall-ħlas lura tad-depożitu mill-baġit tal-Istat huwa ta’ 5 % tan-numru totali ta’ voti mitfugħa fil-livell nazzjonali. Min-naħa l-oħra, fl-elezzjonijiet nazzjonali, partit li jiġbor mill-inqas 2 % tal-voti f’Riigikogu (il-Parlament Estonjan) jista’ jibbenefika minn allokazzjoni baġitarja tal-Istat għall-partiti politiċi (29). Strettament ma hemm l-ebda kundizzjoni sabiex il-ħlas inizjali fl-elezzjonijiet nazzjonali jiġi rrimborsat.

81.      Ma huwiex evidenti li livell minimu daqstant għoli għall-irkupru tal-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjoni huwa ġġustifikat bħala neċessarju sabiex jiġu skoraġġuti l-kandidati li ma jaħsbux li għandhom possibbiltà li jiksbu siġġu.

82.      Bħala konklużjoni, u bla ħsara għall-evalwazzjoni sħiħa tal-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li r-rekwiżit pekunjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jammonta għal ħames darbiet il-paga mensili minimu, flimkien ma’ livell minimu ta’ 5 % għall-irkupru ta’ dan il-ħlas, jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jitnaqqas in-numru ta’ “voti mitlufa”.

b)      Alternattivi inqas restrittivi

83.      Raġuni oħra sabiex jitqies li r-regola Estonjana inkwistjoni ma hijiex neċessarja sabiex tiddisswadi lill-kandidati b’sostenn pubbliku insuffiċjenti hija l-argument li jista’ jkun hemm għażliet oħra li jistgħu jilħqu l-istess għan ta’ prevenzjoni ta’ kandidati frivoli milli joħorġu għall-elezzjoni, li huma, madankollu inqas restrittivi għad-dritt ta’ kandidatura għall-elezzjoni.

84.      Filwaqt li sostna li r-rekwiżit ta’ depożitu jikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt ta’ kandidatura għall-elezzjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppropona diversi alternattivi inqas restrittivi sabiex jipprevjeni kandidaturi frivoli. Dawn l-alternattivi jinkludu l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-depożitu kundizzjonali jew is-sostituzzjoni tal-piż finanzjarju b’rekwiżiti mhux pekunjarji, bħall-provvista ta’ programm politiku ċar jew il-provvista ta’ firem ta’ sostenn sabiex jintwera sostenn popolari.

85.      Dawn l-alternattivi kollha għandhom ukoll in-nuqqasijiet tagħhom. Pereżempju, kif sostna l-Gvern Estonjan, il-ġbir tal-firem huwa ta’ piż mil-lat organizzattiv u finanzjarju għall-Istat u jikkostitwixxi wkoll rekwiżit diffiċli għal uħud mill-kandidati potenzjali. Fl-istess ħin, suġġett għal kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-informatika, il-ġbir u l-verifika tal-firem jistgħu jsiru b’mod elettroniku llum.

86.      Peress li l-Unjoni ma stabbilixxietx regoli li jirregolaw proċedura uniformi għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istati Membri kollha, u fid-dawl ta’ differenzi fil-kultura politika u ċirkustanzi oħra fl-Istati Membri, fil-fehma tiegħi, il-gvernijiet għandhom jingħataw marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ meta jibbilanċjaw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ miżuri differenti u meta jiddeċiedu dwar l-iktar soluzzjoni xierqa fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Istat inkwistjoni.

87.      Madankollu, tali għażla ma tistax titħalla kompletament mingħajr stħarriġ ġudizzjarju. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-gvern jistax jipprovdi spjegazzjonijiet raġonevoli dwar għaliex miżuri oħra, jew il-kombinazzjoni ta’ miżuri differenti, ġew esklużi bħala miżuri xierqa sabiex jintlaħaq l-istess għan.

88.      B’mod ġenerali, jiena tal-fehma li, bla ħsara għall-evalwazzjoni finali tal-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit pekunjarju fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi restrizzjoni severa tad-dritt ta’ kandidatura għall-elezzjoni, kemm fir-rigward tal-ammont tiegħu kif ukoll fir-rigward tal-livell minimu ta’ ħlas lura tiegħu, meta jeżistu alternattivi possibbli, li jistgħu jiġu kkombinati ma’ dan ir-rekwiżit pekunjarju jew jaġixxu bħala sostitut għalih.

89.      Għalhekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-leġiżlazzjoni Estonjana inkwistjoni hija xierqa sabiex tnaqqas in-numru ta’ voti mitlufa u b’hekk tiżgura rappreżentanza aħjar fil-Parlament Ewropew, għandi madankollu dubji serji, bla ħsara għad-deċiżjoni finali tal-qorti nazzjonali, li l-miżuri inkwistjoni huma neċessarji sabiex jintlaħaq dan l-għan.

B.      Ksur tad-dritt għall-proprjetà

90.      Il-qorti tar-rinviju staqsiet ukoll jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex konformi mal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

91.      Jiena tal-fehma li r-rekwiżit ta’ ħlas inkwistjoni ma jikkostitwixxix limitazzjoni għad-dritt għall-proprjetà u ma huwiex, għalhekk, neċessarju li tiġi evalwata l-proporzjonalità ta’ din il-limitazzjoni.

92.      Jiena konxju li l-QEDB irrikonoxxiet ksur possibbli tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali f’ċirkustanzi simili, iżda dak kien fil-kuntest ta’ ċirkustanzi differenti, li ma humiex kompletament paragunabbli ma’ dawk tal-kawża prinċipali (30). Dik il-qorti ttrattat ir-rekwiżit ta’ ħlas għall-kandidatura għall-elezzjoni inkwistjoni f’dak il-każ bħala depożitu, li ma ngħatax lura lil waħda mill-partijiet f’dik it-tilwima.

93.      Ir-rekwiżit ta’ ħlas f’din il-kawża ma huwiex, fil-fehma tiegħi, depożitu (anki jekk din hija l-formula użata għad-deskrizzjoni tiegħu), anki jekk, f’ċerti ċirkustanzi, il-kandidati huma intitolati għar-rimbors tal-ammont imħallas (jew parti minnu).

94.      B’differenza minn depożitu għal kuntratt ta’ kiri li jinżamm bħala beni tal-kerrej b’garanziji reali għal ħlas lura tiegħu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali żżid kundizzjonijiet addizzjonali bl-effett li l-ħlas lura tiegħu ma huwiex fil-fatt iggarantit. Minflok, dan jaħdem bħala pagament kundizzjonali, li joħloq pretensjoni personali għal ħlas lura fil-futur iktar milli dritt kweżit u kontinwu ta’ proprjetà fuq il-fondi speċifiċi. Għalhekk, id-dritt legali li jiġu rkuprati l-flus huwa biss pretensjoni ta’ debitu potenzjali u ma jibbenefikax awtomatikament mill-protezzjoni fundamentali rriżervata għall-proprjetà.

95.      Għal din ir-raġuni, u kif isostni l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, inqis li l-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex rilevanti f’din il-kawża.

IV.    Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) bil-mod segwenti:

L-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni ta’ rekwiżit pekunjarju għall-kandidatura fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, li hija intiża li teskludi kandidaturi frivoli (mhux serji), ma tistax titqies bħala miżura adegwata sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Rekwiżit pekunjarju jista’ jitqies adegwat sabiex jintlaħaq l-għan li jitnaqqas in-numru ta’ “voti mitlufa” u b’hekk jiġi stabbilit korp elett iktar rappreżentattiv.

Madankollu, l-ammont ta’ tali depożitu, u l-livell minimu għall-ħlas lura tiegħu, ma għandhomx ikunu eċċessivament onerużi b’mod li jipprekludu l-ħolqien ta’ partiti u ideat politiċi ġodda. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-ammont tar-rekwiżit pekunjarju u l-livell minimu għall-ħlas lura tiegħu imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali laħqux bilanċ aċċettabbli.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-fatt li ma tiġix sottomessa lill-Kummissjoni Elettorali kopja ta’ ordni ta’ ħlas li tikkonferma l-ħlas tad-depożitu jikkostitwixxi raġuni sabiex kandidat jiġi rrifjutat milli jiġi rreġistrat skont l-Artikolu 31(3) tal-EPVS. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tipprevedix il-possibbiltà li kandidat jiġi eżentat mill-ħlas tad-depożitu.


3      L-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ĠU 1976, L 278, p. 1), kif emendat, fl-aħħar lok, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 tat-13 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 178, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“Att Elettorali”).


4      Hija tibbaża ruħha fuq is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019 fil-kawża Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 69).


5      Il-qorti tar-rinviju tiċċita, għal dan l-għan, is-sentenza tal-QEDB tat-28 ta’ Marzu 2006 fil-kawża Sukhovetskyy vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2006:0328JUD001371602, punti 72 u 73).


6      https://ep2024.valimised.ee/et/detailed-voting-result (ikkonsultat l-aħħar fil-11 ta’ Novembru 2025).


7      Madankollu, tali possibbiltà teżisti abbażi tal-Artikolu 223 TFUE.


8      Artikolu 1 tal-Att Elettorali.


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015 fil-kawża Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 33).


10      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza fil-kawża Junqueras Vies, punt 86.


11      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 22(1) TFUE u l-Artikolu 39(1) tal-Karta. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2024 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Kapaċità li wieħed joħroġ għall-elezzjoni u sħubija f’partit politiku) (C‑808/21, EU:C:2024:962, punt 123), “fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 22 TFUE, dan l-artikolu huwa intiż [...] li jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċess elettorali demokratiku ta’ dan l-Istat Membru. Dan id-dritt jestendi [...] għall-parteċipazzjoni f’dan il-proċess permezz tad-dritt għall-vot u tal-kandidatura fuq livell Ewropew u lokali”. Għal konstatazzjoni simili, ara s-sentenza tal-istess jum fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Kapaċità li wieħed joħroġ għall-elezzjoni u sħubija f’partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963, punt 121).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015 fil-kawża Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punti 46 sa 48).


13      Ara l-Artikolu 39 tas-sommarju bil-lingwa Ingliża tad-deċiżjoni għal rinviju u l-punt 57 tal-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din id-deċiżjoni għal rinviju.


14      Kif irrileva l-Gvern Estonjan waqt is-seduta, u kif jirriżulta ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dritt Estonjan jeżiġi li kull kandidat għall-elezzjoni jingħata l-istess opportunitajiet sabiex jesprimi ruħu. Għalhekk, ix-xandara tas-servizz pubbliku għandhom jiżguraw li l-partijiet u l-kandidati indipendenti kollha li joħorġu għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ikollhom l-istess opportunitajiet biex jispjegaw il-pożizzjonijiet tagħhom b’mod xieraq u mingħajr ħlas.


15      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 18 u 19 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.


16      Dan japplika wkoll għas-sistemi elettorali proporzjonali li, bħas-sistema Estonjana, jużaw il-metodu D’Hondt sabiex iqassmu l-“voti mitlufa”.


17      Ara sentenza tal-QEDB tat‑28 ta’ Marzu 2006 fil-kawża Sukhovetskyy vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2006:0328JUD001371602, punti 61 u 62.


18      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2024 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Kapaċità ta’ kandidatura għall-elezzjoni u sħubija f’partit politiku) (C‑808/21, EU:C:2024:962, punti 114 sa 116) u tal-istess jum fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Kapaċità ta’ kandidatura għall-elezzjoni u sħubija f’partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963, punti 112 sa 114). Ara wkoll, is-sentenza fil-kawża Junqueras Vies, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Madankollu, jidhirli li l-prevenzjoni ta’ “voti mitlufa” abbażi tal-evalwazzjoni li ċerti programmi ma għandhomx ċans reali li jiksbu biżżejjed voti hija problematika. Ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ kandidat li joħroġ għall-elezzjoni abbażi ta’ programm politiku meqjus “frivolu” għal tali raġuni tista’ tintroduċi ġudizzji ta’ valur arbitrarji dwar il-manifesti politiċi tal-partiti. Kif jinnota l-Parlament Ewropew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-merti ta’ pjattaforma politika hija, fl-aħħar mill-aħħar, tal-elettorat.


20      Punt 22 tas-sommarju bil-lingwa Ingliża tad-deċiżjoni tar-rinviju.


21      Ara, f’dan is-sens, Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kummissjoni ta’ Venezja, “Kodiċi ta’ Prattika Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali”, punt 1.3.(vi.), disponibbli fuq: https://www.venice.coe.int/images/SITE%20IMAGES/Publications/Code_conduite_PREMS%20026115%20GBR.pdf.


22      Dwar l-importanza tal-partijiet politiċi għad-demokrazija Ewropea, ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2024 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Kapaċità ta’ kandidatura għall-elezzjoni u sħubija f’partit politiku) (C‑808/21, UE:C:2024:962), u tal-istess jum fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Kapaċità ta’ kandidatura għall-elezzjoni u sħubija f’partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963).


23      Ara sentenza tal-QEDB tat‑28 ta’ Marzu 2006 fil-kawża Sukhovetskyy vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2006:0328JUD001371602, punt 67. F’dik il-kawża, il-QEDB kienet issodisfatta li s-sistema ta’ depożitu elettorali adottata fiż-żmien tal-fatti mill-istituzzjonijiet politiċi Ukraini kienet tikkostitwixxi kompromess aċċettabbli bejn dawn l-interessi kompetituri.


24      Il-Parlament Ewropew: Policy Department C – Citizens’ Rights and Constitutional Affairs and Lehmann. W., The European Elections: EU legislation, national provisions and civic participation – Study for the AFCO Committee, revised edition, 2014, p. 17, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2014/493047/IPOL-AFCO_ET(2014)493047_EN.pdf; Centre virtuel de la connaissance sur l’Europe, ‘The electoral system’, disponibbli fuq: https://www.cvce.eu/en/education/unit-content/-/unit/d5906df5-4f83-4603-85f7-0cabc24b9fe1/b1415258-4e3a-499a-9620-61a51b013ab6.


25      Waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkummenta li n-numru ta’ “voti mitlufa” fl-aħħar sett ta’ elezzjonijiet Parlamentari kien jirrappreżenta biss 2 % tat-total tal-voti mitfugħa.


26      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li “jekk l-elezzjoni hija għall-Kamra tar-Rappreżentanti, depożitu ta’ EUR [11 250] [...] għandu jitħallas lill-Istat għal kull grupp ta’ listi”. L-Artikolu Y 2 ta’ dan l-istess att jikkonferma li “l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti [...] skont il-Parti II dwar l-elezzjoni ta’ membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti”. Il-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ dan it-test tinsab hawnhekk: https://english.kiesraad.nl/publications/publications/2019/4/english-version-electoral-act/english-version-electoral-act.


27      https://www.kiesraad.nl/verkiezingen/europees-parlement/kandidaatstelling/kandidaten.


28      Il-Gvern Estonjan jispjega li r-rekwiżit pekunjarju ogħla għall-kandidatura għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew huwa ġġustifikat mil-lista iqsar ta’ kandidati u n-numru iżgħar ta’ siġġijiet li għandhom jingħataw f’dawn l-elezzjonijiet.


29      Dan huwa bbażat fuq l-Artikolu 127 tal-Erakonnaseadus (il-Liġi dwar il-Partiti Politiċi) kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kkonfermat waqt is-seduta mill-Gvern Estonjan.


30      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-QEDB tal‑11 ta’ Jannar 2007 fil-kawża Il‑Partit Konservattiv Russu ta’ Imprendituri u Oħrajn vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2007:0111JUD005506600, punti 94 sa 97).