Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑26 ta’ Ġunju 2025 (1)

Kawża C325/24 [Bissilli] (i)

HG

Proċedura kriminali

fil-preżenza tal-:

Procura della Repubblica presso il Tribunale di Firenze

(talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mit-Tribunale ordinario di Firenze (il-Qorti Ordinarja ta’ Firenze, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2014/41/UE – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ ‘miżura investigattiva’ – Artikolu 24 – Smigħ b’vidjokonferenza tal-persuna akkużata – Artikolu 10 – Użu ta’ tip differenti ta’ miżura investigattiva – Artikolu 11(1)(f) – Raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni – Drittijiet fundamentali – Artikolu 24(2)(b) – Prinċipji fundamentali tad‑dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 22 – Trasferiment temporanju tal-persuna miżmuma f’kustodja lejn l-Istat Membru emittenti sabiex titwettaq miżura investigattiva – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal smigħ xieraq”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 10, tal-Artikolu 11(1)(f), tal-Artikolu 22(1) u tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41/UE dwar l‑Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (iktar ’il quddiem l-“OIE”) (2), u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għall-eżekuzzjoni, fil‑Belġju, ta’ OIE maħruġ mit-Tribunale ordinario di Firenze (il-Qorti Ordinarja ta’ Firenze, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, dwar HG, persuna miżmuma f’kustodja fil-Belġju, minħabba proċeduri kriminali (iktar ’il quddiem l‑“OIE inkwistjoni”). B’mod iktar speċifiku, permezz ta’ dan l-OIE, din il-qorti talbet li, skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41, l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani jipproċedu, b’koperazzjoni mal-imsemmija qorti, bi smigħ permezz ta’ vidjokonferenza ta’ HG, bħala persuna akkużata, sabiex, minn naħa, tikseb provi permezz tal-eżami tagħha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tippermetti lil din il-persuna tipparteċipa fil-proċess tagħha, peress li dan l-OIE kien jikkostitwixxi alternattiva effikaċi għal mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il‑“MAE”), fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan tal‑aħħar ma kinux għadhom issodisfatti (3). Barra minn hekk, l-istess qorti talbet, bħala alternattiva għas-smigħ permezz tal-vidjokonferenza, trasferiment temporanju lejn l-Italja abbażi tal-Artikolu 22 ta’ din id‑direttiva. L-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani rrifjutaw li jeżegwixxu l‑istess OIE filwaqt li sostnew li l-miżura investigattiva mitluba ma kinitx teżisti fid-dritt Belġjan u li l-preżenza tal-persuna akkużata permezz ta’ vidjokonferenza, skont dan id-dritt nazzjonali, tikser id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq. Fir-rigward tat-talba alternattiva ta’ trasferiment temporanju, din ukoll ġiet miċħuda minħabba l-fatt li s‑smigħ tal-persuna akkużata waqt il-proċess ma kinitx miżura investigattiva fid-dritt Belġjan. Il-qorti tar-rinviju, peress li qieset li l‑pożizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani ma kinitx konformi mad‑dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li jidentifikaw b’mod eżawrjenti r-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni ta’ OIE, għamlet serje ta’ domandi preliminari relatati mal-kompatibbiltà ta’ dawn ir-rifjuti.

3.        Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tagħti spjegazzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-OIE u, b’mod partikolari, dwar il-portata tal-kunċett ta’ “miżura investigattiva” li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tintalab fil-qafas ta’ tali OIE (4), din il-kawża tippermettilha, għall-ewwel darba, teżamina, minn naħa, ir-relazzjoni bejn ir-raġunijiet ta’ rifjut differenti previsti mid-Direttiva 2014/41, u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal‑kompatibbiltà, fil-qasam kriminali, tal-preżenza ta’ persuna akkużata permezz ta’ vidjokonferenza fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, kwistjoni li, barra minn hekk, diġà kienet is-suġġett ta’ diversi sentenzi mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) (5).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2014/41

4.        Il-premessi 6 sa 8, 10, 12, 19, 24 sa 26 u 34 tad‑Direttiva 2014/41 jistipulaw:

“(6)      Fil-programm ta’ Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10 sal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li l‑istabbiliment ta’ sistema komprensiva għall-ksib ta’ provi f’każijiet b’dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. [...]

(7)      Dan l-approċċ il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq strument uniku msejjaħ l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE). L-OIE għandu jinħareġ għall-fini tat-twettiq ta’ miżura investigattiva speċifika waħda jew iżjed fl-Istat li jesegwixxi l-OIE [...] bil-ħsieb li jinġabru l-provi.

(8)      L-OIE għandu jkun orizzontali fl-ambitu u għaldaqstant għandu japplika għall-miżuri investigattivi kollha mmirati biex jiġbru l-provi.

[...]

(10)      L-OIE għandu jiffoka fuq il-miżura investigattiva li għandha tiġi eżegwita. L-awtorità emittenti qiegħda fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal-għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżura investigattiva għandha tintuża. Madankollu, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha, fejn hu possibbli, tuża tip ieħor ta’ miżura investigattiva jekk il-miżura indikata ma teżistix taħt il-liġi nazzjonali tagħha jew ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili. [...] Għandu jkun permissibbli għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirrikorri għal tip ieħor ta’ miżura investigattiva fejn din tikseb l-istess riżultat bħall-miżura investigattiva prevista fl-OIE b’mezzi li jinvolvu inqas indħil fid-drittijiet fundamentali.

[...]

(12)      Meta tinħareġ OIE l-awtorità emittenti li toħroġha għandha tagħti attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-[Karta]. Il-preżunzjoni tal-innoċenza u d‑drittijiet ta’ difiża fi proċedimenti kriminali, huma pilastru tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-[Karta] fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. Kwalunkwe limitazzjoni ta’ tali drittijiet minn miżura investigattiva ordnata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandha tkun konformi b’mod sħiħ mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52 tal-[Karta] fir-rigward tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-għanijiet li għandha tfittex, partikolarment il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet tal‑oħrajn.

[...]

(19)      Il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka u presunzjoni ta’ konformità, minn Stati Membri oħra, mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali. Madankollu, dik il-presunzjoni hija konfutabbli. Konsegwentement, jekk ikun hemm raġunijiet sostantivi biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun tirriżulta fi ksur ta’ dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata u li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser jinjora l-obbligi tiegħu dwar il-ħarsien tad‑drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-[Karta], l-eżekuzzjoni tal-OIE għandha tiġi rifjutata.

[...]

(24)      L-[OIE] jistabbilixxi reġim uniku għall-ksib ta’ provi. Madankollu, meħtieġa regoli addizzjonali għal xi tipi ta’ miżuri investigattivi li għandhom jiġu previsti fl-OIE, bħat-trasferiment temporanju ta’ persuni miżmuma f’kustodja, is-seduti permezz ta’ vidjokonferenza jew konferenza telefonika [...]

(25)      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar it-twettiq, fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, inkluża l-fażi tas-smigħ, ta’ miżura investigattiva, jekk meħtieġ bil-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata bil-ħsieb li jinġabru provi. Pereżempju, OIE jista’ jinħareġ għat‑trasferiment temporanju tal-persuna konċernata għall-Istat emittenti jew biex isir smigħ b’vidjokonferenza. Madankollu, fejn dik il-persuna għandha tiġi trasferita għal Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, inkluż it-tressiq ta’ dik il-persuna għandha titressaq quddiem qorti biex tiġi proċessata, għandu jinħareġ [MAE] f’konformità mad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584].

(26)      Bil-ħsieb tal-użu proporzjonat ta’ [MAE], l-awtorità emittenti għandha tikkunsidra jekk OIE jkunx mezz effettiv u proporzjonat biex jiġu segwiti proċedimenti kriminali. L-awtorità emittenti għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, jekk il-ħruġ ta’ OIE għas-smigħ ta’ persuna suspettata jew akkużata permezz ta’ vidjokonferenza jistax iservi bħala alternattiva effettiva.

[...]

(34)      Din id-Direttiva, permezz tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tittratta biss miżuri provviżorji unikament bil-ħsieb tal-ġbir ta’ provi. [...]”

5.        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jistipula:

“L-[OIE] huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (l-‘Istat ta’ eżekuzzjoni”) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad‑dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.”

6.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jistipula:

“L-OIE għandha tkopri kwalunkwe miżura investigattiva bl-eċċezzjoni tal-istabbiliment ta’ skwadra investigattiva konġunta u l-ġbir ta’ provi fi ħdan tali skwadra [...]”

7.        L-Artikolu 9(2) tal-istess direttiva jistipula:

“L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l‑proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali ta’ dritt tal-Istat ta' eżekuzzjoni.”

8.        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/41 huwa redatt kif ġej:

“1.      L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha, fejn possibbli, rikors għal miżura investigattiva differenti minn dik prevista fl-OIE fejn:

a)      il-miżura investigattiva indikata fl-OIE ma tkunx teżisti taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni; jew

b)      il-miżura investigattiva indikata fl-OIE ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, il-paragrafu 1 ma japplikax għall-miżuri investigattivi li ġejjin, li dejjem għandhom ikunu disponibbli taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni:

[...]

c)      is-smigħ ta’ xhud, espert, vittma, persuna suspettata jew akkużata jew parti terza fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni;

[...]

3.      L-awtorità ta’ eżekuzzjoni jista’ jkollha wkoll rikors għal miżura investigattiva għajr dik indikata fl-OIE fejn il-miżura investigattiva magħżula mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha l-istess riżultat permezz ta’ mezzi inqas intrużivi mill-miżura indikata fl-OIE.

[...]

5.      Fejn, kif previst fil-paragrafu 1, il-miżura investigattiva indikata fl‑OIE ma teżistix taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jew ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili u fejn ma jkun hemm l-ebda miżura investigattiva oħra li jkollha l-istess riżultat bħall-miżura investigattiva mitluba, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tinnotifika lill-awtorità emittenti li ma kienx possibbli li tiġi pprovduta l-għajnuna mitluba.”

9.        L-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jistipula:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4), ir-rikonoxximent jew l‑eżekuzzjoni ta’ OIE jistgħu jiġu rifjutati fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn:

[...]

f)      ikun hemm raġunijiet sostantivi għalxiex jitwemmen li l‑eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta;

[...]”

10.      L-Artikolu 22(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jistipula:

“1.      OIE jista’ jinħareġ għat-trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma f’kustodja fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-fini li tiġi eżegwita miżura investigattiva biex jinġabru provi li għalihom tkun meħtieġa l‑preżenza ta’ dik il-persuna fit-territorju tal-Istat emittenti, sakemm hija terġa’ tintbagħat lura fi żmien il-perijodu stipulat mill-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2.      Flimkien mar-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni li huma msemmija fl-Artikolu 11, l-eżekuzzjoni ta’ OIE tista’ wkoll tiġi rifjutata jekk:

a)      il-persuna miżmuma f’kustodja ma tagħtix kunsens; jew

b)      it-trasferiment jista’ jtawwal id-detenzjoni tal-persuna miżmuma f’kustodja.”

11.      L-Artikolu 24(1) sa (5) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn persuna tkun fit-territorju ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni u jkun meħtieġ li din tinstema’ bħala xhieda jew esperta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti, l-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biex ix-xhieda jew l-esperta tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra f’konformità mal-paragrafi 5 sa 7.

L-awtorità emittenti tista’ wkoll toħroġ OIE għall-fini li persuna suspettata jew akkużata tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra.

2.      Flimkien mar-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni li huma msemmija fl-Artikolu 11, l-eżekuzzjoni ta’ OIE tista’ wkoll tiġi rifjutata jekk:

a)      il-persuna suspettata jew akkużata ma tagħtix kunsens; jew

b)      l-eżekuzzjoni ta’ tali miżura investigattiva f’każ partikolari tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.      L-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhom jaqblu dwar l-arranġamenti prattiċi. [...]

4.      Jekk f’ċirkostanzi ta’ każ partikolari l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma jkollha ebda aċċess għal mezzi tekniċi għal smigħ li jsir permezz ta’ vidjokonferenza, l-Istat emittenti jista’ jagħmel disponibbli għaliha dawn il-mezzi permezz ta' ftehim reċiproku.

5.      Fejn isir smigħ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

a)      l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tkun preżenti matul is-smigħ, fejn meħtieġ assistita minn interpretu, u għandha wkoll tkun responsabbli biex tiżgura kemm l-identifikazzjoni tal-persuna li għandha tinstema’ kif ukoll ir-rispett għall-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

Jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tkun tal-fehma li matul is-smigħ il‑prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jkunu qegħdin jiġu miksura, hija għandha minnufih tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li s-smigħ ikompli f’konformità ma’ dawk il‑prinċipji;

[...]

c)      is-smigħ għandu jitmexxa direttament mill-awtorità kompetenti tal‑Istat emittenti, jew taħt id-direzzjoni tagħha, f’konformità mal‑liġijiet proprji tiegħu

[...]”

B.      Id-Direttiva (UE) 2016/343

12.      L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/343 (6) jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

a)      il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

b)      il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil‑proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill‑persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      HG kien is-suġġett, fl-Italja, ta’ proċeduri kriminali minħabba l‑parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni kriminali u minħabba traffikar ta’ droga. B’mod partikolari, huwa kien issuspettat li ħoloq u mexxa, mill‑Belġju, organizzazzjoni kriminali b’ramifikazzjonijiet operattivi f’diversi Stati Membri, inkluż fl-Italja, u li pparteċipa, f’dan il-qafas, fit‑traffikar ta’ droga (7).

14.      Il-qorti tar-rinviju ġiet adita minn din il-proċedura kriminali kontra HG.

15.      Peress li ma kienx deher fiżikament quddiem din il-qorti waqt il‑fażi tas-sentenza tal-proċedura kriminali, HG ġie ddikjarat assenti, peress li kien jaf bil-proċess u kien irrappreżentat minn avukat li huwa stess kien ħatar.

16.      Sussegwentement, dan l-avukat ressaq talba għas-smigħ ta’ HG quddiem din il-qorti, li ordnat li jsir dan is-smigħ.

17.      Fl‑24 ta’ Mejju 2022, meta kien baqa’ biss l-eżami ta’ HG u t‑trattazzjoni finali, il-prosekutur informa lill-istess qorti li, mill‑15 ta’ Frar 2022, HG kien miżmum taħt detenzjoni provviżorja fil-ħabs ta’ Bruges (il-Belġju) fil-qafas ta’ proċedura pendenti f’dan l-Istat Membru.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bi ftehim ma’ HG, il-qorti tar-rinviju ħarġet OIE intiża sabiex l-awtoritajiet Belġjani b’koperazzjoni ma’ din il-qorti, jipproċedu bi smigħ b’vidjokonferenza ta’ HG, bħala persuna akkużata. Dan is-smigħ, bl-assistenza ta’ interpretu, kellu, b’mod partikolari, jippermetti li jsir l-eżami ta’ HG.

19.      Permezz ta’ posta elettronika tas‑17 ta’ Frar 2023, il-prosekutur ta’ Bruges (il-Belġju) informa lil din il-qorti, minn naħa, li HG kien arrestat mhux biss taħt detenzjoni provviżorja iżda wkoll sabiex jiskonta piena, u, min-naħa l-oħra, li l-OIE li hija kienet ħarġet għall-finijiet tas‑smigħ ta’ HG b’vidjokonferenza ma kinitx ser tiġi eżegwita. Mingħajr ma għamel ebda riferiment għar-raġunijiet speċifiċi ta’ rifjut previsti mid-Direttiva 2014/41, dan il-prosekutur spjega, qabelxejn, li d‑dritt Belġjan ma jistipulax il-possibbiltà li jipproċedi bi smigħ tal‑persuna akkużata b’vidjokonferenza fil-qafas tal-proċeduri tagħha, peress li din għandha tidher fiżikament quddiem il-qorti. (8). Wara l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Bruges fakkar li l‑leġiżlazzjoni Belġjana li ttrasponiet id-Direttiva 2014/41 tissuġġetta l‑possibbiltà li tipproċedi bis-smigħ ta’ persuna akkużata permezz ta’ vidjokonferenza bil-kundizzjoni doppja li, min-naħa, din il-persuna tagħti l-kunsens għal dan, u, min-naħa l-oħra, li l-implimentazzjoni ta’ tali miżura ma tkunx kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt Belġjan. Fl‑aħħar nett, filwaqt li semma sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali (il‑Belġju) (9) u r-regoli stabbiliti mill-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali (il‑Belġju) (10), il-prosekutur ta’ Bruges indika li l-preżenza ta’ persuna akkużata fil-proċess tagħha permezz ta’ vidjokonferenza effettivament tmur kontra d-dritt għal smigħ xieraq.

20.      Minħabba l-impossibbiltà li tingħata deċiżjoni fil-konfront ta’ HG, peress li d-detenzjoni tiegħu barra mill-pajjiż kienet leġittimament tipprekludih milli jkun preżenti, il-proċess tiegħu ġie pospost għal data ulterjuri. Sabiex tiġi riżolta din is-sitwazzjoni delikata, il-qorti tar‑rinviju talbet l-assistenza ta’ Eurojust fil-qafas tal-proċedura ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, li madankollu ma wasslitx għal soluzzjoni, inkwantu l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, min-naħa, komplew jirrifjutaw is-smigħ ta’ HG permezz ta’ vidjokonferenza, u, min-naħa l‑oħra, eskludew, fix-xahar ta’ Novembru 2022, il-possibbiltà ta’ trasferiment temporanju tal-akkużat lejn l-Italja, skont talba għal miżura investigattiva alternattiva għas-smigħ permezz ta’ vidjokonferenza magħmula mill‑Eurojust.

21.      F’dan il-kuntest, din il-qorti tindika li hija għandha tistabbilixxi jekk din id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-opportunità li jinħareġ OIE ġdid sabiex jitkompla l-proċess ta’ HG.

22.      Fl-ewwel lok, hija tirrileva li, skont id-dritt Taljan, ma hemmx obbligu li l-persuna akkużata tkun preżenti għall-proċess tagħha, peress li l-proċess in absentia sar applikabbli minn meta ġie introdott fl‑2014 (11). Konsegwentement, il-proċess jista’ jsir fl-assenza tal-persuna akkużata, sakemm ikun aċċertat li din il-persuna għandha konoxxenza tal-proċess u li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-proċess jirriżulta minn għażla volontarja tagħha. Min-naħa l-oħra, peress li l-persuna akkużata għandha d-dritt li tkun preżenti għall-proċess tagħha, meta hija ma tkunx tista’ tidher fil-proċess tagħha minħabba, b’mod partikolari, impediment leġittimu, bħad-detenzjoni tagħha barra mill-pajjiż, il-qorti hija obbligata tipposponi l-proċess sakemm il-parteċipazzjoni tagħha tkun possibbli mill-ġdid, ħlief jekk din il-persuna tirrinunzja, b’mod formali u espress, milli tidher. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-proċess tal-persuna akkużata li hija detenuta barra mill-pajjiż tista’ sseħħ bil-preżenza tagħha, permezz ta’ trasferiment temporanju fit-territorju Taljan (12), jew, meta dan huwa previst permezz ta’ ftehimiet internazzjonali u skont ir-regoli li jinsabu fihom, permezz ta’ vidjokonferenza.

23.      Barra minn hekk, fis-sistema tal-proċedura kriminali Taljana, li hija ispirata mill-mudell akkużatorju tal-ġustizzja kriminali, il-provi jinġabru u jitqiegħdu fil-fajl biss matul il-fażi tas-smigħ li jseħħ quddiem il-qorti u skont il-prinċipju tal-kontradittorju. Għalhekk, is-smigħ tal‑persuna akkużata li titlob li tagħmel dan jew li tagħti l-kunsens tagħha għal dan matul il-proċess għandu wkoll għan probatorju.

24.      Dejjem skont il-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jiġi mminat jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jikkontesta l-għan probatorju tal-miżura investigattiva mitluba abbażi tad-dritt nazzjonali tiegħu u jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ OIE billi jikkunsidra li ma għandhiex għan probatorju. Fil-fatt, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, hija biss l-awtorità emittenti li għandha tevalwa jekk il-miżura mitluba permezz tal-OIE għandhiex għan li tikseb provi fir-rigward tad‑dritt nazzjonali tagħha. Madankollu, hija tistaqsi jekk jibqax possibbli li jinħareġ OIE meta, bħal f’dan il-każ, smigħ permezz ta’ vidjokonferenza tal-persuna akkużata għandu wkoll l-għan li jiżgura l‑parteċipazzjoni tagħha fil-proċess.

25.      Din il-qorti tqis, fit-tieni lok, li mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-prosekutur ta’ Bruges li r-rifjut li jiġi eżegwit l-OIE inkwistjoni huwa bbażat, minn naħa, fuq in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-miżura investigattiva indikata fil-qafas ta’ proċedura nazzjonali simili, u, min-naħa l-oħra, fuq l-inkompatibbiltà ta’ din il‑miżura mal-prinċipji fundamentali li jirriżultaw mid-dritt Belġjan. Fir‑rigward tal-ewwel raġuni ta’ rifjut tal-eżekuzzjoni tal-OIE, l‑imsemmija qorti tqis li smigħ permezz ta’ vidjokonferenza ta’ persuna akkużata hija waħda mill-miżuri investigattivi speċifiċi msemmija fil‑Kapitolu IV tad-Direttiva 2014/41. Issa, kuntrarjament għas-sistema prevista minn din id-direttiva għal uħud minn dawn il-miżuri, bħall‑investigazzjonijiet diskreti, l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, li jirregola smigħ permezz ta’ vidjokonferenza, ma jistipulax raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-miżura investigattiva fil-qafas ta’ proċedura nazzjonali simili. Fir-rigward tat-tieni raġuni ta’ rifjut tal-eżekuzzjoni, il-qorti tar‑rinviju tosserva li, fir-rigward tal-Artikolu 24(2)(b) tal-istess direttiva, l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani ma spjegawx ir-raġunijiet li għalihom huma jqisu, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-garanziji proċedurali speċifiċi previsti mid-dritt Taljan, li tali miżura tmur kontra l-prinċipji fundamentali li jirriżultaw mid-dritt Belġjan. Dik il-qorti żżid li l-eżekuzzjoni tal-OIE maħruġ minnha ma setgħetx tiġi rrifjutata minħabba inkompatibbiltà li tali deċiżjoni għandha mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 11(1)(f) tad‑Direttiva 2014/41, mingħajr verifika minn qabel tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Taljan mal-ġurisprudenza tal‑Qorti EDB.

26.      Il-qorti tar-rinviju tispjega, fit-tielet u fl-aħħar lok, li hija tikkunsidra, bħala miżura alternattiva, li jinħareġ OIE għat-trasferiment temporanju ta’ HG fl-Italja sabiex huwa jinstema’ quddiemha.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Firenze (il-Qorti Ordinarja ta’ Firenze) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is‑segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 24 tad-Direttiva [2014/41], moqri flimkien mal‑Artikolu 3 ta’ [din] id-direttiva, jippermetti l-ħruġ ta’ OIE għal smigħ b’videokonferenza ta’ akkużat miżmum f’kustodja fl-Istat ta’ Eżekuzzjoni sabiex jinġabru provi permezz tal-eżami tiegħu u bl‑iskop finali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċess, fid-dawl ta’ dak kollu previst fl-Artikolu 24 u fil-premessi 25 u 26 [tal-imsemmija direttiva], fejn b’mod partikolari jkunu assenti r-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ MAE u fil-liġi interna tal-Istat Emittenti jkun stabbilit id-dritt tal-akkużat li jipparteċipa fil-proċess u li jissottoponi lilu nnifsu għal eżami permezz ta’ videokonferenza sabiex jagħmel dikjarazzjonijiet ta’ validità probatorja?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun pożittiva, ir-regola li tinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [2014/41], li tippermetti lill‑Istat ta’ Eżekuzzjoni jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ OIE fejn il‑miżura investigattiva ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili, tista’ tiġi interpretata li tawtorizza lill-Istat ta’ Eżekuzzjoni tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ OIE għas-smigħ ta’ akkużat miżmum f’kustodja barra mill-pajjiż permezz ta’ videokonferenza fil‑proċess, fid-dawl tal-Artikolu 24 ta’ [din id-direttiva] li jirregola s-sistema speċifika tas-smigħ bil-videokonferenza mingħajr ma jinkludi r-raġuni għar-rifjut inkwistjoni?

3)      L-Artikolu 11(1)(f) tad-[Direttiva OIE], fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżekuzzjoni ta’ OIE għas-smigħ ta’ akkużat miżmum f’kustodja barra mill-pajjiż permezz ta’ videokonferenza fit-trattazzjoni tas-seduta ma tistax tiġi rrifjutata meta l-garanziji proċedurali applikabbli għal tali videokonferenza fis-sens tal-liġijiet tal-Istat Emittenti jkunu adatti għall-każ speċifiku li jiżguraw lill-akkużat l-eżerċizzju konkret tad‑drittijiet tiegħu u d-dritt fundamentali għal proċess ġust fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta?

4)      Il-kunċett ta’ ‘prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni’, li jista’ jikkostitwixxi raġuni speċjali għal rifjut fis‑sens tal-Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva [2014/41], jista’ jikkostitwixxi limitu għal kwalunkwe talba għal smigħ tal-akkużat permezz ta’ videokonferenza fil-proċess, fuq il-bażi ta’ direttiva nazzjonali ġenerali vinkolanti għall-awtoritajiet kollha ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ebda evalwazzjoni dwar il-karatteristiċi partikolari tal-każ speċifiku u tal-prinċipji li jinsabu fil-liġi nazzjonali tal-Istat ta’ Eżekuzzjoni bħala garanzija tad-drittijiet tad‑difiża tal-akkużat applikabbli għall-każ konkret, jew, bil‑kontra, wieħed għandu jifhem ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett, fid-dawl ta’ aspetti proċedurali speċifiċi previsti mil-liġi nazzjonali tal-Istat Emittenti jew ta’ elementi partikolari rilevanti tal-każ speċifiku?

5)      L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva [2014/41], moqri flimkien mal‑Artikolu 3 ta[’ din] id-Direttiva [...], jippermetti l-ħruġ ta’ OIE għat-trasferiment temporanju ta’ akkużat miżmum f’kustodja barra mill-pajjiż sabiex jippermetti s-smigħ tiegħu fit-trattazzjoni ta’ seduta, fejn it-tali seduta jkollha valur istruttorju skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Emittenti?”

28.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Taljan, Belġjan, Olandiż u Awstrijak u mill‑Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal‑Gvern Belġjan, ressqu wkoll osservazzjonijiet orali waqt it-trattazzjoni li saret fit‑2 ta’ April 2025.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

29.      Il-Gvern Belġjan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jirrileva, mingħajr madankollu ma jqajjem b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li t‑tieni u t-tielet domanda huma ta’ natura ipotetika, peress li jirrigwardaw raġunijiet ta’ rifjut differenti minn dak li fuqu kien ibbażat ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-OIE inkwistjoni. Fil-fatt, dan il‑Gvern jirrileva, f’dan ir-rigward, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-OIE maħruġ mill-qorti tar-rinviju kien ibbażat fuq il-fatt li l-miżura investigattiva mitluba tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Issa, it-tieni u t‑tielet domanda jirrigwardaw raġunijiet oħra ta’ rifjut, previsti rispettivament fl-Artikolu 10 u fl-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2014/41.

30.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal-Ġustizzja, domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal‑Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (13).

31.      F’dan il-każ, nikkonstata, minn naħa, li mir-raġunijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-OIE inkwistjoni invokati mill-prosekutur ta’ Bruges (14) jirriżulta li dan tal-aħħar ibbaża dan ir-rifjut, b’mod partikolari, fuq in‑nuqqas ta’ disponibbiltà tal-miżura investigattiva fid-dritt Belġjan, li hija raġuni ġenerali ta’ rifjut li taqa’ b’mod ċar taħt l-Artikolu 10 tad‑Direttiva 2014/41, u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-miżura investigattiva mitluba mal-prinċipji fundamentali tad-dritt Belġjan huwa intrinsikament marbut mar-raġuni relatata mal-eżistenza ta’ raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni tal-miżura investigattiva kienet inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali, li taqa’ taħt l-Artikolu 11(1)(f) ta’ din id-direttiva.

32.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li d-domandi preliminari kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

1.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

33.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 3 u fid-dawl tal-premessi 25 u 26 ta’ din id-direttiva, jippermettix lil awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru li toħroġ OIE li jkollu bħala għan l-organizzazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat membru ieħor, ta’ smigħ b’vidjokonferenza ta’ persuna akkużata matul il-proċess tagħha, sabiex, minn naħa, jinkisbu provi permezz tal‑eżami tagħha u, min-naħa l-oħra, tippermetti lil din il-persuna tipparteċipa f’dan il-proċess.

34.      Preliminarjament, infakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41, l-OIE huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor bil-ħsieb li jinkisbu provi (15). Sussegwentement, skont l‑Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, l-OIE jkopri, bħala regola, kwalunkwe miżura investigattiva (16). Fil-fatt, skont il-premessa 8 tal-imsemmija direttiva, l-OIE għandu jkun, b’mod partikolari, “orizzontali fl-ambitu u għaldaqstant għandu japplika għall-miżuri investigattivi kollha mmirati biex jiġbru lprovi” (17). Fl-aħħar nett, mill-premessa 25 tal-istess direttiva jirriżulta li din tal-aħħar tistipula r-regoli dwar it-twettiq, fl-istadji kollha tal-proċedura kriminali, inkluża l-fażi tas-smigħ, ta’ miżura investigattiva, jekk meħtieġ bil-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata bil-ħsieb li jinġabru provi. Bħala eżempju, din l-istess premessa tindika li jista’ jinħareġ OIE għal trasferiment temporanju ta’ din il-persuna lejn l-Istat emittenti jew sabiex isir smigħ permezz ta’ vidjokonferenza.

35.      Minn qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta, fl‑opinjoni tiegħi, li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/41 huwa wiesa’ ferm fir-rigward kemm tat-tip ta’ miżuri li l-eżekuzzjoni tagħhom tista’ tintalab permezz ta’ OIE kif ukoll tal-fażi tal-proċedura kriminali li fil-qafas tagħha tali approċċ jista’ jitwettaq, li tinkludi l-fażi ta’ smigħ (18). Min-naħa l-oħra, din id-direttiva tapplika biss għal miżuri li huma intiżi sabiex l-Istat emittenti jikseb provi (19). Minn dan isegwi li l-għan tal‑miżura li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba għandu importanza deċiżiva sabiex jiġi stabbilit jekk awtorità emittenti tistax, għal dan il‑għan, toħroġ OIE.

36.      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Delda, li jekk il-miżura koperta minn OIE għandha biss għan li ma huwiex dak li jinkisbu provi, bħal obbligu proċedurali intiż sabiex titkompla l-azzjoni pubblika miftuħa kontra l-persuna li hija akkużata, din il-miżura ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/41. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni li permezz tagħha awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru titlob lil awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor sabiex tinnotifika lil persuna b’att ta’ akkuża li jikkonċernaha ma tikkostitwixxix, bħala tali, OIE, fis-sens ta’ din id-direttiva (20). Fil-fatt, sabiex tkun tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, miżura investigattiva għandu jkollha għan li jinkisbu provi, fis-sens tal-istess direttiva. Għalhekk, deċiżjoni li permezz tagħha awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru titlob lil awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor sabiex tippermetti lil persuna ssostni l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fatti inklużi fl-att ta’ akkuża li jikkonċernaha tista’ tikkostitwixxi OIE, fis-sens tad-Direttiva 2014/41, sakemm din it-talba għal smigħ hija intiża sabiex jinġabru provi (21).

37.      Min-naħa l-oħra, minn din is-sentenza jirriżulta li meta OIE jinkludi diversi miżuri ta’ eżekuzzjoni, fosthom miżura li, meħuda waħidha, ma hijiex intiża għall-kisba tal-provi iżda li, mill-perspettiva tal-proċedura kriminali tal-Istat emittenti, hija anċillari jew indispensabbli għal miżura oħra koperta mill-istess OIE li, min-naħa tagħha, għandu l-għan li jiġbor il-provi, allura, f’dan il-każ, dawn il‑miżuri għandhom jiġu ttrattati bħala inseparabbli u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/41. Pereżempju, fil-każ imsemmi fil‑punt preċedenti, jekk huwa stabbilit li t-talba għal smigħ għandha l‑għan li jinġabru provi u jekk l-awtoritajiet emittenti semmew, fl-OIE, li, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, is-smigħ ma setax isir ħlief wara n‑notifika tal-att tal-akkuża – miżura li fiha nnifisha ma hijiex intiża għall-kisba ta’ provi – hemm lok li jiġi kkunsidrat li, b’deroga għal dak li ġie indikat fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali notifika tista’ tintalab permezz ta’ OIE. Fil-fatt, mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hija, bħala regola, obbligata li tosserva l-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti (22).

38.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandu jiġi interpretat l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41 sabiex jiġi stabbilit jekk OIE jistax jinħareġ għal smigħ permezz ta’ vidjokonferenza ta’ persuna akkużata mhux biss sabiex jinkisbu provi permezz tal-eżami tagħha matul il-proċess, iżda wkoll bil-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħha fil‑proċess.

39.      F’dan ir-rigward, infakkar li dan l-Artikolu 24 jistipula “dispożizzjonijiet partikolari” dwar “[s]migħ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra”. Skont it-tieni subparagrafu tal‑paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, meta persuna ssuspettata jew akkużata tinsab fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, “[l]-awtorità emittenti tista’ [...] wkoll toħroġ OIE għall-fini li [din il-]persuna suspettata jew akkużata tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra”.

40.      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod iktar preċiż l‑espressjoni “għall-fini li persuna suspettata jew akkużata tinstema’”, jirriżulta li tali miżura investigattiva tista’ tinħareġ biss bil‑għan li tiżgura l-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna fil-proċess. Madankollu, tali interpretazzjoni tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 24, kemm fir-rigward tal-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-għan li għandu jintlaħaq minnha.

41.      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-kuntest, kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-Direttiva 2014/41, jekk din il-miżura investigattiva, bħal tipi oħra ta’ miżuri msemmija fil-Kapitolu IV tagħha, hija s-suġġett ta’ “dispożizzjonijiet partikolari” sa fejn hija tirrikjedi “regoli addizzjonali [...] li għandhom jiġu previsti fl-OIE”, hija madankollu taqa’ fil-qafas ta’ sistema unika għall-kisba ta’ provi. L‑espressjoni “għall-fini li persuna suspettata jew akkużata tinstema’” għalhekk ma għandhiex tinftiehem bħala intiża li tiżgura b’mod ġenerali d-drittijiet tad-difiża tal‑persuna akkużata filwaqt li tiżgura d-dritt li tipparteċipa fi proċeduri ġudizzjarji u fis-seduti li matulhom il-persuna akkużata għandha tinstema’. Fil-fatt, bħal kull tip ieħor ta’ miżura investigattiva speċifika li tista’ tkun is-suġġett ta’ OIE, smigħ permezz ta’ vidjokonferenza, għandu, sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt id-Direttiva 2014/41, skont l-Artikolu 1(1), jinħareġ “bil-ħsieb li jinkisbu provi”. Kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (23).

42.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq midDirettiva 2014/41, infakkar li din issostitwixxiet il-qafas frammentarju u kumpless preċedenti fil-qasam tal-ġbir ta’ provi fil-kawżi li għandhom dimensjoni transkonfinali bl-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u iktar effettiva bbażata fuq strument wieħed, l-OIE. Din is‑sistema hija intiża sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bl-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill‑Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (24). Għalhekk, interpretazzjoni li l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva jista’ jkun invokat biss bil-għan li jiġi żgurati d-drittijiet ta’ persuna akkużata għas‑smigħ tagħha hija differenti mill-kisba ta’ provi u tmur lil hinn mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Dan huma kkonfermat b’mod impliċitu mill-premessa 25 tagħha, li tistipula li “fejn dik il‑persuna għandha tiġi trasferita għal Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, inkluż it-tressiq ta’ dik il-persuna għandha titressaq quddiem qorti biex tiġi proċessata, għandu jinħareġ [MAE] f’konformità mad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]”. Barra minn hekk, jekk tingħata interpretazzjoni flessibbli wisq tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva, din twassal għal riskju li l-OIE jintuża għal raġunijiet oħra minbarra dawk relatati mal-ġbir ta’ provi.

43.      Minn dan isegwi, b’mod konkret, li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41 ma għandux jiġi interpretat bħala li għandu l-għan li jiżgura lill‑persuna akkużata d-dritt li tipparteċipa f’fażijiet differenti tal‑proċedura kriminali, inkluż il-fażi tas-smigħ, li matulhom ma hijiex mitluba tipproduċi provi, bħal li titpoġġa taħt att ta’ akkuża jew l-eżami ta’ talbiet proċedurali. B’hekk, OIE maħruġ “biss jew prinċiparjament” bil-għan li jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ persuna akkużata fis-smigħ ma għandux jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l‑Istat ta’ eżekuzzjoni għalhekk ma huwiex obbligat li jeżegwixxih, u dan anki fl-assenza ta’ kwalunkwe raġuni ta’ rifjut espressament prevista minn l-imsemmija direttiva.

44.      Bl-istess mod, f’sitwazzjoni fejn OIE huwa maħruġ għal finijiet kemm ta’ ġbir ta’ provi kif ukoll għall-parteċipazzjoni f’waħda mill‑fażijiet differenti tal-proċedura kriminali, hija biss il-parti tat-talba intiża sabiex il-persuna akkużata tinstema’ għall-finijiet ta’ investigazzjoni jew ta’ ġbir ta’ provi li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll meta l-awtorità tal-Istat emittenti ssemmi espressament li t-talba għandha bħala għan supplimentari li tippermetti lill-persuna akkużata tipparteċipa għal fażi tal-proċedura kriminali.

45.      Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li OIE jista’ jinkludi miżuri li ma humiex miżuri investigattivi, iżda li l‑implimentazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi eżegwita b’mod utli l-miżura investigattiva mitluba, miżura li, bħala tali, ma tkoprix il-ġbir ta’ provi, bħal f’dan il-każ il-parteċipazzjoni fis-smigħ, tista’, madankollu, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/41, meta tikkostitwixxi, mill-perspettiva tad-dritt tal-proċedura kriminali tal-Istat emittenti, fażi sempliċement indispensabbli għall-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva oħra li, fiha nnifisha, tippreżenta għan probatorju. Fil-fatt, f’tali każ, dawn il-miżuri għandhom jiġu kkunsidrati bħala inseparabbli u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun obbligat jeżegwixxi l-OIE ħlief jekk jeżistu raġuni waħda jew iktar ta’ rifjut iġġustifikati, previsti fl-Artikolu 24 u fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

46.      B’din l-istess loġika, meta miżura waħda jkollha, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat emittenti, żewġ għanijiet distinti, ikun biżżejjed, sabiex tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ OIE, li fost dawn l-għanijiet ikun hemm il-ġbir ta’ provi. F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, jidher li l-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata fil-proċedura, prinċipalment bil-għan tal-ġbir ta’ provi, ma jidhirx li huwa sempliċement inċidentali, iżda pjuttost jikkostitwixxi r-raġuni tal-ħruġ tal-OIE. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha timmotiva u tivverifika l-għan prinċipali ta’ dan l-OIE (25).

47.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 24 tad‑Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 3 u fid-dawl tal‑premessi 25 u 26 ta’ din id-direttiva, għandu jkun interpretat fis-sens li jippermetti l-ħruġ OIE għal smigħ permezz ta’ vidjokonferenza matul is-seduta ta’ trattazzjoni ta’ persuna akkużata miżmuma f’kustodja fl‑Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dan l-OIE huwa intiż għall-ġbir ta’ provi, u l-fatt li l-awtorità emittenti għandha l-għan ukoll, permezz ta’ din id-deċiżjoni, li tippermetti lill-persuna akkużata tassisti għas-smigħ permezz ta’ vidjokonferenza ma jeskludix, fih innifsu, il-ħruġ tal-imsemmija deċiżjoni.

2.      Fuq it-tieni domanda preliminari

48.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li saret f’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ OIE li għandu bħala għan l-organizzazzjoni ta’ smigħ b’vidjokonferenza ta’ persuna bħala persuna akkużata matul il-proċess tagħha, minħabba li tali miżura ma hijiex awtorizzata fil-qafas ta’ proċedura nazzjonali simili.

49.      F’dan ir-rigward, nosserva, b’mod preliminari, li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/41, kif jindika wkoll it-titolu, jirregola l-użu mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ “tip differenti ta’ miżura investigattiva” u mhux ir-raġunijiet sabiex ma ssirx l-eżekuzzjoni, li, min-naħa tagħhom, huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. B’hekk, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tawtorizza lill-Istat ta’ eżekuzzjoni jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ OIE.

50.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, nirrileva li l-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva jistipula li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha, fejn possibbli, rikors għal miżura investigattiva differenti minn dik prevista fl-OIE meta din il-miżura ma teżistix fid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew meta l-imsemmija miżura ma tkunx disponibbli fil-qafas ta’ proċedura nazzjonali simili (26). Madankollu, l-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva jispjega li din il-possibbiltà ma tapplikax għall-miżuri investigattivi li huma elenkati fih, li dejjem għandhom ikunu disponibbli taħt id-dritt tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fost dawn il-miżuri jinsab, fl-Artikolu 10(2)(c) tad-Direttiva 2014/41, “is-smigħ ta’ xhud, espert, vittma, persuna suspettata jew akkużata jew parti terza fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni”. F’dan il-każ, l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani għalhekk, bħala regola, ma għandhomx dritt jinvokaw l‑Artikolu 10(1) tagħha sabiex japplikaw miżura differenti minn dik prevista fl-OIE, anki jekk is-smigħ ta’ persuna akkużata permezz ta’ vidjokonferenza ma kienx disponibbli fil-qafas ta’ proċedura nazzjonali simili, peress li l-paragrafu 2(c) ta’ din id-dispożizzjoni, jeskludi l‑applikazzjoni tal-paragrafu 1, b’mod partikolari, għas-smigħ ta’ persuni akkużati (27).

51.      Fit-tieni lok, nikkonstata li, skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2014/41, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu huma ssodisfatti u ma teżisti ebda miżura investigattiva oħra li tippermetti li jinkiseb l-istess riżultat bħall-miżura investigattiva mitluba, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tinforma lill-awtorità emittenti li ma kienx possibbli li tiġi pprovduta l-għajnuna mitluba. Minn din id‑dispożizzjoni jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, li dan l-Artikolu 10(5) jipprevedi possibbiltà għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li ma teżegwixxix l‑assistenza mitluba meta ma teżisti l-ebda miżura investigattiva oħra li tippermetti li jinkiseb l-istess riżultat bħall-miżura investigattiva mitluba, u dan jista’ jiġi mqabbel, fir-rigward tal-effetti tiegħu, ma’ rifjut ta’ eżekuzzjoni mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

52.      Madankollu, ma iniex konvint mill-fatt li, f’dan il-każ, din id‑dispożizzjoni setgħet tiġi invokata mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni. Fil‑fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li miżura alternattiva għal smigħ b’vidjokonferenza faċilment tinstab, bħat-trasferiment temporanju tal-persuna akkużata, fis-sens tal-Artikolu 22 tad‑Direttiva 2014/41, sabiex tinstema’ jew tissottoponi lilha nnifisha għal eżami fl-Istat emittenti. Din il-miżura ċertament kienet tippermetti li jinkiseb l-istess riżultat bħall-miżura investigattiva indikata fl-OIE. Min-naħa l-oħra, nirrileva li l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva jispjega, fil‑paragrafu 2 tiegħu, li, minbarra r-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir‑rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, l-eżekuzzjoni ta’ OIE li għandha bħala għan smigħ b’vidjokonferenza tista’ tiġi rrifjutata jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata ma tagħtix il-kunsens tagħha jew jekk l-eżekuzzjoni ta’ tali miżura investigattiva f’każ partikolari tikser il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Jidhirli li din id-dispożizzjoni, kif redatta, hija intiża sabiex tispjega r-raġunijiet kollha sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ OEI li għandu bħala għan l‑organizzazzjoni ta’ smigħ ta’ persuna permezz ta’ vidjokonferenza.

53.      Fit-tielet u fl-aħħar lok, għal finijiet ta’ kompletezza, nixtieq nenfasizza li l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/41 jistipula li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ “ukoll” tuża miżura investigattiva differenti minn dik indikata fl-OIE jekk il-miżura investigattiva magħżula mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tippermetti li jinkiseb l-istess riżultat bħall-miżura indikata fl-OIE b’mezzi inqas intrusivi f’termini, b’mod partikolari, ta’ preġudizzju għad-drittijiet fundamentali (28). Jekk, f’dan il-każ, l‑awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani ma jidhrux li kkunsidraw il-possibbiltà li jużaw miżuri investigattivi oħra, tali possibbiltà ma għandhiex tiġi eskluża, b’mod partikolari, inkwantu trasferiment fis-sens tal-Artikolu 22 tad- Direttiva 2014/41, kif indikat preċedentement, kien jippermetti li jinkiseb l-istess riżultat u, skont il-loġika tad-dritt nazzjonali, li madankollu ma hijiex ċara, kien jimplika preġudizzju inqas għad-drittijiet fundamentali tal-persuna akkużata.

54.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex tirrifjuta li teżegwixxi OIE, li għandu bħala għan l-organizzazzjoni ta’ smigħ b’vidjokonferenza ta’ persuna bħala persuna akkużata matul il-proċess tagħha, minħabba li tali miżura ma hijiex awtorizzata fil-qafas ta’ proċedura nazzjonali simili.

3.      Fuq it-tielet domanda preliminari

55.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2014/41, moqri fid‑dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ OIE li għandu bħala għan l-organizzazzjoni ta’ smigħ b’vidjokonferenza ta’ persuna bħala persuna akkużata matul il-proċess tagħha, meta l-garanziji proċedurali applikabbli għal din il-vidjokonferenza li huma previsti mid‑dritt tal-Istat Membru emittenti jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

56.      Infakkar li, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/41, fir-rigward tar‑raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l‑eżekuzzjoni ta’ OIE, jispjega l-każijiet li fihom l-eżekuzzjoni ta’ OIE tista’ tiġi rrifjutata. Bħala prinċipju, il-kliem ta’ dan l-artikolu jindika li dawn ir-raġunijiet huma eżawrjenti (29).  F’dan ir-rigward, l‑Artikolu 11(1)(f) ta’ din id‑direttiva jippermetti lill-Istat ta’ eżekuzzjoni jirrifjuta li jeżegwixxi OIE meta “ikun hemm raġunijiet sostantivi għalxiex jitwemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt l-Artikolu 6[ TUE] u l-Karta” (30).

57.      Minn dan isegwi li minkejja li hija l-awtorità emittenti, meta toħroġ OIE, li għandha tagħti attenzjoni partikolari għar-rispett sħiħ tad‑drittijiet stabbiliti bl-Artikolu 48 tal-Karta u b’mod partikolari, għall‑preżunzjoni ta’ innoċenza u għad-drittijiet tad-difiża (31), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni xorta għandha tevalwa jekk l-OIE inkwistjoni jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 6 TUE jew tal‑Artikoli 47 u 48 tal-Karta, abbażi ta’ elementi fattwali, u għalhekk oġġettivi u speċifiċi (32).

58.      F’dan ir-rigward, jidhirli utli li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-OIE huwa strument li jaqa’ taħt il‑kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali msemmija fl‑Artikolu 82(1) TFUE, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan il-prinċipju nnifsu, li jikkostitwixxi il-“ġebla tax-xewka” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka u l‑preżunzjoni konfutabbli li l-Istati Membri l-oħra jirrispettaw id-dritt tal‑Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali (33). Fil-fatt, skont il-premessa 19 tad-Direttiva 2014/41, il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka u l-preżunzjoni ta’ konformità minn Stati Membri oħra, mad-dritt talUnjoni u, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali. Madankollu, dik il-preżunzjoni hija konfutabbli. Konsegwentement, jekk ikun hemm raġunijiet sostantivi biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun tirriżulta fi ksur ta’ dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata u li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser jinjora l‑obbligi tiegħu dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fil-Karta, l-eżekuzzjoni tal-OIE għandha tiġi rrifjutata.

59.      Minn dan jirriżulta li l-livell li għandu jintlaħaq sabiex allegat ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti jiġġustifika r-rifjut ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huwa għoli ferm (34). F’dan ir-rigward, jidhirli utli li jsir riferiment għall-ġurisprudenza li l-Qorti tal‑Ġustizzja żviluppat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, f’dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE għal raġuni relatata mal-ksur tad-drittijiet fundamentali (35). Fil‑fatt, minkejja li mhux direttament applikabbli, il-qafas ta’ analiżi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-settur tal-MAE jista’ jiġi traspost, b’analoġija, ukoll għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ OIE għal raġuni marbuta mal-ksur tad-drittijiet fundamentali, inkwantu l-OIE huwa bbażat ukoll fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (36).

60.      B’hekk, skont l-eżami hekk imsejjaħ “f’żewġ fażijiet” żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fil-qafas tal-ewwel fażi, tistabbilixxi jekk jeżistux elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u aġġornati kif jixraq li jistgħu juru leżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, fl-Istat Membru emittenti, tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq protett bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, “minħabba nuqqasijiet strutturali u fundamentali f’dan l-Istat Membru jew nuqqasijiet li jaffettwaw grupp identifikabbli oġġettivament ta’ persuni li tappartjeni għalih il-persuna kkonċernata”. Fil-qafas tat‑tieni fażi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, sa fejn in-nuqqasijiet identifikati fl-ewwel fażi tal-eżami jista’ jkollhom effett fuq il-proċeduri li għalihom ser tkun suġġetta l-persuna li hija s-suġġett tal-OIE u jekk, fir-rigward tas‑sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, tan-natura tal-ksur li għalih din tal-aħħar hija akkużata u tal-kuntest fattwali li fih jaqa’ l-ħruġ ta’ dan l-OIE, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l‑imsemmija persuna ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (37).

61.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li r-rifjut tal‑awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani li jeżegwixxu l-OIE maħruġ mill‑qorti tar-rinviju kien marbut ma’ “raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen” li kien hemm riskju ta’ ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, il-qorti tar‑rinviju ma tqajjem l-ebda element li jista’ juri l-eżistenza ta’ tali riskju, b’mod partikolari fir-rigward tal-garanziji rrikonoxxuti fid‑dritt tal-Istat emittenti (38). Barra minn dan, il-prosekutur ta’ Bruges illimita ruħu sabiex jindika li l-preżenza ta’ persuna akkużata fil-proċess tagħha permezz ta’ vidjokonferenza tikser id-dritt għal smigħ xieraq, iżda fis-sens tad-dritt intern. Fil-qafas tal-eżami tal-kompatibbiltà tal‑eżekuzzjoni ta’ OIE mad-dritt tal-Unjoni, l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma għandux, fl-opinjoni tiegħi, jimponi r-rispett tad-dritt nazzjonali tiegħu u jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ tali OIE, peress li dan imur kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (39).

62.      Fi kwalunkwe każ, ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba l-preżenza ta’ persuna akkużata għall-proċess tagħha permezz ta’ vidjokonferenza jidhirli li huwa diffiċilment possibbli u dan għar‑raġunijiet segwenti.

63.      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 24 tad‑Direttiva 2014/41 jippermetti li jintalab smigħ permezz ta’ vidjokonferenza ta’ persuni ssuspettati jew akkużati preżenti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni biss taħt ċerti kundizzjonijiet u jirrikjedi r-rispett ta’ ċerti regoli relatati mas-smigħ, bil-għan preċiżament li jiġi protett id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, pereżempju meta tkun persuna ssuspettata jew akkużata. Il-kundizzjonijiet u rekwiżiti imposti minn dan l-Artikolu 24, u b’mod partikolari l-obbligu, previst fil-paragrafu 2(a) tiegħu, li jinkiseb il-kunsens tal-persuna li għandha tinstema’, huwa intiż sabiex jiżgura l‑kompatibbiltà tal-eżekuzzjoni tal-OIE mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbiliti bil-Karta. Effettivament, meta persuna akkużata hija rrappreżentata fil-proċedura minn avukat maħtur, jista’ jiġi preżunt li hija mhux ser tagħti l-kunsens tagħha jekk temmen li d-drittijiet tagħha mhux ser jiġu rrispettati.

64.      Sussegwentement, minkejja li tirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni fis‑seduti permezz ta’ vidjokonferenza ta’ persuna akkużata ma hijiex ekwivalenti għall-preżenza tagħha fil-proċess, madankollu l-KEDB ikkunsidrat skont ġurisprudenza stabbilita, li tali forma ta’ parteċipazzjoni ma hijiex, fiha innifisha, inkompatibbli mad-dritt għal seduta pubblika minn qorti imparzjali (40), sakemm din il-persuna titqiegħed f’pożizzjoni li ssegwi l‑proċedura, li tara l-persuni preżenti u tisma’ dak li jingħad, iżda wkoll li tkun tidher u tinstema’ mill-partijiet l-oħra, mill-qorti u mix-xhieda, mingħajr ostakoli tekniċi (41) u li tikkomunika b’mod effettiv u kunfidenzjali mal-avukat tagħha (42).

65.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 jippermetti proċess in absentia sakemm il-persuna kkonċernata tkun ġiet informata dwar il-proċess u hija rrappreżentata minn avukat maħtur. F’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet jidhru li ġew issodisfatti fil‑proċedura tal-Istat emittenti. Jekk proċess in absentia li tirrigwarda l-persuna akkużata hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, jidher diffiċli li jiġi konkluż li s-smigħ ta’ din il-persuna permezz ta’ vidjokonferenza huwa kuntrarju għad-drittijiet tad-difiża tagħha jew għall-prinċipju ta’ smigħ xieraq.

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l‑Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2014/41, moqri fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżekuzzjoni ta’ OIE maħruġ għas-smigħ permezz ta’ vidjokonferenza ta’ persuna akkużata miżmuma f’kustodja fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ma tistax tiġi rrifjutata mill‑awtorità ta’ eżekuzzjoni sakemm ma jeżistux raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen, abbażi ta’ indikazzjonijiet konkreti u speċifiċi, li dan is‑smigħ jikser id-drittijiet fundamentali tal-persuna akkużata, b’mod partikolari d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tiegħu fis-sens tal-Artikolu 47(2) u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta.

4.      Fuq ir-raba’ domanda preliminari

67.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 2014/41 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-raġuni tar-rifjut prevista minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-ksur tal-prinċipji fundamentali tad‑dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, tista’ tiġi bbażata fuq direttivi ġenerali stabbiliti fi ħdan l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni vinkolanti għall‑awtoritajiet kollha ta’ eżekuzzjoni, jew jekk hija teħtieġx eżami in concreto li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ, inkluż dispożizzjonijiet li jinsabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat emittenti li jiżguraw id-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata.

68.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 24(2)(b) tad‑Direttiva 2014/41 jistipula li, minbarra r-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni msemmija fl‑Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, l-eżekuzzjoni ta’ OIE li għandu bħala għan is-smigħ ta’ persuna permezz ta’ vidjokonferenza tista’ tiġi rrifjutata jekk din l-eżekuzzjoni f’każ partikolari tikser il‑prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

69.      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari mill-kliem “f’każ partikolari”, jidher li jirriżulta b’mod relattivament ċar li l‑applikazzjoni tar-raġuni ta’ rifjut prevista mill-imsemmija dispożizzjoni tirrikjedi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni li twettaq eżami li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ. B’hekk, din ir‑raġuni ta’ rifjut għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni speċifika tas‑sitwazzjoni inkwistjoni li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, inkluż id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat emittenti li jiżguraw id-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata. Tali interpretazzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, sostnuta mir-rekwiżit tal‑interpretazzjoni stretta tar-raġunijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni previsti mid-Direttiva 2014/41 (43).

70.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju tal-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, jirriżulta li sabiex irrifjutaw li jeżegwixxu l-OIE inkwistjoni, huma bbażaw ruħhom kemm fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Belġjana, kif ukoll fuq iċ‑ċirkulari maħruġa mill-Kulleġġ tal-Prosekuturi Ġenerali tal‑Belġju (44). Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali ma jidhrux li huma biżżejjed sabiex tiġi invokata r-raġuni ta’ rifjut stipulata fl‑Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 2014/41, li tirrikjedi evalwazzjoni speċifika, min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, il-parteċipazzjoni fis-smigħ permezz ta’ vidjokonferenza kinitx tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Belġjan, iktar u iktar peress li, is-sentenza stess tal-Qorti Kostituzzjonali Belġjana kienet tirreferi espressament għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li, skontha l-parteċipazzjoni fi smigħ permezz ta’ vidjokonferenza mhux neċessarjament kienet twassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża, sakemm numru ta’ kundizzjonijiet u garanziji jiġu osservati (45).

71.      Minkejja dan, ir-rekwiżit li tipproċedi għal eżami li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ, ma jidhirlix li jopponi, fih innifsu, il-fatt li l-Istati Membri jadottaw direttivi ġenerali intiżi sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tagħhom. B’hekk, fil-każ fejn il-prinċipji fundamentali tad‑dritt ta’ Stat Membru jopponu s-smigħ ta’ persuna akkużata permezz ta’ vidjokonferenza fil-kuntest tal-proċess tiegħu, l-eżistenza ta’ direttivi ġenerali maħruġa fi ħdan dan l-Istat Membru sabiex ifakkru l-kontenut ta’ dawn il-prinċipju fundamentali u sabiex jispjegaw il-konsegwenzi li jirriżultaw għall-awtoritajiet nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru fil‑kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ OIE ma jidhirlix li tikser l‑Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 2014/41, sakemm dawn l-awtoritajiet japplikaw dawn id-direttivi ġenerali fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, mingħajr ma l-imsemmija direttivi ġenerali jkunu legalment vinkolanti jew assoluti. F’dan il-kuntest, l-eżami individwali li għandu jsir jista’ jikkonsisti f’verifika intiża sabiex tistabbilixxi jekk il‑każ inkwistjoni jikkorrispondix għall-każ li huwa kopert bl-imsemmija direttivi ġenerali.

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l‑Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ rifjut prevista minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-ksur tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, tista’ tkun ibbażata fuq direttivi ġenerali mhux vinkolanti jew assoluti fi ħdan l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni bil-kundizzjoni li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi b’eżami li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ, inkluż ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu fil‑leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat emittenti li jipproteġu d-drittijiet tad‑difiża tal-persuna akkużata.

5.      Fuq il-ħames domanda preliminari

73.      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru toħroġ OIE li għandu bħala għan it-trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma f’kustodja fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni lejn l-Istat Membru emittenti sabiex tipproċedi bis-smigħ tagħha bħala persuna akkużata fil-kuntest tat‑trattazzjoni tal-proċess tagħha sabiex, minn naħa, tikseb provi u, min-naħa l-oħra tippermetti lil din il-persuna tipparteċipa fil-proċess tagħha.

74.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont l-Artikolu 22(1) tad‑Direttiva 2014/41, jista’ jinħareġ OIE għat-trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma f’kustodja fl-Istat ta' eżekuzzjoni sabiex tiġi eżegwita miżura investigattiva biex jinġabru provi li għalihom tkun meħtieġa l-preżenza ta’ dik il-persuna fit-territorju tal-Istat emittenti, sakemm hija terġa’ tintbagħat lura fi żmien il-perijodu stipulat mill-Istat ta' eżekuzzjoni. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta għalhekk li tali OIE jista’ jinħareġ meta, bħal f’dan il-każ, persuna għandha tiġi interrogata jew mismugħa matul is-seduta tat-trattazzjoni għal raġunijiet probatorji, peress li dan is-smigħ jiżgura kemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

75.      Peress li din il-ħames domanda preliminari hija intiża, essenzjalment, bħall-ewwel domanda, sabiex tistabbilixxi jekk il-fatt li l‑miżura li l-awtorità emittenti tixtieq li tiġi eżegwita mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha għanijiet differenti jipprekludix il-possibbiltà li jinħareġ OIE għal dan il-għan, ser nirreferikom għall‑kunsiderazzjonijiet f’dan ir-rigward li jien għamilt fil-punti 34 sa 47 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

76.      F’dan il-każ, inkwantu t-trasferiment temporanju ma jistax jiġi ordnat permezz ta’ MAE, hija l-awtorità emittenti li għandha tiddeċiedi dwar il-miżura investigattiva li l-iktar kapaċi tilħaq l-għan probatorju tal-OIE inkwistjoni. Għalhekk, fil-prattika, din tista’ tagħżel, minn naħa, li terġa’ toħroġ l-ewwel OIE, sabiex tisma’ lill-persuna kkonċernata permezz ta’ vidjokonferenza skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41, jew, min-naħa l‑oħra, li toħroġ OIE ġdid li jitlob, bħall-proposta tal-opinjoni legali tal‑Eurojust, it-trasferiment temporanju ta’ HG skont l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għall‑applikazzjoni tagħhom ikunu ssodisfatti wkoll. F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, sakemm il-garanziji proċedurali kollha previsti mid-dritt Taljan ikunu implimentati, smigħ b’vidjokonferenza jista’ jikkostitwixxi miżura effikaċi u proporzjonata daqs u b’inqas spejjeż mit-trasferiment temporanju (46).

77.      Għal finijiet ta’ kompletezza, inqis utli li jitfakkar li l‑Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/41 jistipula li, minbarra r-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni previsti fl-Artikolu 11 tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ OIE tista’ tiġi rrifjutata wkoll jekk i) il-persuna miżmuma f’kustodja ma tagħtix il‑kunsens tagħha għat-trasferiment temporanju, jew jekk ii) it‑trasferiment temporanju jista’ jtawwal id-detenzjoni ta’ din il-persuna. Madankollu għandu jiġi nnotat li dan l-Artikolu 22 ma jistipulax ir-raġuni ta’ rifjut komparabbli ma’ dik koperta mill-Artikolu 24(2)(b) ta’ din id‑direttiva, li hija bbażata fuq l-osservanza tal-“prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni”.

78.      F’dan il-każ, mill-provi prodotti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l‑awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani rrifjutaw l-proposta ta’ trasferiment temporanju li jissemmew fl-opinjoni legali tal-Eurojust, sempliċement minħabba li s-smigħ tal-akkużat waqt il-proċess ma jikkostitwixxix miżura investigattiva (47). Issa, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, din ir-raġuni ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk, nirrileva li dawn l-awtoritajiet ma setgħux jirrifjutaw it-trasferiment temporanju abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali jekk, wara li jkunu eżaminaw il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, huma bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2014/41, billi invokaw raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li titlob it‑trasferiment temporanju tal-persuna miżmuma f’kustodja hija inkompatibbli mal-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill‑Artikolu 6 TUE u tal-Karta. Tali inkompatibbiltà bl-ebda mod ma hija ċara, b’mod partikolari safejn it-trasferiment huwa espressament previst minn din id-direttiva.

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun li l‑Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandu jiġi intepretat fis-sens li jippermetti l-ħruġ ta’ OIE li għandu bħala għan it-trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma f’kustodja fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni lejn l-Istat Membru emittenti sabiex ikun hemm is-smigħ tagħha bħala persuna akkużata fil-kuntest ta’ seduta ta’ trattazzjoni tal-proċess sakemm din l-OIE jkollha l-għan li tikseb provi, il-fatt li l-awtorità emittenti għandha wkoll l-għan, permezz ta’ din id-deċiżjoni, li tippermetti lill-persuna akkużata tipparteċipa fil-proċess tagħha ma jeskludix, fih innifsu, il-ħruġ tal-imsemmija deċiżjoni.

V.      Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mit-Tribunale ordinario di Firenze (il-Qorti Ordinarja ta’ Firenze, l-Italja) bil-mod segwenti:

1)      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 3 u fid-dawl tal-premessi 25 u 26 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li: jippermetti l-ħruġ ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew għas-smigħ permezz ta’ vidjokonferenza matul is-seduta ta’ trattazzjoni, ta’ persuna akkużata miżmuma f’kustodja fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm din id-deċiżjoni hija intiża għall-ġbir ta’ provi, u l-fatt li l-awtorità emittenti għandha l-għan ukoll, permezz ta’ din id-deċiżjoni, li tippermetti lill-persuna akkużata tassisti għas-smigħ permezz ta’ vidjokonferenza ma jeskludix, fih innifsu, il-ħruġ tal-imsemmija deċiżjoni.

2)      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal‑Artikolu 24 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li: awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew li għandu bħala għan l-organizzazzjoni ta’ smigħ b’vidjokonferenza ta’ persuna bħala persuna akkużata matul il-proċess tagħha, minħabba li tali miżura ma hijiex awtorizzata fil-qafas ta’ proċedura nazzjonali simili.

3)      L-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2014/41, moqri fid-dawl tal‑Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li: l‑eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew maħruġ għas‑smigħ permezz ta’ vidjokonferenza ta’ persuna akkużata miżmuma f’kustodja fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ma tistax tiġi rrifjutata mill‑awtorità ta’ eżekuzzjoni sakemm ma jeżistux raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen, abbażi ta’ indikazzjonijiet konkreti u speċifiċi, li dan is-smigħ jikser id-drittijiet fundamentali tal-persuna akkużata, b’mod partikolari d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq u d‑drittijiet tad-difiża tiegħu fis-sens tal-Artikolu 47(2) u tal‑Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

4)      L-Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 2014/41, għandu jiġi interpretat fis-sens li: l-applikazzjoni tar-raġuni ta’ rifjut prevista minn din id‑dispożizzjoni, jiġifieri l-ksur tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, tista’ tkun ibbażata fuq direttivi ġenerali mhux vinkolanti jew assoluti fi ħdan l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni bil-kundizzjoni li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi b’eżami li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ, inkluż ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat emittenti li jipproteġu d-drittijiet tad‑difiża tal-persuna akkużata.

5)      L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal‑Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis‑sens li: jippermetti l-ħruġ ta’ OIE li għandu bħala għan it‑trasferiment temporanju ta’ persuna miżmuma f’kustodja fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni lejn l-Istat Membru emittenti sabiex ikun hemm is-smigħ tagħha bħala persuna akkużata fil-kuntest ta’ seduta ta’ trattazzjoni tal-proċess tagħha, sakemm din l-OIE jkollha l-għan li tikseb provi, il-fatt li l-awtorità emittenti għandha wkoll l-għan, permezz ta’ din id-deċiżjoni, li tippermetti lill-persuna akkużata tipparteċipa fil-proċess tagħha ma jeskludix, fih innifsu, il-ħruġ tal-imsemmija deċiżjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil‑ĠU2015, L 143, p. 16).


3      Skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI”).


4      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2025, Delda (C‑583/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Delda”, EU:C:2025:6).


5      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Marcello Viola vs L‑Italja (CE:ECHR:2006:1005JUD004510604, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Marcello Viola”); tad‑9 ta’ Novembru 2006, Golubev vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2006:1109DEC002626002; tas‑27 ta’ Novembru 2007, Zagaria vs L‑Italja (CE:ECHR:2007:1127JUD005829500); tas‑27 ta’ Novembru 2007, Asciutto vs L‑Italja (CE:ECHR:2007:1127JUD003579502); (CE:ECHR:2006:1109DEC002626002); 2 ta’ Novembru 2010, Sakhnovski vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2010:1102JUD002127203); tas‑16 ta’ Frar 2016, Yevdokimov et vs Ir‑Russja, (CE:ECHR:2016:0216JUD002723605); tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Bivolaru vs Ir‑Rumanija (Nru 2) (CE:ECHR:2018:1002JUD006658012), u tat‑8 ta’ Ġunju 2021, Dijkhuizen vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:2021:0608JUD0061591160).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).


7      Fis‑26 ta’Frar 2015, HG kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rinviju quddiem il-qorti tar‑rinviju sabiex jirrispondi għal diversi reati relatati mal-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni ta’ traffikar ta’ droga. Skont il-fatti allegati, mis-sena 2007 sas‑sena 2009, dan tal-aħħar kien wieħed mill-mexxejja tal-organizzazzjoni peress li kien ikkoordina l-attivitajiet illegali minn Anvers (il-Belġju), fejn kien joqgħod. Matul l-investigazzjoni kriminali, HG kien wasal fi tmiem id-detenzjoni provviżorja ordnata mill-MAE u, fl-istess ħin, tad-detenzjoni ordnata bl-eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija fil-Belġju, b’tali mod li, meta d-deċiżjoni ta’ rinviju nħarġet, kien diġà ġie lliberat minħabba li kien skada t-terminu ta’ detenzjoni provviżorja.


8      Min-naħa l‑oħra, id-dritt Belġjan jistipula l-possibbiltà li jsir smigħ b’vidjokonferenza ta’ ċerti xhieda (jiġifieri, dawk li huma mhedda jew li jirrisjedu fl-esteru) u esperti (jiġifieri, dawk li jirrisjedu fl-esteru).


9      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Nru 76/2018.


10      Ċirkulari tas‑16 ta’ Lulju 2021, 880/2021.


11      Ara l-Liġi Nru 67 tat‑28 ta’ April 2014, kif emendata permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal‑10 ta’ Ottubru 2022, bl-isem ta’ “riforma Cartabia”.


12      Tali trasferiment jista’ jseħħ bil-ħruġ ta’ MAE. Issa, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet legali kollha għall-ħruġ ta’ tali mandat ma kinux issodisfatti, inkwantu d-digriet li jitqiegħed taħt detenzjoni provviżorja jew ta’ eżekuzzjoni tal-priġunerija ma nħariġx fil-qafas tal-proċedura kriminali (ara l-Artikolu 28 u l-Artikolu 29(1) tal-Liġi Nru 69/2005, adottata bl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584).


13      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, Arce (C‑365/23, EU:C:2025:192, punt 38).


14      Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Delda (punt 26) u l-premessa 34 tad‑Direttiva 2014/41.


16      Ħlief għall-ħolqien ta’ tim konġunt ta’ investigazzjoni u l-kisba ta’ provi fil-qafas ta’ dan it-tim. Barra minn hekk, mill-premessa 9 tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li din ma għandhiex tapplika għas-sorveljanza transkonfinali msemmija fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.


17      Korsiv miżjud minni.


18      Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk semmiet il-possibbiltà li jinħareġ OIE sabiex ikun hemm smigħ ta’ persuna akkużata b’vidjokonferenza fil-qafas ta’ stadji proċedurali wara s-sentenza tagħha (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punti 56, 61 u  62)).


19      Ara s-sentenza Delda (punti 27 sa 35).


20      Ara s-sentenza Delda (punti 37 u 49). B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-OIE maħruġ mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli lill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi sabiex, b’mod partikolari, issir in-notifika lil AK, miżmuma f’kustodja fi Franza, ta’ att ta’ akkuża maħruġ minn qorti Spanjola, sabiex din tkun tista’, fil-preżenza tal-avukat tagħha, “tiddikjara l-pożizzjoni tagħha dwar il‑fatti kkonċernati”, ma kellhiex l-għan li tikseb provi, iżda kienet tikkostitwixxi obbligu proċedurali intiż sabiex titkompla l-azzjoni pubblika miftuħa kontra AK, u li, għalhekk, in-notifika ta’ tali att kienet, bħala regola, irregolata mhux mid‑Direttiva 2014/41, iżda mill-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 [TUE] dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l‑Istati Membri tal-[Unjoni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 172).


21      Ara s-sentenza Delda (punti 42 sa 44, u 49). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minkejja espressament prevista fl-Artikolu 10(2)(c) u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2014/41 bħala miżura li tista’ tkun is-suġġett ta’ OIE, talba għal smigħ ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ att ta’ akkuża, peress li hija tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva “jkollha bħala għan il-kisba ta’ provi”. Għall-kuntrarju, smigħ li huwa intiż biss sabiex jippermetti lill‑persuna akkużata ssostni l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-proċedura ta’ akkuża mibdija kontriha ma jistax jitqies li huwa miżura ta’ investigazzjoni, fis-sens tal‑imsemmija direttiva.


22      Ara s-sentenza Delda (punt 44).


23      Barra minn hekk, kuntrarjament għar-raġunament segwit mill-qorti tar-rinviju, din l‑interpretazzjoni ma għandhiex tkun invalidata mill-premessa 26 tad-Direttiva 2014/41. Infakkar li, din il-premessa tistipula li “[b]il-ħsieb tal-użu proporzjonat ta[l-MAE], l-awtorità emittenti għandha tikkunsidra jekk OIE jkunx mezz effettiv u proporzjonat biex jiġu segwiti proċedimenti kriminali. L-awtorità emittenti għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, jekk il-ħruġ ta’ OIE għas-smigħ ta’ persuna suspettata jew akkużata permezz ta’ vidjokonferenza jistax iservi bħala alternattiva effettiva”. Issa, tali eżami mill-awtorità emittenti għandu jsir bil-għan li tiġi kkunsidrata possibbiltà alternattiva li tinstema’ l-persuna mill-bogħod, iżda dejjem għal raġunijiet probatorji.


24      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 5 sa 8, 21 u 38 tad-Direttiva 2014/41, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża WBS (C‑635/23, EU:C:2025:95, il‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25).


25      Kif tosserva l-Kummissjoni, jekk l-Istat emittenti mela t-Taqsima H2 tal-formolarju ta’ OIE billi mmarka l-kaxxa “smigħ ta’ persuna suspettata jew akkużata”, dan jista’ jikkorrobora l-fatt li l-għan prinċipali tal-OIE kien is-smigħ tal-persuna u mhux sempliċement il-preżenza tagħha fis-smigħ.


26      Il-premessa 10 tad-Direttiva 2014/41 tispjega li, id-disponibbiltà ta’ miżura għandha tirreferi għall-okkażjonijiet fejn il-miżura investigattiva indikata teżisti taħt il-liġi tal‑Istat ta’ eżekuzzjoni iżda hija legalment disponibbli f’ċerti sitwazzjonijiet biss, pereżempju fejn il-miżura investigattiva tista’ tiġi eżegwita biss għal reati ta’ ċertu grad ta’ gravità, kontra persuni li fir-rigward tagħhom diġà hemm ċertu suspett jew bil-kunsens tal-persuna kkonċernata.


27      F’dan ir-rigward, nixtieq nosserva li, minkejja li l-kliem tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/41 jirreferi biss għal “smigħ”, mingħajr ma jispjega li dan huwa smigħ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra, skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) ta’ dik id-direttiva, peress li s-smigħ ta’ persuna ssuspettata jew akkużata b’vidjokonferenza aktarx isir fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jista’ jiġi kkunsidrat li dan huwa biss modalità, fost oħrajn, tas‑smigħ ta’ din il-persuna fuq dan it-territorju fis-sens tal-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li assimilat fil-punt 41 tas-sentenza Delda, il-miżura investigattiva msemmija f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.  Barra minn hekk, l-istess direttiva ma tagħmilx riferiment għal miżuri ta’ smigħ minbarra dawk permezz ta’ vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra (ara, f’dan is-sens, il-premessi 24 sa 26 u l-Artikoli 24 u 25 tagħha).


28      Ara l-premessa 10 tad-Direttiva 2014/41.


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u l-lokalizzazzjoni) (C‑724/19, EU:C:2021:1020, punt 49).


30      Korsiv miżjud minni.


31      Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2014/41.


32      Fil-fatt, l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/41 jistipula li, qabel ma jiġi deċiż li OIE ma jiġix irrikonoxxut jew eżegwit, kompletament jew parzjalment, abbażi, b’mod partikolari tal-punt f) ta’ dan il-paragrafu 3, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonsulta lill-awtorità emittenti bi kwalunkwe mezz xieraq, u għandha, fejn ikun il-każ, titlob biex l‑awtorità emittenti tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.


33      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 2, 6 u 19 tad-Direttiva 2014/41. B’hekk, skont l‑Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità mad‑dispożizzjonijiet l-imsemmija direttiva. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 9(1) tal‑istess direttiva, l-awtorità ta' eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva kkonċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.


34      Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-assenza ta’ “kwalunkwe rimedju ġudizzjarju” li jippermetti li jiġi kkontestat, fl-Istat Membru emittenti, OIE, tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta b’tali mod li teskludi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Gavanozov II, C‑852/19, EU:C:2021:902, punti 56 sa 62).


35      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Puig Gordi”, EU:C:2023:57, punti 97, 102 u 106 u l‑ġurisprudenza ċċitata), u tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian, (C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punti 38 u 77 sa 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza toriġina mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 81 sa 94), li tirrigwarda r-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, fil-qafas tas-sistema Ewropea komuni għall-ażil.


36      Infakkar li fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatsanwaltschaft Aachen (C‑819/21, EU:C:2023:841, punti 28 sa 30) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-ġurisprudenza kienet transponibbli għad-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24), li tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni fil-qasam kriminali marbut mill-qrib mad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, filwaqt li għandu jiġi mifhum li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet-qafas jirrigwardaw il-metodi ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ priġunerija; il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza f’kawża li fiha kienu invokati, fir-rigward tal‑Artikolu 47 tal-Karta, nuqqasijiet sistematiċi jew iġġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l‑indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja.


37      Ara, b’analoġija, is-sentenza Puig Gordi (punti 102 u 106 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian (C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punti 78 u 79). Ara, madankollu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil‑kawża D. (C‑8/24, EU:C:2025:430, punti 37 sa 116), li jsostnu li l-qafas analitiku jista’ jvarja skont l-ispeċifiċitajiet tal-istrumenti inkwistjoni (is-sentenza kienet għadha mhux deċiża, meta kienu qed jinkitbu dawn il-konklużjonijiet).


38      Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tat-tielet domanda preliminari u l-ispjegazzjonijiet relatati mal-ġustifikazzjoni ta’ din id-domanda jissuġġerixxu wkoll li l-qorti tar‑rinviju tqis li tali riskju ma huwa bl-ebda mod preżenti f’din il-kawża. Fil-fatt, din il-qorti tiddikjara, essenzjalment, li l-qafas ġuridiku stabbilit fid-dritt Taljan relatat mal-parteċipazzjoni fil-proċess tal-persuna akkużata b’vidjokonferenza huwa konformi mhux biss mar-rekwiżiti tal-Artikolu 24(5) tad-Direttiva 2014/41, iżda wkoll ma’ dawk tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.


39      Barra minn hekk, jekk l-awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha xi dubji dwar ir‑rispett tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tad-dritt intern tagħha, hija tista’ dejjem tuża r-raġuni ta’ rifjut addizzjonali prevista fl-Artikolu 24(2)(b) tad‑Direttiva 2014/41, dispożizzjoni li hija s-suġġett tar-raba’ domanda preliminari.


40      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Bivolaru vs Ir‑Rumanija (Nru 2) (CE:ECHR:2018:1002JUD006658012, § 138 u 139, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-Qorti EDB ikkunsidrat b’mod ċar l-eżami b’vidjokonferenza bħala miżura li tippermetti li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tal-persuna ssuspettata jew akkużata fil-proċedura. B’mod partikolari, skont il-paragrafu 139: “[d]an it-tip ta’ eżami [jista’] jkun, mezz xieraq sabiex jiġi żgurat li l-persuna kkonċernata tinstema’ b’mod dirett u diliġenti mill-Qorti Għolja”. (Korsiv miżjud minni). F’din il-kawża, fejn ir-rikorrent sostna li ma kienx instema’ fiżikament, il-Qorti EDB ma kkonstatat l-ebda ksur tad-dritt għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għal protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘ KEDB’), peress li l-qorti kompetenti kienet ħadet il-miżuri kollha li setgħu raġonevolment kienu mistennija minnha fil-qafas ġuridiku applikabbli sabiex tiżgura l-preżenza tal-persuna akkużata fil-proċess. Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha Marcello Viola (§ 65 sa 67), il-Qorti EDB iddeċidiet ukoll li l-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata fil-proċess b’vidjokonferenza ma hijiex, fiha nnifisha, kontra l-KEDB, inkwantu hija prevista mil-liġi u jkun żgurat f’kull każ li l-vidjokonferenza għandha għan leġittimu u li l‑applikazzjoni tagħha hija kompatibbli mar-rekwiżiti tar-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB. Ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ Novembru 2007, Asciutto vs L‑Italja (CE:ECHR:2007:1127JUD003579502, § 64 u 72).


41      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑16 ta’ Frar 2016, Yevdokimov et vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2016:0216JUD002723605, § 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Novembru 2010, Sakhnovski vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2010:1102JUD002127203, § 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), (C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 64 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Puig Gordi (punt 68 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2008 Nru 76/2018, punt B.10.4.1, li tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-Qorti EDB Marcello Viola (§ 67).


46      Barra minn hekk, għalkemm mhux rilevanti f’dan il-każ, peress li, skont il-qorti tar‑rinviju, il-ħruġ ta’ MAE ma kienx possibbli, nixtieq nenfasizza li smigħ b’vidjokonferenza jista’ jikkostitwixxi miżura alternattiva, inqas intrussiva mit‑trasferiment temporanju permezz ta’ MAE, li jimplika ċaħda mil-libertà individwali.


47      Għandu jiġi nnotat li l-Gvern Belġjan, fl-osservazzjonijiet tiegħu, ma indika l-ebda element rilevanti f’dan ir-rigward, peress li pprefera ma jagħmilx osservazzjonijiet fuq din il-ħames domanda preliminari.