KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑22 ta’ Ottubru 2024 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑244/24 [Kaduna] u C‑290/24 [Abkez] ( i )

P

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

u

AI,

ZY,

BG

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Protezzjoni temporanja f’każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati – Invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati Russi – Direttiva 2001/55/KE – Artikolu 4 – Artikolu 7(1) – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 – Artikolu 2(3) – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409 – Artikolu 1 – Estensjoni minn Stat Membru tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja fakultattiva – Mument li fih Stat Membru jista’ jtemm il-protezzjoni temporanja fakultattiva – Direttiva 2008/115/KE – Mument li fih Stat Membru jista’ jadotta deċiżjoni ta’ ritorn – Residenza irregolari”

I. Introduzzjoni

1.

Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-forzi armati Russi fetħu invażjoni fuq skala kbira fl-Ukraina minn numru ta’ bnadi fil-Federazzjoni tar-Russja, fil-Bjelorussja u fir-reġjuni tal-Ukraina li ma humiex ikkontrollati mill-gvern. B’riżultat ta’ dan, partijiet kunsiderevoli mit-territorju Ukren issa huma żoni ta’ kunflitt armat li minnhom eluf ta’ persuni ħarbu jew qegħdin jaħarbu ( 2 ).

2.

L-Unjoni Ewropea kellha twieġeb b’mod xieraq għall-pressjoni migratorja li rriżultat minn din l-invażjoni. Għaldaqstant, fil-31 ta’ Awwissu 2024, madwar 4.1 miljun persuna spostata kienu qegħdin jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja fl-Unjoni ( 3 ), li minnhom 117895 kienu qegħdin jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja fil-Pajjiżi l-Baxxi ( 4 ).

3.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn ( 5 ); tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 6 ); tal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, kif ukoll tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 tad‑19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 ( 7 ).

4.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex l-Ukraina, li bbenefikaw mill-protezzjoni temporanja ( 8 ) fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 u l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), wara l-adozzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn fir-rigward ta’ dawn iċ-ċittadini.

5.

Dawn il-kawżi ser iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża l-mument li fih Stat Membru jista’ jtemm il-protezzjoni temporanja fakultattiva li huwa jkun liberament iddeċieda li jagħti lil ċerti kategoriji ta’ persuni spostati. Dawn il-kawżi jistiednu wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-mument li fih Stat Membru jista’ jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward tal-persuni li ma jkunux għadhom igawdu minn din il-protezzjoni.

II. Il‑protezzjoni temporanja tal‑persuni spostati mill‑Ukraina

A.   Il‑mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja implimentat mil‑leġiżlatur tal‑Unjoni

6.

Dan il-mekkaniżmu twaqqaf mid-Direttiva 2001/55, li ġiet adottata wara l-kunflitt f’dik li kienet il-Jugoslavja, li fih l-Unjoni kienet ikkonfrontata għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija bi spostament ta’ mases ta’ persuni minħabba kunflitt fit-territorju Ewropew. Din id-direttiva rrikonoxxiet il-ħtieġa li tkun tista’ tingħata protezzjoni immedjata u temporanja fl-Istati Membri, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju li s-sistemi ta’ ażil ta’ dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jiġġestixxu sew l-influss ta’ persuni. L-imsemmija direttiva tistabbilixxi regoli minimi intiżi li jiżguraw livell ta’ protezzjoni adegwat lill-persuni spostati. L-Istati Membri għandhom, inter alia, jiffaċilitaw l-aċċess ta’ dawn il-persuni għall-impjieg u għal alloġġ xieraq.

7.

Għaldaqstant, kif jindika l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2001/55 għandha l-“għan [...] li jiġu stabbiliti l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom u li tippromwovi bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu lil dawn il-persuni u jġorru l-konsegwenzi tagħhom”.

8.

L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“protezzjoni temporanja” bħala “proċedura ta’ karattru eċċezzjonali sabiex tipprovdi, fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajiżi terzi li ma jkunux kapaċi jerġgħu lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom, protezzjoni immedjata u temporanja lil dawn il-persuni, b’mod partikolari jekk ikun hemm ukoll ir-riskju illi din is-sistema ta’ asil ma’ tkunx kapaċi li tipproċessa dan l-influss mingħajr effetti negattivi għall-ħidma effiċjenti tagħha, fl-interess tal-persuni kkonċernati u ta’ persuni oħra li jitolbu l-protezzjoni”.

9.

L-imsemmija direttiva tippreċiża, fil-Kapitolu III tagħha, l-obbligi tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ alloġġ tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja f’każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati.

10.

Kif tindika l-premessa 13 tad-Direttiva 2001/55, il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja implimentat minn din id-direttiva huwa ta’ natura eċċezzjonali u għalhekk “il-protezzjoni offerta għandha tkun ta’ tul limitat taż-żmien”.

11.

Għaldaqstant, it-tul tal-protezzjoni temporanja huwa ppreċiżat fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, it-tul taż-żmien tal-protezzjoni temporanja għandu jkun ta’ sena. Għajr jekk mitmuma skond it-termini ta’ l-Artikolu 6(1)(b), tista’ tiġi estiża awtomatikament b’perjodi taż-żmien ta’ sitt xhur għall-masimu ta’ sena.

2.   Meta jippersistu raġunjijiet għall-protezzjoni temporanja, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha teżamina wkoll kull talba minn Stat Membru, biex jissottometti proposta lill-Kunsill, li jtawwal il-protezzjoni temporanja għal sa sena”.

12.

Il-modalitajiet li jimplimentaw il-protezzjoni temporanja huma ppreċiżati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55, fejn jingħad li:

“1.   L-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati għandha tiġi stabbilita b’Deċiżjoni tal-Kunsill adottata b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha teżamina wkoll kull talba minn Stat Membru biex jissottometti proposta lill-Kunsill.

[...]

3.   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandu jkollha l-effett li ddaħħal il-protezzjoni temporanja tal-persuni spostati li għalihom tirreferi, fl-Istati Membri kollha, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Id-Deċiżjoni għandha mill-inqas tinkludi:

a)

deskrizzjoni tal-gruppi speċifiċi tal-persuni li għalihom tapplika l-protezzjoni temporanja;

b)

id-data li fiha tidħol fl-effett il-protezzjoni temporanja;

[...]”

13.

Tmiem il-protezzjoni temporanja huwa rregolat bl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ( 9 ), li huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-protezzjoni temporanja għandha ttenn [ttemm]:

a)

meta jtemm it-tul massimu taż-żmien; jew

b)

f’kull żmien, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill adottata b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, li għandha teżamina wkoll kull talba minn Stat Membru biex jissottometti proposta lill-Kunsill.

2.   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tkun imsjejsa fuq kif jiġi stabbilit il-fatt illi s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini tkun hekk li tippermetti l-mawrien lura fis-sigurtà u għat-tul taż-żmien [ir-ritorn sigur u stabbli] ta dawk konċessi l-protezzjoni temporanja b'rigward mistħoqq għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-obbligi ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw in-nuqqas tat-tfigħ lura [non-refoulement]. Il-Parlament Ewropew għandu jkun imgħarraf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill”.

14.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55, min-naħa tiegħu, jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jwessgħu ċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja. Huwa jipprovdi hekk:

“L-Istati Membri jistgħu jtawlu l-protezzjoni temporanja kif ipprovvdut f’din id-Direttiva għall-kategoriji addizzjonali tal-persuni spostati lil hemm minn dawk li għalihom tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill ipprovvduta fl-Artikolu 5, meta jiġu spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew reġjun ta’ l-oriġini. Għandhom jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni minnufih”.

B.   L‑iskattar, il‑kamp ta’ applikazzjoni u l‑proroga tal‑mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja tal‑persuni spostati mill‑Ukraina

1. L-iskattar tal‑mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja tal‑persuni spostati mill‑Ukraina

15.

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, il-Kunsill iddeċieda li jattiva l-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja previst mid-Direttiva 2001/55.

16.

Din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 7 tagħha, li tgħid li, wara l-invażjoni militari tal-Ukraina mir-Russja u wara l-kunflitt armat li segwa, “l-Unjoni x’aktarx tiġi ffaċċjata b’sitwazzjoni kkaratterizzata minn influss massiv ta’ persuni spostati mill-Ukrajna li ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom minħabba aggressjoni militari Russa. L-iskala tal-influss x’aktarx tkun tali li jkun hemm ukoll riskju ċar li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux jistgħu jipproċessaw il-wasliet mingħajr effetti negattivi fuq l-operat effiċjenti tagħhom u fuq l-interessi tal-persuni kkonċernati u fuq dawk ta’ persuni oħra li jitolbu l-protezzjoni” ( 10 ).

17.

L-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tikkonstata għaldaqstant, fl-Artikolu 1 tagħha, “[l]-eżistenza ta’ influss bil-massa fl-Unjoni ta’ persuni spostati li kellhom jitilqu mill-Ukrajna minħabba kunflitt armat”.

18.

Skont dak li tgħid il-premessa 16 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, il-protezzjoni temporanja hija intiża li tippermetti lill-persuni spostati li jibbenefikaw minnha li “[j]gawdu drittijiet armonizzati madwar l-Unjoni li joffru livell adegwat ta’ protezzjoni”. Iktar minn hekk, din il-protezzjoni “mistennija tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-Istati Membri, peress li d-drittijiet li jakkumpanjaw il-protezzjoni temporanja jillimitaw il-ħtieġa għall-persuni spostati li jfittxu immedjatament protezzjoni internazzjonali u b’hekk ir-riskju li jisbqu [jgħabbu żżejjed] [i]s-sistemi tal-ażil tagħhom, billi dawn inaqqsu l-formalitajiet għall-minimu minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni”.

2. Il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja tal‑persuni spostati mill‑Ukraina

19.

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 jindika l-persuni li għalihom tapplika l-protezzjoni temporanja. Hemm żewġ gruppi li għandha ssir distinzjoni bejniethom.

20.

L-ewwel grupp huwa magħmul minn persuni li għandhom dritt għall-protezzjoni temporanja prevista mid-Direttiva 2001/55. Fi kliem ieħor, dan huwa grupp ta’ persuni li l-Istati Membri huma obbligati jipproteġu skont din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni obbligatorja”).

21.

Għaldaqstant, l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jipprevedi li l-protezzjoni temporanja prevista minn din id-direttiva tapplika għall-kategoriji segwenti ta’ persuni spostati mill-Ukraina fl‑24 ta’ Frar 2022 jew wara din id-data, wara l-invażjoni militari mill-forzi armati Russi li bdiet f’din id-data:

ċittadini Ukreni residenti fl-Ukraina qabel l‑24 ta’ Frar 2022 u l-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll

persuni apolidi u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex l-Ukraina, li bbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali jew minn protezzjoni nazzjonali ekwivalenti fl-Ukraina qabel l‑24 ta’ Frar 2022, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom.

22.

Iktar minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, il-protezzjoni temporanja prevista mid-Direttiva 2001/55 jew protezzjoni adegwata skont id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri ( 11 ) tapplika fir-rigward ta’ persuni apolidi u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex l-Ukraina, li jistgħu jippruvaw li huma kienu jirrisjedu regolarment fl-Ukraina qabel l‑24 ta’ Frar 2022 abbażi ta’ permess ta’ residenza permanenti validu maħruġ skont id-dritt Ukren, u li ma jistgħux jirritornaw fil-pajjiż jew fir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli.

23.

Flimkien ma’ dan il-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni obbligatorja, l-Artikolu 2(3) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni joffri lill-Istati Membri, skont dak previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55, il-possibbiltà li jwessgħu ċ-ċirku ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja ( 12 ).

24.

L-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 jipprovdi għaldaqstant li “l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din id-[deċiżjoni ta’ implimentazzjoni] għal persuni oħra, inklużi persuni apolidi u nazzjonali [ċittadini] ta’ pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li kienu jirrisjedu legalment fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom” (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva” jew il-“grupp fakultattiv”).

25.

Kif tindika l-premessa 13 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, dan il-grupp jista’ jinkludi b’mod partikolari “nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li kienu qed jistudjaw jew jaħdmu fl-Ukrajna fuq bażi ta’ żmien qasir fiż-żmien tal-avvenimenti li wasslu għall-influss bil-massa ta’ persuni spostati”.

26.

Il-fakultà li għandhom l-Istati Membri sabiex iwessgħu ċ-ċirku ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja hija mfakkra wkoll fil-premessa 14 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, li tipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu wkoll jestendu l-protezzjoni temporanja għal kategoriji addizzjonali ta’ persuni spostati lil hinn minn dawk li għalihom tapplika din id-[deċiżjoni ta’ implimentazzjoni], fejn dawk il-persuni jiġu spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew reġjun ta’ oriġini kif imsemmi [fl-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni]. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni minnufih”. Iktar minn hekk, huwa ippreċiżat, f’din l-istess premessa, li “[f]’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkunsidraw li jestendu l-protezzjoni temporanja għal dawk il-persuni li ħarbu mill-Ukrajna mhux ħafna qabel l‑24 ta’ Frar 2022 hekk kif żdiedu t-tensjonijiet jew li sabu ruħhom fit-territorju tal-Unjoni (eż. f’vaganzi jew għal raġunijiet ta’ xogħol) eżatt qabel dik id-data u li, bħala riżultat tal-kunflitt armat, ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna”.

3. Il‑proroga tal‑mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja tal‑persuni spostati mill‑Ukraina

27.

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 u skont dak previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55, il-protezzjoni temporanja ġiet applikata għal perijodu inizjali ta’ sena, sal‑4 ta’ Marzu 2023, li mbagħad ġie pprorogat b’sena addizzjonali, sal‑4 ta’ Marzu 2024.

28.

Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, il-Kunsill ddeċieda li jipproroga l-protezzjoni temporanja introdotta b’din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

29.

Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 jipprovdi li l-“protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2022/382] hija estiża għal perjodu ta’ sena sal‑4 ta’ Marzu 2025”.

30.

Insostenn tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, il-Kunsill ikkonstata, fil-premessa 5 tagħha, li “[b]ħalissa hemm bejn wieħed u ieħor 4,1 miljun persuna spostata li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni [u] [ ]s-sitwazzjoni fl-Ukrajna ma tippermettix ir-ritorn tagħhom lejn l-Ukrajna taħt kundizzjonijiet sikuri u dejjiema”.

31.

Iktar minn hekk, kif tindika l-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, “[l]-għadd kumplessiv ta’ reġistrazzjonijiet ta’ persuni li jgawdu protezzjoni temporanja baqa’ stabbli madwar 4,1 miljun, b’numri baxxi ta’ persuni jirrapportaw li rritornaw lejn l-Ukrajna fuq bażi permanenti. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ influss bil-massa futur u l-ispostament ta’ aktar persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna lejn l-Unjoni għadu jeżisti minħabba l-volatilità u l-inċertezza tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna bħala riżultat tal-azzjonijiet ostili mir-Russja. Għadu għaddej ġlied qawwi f’ħafna żoni u għad hemm riskju ta’ eskalazzjoni. Dan, flimkien mas-sitwazzjoni umanitarja diffiċli fl-Ukrajna jista’ jwassal għal żieda f’daqqa u ulterjuri fil-wasliet fl-Unjoni li jistgħu jilħqu l-livell ta’ influss bil-massa. Fl-istess waqt, xorta jkun hemm riskju għall-operat effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-ażil li kieku l-protezzjoni temporanja kellha tieqaf dalwaqt u dawk il-persuni kollha kellhom japplikaw għal protezzjoni internazzjonali f’daqqa”.

32.

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 7 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, “[l]-għadd kbir ta’ persuni spostati fl-Unjoni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja x’aktarx li ma jonqosx sakemm tkompli l-gwerra kontra l-Ukrajna. Għalhekk, l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja hija neċessarja biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ persuni li bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni jew li ser jeħtieġu tali protezzjoni mill‑4 ta’ Marzu 2024, peress li tipprevedi protezzjoni immedjata u aċċess għal sett armonizzat ta’ drittijiet filwaqt li żżomm il-formalitajiet għal minimu f’sitwazzjoni ta’ influss bil-massa lejn l-Unjoni. L-estensjoni tal-protezzjoni temporanja ser tgħin ukoll biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija b’żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu ppreżentati minn persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja sal‑4 ta’ Marzu 2024, li kieku l-protezzjoni temporanja kellha tieqaf sa dak iż-żmien jew minn persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna li jaslu fl-Unjoni wara dik id-data u qabel l‑4 ta’ Marzu 2025”.

33.

Għalkemm dan ma ssemmiex fil-kuntest tad-dibattiti li saru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-okkażjoni ta’ dawn il-proċeduri, jidhirli li jkun utli li jiġi ppreċiżat li l-protezzjoni temporanja introdotta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 ġiet ipprorogata mill-ġdid mill-Kunsill u, għal darba oħra, fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/55 ( 13 ).

34.

Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1836 tal‑25 ta’ Ġunju 2024 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 ( 14 ), jipprovdi li l-“protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2022/382], u estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2023/2409], hija estiża għal perjodu ieħor ta’ sena, sal‑4 ta’ Marzu 2026”. Din il-proroga tal-protezzjoni temporanja kienet iġġustifikata minn motivi simili għal dawk li wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 ( 15 ).

C.   L‑applikazzjoni għall‑Pajjiżi l‑Baxxi tal‑mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja tal‑persuni spostati mill‑Ukraina

1. Il‑leġiżlazzjoni Olandiża

35.

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ttraspona d-Direttiva 2001/55 fid-dritt nazzjonali permezz ta’ liġi tas‑16 ta’ Diċembru 2004 ( 16 ), li temenda l-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar il-Barranin) ( 17 ), tat‑23 ta’ Novembru 2000. Huwa għażel sistema li fil-kuntest tagħha l-persuna spostata għandha tippreżenta applikazzjoni għall-ażil li tippermettilha tikseb dritt ta’ residenza regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 8(f) jew (h) ta’ din il-liġi.

36.

Il-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja huma ppreċiżati fl-Artikolu 3.1a(1) tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet tal- 2000 fuq il-Barranin) ( 18 ) tat‑23 ta’ Novembru 2000, li jipprovdi:

“1.   Il-preżentata ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanja minħabba l-ażil għandha bħala konsegwenza li, sakemm iddum fis-seħħ deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva [2001/55], it-tneħħija ma ssirx, kemm‑il darba l-persuna barranija:

a)

tkun tappartjeni lill-grupp speċifiku ta’ barranin iddefinit f’deċiżjoni tal-Kunsill [...] imsemmi fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva [2001/55];

[...]

e)

tkun tappartjeni lill-grupp, li għandu jiġi indikat b’regolament ministerjali, ta’ barranin mill-istess pajjiż jew mill-istess reġjun bħall-persuna barranija msemmija fil-punt (a), spostati għall-istess raġuni u li ma jkunux igawdu diġà minn protezzjoni f’pajjiż ieħor parti fit-Trattat [FUE] jew fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea”.

37.

Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Marzu 2022, is-Segretarju tal-Istat ikkomunika lill-Parlamentari Olandiżi r-rieda tiegħu li jirrikonoxxi l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja lill-persuni apolidi jew liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, fit‑23 ta’ Frar 2022, ikollhom permess ta’ residenza temporanja fl-Ukraina validu u li jirrinunzja, fir-rigward ta’ dan il-grupp ta’ persuni, għall-kriterju dwar l-impossibbiltà tagħhom li jirritornaw fil-pajjiż jew fir-reġjun tal-oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli.

38.

Fit‑18 ta’ Lulju 2022, is-Segretarju tal-Istat bagħat lill-Parlamentari Olandiżi ittra oħra sabiex jindikalhom li, b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022, huwa kien qiegħed jirrinunzja għall-possibbiltà li jagħti l-protezzjoni temporanja lill-imsemmi grupp ta’ persuni ( 19 ). Madankollu, għall-persuni li, f’din id-data, kienet diġà ngħatatilhom protezzjoni temporanja fakultattiva ( 20 ), is-Segretarju tal-Istat ħabbar li din il-protezzjoni kienet ser tintemm fl‑4 ta’ Marzu 2023. Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Frar 2023, is-Segretarju tal-Istat indika li din id-data kienet ġiet estiża sal‑4 ta’ Settembru 2023 ( 21 ).

39.

Bl-indikazzjoni tal-kategoriji ta’ persuni li jifformaw il-grupp ta’ dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi nqeda mill-fakultà offruta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 u mill-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 li l-protezzjoni temporanja tkun estiża għal kategoriji ta’ persuni li ma humiex dawk li, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, jissemmew fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2022/382 u li jifformaw il-grupp ta’ persuni li jgawdu protezzjoni obbligatorja.

40.

Din l-indikazzjoni u r-rinunzja għal din il-fakultà mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġew ifformalizzati mill-Artikolu 1 tar-Regeling van de Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid houdende wijziging van het Voorschrift Vreemdelingen 2000, in verband met het aanpassen van de doelgroep ontheemden uit Oekraïne, waaraan tijdelijke bescherming wordt verleend (ir-Regolament tas-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà li jemenda r-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin għal dak li jikkonċerna l-grupp rilevanti tal-persuni spostati mill-Ukraina li lilhom tkun ingħatat il-protezzjoni temporanja) ( 22 ) tas‑17 ta’ Awwissu 2022, li daħħal l-Artikolu 3.9a fil-Voorschrift Vreemdelingen 2000 (ir-Regolament tal‑2000 dwar il-Barranin) ( 23 ) tat‑18 ta’ Diċembru 2000 li jelenka l-kategoriji ta’ barranin imsemmija fl-Artikolu 3.1.a.(1)(e) tad-Digriet tal‑2000 dwar il-Barranin. It-Taqsima B ( 24 ) ta’ dan l-Artikolu 1 jipprovdi:

“[...]

Artikolu 3.9a

1.   Jitqiesu bħala barranin li jissemmew fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 3.1a(1) u fil-punt (e) tal-Artikolu 3.1a(1) tad-Digriet [2000 dwar il-Barranin] il-barranin:

[...]

c)

li jkollhom permess ta’ residenza validu Ukren fit‑23 ta’ Frar 2022 u li x’aktarx telqu mill-Ukraina wara s‑26 ta’ Novembru 2021.

[...]”

41.

It-Taqsima C ( 25 ) tal-Artikolu 1 tar-Regolament Emendatorju jipprovdi:

“L-Artikolu 3.9a(1)(c) huwa emendat kif ġej:

c)

il-persuni li jkollhom permess ta’ residenza permanenti Ukren validu fit‑23 ta’ Frar 2022 u li:

1.

x’aktarx li telqu mill-Ukraina wara s‑26 ta’ Novembru 2021; u

2.

ma jkunx intwera li rritornaw lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom wara t‑23 ta’ Frar 2022”.

42.

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament emendatorju jipprovdi:

“L-Artikolu 3.9a(1)(c), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sad‑19 ta’ Lulju 2022, għandu jkompli japplika sal‑4 ta’ Marzu 2023 għall-barranin:

a)

li ma jkollhomx permess ta’ residenza permanenti Ukren validu fit‑23 ta’ Frar 2022; u

b)

irreġistrati fir-[Reġistru tal-Popolazzjoni, iktar ’il quddiem il-“BRP”] qabel id‑19 ta’ Lulju 2022”.

43.

L-Artikolu 2 tar-Regeling van de Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid in verband met de verlenging van de duur van tijdelijke bescherming aan een groep ontheemden uit Oekraïne [ir-Regolament tas-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà li jipproroga t-tul tal-protezzjoni temporanja favur grupp ta’ persuni spostati mill-Ukraina] ( 26 ), tal‑1 ta’ Marzu 2023, estenda, għal dawn l-istess barranin, il-perijodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2000 dwar il-Barranin sal‑4 ta’ Settembru 2023.

44.

Konsegwentement, mil-leġiżlazzjoni Olandiża jirriżulta li l-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa magħmul mill-persuni apolidi u miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, fit‑23 ta’ Frar 2022, kellhom permess ta’ residenza temporanja fl-Ukraina validu, li x’aktarx li telqu mill-Ukraina wara s‑26 ta’ Novembru 2021 ( 27 ) u li kienu rreġistrati mal-BRP qabel id‑19 ta’ Lulju 2022.

45.

Għall-persuni li jifformaw dan il-grupp, il-protezzjoni temporanja, li inizjalment kellha tintemm fl‑4 ta’ Marzu 2023, ġiet estiża sal‑4 ta’ Settembru 2023.

2. L‑applikazzjoni mill‑qrati Olandiżi tal‑mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja tal‑persuni spostati mill‑Ukraina

46.

Il-problema ġuridika li tirrigwarda tmiem il-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva kienet is-suġġett ta’ evalwazzjonijiet differenti min-naħa tal-qrati Olandiżi.

47.

Sabiex wieħed jifhem sew ir-raġunamenti adottati minn dawn il-qrati u l-kwistjonijiet legali ta’ dawn il-kawżi, jidhirli li jkun utli li wieħed iqabbel id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-protezzjoni temporanja li jirriżultaw, minn naħa, mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mil-leġiżlazzjoni Olandiża.

48.

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-dritt tal-Unjoni, il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja ġie attivat fl‑4 ta’ Marzu 2022, ipprorogat awtomatikament sal‑4 ta’ Marzu 2024, imbagħad ipprorogat b’żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill, l-ewwel sal‑4 ta’ Marzu 2025 u mbagħad, fl-aħħar lok, sal‑4 ta’ Marzu 2026.

49.

Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni Olandiża, il-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva daħlet fis-seħħ retroattivament b’effett mill‑4 ta’ Marzu 2022. B’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022, l-awtoritajiet Olandiżi ddeċidew li ma jibqgħux jagħtu din il-protezzjoni lil persuni ġodda. B’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-persuni li kienu diġà jgawdu l-imsemmija protezzjoni setgħu jkomplu jgawduha sal‑4 ta’ Settembru 2023.

50.

Dan it-tqabbil tad-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-protezzjoni temporanja jwassalni, f’dan l-istadju, sabiex nagħmel żewġ konstatazzjonijiet.

51.

L-ewwel nett, mil-leġiżlazzjoni Olandiża jirriżulta li l-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li kienu jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva ntemmet f’data qabel l‑4 ta’ Marzu 2024, li hija d-data li tirriżulta mill-proroga awtomatika tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55.

52.

It-tieni nett, l-awtoritajiet Olandiżi ddeċidew li ma jibqgħux jinqdew mill-fakultà li jwessgħu ċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022, jiġifieri f’data qabel id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, li permezz tagħha l-Kunsill iddeċieda li jipproroga l-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukraina sal‑4 ta’ Marzu 2025. Minn dan isegwi li, fil-mument li fih il-Kunsill iddeċieda dwar din il-proroga, l-awtoritajiet Olandiżi kienu diġà għażlu li jirrinunzjaw għall-fakultà offruta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 u mill-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382.

53.

Dawn il-konstatazzjonijiet wasslu lill-qrati Olandiżi sabiex jieħdu pożizzjoni fuq il-punt dwar jekk l-awtoritajiet Olandiżi setgħux liberament jiddeċiedu li l-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li kienu jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva fil-Pajjiżi l-Baxxi kellhiex tintemm fl‑4 ta’ Settembru 2023.

54.

Anki jekk wieħed jippreżumi li r-risposta għal din id-domanda kienet negattiva, hemm kwistjoni oħra li għandha tiġi deċiża, jiġifieri: inkwantu l-awtoritajiet Olandiżi rrinunzjaw, b’effett mid‑19 ta’ Lulju 2022, għall-fakultà offruta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 u mill-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, il-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li kienu jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva fil-Pajjiżi l-Baxxi tintemm fl‑4 ta’ Marzu 2024 (tmiem il-perijodu ta’ proroga awtomatika) jew inkella fl‑4 ta’ Marzu 2025 (tmiem il-perijodu ta’ proroga mhux obbligatorja) ( 28 )?

55.

Il-qrati Olandiżi ħadu diversi pożizzjonijiet, li jien nipproponi li niġbor fil-qosor fil-paragrafi li ġejjin billi nikklassifikahom fi tliet kategoriji ta’ orjentamenti ġurisprudenzjali.

a) L‑ewwel orjentament ġurisprudenzjali: l‑awtoritajiet Olandiżi setgħu liberament jiddeċiedu li l‑protezzjoni temporanja tal‑grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva kellha tintemm fl‑4 ta’ Settembru 2023

56.

Dan l-ewwel orjentament ġurisprudenzjali huwa partikolarment ċċarat mis-sentenza tar-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Rotterdam, il-Pajjiżi l‑Baxxi) tad‑9 ta’ Awwissu 2023 ( 29 ). Ir-raġunament adottat minn dik il-qorti insostenn tat-teżi li l-awtoritajiet Olandiżi setgħu liberament jiddeċiedu li l-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva fil-Pajjiżi l-Baxxi kellha tintemm fl‑4 ta’ Settembru 2023 tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej.

57.

Skont l-imsemmija qorti, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn, min naħa, il-waqfien tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja li għandu jiġi deċiż mill-Kunsill skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/55 u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li Stat Membru ma jibqax japplika dispożizzjoni fakultattiva fir-rigward tal-grupp ta’ persuni li ipso jure ma jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja. Billi jaġixxi b’dan il-mod, dan l-Istat Membru ma jippreġudikax il-protezzjoni temporanja li jgawdu l-persuni li jappartjenu lill-grupp li lilu għandha tingħata protezzjoni obbligatorja, u dan peress li huwa biss il-Kunsill li huwa kompetenti biex itemm il-protezzjoni temporanja.

58.

Peress li l-Istati Membri huma liberi li japplikaw dispożizzjoni fakultattiva, huma għandhom ikunu liberi li jikkunsidraw mill-ġdid l-għażla tagħhom, li taqa’ taħt l-awtonomija tad-deċiżjoni tagħhom.

59.

Barra minn hekk, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Rotterdam) ikkunsidrat li s-Segretarju tal-Istat kien debitament immotiva r-raġunijiet għaliex huwa kien iddeċieda li jieqaf milli jagħmel użu mill-fakultà offruta mill-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382.

60.

Iktar minn hekk, skont dik il-qorti, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità ma nkisrux. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti ddeċidiet li s-Segretarju tal-Istat ma kienx ta garanziji konkreti u inekwivoki lill-applikant li huwa kien ser iżomm il-protezzjoni temporanja tiegħu lil hinn mid-data tal‑4 ta’ Settembru 2023. Barra minn hekk, is-Segretarju tal-Istat ma kienx marbut biż-żmien tal-protezzjoni temporanja previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55.

b) It‑tieni orjentament ġurisprudenzjali: il‑protezzjoni temporanja tal‑grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva tieqaf ipso jure fi tmiem il‑perijodu ta’ proroga awtomatiku, jiġifieri fl‑4 ta’ Marzu 2024

61.

Is-sentenza tar-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Rotterdam) li għadni kif iddeskrivejt biex infisser l-ewwel orjentament ġurisprudenzjali kienet is-suġġett ta’ appell quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), li ta d-deċiżjoni tiegħu permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2024.

62.

F’dik is-sentenza, dik il-qorti ddeċidiet li s-Segretarju tal-Istat ma kellux dritt li, fl‑4 ta’ Settembru 2023, itemm il-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva, imma li l-protezzjoni temporanja ta’ dan il-grupp kellha tintemm ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024. Fi ftit kliem, l-imsemmija qorti ressqet, f’dan ir-rigward, l-argumenti li ġejjin.

63.

Għal dak li jirrigwarda t-tul tal-protezzjoni temporanja, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) telaq mill-premessa li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 jipprevedi l-fakultà għall-Istati Membri li jippermettu lil kategoriji addizzjonali ta’ persuni spostati jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja prevista f’din id-direttiva. Minn dawn l-aħħar kliem, dik il-qorti ddeduċiet li l-imsemmija direttiva tapplika kollha kemm hi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jappartjenu lill-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva, inkluż għal dak li jikkonċerna t-tul tal-protezzjoni temporanja previst minn din id-direttiva ( 30 ). Għal dawn il-persuni, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi osservat l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55 u għalhekk il-protezzjoni temporanja tal-imsemmija persuni ma tistax tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin taħt id-dritt nazzjonali. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet Olandiżi ma kellhomx is-setgħa li jtemmu din il-protezzjoni b’mod awtonomu.

64.

Għaldaqstant, jeħtieġ, skont l-imsemmija qorti, li wieħed jirreferi għall-istruttura u l-kronoloġija tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni, li jipproroga l-protezzjoni temporanja għal sa massimu ta’ sena, kemm‑il darba jkun hemm raġunijiet biex tinżamm din il-protezzjoni. Għall-persuni spostati mill-Ukraina li ma humiex dak tal-grupp fakultattiv, il-perijodu huwa bejn l‑4 ta’ Marzu 2024 u l‑4 ta’ Marzu 2025.

65.

Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ikkunsidra li l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55 jirreferu għaldaqstant għal sitwazzjonijiet differenti. Il-paragrafu 1 jipprevedi l-perijodu inizjali tal-protezzjoni temporanja u l-proroga awtomatika tiegħu. Din is-sitwazzjoni kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382. Il-paragrafu 2 jirrigwarda sitwazzjoni ġdida, fejn il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jerġa’ jevalwa jekk ikunx għadhom jeżistu raġunijiet biex tinżamm il-protezzjoni temporanja. Din il-protezzjoni terġa’ tapplika f’dan il-każ għal perijodu massimu ta’ sena u dan wassal sabiex tittieħed id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409.

66.

Minn din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, dik il-qorti ddeduċiet li l-proroga sal‑4 ta’ Marzu 2025 tapplika biss sakemm l-Istati Membri jkunu għadhom qegħdin jimplimentaw l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 fid‑19 ta’ Ottubru 2023, jiġifieri fid-data li fiha ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409. Issa, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda, fid‑19 ta’ Lulju 2022, u allura f’data qabel dik li fiha ġiet adottata din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, li ma jibqax jagħmel użu mill-fakultà li jwessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja. Minn dan isegwi, skont l-imsemmija qorti, li l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni u l-proroga sal‑4 ta’ Marzu 2025 li din id-deċiżjoni tipprevedi, ma japplikawx għall-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva ( 31 ). Konsegwentement, għal dan il-grupp, il-protezzjoni temporanja skadiet ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024.

67.

Din il-pożizzjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), li tfisser it-tieni orjentament ġurisprudenzjali, ġiet segwita minn diversi qrati Olandiżi, fosthom ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede fi Zwolle, il-Pajjiżi l-Baxxi) li, madankollu, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Marzu 2024 ( 32 ), adottat raġunament differenti ( 33 ).

c) It‑tielet orjentament ġurisprudenzjali: il‑protezzjoni temporanja tal‑grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva tintemm ipso jure ma’ tmiem il‑perijodu ta’ proroga mhux obbligatorja, jiġifieri fl‑4 ta’ Marzu 2025

68.

Dan it-tielet orjentament ġurisprudenzjali huwa partikolarment ċċarat mis-sentenza tar-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi) tad‑19 ta’ Marzu 2024 ( 34 ), u b’dik tar-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) tas‑27 ta’ Marzu 2024 ( 35 ), li jissemmew mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha fil-Kawża C‑290/24 ( 36 ).

69.

Ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Roermond) iddeċidiet, essenzjalment, li l-proroga tal-protezzjoni temporanja prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/55 ma toħloqx sitwazzjoni ġdida li tippermetti lis-Segretarju tal-Istat jipproċedi b’evalwazzjoni ġdida għall-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva. Skont l-imsemmija qorti, il-fatt li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 ġiet adottata wara d‑19 ta’ Lulju 2022 ma huwiex rilevanti. Biex jiġi ddeterminat jekk il-perijodu tal-protezzjoni temporanja ta’ persuna li tappartjeni lil dan il-grupp ikunx ġie pprorogat, l-unika fattur rilevanti huwa l-inklużjoni, minn qabel, ta’ din il-persuna fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/55 u d-dritt tagħha għall-protezzjoni temporanja taħt din id-direttiva fil-mument tal-adozzjoni u tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409. Konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li ma jibqax japplika l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 ma għandha ebda effett fuq il-perijodu tal-protezzjoni temporanja mogħtija qabel.

70.

Fl-istess sens, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Haarlem) iddeċidiet, essenzjalment, li l-perijodu tal-protezzjoni temporanja għall-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva ma kienx skada fl‑4 ta’ Marzu 2024, iżda li, għal dan il-grupp ukoll, dan il-perijodu kien ġie pprorogat sal‑4 ta’ Marzu 2025 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409. Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien applika l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, il-persuni li jappartjenu lill-grupp ta’ dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva huma l-persuni spostati fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 jipproroga l-protezzjoni temporanja tal-persuni kollha spostati li jaqgħu taħt l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 sal‑4 ta’ Marzu 2025, mingħajr ma jagħmel la distinzjoni bejn il-gruppi differenti msemmija f’dan l-artikolu, u lanqas ma jeskludi lil dan il-grupp. Konsegwentement, dik il-qorti ma taqbilx mar-raġunament tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ibbażat fuq distinzjoni bejn il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55, li jgħid li l-imsemmi grupp ma jaqax taħt id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 minħabba biss li s-Segretarju tal-Istat għażel, qabel id‑19 ta’ Ottubru 2023, li ma jibqax juża l-fakultà prevista fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382.

71.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha fil-Kawża C‑244/24, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam) tidher li taqbel ma’ dan it-tielet orjentament ġurisprudenzjali billi tesprimi d-dubji tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Jannar 2024.

72.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, f’każ li, f’qasam partikolari, il-kompetenza tinqasam bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, bħalma huwa l-każ tal-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jeżerċitaw iktar il-kompetenza tagħhom ladarba l-Unjoni teżerċita tagħha.

73.

Inkwantu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi uża l-fakultà mogħtija lilu fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2002/382 billi ta protezzjoni temporanja fakultattiva lil ċerti persuni, dawn tal-aħħar jaqgħu b’mod sħiħ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/55, skont l-Artikolu 7(1) tagħha, li t-termini tiegħu jindikaw li din hija protezzjoni temporanja “kif ipprovvdut f’din id-Direttiva”. Skont il-qorti tar-rinviju, il-protezzjoni temporanja li tirriżulta minn dan l-artikolu għandha, b’mod partikolari, tkun konformi mal-Artikoli 4 u 6 tal-imsemmija direttiva, li jirregolaw, b’mod vinkolanti u eżawrjenti, il-perijodu u l-possibbiltajiet ta’ waqfien tal-protezzjoni temporanja, inkluż għall-kategoriji ta’ persuni li lilhom l-Istati Membri jkunu taw il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva.

74.

Konsegwentement, meta Stat Membru jkun estenda l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, din il-protezzjoni temporanja fakultattiva tintemm biss meta l-perijodu massimu tal-protezzjoni temporanja jkun intlaħaq jew meta l-Kunsill jiddeċiedi, minn qabel, li jtemm din il-protezzjoni. Ebda Stat Membru ma jista’ jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li jagħti, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-protezzjoni temporanja lil persuni li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, sakemm il-leġiżlatur ikun eżerċita, għall-benefiċjarji kollha tad-Direttiva 2001/55, il-kompetenza tiegħu għal dak li jikkonċerna l-perijodu tal-protezzjoni temporanja u s-sistema ta’ waqfien tagħha.

75.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 ma tiddistingwixxix bejn il-gruppi differenti ta’ persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tagħha. Hija tirrileva, barra minn hekk, li l-proposta li wasslet għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tippreċiża li d-Direttiva 2001/55 għandha tiggarantixxi l-applikazzjoni tal-istess regoli u ta’ sett armonizzat ta’ drittijiet fl-Unjoni kollha għall-persuni li jkunu ntlaqgħu hemmhekk fid-data tal-proroga tal-protezzjoni temporanja ( 37 ), ħaġa li tikkonferma wkoll il-premessa 7 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Għaldaqstant, ma huwiex irrikonċiljabbli ma’ dan l-approċċ li l-persuni spostati li jintlaqgħu taħt din id-direttiva jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja li t-tul tagħha tvarja fi ħdan l-Unjoni.

76.

Fit-tielet lok, skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-proroga tal-protezzjoni temporanja tiġi deċiża mill-Kunsill, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/55, ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Istati Membri għandhom, f’din l-okkażjoni, jevalwaw, għal darba oħra, iċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni, peress li s-sitwazzjoni tal-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja ma nbidlitx iktar minn dik tal-persuni li jaqgħu direttament taħt din id-direttiva ( 38 ).

III. Il‑fatti tal‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

A.   Il‑Kawża C‑244/24

77.

Ir-rikorrent, P, ta’ nazzjonalità Niġerjana, kellu dritt ta’ residenza temporanja fl-Ukraina validu sal‑31 ta’ Jannar 2023 fil-mument li fih il-forzi Russi fetħu invażjoni fuq skala kbira f’dan il-pajjiż fl‑24 ta’ Frar 2022. Wara din l-invażjoni, ir-rikorrent ħarab mill-Ukraina lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, fejn huwa rreġistra ruħu mal-BRP fl‑1 ta’ Ġunju 2022. Konsegwentement, ir-rikorrent tqiegħed taħt il-protezzjoni tad-Direttiva 2001/55 mingħajr ma s-Segretarju tal-Istat evalwa jekk huwa setax jirritorna fin-Niġerja f’kundizzjonijiet siguri u stabbli, u ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fid‑9 ta’ Awwissu 2022.

78.

Fl‑24 ta’ Awwissu 2023, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda, minn naħa, li jabbanduna l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, li jtemm il-protezzjoni temporanja taħt id-Direttiva 2001/55 b’effett mill‑4 ta’ Settembru 2023.

79.

Is-Segretarju tal-Istat irtira din l-aħħar deċiżjoni wara s-sentenza tal-Kunsill tal-Istat tas‑17 ta’ Jannar 2024, li nfakkar li minnha jirriżulta li s-Segretarju tal-Istat ma setax itemm, b’effett mill‑4 ta’ Settembru 2023, il-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li lilu jappartjeni r-rikorrent, inkwantu din il-protezzjoni kienet tintemm ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024. Ir-rikorrent ġie informat fuq dan il-punt permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Jannar 2024.

80.

Fis‑7 ta’ Frar 2024, is-Segretarju tal-Istat adotta deċiżjoni ta’ ritorn kontra r-rikorrent li fiha indika li l-protezzjoni temporanja li minnha kien jibbenefika r-rikorrent kellha tintemm fl‑4 ta’ Marzu 2024. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors ippreżentat quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam).

81.

Barra mill-kwistjonijiet dwar id-data ta’ tmiem il-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva, li semmejt qabel fil-kuntest tal-espożizzjoni tat-tielet orjentament ġurisprudenzjali ( 39 ), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk deċiżjoni ta’ ritorn tistax tiġi adottata minn Stat Membru f’data fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun għadu f’sitwazzjoni ta’ residenza regolari fit-territorju ta’ dan l-Istat ( 40 ).

82.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-Artikolu 2(1), kif ukoll mill-Artikolu 6(1) u (6) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li, sakemm ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari, ma tista’ tiġi adottata ebda deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċerna lilu ( 41 ). Dawn il-fatturi jistgħu jippermettu li jiġi konkluż li, sa mis‑7 ta’ Frar 2024, is-Segretarju tal-Istat ma kellux il-kompetenza biex jadotta deċiżjoni ta’ ritorn peress li, f’din id-data, ir-rikorrent kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza regolari. Konsegwentement, din id-deċiżjoni tista’ tkun prematura.

83.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li kien hemm motivi validi li jippermettu lis-Segretarju tal-Istat jaġixxi b’dan il-mod. Fil-fatt, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ikkunsidra, fis-sentenza tiegħu tas‑17 ta’ Jannar 2024, li kien l-obbligu tas-Segretarju tal-Istat li jiddetermina taħt liema forma huwa kien ser jinforma lill-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja fakultattiva li din kienet ser tintemm ipso jure b’effett mill‑4 ta’ Marzu 2024. Sabiex tiġi ggarantita il-protezzjoni ġudizzjarja tagħhom, dawn il-persuni rċevew ittra li informathom bl-istadji ulterjuri tal-proċedura u li huwa kien finalment iddeċieda li jadotta d-deċiżjonijiet ta’ ritorn fil-konfront tagħhom f’żewġ stadji fis‑7 u fit‑23 ta’ Frar 2024, sabiex jagħmilha possibbli għalihom li jkunu informati mill-iktar fis possibbli bil-konsegwenzi ta’ tmiem ir-residenza regolari tagħhom u sabiex jagħtihom ftit iktar żmien biex jippreżentaw kwalunkwe rikors. Skont il-qorti tar-rinviju, dan l-approċċ jista’ jirriżulta xieraq inkwantu l-Istati Membri huma obbligati jipproċedu bit-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz kemm jista’ jkun malajr ( 42 ).

84.

Barra minn hekk, dik il-qorti tenfasizza li, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni ta’ ritorn stess jirriżulta li din ma tipproduċi ebda effett qabel id-data ta’ tmiem ir-residenza regolari, peress li din id-deċiżjoni tindika b’mod ċar li, b’effett mill‑5 ta’ Marzu 2024, ir-rikorrent ma għadux f’sitwazzjoni ta’ residenza regolari u li t-terminu għar-ritorn tiegħu jibda jiddekorri biss b’effett minn din id-data. B’dan premess, l-imsemmija qorti tirrileva li t-terminu biex jiġi ppreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni jibda jiddekorri mill-adozzjoni tagħha.

85.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva [2008/115] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn f’data ta’ meta l-barrani jkun għadu jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru?

2)

Sabiex tingħata risposta għad-domanda preċedenti, huwa rilevanti li d-deċiżjoni ta’ ritorn tinkludi data meta r-residenza legali tintemm, fejn din id-data tinsab fil-futur qrib u li, minbarra dan, l-effetti legali tad-deċiżjoni ta’ ritorn iseħħu biss wara din id-data?

3)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill [2023/2409] għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-estensjoni tapplika wkoll għal grupp ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li Stat Membru ikun preċedentement inkluda fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2001/55/KE] skont id-dispożizzjoni fakultattiva tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni [2022/382] anki jekk dan l-Istat Membru sussegwentement ikun għażel li ma jibqax jagħti l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja lil dan il-grupp ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz?”

B.   Il‑Kawża C‑290/24

86.

It-tliet rikorrenti, AI, ZY u BG, ta’ nazzjonalità Alġerina, Torka u Pakistana rispettivament, kellhom permess ta’ residenza temporanja fl-Ukraina fil-mument li fih il-forzi Russi fetħu invażjoni fuq skala kbira f’dan il-pajjiż fl‑24 ta’ Frar 2022. Wara li telqu mill-Ukraina, ir-rikorrenti ġew irreġistrati fil-BRP u ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil f’data li fiha l-awtoritajiet Olandiżi kienu taw il-protezzjoni temporanja liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kellhom permess ta’ residenza temporanja fl-Ukraina, mingħajr ma evalwaw jekk dawn kinux f’pożizzjoni li jirritornaw fil-pajjiż jew fir-reġjun tal-oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli. Għaldaqstant, is-Segretarju tal-Istat ta lil dawn iċ-ċittadini protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55.

87.

Wara s-sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tas‑17 ta’ Jannar 2024, li minnha jirriżulta li r-residenza legali intemmet ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024, is-Segretarju tal-Istat, fis‑7 ta’ Frar 2024, adotta d-deċiżjonijiet ta’ ritorn fir-rigward tar-rikorrenti, li fihom indika li l-protezzjoni temporanja li minnha kienu jibbenefikaw kellha tintemm fl‑4 ta’ Marzu 2024. Dawn id-deċiżjonijiet kienu s-suġġett ta’ rikors.

88.

Permezz tas-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2024 u tas‑27 ta’ Marzu 2024, ir-rikorsi ppreżentati min AI u BG kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn li jikkonċernawhom intlaqgħu u dawn id-deċiżjonijiet ġew annullati.

89.

Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2024, ir-rikors ippreżentat minn ZY kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah ġie miċħud bħala infondat.

90.

Is-Segretarju tal-Istat u ZY ippreżentaw appell minn dawn is-sentenzi quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat).

91.

Dawn l-appelli jirrigwardaw, essenzjalment, l-istess kwistjoni ta’ liġi, jiġifieri l-mument li fih tintemm il-protezzjoni temporanja għall-kategoriji l-oħra ta’ persuni spostati msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 li kienu ngħataw protezzjoni temporanja fakultattiva skont din id-direttiva.

92.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, anki wara l-għoti tas-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Jannar 2024, li kienet intiża li tiżgura l-unità tad-dritt fuq livell nazzjonali, il-qrati Olandiżi jibqgħu ma jaqblux dwar il-mod li bih għandu jiġi interpretat l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2001/55 meta Stat Membru jkun għamel użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva biex jagħti l-protezzjoni temporanja lil kategoriji oħra ta’ persuni spostati u meta jkun temm din il-protezzjoni temporanja.

93.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) Conseil d’État) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill [2001/55] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jkun għamel użu mill-possibbiltà offruta mill-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva li l-protezzjoni temporanja prevista minn din id-direttiva tingħata wkoll lil kategoriji oħra ta’ persuni spostati (iktar ’il quddiem il-‘grupp fakultattiv’), il-protezzjoni temporanja tal-imsemmi grupp fakultattiv titkompla mhux biss fil-każ ta’ estensjoni awtomatika kif previst fl-Artikolu 4(1) [tad-Direttiva 2001/55] għall-perijodu indikat f’din id-dispożizzjoni, iżda wkoll f’każ ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni tat-terminu msemmija fl-Artikolu 4(2) [ta’ din id-direttiva] għall-perijodu speċifikat f’din id-dispożizzjoni?

2)

Ir-risposta għad-domanda dwar iż-żamma tal-protezzjoni temporanja tal-grupp fakultattiv f’każ ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) [tad-Direttiva 2001/55] tkun differenti jekk Stat Membru jkun iddeċieda li jtemm il-protezzjoni temporanja ta’ dan il-grupp fakultattiv qabel ma l-Kunsill ikun iddeċieda li jestendi l-protezzjoni temporanja b’sena kif previst [f’dan l-Artikolu 4(2)]?”

94.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Mejju 2024, il-Kawżi C‑244/24 u C‑290/24 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u dawk orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

95.

Il-qrati tar-rinviju talbu li dawn il-kawżi jkunu suġġetti għall-proċedura preliminari mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis‑7 ta’ Mejju 2024, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ dawn it-talbiet.

96.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta li saret fit‑3 ta’ Settembru 2024, li matulha wieġbu għall-mistoqsijiet għal risposta orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

97.

Ser neżamina, fl-ewwel lok, it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑244/24 u ż-żewġ domandi magħmula fil-Kawża C‑290/24, li jqajmu l-problema dwar il-mument li fih Stat Membru jista’ jtemm il-protezzjoni temporanja fakultattiva. Fit-tieni lok, ser neżamina l-ewwel żewġ domandi magħmula fil-Kawża C‑244/24, li jirrigwardaw il-mument li fih Stat Membru jista’ jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tal-persuni li ma jibqgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja fakultattiva.

A.   Fuq il‑mument li fih Stat Membru jista’ jtemm il‑protezzjoni temporanja fakultattiva

98.

Dawn il-kawżi huma ċertament eżempju tajjeb tal-varjetà ta’ interpretazzjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-qrati nazzjonali fir-rigward tal-istess dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet ta’ rinviju tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) u tar-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam) jinformaw lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod trasparenti u sħiħ fuq id-diversi raġunamenti ġuridiċi adottati mill-qrati Olandiżi. Wara li ġew stabbiliti l-bażijiet tad-diskussjoni legali, issa huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

99.

Kemm l-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll is-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevaw pożizzjonijiet li jikkorrispondu, essenzjalment, għat-tliet orjentamenti ġurisprudenzjali li fissirt qabel.

100.

Il-Kummissjoni esprimiet pożizzjoni li tikkorrispondi, essenzjalment, għall-ewwel orjentament ġurisprudenzjali, jiġifieri li l-awtoritajiet Olandiżi setgħu liberament jiddeċiedu li l-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li bbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva fil-Pajjiżi l-Baxxi kellha tintemm fl‑4 ta’ Settembru 2023.

101.

Il-Gvern Olandiż, min-naħa tiegħu, deher li qabel, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, mat-tieni orjentament ġurisprudenzjali billi ddefenda d-data ta’ tmiem il-protezzjoni temporanja għall‑4 ta’ Marzu 2024. Waqt is-seduta, dan il-Gvern, madankollu, deher li jaqbel mat-teżi sostnuta mill-Kummissjoni, jiġifieri li l-protezzjoni temporanja fakultattiva setgħet tintemm fi kwalunkwe ħin.

102.

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, min-naħa tagħhom, iddefendew il-pożizzjoni mfissra fit-tielet orjentament ġurisprudenzjali, li magħha tidher li taqbel il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑244/24, jiġifieri li l-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li kienu jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva fil-Pajjiżi l-Baxxi tintemm ipso jure fi tmiem il-perijodu ta’ proroga mhux obbligatorja, jiġifieri fl‑4 ta’ Marzu 2025 ( 43 ).

103.

Għalkemm ma naqbilx mar-raġunament kollu adottat mill-Kummissjoni, naqbel mal-pożizzjoni li tiddefendi din tal-aħħar għar-raġunijiet li ser nesponi fil-paragrafi li ġejjin.

104.

B’mod preliminari, nosserva li l-leġiżlazzjoni Olandiża kienet tipprevedi, fl-istat inizjali tagħha, li l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja jestendi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kellhom permess ta’ residenza Ukren, anki jekk temporanju, validu fit‑23 ta’ Frar 2022 u li x’aktarx kienu telqu mill-Ukraina wara s‑26 ta’ Novembru 2021. Dan ifisser li, skont din il-leġiżlazzjoni, il-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva ma kienx suġġett għall-kundizzjoni li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu ħarbu mill-Ukraina b’effett mill‑24 ta’ Frar 2022, li hija d-data li fiha bdiet l-invażjoni militari tal-forzi armati Russi.

105.

Madankollu, ma naħsibx li minn din il-konstatazzjoni jista’ jiġi dedott li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi implimenta b’mod żbaljat il-fakultà offruta lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 u mill-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 li jitwessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja.

106.

Ċertament, mill-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva biss lil kategoriji addizzjonali ta’ persuni “spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew reġjun ta’ l-oriġini” ( 44 ) bħall-persuni msemmija fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni obbligatorja.

107.

F’dan il-każ, ir-raġuni għall-influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukraina, kif identifikata mill-Kunsill fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, hija l-invażjoni ta’ dan il-pajjiż mill-forzi armati Russi, li bdiet fl‑24 ta’ Frar 2022 u li, minn dak iż-żmien ’il hawn, wasslet għal kunflitt armat ( 45 ).

108.

Madankollu, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja fakultattiva, jidhirli li jkun biżżejjed li t-tluq mill-Ukraina taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-impossibbiltà għalihom li jirritornaw hemmhekk f’kundizzjonijiet siguri u stabbli jkunu marbutin ma’ dan il-kunflitt armat, mingħajr ma dan it-tluq ikun neċessarjament jikkoinċidi jew iseħħ wara d-data tal-invażjoni ta’ dan l-Istat mill-forzi armati Russi. Għaldaqstant, jeħtieġ li fil-mument tal-għoti ta’ din il-protezzjoni, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jkollhom il-kwalità ta’ “persuni spostati” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2001/55 ( 46 ) u li din il-kwalità tkun ikkawżata mill-kunflitt armat fl-Ukraina.

109.

Din il-pożizzjoni jidhirli li hija koerenti max-xewqa espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi b’mod flessibbli l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni temporanja fakultattiva. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li, għad-differenza tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, l-Artikolu 2(3) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ma jeżiġix li l-persuni spostati jkunu telqu mill-Ukraina fl‑24 ta’ Frar 2022 jew wara din id-data ( 47 ). Iktar minn hekk, il-premessa 14 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 għandha, fil-fehma tiegħi, tiggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tagħha. Fil-fatt, f’din il-premessa, dan il-leġiżlatur jħeġġeġ espressament lill-Istati Membri sabiex “jestendu l-protezzjoni temporanja għal dawk il-persuni li ħarbu mill-Ukrajna mhux ħafna qabel l‑24 ta’ Frar 2022 hekk kif żdiedu t-tensjonijiet jew li sabu ruħhom fit-territorju tal-Unjoni (eż. f’vaganzi jew għal raġunijiet ta’ xogħol) eżatt qabel dik id-data u li, bħala riżultat tal-kunflitt armat, ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna”.

110.

Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-awtoritajiet Olandiżi implimentaw b’mod wiesa’ wisq l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 kif ukoll l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 meta huma ddeċidew li jagħtu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja fakultattiva liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li x’aktarx li kienu telqu mill-Ukraina wara s‑26 ta’ Novembru 2021, ninnota li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-erba’ rikorrenti fil-kawżi prinċipali aktarx li telqu mill-Ukraina wara l‑24 ta’ Frar 2022, wara l-invażjoni Russa, b’mod li, għal dak li jikkonċerna lilhom, id-deċiżjoni individwali tal-awtoritajiet Olandiżi li jagħtu lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tali protezzjoni kienet ibbażata, mingħajr ebda dubju, fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li għalihom il-persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja.

111.

Wara li għamilt dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, nosserva li ma huwiex ikkontestat li Stat Membru jkun jista’, fid-data li jixtieq u minn dik id-data ’il quddiem, itemm id-deċiżjoni tiegħu li jestendi l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja għal persuni oħra li ma humiex dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni obbligatorja skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod li, b’effett minn din id-data, ma jkunux jistgħu jiddaħħlu iktar persuni ġodda fil-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva. Min-naħa l-oħra, huwa iktar delikat li jiġi stabbilit jekk il-persuni li jkunu diġà jagħmlu parti minn dan il-grupp tkunx tista’ titneħħielhom fi kwalunkwe mument il-protezzjoni temporanja, skont ix-xewqa tal-Istat Membru li, inizjalment, ikun tahom din il-protezzjoni. Hija din il-kwistjoni li għandha, għaldaqstant, tiġi deċiża qabel ma wieħed jikkunsidra, jekk ikun il-każ, il-kwistjoni dwar jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, din il-protezzjoni skadietx fl‑4 ta’ Marzu 2024 jew hijiex ser tiskadi fl‑4 ta’ Marzu 2025 ( 48 ).

112.

Kif indikajt qabel, il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja li jirriżulta mid-Direttiva 2001/55 huwa ta’ natura eċċezzjonali u għalhekk il-protezzjoni offruta lill-persuni spostati għandha żmien limitat. Dan iż-żmien huwa rregolat mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva li jipprevedi, minn naħa, it-tul massimu tal-proroga awtomatika tal-mekkaniżmu (Artikolu 4(1)) u, min-naħa l-oħra, it-tul massimu tal-proroga mhux obbligatorja li teħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kunsill (Artikolu 4(2)).

113.

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/55, l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati għandha tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-Kunsill. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, din id-deċiżjoni għandha l-effett li timplimenta, fl-Istati Membri kollha, protezzjoni temporanja fil-konfront tal-persuni spostati li għalihom tirreferi, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Il-kategoriji speċifiċi ta’ persuni li għalihom tapplika l-protezzjoni temporanja għandhom jiġu indikati mill-imsemmija deċiżjoni, kif ukoll id-data li fiha din il-protezzjoni għandha tidħol fis-seħħ.

114.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/55 jirriżulta li l-protezzjoni temporanja tintemm jew meta jkun intlaħaq it-tul massimu għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu jew inkella, f’kull mument, meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni f’dan is-sens.

115.

Minn qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li, peress li l-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja jiġi attivat mill-Kunsill, huwa imperattiv li din il-protezzjoni tingħata mill-Istati Membri lill-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni obbligatorja, kif deskritt fid-deċiżjoni tal-Kunsill.

116.

Id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu huma ddeterminati esklużivament fil-livell tal-Unjoni, skont is-sistema prevista mid-Direttiva 2001/55. It-tul tal-protezzjoni tal-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni obbligatorja tikkoinċidi ma’ dawn id-dati, b’mod li din il-protezzjoni ma tistax tintemm b’mod prematur minn xi Stat Membru.

117.

Mhux l-istess japplika, fil-fehma tiegħi, għal dak li jikkonċerna l-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva li jista’ jiġi indikat minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 u l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382.

118.

Fil-fatt, nikkunsidra li, għall-persuni li jagħmlu parti minn dan il-grupp, l-Istati Membri jżommu kontroll fuq it-tul tal-protezzjoni temporanja li huma jkunu jixtiequ jagħtuhom, bil-kundizzjoni li dan it-tul ma jmurx lil hinn mill-perijodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja li huwa ddefinit fil-livell tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri, meta jiddeċiedu li jipprevalixxu ruħhom mill-fakultà li jestendu l-protezzjoni temporanja għal persuni li ma humiex dawk li jagħmlu parti mill-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni obbligatorja, la jistgħu jagħmlu dan qabel id-data li fiha jkun ġie implimentat dan il-mekkaniżmu u lanqas wara d-data li fiha dan tal-aħħar jiġi fi tmiemu, liema dati huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni.

119.

Għaldaqstant, għall-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva, il-protezzjoni temporanja tibda biss mill-mument li fih l-Istat Membru jiddeċiedi li jwessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni. Għalhekk, dawn il-persuni potenzjalment igawdu l-protezzjoni temporanja prevista mid-Direttiva 2001/55 kemm‑il darba ma jkunx intlaħaq it-tul massimu tal-mekkaniżmu jew kemm‑il darba dan tal-aħħar ma jkunx ġie fi tmiemu permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill.

120.

Madankollu, bħalma l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-kategoriji ta’ persuni spostati li għalihom huma jkunu jixtiequ jagħtu l-protezzjoni temporanja fakultattiva prevista mid-Direttiva 2001/55, u dan kemm‑il darba josservaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħha, nikkunsidra li dawn l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-perijodu li matulu huma jkunu jixtiequ jimplimentaw din il-protezzjoni. Iktar minn hekk, inkwantu l-protezzjoni temporanja mogħtija skont din id-dispożizzjoni u skont l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2002/382 ma tirriżultax minn obbligu previst mid-dritt tal-Unjoni, imma minn deċiżjoni ta’ Stat Membru li jesprimi x-xewqa tiegħu li jwessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni, jidhirli li dan l-Istat Membru għandu jkun jista’ jirtira l-imsemmija protezzjoni b’mod awtonomu.

121.

Konsegwentement, l-Istati Membri jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiddeċiedu liberament li jtemmu, qabel id-data ta’ tmiem il-mekkaniżmu ffissata fil-livell tal-Unjoni, il-protezzjoni temporanja li huma jkunu taw lill-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva. Fi kliem ieħor, għall-kuntrarju ta’ dak li japplika għall-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni obbligatorja, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jallinjaw it-tul tal-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva la fuq dak li jirriżulta mill-proroga awtomatika prevista mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55 u lanqas fuq dak li jirriżulta, jekk ikun il-każ, mill-proroga mhux obbligatorja prevista fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. Kif ser ikolli l-okkażjoni nippreċiża fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, madankollu, li d-deċiżjoni tagħhom ma tkunx tmur kontra l-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni u tkun tosserva l-prinċipji ta’ dan id-dritt.

122.

Fi ftit kliem, għal dak li jikkonċerna t-tul tal-protezzjoni temporanja, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li ssir distinzjoni bejn is-sistema applikabbli għall-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni obbligatorja u dik applikabbli għall-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva. Din id-distinzjoni hija l-konsegwenza loġika tal-marġni ta’ manuvra li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 u l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 jħalli lill-Istati Membri. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lil dawn tal-aħħar jevalwaw, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tagħhom stess, jekk ikunux jixtiequ jużaw il-fakultà offruta mill-imsemmija dispożizzjonijiet u, jekk iva, għal-liema kategoriji ta’ persuni, f’liema mument u għal-liema tul ta’ żmien.

123.

Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, ma nemminx li tali distinzjoni tista’ tiġi spjegata bil-fatt li t-tieni grupp għandu jitqies bħala li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382. Fil-fatt, nirrileva li l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni huwa intitolat “Il‑persuni li għalihom tapplika l‑protezzjoni temporanja”. Huwa minnu li l-Artikolu 2(3) tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jipprevedi applikazzjoni fakultattiva tal-protezzjoni temporanja lil persuni li ma humiex dawk li jissemmew fl-Artikolu 2(1) u (2) tal-istess deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li l-persuni msemmija fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Għall-kuntrarju, mill-mument li fih Stat Membru jagħżel li jimplimenta din id-dispożizzjoni, il-persuni li huwa jindika bħala benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni u, b’mod iktar wiesa’, tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja implimentata mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn il-persuni jibbenefikaw mill-protezzjoni kif prevista mid-Direttiva 2001/55, jiġifieri mid-drittijiet sostantivi elenkati minn din id-direttiva, li dan l-Istat Membru huwa obbligat jagħtihom għaż-żmien li huwa jidhirlu xieraq.

124.

Għaldaqstant, il-konstatazzjoni li l-grupp ta’ persuni li, bir-rieda ta’ Stat Membru, jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 ma tipprekludix li dan il-grupp ikun suġġett għal sistema differenti għal dak li jirrigwarda t-tul tal-protezzjoni temporanja li minnha huwa jibbenefika, minħabba l-marġni ta’ manuvra li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jagħti lill-Istati Membri. Bis-saħħa ta’ din il-marġni ta’ manuvra, dawn tal-aħħar għandhom il-possibbiltà li jeżaminaw mill-ġdid jekk ikunx xieraq li jkomplu jagħtu l-protezzjoni temporanja lill-persuni li jifformaw l-imsemmi grupp, u dan fid-dawl ta’ fatturi bħalma huma l-possibbiltà li dawn il-persuni jirritornaw fil-pajjiż jew fir-reġjun tal-oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet siguri u stabbli, il-possibbiltà ta’ abbuż, influss kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn Stati Membri oħra li jirriżulta minn movimenti sekondarji, jew in-natura limitata tal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri. Dawn l-Istati jistgħu jaslu biex jikkonstataw li ż-żamma tal-protezzjoni temporanja għall-benefiċċju tal-grupp fakultattiv ma tkunx għadha neċessarja sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema li permezz tagħha jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali. Inżid ngħid li, peress li tali eżami mill-ġdid jista’ jwassal lill-Istati Membri biex itemmu l-protezzjoni li huma jkunu taw minn qabel lil xi persuni li, fil-prinċipju, ma jkollhomx dritt għaliha hemmhekk, dan huwa koerenti man-natura eċċezzjonali, u għaldaqstant limitata fiż-żmien, tal-protezzjoni temporanja.

125.

Jeħtieġ ukoll li jiġi ppreċiżat li, bl-implimentazzjoni tal-fakultà offruta lilhom għal ċertu żmien, li mhux neċessarjament tikkorrispondi għal dik li tapplika, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni biss, għall-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni obbligatorja, l-Istati Membri ma jippreġudikawx l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2001/55 u mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, fosthom il-protezzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ażil tal-Istati Membri f’każ ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati. Għall-kuntrarju, dawn l-Istati Membri ilhom diġà jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ( 49 ).

126.

Minn dan l-aspett, approċċ bħal dawk li ħa r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jidhirli li huwa ta’ min jippreferih minn assenza totali ta’ protezzjoni għall-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw biss minn protezzjoni fakultattiva. Barra minn hekk, wieħed ma għandux jinsa li l-loġika stess tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2001/55 u tal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 hija li tagħmilha possibbli għall-Istati Membri kemm li jirrifjuta li jagħtu lil kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ persuni l-protezzjoni temporanja prevista minn din id-direttiva kif ukoll li jagħtu din il-protezzjoni biss lil xi wħud mill-imsemmija kategoriji ( 50 ).

127.

Din il-loġika għandha, fil-fehma tiegħi, tapplika bl-istess mod għat-tul tal-imsemmija protezzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li nenfasizza, bħalma għamel il-Gvern Olandiż, li s-soluzzjoni li tkun tobbliga lill-Istati Membri li jkunu volontarjament użaw il-fakultà tagħhom li jagħtu l-protezzjoni temporanja lil ċerti kategoriji addizzjonali ta’ persuni biex jiġi osservat it-tul massimu tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja previst fil-livell tal-Unjoni, kemm jekk dak li jirriżulta mill-proroga awtomatika (l‑4 ta’ Marzu 2024) jew dak li jirriżulta mill-proroga mhux obbligatorja (l‑4 ta’ Marzu 2025 ( 51 )) ta’ dan il-mekkaniżmu, u li tkun għaldaqstant tipprekludi lil dawn l-Istati Membri milli jtemmu b’mod bikri l-protezzjoni temporanja fakultattiva, tista’ tmur kontra l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2001/55 u mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 billi tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrinunzjaw għall-fakultà mogħtija lilhom fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ( 52 ).

128.

L-argumenti mressqa kontra din it-teżi, kemm mill-partijiet f’dawn il-proċeduri kif ukoll mill-qrati Olandiżi li ntalbu biex jieħdu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni, sew jekk dawn l-argumenti huma favur li l-protezzjoni temporanja tal-grupp fakultattiv tintemm ipso jure, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, fl‑4 ta’ Marzu 2024 u sew jekk fl‑4 ta’ Marzu 2025, jidhirli li għandhom jiġu miċħuda.

129.

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 jipprevedi l-fakultà tal-Istati Membri li jagħtu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja prevista minn din id-direttiva lil kategoriji addizzjonali ta’ persuni spostati, b’mod li jeħtieġ li minn dawn it-termini jiġi dedott li l-imsemmija direttiva tapplika kollha kemm hi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jappartjenu lill-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva, inkluż għal dak li jikkonċerna t-tul tal-protezzjoni temporanja prevista mill-istess direttiva. Fil-fehma tiegħi, mill-preċiżazzjoni hekk magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta li meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel użu minn din il-fakultà, huwa marbut josserva l-obbligi li d-Direttiva 2001/55 timponi fuqu, liema obbligi, essenzjalment, jiggarantixxu lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi d-drittijiet sostantivi elenkati fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva.

130.

Barra minn hekk, l-imsemmija ċittadini ta’ pajjiżi terzi ikomplu jibbenefikaw minn din il-protezzjoni temporanja fakultattiva sakemm il-mekkaniżmu jibqa’ fis-seħħ skont id-dritt tal-Unjoni, ħlief jekk, fil-frattemp, l-Istat Membru li jkun ta l-imsemmija protezzjoni ma jiddeċidix li jtemm din tal-aħħar. Fil-fatt, jidhirli li l-marġni ta’ evalwazzjoni li l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva u l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 jħallu lill-Istati Membri huwa inkompatibbli mal-argument li tmiem il-protezzjoni temporanja taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jappartjenu lill-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva huwa rregolat esklużivament mill-Artikolu 6 tal-istess direttiva. Minflok, dan l-aħħar artikolu għandu, fil-fehma tiegħi, jinftiehem fis-sens li, bħalma l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, tmiem l-istess mekkaniżmu huwa esklużivament irregolat mid-dritt tal-Unjoni. Tul il-perijodu li dan il-mekkaniżmu jdum fis-seħħ, l-Istati Membri jistgħu liberament jiddeċiedu, għall-perijodu li huma jkunu jixtiequ, li jagħmlu użu mill-possibbiltà li jestendu l-benefiċċju tal-imsemmi mekkaniżmu għall-kategoriji ta’ persuni li ma humiex dawk li jibbenefikaw minnu ipso jure taħt id-dritt tal-Unjoni.

131.

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 jipprevedi li l-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 hija pprorogata b’sena sal‑4 ta’ Marzu 2025, ma nħossx li minn dan għandu jiġi dedott li huwa imperattiv li din il-proroga tapplika għall-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva, skont il-fakultà li joffri l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, mingħajr ma jkun possibbli għall-Istat Membru li jkun uża din il-fakultà li jtemm din il-protezzjoni b’mod bikri. Fil-fatt, l-istess bħall-proroga awtomatika prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55, għandu jitqies li l-proroga mhux obbligatorja prevista fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva tikkonċerna l-mekkaniżmu tal-protezzjoni temporanja bħala tali. Għaldaqstant, dan il-mekkaniżmu huwa pprorogat għall-benefiċjarji kollha attwali u futuri tal-protezzjoni temporanja, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jikkunsidraw mill-ġdid l-għażla tagħhom li jagħtu din il-protezzjoni lil kategoriji oħra ta’ persuni li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, peress li din il-possibbiltà hija inerenti għan-natura fakultattiva tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva u tal-Artikolu 2(3) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

132.

Fit-tielet lok, id-diskrepanzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, flimkien maċ-ċaqliq sekondarju li jista’ jsegwi, li jistgħu jirriżultaw mill-fatt li kull Stat Membru huwa liberu li jiffissa t-tul tal-perijodu li matulu huwa jiddeċiedi li jagħti l-protezzjoni temporanja prevista mid-Direttiva 2001/55 lil kategoriji ta’ persuni li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 huma l-konsegwenza naturali tal-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi dispożizzjoni fakultattiva li l-implimentazzjoni tagħha tħalli marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri ( 53 ). Barra minn hekk, l-eżistenza stess ta’ tali fakultà li dan il-leġiżlatur joffri lill-Istati Membri tagħmilha possibbli li jiġi miċħud l-argument li, f’qasam li fih il-kompetenza tinqasam bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, dawn tal-aħħar jitilfu l-kompetenza tagħhom kemm‑il darba l-Unjoni tkun eżerċitat il-kompetenza tagħha.

133.

Fir-raba’ lok, nistqarr li ma naqbilx mar-raġunament tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) li huwa bbażat fuq distinzjoni bejn il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/55, li l-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva ma jaqax taħt id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 sempliċement għaliex is-Segretarju tal-Istat għażel, qabel id‑19 ta’ Ottubru 2023 (id-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni), li ma jibqax juża l-fakultà prevista mill-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382.

134.

Minn naħa, nemmen li jeħtieġ li ssir distinzjoni netta bejn id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li ma jibqax jagħti il-protezzjoni temporanja fakultattiva lil persuni ġodda fil-futur u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ dan l-Istat Membru li jtemm, f’data partikolari, il-protezzjoni temporanja fakultattiva li minnha kienu jibbenefikaw l-persuni sa issa. Ma jidhirlix li l-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet neċessarjament għandha impatt fuq id-data ta’ tmiem il-protezzjoni temporanja fakultattiva tal-persuni li jibbenefikaw diġà minnha. Fi kliem ieħor, f’sitwazzjoni fejn, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa l-każ f’dawn il-kawżi, Stat Membru ma jkunx iddeċieda li jtemm b’mod bikri l-protezzjoni temporanja fakultattiva li huwa kien għażel li jagħti lil ċerti kategoriji ta’ persuni, din il-protezzjoni ma tintemmx ipso jure fl‑4 ta’ Marzu 2024 sempliċement għaliex dan l-Istat kien iddeċieda, qabel id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, li ma jagħtix il-protezzjoni temporanja fakultattiva lil persuni ġodda fil-futur.

135.

Min-naħa l-oħra, id-distinzjoni magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) bejn il-perijodu li joħroġ mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55 u dak li joħroġ mill-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jidhirli li hija artifiċjali, inkwantu dik il-qorti tikkunsidra bħala deċiżiva l-konstatazzjoni li, għall-kuntrarju tal-proroga awtomatika li tirriżulta mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-proroga mhux obbligatorja prevista mit-tieni waħda minn dawn l-imsemmija dispożizzjonijiet teżiġi evalwazzjoni ġdida li twassal għal deċiżjoni tal-Kunsill. Fil-fatt, nirrileva li, minħabba n-natura eċċezzjonali u għaldaqstant it-tul limitat taż-żmien tagħha, il-ħtieġa li jinżamm fis-seħħ il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja hija kontinwament suġġetta għal rivalutazzjoni, kif proprju tesprimi mhux biss id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll id-deċiżjoni tal-Kunsill li jtemm fi kwalunkwe ħin, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja, skont dak previst fl-Artikolu 6(1)(b) tal-istess direttiva. Għaldaqstant, il-monitoraġġ u r-rieżami kontinwu tas-sitwazzjoni li twettaq il-Kummissjoni ( 54 ) iseħħu wkoll matul l-ewwel sentejn mill-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu, b’mod li d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/55 hija biss rikonoxximent espliċitu tal-ħtieġa li jinżamm il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja, peress li qabel din iż-żamma fis-seħħ kienet diġà suġġetta għal rivalutazzjoni kontinwa.

136.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tielet domanda fil-Kawża C‑244/24 u għaż-żewġ domandi magħmula fil-Kawża C‑290/24 li l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55, l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 kif ukoll l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jiddeċiedi li jtemm, fi kwalunkwe ħin u qabel ma jintlaħaq it-tul ta’ żmien massimu tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja ffissat fil-livell tal-Unjoni, il-protezzjoni temporanja li huwa jkun liberament iddeċieda li jagħti lil kategoriji oħra ta’ persuni spostati mill-Ukraina li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, billi jeżerċita l-fakultà prevista fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

137.

Jeħtieġ, madankollu, li jiġi ppreċiżat li, meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħti l-protezzjoni temporanja fakultattiva jew li jtemm din tal-aħħar b’mod bikri, huwa jkun qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni b’mod li l-marġni ta’ evalwazzjoni tiegħu hija rregolata mill-imsemmi dritt tal-Unjoni.

138.

Għaldaqstant, il-marġni ta’ evalwazzjoni li hija rrikonoxxuta lill-Istati Membri ma għandhiex tiġi eżerċitata minnhom b’mod li jiġu ppreġudikati l-għanijiet tad-Direttiva 2001/55 u l-effett utli tagħha ( 55 ). F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li jsir enfasi fuq il-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, li għandu l-għan li jiggarantixxi lill-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja l-aċċess għall-proċedura tal-ażil. L-Istati Membri għandhom, għaldaqstant, jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-protezzjoni temporanja fakultattiva tagħhom tkun ġiet irtirata, qabel ma jintlaħaq it-tul ta’ żmien massimu ffissat fil-livell tal-Unjoni, ma jkunux preklużi milli jeżerċitaw, b’mod effettiv, id-dritt tagħhom li jippreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dan jimplika wkoll, kif irrikonoxxa l-Gvern Olandiż waqt is-seduta, li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ma jkunux ġew irtirati għandhom ikunu eżaminati.

139.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-fakultà tagħhom filwaqt li josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ ċertezza legali u dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ( 56 ).

140.

Jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn ikun jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi, sabiex il-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jkunu jistgħu jieħdu passi kif xieraq ( 57 ).

141.

Nirrileva, f’dan ir-rigward, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fformalizza f’regolament tas‑17 ta’ Awwissu 2022, minn naħa, l-indikazzjoni tal-kategoriji ta’ persuni li kienu jifformaw il-grupp ta’ dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva u, min-naħa l-oħra, id-data ta’ tmiem din il-protezzjoni, jiġifieri, inizjalment, l‑4 ta’ Marzu 2023 ( 58 ). Imbagħad, din id-data ġiet estiża, b’regolament tal‑1 ta’ Marzu 2023, għall‑4 ta’ Settembru 2023 ( 59 ). Jidhirli li dawn huma regoli ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom.

142.

L-inċertezza li setgħet sussegwentement titnissel fir-rigward tad-data eżatta ta’ tmiem il-protezzjoni temporanja tal-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva tirriżulta mid-diverġenzi fil-pożizzjonijiet bejn il-qrati Olandiżi. Dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari huma intiżi preċiżament li jneħħu din l-inċertezza.

143.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju japplika għal kull individwu li awtorità amministrattiva nazzjonali tkun ħolqot, fir-rigward tiegħu, aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li hija tkun tat lilu ( 60 ). F’dan il-każ, la mill-ittri tas-Segretarju tal-Istat u lanqas mil-leġiżlazzjoni Olandiża ma nara xi garanziji preċiżi li setgħu joħolqu, f’moħħ il-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva, biżżejjed aspettattiva fil-fatt li t-tul ta’ din il-protezzjoni kellu jkun identiku għat-tul ta’ żmien massimu ffissat fil-livell tal-Unjoni ( 61 ).

144.

Inżid ngħid li l-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi ddeċidew li jestendu sal‑4 ta’ Marzu 2024 id-data ta’ tmiem il-protezzjoni li minnha kienu jibbenefikaw ir-rikorrenti ma jidhirlix li jista’ jiġi kkontestat fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li, b’din l-estensjoni, dawn l-awtoritajiet riedu josservaw is-sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) tas‑17 ta’ Jannar 2024, ħaġa li jidhirli li hija konformi mar-rekwiżiti tal-Istat ta’ dritt. Huwa minnu li r-rekwiżiti ta’ ċarezza, preċiżjoni u prevedibbiltà tar-regoli ta’ dritt setgħu jwasslu lill-imsemmija awtoritajiet sabiex jadottaw regolament ieħor biex jifformalizzaw id-data tal‑4 ta’ Marzu 2024. B’dan premess, inkwantu, fid-dawl tar-regoli li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/55, mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 u mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, l-awtoritajiet Olandiżi kienu, fil-fehma tiegħi, iġġustifikati li jipprevedu d-data tal‑4 ta’ Settembru 2023, ma nħossx li dawn jistgħu jiġu kkritikati li adottaw miżura favorevoli għall-persuni kkonċernati meta huma ddeċidew li jipposponu din id-data għall‑4 ta’ Marzu 2024.

145.

Finalment, huwa l-obbligu tal-qrati tar-rinviju li jivverifikaw jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi eżerċitax il-fakultà tiegħu taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/55 u l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

B.   Fuq il‑mument li fih Stat Membru jista’ jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil‑konfront tal‑persuni li ma għadhomx jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fakultattiva

146.

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li ser neżamina flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑244/24 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi regolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, bis-saħħa tal-fakultà eżerċitata minn dan l-Istat Membru li jirrikonoxxilu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn qabel id-data ta’ tmiem din il-protezzjoni, inkluż meta l-effetti ta’ din id-deċiżjoni jkunu sospiżi sa din id-data u meta din id-data tkun fil-futur qarib.

147.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, din tal-aħħar tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru.

148.

Iktar minn hekk, mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom.

149.

Issa, skont dawn id-dispożizzjonijiet, jidhirli li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru jista’ jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz biss jekk dan ikun jirrisjedi irregolarment fit-territorju tiegħu ( 62 ).

150.

Huwa minnu li l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi b’mod partikolari li din id-direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ residenza regolari flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tippermettix ukoll li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn qabel tmiem ir-residenza regolari tal-persuna kkonċernata, anki jekk l-imsemmija deċiżjoni tidħol fis-seħħ biss b’effett mid-data li fiha tiġi fi tmiemha din ir-residenza regolari.

151.

Fil-fehma tiegħi, la l-kuntest speċifiku ta’ dawn il-kawżi u lanqas id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/55, fil-Kapitolu V tagħha ( 63 ), dwar ir-ritorn tal-persuni wara l-protezzjoni temporanja, ma jiffavorixxu l-illaxkar tar-regola li deċiżjoni ta’ ritorn ma tistax tiġi adottata sakemm ir-residenza tibqa’ regolari. Inżid ngħid li l-adozzjoni bikrija ta’ tali deċiżjoni u l-posponiment tal-effetti tagħha għall-mument li fih ir-residenza isir irregolari ma tippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni individwali tal-persuni milquta b’din id-deċiżjoni li setgħet isseħħ fil-frattemp ( 64 ). Barra minn hekk, din il-prassi jista’ jkollha impatt negattiv fuq iċ-ċittadini ikkonċernati ta’ pajjiżi terzi peress li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali ( 65 ), jobbliga lill-Istati Membri jintroduċu mingħajr dewmien f’din is-sistema (SIS) allert ta’ ritorn fir-rigward tagħhom malli tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn.

152.

Madankollu, jeħtieġ li jiġi indirizzat it-tħassib kemm tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑244/24 kif ukoll tal-Gvern Olandiż. Dan it-tħassib kien jirrigwarda, minn naħa, ir-riskju ta’ diżorganizzazzjoni li jissograw l-awtoritajiet kompetenti li kellhom jadottaw simultanjament, mid-data ta’ tmiem il-protezzjoni temporanja, numru kbir ħafna ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn. Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni bikrija ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li l-effetti tagħha jkunu sospiżi sakemm ir-residenza ssir irregolari tkun tiffavorixxi l-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni kkonċernati billi tagħmilha possibbli għal dawn il-persuni biex iħejju kwalunkwe rikors f’dan ir-rigward. Ta’ min jagħmel dawn l-osservazzjonijiet li ġejjin dwar dawn il-fatturi.

153.

Fl-ewwel lok, ir-riskju ta’ diżorganizzazzjoni msemmi jidhirli li jista’ jkun evitat jekk l-awtoritajiet kompetenti jħejju d-deċiżjonijiet ta’ ritorn suffiċjentement bil-quddiem. F’dan ir-rigward, il-fatt li huwa impossibbli għal dawn l-awtoritajiet li jadottaw tali deċiżjonijiet qabel ma r-residenza ssir irregolari ma jfissirx li jkun impossibbli għalihom li jieħdu l-miżuri preparatorji għal dan il-għan, pereżempju billi jisimgħu lill-persuni kkonċernati.

154.

Fit-tieni lok, għalkemm l-Istati Membri huma obbligati jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom, jista’ jiġi aċċettat li, f’sitwazzjoni marbuta mal-influss bil-massa ta’ persuni spostati, tali obbligu ma jorbotx ukoll lil dawn l-Istati jieħdu tali deċiżjoni immedjatament wara d-data ta’ tmiem il-protezzjoni temporanja, kemm‑il darba din id-deċiżjoni tkun adottata fi żmien qasir wara dik id-data.

155.

Fit-tielet lok, il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni kkonċernati tista’ tkun promossa b’mod suffiċjenti billi dawn il-persuni jingħataw informazzjoni minn qabel li tindikalhom li l-protezzjoni temporanja tagħhom ser tiskadi fit-tali data.

V. Konklużjoni

156.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod kif ġej:

1)

L-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn, l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382, tal‑4 ta’ Marzu 2022, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja, kif ukoll l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 tad‑19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li Stat Membru jiddeċiedi li jtemm, fi kwalunkwe ħin u qabel ma jintlaħaq it-tul ta’ żmien massimu tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja ffissat fil-livell tal-Unjoni, il-protezzjoni temporanja li huwa jkun liberament iddeċieda li jagħti lil kategoriji oħra ta’ persuni spostati mill-Ukraina li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382, billi jeżerċita l-fakultà prevista fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

Meta Stat Membru jiddeċiedi li jtemm b’mod bikri l-protezzjoni temporanja fakultattiva, huwa għandu jiżgura li l-marġni ta’ evalwazzjoni rrikonoxxuta lilu mid-dritt tal-Unjoni ma tiġix eżerċitata b’mod li jiġu ppreġudikati l-għanijiet tad-Direttiva 2001/55 u l-effett utli tagħha. Dan l-Istat Membru huwa obbligat ukoll josserva l-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi regolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, bis-saħħa tal-fakultà eżerċitata minn dan l-Istat Membru li jirrikonoxxilu l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn qabel id-data ta’ tmiem din il-protezzjoni, inkluż meta l-effetti ta’ din id-deċiżjoni jkunu sospiżi sa din id-data u meta din id-data tkun fil-futur qarib.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( i ) L-ismijiet f’dawn il-kawżi huma ismijiet fittizji. Ma jikkorrispondux mal-ismijiet reali ta’ ebda parti fil-proċedura.

( 2 ) Ara l-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal‑4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU 2022, L 71, p. 1).

( 3 ) Ara l-istatistiċi tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) disponibbli fis-sit internet li ġej: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Temporary_protection_for_persons_fleeing_Ukraine_-_monthly_statistics.

( 4 ) Ara l-mappa tal-Eurostat dwar in-numru, f’kull Stat Membru, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ħarbu mill-Ukraina u li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja, disponibbli fis-sit internet li ġej: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=File:Map_TP_2024M06.jpg.

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162.

( 6 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

( 7 ) ĠU L, 2023/2409.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, fuq dan il-mekkaniżmu u l-applikazzjoni tiegħu fl-Istati Membri, Mantu, S. A., Zwaan, K. M., u Strik, M. H. A., The Temporary Protection Directive : central themes, problem issues and implementation in selected Member States, Université Radboud de Nimègue, Nimègue, 2023. Fuq l-applikazzjoni tal-imsemmi mekkaniżmu fil-Pajjiżi l-Baxxi, ara, f’dan ix-xogħol, Geertsema, K., “Implementation and Practise of the Temporary Protection Directive in the Netherlands”, b’mod partikolari p. 57.

( 9 ) Jeħtieġ ukoll li jiġi indikat li l-imsemmija direttiva tippermetti, f’ċerti każijiet, lill-Istati Membri li jtemmu individwalment din il-protezzjoni: ara, b’mod partikolari, il-każijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 28 tal-istess direttiva.

( 10 ) Dak iż-żmien, l-istimi kienu juru li “l-Unjoni x’aktarx li tkun iffaċċjata b’għadd kbir ħafna ta’ persuni spostati, potenzjalment bejn 2,5 miljun u 6,5 miljun bħala konsegwenza tal-kunflitt armat, li minnhom huwa mistenni li bejn 1,2 u 3,2 miljun persuna jkunu persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għar-Refuġjati jistma li, fl-agħar xenarju possibbli, sa 4 miljun persuna jistgħu potenzjalment jaħarbu mill-Ukrajna” (premessa 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382).

( 11 ) Kif jirriżulta mill-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, l-għażla bejn dawn iż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni hija f’idejn kull Stat Membru. Ara, fuq il-kunċett ta’ “protezzjoni adegwata” skont id-dritt nazzjonali, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU 2022, C 126I, p. 1), p. 3.

( 12 ) Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li sittax‑il Stat Membru kienu użaw din il-possibbiltà, filwaqt li indikat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa wieħed mill-ftit Stati Membri (ħamsa b’kollox) li inkluda f’dan iċ-ċirku ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu qegħdin jirresjedu temporanjament fl-Ukraina.

( 13 ) Għaldaqstant, jidher li l-Kunsill iqis li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja ma hijiex limitata għal tul ta’ żmien massimu ta’ tliet snin. Ninnota li r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), li huma l-qrati tar-rinviju, jidhru, għall-kuntrarju, li mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/55 jiddeduċu li t-tul ta’ żmien totali tal-protezzjoni temporanja skont din id-direttiva ma jeċċedix tliet snin (ara d-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑244/24, punt 2.2, u s-sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), tas‑17 ta’ Jannar 2024 (NL:RVS:2024:32, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Kunsill tal-Istat tas‑17 ta’ Jannar 2024”, punt 5.1).

( 14 ) ĠU L, 2024/1836.

( 15 ) Ara l-premessi 6 sa 8 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2024/1836.

( 16 ) Stb. 2004, Nru 691.

( 17 ) Stb. 2000, Nru 495.

( 18 ) Stb. 2000, Nru 497.

( 19 ) Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, il-motivi segwenti tressqu, b’mod partikolari, mis-Segretarju tal-Istat, jiġifieri l-possibbiltà ta’ abbuż tas-sistema, in-natura attraenti ta’ din is-sistema għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi minn Stati Membri oħra li wasslet għal influss ta’ dawn iċ-ċittadini lejn il-Pajjiżi l-Baxxi u n-natura limitata tal-kapaċità ta’ akkoljenza ta’ dan l-Istat Membru.

( 20 ) Dan il-grupp jinvolvi madwar 6 000 persuna: ara Geertsema, K., op. cit., p. 62.

( 21 ) L-għoti ta’ sitt xhur addizzjonali kien iġġustifikat mill-influss kbir ta’ applikanti għall-ażil u mill-pressjoni eżerċitata fuq l-akkoljenza (ara d-deċiżjoni ta’ rinviju tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) fil-Kawża C‑290/24, punt 3.4).

( 22 ) Stcrt. 2022, Nru 22623, iktar ’il quddiem ir-“Regolament li Jemenda”.

( 23 ) Stcrt. 2001, Nru 10.

( 24 ) Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Emendatorju, din il-parti għandha effett retroattiv li jibda jiddekorri mill‑4 ta’ Marzu 2022.

( 25 ) Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Li Jemenda, din il-parti għandha effett retroattiv li jibda jiddekorri mid‑19 ta’ Lulju 2022.

( 26 ) Stcrt. 2023, Nru 7194.

( 27 ) Jiġifieri 90 jum qabel il-bidu tal-offensiva Russa, jiġifieri t-terminu tad-dritt ta’ residenza mingħajr viża rrikonoxxut liċ-ċittadini Ukreni fiż-żona Schengen.

( 28 ) Għall-finijiet tal-analiżi, ser nirreferi prinċipalment għad-data tal‑4 ta’ Marzu 2025, li kienet l-unika data magħrufa fiż-żmien li fih iddeċidew il-qrati Olandiżi, u mhux għad-data tal‑4 ta’ Marzu 2026, li fil-preżent hija d-data ta’ tmiem il-perijodu ta’ proroga mhux obbligatorja tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja.

( 29 ) NL:RBDHA:2023:11897.

( 30 ) Skont ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55 li jikkorrobora l-pożizzjoni li l-protezzjoni temporanja skont din id-direttiva tirrigwarda biss id-drittijiet sostantivi, bħalma huma d-dritt li wieħed jeżerċita attività bħala persuna impjegata u li wieħed jingħata alloġġ, u mhux ukoll it-tul ta’ din il-protezzjoni.

( 31 ) Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) irrefera b’mod partikolari għall-Proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, ippreżentata mill-Kummissjoni fid‑19 ta’ Settembru 2023 (COM(2023) 546 finali). L-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta, b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, ma ssemmix l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382. Dik il-qorti ddeduċiet, minn dan, li din id-dispożizzjoni hija rilevanti għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 biss safejn l-Istati Membri japplikaw l-imsemmija dispożizzjoni fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni mill-Kunsill. Din l-interpretazzjoni hija bbażata wkoll fuq is-setgħa ta’ Stat Membru li jtemm l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni fakultattiva tad-dritt tal-Unjoni.

( 32 ) NL:RBDHA:2024:4247.

( 33 ) Ara l-punti 5.2 sa 5.2.2 tad-deċiżjoni ta’ rinviju fil-Kawża C‑290/24.

( 34 ) NL:RBDHA:2024:3694.

( 35 ) NL:RBDHA:2024:4294.

( 36 ) Ara, rispettivament, il-punti 5.1 u 5.1.1. kif ukoll il-punt 5.3 ta’ din id-deċiżjoni ta’ rinviju.

( 37 ) Ara l-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet (p. 5).

( 38 ) Barra minn hekk, il-fatt li n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 tal-proposta li wasslet għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/2409 ma ssemmix l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382 tista’, skont dik il-qorti, tiġi spjegata bil-fatt li din in-nota tirreferi biss għall-grupp ta’ persuni li għalihom il-Kunsill inizjalment attiva l-protezzjoni temporanja.

( 39 ) Ara l-punti 71 sa 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Kif indika l-gvern Olandiż, saret l-għażla li jiġu adottati d-deċiżjonijiet ta’ ritorn ftit qabel id-data li fiha r-residenza saret irregolari. Dawn ġew adottati f’żewġ settijiet. L-ewwel sett, madwar 700 deċiżjoni ta’ ritorn, ġie adottat fis‑7 ta’ Frar 2024 u t-tieni sett, ta’ madwar 630 deċiżjoni ta’ ritorn, ġie adottat fil‑21 ta’ Frar 2024. Għaldaqstant, b’effett mill‑5 ta’ Marzu 2024, 1 360 ċittadin ta’ pajjiż terz sabu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

( 41 ) Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, dik il-qorti tirreferi għas-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Arslan (C‑534/11, EU:C:2013:343, punti 48 u 49), kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 59), u għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:90, punt 49).

( 42 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punti 7980).

( 43 ) Loġikament, dawk li żammew din il-pożizzjoni għandhom issa jieħdu inkunsiderazzjoni d-data tal‑4 ta’ Marzu 2026 bħala d-data ta’ tmiem din il-protezzjoni.

( 44 ) Enfasi miżjud minni.

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1, 2, 5, 6 u 7 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

( 46 ) Skont din id-dispożizzjoni, jitqiesu bħala “persuni spostati” ċ-“ċittadini minn pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr stat li kellhom iħallu l-pajjiż jew ir-reġjun ta’ l-oriġini tagħhom, jew ġew evakwati, b’mod partikolari bi tweġiba għal appell mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, u ma jkunux kapaċi jerġgħu lura f’kondizzjonijiet ta’ sigurtà u tat-tul taż-żmien minħabba s-sitwazzjoni li tipprevali f’dan il-pajjiż, li jistgħu jidħlu fl-iskop ta’ l-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni [dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545, 1954), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967] jew ta’ strumenti internazzjonali jew nazzjonali li jagħtu protezzjoni internazzjonali”.

( 47 ) Għal dak li jirrigwarda din il-kundizzjoni, ara wkoll il-premessa 11 tad-Deċiżjoni ta’ Eżekuzzjoni 2022/382.

( 48 ) Jiġifieri l‑4 ta’ Marzu 2026, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2024/1836.

( 49 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 58).

( 50 ) Ara, b’analoġija is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C-519/18, EU:C:2019:1070, punt 59).

( 51 ) Jiġifieri l‑4 ta’ Marzu 2026, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2024/1836.

( 52 ) Ara, b’analoġija is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C-519/18, EU:C:2019:1070, punt 60).

( 53 ) Ara, b’analoġija is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ara l-premessa 21 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/382.

( 55 ) Ara, b’analoġija is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms (C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND (C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) Ara l-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms (C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) B’dan premess, jeħtieġ li jiġi aċċettat, bħalma għamel ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Rotterdam (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede f’Rotterdam), fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Awwissu 2023, li d-dikjarazzjoni tas-Segretarju tal-Istat li huwa kien biħsiebu japplika d-Direttiva 2001/55 b’mod ġeneruż setgħet inizjalment tat x’jifhem li l-persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva ser jiġu ttrattati, fuq bażi iktar fit-tul, bl-istess mod bħall-persuni l-oħra spostati mill-Ukraina (punt 6.5 ta’ din is-sentenza). Madankollu, niddubita jekk din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxix garanzija preċiża li ħolqot, b’mod inekwivoku, aspettattivi leġittimi f’moħħ il-persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni fakultattiva.

( 62 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 37, 38, 46, 58 u 59), kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2023, Odbor azylové a migrační politiky MV (Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn) (C‑257/22, EU:C:2023:852, punt 39). B’mod partikolari, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta ma tkunx għada ngħatat deċiżjoni fl-ewwel istanza fuq din l-applikazzjoni.

( 63 ) B’mod partikolari, l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jipprovdi li, “[m]eta ttemm il-protezzjoni temporanja, għandhom japplikaw il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni temporanja u dwar il-barranin, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 21, 22 u 23”.

( 64 ) Taħt dan l-aspett, huwa diġà eskluż, fil-fehma tiegħi, li l-prassi li jsegwu l-awtoritajiet Olandiżi tkun tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/115, li jgħid li din id-direttiva “m’għandha tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil”.

( 65 ) ĠU 2018, L 312, p. 1.