KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑22 ta’ Mejju 2025 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑221/24 u C‑222/24

Naturvårdsverket

vs

UQ (C‑221/24)

IC (C‑222/24)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt, Mark- och miljöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell ta’ Svea, il-Qorti tal-Appell tal-Art u l-Ambjent, Stokkolma, l-Isvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Artikolu 24(2) – Vjeġġi illegali ta’ skart – Obbligu ta’ teħid lura – Teħid lura minn awtorità kompetenti tal-pajjiż tad-dispaċċ – Irkupru u rimi ta’ dan l-iskart kontra r-rieda tal-persuni li jwettqu l-vjeġġ – Validità – Dritt għall-proprjetà”

I. Introduzzjoni

1.

“One man’s trash is another man’s treasure” (Iż-żibel ta’ persuna huwa t-teżor ta’ persuna oħra).

2.

Madankollu, meta jittieħed litteralment, dan il-qawl antik jista’ jservi bħala skuża għall-“garbage imperialism” (imperjaliżmu taż-żibel) ( 2 ). Il-mowbajl il-qadim tiegħek? Avvelenament ta’ “burner boys” (subien li jaħarqu) f’komunitajiet fqar fil-Ghana ( 3 ). Il-karozza l-qadima tiegħek? Tniġġes l-arja fin-Niġerja ( 4 ).

3.

Preċiżament biex jiġi evitat dan it-tip ġdid ta’ kolonjaliżmu, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 ( 5 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar vjeġġi ta’ skart”) jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ skart u ta’ skart perikoluż lejn, fost l-oħrajn, il-kontinent Afrikan. U madankollu, kif juru t-talbiet għal deċiżjoni preliminari preżenti, il-problema tal-kummerċ illegali tal-iskart tippersisti.

4.

F’dan il-każ huma inkwistjoni vjeġġi ta’ kontejners mill-Isvezja lejn il-Kamerun (permezz tal-Belġju) u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (permezz tal-Ġermanja). Spezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti f’Antwerp (il-Belġju) u f’Hamburg (il-Ġermanja) żvelaw li l-kontejners inkwistjoni kienu mgħobbija, fost affarijiet oħra, b’vetturi, prodotti elettroniċi, tajers, għamara, ħwejjeġ u apparati elettrodomestiċi kbar. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-oġġetti ġew ikklassifikati bħala “skart” jew “skart perikoluż” mill-awtoritajiet kompetenti, u għalhekk l-esportazzjoni tagħhom mill-Unjoni Ewropea kienet ipprojbita ( 6 ).

5.

L-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, in-Naturvårdsverket (l-Aġenzija Svediża għall-Protezzjoni tal-Ambjent), ħadet lura l-kontejners inkwistjoni. Kontra x-xewqa tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, din l-awtorità remiet u rkuprat ukoll il-kontenut ta’ dawn il-kontejners. Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja issa qiegħda tiġi mitluba tinterpreta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-“obbligu ta’ teħid lura”, kif jirriżulta mir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, u tevalwa l-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt għall-proprjetà.

II. Il-kuntest tal-kawża u d-domandi preliminari

6.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea ( 7 ). Dik il-konvenzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi qafas globali għall-kontroll tal-moviment ta’ skart perikoluż jew skart ieħor, li jibda bil-minimizzazzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ skart bħal dan u bl-inkoraġġiment tal-ġestjoni ambjentalment tajba tiegħu, speċjalment jekk dan l-iskart jiġi ttrasportat bejn il-fruntieri.

7.

Fl‑1995, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea adottat l-“Emenda ta’ Projbizzjoni” ( 8 ). Instigata minn koalizzjoni ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw ( 9 ), l-Emenda ta’ Projbizzjoni tipprojbixxi l-movimenti kollha barra l-konfini ta’ skart perikoluż “minn pajjiżi industrijalizzati għal pajjiżi li qed jiżviluppaw” ( 10 ).

8.

Il-Konvenzjoni ta’ Basilea u l-Emenda ta’ Projbizzjoni tagħha jiffurmaw parti mid-dritt tal-Unjoni permezz tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ( 11 ).

9.

Dan ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi proċeduri u sistemi ta’ kontroll applikabbli għall-vjeġġi ta’ skart ( 12 ). Huwa jorganizza u jirregola s-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi ta’ skart b’mod strett, filwaqt li jqis il-ħtieġa li tiġi ppreservata, protetta u mtejba l-kwalità tal-ambjent ( 13 ), l-għan li jitnaqqsu l-vjeġġi ta’ skart għal minimu, u l-ġestjoni ambjentalment tajba u effiċjenti ta’ dan l-iskart ( 14 ), f’konformità, fost l-oħrajn, mal-prinċipju ta’ prossimità tal-ġestjoni tal-iskart ( 15 ).

10.

L-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jipprojbixxu l-esportazzjoni ta’ skart għar-rimi jew għall-irkupru mill-Unjoni lejn ċerti pajjiżi terzi ( 16 ).

11.

Il-Kamerun u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo jiffurmaw parti mill-grupp ta’ pajjiżi li lejhom l-imsemmija esportazzjoni hija pprojbita ( 17 ).

12.

Vjeġġi ta’ skart li jiksru din il-projbizzjoni jitqiesu bħala vjeġġi “illegali” ( 18 ).

13.

Skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, huwa prinċipalment in-notifikatur (de facto jew de jure), u, fl-alternattiv, l-awtorità kompetenti tal-pajjiż tad-dispaċċ li għandhom jieħdu lura l-iskart li jkun ġie trasportat illegalment.

14.

Huwa dan l-obbligu ta’ teħid lura u l-konsegwenzi tiegħu li huma kkontestati f’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari.

15.

Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza huma UQ (fil-Kawża C‑221/24) u IC (fil-Kawża C‑222/24), li fittxew li jibagħtu kontejners mill-Isvezja lejn il-Kamerun (permezz tal-Belġju) u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (permezz tal-Ġermanja).

16.

L-awtoritajiet kompetenti Belġjani u Ġermaniżi ddikjaraw li l-oġġetti f’dawn il-kontejners huma skart u skart perikoluż ( 19 ).

17.

Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, u billi ddeċidiet li ma kienx hemm biżżejjed provi kuntrarji, in-Naturvårdsverket iddeċidiet li UQ u IC kienu involuti fil-vjeġġ illegali ta’ skart lejn pajjiżi terzi. Dan skatta l-obbligu ta’ teħid lura.

18.

In-Naturvårdsverket staqsa lil UQ u lil IC jekk kellhomx l-intenzjoni li jirritornaw il-kontejners huma stess, jew jekk dik l-awtorità kellhiex teħodhom lura hi stess u timmaniġġja l-iskart bi spejjeż tagħhom. L-UQ u l-IC talbu li n-Naturvårdsverket tieħu ħsieb il-proċess ta’ ritorn lejn l-Isvezja iżda talbu li l-kontenut tal-kontejner jintbagħat lura lilhom. In-Naturvårdsverket ċaħdet din it-talba tal-aħħar, billi qieset li UQ u IC ma kinux ipprovdew biżżejjed evidenza li jkunu kapaċi jirkupraw jew jarmu l-iskart b’mod ambjentalment aċċettabbli.

19.

Konsegwentement, dik l-awtorità ddeċidiet li tarmi l-iskart u l-iskart perikoluż (fil-Kawża C‑221/24) jew tirkuprah (fil-Kawża C‑222/24) hija stess. Għal dan il-għan, hija fasslet notifika ta’ vjeġġ ta’ skart, fejn indikat in-Naturvårdsverket bħala n-notifikatur u l-persuna responsabbli għall-vjeġġ. L-awtoritajiet Belġjani u Ġermaniżi taw l-approvazzjoni rispettiva tagħhom għal din in-notifika.

20.

Il-kontejners inkwistjoni ġew ittrasferiti lura lejn l-Isvezja, maħżuna f’faċilità ta’ akkoljenza u spezzjonati mill-awtorità superviżorja kompetenti, il-Länsstyrelsen i Norrbottens län (il-Bord Amministrattiv tal-Kontea ta’ Norrbotten, l-Isvezja). Dik l-awtorità qieset li l-kontenut tal-kontejners kien skart imħallat, li wħud minnu kien jikkostitwixxi skart perikoluż. Huwa qabel ukoll mal-valutazzjonijiet rispettivi tal-awtoritajiet Belġjani u Ġermaniżi li ż-żewġ każijiet kienu jikkonċernaw il-vjeġġi illegali ta’ skart u li l-iskart għandu jintrema b’mod ambjentalment aċċettabbli (fil-Kawża C‑221/24) jew irkuprat (fil-Kawża C‑222/24).

21.

UQ u IC bdew proċeduri kontra d-deċiżjonijiet tan-Naturvårdsverket quddiem in-Nacka tingsrätt, Mark- och miljödomstolen (il-Qorti Distrettwali ta’ Nacka, il-Qorti tal-Artijiet u l-Ambjent, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Artijiet u l-Ambjent”). Fiż-żewġ każijiet, dik il-qorti kkonfermat id-deċiżjonijiet tan-Naturvårdsverket sa fejn dawn jikkonċernaw is-setgħa ta’ dik l-awtorità li tieħu lura l-kontenut tal-kontejners lejn l-Isvezja. Madankollu, dik il-qorti annullat id-deċiżjonijiet sa fejn jirrigwardaw is-setgħa ta’ dik l-awtorità li tarmi jew tirkupra l-kontenut tal-kontejners inkwistjoni. Skont il-Qorti tal-Artijiet u l-Ambjent, azzjonijiet bħal dawn jirrestrinġu d-dritt għall-proprjetà mingħajr bażi legali.

22.

In-Naturvårdsverket appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem is-Svea hovrätt, Mark- och miljööverdomstolen (il-Qorti tal-Appell ta’ Svea, il-Qorti tal-Appell tal-Artijiet u l-Ambjent) (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Appell ta’ Svea”). Hija tqis li ma huwiex ċar kif is-sistema ta’ moviment transkonfinali ta’ skart, u l-irkupru ta’ vjeġġi transkonfinali illegali ta’ skart, jistgħu jaħdmu jekk l-awtorità kompetenti li tieħu lura dak l-iskart, hawnhekk in-Naturvårdsverket, ma jkollhiex id-dritt li tiżgura l-irkupru u r-rimi tiegħu.

23.

Filwaqt li jinvokaw id-dritt tagħhom għall-proprjetà, UQ u IC isostnu li huma talbu biss li n-Naturvårdsverket tirritorna l-kontejners l-Isvezja f’isimhom, iżda li ma taw l-ebda permess lil din l-aġenzija sabiex tarmi jew tirkupra l-kontenut tagħhom. Skont huma, ma hemm l-ebda bażi legali biex in-Naturvårdsverket tassumi s-sjieda tal-kontenut tal-kontejners mingħajr il-permess tagħhom. Dawn il-partijiet jikkontestaw ukoll il-konstatazzjoni li l-oġġetti inkwistjoni ma kinux skart, peress li kienu ser ikomplu jintużaw fl-Afrika.

24.

Il-qorti tar-rinviju hija tal-pożizzjoni li ma huwiex ċar kif għandu jiġi interpretat l-obbligu ta’ teħid lura skont ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Hija tosserva li l-vjeġġi inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li, għaldaqstant, tkun neċessarja notifika dwar it-teħid lura tagħhom lejn l-Isvezja. Madankollu, dik il-qorti tesprimi inċertezza dwar sa fejn jista’ jitqies li l-iskattar tal-obbligu ta’ teħid lura skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jirrendi lill-awtorità kompetenti d-detentur tal-iskart, b’tali mod li dik l-awtorità tista’ – jew għandha – wkoll tirkupra jew tarmi l-iskart, minkejja l-oppożizzjoni tal-mittent oriġinali. Barra minn hekk, jekk din hija interpretazzjoni korretta tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dan l-effett mad-dritt għall-proprjetà.

25.

Fid-dawl tal-kuntest ta’ fatt u ta’ liġi preċedenti, il-Qorti tal-Appell ta’ Svea ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Teħid lura fis-sens tal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament […] dwar vjeġġi ta’ skart jinkludi l-obbligu jew id-dritt għall-awtorità tad-dispaċċ li tirkupra jew tarmi l-iskart meħud lura meta, għall-finijiet tat-trasport lura, ikunu ġew stabbiliti notifika u dokumenti ta’ moviment li jippreċiżaw il-mod kif l-iskart ikun ser jiġi ttrattat fil-pajjiż tad-destinazzjoni?

2.

Taħt liema kundizzjonijiet l-awtorità tad-dispaċċ tista’ tapplika l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) sabiex tirkupra jew tarmi fil-pajjiż tad-dispaċċ skart li kien fi vjeġġ illegali? Liema hija r-relazzjoni bejn id-dispożizzjoni tal-punt (d) u d-dispożizzjoni tal-punt (ċ), pereżempju t-teħid lura u l-irkupru/rimi jistgħu jseħħu abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet applikati flimkien, jew l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet teħtieġ li jkun impossibbli li tiġi adottata l-proċedura msemmija fid-dispożizzjoni li tippreċediha immedjatament?

3.

Fil-każ li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament [dwar vjeġġi ta’ skart] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità tad-dispaċċ għandha dritt, wara t-teħid lura, tarmi l-iskart b’mod definittiv minkejja li l-ispeditur inizjali jkun jixtieq jieħdu lura, din l-interpretazzjoni hija kompatibbli mal-protezzjoni tal-proprjetà stabbilita fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Karta”)] u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali?”

26.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Biż-żieda tan-Naturvårdsverket, dawn il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fis‑27 ta’ Frar 2025.

III. Analiżi

A.   Id-domandi ta’ interpretazzjoni

27.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet u l-konsegwenzi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 24(2)(ċ) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, u kif din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-ittri (d) u (e) tal-istess dispożizzjoni.

28.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jipprovdi:

“Jekk ir-responsabbiltà ta’ vjeġġ illegali tkun tan-notifikatur, l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ għandha tiżgura li l-iskart in kwistjoni jiġi:

(a)

meħud lura min-notifikatur de facto; jew, jekk ebda notifika ma tkun ġiet preżentata;

(b)

meħud lura min-notifikatur de iure; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

(ċ)

meħud lura mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ innifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

(d)

alternattivament irkuprat jew mormi fil-pajjiż tad-destinazzjoni jew tad-dispaċċ mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ innifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

(e)

alternattivament irkuprat jew mormi f’pajjiż ieħor mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ innifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha jekk l-awtoritajiet kompetenti kollha konċernati jaqblu.”

29.

Il-Kummissjoni, bħala l-unika parti li ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub dwar dawn id-domandi, tqis li l-partijiet preċedenti tal-Artikolu 24(2) isegwu ordni preċiż, b’tali mod li huwa biss jekk il-miżuri previsti f’ittra waħda ma jkunux jistgħu jiġu implimentati li tkun tista’ tintuża ittra oħra. Il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 24(2)(ċ) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ma jagħtix espressament lill-awtorità kompetenti ta’ ‘teħid lura’ d-dritt għall-irkupru jew id-disponiment tal-proprjetà inkwistjoni, din is-setgħa tista’ tirriżulta minn interpretazzjoni teleoloġika tal-għan tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. L-istess ikun jirriżulta wkoll minn interpretazzjoni konformi mal-Konvenzjoni ta’ Basilea.

30.

Mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu pożizzjoni dwar l-ewwel u t-tieni domandi, waqt is-seduta l-Parlament u l-Kunsill sostnew l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni. Dawk l-istituzzjonijiet iqisu li qari litterali waħdu tal-Artikolu 24(2), u b’mod partikolari tal-ittra (ċ) tiegħu, ikun jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni l-għan li l-obbligu ta’ teħid lura jipprova jiggarantixxi. Għaldaqstant, dawn il-partijiet spjegaw li, jekk jinqara kontra l-għan ta’ ġestjoni ambjentalment tajba tal-iskart, it-teħid lura ta’ skart ittrasportat illegalment minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 24(2)(ċ) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jimplika wkoll l-obbligu u d-dritt ta’ din l-awtorità li tirkupra u tarmi dan l-iskart.

31.

Jien naqbel.

32.

F’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni Ewropea skont il-Konvenzjoni ta’ Basilea, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa l-pożizzjoni li hemm riskju li l-ġestjoni ambjentalment tajba tal-iskart ma tistax tiġi żgurata jekk dan l-iskart jiġi esportat lejn ċerti pajjiżi terzi ( 20 ).

33.

L-obbligu ta’ teħid lura, li jinsab fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, huwa l-konsegwenza diretta ta’ din il-pożizzjoni awtomatika.

34.

Skont il-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, dan l-obbligu huwa “obbligatorju wkoll għal dik il-persuna li l-azzjoni tagħha tkun il-kawża ta’ vjeġġ illegali li tieħu lura l-iskart involut jew tagħmel arranġamenti alternattivi għall-irkupru jew għar-rimi tiegħu. Fin-nuqqas ta’ dan, l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ jew tad-destinazzjoni, skond il-każ, għandhom jintervjenu huma stess.”

35.

Kif essenzjalment spjegaw in-Naturvårdsverket, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-seduta, din l-idea hija riflessa fl-istruttura tal-Artikolu 24(2) kif ġej.

36.

Min-naħa l-waħda, l-ittri (a), (b) u (ċ) jikkonċernaw ir-ritorn tal-iskart lura lejn il-pajjiż tad-dispaċċ. Għaldaqstant, din il-parti tal-Artikolu 24(2) tirregola dawk is-sitwazzjonijiet li fihom l-iskart inkwistjoni jkun ħalla l-ġurisdizzjoni territorjali tal-awtorità kompetenti tad-dispaċċ ( 21 ). Dawn l-ittri jistipulaw l-ordni ġerarkika preċiża li biha jiġi eżerċitat dan l-obbligu – bl-awtorità kompetenti tad-dispaċċ taġixxi bħala “stop-gap” (awtorità temporanja) sabiex tiżgura r-ritorn ta’ dan l-iskart lejn il-pajjiż tad-dispaċċ ( 22 ).

37.

Min-naħa l-oħra, l-ittri (d) u (e) tal-Artikolu 24(2) jirregolaw dawk is-sitwazzjonijiet li fihom l-iskart inkwistjoni qatt ma telaq mill-pajjiż tad-dispaċċ, diġà wasal fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, jew jinsab f’pajjiż terz. Sabiex jiġi evitat, b’mod partikolari, kull moviment ulterjuri bla bżonn ta’ dawn il-vjeġġi, u b’hekk, probabbilment, jiġi enfasizzat l-għan li kwalunkwe vjeġġ ta’skart jiġi mnaqqas għall-minimu, l-iskart inkwistjoni għandu jiġi rkuprat jew mormi fil-pajjiż tad-dispaċċ, fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jew f’pajjiż terz ( 23 ).

38.

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, meta vjeġġ ta’ skart ikun telaq mill-pajjiż tad-dispaċċ u jinżamm fi tranżitu fi Stat Membru, huma għalhekk biss l-ittri (a), (b) u (ċ) tal-Artikolu 24(2) li japplikaw.

39.

Konsegwentement, l-ittri (d) u (e) ma japplikawx għaċ-ċirkustanzi fattwali ta’ din il-kawża.

40.

Għalhekk, fil-prinċipju, huwa n-notifikatur (de facto jew de jure) li huwa inkarigat b’li jieħu lura l-iskart inkwistjoni, skont l-Artikolu 24(2)(a) u (b).

41.

Kieku UQ u IC iddeċidew li jieħdu lura l-vjeġġi illegali tagħhom, kien japplika l-Artikolu 24(2)(b).

42.

Madankollu, kif jirriżulta mill-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju u mill-fajl nazzjonali, UQ u IC talbu espressament li n-Naturvårdsverket tirritorna l-iskart l-Isvezja, minħabba n-nuqqas ta’ għarfien u/jew riżorsi tagħhom biex jagħmlu dan huma stess.

43.

B’dan il-mod, UQ u IC rrifjutaw li jaġixxu bħala notifikaturi skont l-Artikolu 24(2)(b) ( 24 ).

44.

F’tali sitwazzjoni, u kif osservaw il-partijiet kollha li pparteċipaw fil-proċedura, hija n-Naturvårdsverket, bħala l-awtorità kompetenti, li hija mqiegħda, skont l-Artikolu 24(2)(ċ) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, taħt l-obbligu li tirritorna dan l-iskart ( 25 ).

45.

Wara li ddeċidiet li tieħu f’idejha l-obbligu ta’ teħid lura, u b’konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, in-Naturvårdsverket għalhekk ippreżentat notifika ta’ vjeġġ transkonfinali ta’ skart jew ta’ skart perikoluż li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart lill-awtoritajiet Belġjani u Ġermaniżi.

46.

X’inhi l-konsegwenza tal-fatt li din l-awtorità tassumi l-obbligu ta’ teħid lura?

47.

Fil-proċedura fl-ewwel istanza, il-Qorti tal-Artijiet u l-Ambjent qieset li l-obbligu ta’ teħid lura skont l-Artikolu 24(2)(ċ) ma kienx jinvolvi possibbiltà għal, jew obbligu fuq, l-awtorità kompetenti li tirkupra jew tarmi skart li jirriżulta minn vjeġġ illegali, minħabba n-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għal tali possibbiltà jew obbligu.

48.

Huwa ċertament minnu li l-ittri (a), (b) u (ċ) tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ma jgħidu xejn dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-obbligu ta’ teħid lura. L-ittri (d) u (e) biss jirreferu espressament għal vjeġġi illegali ta’ skart li jkun “alternattivament irkuprat jew mormi”.

49.

Madankollu, fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, tal-inqas, dan il-kliem jista’ jinqara b’żewġ modi. Min-naħa l-waħda, ir-referenza għal “alternattivament irkuprat jew mormi” tista’ tindika li l-irkupru u r-rimi jirriflettu alternattiva għat-teħid lura ta’ dan l-iskart. Min-naħa l-oħra, dan il-kliem jista’ jinftiehem li jfisser li l-irkupru u r-rimi għandhom dejjem isiru wara t-teħid lura, iżda jistgħu “alternattivament” iseħħu mingħajr it-teħid lura ta’ dawk it-tipi ta’ vjeġġi li għalihom it-teħid lura ma huwiex meħtieġ jew inkella huwa imprattikabbli.

50.

Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta t-tieni qari.

51.

Fl-ewwel lok, nosserva li, kif spjegat mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, l-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart għandu l-għan li jirrifletti, fid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li skart li jagħmel parti minn “traffiku illegali” li ma jistax jittieħed lura mill-esportatur, mill-ġeneratur jew mill-Istat esportatur għandu “jiġi ddisponut minnu [b’xi mod ieħor] skond id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni” ( 26 ). L-użu tal-kliem “jiġi ddisponut minnu [b’xi mod ieħor]”, b’mod partikolari jekk jinqara fid-dawl tal-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“eliminados de otro modo”) u dik Franċiża (“éliminés d’une autre manière”) ta’ din id-dispożizzjoni, jindika li l-obbligu ta’ teħid lura diġà jinvolvi l-obbligu ta’ rkupru jew ta’ rimi tal-iskart inkwistjoni, u li huwa biss meta din it-teħid lura inizjali ma jkunx jista’ jsir li l-iskart jista’ jiġi ddisponut “[b’xi mod ieħor]” minn persuna jew awtorità differenti.

52.

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 3 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, li jaqa’ taħt l-istess titolu bħall-Artikolu 24 tiegħu, jirriżulta li l-iskart għandu jiġi trasportat biss għall-finijiet tar-rimi jew tal-irkupru ( 27 ). Fi kliem ieħor, meta vjeġġ illegali jittieħed lura min-notifikatur, dik il-persuna hija preżunta li tiżgura l-irkupru u r-rimi tiegħu ( 28 ). L-ebda skop ieħor ma huwa previst f’dan it-titolu ( 29 ). Għaldaqstant, l-għan tal-obbligu ta’ teħid lura huwa li jikkoreġi n-natura illegali ta’ dan il-vjeġġ billi jerġa’ jiddaħħal fil-qafas tad-dritt tal-Unjoni intiż sabiex jiżgura l-irkupru u r-rimi tiegħu ( 30 ).

53.

Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ riferiment espliċitu fl-ittri (a), (b) u (ċ) tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart għall-ħtieġa li jiġi żgurat li l-iskart hekk meħud lura jiġi rkuprat jew mormi ma jimplikax in-nuqqas ta’ obbligu min-naħa tan-notifikatur jew l-awtorità kompetenti.

54.

Għall-kuntrarju: l-obbligu ta’ rkupru u ta’ rimi jirriżulta għax-xenarji kollha previsti mill-ittri (a), (b) u (ċ) tal-Artikolu 24(2) u huwa implikat fil-qafas stabbilit mir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart fl-intier tiegħu ( 31 ).

55.

Għall-finijiet ta’ din il-kawża, dan ifisser li, meta inkarigaw lil Naturvårdsverket biex tieħu lura l-vjeġġi inkwistjoni ( 32 ), UQ u IC tilfu l-possibbiltà li jirkupraw u jarmu dak l-iskart f’faċilità tat-trattament tal-iskart tal-għażla tagħhom.

56.

Kif spjega l-Parlament, il-kuntrarju jkun jinċentiva b’mod indebitu lill-operaturi ekonomiċi biex jippruvaw iwettqu vjeġġi illegali ta’ skart, jistennew ir-ritorn tagħhom minn awtorità kompetenti, jirkupraw l-iskart u jerġgħu jippruvaw jesportawh, f’kunflitt dirett mal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Basilea u tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ( 33 ).

57.

Għar-raġunijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi tal-qorti tar-rinviju fis-sens li:

“L-Artikolu 24(2)(c) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi l-obbligu, fuq l-awtorità kompetenti tal-pajjiż tad-dispaċċ, li tieħu lura vjeġġ illegali u li tirkupra u tarmi l-kontenut tal-iskart tiegħu.”

B.   Il-kwistjoni tal-validità

58.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment – jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, jekk is-setgħa mogħtija lill-awtorità kompetenti li tirkupra jew tarmi skart li jirriżulta minn vjeġġ illegali wara t-teħid lura, kif rifless fl-Artikolu 24(2)(ċ) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, hijiex kompatibbli mal-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà skont l-Artikolu 17 tal-Karta ( 34 ).

59.

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kollha jqisu li d-dritt għall-proprjetà, li jista’ jkun ristrett fl-interess ġenerali, ma jipprekludix limitazzjonijiet li huma intiżi li jilħqu l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent meta inkwistjoni jkun hemm vjeġġ illegali ta’ skart. Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet iqisu li r-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jilħaq bilanċ xieraq bejn id-dritt għall-proprjetà, min-naħa, u l-protezzjoni tal-ambjent, min-naħa l-oħra. Dan il-bilanċ jiġi rifless fl-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament billi l-ewwel dritt u responsabbiltà tal-irkupru u tar-rimi ta’ dan l-iskart jiġu attribwiti lid-detentur tiegħu, u biss sussegwentement lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

60.

Waqt is-seduta, in-Naturvårdsverket allinjat ruħha ma’ din il-pożizzjoni.

61.

Fl-ewwel lok, ma nqisx li l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tieħu lura vjeġġi illegali u li tirkupra jew tarmi l-iskart meħud lura jinvolvi trasferiment ta’ dritt ta’ proprjetà mingħand is-sid tal-iskart lill-awtorità kompetenti.

62.

L-Artikolu 24(2)(a) u (b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart l-ewwel u qabel kollox jinkariga lin-notifikant tal-vjeġġ illegali inkwistjoni bil-kompitu li jieħu lura dan l-iskart u li jirkupra u jarmi l-kontenut tiegħu. L-organizzatur tal-vjeġġ illegali jista’, iżda wkoll jista’ ma jkunx, is-sid tal-iskart.

63.

Meta din il-persuna ma twettaqx dan l-obbligu li tieħu lura jew ma titqiesx kapaċi tagħmel dan, l-Artikolu 24(2)(ċ) jassenja mill-ġdid dan l-obbligu ta’ rkupru u rimi lill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ.

64.

L-assenjazzjoni mill-ġdid tal-obbligu ta’ rkupru u ta’ rimi lill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ ma twassalx għal trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà.

65.

Għaldaqstant, id-drittijiet ta’ proprjetà eventwali fuq l-iskart inkwistjoni jibqgħu f’idejn il-proprjetarju tiegħu, li ma huwiex neċessarjament l-organizzatur tal-vjeġġ illegali.

66.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 24(2)(ċ) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ma jimponi l-ebda obbligi lil hinn minn dawk diġà imposti fuq in-notifikatur skont l-Artikolu 24(2)(a) u (b) tiegħu.

67.

Għalhekk, l-assenjazzjoni mill-ġdid ma għandhiex l-effett li tpoġġi limitazzjonijiet addizzjonali fuq id-dritt għall-proprjetà lil hinn minn dawk li, fi kwalunkwe każ, jirriżultaw mill-qafas stabbilit mir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

68.

Għall-finijiet ta’ din il-kawża, il-konklużjonijiet preċedenti jfissru li d-drittijiet ta’ proprjetà ta’ UQ u IC għall-kontenut tal-vjeġġ, jekk kienu jeżistu, ma ġewx affettwati mill-assenjazzjoni mill-ġdid tal-obbligu ta’ rkupru u ta’ rimi minn dawn il-persuni lin-Naturvårdsverket ( 35 ).

69.

Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li kien possibbli li jiġi sostnut li d-drittijiet ta’ proprjetà tal-proprjetarju tal-iskart kienu limitati minħabba li din il-persuna ma tistax tiddeċiedi liberament x’għandha tagħmel b’dan l-iskart – u minflok tista’ tarmih jew tirkuprah biss – din il-limitazzjoni ma tirriżultax mill-assenjazzjoni mill-ġdid tal-obbligu ta’ teħid lura lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 24(2)(ċ) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart: dan jirriżulta mit-trattament leġiżlattiv iktar ġenerali tal-iskart fl-Unjoni Ewropea ( 36 ).

70.

Għaldaqstant, din il-limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà hija bbażata fuq il-liġi u hija proporzjonata mal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, din id-domanda tmur lil hinn minn dak li din il-kawża titlob mill-Qorti tal-Ġustizzja.

71.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari fis-sens li:

Eżami tat-tielet domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 24(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1013/2006 fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta.

IV. Konklużjoni

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lis-Svea hovrätt, Mark- och miljööverdomstolen (il-Qorti tal-Appell ta’ Svea, il-Qorti tal-Appell tal-Artijiet u l-Ambjent, Stokkolma, l-Isvezja) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 24(2)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, għandu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi l-obbligu fuq l-awtorità kompetenti tal-pajjiż tad-dispaċċ li tieħu lura vjeġġ illegali u li tirkupra u tarmi l-kontenut tal-iskart tiegħu.

(2)

Eżami tat-tielet domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 24(2)(c) tar-Regolament Nru 1013/2006 fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Biex nuża t-terminu attribwit lill-eks President Kenjan Daniel arap Moi; ara Clapp, A., “The story you’ve been told about recycling is a lie”, The New York Times, 14 ta’ Frar 2025, disponibbli fuq: https://www.nytimes.com/2025/02/14/opinion/trash-recycling-global-waste-trade.html.

( 3 )

( 4 ) Ara l-Ispettorat tal-Ambjent tal-Bniedem u t-Trasport tal-Pajjiżi l-Baxxi, “Used vehicles exported to Africa - A study on the quality of used export vehicles”, Ottubru 2020, disponibbli fuq: https://www.ilent.nl/binaries/ilt/documenten/leefomgeving-en-wonen/stoffen-en-producten/chemische-stoffen-en-mengsels/rapporten/used-vehicles-exported-to-africa/Used+vehicles+exported+to+Africa.pdf (li jispjega li “l-vetturi li bħalissa huma esportati lejn l-Afrika jixbħu vetturi żarmati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huma qodma u normalment ikollhom ċertifikat perjodiku tal-affidabbiltà stradali invalidu. Ħafna drabi jkun hemm problemi bis-sistema tal-emissjonijiet […] u l-vetturi huma taħt l-istandard tal-emissjonijiet Euro 4/IV. Dan iwassal għal emissjonijiet għoljin ta’ materja partikolata […] u għal riskji għas-saħħa u għall-ambjent minħabba t-trattament mhux ikkontrollat tal-vetturi wara r-rimi”). Ara wkoll il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, “Used vehicles and the environment - A global overview of used light duty vehicles: Flow, scale and regulation”, disponibbli fuq: https://www.unep.org/resources/report/global-trade-used-vehicles-report (li jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet tal-vetturi użati mill-Unjoni Ewropea jintbagħtu lejn jew jispiċċaw fin-Niġerja).

( 5 ) Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46, u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61).

( 6 ) Ara l-Artikolu 36 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

( 7 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal‑1 ta’ Frar 1993 dwar it-tmien, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-movimenti barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Konvenzjoni ta’ Basilea) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2025, Conti 11. Container Schiffahrt II (C‑188/23, EU:C:2025:26, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, id-Deċiżjoni adottata mit-Tielet Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea, id-Deċiżjoni III/1, l-Emenda għall-Konvenzjoni ta’ Basilea (UNEP/CHW.3/35, 28 ta’ Novembru 1995) (iktar ’il quddiem l-“Emenda ta’ Projbizzjoni”).

( 9 ) Ara d-Deċiżjoni II/12, fir-Rapport tat-Tieni Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-kontroll tal-movimenti li jaqsmu l-fruntieri ta’ l-iskart ta’ riskju u d-disponiment minnhom (UNEP/CHW.2/30, 25 ta’ Marzu 1994), p. 1 (“filwaqt li tfakkar it-talba tal-Grupp ta’ 77 pajjiż fl-Ewwel Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea […] għall-projbizzjoni totali fuq l-esportazzjonijiet kollha ta’ skart perikoluż minn pajjiżi tal-OECD lejn pajjiżi mhux tal-OECD” [traduzzjoni mhux uffiċjali]).

( 10 ) Ara l-Emenda ta’ Projbizzjoni, p. 1.

( 11 ) Ara l-premessi 3 u 4 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2025, Conti 11. Container Schiffahrt II (C‑188/23, EU:C:2025:26, punt 46) (li jispjegaw li, permezz tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jiżgura li d-dritt tal-Unjoni jkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Basilea).

( 12 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

( 13 ) Ara l-premessa 7 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

( 14 ) Ara l-premessa 8 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

( 15 ) Ara l-premessa 20 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

( 16 ) L-Artikolu 34 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jistabbilixxi illi “L-esportazzjonijiet ta’ skart mill-Komunità destinati għar-rimi għandhom jiġu projbiti”, mentri l-Artikolu 36 tal-istess Regolament jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċertu skart “destinat għall-irkupru f’pajjiżi fejn ma tapplikax id-Deċiżjoni ta’ l-OECD […]”

( 17 ) Skont il-premessa 5 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, id-deċiżjoni rilevanti tal-OECD hija d-Deċiżjoni C(2001)107/Finali tal-Kunsill tal-OECD li tikkonċerna r-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/Finali dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru. Huwa paċifiku li l-Kamerun u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo huma fost il-pajjiżi li għalihom tapplika din id-deċiżjoni.

( 18 ) Ara l-punt 35(f) tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, li, b’mod partikolari, jikklassifika bħala “vjeġġ illegali” kwalunkwe vjeġġ ta’ skart li jitwettaq “kuntrarju għall-”Artikoli 34 u 36 ta’ dan ir-regolament. F’dan il-każ, għalija huwa ċar li hemm ukoll raġunijiet oħra għalfejn il-vjeġġi inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati illegali, fis-sens tal-punt 35(f) tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart. Għalhekk, il-punt 35(a) u (b) tal-Artikolu 2 jikkunsidraw kull vjeġġ ta’ “skart” li jsir mingħajr “notifika” lill-awtoritajiet kompetenti kollha involuti (ittra (a)) jew li jkun mingħajr il-“kunsens” tal-awtoritajiet kompetenti (ittra (b)) bħala vjeġġ illegali. Mill-proċess jirriżulta li l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma ġie ssodisfatt mir-rikorrenti fl-ewwel istanza f’dan il-każ.

( 19 ) Filwaqt li UQ u IC jikkontestaw li l-kontenut tal-kontejners jikkostitwixxi “skart” fis-sens tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, din il-kwistjoni ma hijiex inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeterminaha. Madankollu, għandi nenfasizza li l-kwistjoni ta’ kif għandha ssir distinzjoni bejn “skart” jew “skart perikoluż” u prodotti “mhux skart” qamet ukoll matul l-abbozzar tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, peress li xi pajjiżi ma kellhom l-ebda definizzjoni ta’ x’kien jikkostitwixxi “skart” għall-finijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dik il-konvenzjoni (ara l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, Grupp ta’ Ħidma Ad hoc ta’ Esperti legali u tekniċi b’mandat biex titħejja konvenzjoni globali dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż, laqgħa organizzattiva, (1987), l-ewwel abbozz tal-Konvenzjoni dwar il-Kontroll tal-Moviment barra l-konfini ta’ Skart Perikoluż, UNEP/WG. 180/2, p. 4). Preċiżament bil-għan li jiġi stabbilit standard minimu, mingħajr, madankollu, ma jillimita lill-firmatarji l-oħra milli jmorru lil hinn minn dan l-istandard, it-test finali ta’ din il-konvenzjoni jistabbilixxi qafas li jikklassifika “skart” jew “perikoluż” skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom jew id-dritt nazzjonali (ara l-Artikolu 1(1)(a) u (b) u l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Basilea). Għaldaqstant, jekk l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux ikollhom valur għal xi wħud iżda mhux għal oħrajn u b’hekk jistgħux jerġgħu jintużaw, jissewwew b’mod funzjonali, jew inkella jiġu kkummerċjalizzati fil-Kamerun u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, ta’ jekk l-oġġetti inkwistjoni humiex “skart” jew “skart perikoluż” fis-sens tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, l-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/640/KE tat‑22 ta’ Settembru 1997 fuq l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità, ta’ l-emenda għall-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment bejn il-fruntieri ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Konvenzjoni ta’ Basilea), kif stabbilit f’Deċiżjoni III/1 tal-Konferenza tal-Partijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 308), li jikkwota l-paragrafu 7a tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Basilea bħala “li jirrikonoxxi li l-movimenti li jaqsmu l-fruntieri ta’ l-iskart ta’ riskju, b’mod speċjali lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandhom riskju għoli li ma jikkostitwixxux ġestjoni ambjentalment tajba ta’ skart ta’ riskju kif meħtieġ minn din il-Konvenzjoni.”

( 21 ) Għaldaqstant, l-ittri (a), (b) u (ċ) tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jirriflettu, fi ħdan id-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li jinsab fl-Artikolu 9(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, li jeżiġi li l-Istat ta’ esportazzjoni jiżgura li tali skart jiġi “meħud lura mill-esportatur jew mill-ġeneratur jew, jekk meħtieġ, minnu nnifsu fl-Istat esportatur.”

( 22 ) Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-kwistjoni proċedurali dwar jekk huwiex “mhux prattikament possibbli”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, li persuna jew awtorità partikolari tirritorna l-iskart li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu hija kompletament sekondarja għall-obbligu sostantiv impost minn dan ir-regolament li jiġi żgurat, b’xi mod jew ieħor, ir-ritorn ta’ dak l-iskart lejn il-pajjiż tad-dispaċċ.

( 23 ) Din hija wkoll ir-raġuni għaliex it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jirrikjedi biss li tinħareġ notifika ġdida fil-każijiet li jaqgħu taħt l-ittri (a) sa (c) tiegħu.

( 24 ) Għal finijiet ta’ kompletezza, għandi nżid li l-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ma japplikax f’dan il-każ minħabba li UQ u IC qatt ma pprovdew notifika tal-vjeġġi illegali inkwistjoni.

( 25 ) F’konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, dik l-awtorità tista’ titlob lill-notifikatur l-ispejjeż assoċjati ma’ dak it-teħid lura. Madankollu, kif spjegat in-Naturvårdsverket waqt is-seduta, fid-dawl tal-ispejjeż involuti sabiex isir tali teħid lura u l-inkapaċità tal-persuni fiżiċi li jkopruhom, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet din l-ispiża fl-aħħar mill-aħħar titħallas biss mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ.

( 26 ) Ara l-Artikolu 9(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Basilea.

( 27 ) Ara l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart.

( 28 ) L-Artikolu 24(3)(b) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart jistipula li l-obbligu tal-irkupru jew tar-rimi ta’ vjeġġ illegali jaqa’, fil-każ ta’ vjeġġ li huwa r-responsabbiltà ta’ destinatarju, fuq dik il-persuna, l-ewwel u qabel kollox, u alternattivament biss fuq l-awtorità kompetenti nnifisha jew fuq persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isimha.

( 29 ) Huwa għalhekk, skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, kwalunkwe notifika ta’ teħid lura għandha tistipula, fil-forma riprodotta fl-Anness IA tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, liema trattament ser jgħaddi minnu l-iskart inkwistjoni u f’liema faċilità se ssir l-operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ rimi.

( 30 ) Ara wkoll l-Artikolu 22(8) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart, li jittratta l-kwistjoni ta’ meta jintemm l-obbligu li jittieħed lura jew li jsiru arranġamenti għall-irkupru u għar-rimi u li jipprovdi li “L-obbligu tan-notifikatur u l-obbligu sussidjarju tal-pajjiż tad-dispaċċ li jieħdu l-iskart lura jew jirranġaw għal irkupru jew rimi alternattiv għandu jintemm hekk kif l-impjant joħroġ iċ-ċertifikat ta’ l-irkupru jew tar-rimi mhux temporanju.”

( 31 ) Kif jispjegaw il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, din hija wkoll ir-raġuni għaliex l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2024/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 dwar vjeġġi ta’ skart, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L, 2024/1157, u rettifika fil-ĠU L, 2025/90042) issa jistabbilixxi b’mod ċar li t-teħid lura ta’ vjeġġ illegali jseħħ biss “sabiex isiru arranġamenti għar-rimi jew l-irkupru tiegħu.”

( 32 ) Sabiex inkun ċar, anki kieku UQ u IC ma kinux inkarigaw lin-Naturvårdsverket sabiex tieħu lura l-iskart inkwistjoni, u suġġett għall-konferma li dawn il-persuni ma kellhomx il-permessi meħtieġa sabiex jiżguraw l-irkupru u r-rimi tal-iskart b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, in-Naturvårdsverket kienet tkun obbligata, fi kwalunkwe każ, li tieħu lura, li tirkupra u li tarmi l-iskart inkwistjoni.

( 33 ) Bl-istess mod, fil-prattika, tali qari jkun jobbliga wkoll lil awtorità kompetenti li taħżen vjeġġi illegali meħuda lura, bir-riskju ta’ ħsara sinifikanti lill-ambjent. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1999, Lirussi u Bizzaro (C‑175/98 u C‑177/98, EU:C:1999:486, punt 53).

( 34 ) Filwaqt li d-domanda tal-qorti tar-rinviju hija magħmula wkoll b’riferiment għall-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ġustament jindikaw l-istituzzjonijiet, dan l-istrument ma jikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet miegħu, strument legali li ġie formalment inkorporat fid-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-eżami tal-legalità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandhom isiru fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punti 9899 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart ma jgħid assolutament xejn dwar jekk il-proprjetarju tal-vjeġġ ta’ skart inkwistjoni jistax jitlob kwalunkwe valur pożittiv li jista’ jibqa’ wara l-irkupru u r-rimi tiegħu, u għalhekk ma jipprekludix din il-possibbiltà, UQ u IC żammew id-dritt li jitolbu lura kwalunkwe parti “moħlija” tal-vjeġġi illegali inkwistjoni, u għalhekk dak li fadal mill-proprjetà tagħhom wara l-irkupru u r-rimi.

( 36 ) Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), skont liema l-iskart huwa fl-aħħar mill-aħħar destinat għall-irkupru jew għar-rimi. Kif tispjega l-premessa 31 ta’ din id-direttiva, “Il-ġerarkija ta’ l-iskart ġeneralment tistabbilixxi ordni ta’ prijorità ta’ x’inhi li tikkostitwixxi l-aqwa għażla ambjentali ġenerali fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-iskart.”