Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

mogħtija fl‑4 ta’ Settembru 2025 (1)

Kawża C147/24 [Safi] (i)

V

v

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Ċittadin minuri statiku tal-Unjoni dipendenti fuq ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz – Dritt ta’ residenza dderivat tal-ġenitur – Ġenitur li għandu dritt ta’ residenza fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità u tar-residenza tal-minuri – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu illegalment – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għall-ħajja privata u tal-familja – Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta – L-aħjar interessi tal-wild”






I.      Introduzzjoni

1.        Meta jista’ ċittadin tal-Unjoni jinvoka l-frażi “Civis Europæus sum” kontra l-Istat Membru tiegħu stess? (2)

2.        Din il-kawża tikkonċerna minuri ta’ nazzjonalità Olandiża li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu bbażat fuq l-Unjoni ta’ moviment liberu sabiex jitlaq mill-Istat Membru tiegħu u li jista’ jiġi mġiegħel mill-awtoritajiet Olandiżi jitlaq minn dan l-Istat Membru u jmur fi Spanja.

3.        L-awtoritajiet Olandiżi kompetenti rrifjutaw li jagħtu lill-omm ta’ dan il-minuri, ċittadina ta’ pajjiż terz (iktar ’il quddiem “ĊPT”), dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, abbażi tad-dritt tal-ġenitur ĊPT li jirrisjedi fi Spanja. Għalhekk, l-awtoritajiet qiesu li l-Artikolu 20 TFUE ma kienx japplika għaliex iċ-ċaħda li jingħata dritt ta’ residenza ma jkollux il-konsegwenza li jobbliga liċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni (wild iċ-ĊPT) jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, iżda biss mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

4.        L‑Artikolu 20 TFUE jagħti dritt ta’ residenza dderivat f’tali ċirkustanzi?

5.        Sabiex tingħata risposta, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha teżamina mill-ġdid il-linja ġurisprudenzjali tas-sentenza Ruiz Zambrano (3).

II.    Il-kuntest, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6.        V hija ĊPT, li tgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi mal-wild minuri tagħha, li huwa ta’ nazzjonalità Olandiża, u l-konjuġi tagħha, li għandu nazzjonalità doppja (dik tal-Pajjiżi l-Baxxi u dik ta’ pajjiż terz).

7.        Il-wild twieled fil-Pajjiżi l-Baxxi u qatt ma telaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Għalhekk huwa ċittadin statiku tal-Unjoni. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan il-wild għandu diffikultajiet ta’ espressjoni u ta’ lingwa, li għalihom huwa jibbenefika minn tagħlim speċjali u jibbenefika mit-trasport organizzat lejn u minn dan l-istabbiliment ta’ tagħlim speċjali.

8.        Il-konjuġi ta’ V għandu kundizzjoni medika u jirċievi benefiċċji soċjali.

9.        V ilha tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi mill‑2014, mingħajr permess ta’ residenza validu, u qatt ma kellha problemi mal-ġustizzja.

10.      Fit‑13 ta’ Novembru 2020, V applikat għal dokument UE/ŻEE li jiċċertifika d-dritt ta’ residenza dderivat tagħha abbażi tal-Artikolu 20 TFUE.

11.      L-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) ċaħad it-talba ta’ V fil‑11 ta’ Novembru 2021. Huwa qies li hija ma tibbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat abbażi tal-Artikolu 20 TFUE, peress li l-wild minuri dipendenti tagħha ma jkunx obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, iżda jkun jista’ jingħaqad magħha fi Spanja, fejn hija tibbenefika minn dritt ta’ residenza.

12.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li V, li kienet tirrisjedi fi Spanja bejn is-sena 1999 u s-sena 2014, għadha detentriċi ta’ permess ta’ residenza validu f’dan l-Istat Membru.

13.      Wara li ċaħad it-talba tagħha kif ibbażata fuq l-Artikolu 20 TFUE, is-Segretarju tal-Istat eżamina ex officio id-dritt tagħha skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li jipproteġi l-ħajja privata u tal-familja. Ikkunsidra li hija lanqas ma tibbenefika minn dritt ta’ residenza fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni. Minkejja li kkonstata l-eżistenza ta’ ħajja privata u tal-familja fil-Pajjiżi l-Baxxi, ikkunsidra li l-interessi tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-qasam tal-immigrazzjoni kienu jipprevalu fuq l-interessi personali tar-rikorrenti u tal-familja tagħha.

14.      Ir-rifjut ta’ rikonoxximent lil V tad-dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi kellu bħala konsegwenza li hija kienet tinsab f’residenza irregolari fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Konsegwentement, fuq il-bażi tad-Direttiva 2008/115/KE (4) is-Segretarju tal-Istat ordna lil V tirritorna immedjatament fi Spanja (5). In-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni kien iwassal għall-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn kontra V.

15.      V ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni li is-Segretarju tal-Istat ċaħad bħala manifestament infondat fl‑20 ta’ Ġunju 2022.

16.      Fl-istess jum, V ippreżentat appell minn din iċ-ċaħda quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju.

17.      Din il-qorti tistaqsi jekk il-fatt li V hija detentriċi ta’ dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor (Spanja) huwiex bażi suffiċjenti sabiex jiġi miċħud dritt ta’ residenza dderivat, minkejja l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejnha u l-wild minuri tagħha (6). Għalkemm ir-rilokazzjoni fi Spanja tfisser li hija stess u l-wild minuri ma jkunux imġiegħla jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, il-wild xorta waħda jkun obbligat jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi, b’tali mod li effettivament jiġi mġiegħel jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll f’liema mument għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja waqt l-eżami tal-applikazzjonijiet għal dritt ta’ residenza dderivat.

18.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu skont l-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva 2008/115 li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja tiegħu japplikax ukoll meta ĊPT ikun imġiegħel imur immedjatament fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, meta mqabbel ma’ deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva (7).

19.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest ta’ proċedura sommarja, issospendiet l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tkun lesta tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex eskluż li ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu jingħata dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru fejn il-wild minuri tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u fejn il-wild tiegħu jirrisjedi mingħajr ma eżerċita d-drittijiet marbuta man-nazzjonalità tiegħu, minkejja li dan il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor?

Jekk ma huwiex eskluż li ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu jingħata dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru fejn il-wild minuri tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u fejn il-wild tiegħu jirrisjedi mingħajr ma eżerċita d-drittijiet marbuta man-nazzjonalità tiegħu, minkejja li dan il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor:

(2)      L-Artikolu 20 TFUE jimponi, fid-dawl tal-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, meta tkun teżisti relazzjoni ta’ dipendenza li tkun tiġġustifika l-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat abbażi tal-imsemmi Artikolu 20 TFUE, obbligu fuq l-awtorità kompetenti li tiżgura li l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu u ta’ residenza jkun fl-interess superjuri tal-wild u li l-eżerċizzju tal-ħajja tal-familja jkun jista’ jkompli, qabel ma l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi ordnat jippreżenta ruħu immedjatament fl-Istat Membru li fih dan il-ġenitur għandu permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni ta’ residenza oħra u dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-eżami tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza derivat?”

21.      Inżammet seduta fil‑25 ta’ Marzu 2025 li matulha V, il-Gvern Olandiż u dak Daniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

III. Analiżi

22.      L-Artikolu 20 TFUE jagħti dritt ta’ residenza dderivat lil ĊPT meta jkun neċessarju li jiġu protetti d-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza taċ-ċittadini tal-Istati Membri (8).

23.      F’din il-kawża, l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti kkunsidraw li ma kienx neċessarju li jiġi rrikonoxxut dritt ta’ residenza dderivat fir-rigward ta’ V sabiex jiġu protetti d-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni tal-wild minuri tagħha. Ir-raġuni prinċipali għal din id-deċiżjoni kienet il-fatt li V kellha dritt ta’ residenza fi Spanja. Dan kien ifisser li, anki jekk il-wild minuri tagħha kellu wkoll jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi minħabba d-dipendenza tiegħu fuq V (9), huwa ma jkunx imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu. L-awtorità deċiżjonali qieset li l-familja setgħet tistabbilixxi ruħha fi Spanja, u għaldaqstant l-Artikolu 20 TFUE ma kienx japplika.

24.      Wara li ddeċidiet li V ma kellha l-ebda dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, la fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, jew fuq bażi oħra, l-awtorità kompetenti ordnatilha tmur minnufih fi Spanja. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ġenitur ĊPT jistax jinvoka l-Artikolu 20 TFUE sabiex jingħata dritt ta’ residenza dderivat biss meta ċittadin tal-Unjoni minuri dipendenti statiku jkun bilfors imġiegħel jitlaq mit-territorju kollu tal-Unjoni jew jekk jeżistux sitwazzjonijiet oħra li fihom l-Artikolu 20 TFUE huwa applikabbli.

26.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE jimponix fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-obbligu li jevalwaw jekk il-fatt li ġenitur ĊPT jiġi ordnat imur fi Stat Membru ieħor huwiex konformi mal-aħjar interessi tal-wild u jekk il-ħajja privata u tal-familja tal-persuni kkonċernati tkunx tista’ titkompla f’dan l-Istat Membru l-ieħor, qabel ma ssir tali ordni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk dawn id-drittijiet fundamentali għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi deċiż jekk ikunx hemm lok li ġenitur ĊPT jingħata dritt ta’ residenza dderivat.

27.      Għalkemm ir-risposti għal dawn iż-żewġ domandi huma marbuta mill-qrib, madankollu ser nanalizzahom separatament, peress li t-tieni domanda ssir biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda.

28.      Ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li, bħala risposta għall-ewwel domanda, tinterpreta l-Artikolu 20 TFUE bħala applikabbli, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ċittadin minuri tal-Unjoni u l-ġenituri ĊPT tiegħu jkunux jistgħu jmorru fi Stat Membru ieħor jew le, fejn dan il-ġenitur ĊPT għandu dritt ta’ residenza.

29.      F’dan ir-rigward, ser insostni li l-essenzjal tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni protetti mill-Artikolu 20 TFUE tinkludi d-dritt tal-Unjoni li wieħed ma jiċċaqlaqx (A.2). Peress li din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ruiz Zambrano u l-ġurisprudenza li segwiet, l-analiżi tiegħi ser tibda billi nirrevedi din is-sentenza u n-nisel tagħha (A.1). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix ir-risposta proposta minni taħt A.2, ser nipproponi analiżi alternattiva, li tissuġġerixxi li l-awtorità deċiżjonali kompetenti għandha tivverifika jekk ir-rilokazzjoni ta’ familja sħiħa lejn Stat Membru ieħor hijiex effettivament possibbli skont id-dritt tal-Unjoni (A.3).

30.      B’risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, ser nispjega l-ġurisprudenza Ruiz Zambrano, li turi li din il-ġurisprudenza teżiġi li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja meta jevalwaw jekk il-livell ta’ dipendenza bejn ċittadin tal-Unjoni u ĊPT huwiex tali li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel jakkumpanja lill-ġenitur ĊPT tiegħu meta dan il-ġenitur ikun imġiegħel jitlaq mill-Istat Membru li fih iċ-ċittadin minuri tal-Unjoni dipendenti jkollu n-nazzjonalità. Jekk l-awtorità deċiżjonali tikkonstata li d-dipendenza hija tali li japplika l-Artikolu 20 TFUE, hija għandha tagħti dritt ta’ residenza dderivat sabiex tipproteġi d-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li ma jiċċaqlaqx, anki lejn Stat Membru ieħor (B).

31.      Imbagħad ser napplika r-raġunament propost għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża (C).

A.      L-ewwel domanda

32.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dritt ta’ residenza dderivat jistax jinħoloq skont l-Artikolu 20 TFUE biss jekk, inkella, iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu.

33.      Il-bażi għal din id-domanda tirriżulta mill-formula standard żviluppata fil-ġurisprudenza li segwiet is-sentenza Ruiz Zambrano. Il-kliem ta’ din il-formula huwa s-segwenti: “jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil [ĊPT], membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus” (10)

34.      Mal-ewwel qari, din il-formulazzjoni tidher li ssostni l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Olandiżi li l-Artikolu 20 TFUE jagħti dritt ta’ residenza dderivat lil ĊPT biss meta ċittadin minuri tal-Unjoni inkella jkun mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu.

35.      Madankollu, qari iktar bir-reqqa ta’ din il-ġurisprudenza juri li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li tissuġġerixxi li l-fatt li wieħed jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu huwa l-unika ipoteżi li fiha l-Artikolu 20 TFUE jista’ jiġi applikat sabiex jagħti dritt ta’ residenza dderivat lill-ġenitur ĊPT ta’ ċittadin tal-Unjoni. Ser insostni li, minbarra l-protezzjoni tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ residenza fl-Unjoni Ewropea, li kien inkwistjoni fil-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 20 TFUE jipproteġi wkoll id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jagħżlu li ma jiċċaqilqux. Dan l-aħħar dritt huwa inkluż fid-dritt “ta’ moviment liberu d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”, kif mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 20(2)(a) u mill-Artikolu 21(1) TFUE, u li ser nirreferi għalih bħala “id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera”.

1.      Is-sentenza Ruiz Zambrano u n-nisel tagħha

36.      Il-fatti li wasslu għas-sentenza Ruiz Zambrano huma magħrufa sew. Missier Kolombjan ta’ żewġt itfal Belġjani li qatt ma kienu telqu minn dan l-Istat Membru qagħad fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ta’ wliedu, billi invoka l-Artikolu 20 TFUE, insostenn tat-talba tiegħu intiża sabiex jikseb dritt ta’ residenza dderivat u permess ta’ xogħol fil-Belġju (11). Is-sitwazzjoni f’din il-kawża kienet, sabiex jintuża l-vokabularju tad-dritt tas-suq intern, sitwazzjoni interna.

37.      Qabel is-sentenza Ruiz Zambrano, id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera, l-iktar dritt ta’ ċittadinanza prominenti, ġie applikat biss f’sitwazzjonijiet ta’ moviment transkonfinali (12). Probabbilment dan kien il-każ minħabba li dan id-dritt għandu l-oriġini tiegħu fis-suq intern (13). Għalhekk, ċittadin ta’ Stat Membru ma setax jinvoka l-Artikolu 20 TFUE sabiex jiġi protett kontra miżuri meħuda mill-Istat Membru tiegħu, meta huwa qatt ma jkun telaq minn dan l-Istat sabiex jaħdem, jipprovdi servizzi, jistudja jew jirrisjedi fi Stat Membru ieħor.

38.      Dan inbidel bis-sentenza Ruiz Zambrano (14), li waslet għall-ħelsien tal-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni mir-rekwiżit ta’ moviment transkonfinali (15).

39.      Minkejja n-nuqqas ta’ moviment transkonfinali f’din il-kawża mit-tfal Ruiz Zambrano, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE kien applikabbli. Hija ddeċidiet li din id-dispożizzjoni setgħet tiġi invokata sabiex tipprekludi miżuri nazzjonali “li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni” (16).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja la pprovdiet definizzjoni ġenerali u lanqas spjegazzjoni dwar x’jista’ jikkostitwixxi ċaħda tat-tgawdija effettiva ta’ drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza, jew fuq l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Hija sempliċiment spjegat li l-aħwa Ruiz Zambrano kienu jiġu mċaħħda mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet ċivili tagħhom li kieku missierhom ma kienx kiseb id-dritt li jirrisjedi u li jaħdem fil-Belġju, peress li, kieku dawn id-drittijiet ma kinux ingħataw, l-ulied Ruiz Zambrano kienu jkunu mġiegħla jitilqu mit-territorju tal-Unjoni ma’ missierhom (17).

41.      Fis-sentenza Ruiz Zambrano, il-konsegwenza potenzjali tal-obbligu għal dawn it-tfal li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kollu rriżultat minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ. Fil-fehma tiegħi, din is-sentenza ma tistax għalhekk tinqara bħallikieku l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dawn iċ-ċirkustanzi kienu l-uniċi kundizzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni seta’ jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet ċivili tiegħu.

42.      Madankollu, is-sentenzi li ġew wara, li bdew bis-sentenzi McCarthy (18) u Dereci (19), bdew jassoċjaw it-“tgawdija effettiva” mal-fatt li ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, bl-użu ta’ dan il-kriterju bħala bażi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE fl-ewwel każ, jew tal-Artikolu 20 TFUE fit-tieni każ. Għalhekk, il-fatt li wieħed jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu beda jinftiehem bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE. Din tidher ukoll li hija l-fehma tal-awtoritajiet kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi f’din il-kawża.

43.      Uħud mill-kawżi li ġew wara, li kienu jikkonċernaw ukoll dritt idderivat ta’ residenza, tnisslu minn ċirkustanzi li fihom, bħas-sitwazzjoni tas-sentenza Ruiz Zambrano, ċittadini minuri tal-Unjoni kienu jkunu mġiegħla jmorru f’pajjiż terz li kieku ċ-ĊPT, li kienu jiddependu fuqu, ġie miċħud permess ta’ residenza (20). Madankollu, anki f’każijiet b’ċirkustanzi differenti, fejn ma kien hemm l-ebda riskju ta’ ċittadin tal-Unjoni meħtieġ li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tuża l-istess formola bħal dik ta’ ġurisprudenza preċedenti li tassoċja t-“tgawdija effettiva” mal-possibbiltà li ċittadin tal-Unjoni jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu (21).

44.      Fl-aħħar nett, fi tliet kawżi, invokati mill-Gvern Olandiż f’din il-kawża – is-sentenzi Alokpa (22), M.D. (23) u Rendón Marín (24) – il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tissuġġerixxi li l-Artikolu 20 TFUE ma jagħtix dritt ta’ residenza dderivat lil ĊPT meta ċittadini tal-Unjoni jibqgħu fit-territorju tal-Unjoni, iżda madankollu jkunu mġiegħla jirrilokaw għal Stat Membru ieħor.  

45.      Dawn it-tliet kawżi jistgħu jiġu distinti minn din il-kawża b’żewġ modi; l-ewwel, fuq il-bażi tal-fatti partikolari tagħhom (25) u t-tieni – u b’mod iktar sinjifikattiv – fuq id-differenzi fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali. Minħabba dipendenza tat-triq segwita fid-djalogu ġudizzjarju bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-domandi ġew ifformulati b’tali mod li ħtieġu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawżi fil-kuntest tad-dritt ta’ residenza ġewwa t-territorju tal-Unjoni, dawn il-kuntesti huma differenti minn din il-kawża (26).

46.      B’differenza minn dawn il-kawżi, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk iċ-ċaħda tad-dritt ta’ residenza fit-territorju kollu tal-Unjoni hijiex tabilħaqq l-uniku kuntest li fih persuna ma tistax effettivament tgawdi d-drittijiet ta’ ċittadinanza tal-Unjoni tagħha.

47.      Għalhekk, kuntrarjament għal dawn il-kawżi preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna direttament f’din il-kawża sabiex tirrispondi għad-domanda dwar jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni humiex protetti taħt l-Artikolu 20 TFUE biss meta altrimenti jkunu mġiegħla jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu. Din il-kawża b’hekk toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità tiċċara iktar l-“essenzjal” tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza, li t-tgawdija effettiva tagħhom hija protetta mill-Artikolu 20 TFUE.

48.      Fil-qosor, fil-kawżi kollha sussegwenti għas-sentenza Ruiz Zambrano, l-Artikolu 20 TFUE ġie interpretat bħala applikabbli meta ċittadin tal-Unjoni jkun ġie mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea kollu kemm hu (27), li ġie interpretat bħala li jċaħħad lil dan iċ-ċittadin mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet ċivili tiegħu.

49.      Madankollu, jidhirli li huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma elaborat dwar kif l-għajxien f’pajjiż terz effettivament iċaħħad liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija tad-drittijiet tagħhom marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u liema drittijiet huma inkwistjoni. Fil-kuntest tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 TFUE – “id-dritt [ta’ ċittadin] li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament” — id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor fil-fehma tiegħi, ma jkunx affettwat jekk ċittadin tal-Unjoni jgħix f’pajjiż terz. Dan għaliex, anki jekk huwa jgħix f’pajjiż terz, ċittadin tal-Unjoni jista’ dejjem jiddeċiedi li jidħol u jirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, taħt l-istess kundizzjonijiet bħallikieku huwa jista’ jiddeċiedi li jipproċedi għal tali ċaqliq mill-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (28). Dawn il-kundizzjonijiet huma rregolati mid-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza (29).

50.      Jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni li jmur fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu jkun minuri, jista’ jkun neċessarju li l-membru tal-familja tiegħu ĊPT, li fuqu jiddependi, jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat. Skont id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, tali dritt idderivat jista’ jingħata jekk wild ċittadin tal-Unjoni jmur lejn Stat Membru ieħor u jkollu biżżejjed riżorsi għall-manteniment tiegħu f’dak l-Istat Membru, iżda ma jkunx jista’ jirrisjedi fih mingħajr iċ-ĊPT li jiddependi fuqu (30). L-istess japplika jekk iċ-ċittadin minuri tal-Unjoni jmur fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu minn pajjiż terz. Madankollu, jekk iċ-ċittadin minuri tal-Unjoni jirrisjedi f’pajjiż terz u jiddeċiedi li jmur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza ma tapplikax. Minflok, huwa l-Artikolu 20 TFUE li japplika għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lill-ġenitur ĊPT tiegħu, li fuqu jiddependi dan iċ-ċittadin minuri tal-Unjoni (31).

51.      Il-prevenzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni milli jiġi mġiegħel jiċċaqlaq lejn pajjiż terz għalhekk ma tipproteġix id-dritt tiegħu bbażat fuq iċ-ċittadinanza li jiċċaqlaq lejn jew jirrisjedi fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, peress li dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat ukoll minn dak il-pajjiż terz. Madankollu, il-prevenzjoni ta’ tkeċċija de facto ta’ ċittadin tal-Unjoni mit-territorju tal-Unjoni tiggarantixxi lil dan iċ-ċittadin il-possibbiltà li jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni, li hija espressjoni waħda tad-“dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera” (32).

52.      Madankollu, il-fatt li fis-sentenza Ruiz Zambrano, u kawżi oħra sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja pproteġiet id-dritt ta’ residenza fl-Unjoni ma jissuġġerixxix, fih innifsu, li dan huwa l-uniku dritt ta’ ċittadinanza ta’ ċittadin statiku tal-Unjoni li jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

53.      Pjuttost, fil-punt 42 tas-sentenza Ruiz Zambrano, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni”. Għalhekk, kienet iċ-ċaħda tat-tgawdija tad-drittijiet taċ-ċittadinanza li skattat l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE. Fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li ċ-ċaħda ta’ permess ta’ residenza u ta’ xogħol lil ġenitur ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri jwassal għall-ħtieġa li dawn l-ulied jitilqu wkoll mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanjaw lill-ġenitur tagħhom. Dan ġie kkunsidrat bħala li jċaħħadhom mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet ċivili tagħhom, iżda mhux bħala l-unika sitwazzjoni li fiha tali ċaħda tista’ sseħħ.

54.      Fit-taqsima li jmiss, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 20 TFUE bħala li jinkludi d-dritt li wieħed jagħżel li ma jiċċaqlaqx fl-essenzjal tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li t-tgawdija effettiva tagħhom huma protetti minn dan l-artikolu.

2.      Id-dritt li wieħed ma jiċċaqlaqx bħala element tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera

55.      Il-formulazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, l-iżvilupp tal-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni sal-lum kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja juru li l-essenzjal tad-dritt taċ-ċittadinanza ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera ma jikkonsistix biss fid-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu.

56.      Ser insostni li l-essenzjal tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jinkludi wkoll id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jagħżlu li ma jiċċaqalqux.

57.      Fl-ewwel lok, fil-formulazzjoni tagħhom, l-Artikoli 20 u 21 TFUE jiggarantixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni mhux biss id-dritt ta’ residenza, iżda wkoll id-dritt ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni.

58.      Dan id-dritt ta’ moviment huwa dritt u mhux obbligu. Dan id-dritt għandu għalhekk jimplika dritt li wieħed ma jiċċaqlaqx.

59.      Barra minn hekk, bl-użu tal-avverbju liberament, it-test tat-Trattat jissuġġerixxi li għandu jkun hemm libertà li wieħed jiċċaqlaq, li neċessarjament jimplika għażla dwar jekk jiġix eżerċitat jew le dan id-dritt (33).

60.      Fit-tieni lok, l-għażla taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandhom in-nazzjonalità hija protetta mid-dritt tal-Unjoni, li jipprojbixxi, bħala prinċipju, it-tkeċċija tagħhom. It-tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni hija awtorizzata biss jekk dan ikun neċessarju għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika (34), ġustifikazzjonijiet li huma stess għandhom jiġu interpretati b’mod strett (35).

61.      Ma hemm l-ebda raġuni sabiex iċ-ċittadini statiċi tal-Unjoni li jistgħu jinvokaw l-Artikolu 20 TFUE jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli miċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni, f’sitwazzjoni fejn ċittadin statiku tal-Unjoni jkun de facto mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru tiegħu stess, l-istatus ta’ ċittadin tiegħu jipproteġi l-għażla ta’ dan iċ-ċittadin li jibqa’, bl-istess mod bħal tali għażla magħmula minn ċittadin mobbli tal-Unjoni.

62.      Bla dubju, iċ-ċittadini statiċi tal-Unjoni huma protetti kontra t-tkeċċija mill-Istat Membru tagħhom stess bid-dritt internazzjonali, inkluż l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-KEDB (36).

63.      Billi jiggarantixxi d-dritt li wieħed ma jiċċaqlaqx lil ċittadin statiku tal-Unjoni, l-Artikolu 20 TFUE jipproteġi lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni minn tkeċċija de facto, u b’hekk jiġi ggarantit id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità.

64.      Fit-tielet lok, il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni ma jeżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ moviment (37). Għalkemm l-Artikolu 20 TFUE jagħti l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni liċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri, maġġoranza kbira għażlet li ma tiċċaqlaqx (38). Madankollu, dan ma jfissirx li huma ma humiex ċittadini tal-Unjoni (39).

65.      L-istatus ta’ ċittadinanza tagħhom jeħtieġ ukoll protezzjoni legali.

66.      Fir-raba’ lok, jekk l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, status fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha (40) il-maġġoranza statika taċ-ċittadini tal-Unjoni ma tistax tiġi eskluża mid-drittijiet relatati ma’ dan l-istatus. Wara kollox, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni diffiċilment jista’ jiġi kklassifikat bħala fundamentali jekk ikun rilevanti biss għal minoranza ta’ ċittadini tal-Istati Membri li għażlu li jiċċaqilqu (41).

67.      Fil-ħames lok, għalkemm ir-raġuni ewlenija għall-protezzjoni tad-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja hija li jiġi ggarantit li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu f’pożizzjoni li jgawdu d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-individwi li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni (42), dan l-istess benefiċċju huwa żgurat billi jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ ċittadin li ma jiċċaqlaqx mill-Istat Membru ta’ residenza tiegħu u tan-nazzjonalità tiegħu.

68.      Il-maġġoranza tad-drittijiet maħluqa mid-dritt sekondarju tal-Unjoni għall-individwi ma jiddependux mill-moviment tagħhom lejn Stat Membru ieħor.

69.      Fl-aħħar nett, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta l-essenzjal tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni b’tali mod li dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt li wieħed ma jiċċaqlaqx, tali interpretazzjoni timplika estensjoni unilaterali tal-kunċett ta’ ċittadinanza? Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni.

70.      Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni kienu diġà bbenefikaw minn drittijiet ta’ moviment, li jirriżultaw mis-suq intern, qabel l-introduzzjoni tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Dawn id-drittijiet kienu jikkonċernaw ċittadini mobbli ekonomikament attivi (ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li qed ifittxu x-xogħol u studenti) u inkludew id-drittijiet idderivati għal xi wħud mill-membri tal-familja tagħhom. Id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera bħala element tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, introdott fit-Trattati f’fażi ġdida tal-proċess ta’ integrazzjoni fl-Unjoni, għandu jkollu tifsira u sinjifikat addizzjonali. Huwa ċar mill-għażla tal-kliem – “ċittadinanza tal-Unjoni” – li dan il-kunċett għandu l-għan li joħloq rabtiet addizzjonali għaċ-ċittadini tal-Istati Membri; rabta li ma hijiex ibbażata biss fuq il-loġika ekonomika tas-suq, iżda li torbot liċ-ċittadini tal-Istati Membri ma’ soċjetà Ewropea usa’ bbażata fuq valuri komuni (43), mingħajr ma jiġu mċaħħda mill-identità nazzjonali tagħhom (44). Din ir-rabta teżisti indipendentement mill-fatt li ċittadin tal-Unjoni jiċċaqlaq minn jew jirrisjedi fl-Istat Membru tiegħu.

71.      Għaldaqstant, anki jekk il-possibbiltà li wieħed imur fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi parti importanti taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, dan l-istatus għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti mhux biss drittijiet lill-persuni li jagħżlu li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, iżda għandu wkoll jipproteġi lil dawk li jiddeċiedu li ma jagħmlux dan.

72.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nqis li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jipproteġi d-dritt li wieħed ma jiċċaqlaqx. Sabiex jiġi protett dan id-dritt, ftit jimporta li ċittadin ikun imġiegħel imur lejn pajjiż terz jew lejn Stat Membru ieħor. Fiż-żewġ xenarji, iċ-ċittadini tal-Unjoni jirriskjaw li jiġu mċaħħda mil-libertà li jagħżlu li ma jiċċaqalqux, u b’hekk dan jinterferixxi mal-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fiż-żewġ każijiet, tali riskju jista’ għalhekk jagħti lok għal dritt ta’ residenza dderivat ta’ ĊPT li fuqu jiddependi ċ-ċittadin tal-Unjoni.

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix li ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru fejn il-wild minuri statiku tiegħu għandu n-nazzjonalità, filwaqt li dan il-ġenitur għandu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Id-dritt mogħti miċ-ċittadinanza tal-Unjoni ta’ “moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri” jinkludi d-dritt li wieħed jagħżel li ma jiċċaqlaqx, u b’hekk hu irrilevanti jekk ċittadin tal-Unjoni huwiex imġiegħel imur f’pajjiż terz jew fi Stat Membru ieħor.

3.      Fl-alternattiva

74.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 20 TFUE japplika biss jekk ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, huwa madankollu neċessarju li awtorità deċiżjonali tivverifika jekk dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jistax effettivament jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ permess ta’ residenza validu fi Stat Membru ieħor.

75.      Anki jekk V għandha dritt ta’ residenza fi Spanja (45) dan ma jsolvix il-kwistjoni dwar jekk it-totalità tal-familja, jiġifieri l-wild minuri tagħha u żewġha, jistgħux ukoll jingħaqdu magħha f’dan l-Istat Membru.

76.      L-awtoritajiet Olandiżi jidhru li bbażaw l-evalwazzjoni tagħhom biss fuq l-ipoteżi li l-konjuġi ta’ V u binhom huma t-tnejn ċittadini tal-Unjoni, mingħajr ma pproċedew għall-verifika konkreta li huma jistgħu effettivament jirrisjedu legalment fi Spanja.

77.      Il-possibbiltà ta’ rilokazzjoni tal-familja kollha ma tistax tiġi sempliċement preżunta. Konsegwentement, qabel ma ċaħdu l-għoti tal-permess ta’ residenza lil V u ordnawlha tmur Spanja, l-awtoritajiet Olandiżi kellhom l-obbligu li jivverifikaw għalihom innifishom li r-rilokazzjoni tal-familja kienet legalment possibbli.

78.      Jekk dan ma kienx il-każ, V, affaċċjata bl-ordni biex titlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi, ikollha tirritorna mal-wild tagħha fil-pajjiż terz ta’ oriġini tagħha. Minħabba d-dipendenza tiegħu fuq ommu, li ma ġiet ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, il-wild ta’ V, ċittadin tal-Unjoni, ikun għalhekk imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu. Dan jiskatta l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE skont ir-raġunament tal-qorti tal-Unjoni fis-sentenza Ruiz Zambrano u n-nisel tagħha, li jwassal għall-obbligu għall-awtoritajiet Olandiżi li jirrikonoxxu d-dritt ta’ residenza dderivat ta’ V (46).

79.      Il-wild ta’ V u żewġha jistgħu jirrilokaw għal Spanja?

80.      Bħala ċittadini tal-Unjoni, kemm il-konjuġi ta’ V kif ukoll il-wild tagħhom għandhom id-dritt li jmorru Spanja u li jirrisjedu hemmhekk sa tliet xhur (Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza).

81.      Lil hinn minn dawn it-tliet xhur, l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza jimponi ċerti kundizzjonijiet.

82.      Il-konjuġi u l-wild ta’ V jistgħu jirrisjedu fi Spanja bil-kundizzjoni li jkunu ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom (Artikolu 7(1)(a)); awtosuffiċjenti (Artikolu 7(1)(b)); jew isegwu kors ta’ studju, filwaqt li jkollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard (Artikolu 7(1)(c)). Iben V huwa tifel u huwa improbabbli li jissodisfa waħda minn dawn il-kundizzjonijiet (47). Ir-raġel ta’ V jirċievi benefiċċji soċjali u huwa parzjalment eżentat mix-xogħol minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu, b’tali mod li huwa wkoll improbabbli li jista’ jaqa’ taħt waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.

83.      Skont l-Artikolu 7(1)(d) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, ċittadin tal-Unjoni jista’ jkun qiegħed u, madankollu, ikun jirrisjedi fi Stat Membru ieħor jekk jingħaqad ma’ ċittadin ieħor tal-Unjoni. Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li V hija ĊPT.

84.      Konsegwentement, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-possibbiltà ta’ residenza fi Spanja skont id-dritt tal-Unjoni ma tidhirx li hija għażla legalment vijabbli għal V u għall-familja tagħha.

85.      Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Olandiżi ma kellhomx jiċħdu d-dritt ta’ residenza lil V qabel ma jivverifikaw jekk il-wild u r-raġel tagħha setgħux effettivament jakkumpanjawha fi Spanja abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

B.      It-tieni domanda

86.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment meta, fil-proċess intiż sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok li jingħata dritt ta’ residenza dderivat lil ġenitur ĊPT, awtorità deċiżjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja. B’mod partikolari, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk deċiżjoni li tobbliga lil ġenitur ĊPT, abbażi tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, jitlaq minnufih u jmur fi Stat Membru ieħor li fih huwa jibbenefika minn dritt ta’ residenza tistax tiġi adottata mingħajr ma jiġu evalwati l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt tiegħu għall-ħajja tal-familja.

1.      Livell għoli ta’ dipendenza bħala limitu sabiex l-Artikolu 20 TFUE jiġi invokat bħala s-sors ta’ dritt ta’ residenza dderivat

87.      Fil-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-indħil fid-dritt għall-ħajja tal-familja u tal-aħjar interessi tal-wild hija marbuta mill-qrib mal-istabbiliment ta’ livell ta’ dipendenza li, jekk ikun biżżejjed, jista’ jagħti dritt ta’ residenza dderivat lil ġenitur ĊPT skont l-Artikolu 20 TFUE.

88.      Livell għoli ta’ dipendenza ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala limitu għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat f’sitwazzjonijiet fejn id-dipendenza altrimenti tobbliga liċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu. Bl-istess mod u għall-istess raġuni li d-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni jista’ jipprevali fuq il-miżuri nazzjonali relatati mal-immigrazzjoni f’“sitwazzjonijiet partikolari ħafna” (48) biss, id-dritt li wieħed ma jiċċaqlaqx matul dan il-perijodu attwali ta’ żvilupp tal-integrazzjoni Ewropea, huwa protett ukoll biss f’każijiet fejn hemm livell suffiċjenti ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ĊPT.

89.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE ma jistax jiġi invokat kontra miżuri nazzjonali meta dawn ikunu sempliċiment limitati għal interferenza fl-għażla li ma jkunx hemm ċaqliq. Il-limitu għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat huwa pjuttost privazzjoni ta’ din l-għażla, li teżisti biss f’sitwazzjoni fejn miżura nazzjonali de facto ġġiegħel ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq.

90.      Kif nifhimha jien, ir-raġuni għall-eżistenza ta’ tali limitazzjoni tinsab fl-indħil fid-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni bil-prerogattivi tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika tal-immigrazzjoni. Ladarba l-Artikolu 20 TFUE jkun applikabbli, huwa jista’ jipprevali fuq il-miżuri nazzjonali, inkluż iċ-ċaħda ta’ permess ta’ residenza lil ĊPT. Huwa għalhekk neċessarju li dawn iż-żewġ interessi jiġu bbilanċjati bir-reqqa.

91.      F’din il-perspettiva, ir-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ dipendenza jista’ jitqies li jservi sabiex jillimita l-portata tas-sitwazzjonijiet li fihom dritt ta’ residenza dderivat jista’ jingħata lil ĊPT skont l-Artikolu 20 TFUE.

2.      Dipendenza u l-aħjar interessi tal-wild

92.      Skont il-ġurisprudenza, ikun hemm ċaħda tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza biss jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni effettivament, jew fil-prattika (49) ikollu jitlaq maċ-ĊPT.

93.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li dan huwa l-każ meta d-dipendenza tkun inqas sinjifikattiva.

94.      Pereżempju, fis-sentenza Dereci, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-“sempliċi fatt li jista’ jidher desiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm il-familja tiegħu flimkien fit-territorju tal-Unjoni, li membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jgħixu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax” (50).

95.      Għalhekk, is-sempliċi xewqa tal-ħajja tal-familja ma hijiex suffiċjenti (51). Pereżempju, fil-parti l-kbira tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li fihom ċittadin adult tal-Unjoni kien ikun obbligat jitlaq mill-Istat Membru tiegħu jekk ikun jixtieq ikollu ħajja tal-familja ma’ ĊPT, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li l-Artikolu 20 TFUE kien jagħti dritt ta’ residenza dderivat. Għalhekk, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja hija disposta tammetti li “adult huwa, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li jkollu eżistenza indipendenti mill-membri tal-familja tiegħu” (52).

96.      Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ ta’ ċittadini tal-Unjoni minuri (53).

97.      Fl-evalwazzjoni tad-dipendenza ta’ wild ċittadin tal-Unjoni fuq membru tal-familja tiegħu, ġeneralment ġenitur ĊPT, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja ta’ dan il-wild, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), iżda wkoll l-aħjar interessi ta’ dan il-wild, kif protett mill-Artikolu 24(2) tagħha (54).

98.      Meta jivvalutaw il-livell ta’ dipendenza, l-awtoritajiet deċiżjonali nazzjonali għandhom jivvalutaw b’mod komprensiv iċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha f’kull każ individwali (55).

99.      Huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-età u l-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tal-wild, il-livell tar-relazzjoni affettiva tiegħu ma’ ġenitur ĊPT kif ukoll ir-riskju li s-separazzjoni tal-wild minn dan il-ġenitur tista’ toħloq għall-ekwilibriju tiegħu (56).

100. Jekk, abbażi ta’ evalwazzjoni ddettaljata tar-relazzjoni bejn il-wild dipendenti, ċittadin tal-Unjoni, u l-ġenitur ĊPT tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti li jeżaminaw l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ dan il-ġenitur jikkonkludu li l-wild ikun imġiegħel jitlaq mill-Istat Membru ma’ dan il-ġenitur fil-każ ta’ ċaħda tal-applikazzjoni, din l-awtorità għandha tirrikonoxxi livell suffiċjenti ta’ dipendenza u tagħti dritt ta’ residenza dderivat abbażi tal-Artikolu 20 TFUE.

101. Dan l-approċċ konsekwenzjalista, li jeħtieġ eżami tal-Karta sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà tal-Artikolu 20 TFUE, ġie kkritikat (57). Madankollu, il-problemi marbuta ma’ dan l-approċċ jistgħu jingħelbu billi ssir distinzjoni bejn l-applikabbiltà tal-Artikolu 20 TFUE u l-applikazzjoni tiegħu f’każijiet partikolari bħala bażi għall-għoti ta’ dritt idderivat ta’ residenza.

102. L-applikabbiltà tal-Artikolu 20 TFUE f’sitwazzjonijiet interni tiddependi biss mill-kwalità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru.

103. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza. Pereżempju, fis-sentenza X (Omm Tajlandiża) (58) meta ddeċidiet dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 20 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dan li ġej: “[i]l-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE ma jiddependix fuq l-eżerċizzju minn dan il-wild tad-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza fi ħdan l-Unjoni, iżda miċ-ċittadinanza tiegħu tal-Unjoni, status li huwa jgawdi indipendentement mill-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet, mis-sempliċi fatt li jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru” (59).

104. Għaldaqstant, sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE minħabba s-sempliċi fatt li persuna hija ċittadina ta’ Stat Membru, anki jekk din il-persuna qatt ma telqet mill-Istat ta’ oriġini tagħha. Dan jippermetti l-applikazzjoni tal-Karta skont l-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-drittijiet stabbiliti minn dan l-istrument japplikaw għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (60).

105. Kif ġie rrilevat, l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat f’każ partikolari tiddependi mil-livell ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ĊPT, li għall-evalwazzjoni tiegħu l-awtorità deċiżjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet stabbiliti mill-Karta, primarjament l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja.

106. Dan jirrispondi parzjalment it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju. Id-drittijiet tal-Karta li jinsabu fl-Artikolu 7 u 24 tagħha huma rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ċittadin tal-Unjoni jkunx imġiegħel jakkumpanja lill-ġenitur ĊPT, li huwa obbligat jitlaq.

107. Konsegwentement, jekk il-livell ta’ dipendenza huwa tali li ċ-ċittadin tal-Unjoni minuri jkun imġiegħel jitlaq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu lill-ġenitur ĊPT tiegħu dritt ta’ residenza dderivat sabiex jiġi protett l-essenzjal tad-dritt ta’ ċittadinanza taċ-ċittadin tal-Unjoni minuri, li jinkludi d-dritt li wieħed ma jiċċaqlaqx.

108. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-proposta tiegħi li d-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jinkludu mhux biss id-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll id-dritt li wieħed ma jiċċaqlaqx, il-fatt li l-familja tista’ tiġi mġiegħla tmur fi Stat Membru ieħor, u mhux barra mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, huwa biżżejjed sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat abbażi tal-Artikolu 20 TFUE.

109. Jekk, għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax din il-proposta ta’ interpretazzjoni tal-essenzjal tad-drittijiet taċ-ċittadinanza, iżda tillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE għas-sitwazzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, l-awtorità deċiżjonali jkollha madankollu l-obbligu li tivverifika jekk il-familja tkunx tista’ effettivament tiċċaqlaq u tkompli l-ħajja tal-familja tagħha fi Spanja, mingħajr ma tali ċaqliq jippreġudika l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja tiegħu.

110. Anki jekk ċittadin minuri tal-Unjoni jkun obbligat, minħabba d-dipendenza tiegħu fuq ĊPT, jitlaq minn Stat Membru ma’ dan iċ-ĊPT, meta jiġi miċħud lil dan tal-aħħar dritt ta’ residenza, Stat Membru jista’ jiġġustifika ċ-ċaħda ta’ talba għal dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE għal raġunijiet oħra. Jista’, pereżempju, jinvoka raġunijiet bħall-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika (61). Sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-invokazzjoni ta’ tali bażi biex tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 20 TFUE, l-awtorità deċiżjonali xorta jkollha teżamina l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja.

111. Madankollu, din il-kawża, kif ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma tqajjimx il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni taċ-ċaħda ta’ permess ta’ residenza min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. Jidher li l-awtoritajiet kompetenti ċaħdu d-dritt ta’ residenza lil V minħabba li l-Artikolu 20 TFUE ma kienx japplika, mingħajr għalhekk ma pprovaw jiġġustifikaw iċ-ċaħda tagħhom għal xi raġuni oħra.

112. Fl-aħħar nett, ir-risposta kompleta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju teżiġi wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jadottaw deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 mingħajr ma jistabbilixxu jekk l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja tiegħu jeżiġux l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat u jekk dawn id-drittijiet jistgħux jiġu limitati għal raġunijiet leġittimi oħra.

113. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju kif ġej. L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti, meta jevalwaw jekk jagħtux dritt ta’ residenza dderivat lil ġenitur ĊPT ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri dipendenti, jivverifikaw, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja, jekk il-livell ta’ dipendenza bejn dan il-minuri u dan il-ġenitur huwiex tali li tal-ewwel ikun imġiegħel jakkumpanja lill-imsemmi ġenitur, fil-każ li l-imsemmi ġenitur jiġi miċħud id-dritt ta’ residenza. L-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja għandhom jiġu evalwati qabel ma tiġi adottata deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, li teżiġi li ĊPT jitlaq u jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor li fih huwa jgawdi mid-dritt ta’ residenza.

C.      Applikazzjoni għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża

114. L-Artikolu 20 TFUE japplika f’dan il-każ minħabba li l-wild ta’ V huwa ċittadin tal-Unjoni.

115. Sabiex jieħdu deċiżjoni dwar id-dritt ta’ residenza dderivat ta’ V, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw jekk il-wild, ċittadin tal-Unjoni u ommu ĊPT, li applikat għal permess ta’ residenza, għandhomx relazzjoni ta’ dipendenza tali li l-wild ikun imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi jekk ommu tkun ġiet imġiegħla titlaq mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

116. Fuq il-bażi tad-deċiżjoni tar-rinviju, huwa evidenti li V għandha l-kustodja effettiva tal-wild, peress li missieru ma huwiex kapaċi jaħdem b’mod regolari u jirċievi benefiċċji soċjali għal din ir-raġuni (62). Jidher ukoll li hemm livell għoli ta’ dipendenza bejn il-wild u ommu. Huwa għalhekk fl-aħjar interessi tal-wild li huwa jibqa’ ma’ ommu.

117. Għaldaqstant, il-wild ikun imġiegħel jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi ma’ ommu jekk jiġi miċħud id-dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru. Dan il-fatt ma jidhirx li huwa kkontestat u jidher li huwa konformi mal-konklużjoni tal-awtoritajiet kompetenti Olandiżi.

118. Jekk omm il-wild tkun obbligata titlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi u l-wild ikun għalhekk imġiegħel jakkumpanjaha minħabba r-relazzjoni ta’ dipendenza tagħhom, peress li l-Artikolu 20 TFUE jagħti dritt liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jiċċaqilqux, il-kwistjoni dwar jekk hija u binha jkollhom imorru fi Spanja jew f’pajjiż terz issir irrilevanti.

119. Jekk ikun fl-aħjar interessi tal-wild li jeżerċita d-dritt tiegħu li ma jiċċaqlaqx, l-awtoritajiet Olandiżi għandhom jagħtu lil ommu ĊPT dritt ta’ residenza dderivat.

120. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, ir-residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi tidher li hija fl-aħjar interessi ta’ dan il-wild. Id-dritt tiegħu taċ-ċittadinanza li ma jiċċaqlaqx ikun għalhekk protett biss jekk ommu tingħata dritt ta’ residenza dderivat.

IV.    Konklużjoni

121. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

1)       L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix li ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru fejn il-wild minuri statiku tiegħu għandu n-nazzjonalità, meta dan il-ġenitur ikollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Id-dritt mogħti miċ-ċittadinanza tal-Unjoni għal “moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri” jinkludi d-dritt li wieħed jagħżel li ma jiċċaqlaqx, u b’hekk hu irrilevanti jekk ċittadin tal-Unjoni huwiex imġiegħel imur f’pajjiż terz jew fi Stat Membru ieħor.

2)       L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-awtoritajiet kompetenti, meta jevalwaw jagħtux dritt ta’ residenza dderivat lil ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri dipendenti, jivverifikaw, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja, jekk il-livell ta’ dipendenza bejn dan il-minuri u dan il-ġenitur huwiex tali li tal-ewwel ikun imġiegħel jakkumpanja lill-imsemmi ġenitur, fil-każ li l-imsemmi ġenitur jiġi miċħud dritt ta’ residenza. L-aħjar interessi tal-wild u d-dritt għall-ħajja tal-familja għandhom jiġu evalwati qabel ma tiġi adottata deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, li teżiġi li ċittadin ta’ pajjiż terz jitlaq u jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor li fih huwa jgawdi minn dritt ta’ residenza.


1      Lingwa oriġinali: L-Ingliż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Issellift il-kliem tal-Avukat Ġenerali Jacobs, li użahom fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Konstantinidis (C‑168/91, EU:C:1992:504, punt 46) f’kuntest differenti qabel l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni mit-Trattat ta’ Maastricht. L-AĠ Jacobs uża dan il-kliem sabiex isostni li persuna li tmur fi Stat Membru ieħor bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha għandha tkun tista’ tinvoka d-drittijiet tal-bniedem iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.


3      Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Ruiz Zambrano, EU:C:2011:124).


4      Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


5      Għalkemm ma ġietx spjegata fid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-deċiżjoni probabbilment ingħatat skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115.


6      Minkejja l-eżistenza apparenti ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn V u l-konjuġi tagħha, jidher li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ġiet ippreżentata biss abbażi tar-relazzjoni bejn V u l-wild minuri tagħha.


7      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, “[l]-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.” L-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1”.


8      Ara, pereżempju, il-punt 23 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż) (C‑459/20, iktar ’il quddiem “X (Omm Tajlandiża)”, EU:C:2023:499): “Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija lil tali ċittadini ma humiex drittijiet awtonomi ta’ dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni.”


9      Minn dan ir-raġunament tal-awtorità nazzjonali jirriżulta impliċitament li l-livell ta’ dipendenza tal-wild fuq V huwa tali li, jekk din tal-aħħar kellha titlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-wild ikun ukoll imġiegħel jitlaq.


10      Il-Qorti tal-Ġustizzja użat tali formulazzjoni għall-ewwel darba fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Iida” EU:C:2012:691, punt 73). Minn dak iż-żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja rriproduċiet l-istess formulazzjoni f’diversi kawżi li ġew wara u li kienu jikkonċernaw, b’xi mod jew ieħor, dritt ta’ residenza dderivat ta’ ĊPT. L-istess formulazzjoni teżisti għalhekk fis-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ymeraga”, EU:C:2013:291, punt 36); tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alokpa”, EU:C:2013:645, punt 32); tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza  CS” EU:C:2016:674, punt 29); tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rendón Marín”, EU:C:2016:675, punt 74); tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, iktar ’il quddiem is-“sentenza Chavez-Vilchez” punt 63); tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti) (C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, iktar ’il quddiem is-sentenza “Subdelegación del Gobierno en Toledo”, punt 45); tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza M.D.”, EU:C:2023:341, punt 58); X (Omm Tajlandiża), punt 24 u tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata) (C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 60). Minkejja r-riferimenti kemm għas-sentenza Ruiz Zambrano u xi drabi għas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereciu et (C‑256/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza  Dereci” EU:C:2011:734), dawn il-kawżi ma jużawx din il-formulazzjoni eżatta.


11      It-talba ta’ G. Ruiz Zambrano kienet probabbilment immotivata mis-sentenza preċedenti tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza Zhu u Chen”, EU:C:2004:639), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dritt idderivat ta’ residenza jista’ jingħata lil ġenitur ĊPT abbażi tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-wild minuri ta’ din il-persuna.


12      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet (C‑64/96 u C‑65/96, EU:C:1997:285, punt 23); u tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 26). Fis-suq intern, l-esklużjoni ta’ sitwazzjonijiet interni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni spiss kienet iġġustifikata mill-aspettattiva li Stat Membru jieħu ħsieb iċ-ċittadini tiegħu stess, u għalhekk id-dritt tal-Unjoni ma għandux jinterferixxi fis-sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni inversa.


13      Pereżempju, Nic Shuibhne, N., “The Resilience of EU Market Citizenship?”, CMLR, 2010, 1597.


14      Jista’ jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza f’sitwazzjoni purament interna fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rottmann”, EU:C:2010:104). Madankollu, minkejja li J. Rottmann kien qiegħed jikkontesta deċiżjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jirtiraw deċiżjoni ta’ naturalizzazzjoni li permezz tagħha huwa kiseb in-nazzjonalità Ġermaniża fil-Ġermanja, il-kuntest sottostanti ta’ din il-kawża kien jimplika moviment transkonfinali preċedenti, peress li huwa kien twieled u għex fl-Awstrija qabel ma mar jgħix il-Ġermanja u tilef in-nazzjonalità Awstrijaka tiegħu minħabba l-kisba tan-nazzjonalità Ġermaniża tiegħu. Madankollu, sabiex tiddeċiedi l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma bbażatx ruħha fuq dan il-moviment fil-passat. Hija pjuttost ikkunsidrat li t-telf potenzjali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni minħabba t-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni “min-natura tagħha stess u l-konsegwenzi tagħha” (is-sentenza Rottmann, punt 42).


15      Ara, f’dan ir-rigward, Lenaerts, K., u Gutiérrez-Fons, J. A “Epilogue on EU citizenship: Hopes and Fears” f’Kochenov, D (editur), ), EU Citizenship and Federalism: The Role of Rights, CUP, Cambridge, 2017, p. 751 sa 781, u p. 761.


16      Sentenza Ruiz Zambrano, punt 42 (enfasi miżjuda minni).


17      Sentenza Ruiz Zambrano, punti 43 u 44.


18      Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, iktar ’il quddiem “McCarthy” EU:C:2011:277, punt 50).


19      Sentenza Dereci, punt 66.


20      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza O et”, EU:C:2012:776); kif ukoll is-sentenza CS u Chave-Vilchez.


21      Pereżempju, is-sentenza Iida,  punt 71. Madankollu, din il-kawża kienet tikkonċerna missier ĊPT li kien jgħix fil-Ġermanja u li straħ fuq l-Artikolu 20 TFUE bħala bażi għad-dritt ta’ residenza dderivat tiegħu, f’sitwazzjoni fejn bintu, ċittadina Ġermaniża, kienet fil-frattemp marret toqgħod l-Awstrija sabiex tgħix ma’ ommha, wara li l-koppja ddivorzjat. Il-fatti ta’ din il-kawża ma wrew ebda possibbiltà li dak il-wild, ċittadin tal-Unjoni, kien ikun imġiegħel jitlaq mill-Unjoni kollha kemm hi kieku l-missier ma kienx kiseb permess ta’ residenza fil-Ġermanja. Ara bl-istess mod is-sentenza Ymeraga, punt 36.


22      Sentenza Alokpa, punt 35.


23      Sentenza M.D., punt 62.


24      Sentenza Rendón Marín, punt 79.


25      Fis-sentenza Alokpa,  iċ-ċittadini minuri tal-UE ġew imġiegħla jmorru lejn l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom, mhux minnu. Fis-sentenza M.D  u Rendón Marín, dritt ta’ residenza dderivat ma ngħatax jew ġie rrevokat għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku.


26      Pereżempju, fis-sentenza Rendón Marín, (punt 78), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat b’mod espliċitu li kienet qed tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat ibbażata fuq il-kuntest speċifiku tal-kawża, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt ta’ residenza meta ddikjarat li r-rifjut ta’ permess ta’ residenza “jista’ jirriżulta f’restrizzjoni tal-imsemmi dritt, b’mod partikolari tad-dritt ta’ residenza, peress li l-imsemmija ulied jistgħu jkunu obbligati jakkumpanjaw lil A. Rendón Marín u għalhekk li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu” (enfasi miżjuda minni).


27      Anke jekk dan ma kienx dejjem espress bl-istess formulazzjoni eżatta, u anki jekk hemm varjazzjonijiet fil-formulazzjoni eżatta b’lingwi differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, esprimiet dan it-tħassib fis-sentenzi li ġejjin: is-sentenzi Dereci, punt 66; O et, punt 47; Ymeraga, punt 36; Alokpa, punt 32; Rendón Marín, punt 74; Chavez-Vilchez, punt 63, Subdelegación del Gobierno en  Toledo, punt 45; u M.D., punt 58.


28      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Davies, G “The Right to Stay at Home: A Basis for Expanding European Family Rights” f’Kochenov, D (editur), nota ta’ qiegħ il-paġna 15, op. cit., p 468 sa 488, u p. 471. Ara wkoll Nic. Shuibhne, N., “Ruiz Zambrano and the Essential Core of Union Citizenship’, f’Craig, P., u Schütze, R. (ed.), Landmark Cases in EU Law,  Vol. 2, Bloomsbury, 2025, p. 169 sa p. 185, u p. 178.


29      Artikoli 5 sa 7 u 14 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza”).


30      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Zhu u Chen. Jistgħu jiġu pprovduti riżorsi suffiċjenti mill-istess ĊPT.


31      F’dan ir-rigward, ara X (Omm Tajlandiża).


32      Minbarra l-kliem tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, li jirreferu għad-dritt ta’ residenza, wieħed jista’ jorbot dan id-dritt mal-benefiċċji li jirriżultaw mill-għajxien fit-territorju tal-Unjoni. Dan jippermetti li wieħed igawdi minn għadd kbir ta’ drittijiet mogħtija liċ-ċittadini mid-dritt tal-Unjoni, kemm jekk ikunu konsumaturi, impjegati jew sempliċement residenti li għandhom id-dritt għal arja nadifa. Madankollu, dawn id-diversi drittijiet jappartjenu lil kull persuna li tirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni, u mhux biss liċ-ċittadini tal-Unjoni – ma humiex id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE li l-ġurisprudenza Ruiz Zambrano titratta d-deprivazzjoni tagħhom. Madankollu, dan jista’ jispjega l-importanza tal-fatt li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni.


33      F’kuntest kemxejn differenti minn dak ta’ din il-kawża, l-Avukat Ġenerali Sharpston pproponiet li “[d]ak li hu rilevanti huwa l-libertà li wieħed jagħżel jiċċaqlaqx jew le. Miżura li timponi moviment tirrestrinġi dik l-għażla”. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li tat lok għas-sentenza O et (C‑456/12 u C‑457/12, EU:C:2013:837, punt 134). Ara wkoll Sager, T., “Freedom as Mobility” Mobility  Implications of the Distinction between Actual and Potential Travelling’, Mobilities 2006. p. 465 sa p. 488. Għal diskussjoni dwar id-dritt possibbli li wieħed ma jiċċaqlaqx fid-dritt tal-Unjoni, ara Iglesias Sánchez, S. “A Citizenship Right to Stay? The Right Not to Move in a Union Based on Free Movement” f’Kochenov, D (editur), nota ta’ qiegħ il-paġna 15, op. cit., p. 371 sa p.393.


34      Ara l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.


35      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 48), u s-sentenza CS, punt 37.


36      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, abbażi tad-dritt internazzjonali, Stat Membru la jista’ jirrifjuta d-dħul għaċ-ċittadin tiegħu stess, u lanqas ma jista’ jirrifjuta d-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju. Ara, pereżempju, is-sentenza McCarthy (punt 29) u s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, A (Qsim ta’ fruntieri permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni) (C‑35/20, EU:C:2021:813, punt 69). Madankollu, għandu jiġi nnotat li, f’dan il-każ, huwa ċar li l-awtoritajiet Olandiżi ma kkunsidrawx lilhom innifishom ipprojbiti mid-dritt internazzjonali milli de facto jġiegħlu  ċ-ċittadin tagħhom jitlaq mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu.


37      Sal‑1 ta’ Jannar 2022, hawn 13.7 miljun ċittadin “mobbli” tal-Unjoni (ċittadini li ċċaqalqu biex jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw fi Stat Membru ieħor). Fl‑2021, 1.4 miljun persuna li qabel kienu residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea emigraw lejn Stat Membru ieħor. Ara l-Kummissjoni Ewropea, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni skont l-Artikolu 25 TFUE dwar il-progress lejn ċittadinanza effettiva tal-UE, 2020-2023, COM(2023) 931 final, p. 19. Dan ifisser li inqas minn 3 % taċ-ċittadini tal-Unjoni eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment. Fl‑2021, madwar 0.2 % biss taċ-ċittadini tal-Unjoni eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.


38      F’dan ir-rigward, Bert van Roermund, (G.C.G.J., “Migrants, humans and human rights  The right to move as the right to stay”, f’Lindahl, H. (editur), A Right to Inclusion and Exclusion? Normative Fault Lines of the EU's Area of Freedom, Security and Justice, Hart, Oxford, 2009, p. 171,)  kiteb: “din hija idea kompletament romantika li jiġi ssuġġerit li kull individwu huwa ħerqan li jkun esploratur. Għall-biċċa l-kbira tal-persuni, il-libertà ta’ moviment hija dritt li huma jippreferu li ma jeżerċitawx, peress li tirreferi għal mudell ta’ rwol differenti ħafna: il-mudell vulnerabbli ta’ vagabond iktar milli ta’ qaddej ċert minnu nnifsu” [traduzzjoni libera].


39      Fl-artikolu tagħha, Sara Iglesias Sánchez (nota ta’ qiegħ il-paġna 33 op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 33, p. 388 u 389) ippreżentat iċ-ċifri tal-istħarriġ tal‑2013, fejn iktar minn 60 % taċ-ċittadini tal-Unjoni jqisu lilhom innifishom bħala ċittadini tal-Unjoni, anki jekk perċentwali żgħira minnhom biss jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu. Id-data l-iktar reċenti (2025) tal-Ewrobarometru turi ċifri simili – 63 % taċ-ċittadini tal-Unjoni jħossuhom marbuta mal-Unjoni Ewropea, (Standards Ewrobarometru 103, Rebbiegħa 2025).


40      Sentenza tad‑29 ta’ April 2025, Il-Kummissjoni vs Malta (Ċittadinanza b’investiment) (C‑181/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Malta”, EU:C:2025:283, punt 92). Billi, f’din is-sentenza, il-Qorti qalet li “l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxi l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri”, hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza preċedenti tagħha, li abbażi tagħha tali status huwa rrikonoxxut bħala “l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri”. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li kien hemm ċertu żvilupp f’dan ir-rigward wara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dan għall-ewwel darba. Il-Qorti tal-Ġustizzja rripetiet il-formulazzjoni tagħha mis-sentenza Grzelczyk f’ħafna kawżi oħra, inkluż fis-sentenza Ruiz Zambrano (ara l-punt 41). L-uniku każ fejn “intiż sabiex” jew “intiż li” tħalliet barra mill-Qorti tal-Ġustizzja, qabel is-sentenza Il-Kummissjoni vs Malta, kien fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża) (C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 38), Għalhekk, tista’ tgħid, il-bidla fid-diċitura fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Malta kienet intenzjonali u turi affermazzjoni iktar b’saħħitha tal-importanza tal-istatus ta’ ċittadinanza tal-Unjoni. Tali evoluzzjoni turi, fil-fehma tiegħi, li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni mmaturat, li jippermetti li din tiġi ppreċiżata iktar.


41      Uħud mid-drittijiet l-oħra li l-Artikolu 20 TFUE jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, u li huma żviluppati f’iktar dettall fl-Artikoli 22 sa 24 TFUE, jikkonċernaw ukoll liċ-ċittadini mobbli. Għalhekk, id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali jew fl-elezzjonijiet Ewropej fl-Istat ta’ residenza huwa rilevanti għaċ-ċittadini li jgħixu fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tagħhom. Id-dritt għall-protezzjoni diplomatika u konsulari f’pajjiżi terzi mir-rappreżentanzi ta’ Stati Membri li ma jkunx l-Istat Membru tan-nazzjonalità huwa rilevanti għaċ-ċittadini li jivvjaġġaw lejn pajjiżi terzi, iżda mhux għaċ-ċittadini statiċi jew mobbli fis-sens tad-drittijiet ta’ moviment liberu. Id-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, li jsir rikors lill-Ombudsman Ewropew jew li wieħed jikteb lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bil-lingwa tiegħu stess huma madankollu ugwalment rilevanti għaċ-ċittadini statiċi u mobbli.


42      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Malta, punt 95. Fid-dawl ta’ din is-sentenza, li targumenta favur l-introduzzjoni ta’ dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, K. Grimonprez qies li ir-“rikonoxximent mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-fatt li ċ-ċittadinanza hija bbażta fuq is-solidarjetà u l-bona fide jikkonferma li r-rilevanza tagħha testendi lil hinn minn ċittadini mobbli. L-effetti tagħha japplikaw ukoll għal dawk li ma jaqsmux fruntieri” (traduzzjoni libera), ’Grimonprez, K., ‘EU citizenship based on common values: implications of Commission v Malta (C-181/23) for the European dimension in citizenship education (Case Comment)’ E.L. Rev. 2025, 502 sa 514, fi 512


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (Kandidatura u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑808/21, EU:C:2024:962, punt 163) u s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Kandidatura u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku) (C‑814/21, EU:C:2024:963, punt 160).


45      Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk V tibbenefikax effettivament minn dritt ta’ residenza fi Spanja. V spjegat li hija ppruvat tirrinunzja għal dan id-dritt, iżda ma huwiex ċert li dan kien possibbli. Ser nipproċedi bl-analiżi billi nibbaża ruħi mill-premessa, kif tirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li V tista’ effettivament tirrisjedi legalment fi Spanja.


46      Inżid ngħid li wieħed ma għandux jinsa li għalkemm iż-żewġ ġenituri jidhru li għandhom in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, dan ma huwiex il-każ ta’ binhom, b’tali mod li r-rilokazzjoni u r-residenza tiegħu f’dan il-pajjiż terz jistgħu dejjem ikunu suġġetti għal rekwiżiti addizzjonali.


47      Madankollu, abbażi tas-sentenza Zhu u Chen, jista’ jiġi argumentat li iben V jista’ jmur Spanja jekk ommu jkollha riżorsi suffiċjenti għall-manutenzjoni tiegħu f’dak l-Istat Membru.


48      Il-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-parti l-kbira tal-kawżi dwar dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE. Ara, pereżempju, is-sentenza NW u PQ, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49      Pereżempju, is-sentenza Chavez-Vilchez, punt 63.


50      Sentenza Dereci, punt 68.


51      Ara wkoll is-sentenza McCarthy, punti 49 u 50; jew is-sentenza Ymeraga, punti 38, 39 u 43.


52      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE) (C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 40).


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Subdelegación del Gobierno en Toledo, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.


54      Sentenza Chavez-Vilchez, punt 70.


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rendón Marín (punt 85); Subdelegación del Gobierno en Toledo (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata); u s-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ, (Informazzjoni kklassifikata) (C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 77).


56      Ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi Chavez-Vilchez, punt 71. Ara wkoll, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 72); tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE) (C‑624/20, EU:C:2022:639, punti 38 u 39) u X (Omm Tajlandiża) (punt 48).


57      Ara, pereżempju, Šadl, U., “Case – Case-Law – Law: Ruiz Zambrano as an Illustration of How the Court of Justice of the European Union Constructs Its Legal Arguments”, EUConst, 2013, p. 205 sa p. 229, fi 225.


58      Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża kienu tali li ċ-ċittadin minuri tal-Unjoni inkwistjoni, li abbażi tiegħu ommu ĊPT talbet ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza dderivat fil-Pajjiżi l-Baxxi, kien għex ħajtu kollha f’pajjiż terz.


59      Sentenza X (Omm Tajlandiża), punt 29 (enfasi miżjuda minni).


60      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105).


61      Ara, pereżempju, is-sentenza CS.


62      Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni jkun wild, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu min ikollu l-kustodja effettiva ta’ dan il-wild u jekk effettivament tkunx teżisti relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-wild u l-ġenitur ĊPT (sentenza Chavez-Vilchez, punt 70). Barra minn hekk, anki jekk id-dipendenza teżisti maż-żewġ ġenituri, li wieħed minnhom huwa ĊPT u l-ieħor huwa ċittadin tal-Unjoni, is-sempliċi eżistenza u s-sempliċi involviment ta’ dan il-ġenitur ċittadin tal-Unjoni fil-ħajja tal-wild ma humiex, fihom innifishom, suffiċjenti sabiex jiġi miċħud dritt ta’ residenza dderivat lil ġenitur ĊPT jekk il-wild ikun realment dipendenti fuq dan l-aħħar ġenitur.