KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fil‑15 ta’ Mejju 2025 ( 1 )
Kawża C‑133/24
CD Tondela – Futebol, SAD,
Clube Desportivo Feirense – Futebol, SAD,
Liga Portuguesa de Futebol Profissional (CA/LPFP),
Académico de Viseu Futebol Clube, Futebol SAD,
Os Belenenses – Sociedade Desportiva de Futebol, SAD,
Boavista Futebol Clube, Futebol SAD,
Sporting Clube de Braga, Futebol, SAD,
Sporting Clube da Covilhã – Futebol, SDUQ, Lda,
Estoril Praia – Futebol, SAD,
Gil Vicente Futebol Clube – Futebol, SDUQ, Lda,
Leixões Sport Clube, Futebol, SAD,
Clube Desportivo de Mafra – Futebol, SDUQ, Lda,
União Desportiva Oliveirense – Futebol, SAD,
Futebol Clube de Paços de Ferreira, SDUQ, Lda,
Futebol Clube de Penafiel, SA,
Portimonense Futebol, SAD,
Rio Ave Futebol Clube – Futebol SDUQ, Lda,
Santa Clara Açores – Futebol, SAD,
Varzim Sporting Club - Futebol, SDUQ, Lda,
União Desportiva Vilafranquense, Futebol SAD,
Futebol Clube de Famalicão – Futebol SAD,
Associação Académica de Coimbra - Organismo Autónomo de Futebol, SDUQ, Lda,
Moreirense Futebol Clube – Futebol, SAD,
Marítimo da Madeira, Futebol, SAD,
Vitória Sport Clube – Futebol, SAD,
Futebol Clube do Porto, Futebol, SAD,
Sporting Clube de Portugal – Futebol, SAD,
Sport Lisboa e Benfica, Futebol, SAD
vs
Autoridade da Concorrência
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll, il-Portugall))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Futbol professjonali – Lig nazzjonali – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ‘effett’ antikompetittiv – Pandemija tal-COVID‑19 – Ftehim kontra t-teħid – Sentenza fil-kawża Meca-Medina (C‑519/04 P)”
I. Introduzzjoni
|
1. |
F’numru ta’ kawżi reċenti – senjatament, fil-kawżi ISU ( 2 ), Superleague ( 3 ), Royal Antwerp ( 4 ) u FIFA ( 5 ) – il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tistħarreġ il-kompatibbiltà ta’ ċerti regolamenti adottati minn assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali jew nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u s-suq intern. |
|
2. |
Din il-kawża ssegwi b’mod naturali dawk il-kawżi. Tabilħaqq, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna ftehim kontra t-teħid, konkluż mill-klabbs tal-futbol li qed jilagħbu fl-ewwel u t-tieni diviżjonijiet tal-lig Portugiż tal-futbol, bi qbil mal-assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol, matul il-pandemija tal-COVID‑19. Sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 101 TFUE, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi gwida ulterjuri dwar il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” u dwar il-portata tal-prinċipji li jirriżultaw mill-“ġurisprudenza Meca-Medina” tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ). |
|
3. |
Kwistjonijiet fil-biċċa l-kbira simili tqajmu wkoll f’żewġ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari oħra – fil-Kawża C‑209/23, RRC Sports ( 7 ), u fil-Kawża C‑428/23, ROGON et ( 8 ) – li fihom ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum. Għalhekk, dawn il-konklużjonijiet għandhom jinqraw flimkien mal-konklużjonijiet l-oħra. Għall finijiet ta’ ekonomija ġudizzjarja, u sabiex ngħin lill-qarrejja, ser nipprova nevita repetizzjonijiet bla bżonn fil-konklużjonijiet tat-tliet kawżi u, għal dan il-għan, ser nagħmel numru ta’ riferimenti minn waħda għall-oħra. |
II. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari
|
4. |
Il-Liga Portuguesa de Futebol Profissional (il-Lig Portugiż tal-Futbol Professjonali, iktar ’il quddiem l-“LPFP”) huwa assoċjazzjoni ta’ dritt privat mingħajr skop ta’ lukru li r-rwol tiegħu huwa li jappoġġja u jirregola l-attivitajiet tal-futbol professjonali fil-Portugall, u li s-sħubija ordinarja tiegħu tikkonsisti fi klabbs sportivi. Il-LPFP jorganizza kompetizzjonijiet professjonali tal-futbol tal-irġiel, inklużi l-Primeira Liga (l-Ewwel Diviżjoni) u s-Segunda Liga (it-Tieni Diviżjoni). |
|
5. |
Fl-istaġun 2019/2020, 18-il tim ħadu sehem fl-Ewwel Diviżjoni u 13 fit-Tieni Diviżjoni. Matul dak l-istaġun, fit‑30 ta’ Jannar 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat il-COVID‑19 bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali u, fil‑11 ta’ Marzu 2020, bħala pandemija. |
|
6. |
Fit‑12 ta’ Marzu 2020, il-Gvern Portugiż adotta diversi miżuri bil-għan li jrażżnu r-riskju li l-virus jinxtered. Fl-istess jum, il-LPFP iddeċieda u ħabbar is-sospensjoni indefinita tal-Ewwel u tat-Tieni Diviżjoni, meta kien fadal 10 logħbiet x’jintlagħbu. |
|
7. |
Minħabba li s-sitwazzjoni aggravat, fit‑18 ta’ Marzu 2020 l-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw stat ta’ emerġenza (estiż b’mod suċċessiv sat‑2 ta’ Mejju 2020). |
|
8. |
Fil‑21 ta’ Marzu 2020, il-LPFP u s-Sindicato de Jogadores Profissionais de Futebol (is-Sindikat ta’ Plejers Professjonali tal-Futbol; iktar ’il quddiem is-“SJPF”) waqqfu Kumitat ta’ Monitoraġġ tal-COVID‑19 u bdew negozjati biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-isport kemm f’termini sportivi kif ukoll f’termini finanzjarji. |
|
9. |
Fis‑7 ta’ April 2020, il‑LPFP u s‑SJPF ħarġu stqarrija għall-istampa kull wieħed dwar l-istatus tan-negozjati tagħhom. Fl-istqarrija għall-istampa tiegħu, il-LPFP indika, l-ewwel, li kien irċieva il-ftehim tas-SJPF dwar pakkett ta’ miżuri legali maħsuba biex jiġu inkorporati fil-ftehim kollettiv tax-xogħol applikabbli għall-plejers tal-futbol professjonali (iktar ’il quddiem iċ-“CCT”), inkluż l-estensjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg u kuntratti ta’ self jew trasferiment ta’ plejers sat-tmiem tal-istaġun sportiv 2019/2020, mifhum li huwa d-data li fiha tintlagħab l-aħħar partita tal-istaġun tal-logħob. Il-LPFP imbagħad speċifika li ma kien intlaħaq l-ebda ftehim mas-SJPF dwar il-kwistjonijiet finanzjarji li kienu qegħdin jiġu diskussi, li kienu jinkludu l-possibbiltà li jkun hemm qbil dwar tnaqqis fis-salarju. Dan in-nuqqas ta’ qbil issemma wkoll mis-SJPF fl-istqarrija għall-istampa tiegħu tal-istess jum. Finalment, il-LPFP fakkar li, fl-assenza ta’ tali ftehim, il-klabbs baqgħu liberi, fost affarijiet oħra, li jirrikorru għal qgħad temporanju ssimplifikat jew li jidħlu f’negozjati individwali mal-plejers tagħhom. |
|
10. |
Fl-istess jum, il-LPFP u l-klabbs parteċipanti fl-Ewwel Diviżjoni, irrappreżentati fil-biċċa l-kbira mill-presidenti rispettivi tagħhom, ħadu sehem f’videokonferenza, li warajha l-LPFP ħareġ stqarrija għall-istampa bit-titolu “Presidenti tal-klabbs [tal-Ewwel Diviżjoni] jistabbilixxu regola għal terminazzjonijiet unilaterali”. F’din l-istqarrija għall-istampa tħabbar li “l-ebda klabb ma [kien ser] jimpjega plejer li jtemm il-kuntratt tax-xogħol tiegħu b’mod unilaterali, b’riferiment għal diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19 jew minn kwalunkwe deċiżjoni eċċezzjonali li tirriżulta minnha, u b’mod partikolari mill-estensjoni tal-istaġun sportiv”. L-għada, uħud mill-klabbs li jipparteċipaw fit-Tieni Diviżjoni ħarġu stqarrija għall-istampa fejn ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jissottoskrivu għar-regola maqbula mill-klabbs tal-Ewwel Diviżjoni. |
|
11. |
Fil-livell Ewropew, fis‑7 ta’ April 2020, il-Fédération internationale de football association (iktar ’il quddiem il-“FIFA”) – li kienet waqqfet grupp ta’ ħidma biex jindirizza l-kwistjonijiet regolatorji mqajma mill-pandemija – ippubblikat id-dokument intestat “COVID‑19 – Football Regulatory Issues”. F’dan id-dokument, il-FIFA pprevediet, fost affarijiet oħra, li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol għandhom ikunu awtorizzati jibdlu d-dati tal-istaġuni rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal-perijodi għar-reġistrazzjoni tal-plejers. Il-FIFA pproponiet ukoll li l-klabbs u l-plejers jiġu mħeġġa jaħdmu flimkien biex jilħqu ftehim dwar posponimenti jew tnaqqis tas-salarji jew, alternattivament, li l-ftehimiet milħuqa bejn il-klabbs u l-plejers jiġu sospiżi matul il-perijodu ta’ sospensjoni tal-istaġun. |
|
12. |
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni matul il-kriżi tas-saħħa, fit‑23 ta’ Marzu 2020 in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni ħareġ dikjarazzjoni konġunta li fiha rrikonoxxa l-possibbiltà ta’ ħtieġa ta’ kooperazzjoni bejn in-negozji. |
|
13. |
Fit‑23 ta’ April 2020, il-Gvern Portugiż ippubblika digriet leġiżlattiv li jistabbilixxi sett ta’ miżuri eċċezzjonali u temporanji fil-qasam tal-isport, inkluża l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-assoċjazzjonijiet sportivi Portugiżi biex jemendaw ir-regolamenti tagħhom matul u għat-tul tal-istaġun 2019/2020, sabiex jittrattaw id-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija COVID‑19. Sussegwentement, fit‑30 ta’ April 2020, l-awtoritajiet adottaw riżoluzzjoni li tistabbilixxi strateġija għat-tneħħija tal-miżuri ta’ trażżin, li kienet tinkludi l-possibbiltà li jerġa’ jibda l-istaġun 2019/2020 sabiex jitlestew il-kompetizzjonijiet. |
|
14. |
Fl‑4 ta’ Mejju 2020, il-LPFP, is-SJPF u l-Associação Nacional de Treinadores de Futebol (l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Coaches tal-Futbol) ikkonkludew memorandum ta’ ftehim dwar it-tul tal-kuntratti u r-relazzjonijiet sportivi. Dan il-memorandum irrefera, fost l-oħrajn, għas-sitwazzjoni “atipika u eċċezzjonali” ikkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19 u l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-kompetizzjonijiet filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ integrità u mertu sportiv. Il-memorandum ipprovda li: (i) l-istaġun 2019/2020 jintemm l-għada tal-aħħar partita uffiċjali tal-kompetizzjonijiet; u (ii) kuntratti sportivi konklużi bejn klabbs u plejers li se jiskadu matul l-istaġun attwali jitqiesu li ġew estiżi awtomatikament sa tmiem l-istaġun. It-termini tal-memorandum ġew integrati iktar tard fiċ-CCT. |
|
15. |
Fis‑26 ta’ Mejju 2020, l-Autoridade da Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Portugiża, iktar ’il quddiem l-“AdC”) imponiet miżura provviżorja sabiex tissospendi immedjatament, għal perijodu ta’ 90 jum, il-ftehim biex ma jiġux reklutati jew ingaġġati plejers tal-futbol – minn klabbs oħra tal-Ewwel u tat-Tieni Diviżjoni – li temmew unilateralment il-kuntratti ta’ impjieg tagħhom (iktar ’il quddiem il-“ftehim inkwistjoni”). Fit‑2 ta’ Ġunju 2020, il-LPFP u l-klabbs ikkonċernati ddikjaraw li kienu jaqblu mal-miżura interim. |
|
16. |
Fit‑28 ta’ April 2022, l-AdC ħarġet deċiżjoni finali fil-każ li sabet li l-ftehim inkwistjoni kien ftehim antikompetittiv bi ksur tal-Artikolu 9 (“Ftehimiet, prattiki miftiehma u deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”) tal-Lei n.o 19/2012, de 8 de maio, que aprova o novo regime jurídico da concorrência (il-Liġi Nru 19/2012 tat‑8 ta’ Mejju 2012 li Tadotta l-Qafas Legali Ġdid li Jirregola l-Kompetizzjoni), u tal-Artikolu 101 TFUE, u imponiet penali finanzjarji fuq l-impriżi involuti. |
|
17. |
Tmienja u għoxrin minn dawn l-impriżi kkontestaw id-deċiżjoni tal-AdC quddiem it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll, il-Portugall). F’dawn il-proċeduri, il-qorti tar-rinviju hija għalhekk meħtieġa tivverifika, fost l-oħrajn, jekk il-ftehim inkwistjoni ( 9 ) huwiex ipprojbit mill-Artikolu 101(1) TFUE. Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni xierqa ta’ din id-dispożizzjoni, dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
18. |
F’din il-kawża tressqu osservazzjonijiet bil-miktub minn LPFP, CD Tondela – Futebol, SAD, Académico de Viseu Futebol Clube – Futebol, SAD, Os Belenenses – Sociedade Desportiva de Futebol, SAD, Boavista Futebol Clube, Futebol SAD, Sporting Clube de Braga, Futebol, SAD, Sporting Clube da Covilhã – Futebol, SAD, Estoril Praia, Futebol, SAD, Gil Vicente Futebol Clube – Futebol, SDUQ, Lda., Leixões Sport Clube, Futebol, SAD, Clube Desportivo de Mafra – Futebol, SDUQ, Lda., União Desportiva Oliveirense – Futebol, SAD, Futebol Clube de Paços de Ferreira, SDUQ, Lda., Futebol Clube de Penafiel, SAD, Portimonense Futebol, SAD, Rio Ave Futebol Clube – Futebol, SDUQ, Lda., Santa Clara Azores – Futebol, SAD, Varzim Sporting Club – Futebol, SDUQ, Lda., União Desportiva Vilafranquense, Futebol, SAD, Futebol Clube de Famalicão – Futebol, SAD, Clube Desportivo Feirense – Futebol, SAD, Associação Académica de Coimbra – Organismo Autónomo de Futebol, SDUQ, Lda., Marítimo da Madeira, Vitória Sport Clube, Sporting Clube de Portugal, Sport Lisboa e Benfica, l-AdC, il-Gvern Grieg, dak Pollak u dak Portugiż u kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-klabbs kollha hawn fuq imsemmija, Futebol Clube do Porto, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni ressqu argumenti orali fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2025. |
III. Analiżi
|
19. |
Permezz tat-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ftehim bħall-ftehim “no-poach” li permezz tiegħu l-klabbs ewlenin tal-futbol fl-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni Portugiża ftehmu li ma jirreklutawx, minn klabbs oħra, plejers tal-futbol professjonali li jkunu xoljew unilateralment il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom abbażi ta’ kwistjonijiet li jirriżultaw b’konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 jew ta’ kwalunkwe deċiżjoni eċċezzjonali li tirriżulta minnha, b’mod partikolari, dik tal-estensjoni tal-istaġun, jistax (i) jiġi kklassifikat bħala ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE, u (ii) jaqa’ fl-ambitu tal-ġurisprudenza Meca-Medina. |
|
20. |
Se nibda l-analiżi tiegħi bit-tielet domanda preliminari (A), qabel ma ngħaddi għall-ewwel u t-tieni domanda, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien (B). |
A. It-tielet domanda
|
21. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ftehim no-poach, konkluż matul il-pandemija tal-COVID-19 mill-klabbs tal-futbol kollha (jew kważi kollha) li jipparteċipaw f’lig nazzjonali bi ftehim mal-assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol, bil-karatteristiċi msemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq, għandux jitqies li jagħti lok għal restrizzjoni “minħabba l-għan” għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE. |
|
22. |
Sabiex inwieġeb għal din id-domanda, l-ewwel ser niċċara l-qafas ta’ analiżi rilevanti (1), qabel ma nirrikorri għall-ispeċifiċitajiet tal-forma ta’ ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali (2). |
1. Qafas ta’ analiżi pjuttost elużiv finalment iċċarat
|
23. |
L-Artikolu 101(1) TFUE jipprojbixxi akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u prattiċi miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. |
|
24. |
Ftit snin biss ilu, l-Avukat Ġenerali Bobek sabha sorprendenti li iktar minn sittin sena mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Ruma, kunċett ewlieni inkluż fl-Artikolu 101(1) TFUE kien għadu inċert u għalhekk kien għad jonqsu interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ). Tabilħaqq, ma tantx jista’ jiġi kkontestat li, tal-inqas sa ftit ilu, il-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”, u d-distinzjoni bejn dan il-kunċett u l-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-effett”, baqgħu pjuttost elużivi ( 11 ). |
|
25. |
Wieħed jista’ jargumenta li, dan huwa iżjed ċar issa, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja – bħala Awla Manja – ipprovdiet, bis-sentenzi tagħha fil-kawżi ISU, Superleague u Royal Antwerp, gwida ċara dwar dan is-suġġett. Hija għamlet dan billi fil-biċċa l-kbira kkonsolidat il-ġurisprudenza (pjuttost rikka) li, fis-snin preċedenti, l-awli tagħha kienu pproduċew dwar is-suġġett. Fil-fehma tiegħi kien hemm tliet kunsiderazzjonijiet ewlenin li jirfdu dik il-ġurisprudenza: (i) l-evitar tal-formaliżmu fid-definizzjoni ta’ restrizzjonijiet “minħabba l-għan”; (ii) l-iżgurar ta’ interpretazzjoni restrittiva ta’ dan il-kunċett; u (iii) l-istabbiliment ta’ distinzjoni ċara bejn ir-restrizzjonijiet “minħabba l-għan” u dawk “minħabba l-effett”. Fit-taqsimiet li ġejjin, l-ewwel ser niddefinixxi l-kunċett ta’ restrizzjonijiet “minħabba l-għan” (a), u mbagħad nispjega kif tali restrizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti (b) u (c). |
a) X’inhi restrizzjoni “minħabba l‑għan”?
|
26. |
Illum il-ġurnata huwa ferm stabbilit li l-kunċett ta’ “għan” antikompetittiv għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 12 ). Dan jirreferi biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju. Fil-fatt, ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni ( 13 ). |
|
27. |
Madankollu, l-espressjoni “grad suffiċjenti ta’ dannu” ma għandhiex tinftiehem bħala limitu kwantitattiv ( 14 ). Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Superleague, ir-restrizzjonijiet “minħabba l-għan” jinkludu mhux biss ċertu aġir kollużorju “partikolarment dannuż fir-rigward tal-kompetizzjoni, bħall-kartelli orizzontali li jwasslu għall-iffissar tal-prezzijiet, għal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew għat-tqassim tal-klijentela”, iżda wkoll tipi oħra ta’ aġir li, “[m]ingħajr ma neċessarjament jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni […] jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, f’ċerti każijiet, bħala li għandhom għan antikompetittiv” ( 15 ). Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, għal ċerti tipi ta’ ftehimiet orizzontali minbarra l-kartelli ( 16 ), jew anki għal ċerti tipi ta’ akkordji vertikali ( 17 ). |
|
28. |
It-terminu “grad suffiċjenti ta’ dannu” għandu, għalhekk, jinftiehem bħala li jirrigwarda karatteristika kwalitattiva tal-ftehim jew forma oħra ta’ aġir kollużorju. Biex jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan, il-ftehim għandu jkollu razzjonalità ekonomika antikompetittiva ċara. Fi kliem ieħor, għandu jkun ċar li, minn perspettiva ekonomika, l-għan oġġettiv tal-ftehim huwa f’kunflitt mal-interessi stabbiliti fl-Artikolu 101 TFUE ( 18 ). Huwa għalhekk li, f’dawn is-sitwazzjonijiet, l-awtoritajiet jistgħu jqisu li għandhom biżżejjed informazzjoni sabiex jiddeterminaw li l-aġir inkwistjoni jmur kontra l-Artikolu 101(1)TFUE, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir eżami tax-xenarju kontrofattwali sabiex jiġu stabbiliti l-effetti tiegħu fuq is-suq ( 19 ). |
|
29. |
Ir-razzjonalità ekonomika ta’ ftehim la għandha tiġi konfuża mal-għarfien tal-impriżi kkonċernati u lanqas mal-intenzjoni suġġettiva tagħhom li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni ( 20 ). L-ebda wieħed minnhom ma huwa fattur determinanti biex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE, għalkemm – jekk jiġu pprovati – naturalment jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura antikompetittiva tal-ftehim ( 21 ). |
|
30. |
Kif turi s-sentenza fil-kawża BIDS, l-impriżi inkwistjoni jistgħu jkunu qed jaġixxu sabiex isegwu xi għan aħħari li huma jqisu bħala leġittimu (in casu, sabiex inaqqsu l-eċċessi ta’ kapaċità fl-industrija). Madankollu, anki azzjoni potenzjalment b’intenzjoni tajba hija immaterjali, jekk l-għan u l-mezzi tal-kooperazzjoni miftiehma għal dan il-għan ikunu, min-natura tagħhom stess, antikompetittivi (in casu, l-adozzjoni ta’ mekkaniżmu intiż li jħeġġeġ il-ħruġ mis-suq tal-kompetituri) ( 22 ). |
|
31. |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE tirrifletti sa ċertu punt – fil-fehma tiegħi – l-għażla oriġinali ta’ dawk li abbozzaw it-Trattat, li kellhom l-intenzjoni li jipprojbixxu kemm ftehimiet li saru bl-għan stess li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (restrizzjonijiet “minħabba l-għan”), kif ukoll dawk li, għalkemm saru għal raġuni oħra, madankollu kellhom “effett restrittiv” fuq il-kompetizzjoni (restrizzjonijiet “minħabba l-effett”) ( 23 ). L-interpretazzjoni attwali, għalhekk, tibni fuq dan l-approċċ oriġinali u tqis il-fatt ovvju li l-impriżi involuti huma normalment persuni ġuridiċi u, konsegwentement, mhux dejjem huwa realistiku, u jista’ jkun ukoll pjuttost diffiċli, li jiġu investigati l-intenzjonijiet (suġġettivi) tagħhom. |
|
32. |
Barra minn hekk, għalkemm il-pieni li jistgħu jiġu imposti mill-awtoritajiet jaqgħu fl-“isfera kriminali” għall-finijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ivarja mill-qalba tad-dritt kriminali ( 24 ). L-awtoritajiet ma għandhomx għalfejn jistabbilixxu element psikoloġiku għall-imġiba antikompetittiva, iżda biss dak materjali, biex iżommu lill-impriżi responsabbli għall-ksur. |
b) Kif tistabbilixxi restrizzjoni “minħabba l‑għan” (I)
|
33. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk forma partikolari ta’ aġir tikkostitwixxix restrizzjoni “minħabba l-għan”, għandhom jiġu eżaminati tliet aspetti: (i) il-kontenut tal-ftehim, (ii) il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jifforma parti minnu u (iii) l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq ( 25 ). |
|
34. |
L-eżami tal-kontenut tal-ftehim – li huwa, naturalment, il-punt tat-tluq tal-analiżi – jikkonċerna s-suġġett tal-kollaborazzjoni stabbilita mill-impriżi involuti jew, fi kliem ieħor, il-mekkaniżmu maħluq minnhom. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkun meħtieġ, “li jiġu eżaminati d-diversi aspetti tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni jippreżentax karatteristiċi li jippermettu li din tkun marbuta ma’ forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li hija ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni” ( 26 ). Fi kliem sempliċi: kif jopera dak il-ftehim? Jikkorrispondi għal forma ta’ aġir li, kif nafu, huwa tipikament dannuż? |
|
35. |
Fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqa’ l-aġir inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-setturi jew tas-swieq inkwistjoni” ( 27 ). Kemm il-fatturi ekonomiċi (pereżempju, l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul u l-espansjoni, il-konċentrazzjoni tas-suq, is-saħħa tal-kompetituri, is-setgħa kompensatorja tal-fornituri u tax-xerrejja, u oħrajn) kif ukoll fatturi legali (pereżempju, leġiżlazzjoni applikabbli, regoli relatati maħruġa minn korpi ta’ awtoregolamentazzjoni, eżistenza ta’ ftehimiet simili fis-suq li jistgħu jipproduċu effetti kumulattivi, u oħrajn) jistgħu jkunu rilevanti f’dan il-kuntest. Dan jiddependi, fil-parti l-kbira, miċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku. |
|
36. |
Pereżempju, jista’ jkun li “jkun biss meta ċerti kundizzjonijiet partikolari jkunu ssodisfatti li jista’ jiġi preżunt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni […] jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni normali” ( 28 ). Bl-istess mod, huwa possibbli li, minkejja li aġir partikolari jkun tipikament dannuż, f’suq partikolari ma jkun hemm l-ebda kompetizzjoni li tista’ tiġi ristretta ( 29 ). F’xi każijiet, jista’ jkun hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi eżaminat kif is-suq rilevanti evolva maż-żmien biex jiġi ddeterminat jekk prattika partikolari setgħetx, minkejja li ma kinitx antikompetittiva meta ġiet stabbilita l-ewwel darba, inżammet sussegwentement bil-ħsieb li ssegwi għan antikompetittiv ( 30 ). |
|
37. |
Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-aġir inkwistjoni – l-aħħar element tal-analiżi u, għal raġunijiet ovvji, wieħed kruċjali f’dan il-kuntest – għandhom jiġu stabbiliti l-għanijiet immedjati u diretti li dan l-aġir jipprova jilħaq mill-perspettiva tal-kompetizzjoni ( 31 ). Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet għandhom jippruvaw jidentifikaw ir-raġunijiet ekonomiċi primarji għall-kooperazzjoni bejn l-impriżi inkwistjoni ( 32 ). |
|
38. |
Barra minn hekk, kif ingħad fil-punt 29 iktar ’il fuq, għalkemm l-intenzjoni suġġettiva tal-partijiet ma hijiex fattur neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim huwiex restrittiv minħabba l-għan, dan il-fattur jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fejn rilevanti. Pereżempju, ma jkunx raġonevoli li ma jitqisux dokumenti interni u provi oħra li juru li l-persunal tal-partijiet kien konxju li l-legalità tal-aġir inkwistjoni kienet dubjuża ħafna u pprovda dikjarazzjonijiet ferm qarrieqa intiżi li jwasslu lill-awtoritajiet pubbliċi għal żball ( 33 ). |
|
39. |
Issa li dan kollu ġie ċċarat, id-domanda li jmiss – ta’ natura iktar prattika – hija kif dawn it-tliet settijiet ta’ elementi għandhom fil-fatt jiġu evalwati, sabiex jiġi ddeterminat jekk aġir partikolari għandux jew le, bħala l-għan tiegħu stess, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. |
|
40. |
Għal darba oħra, dan jiddependi mill-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ. Jidhirli li, skont il-ġurisprudenza reċenti, hemm żewġ linji ewlenin ta’ analiżi li jistgħu jadottaw l-awtoritajiet. |
c) Kif tiġi stabbilita restrizzjoni “minħabba l-għan” (II)
|
41. |
L-ewwel linja ta’ analiżi, li hija iktar “tradizzjonali”, hija tipikament adottata fejn il-ftehim inkwistjoni jkun jidher li jappartjeni għal kategorija ta’ ftehimiet li n-natura dannuża tagħhom hija magħrufa sew u ġeneralment aċċettata: pereżempju, l-iffissar tal-prezzijiet, il-limitazzjoni tal-produzzjoni u t-tqassim tas-swieq. Tabilħaqq, f’dawn il-każijiet l-esperjenza – jiġifieri l-analiżi ekonomika u l-prattika amministrattiva u ġudizzjarja tal-passat – tikkonferma li l-ftehimiet ikunu normalment antikompetittivi ( 34 ). |
|
42. |
Għaldaqstant, meta l-eżami tal-kontenut tal-ftehimiet juri li, prima facie, il-ftehim jikkostitwixxi (dik li spiss tissejjaħ) “restrizzjoni aperta” ( 35 ), allura l-eżami tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku, u tal-għanijiet tal-ftehim mhux dejjem jeħtieġ li jkun iddettaljat ħafna ( 36 ). Biex tiġi kkonfermata n-natura antikompetittiva tal-ftehim, l-awtoritajiet għandhom jivverifikaw biss li ma jeżistux ċirkustanzi speċifiċi li jistgħu jqiegħdu f’dubju n-natura dannuża preżunta tal-ftehim inkwistjoni ( 37 ). Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet għandhom jiżguraw li l-informazzjoni miġbura fl-investigazzjoni tagħhom, inkluża dik miġjuba għall-attenzjoni tagħhom mill-impriżi kkonċernati, tikkonferma li l-ftehim inkwistjoni, bħall-biċċa l-kbira tal-ftehimiet tal-istess kategorija, ikun intrinsikament antikompetittiv ( 38 ). Din it-tip ta’ analiżi tipprovdi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni b’qafas proċedurali ċar, amministrabbli u inekwivoku kontra forom ta’ aġir li huma manifestament dannużi, u b’hekk tiffranka lil tali awtoritajiet l-ispejjeż amministrattivi filwaqt li timminimizza r-riskju ta’ żbalji ( 39 ). |
|
43. |
It-tieni tip ta’ analiżi tikkonċerna l-ftehimiet li fir-rigward tagħhom ma tistax issir evalwazzjoni prima facie“sikura” tal-għan tagħhom, pereżempju minħabba li għandhom karatteristiċi oriġinali sinjifikattivi, jew għaliex jidhru li jappartjenu għal kategorija ta’ ftehim li normalment ma tkunx problematika. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet normalment ikollhom bżonn analiżi iktar profonda tal-kontenut, il-kuntest u l-għanijiet tal-ftehim inkwistjoni sabiex jiddeterminaw jekk għandux għan antikompetittiv. Tabilħaqq, ġurisprudenza reċenti, bħal dik tas-saga tal-ftehimiet “pay-for delay” ( 40 ), turi li l-għan antikompetittiv ma huwiex neċessarjament eskluż mill-fatt li ma tkun teżisti ebda prattika amministrattiva jew ġudizzjarja minn qabel fir-rigward ta’ aġir simili. |
|
44. |
Madankollu, f’dawn il-kawżi wkoll l-esperjenza tista’ tkun ta’ għajnuna biex jiġi ddefinit l-għan veru ta’ ftehim li – mad-daqqa ta’ għajn – ikun jidher innokwu. Il-kunċett ta’ “esperjenza” ma jistax jinftiehem f’sens dejjaq u statiku. L-importanti huwa li, bis-saħħa ta’ metodi ta’ analiżi legali u ekonomiċi stabbiliti sew, l-awtoritajiet jifhmu b’mod ċar il-mekkaniżmu legali maħluq mill-ftehim u għandhom għarfien tal-impatt ekonomiku li dan x’aktarx ikollu fuq is-suq. Huwa tabilħaqq possibbli li, fil-qalba tiegħu, ftehim jaħbi, jew huwa mill-aspett ekonomiku ekwivalenti għal, restrizzjoni aperta jew prattika oħra li n-natura dannuża tagħha hija raġonevolment ċara ( 41 ). |
|
45. |
Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “esperjenza”“neċessarjament jevolvi maż-żmien, fid-dawl ta[l-fatt li] l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti jiksbu iktar tagħrif u jżidu l-esperjenza, tal-ħolqien ta’ mezzi iktar sofistikati ta’ analiżi u tal-iżvilupp tal-ħsieb ekonomiku” ( 42 ). Din il-loġika, ovvjament, tapplika fiż-żewġ direzzjonijiet: l-esperjenza tista’ tħalli ċerti forom ta’ aġir ’il barra mill-“kaxxa tal-oġġetti” iżda tista’ wkoll iġġib oħrajn ġodda fi ħdanha. |
|
46. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li issa ser ngħaddi għall-kwistjonijiet imqajma mill-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
2. Ftehimiet no-poach u restrizzjonijiet “minħabba l-għan”
|
47. |
Mill-bidu, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rwol ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ssirilha domanda dwarhom, f’dan il-każ l-Artikolu 101(1) TFUE. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod definittiv jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih din taqa’, il-ftehim inkwistjoni għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, abbażi tal-informazzjoni fil-proċess li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, tagħmel kjarifiki intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-interpretazzjoni tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima ( 43 ). |
|
48. |
Fid-dawl ta’ dan, ser nipprova ngħin lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti gwida lill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ żewġ kwistjonijiet prinċipali: l-ewwel, jekk ftehimiet no‑poach jistgħux ġeneralment jitqiesu bħala intrinsikament antikompetittivi u, it-tieni, jekk iċ-ċirkustanzi speċifiċi li jwasslu għall-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni għandhomx ikunu ta’ importanza fl-evalwazzjoni. |
a) Kategorija potenzjali ta’ restrizzjonijiet “minħabba l-għan”
|
49. |
Nista’ niddikjara, mill-bidu nett, li ftehimiet no‑poach – ftehimiet li fihom żewġ impriżi jew iktar jaqblu li ma jimpjegawx jew ma jissolleċitawx persunal mingħand xulxin – għandhom, tal-inqas meta jkunu saru bejn kompetituri attwali u potenzjali, u sakemm ma jkunux anċillari għal tranżazzjoni leġittima li ma tkunx antikompetittiva, il-karatteristiċi kollha biex prima facie jitqiesu bħala restrittivi għall-kompetizzjoni “minħabba l-għan”. |
|
50. |
Ibda biex, ftehim no-poach jista’, b’mod pjuttost ċar, jitqies bħala forma ta’ tqassim ta’ fondi ta’ provvista (f’dan il-każ, provvista ta’ ħaddiema), li jikkostitwixxi aġir espressament indikat fl-Artikolu 101(1)(c) TFUE. Barra minn hekk, prattika reċenti mill-awtoritajiet ( 44 ) u mill-qrati ( 45 ) (kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f’postijiet oħra) kif ukoll boroż ta’ studju legali u ekonomiku ( 46 ), jidhru li jipprovdu indikazzjonijiet suffiċjenti u affidabbli għall-fehma li ftehimiet no-poach huma ġeneralment ta’ preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni. Tabilħaqq, fis-sentenza fil-kawża FIFA, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal aġir kollużiv li jikkonsisti fil-limitazzjoni jew fil-kontroll, f’ċerti setturi jew f’ċerti swieq, tar-“reklutaġġ ta’ ħaddiema ta’ livell għoli” possibbilment bħala restrizzjoni minħabba l-għan ( 47 ). |
|
51. |
Jiena naqbel ma’ dan. Minflok ma jikkompetu biex jirreklutaw l-aħjar impjegati – billi joffru salarji ogħla u/jew kundizzjonijiet u opportunitajiet tax-xogħol aħjar – l-impriżi inkwistjoni “jillokkjaw” l-istaff tagħhom, bl-effett li t-termini tal-kuntratti tagħhom jiġu “ffriżati”. L-iktar impriżi effiċjenti, li jkollhom l-inċentiv u l-abbiltà li jirreklutaw il-persunal li jqisu li huwa l-aħjar għall-bżonnijiet tagħhom, huma preklużi milli jagħmlu dan meta tali persunal ikun impjegat minn waħda mill-partijiet l-oħra tal-ftehim. |
|
52. |
Dan jirriżulta, inevitabbilment, f’allokazzjoni subottimali tar-riżorsi umani, telf ta’ effiċjenza u/jew innovazzjoni u, b’mod pjuttost ċar, pagi iktar baxxi għall-persunal. Is-suq tal-input (is-suq tax-xogħol) huwa ċertament affettwat b’mod negattiv u, bħala konsegwenza, anki s-suq tal-output (prodotti jew servizzi offruti mill-impriżi inkwistjoni) spiss jista’ jiġi affettwat b’mod simili. |
|
53. |
Għaldaqstant, ma għandi l-ebda diffikultà nikkonkludi – bi qbil ma’ dak li jsostnu, inter alia, l-AdC, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni – li r-razzjonalità ekonomika tal-biċċa l-kbira tal-ftehimiet no-poach bejn il-kompetituri hija antikompetittiva. |
|
54. |
B’dan premess – għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq – il‑konstatazzjoni li ftehim partikolari jappartjeni għal kategorija ta’ ftehimiet li huma tipikament restrittivi għall-kompetizzjoni bl-ebda mod ma huwa t-tmiem tal-analiżi. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut, il-kuntest ġuridiku u ekonomiku u l-għanijiet tal-ftehim speċifiku inkwistjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx ċirkustanzi speċifiċi li jistgħu jqanqlu dubju dwar in-natura dannuża tal-ftehim inkwistjoni. |
b) Iċ‑ċirkustanzi speċifiċi inkwistjoni fil‑kawża prinċipali
|
55. |
Fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ, hemm numru ta’ elementi li jidhru li jeskludu n-natura intrinsikament antikompetittiva tal-ftehim inkwistjoni. |
|
56. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-klabbs tal-futbol kkonkludew il-ftehim inkwistjoni, bl-appoġġ tal-assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol, matul il-pandemija tal-COVID‑19, bil-għan li jiġi żgurat li, minkejja l-interruzzjoni u d-dewmien, l-istaġun 2019/2020 ikun jista’ jitlesta mingħajr ma tiġi kompromessa l-integrità u l-ekwità tal-kampjonat. |
|
57. |
Fil-fehma tiegħi huwa pjuttost ovvju li, f’kuntest fejn kien fadal 10 logħbiet x’jintlagħbu, fl-assenza ta’ ftehim bħal dak inkwistjoni, kien ikun pjuttost faċli għal xi timijiet li jiżnaturaw il-progress xieraq tal-kampjonat. B’mod partikolari, billi jimpjegaw l-aqwa plejers tal-iktar kompetituri diretti tagħhom, fosthom dawk li l-kuntratt tagħhom ikun se jiskadi jew ikun ġie tterminat unilateralment, l-iktar klabbs sinjuri setgħu saħħew l-iskwadri tagħhom stess u fl-istess ħin dgħajfu lil tali kompetituri ( 48 ). Dan seta’ jiġri iktar u iktar peress li l-pandemija laqtet il-finanzi tal-klabbs tal-futbol b’mod pjuttost kunsiderevoli ( 49 ) u, għalhekk, mhux inkonċepibbli li dan il-fatt seta’ jaggrava d-differenza fil-ġid bejn id-diversi klabbs, u b’hekk kellu impatt fuq l-impjieg ta’ plejers ġodda. |
|
58. |
Nemmen li tali okkorrenza setgħet idgħajjef il-kredibbiltà tal-kampjonat kollu f’għajnejn, fost l-oħrajn, l-isponsors u s-sapporters. Għalhekk, ix-xewqa tal-klabbs li f’dawk l-aħħar 10 logħbiet iżommu l-istess skwadri simili kemm jista’ jkun għal dawk fl-ewwel parti tal-istaġun hija miżura li hija konsistenti mal-għan li tiġi żgurata l-integrità u l-ġustizzja tal-kompetizzjoni sportiva, fejn ir-riżultati huma bbażati fuq il-mertu u mhux fuq il-konvenjenza. Fis-sentenza fil-kawża FIFA, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li “jista’ jkun leġittimu, għal [assoċjazzjonijiet tal-futbol] li [jfittxu] li jiżgura[w], sa ċertu punt, l-istabbiltà fil-kompożizzjoni tal-persunal magħmul minn plejers li jservu bħala sors għat-timijiet li huma fformati minn dawn il-klabbs matul staġun partikolari, pereżempju billi [j]ipprojbixx[u] […] ix-xoljiment unilaterali tal-kuntratti ta’ xogħol matul l-istaġun, jew saħansitra ta’ sena partikolari” ( 50 ). Jidhirli li tali konstatazzjoni hija, mutatis mutandis, rilevanti wkoll f’dan il-każ. Fil-prattika, il-ftehim inkwistjoni kien maħsub biex jittardja, għal ċerti plejers, il-ftuħ tal-perijodu ta’ trasferimenti – li, għal raġunijiet ovvji, normalment ma jkunx possibbli f’perijodi li jkunu tant qrib it-tmiem tal-kampjonat ( 51 ) – sabiex dan jiġi allinjat mal-kalendarju l-ġdid tal-kampjonat. |
|
59. |
F’dan ir-rigward, inżid li jien mhux konvint mill-allegazzjoni tal-AdC u tal-Kummissjoni dwar ix-xebh relattiv bejn ir-regoli eżaminati fis-sentenza fil-kawża FIFA ( 52 ), li fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li kellhom għan antikompetittiv, u l-ftehim li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża. Fis-sentenza fil-kawża FIFA, l-ewwel nett, ir-regoli kienu fformulati f’“termini estremament ġenerali u impreċiżi li jistgħu jiġu implimentati b’mod diskrezzjonali, u għalhekk huwa imprevedibbli u diffiċilment jista’ jiġi kkontrollat” ( 53 ), u li jiġu invokati b’mod abbużiv ( 54 ). Kwalunkwe ksur ta’ dawn ir-regoli seta’ jwassal, b’mod prattikament awtomatiku u abbażi ta’ sempliċi preżunzjonijiet, għall-impożizzjoni ta’ pieni drakonjani u/jew dejjiema ( 55 ), li jċaħħdu lill-plejer minn “kull possibbiltà li jipparteċipa fil-futbol organizzat” ( 56 ) u “jesponi lill-klabb il-ġdid għar-riskju li jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ kumpens ta’ ammont potenzjalment kbir ħafna” ( 57 ). Bħala tali, dawn ir-regoli pproduċew “restrizzjoni ġeneralizzata u drastika tal-kompetizzjoni transkonfinali bejn klabbs [li testendi] minn perspettiva ġeografika, għat-territorju kollu tal-Unjoni u tippreżenta, fuq livell temporali, natura permanenti” ( 58 ). |
|
60. |
Ma narax x’karatteristiċi komuni għandhom iż-żewġ settijiet ta’ miżuri. |
|
61. |
Barra minn hekk, il-ftehim inkwistjoni ma kellux effett li huwa paragunabbli ma’ dak prodott mill-miżura eżaminata fis-sentenza fil-kawża Royal Antwerp. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat għal darba oħra li, ftehimiet jew deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li huma “intiżi għall-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq skont fruntieri nazzjonali, bil-għan li jikkostitwixxu mill-ġdid il-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali jew li jagħmlu iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali, jistgħu jkunu kuntrarji għall-għan tat-Trattati UE u FUE li huwa dak tat-twettiq tal-integrazzjoni ta’ dawn is-swieq permezz tal-ħolqien tas-suq intern u li, għal din ir-raġuni, bħala prinċipju, dawn għandhom jiġu kkategorizzati bħala ftehimiet li għandhom ‘bħala għan’ ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni” ( 59 ). Ma jista’ jiġi identifikat l-ebda effett bħal dan fil-kawża preżenti, peress li t-trasferimenti transkonfinali ma ġew affettwati mill-ftehim inkwistjoni f’ebda waħda minn dawn id-direzzjonijiet. |
|
62. |
Għaldaqstant, għalkemm il-ftehim inkwistjoni introduċa xi restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-klabbs li jikkompetu fir-rigward ta’ wieħed mill-inputs essenzjali tal-attività tagħhom (l-impjieg ta’ plejers ( 60 )), jiena tal-fehma li, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ, u fid-dawl tal-portata limitata tiegħu, dan il-ftehim qajla jista’ jitqies bħala intrinsikament antikompetittiv. |
|
63. |
Tabilħaqq, jista’ saħansitra jiġi argumentat li n-natura tal-ftehim inkwistjoni kienet favur il-kompetizzjoni. Il-ligijiet sportivi ma jiffunzjonawx bħal swieq ordinarji għal prodotti jew servizzi. L-ikbar ħolma ta’ kull klabb li jilgħab fil-lig ma hijiex li jaqla’ lill-kompetituri kollha tiegħu barra mis-suq u jsir monopolista de facto. Dan huwa fattwalment impossibbli u ma jagħmilx sens ekonomikament. In-numru ta’ klabbs huwa stabbli u l-prestazzjoni tagħhom fis-suq (ma’ sapporters, sponsors, xandara, u oħrajn) teħtieġ li jinżamm ċertu livell ta’ kompetittività fi ħdan il-kampjonat ( 61 ). Għalhekk, minn din il-perspettiva, ma jkunx irraġonevoli li jiġi kkunsidrat li, sa fejn il-ftehim inkwistjoni kien strumentali biex tiġi żgurata struttura kompetittiva xierqa fi ħdan il-kampjonat sa tmiem l-istaġun, ir-razzjonalità ekonomika tiegħu kienet li tippreżerva u ttejjeb il-kompetizzjoni. |
|
64. |
Nifhem li s-suq rilevanti għall-ftehim inkwistjoni huwa dak tat-trasferiment tal-plejers (il-lig innifsu ma joperax bħala suq). Madankollu, l-interdipendenza bejn it-tnejn hija ovvja: kieku l-lig jitlef l-integrità u l-kompetittività tiegħu, l-interessi tas-sapporters, l-isponsors u x-xandara x’aktarx jonqsu, bil-konsegwenza li s-suq tat-trasferimenti tal-plejers ibati wkoll peress li jkun hemm inqas investimenti, li jirriżulta f’sitwazzjoni ta’ telf kemm għall-klabbs u kemm għall-plejers. |
|
65. |
F’dan ir-rigward, meta mitluba waqt is-seduta biex tikkunsidra jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jitqies, għar-raġunijiet li għadni kif spjegajt, bħala li huwa ta’ natura favur il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni sempliċement rreferiet għall-effetti restrittivi ġeneralment prodotti mill-ftehimiet no-poach, mingħajr ma kkummentat fuq ir-razzjonalità ta’ dan il-ftehim speċifiku u l-kuntest attwali tiegħu. Fit-tweġiba finali tagħha fis-seduta, il-Kummissjoni saħansitra ddikjarat li, essenzjalment, ma kienx meħtieġ li jiġi kkunsidrat il-kuntest peress li l-ftehim inkwistjoni kien jikkostitwixxi restrizzjoni “minħabba l-għan”. |
|
66. |
Jiena ma naqbilx ma’ dan. Mhux biss il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija konsistenti fil-konstatazzjoni li l-kuntest huwa dejjem importanti ( 62 ), iżda diversi sentenzi li ngħataw matul dawn l-aħħar snin iċċaraw li – kif ġie spjegat fil-punt 40 iktar ’il fuq – tista’ tkun meħtieġa “analiżi ddettaljata” tal-kuntest (kif ukoll tal-kontenut u tal-għanijiet) fejn il-każijiet ma jkunux sempliċi ( 63 ). Hekk kif il-kuntest jista’ kultant iwassal sabiex ftehim li ma jaqax f’kategorija ta’ ftehimiet li huma tipikament restrittivi jitqies bħala antikompetittiv “minħabba l-għan”, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest jista’ wkoll ikollu l-effett oppost. |
|
67. |
Dan jispjega wkoll għaliex ninsab kemxejn perpless mir-riferimenti ripetuti, fis-sottomissjonijiet orali ta’ AdC, tal-Gvern Portugiż u tal-Kummissjoni, għat-test fis-sentenza fil-kawża Toshiba li jipprovdi li “l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li taqa’ fih il-prattika tista’ għalhekk tkun limitata għal dak li jirriżulta li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” ( 64 ). Jidher li dawn qegħdin jinterpretaw din is-silta bħala li tippermetti lill-awtoritajiet iwettqu analiżi ta’ malajr (jekk mhux superfiċjali) tal-kuntest fiċ-ċirkustanzi kollha. Din hija interpretazzjoni manifestament ħażina tas-sentenza fil-kawża Toshiba. Dawn il-partijiet jenfasizzaw it-termini “limitata” u “strettament”, filwaqt li jinjoraw it-terminu “neċessarju”, u jinjoraw il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti. |
|
68. |
Jidhirli li n-natura antikompetittiva tal-ftehim inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex sempliċi. Fil-fatt, il-kontenut tal-ftehim (il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tiegħu), il-kuntest tiegħu (il-pandemija tal-COVID‑19) u l-għan tiegħu (li jiġi żgurat tmiem ordnat tal-istaġun) jiċċaraw li evalwazzjoni iktar dettaljata u profonda tal-għan antikompetittiv (u, jekk xieraq, tal-effett) hija neċessarja. |
|
69. |
Fil-fatt, mitluba waqt is-seduta biex tispjega, fil-prattika, x’dannu ġie kkawżat lill-konsumaturi mill-ftehim inkwistjoni, l-AdC tħabtet biex tagħti tweġiba sinjifikattiva. Dik l-awtorità rreferiet għal kwistjonijiet potenzjali fir-rigward tal-ekwità jew il-ġustizzja tat-trattament riżervat għall-plejers. Kif jirriżulta ċar fil-punti 49 sa 53 iktar ’il fuq, fil-prinċipju ma iniex kontra li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ analiżi tal-kompetizzjoni, kwistjonijiet relatati max-xogħol u kif il-prattika tal-impriżi tista’ taffettwa dan is-suq. Madankollu, il-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tax-xogħol għandhom għanijiet differenti u huma rregolati minn prinċipji differenti. Fil-fatt, il-kuntratti tax-xogħol tal-plejers mal-klabbs tagħhom huma ġeneralment irregolati mil-liġi nazzjonali ( 65 ). F’xi pajjiżi, għal ċerti sports, hemm ukoll ftehimiet kollettivi unjonizzati fis-seħħ. Id-dritt tal-Unjoni – inkluż id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni – huwa pjuttost deferenzjali għal dawk il-liġijiet nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi ( 66 ). Għaldaqstant, kif kwistjonijiet tax-xogħol jinteraġġixxu ma’ kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni għandu jiġi spjegat bir-reqqa meta jitressaq każ taħt l-Artikolu 101 TFUE għal dannu allegatament ikkawżat lill-ħaddiema. F’dan il-każ, irrid ngħid li din l-interazzjoni għadha mhux ċara, bħalma għadha mhux ċara, konsegwentement, it-teorija speċifika tad-dannu wara d-deċiżjoni tal-AdC. |
|
70. |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha eventwalment tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet kollha kkunsidrati iktar ’il fuq, wara eżami bir-reqqa tal-kontenut, il-kuntest u l-għanijiet tal-ftehim inkwistjoni. |
|
71. |
Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim no-poach konkluż matul il-pandemija tal-COVID‑19 minn klabbs sportivi professjonali, bi qbil mal-assoċjazzjoni sportiva nazzjonali tagħhom, ma għandux jiġi kklassifikat bħala restrittiv minħabba l-għan, jekk ir-razzjonalità ġenwina tiegħu kienet li tiġi ppreżervata l-ekwità u l-integrità tal-kompetizzjoni sportiva affettwata mill-pandemija. |
IV. L‑ewwel u t‑tieni domanda
|
72. |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ftehim bħal dak inkwistjoni jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza Meca-Medina u, għal din ir-raġuni, jitqies bħala kompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE. |
|
73. |
Għandu jitfakkar li din hija l-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li toriġina mis-sentenza fil-kawża Wouters ( 67 ), iċċitata iktar ’il fuq, u li ġiet applikata għal attivitajiet relatati mal-isport għall-ewwel darba fis-sentenza fil-kawża Meca-Medina, u mbagħad imsemmija iktar reċentement fis-sentenzi ISU, Superleague u Royal Antwerp kif ukoll f’xi sentenzi sussegwenti ( 68 ). Essenzjalment, il-ġurisprudenza Meca-Medina tagħmilha ċara li l-ftehimiet li jirrestrinġu l-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi involuti ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE jekk: (i) huma ġġustifikati mit-twettiq ta’ għan jew għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li ma humiex ta’ natura antikompetittiva; (ii) il-mezzi speċifiċi użati biex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma ġenwinament meħtieġa għal tali għan; u (iii) anki jekk jirriżulta li l-mezzi għandhom effett inerenti, tal-inqas potenzjalment, li jirrestrinġu jew jiżnaturaw il-kompetizzjoni, dak l-effett inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni. |
|
74. |
Fil-punti 21 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON, iddiskutejt fid-dettall l-oriġini, il-loġika u l-portata ta’ din il-ġurisprudenza. Fl-interess tal-ekonomija ġudizzjarja, ser nirreferi lill-qarrejja għal dawk is-siltiet. Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati hemmhekk li issa ser niddiskuti l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Meca-Medina fir-rigward ta’ ftehim bħal dak inkwistjoni. Għal darba oħra, madankollu, id-deċiżjoni finali f’dan ir-rigward tispetta lill-qorti tar-rinviju. |
|
75. |
Mill-bidu, għandu jitfakkar li, kieku l-qorti tar-rinviju kellha tasal għall-konklużjoni li l-ftehim inkwistjoni huwa – kuntrarjament għall-evalwazzjoni preliminari tiegħi – restrittiv għall-kompetizzjoni minħabba l-għan, din il-ġurisprudenza ma tkunx applikabbli. L-analiżi tiegħi hawn taħt hija, għalhekk, ibbażata fuq is-suppożizzjoni li l-eżami finali mill-qorti tar-rinviju tal-ftehim inkwistjoni jikkonferma li dan ma għandux għan antikompetittiv. |
|
76. |
Kif jirriżulta mill-punt 70 iktar ’il fuq, it-test imfassal mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza Meca-Medina huwa essenzjalment magħmul minn tliet stadji suċċessivi tal-analiżi li, għal darba oħra, ma jistgħux isiru b’mod astratt iżda għandhom dejjem iqisu l-aġir inkwistjoni fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu ( 69 ). |
|
77. |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-ftehim inkwistjoni huwiex iġġustifikat mit-twettiq ta’ għan jew għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li ma humiex fihom infushom antikompetittivi. Wara li diġà ddeterminajt li ftehim bħal dak inkwistjoni ma kellux għan antikompetittiv, għad iridu jiġu vverifikati l-elementi li ġejjin: jekk l-għan segwit kienx denju ta’ protezzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni u jekk is-suġġetti li adottaw il-ftehim inkwistjoni kellhomx il-leġittimità li jaġixxu. Il-fehma preliminari tiegħi hija li ż-żewġ mistoqsijiet għandhom jitwieġbu fl-affermattiv. |
|
78. |
L-ewwel, skont l-Artikolu 165(2) TFUE, l-Unjoni tirrikonoxxi u tippromwovi “l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi” ( 70 ). Tabilħaqq, anki qabel ma t-Trattat ta’ Lisbona introduċa din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet espressament irrikonoxxiet l-interess ġenerali assoċjat ma’ dawn il-valuri ( 71 ). Il-ġurisprudenza reċenti kkonfermat b’mod inekwivoku li “huwa leġittimu li l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol professjonali jiġu suġġetti għal regoli komuni intiżi sabiex […] jippromwovu, b’mod adegwat u effettiv, iż-żamma ta’ kompetizzjonijiet sportivi bbażati fuq l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-mertu” ( 72 ). |
|
79. |
B’mod iktar speċifiku, fis-sentenza fil-kawża FIFA, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li: (i) “l-għan li tiġi żgurata r-regolarità tal-kompetizzjonijiet sportivi jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li jista’ jiġi segwit minn assoċjazzjoni sportiva, pereżempju billi jiġu adottati regoli li jistabbilixxu termini għat-trasferimenti ta’ plejers sabiex jiġu evitati trasferimenti tardivi li jistgħu jbiddlu b’mod sinjifikattiv il-valur sportiv ta’ tali jew tali tim matul kompetizzjoni u, b’hekk, li tiġi kkontestata l-komparabbiltà tar-riżultati bejn it-timijiet differenti involuti f’din il-kompetizzjoni kif ukoll, konsegwentement, l-iżvolġiment tajjeb tal-imsemmija kompetizzjoni fl-intier tagħha”, u (ii) “iż-żamma ta’ ċertu livell ta’ stabbiltà [fir-roster tal-plejers], u għalhekk ta’ ċerta kontinwità tal-kuntratti relatati magħhom, għandha għalhekk titqies bħala li tikkostitwixxi mhux għan leġittimu ta’ interess ġenerali fih innifsu, iżda bħala wieħed mill-mezzi possibbli li jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu ta’ interess ġenerali li jikkonsisti f’li tiġi żgurata r-regolarità tal-kompetizzjonijiet tal-futbol bejn il-klabbs” ( 73 ). |
|
80. |
Barra minn hekk, assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali bħall-LPFP – li assistew u kkooperaw mal-klabbs li kkonkludew il-ftehim inkwistjoni – ġew irrikonoxxuti b’mod konsistenti bħala li għandhom kemm ir-“responsabbiltà primarja fit-tmexxija tal-affarijiet sportivi”, li jgawdu għal dan il-għan ċertu latitudni “li jorganizzaw u jippromwovu l-isports partikolari tagħhom” ( 74 ), u kemm l-istatus ta’ interlokuturi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni dwar l-isports ( 75 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dan espressament ( 76 ). |
|
81. |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi jekk il-mezzi speċifiċi użati sabiex jintlaħaq l-għan inkwistjoni kinux verament meħtieġa għal dan il-għan. Fil-fehma tiegħi, dan il-kriterju ta’ “neċessità” jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju tivverifika prinċipalment tliet aspetti li huma strettament relatati, jiġifieri jekk il-ftehim inkwistjoni (i) sarx minħabba ħtieġa oġġettiva li jintlaħaq l-għan inkwistjoni; (ii) ġenwinament irrifletta sforz li tiġi żgurata l-kisba ta’ dan l-għan b’mod konsistenti; u (iii) kien adattat biex jilħaq dan l-għan, jiġifieri li deher adattat biex jagħti kontribut sinjifikattiv lejn il-kisba tiegħu. |
|
82. |
Hawnhekk, ukoll, irrid ngħid li, abbażi tal-informazzjoni inkluża fil-proċess, dawn it-tliet mistoqsijiet għandhom ukoll probabbilment jiġu mwieġba fl-affermattiv. In-natura eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID‑19 ħolqot riskju serju li l-klabbs ma jkunux jistgħu jlestu l-istaġun tal-futbol 2019/2020 jew, tal-inqas, li l-integrità u l-ekwità tal-parti finali tiegħu ma jkunux jistgħu jiġu żgurati. Fil-fehma tiegħi, ftit li xejn hemm dubju li kellha ssir xi ħaġa mit-timijiet tal-futbol u mill-assoċjazzjonijiet tal-futbol, biex “isalvaw dak li seta’ jiġi salvat” f’ċirkustanzi daqshekk inċerti u bla preċedent. |
|
83. |
Kif spjegat fil-punti 57, 58, 63 u 64 iktar ’il fuq, il-ftehim inkwistjoni jidher li huwa motivat mix-xewqa ġenwina tal-klabbs tal-futbol u tal-assoċjazzjoni nazzjonali li jiżguraw tmiem ġust u ordnat tal-istaġun, billi jiżguraw li l-istruttura kompetittiva tal-kampjonat tibqa’ ma tiġix affettwata. |
|
84. |
F’dan il-kuntest, nixtieq Infakkar li t-terminu “neċessità ġenwina” fit-test Meca-Medina ma jistax jiġi interpretat bħala “conditio sine qua non” sabiex jintlaħaq l-għan inkwistjoni. Kif spjegajt fil-punti 41 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON, il-korpi regolatorji kkonċernati neċessarjament jeħtieġu ċertu latitudni fl-għażla tal-miżuri li huma jqisu xierqa biex jipproteġu bl-aħjar mod l-interessi involuti. Biex nagħti biss eżempju wieħed, il-projbizzjoni għall-avukati li jipprattikaw fi sħubija sħiħa mal-kontabilisti, li kienet inkwistjoni fil-kawża Wouters, ma tistax titqies bħala assolutament essenzjali u indispensabbli biex jiġi żgurat “li l-konsumaturi finali tas-servizzi legali jkollhom il-garanziji meħtieġa ta’ integrità u esperjenza u ma’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” ( 77 ). Il-kelma prinċipali f’dan il-kuntest hija “raġonevolezza”: il-partijiet ikkonċernati jistgħu raġonevolment iqisu li l-miżura inkwistjoni tagħti kontribut sinjifikattiv għall-kisba tal-għan iddikjarat, filwaqt li kwalunkwe miżura inqas restrittiva għall-kompetizzjoni ma tkunx ugwalment effettiva? |
|
85. |
Kif spjegajt f’iktar dettall fil-punti 35 sa 37 tal-konklużjonijiet tiegħi f’ROGON, jiena konxju li t-terminu “raġonevoli”, li jidher fis-sentenza fil-kawża Wouters, iċċitata iktar ’il fuq, ma jidhirx fis-sentenzi fil-kawżi ISU, Superleague u Royal Antwerp. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ifformulat dan il-kunċett b’mod differenti, fil-punt 197 tas-sentenza fil-kawża Superleague. F’dik is-silta, hija ddikjarat li, meta jivverifikaw il-kundizzjoni tan-neċessità tal-miżura, il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali għandhom jevalwaw jekk “iż-żieda fl-effiċjenza mistennija […] tistax titwettaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi għall-kompetizzjoni”, iżda ma jistgħux jevalwaw id-diversi miżuri disponibbli abbażi tax-xewqat tagħhom. |
|
86. |
Finalment, il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi jekk l-effetti tal-ftehim inkwistjoni jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu, b’mod partikolari billi tiġi eliminata kull kompetizzjoni. Kif spjegajt, il-ftehim inkwistjoni kien jikkonċerna biss parametru wieħed li fuqu jikkompetu l-klabbs (l-impjieg ta’ plejers ġodda) – b’hekk, il-kompetizzjoni bejn il-klabbs ġiet ippreżervata fi kwalunkwe aspett ieħor – u dan biss għal xi plejers u għal perijodu qasir. Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li dak il-ftehim ma jeliminax il-kompetizzjoni kollha mis-suq jew mis-swieq ikkonċernati. |
|
87. |
Għaldaqstant, jidher li hemm kwistjoni prinċipali waħda li fuqha l-qorti tar-rinviju jista’ jkollha bżonn tiffoka f’dan il-kuntest: jekk kienx hemm miżuri oħra li, filwaqt li kienu ugwalment kapaċi jilħqu l-għan segwit, kienu wkoll inqas restrittivi għall-kompetizzjoni. Din hija, tabilħaqq, kwistjoni li l-qorti tar-rinviju hija kjarament fl-aħjar pożizzjoni biex tiddeċiedi, peress li teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi ta’ dritt u ta’ fatt. Madankollu, jidhirli li għadd ta’ karatteristiċi speċifiċi tal-ftehim inkwistjoni, jew tal-kuntest li fih ġie adottat, huma ta’ sinjifikat partikolari. |
|
88. |
L-ewwel, il-ftehim inkwistjoni kellu kamp ta’ applikazzjoni ġeografika u personali limitat: il-plejers impjegati mill-klabbs tal-futbol Portugiżi tal-Ewwel u tat-Tieni Diviżjoni li kienu parti għall-ftehim, li l-kuntratti tagħhom skadew jew ġew unilateralment mitmuma matul il-pandemija tal-COVID‑19. Il-klabbs baqgħu liberi li jimpjegaw, pereżempju, plejers minn klabbs li jilagħbu barra l-Portugall jew minn diviżjonijiet Portugiżi iktar baxxi. Il-ftehim kellu wkoll kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis pjuttost limitat: huwa applika biss matul il-perijodu meħtieġ biex jitlesta l-istaġun 2019/2020, u waqaf ikollu effett mill-għada tal-aħħar partita ta’ dak l-istaġun. |
|
89. |
It-tieni, minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, u l-inċertezza u l-kumplessità tas-sitwazzjoni, meta tikkunsidra l-eżistenza ta’ miżuri alternattivi – li hija l-AdC li għandha tindikahom – il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss dawk li kienu raġonevolment disponibbli u relattivament sempliċi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom. Naturalment, ma kienx perijodu li fih kien konċepibbli li jiġu prodotti studji u rapporti dettaljati, jew li jsir esperiment. Wara kollox, lanqas kien possibbli li jkun hemm laqgħat personalment, u l-pjattaformi onlajn żgur li ma kinux l-iktar mezz effettiv biex isiru diskussjonijiet twal u kumplessi. |
|
90. |
F’dan il-kuntest, lanqas ma ninjora l-fatt li, xi ġimgħat qabel il-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni, in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni ħareġ dikjarazzjoni konġunta li fiha rrikonoxxa l-ħtieġa eventwali ta’ kooperazzjoni bejn l-impriżi ( 78 ). Dan jista’ jikkorrobora l-fehma li l-klabbs tal-futbol u l-assoċjazzjoni nazzjonali setgħu raġonevolment iqisu li ċertu grad ta’ kooperazzjoni dwar aspetti li altrimenti kienu jikkompetu bil-qawwa fuqhom kien, eċċezzjonalment, meħtieġ f’dak il-perijodu. |
|
91. |
It-tielet, l-impatt tal-ftehim inkwistjoni fuq l-attività ekonomika tal-plejers tal-futbol involuti jidher li huwa relattivament minuri. Huma kienu ħielsa li jingħaqdu ma’ timijiet barra l-Portugall fi kwalunkwe ħin, u wkoll ma’ kwalunkwe tim fil-Portugall mill-għada tal-aħħar partita tal-istaġun. Meta wieħed iqis ir-rakkomandazzjoni tal-FIFA lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol biex jibdlu d-dati għall-perijodi għar-reġistrazzjoni tal-plejers ( 79 ), jidhirli li l-plejers qajla jistgħu jippretendu li tilfu opportunitajiet sinjifikattivi ta’ kuntratti ġodda minħabba l-ftehim inkwistjoni. Barra minn hekk, dan il-ftehim ma affettwax unilateralment – u ovvjament ma setax hekk jaffettwa – it-tul legali tal-kuntratti eżistenti tal-plejers; kwalunkwe estensjoni tiegħu (u, jekk xieraq, kwalunkwe remunerazzjoni żejda) kellha tiġi miftiehma bejn il-klabb u l-plejer ikkonċernat. Il-plejers kienu għalhekk ħielsa li jinnegozjaw u jirrifjutaw offerti li fil-fehma tagħhom ma kinux attraenti, filwaqt li jikkunsidraw opportunitajiet minn ligijiet oħra tal-futbol. |
|
92. |
Għalkemm il-ftehim seta’ wassal lill-plejers biex jaċċettaw offerti li kienu inqas minn dak li kienu jixtiequ, l-alternattiva disponibbli għal dawn il-plejers (ir-reġim temporanju għall-qgħad adottat mill-Gvern Portugiż matul il-pandemija) kienet – kif nifhimha jiena – finanzjarjament ferm inqas favorevoli għalihom. |
|
93. |
Għalhekk, il-fehma preliminari tiegħi hija li l-ftehim inkwistjoni sar sabiex jillimita, kemm jista’ jkun, l-impatt fuq il-kompetizzjoni bejn il-klabbs involuti, u li huwa diffiċli li jiġu identifikati miżuri alternattivi li huma ugwalment effettivi u inqas restrittivi. Meta wieħed iqis ukoll il-pożizzjoni espressa min-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni, jista’ jiġi argumentat li l-klabbs tal-futbol u l-assoċjazzjoni nazzjonali setgħu, f’dak iż-żmien, raġonevolment iqisu r-restrizzjoni għall-kompetizzjoni riżultat tal-ftehim inkwistjoni bħala neċessarja għall-kisba ta’ għan leġittimu ta’ interess ġenerali, u proporzjonata għal dan l-għan. |
|
94. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim no-poach bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza Meca-Medina sakemm, b’mod partikolari, huwa ġenwinament fittex li jiżgura l-integrità u l-ekwità tal-kompetizzjoni sportiva, u kien neċessarju u proporzjonat għal dan il-għan. |
V. Konklużjoni
|
95. |
Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll, il-Portugall) fis-sens li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim no-poach konkluż matul il-pandemija tal-COVID‑19 minn klabbs sportivi professjonali, bi ftehim mal-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali tagħhom,
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża ISU”).
( 3 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Superleague”).
( 4 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club (C‑680/21, EU:C:2023:1010) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Royal Antwerp”).
( 5 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:824) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża FIFA”).
( 6 ) B’riferiment għas-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Meca-Medina”).
( 7 ) C‑209/23 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża RRC Sports”).
( 8 ) C‑428/23 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża ROGON”).
( 9 ) Fid-domandi preliminari, dan il-ftehim inkwistjoni huwa msejjaħ “[f]tehim konkluż b’mod telematiku fuq il-pjattaformi Zoom jew Microsoft Teams fis‑7 ta’ April 2020 bejn il-klabbs sportivi tal-futbol professjonali kollha tal-Ewwel Diviżjoni u li għalih, sussegwentement, il-parti l-kbira tal-klabbs sportivi tal-futbol professjonali tat-Tieni Diviżjoni ta’ Stat Membru aderixxew, l-għada stess, permezz tal-istess proċedura, fiż-żewġ każijiet b’kollużjoni mal-assoċjazzjoni li, f’dan l-Istat Membru, għandha l-għan li tiggarantixxi u li tirregola l-attivitajiet tal-futbol professjonali, u li permezz tiegħu huma ftiehmu li ma jirreklutawx bejniethom plejers tal-futbol professjonali ta’ dawn id-diviżjonijiet li jkunu xoljew unilateralment il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom abbażi ta’ kwistjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 jew ma’ kwalunkwe deċiżjoni eċċezzjonali adottata minħabba fiha, b’mod partikolari, dik tal-estensjoni tal-istaġun sportiv”.
( 10 ) Konklużjonijiet fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punt 1) (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Budapest Bank”).
( 11 ) Ara, pereżempju, Kovar, J-P. u Kovar, R., “L’objet anticoncurrentiel au sens de l’article 101, paragraphe 1, du TFUE: Un objet difficile à identifier”, Concurrences No 1-2016, Art. No 77266, p. 48, u Idot, L., “La distinction restriction de concurrence par objet/restriction de concurrence par effet et l’article 101 TFUE: Un sujet de disputatio”, Concurrences No 3-2017, Art. No 93464, p. 1.
( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 58) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża CB”); tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 54) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Budapest Bank”); u tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 67) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Generics”).
( 13 ) Ara s-sentenza fil-kawża Superleague, punti 161 u 162.
( 14 ) B’mod simili, Ibáñez Colomo, P., “Restrictions by object under Article 101(1) TFEU: From dark art to administrable framework”, Yearbook of European Law, 2024, 00, p. 1 sa 37.
( 15 ) Ara s-sentenza fil-kawża Superleague, punti 163 u 164.
( 16 ) Ibid.
( 17 ) Ara, inter alia, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas (C‑211/22, EU:C:2023:529).
( 18 ) Ara, fi kliem ieħor, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:28, punt 163) (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Generics”).
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punti 139 sa 143) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Lundbeck”).
( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2022:384, punt 85).
( 21 ) Ara s-sentenza fil-kawża Superleague, iċċitata iktar ’il fuq, punt 167. Jiena nżid ukoll li s-sempliċi intenzjoni li tirrestrinġi l-kompetizzjoni hija fiha nnifisha insuffiċjenti biex tiġi stabbilita restrizzjoni. Nikkunsidraw, pereżempju, ftehim li huwa manifestament inkapaċi li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Ara, fuq din il-kwistjoni, is-sentenza CB, punt 54, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 107) (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża CB”).
( 22 ) Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża BIDS”).
( 23 ) Ara, fost l-oħrajn, Frumento, A., “Le regole di concorrernza fra imprese industriali nella Comunità economica europea”, Rivista Internazionale di Scienze Economiche e Commerciali, 1958, Nru. 1, p. 10; Joliet, R., “La légalité des clauses de fidélité d’approvisionnement au regard de l’article 85 du Traité de Rome”, Revue Critique de Jurisprudence Belge, 1968, p. 157; u, iktar reċenti u b’iżjed riferimenti, Petit, N., “La rationalisation au long cours de la restriction de concurrence par « objet » dans la jurisprudence de la Cour de Justice de l’Union européenne”, AJCA, 2015, p. 422 u 423.
( 24 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:63, punt 67), b’riferiment għall-kawża fundamentali Jussila tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 43).
( 25 ) Ara s-sentenza fil-kawża Superleague, punt 165.
( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Banco BPN/BIC Português et (C‑298/22, EU:C:2024:638, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża BPN”).
( 27 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza fil-kawża Superleague, punt 66.
( 28 ) Ara s-sentenza fil-kawża BNP, punt 48.
( 29 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet fil-kawża Generics, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, fil-letteratura legali, Odudu, O., “The object/effect distinction”, f’Charbit, N. u Ahmad, S., (edituri), Richard Whish QC (Hon) Liber Amicorum: Taking Competition Law Outside The Box, Concurrences, 2020, p. 112 et seq.
( 30 ) Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Budapest Bank, punt 61. Ara wkoll, fil-letteratura legali, Dekeyser, K. et (edituri), Regulation 1/2003 and EU Antitrust Enforcement – A Systematic Guide, Wolters Kluwer, 2023, p. 85.
( 31 ) Ara s-sentenza fil-kawża Superleague, punt 167.
( 32 ) Ara s-sentenza fil-kawża BPN, punt 56.
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punti 79 sa 99).
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza fil-kawża Budapest Bank, punti 76 u 79. Ara wkoll, il-konklużjonijiet fil-kawża CB, punt 79, u fil-kawża Budapest Bank, punti 65 sa 72. Dwar l-importanza tal-esperjenza, fil-letteratura legali, ara Bailey, D., “Restrictions of competition by object under Article 101 TFEU”, Common Market Law Review, Vol. 49, Issue 2, 2012, p. 562 sa 566.
( 35 ) B’dan it-terminu, nirreferi għal forom ta’ aġir li, għall-impriżi inkwistjoni, ma għandhom l-ebda interess ekonomiku għajr dak li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 29) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Toshiba”). Ser niddiskuti din is-sentenza iktar tard, fil-punti 66 u 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Ara l-konklużjonijiet fil-kawża Budapest Bank, punt 41 u 48, li fihom l-Avukat Ġenerali Bobek tkellem dwar “analiżi f’żewġ stadji”. Fil-letteratura legali, a Peeperkorn, L., “Defining restrictions ‘by object’”, Concurrences No 3-2015, Art. No 74812, p. 43 u 50, mutatis mutandis irrefera għal “żewġ livelli ta’ analiżi”.
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 143).
( 39 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet fil-kawża CB, punt 53. Fil-letteratura legali, ara, pereżempju, Jones, A., “Left behind by modernisation? Restrictions by object under Article 101(1)”, European Competition Journal, Vol. 6, Issue 3, 2010, p. 655.
( 40 ) Ara, b’mod speċjali, is-sentenzi fil-kawża Generics, punt 76; u fil-kawża Lundbeck, punti 129 sa 132; u s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il-Kummissjoni (C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 144). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Lundbeck vs Il-Kummissjoni (C‑591/16 P, EU:C:2020:428, punti 155 sa 157).
( 41 ) Ara, pereżempju, is-sentenza fil-kawża Generics, punt 77, u l-konklużjonijiet fil-kawża Generics, punt 163. Ara wkoll Dekeyser, K., et (edituri), nota ta’ qiegħ il-paġna 30, iktar ’il fuq, p. 84.
( 42 ) Il-konklużjonijiet fil-kawża Budapest Bank, punt 67.
( 43 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Em akaunt BG (C‑438/22, EU:C:2024:71, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RRC Sports, punti 36 sa 38.
( 44 ) Ara l-United States Department of Justice and Federal Trade Commission (id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ), “Antitrust guidelines for business activities affecting workers”, Jannar 2025 (li jissostitwixxi l-verżjoni preċedenti ta’ Ottubru 2016); u l-Kummissjoni Ewropea, Competition Policy Brief, “Antitrust in labour markets”, Mejju 2024.
( 45 ) Ara l-ġurisprudenza msemmija f’Polden, D. J., “No-poach agreements: An overview of US, EU, and national case law”, 1 ta’ Frar 2024, e-Competitions, Art. No 116824, u f’Posner, E. A. u Volpin, C., “No-poach agreements: An overview of EU and national case law”, 4 ta’ Mejju 2023, e-Competitions, Art. No 112194. Fir-rigward tal-Qrati tal-Unjoni, ara pereżempju l-konklużjonijiet reċenti tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:375, nota ta’ qiegħ il-paġna 34) (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża FIFA”).
( 46 ) Ara, fost l-oħrajn, Hovenkamp, H. J. u Areeda, P. E., “Antitrust Law: An Analysis of Antitrust Principles and Their Application”, punt 352 (aġġornat l-aħħar f’Settembru 2024), Kluwer, 2024; Posner, E. A., “Enforcement of U.S. antitrust law in labour markets”, Journal of Antitrust Enforcement, Vol. 11, Issue 2, 2023, p. 259 (u x-xogħlijiet tal-ekonomisti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 tiegħu); u Stutz, R. M., “The evolving antitrust treatment of labor-market restraints: From theory to practice”, American Antitrust Institute, 31 ta’ Lulju 2018.
( 47 ) Punt 129 tas-sentenza fil-kawża FIFA, b’riferiment għall-punti 107, 109 u 110 tas-sentenza fil-kawża Royal Antwerp.
( 48 ) Ara, bl-istess mod, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 55) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Lehtonen”): “It-timijiet li jieħdu sehem fil-play-offs għat-titlu jew għar-relegazzjoni jistgħu jibbenefikaw minn trasferimenti tard biex isaħħu l-iskwadri tagħhom għall-fażi finali tal-kampjonat, jew saħansitra anki għal logħba deċiżiva waħda”.
( 49 ) Ara, pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea: id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, ECORYS u SportsEconAustira, Studju ta’ mmappjar dwar il-kejl tal-impatt ekonomiku tal‑COVID-19 fuq is-settur tal-isport fl-Unjoni Ewropea – Rapport finali, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020, Taqsima 2.3.
( 50 ) Ara l-punti 143 u 144 ta’ dik is-sentenza.
( 51 ) Ara, għal darba oħra, is-sentenza fil-kawża Lehtonen, punt 54: “Trasferimenti tard jistgħu jkunu ta’ natura li jbiddlu sostanzjalment is-saħħa sportiva ta’ xi tim jew ieħor matul il-kampjonat, u b’hekk iqiegħdu fid-dubju l-komparabbiltà tar-riżultati bejn it-timijiet li jieħdu sehem f’dan il-kampjonat, u konsegwentement il-funzjonament tajjeb tal-kampjonat kollu kemm hu”.
( 52 ) Dawk ir-regoli, inklużi fir-Regolamenti tal-FIFA dwar l-Istatus u t-Trasferiment ta’ Plejers, kienu jikkonċernaw relazzjonijiet kuntrattwali bejn plejers u klabbs, u kienu relatati ma’ kumpens, sanzjonijiet sportivi u l-ħruġ ta’ ċertifikat internazzjonali ta’ trasferiment obbligatorju, f’sitwazzjoni ta’ allegata terminazzjoni ta’ kuntratt mingħajr raġuni valida.
( 53 ) Is-sentenza fil-kawża FIFA, punti 135 u 139.
( 54 ) Ibid., punt 141.
( 55 ) Ara l-konklużjonijiet fil-kawża FIFA, punt 53.
( 56 ) Ara punt 136 tas-sentenza fil-kawża FIFA.
( 57 ) Ibid., punti 137 u 139.
( 58 ) Ibid., punti 138 u 140.
( 59 ) Ara s-sentenza fil-kawża Royal Antwerp, punti 95 u 96. Enfasi miżjud.
( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża FIFA, punt 107, u s-sentenza fil-kawża Royal Antwerp, punt 107.
( 61 ) Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:293, punti 227 u 270), u tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2022:993, punt 166). Fil-letteratura legali, ara, pereżempju, Siekmann, R., “The specificity of sport: Sporting exceptions in EU law”, The International Sports Law Journal, 2011, p. 697.
( 62 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-punti 33 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 23 u 27 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ROGON.
( 63 ) Ara s-sentenza fil-kawża Lundbeck, punt 131, u s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il-Kummissjoni (C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punti 87, 144, 277 u 292). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Generics, punti 84 u 85, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2015:427, punt 74).
( 64 ) Punt 29 ta’ dik is-sentenza; enfasi miżjuda.
( 65 ) Ara, dwar din il-kwistjoni, O’Leary, L., “Professional team sports and collective labour law in the European Union”, f’Anderson, J., Parrish, R. u García, B. (edituri), Research Handbook on EU Sports Law and Policy, Edward Elgar Publishing, 2018, p. 410.
( 66 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Albany (C‑67/96, EU:C:1999:430), u tal‑4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media (C‑413/13, EU:C:2014:2411).
( 67 ) Sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Wouters”).
( 68 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et (C‑128/21, EU:C:2024:49, punti 97 sa 105), u tal‑25 ta’ Jannar 2024, Em akaunt BG (C‑438/22, EU:C:2024:71, punti 21 sa 35, u 42 sa 54).
( 69 ) Ara s-sentenza fil-kawża Meca-Medina, punt 42.
( 70 ) Dwar din il-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża RRC Sports, punti 32, 33 u 71.
( 71 ) Ara, pereżempju, is-sentenza fil-kawża Meca-Medina, punt 43.
( 72 ) Ara s-sentenza fil-kawża Superleague, punt 144.
( 73 ) Punti 100 u 102 tas-sentenza fil-kawża FIFA. Ara wkoll il-konklużjonijiet fil-kawża FIFA, punti 61 u 62 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 74 ) Ara, fost l-oħrajn, id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-isport u l-funzjoni soċjali tiegħu fl-Ewropa, li tagħha għandu jittieħed kont fl-implimentazzjoni tal-politika komuni ta’ Diċembru 2000; Kummissjoni Ewropea, White Paper –White Paper dwar l-Isport, COM(2007) 391 final, tal‑11 ta’ Lulju 2007, u l-Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat‑23 ta’ Novembru 2021 dwar il-politika tal-UE dwar l-isport: valutazzjoni u toroq possibbli ’l quddiem (2021/2058(INI)) (ĠU 2022, C 224, p. 2).
( 75 ) Ara, f’dan is-sens, Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (1 ta’ Jannar 2021 – 30 ta’ Ġunju 2024) (ĠU 2020, C 419, p. 1).
( 76 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punti 67 u 68).
( 77 ) Punt 97 ta’ dik is-sentenza.
( 78 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-istess idea mbagħad ġiet espressa mill-Kummissjoni fil-punt 3 tal-Komunikazzjoni tagħha – Qafas Temporanju għall-valutazzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-antitrust relatati mal-kooperazzjoni kummerċjali b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ urġenza li jirriżultaw mit-tifqigħa attwali tal-COVID‑19 (ĠU 2020, C 116 I, p. 7), li ġiet ippubblikata jum biss wara l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni.
( 79 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.