Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fil‑5 ta’ Ġunju 2025 (1)

Kawża C35/24 P

Dmitry Arkadievich Mazepin

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Inklużjoni ta’ isem l-appellant fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi kkonċernati – Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Interpretazzjoni – Kunċett ta’ “negozjant ewlieni” – Aġir personali speċifiku f’termini ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa – Kunċett ta’ ‘setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa’ – Eċċezzjoni ta’ illegalità”






I.      Introduzzjoni

1.        Dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw appell ippreżentat minn Dmitry Arkadievich Mazepin (2) intiż għall-annullament tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2023, Mazepin vs Il‑Kunsill (T‑282/22, EU:T:2023:701) (3). Permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellant, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, kontra:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/397 tad‑9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 80, p. 31, rettifiki fil-ĠU 2022, L 117, p. 118 u fil-ĠU 2022, L 156, p. 160), u

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/396 tad‑9 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 80, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 117, p. 117 u fil-ĠU 2022, L 154, p. 76), (4)

sa fejn dawn l-atti inkludew isem l-appellant fil-listi annessi magħhom. Permezz ta’ dawn l-atti, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea waqqaf lill-appellant milli jidħol jew jgħaddi mit-territorji tal-Istati Membri u ffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tiegħu f’dawn it-territorji.

2.        Il-kawża ineżami hija waħda mill-ewwel appelli ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fl‑2022 wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa (5). Hija tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, l-opportunità li tistabbilixxi l-interpretazzjoni u teżamina l-legalità tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(1)(e) u fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK (6), kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 (7), u fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 (8) kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/330 (9). Dan il-kriterju, komunement imsemmi bħala l-“kriterju (g)”, jipprevedi għall-elenkar ta’ negozjanti ewlenin involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

3.        L-appellant isostni inter alia li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata (10), billi kkonkludiet, essenzjalment, li l-osservanza tal-kriterju li jinsab fih la tirrikjedi li l-Kunsill juri xi aġir jew kontribuzzjoni speċifika min-naħa tal-persuna elenkata, b’mod partikolari f’termini ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u lanqas ma tirrikjedi li jistabbilixxi rabta mar-reġim ta’ dan il-pajjiż. Huwa jsostni wkoll li, jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, kellha titqies bħala korretta, il-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara din id-dispożizzjoni illegali fuq il-bażi tal-eċċezzjoni ta’ illegalità eċepita fl-ewwel istanza skont l-Artikolu 277 TFUE.

4.        Il-kawża ineżami hija marbuta mal-Kawżi C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P u C‑111/24 P, li joriġinaw mill-appelli ppreżentati, rispettivament, minn Dmitry Alexandrovich Pumpyanskiy, Tigran Khudaverdyan, Viktor Filippovich Rashnikov u German Khan mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li jikkonfermaw l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi skont l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Il-konklużjonijiet f’dawk il-kawżi qegħdin jingħataw ukoll illum u fihom niffoka fuq il-kwistjonijiet speċifiċi li l-Qorti tal-Ġustizzja talbitni neżamina f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-kriterju għall-elenkar, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-argumenti prinċipali komuni magħmula mill-appellanti.

II.    Il-fatti u l-proċedura

A.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma deskritti fil-punti 2 sa 15 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn il-fatti jistgħu jinġabru fil-qosor b’riferiment għall-fatti li ġejjin mhux ikkontestati.

6.        L-appellant huwa negozjant ta’ nazzjonalità Russa.

7.        Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145. Fl-istess jum, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 269/2014 fuq il-bażi tal-Artikolu 215(2) TFUE. Dawn iż-żewġ atti kienu jikkonċernaw miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

8.        Fil‑25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta kemm id-Deċiżjoni 2022/329 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll ir-Regolament 2022/330 li jemenda r-Regolament Nru 269/2014, li emendaw inter alia l-kriterji li skonthom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi setgħu jkunu s-suġġett tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

9.        L-Artikolu 1(1)(e) tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 (11), jipprekludi d-dħul jew it-tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri ta’ persuni fiżiċi li jissodisfaw kriterju essenzjalment identiku għal dak stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) ta’ din id-deċiżjoni. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi, min-naħa tagħha, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi inter alia tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw dan il-kriterju.

10.      B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jaqra kif ġej:

1.      “Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

[…]

(g)      negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

[…] għandhom jiġu ffriżati”.

11.      Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament 2022/330 (12), jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jistabbilixxi r-regoli ddettaljati li jirregolaw dan l-iffriżar ta’ fondi f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk użati fid-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. L-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jirriproduċi, essenzjalment, l-Artikolu 2(1)(g) ta’ din id-deċiżjoni.

12.      Fid‑9 ta’ Marzu 2022, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta l-atti kontenzjużi. Isem l-appellant ġie miżjud mal-lista annessa mad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, u mal-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, għar-raġunijiet segwenti:

“[L-appellant] huwa s-sid u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-kumpannija tal-fertilizzanti minerali Uralchem. Uralchem Group hija manifattur Russu ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti kimiċi, fosthom fertilizzanti minerali u ammoniac saltpetre. Skont il-kumpannija, hija l-akbar produttur ta’ nitrat tal-ammonju kif ukoll it-tieni l-akbar produttur tal-ammonijaka u ta’ fertilizzanti nitroġenużi fir-Russja. [L-appellant] huwa għalhekk involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.

Fl-24 ta’ Frar 2022, wara l-ewwel stadji tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, [l-appellant], flimkien ma’ 36 negozjant ieħor, iltaqa’ mal-President Vladimir Putin u membri oħra tal-Gvern Russu biex jiddiskutu l-impatt tal-linja ta’ azzjoni wara s-sanzjonijiet tal-Punent. Il-fatt li ġie mistieden jattendi din il-laqgħa juri li huwa membru fiċ-ċirku l-aktar qrib [tal-President] Putin u li qed jappoġġa jew jimplimenta l-azzjonijiet jew il-politiki li qed idgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ukrajna. Dan juri wkoll li huwa wieħed min-negozjanti ewlenin involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.

F’Diċembru 2021, [l-appellant] rreġistra mill-ġdid il-kumpanniji tiegħu bbażati f’Ċipru Uralchem Holding u CI-Chemical Invest, li jikkontrollaw “Uralchem”, sabiex jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni Russa fid-distrett amministrattiv speċjali fuq il-gżira ta’ Oktyabrsky fir-Reġjun ta’ Kaliningrad.”

13.      Fl‑10 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż għall-attenzjoni tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fl-atti kontenzjużi (ĠU 2022, C 114 I, p. 1).

14.      Fil‑21 ta’ April 2022, l-appellant talab lill-Kunsill jagħtih aċċess għad-dokumenti li kienu servew ta’ bażi għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh. Il-Kunsill issodisfa din it-talba fit‑28 ta’ April 2022.

B.      Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Mejju 2022, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament tal-atti kontenzjużi.

16.      Insostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant qajjem erba’ motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-oneru tal-prova, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali u, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-mori tal-kawża, l-appellant eċepixxa wkoll eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE kontra l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.

17.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellant.

18.      L-ewwel, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kriterju previst fih kien jimplika l-kunċett ta’ influwenza b’rabta mal-eżerċizzju ta’ attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, mingħajr kundizzjoni oħra dwar rabta mar-reġim ta’ dan il-gvern. Skont il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ dan il-kriterju, il-Kunsill ipprova juża l-influwenza li l-kategorija ta’ persuni kkonċernati x’aktarx teżerċita fuq ir-reġim Russu, billi jiġu mħeġġa jagħmlu pressjoni fuqu sabiex jibdel il-politika tiegħu. Il-kunċett ta’ “negozjant ewlieni” kellu għalhekk jinftiehem bħala li jirreferi għall-importanza ta’ dawn il-persuni fid-dawl, inter alia, tal-istatus professjonali tagħhom, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, tal-portata tal-assi kapitali tagħhom jew tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan waħda jew iktar mill-kumpanniji li fihom huma jeżerċitaw dawn l-attivitajiet (13).

19.      Skont il-Qorti Ġenerali, din l-interpretazzjoni kienet ikkorroborata mill-fatt li l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kien li jitkattru l-konsegwenzi negattivi tal-azzjonijiet intiżi li jipperikolaw l-integrità territorjali tal-Ukraina. Dan l-għan kien jimplika wkoll li l-espressjoni “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” tagħmel riferiment għas-setturi ekonomiċi u mhux għan-negozjanti (14).

20.      It-tieni, fir-rigward tal-fondatezza tar-raġunijiet għall-elenkar tal-appellant esposti fl-atti kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill ġustament ikkonkluda li l-appellant kien negozjant ewlieni, fatt li huwa ma kkontestax u li seta’ wkoll jiġi dedott mill-importanza ekonomika tal-kumpannija Uralchem li tagħha huwa kien il-proprjetarju u s-CEO (15). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kunsill kien ipproduċa sensiela ta’ provi suffiċjentement speċifiċi, preċiżi u konsistenti li jistgħu juru li l-appellant kien involut f’settur ekonomiku, jiġifieri s-settur tal-fertilizzanti, li kien jikkostitwixxi sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa (16).

21.      It-tielet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni tal-appellant ibbażat fuq l-illegalità tal-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata (17). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan il-kriterju ma jistabbilixxix preżunzjoni ta’ rabta bejn l-istatus ta’ negozjant ewlieni u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (18). Hija żiedet li dan il-kriterju jindirizza r-rieda tal-Kunsill li jeżerċita pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina (19). Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li teżisti relazzjoni razzjonali bejn (i) il-fatt li l-mira tkun fuq in-negozjanti ewlenin li joperaw f’setturi ekonomiċi li jipprovdu dħul sostanzjali lill-gvern, fid-dawl tal-importanza ta’ dawn is-setturi għall-ekonomija Russa, u (ii) l-għan tal-miżuri restrittivi fil-kawża ineżami, li huwa li tiżdied il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa u li jitkattru l-konsegwenzi negattivi tal-azzjonijiet tagħha intiżi li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (20).

III. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Permezz tal-appell tiegħu ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Jannar 2024, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla l-atti kontenzjużi;

–        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

23.      Fir-risposta tiegħu ppreżentata fid‑29 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

24.      Permezz ta’ digrieti tas‑7 u tal-31 ta’ Mejju 2024, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Repubblika Ċeka u lill-Kummissjoni Ewropea jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

25.      Inżammet seduta fil‑11 ta’ Frar 2025, li matulha l-appellant, il-Kunsill, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Latvja u l-Kummissjoni wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-espressjoni “negozjanti ewlenin” prevista fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.

IV.    Evalwazzjoni

26.      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji, li jallegaw, essenzjalment:

–        l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali injorat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, billi wettqet diversi żbalji ta’ liġi u żnaturat il-fatti;

–        it-tieni, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata;

–        it-tielet, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma skont l-Artikolu 277 TFUE kontra l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata;

–        ir-raba’, li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, fir-rigward tal-appellant u kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali u l-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE; u,

–        il-ħames, il-Qorti Ġenerali kisret u interpretat b’mod żbaljat il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

27.      Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet li jiġu eżaminati l-argumenti speċifiċi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, li jikkonċernaw, essenzjalment, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, it-tieni aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet analiżi tal-argumenti tal-appellant dwar iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fl-ewwel istanza skont l-Artikolu 277 TFUE. Dawn l-argumenti jinsabu fit-tieni parti tat-tielet aggravju. L-analiżi tiegħi ser tiffoka fuq dawn il-kwistjonijiet prinċipali, li fuqhom il-partijiet ikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom matul is-seduta, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja.

A.      Ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, it-tieni aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju

28.      Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, tat-tieni aggravju u tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kriterju li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Essenzjalment, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li din id-dispożizzjoni la teżiġi li l-Kunsill juri l-eżistenza ta’ aġir speċifiku tal-persuna elenkata, b’mod partikolari f’termini ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u lanqas li jistabbilixxi xi rabta mar-reġim ta’ dan il-pajjiż.

29.      Kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew li huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn “negozjanti ewlenin […] involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna”.

30.      L-appellant jaqsam l-ilment prinċipali tiegħu f’żewġ settijiet ta’ argumenti intiżi li jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel, l-espressjoni “negozjanti ewlenin” u, it-tieni, l-espressjoni “involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”.

1.      Fuq l-interpretazzjoni tal-espressjoni “negozjanti ewlenin”

31.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin”, l-appellant isostni li din l-espressjoni għandha tinftiehem bħala li teżiġi li l-persuna kkonċernata teżerċita influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Fil-fehma tiegħu, minn ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata – bħal fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, li tuża l-espressjoni “femmes et hommes d’affaires influents” (irġiel u nisa tan-negozju influwenti) – jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirrikjedi l-eżistenza ta’ aġir influwenti fir-rigward ta’ dan il-gvern jew l-eżistenza ta’ rabta miegħu sabiex jeżerċita din l-influwenza.

32.      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

33.      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta t-termini tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, li huwa l-każ hawnhekk f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata (21).

34.      L-ewwel, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tal-espressjoni “negozjanti ewlenin”, huwa fatt magħruf li l-kelma “negozjant” tirreferi għal persuna li taħdem fin-negozju, ġeneralment fuq livell eżekuttiv ta’ kumpannija. Barra minn hekk, it-terminu “negozju” jirreferi għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew kummerċjali. Għalhekk, it-terminu “negozjanti” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jalludi għal persuni li jeżerċitaw attività ekonomika jew kummerċjali fi ħdan kumpannija li tagħha huma proprjetarji jew li fiha għandhom funzjoni importanti (22).

35.      Min-naħa tiegħu, it-terminu “ewlenin” (“leading”) huwa aġġettiv iddefinit bl-Ingliż bħala li jfisser “very important or most important” (“importanti ħafna jew l-iktar importanti”) (23). Sa fejn l-espressjoni “negozjanti ewlenin” hija segwita, fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, mill-espressjoni “involuti fis-setturi ekonomiċi”, il-kunċett ta’ “ewlenin” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-importanza tan-negozjant ikkonċernat fis-settur li fih huwa jopera u għall-influwenza li din il-persuna tista’ teżerċita fi ħdan dan is-settur, li hija, essenzjalment, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, kif iddikjarat f’dak il-punt, in-natura “ewlenija” ta’ negozjant tista’ tiġi stabbilita fid-dawl, inter alia, tal-istatus professjonali tiegħu, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, tal-portata tal-assi kapitali tiegħu jew tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan waħda jew iktar mill-kumpanniji li fihom huwa jeżerċita dawn l-attivitajiet. Fl-appell tiegħu, l-appellant ma jikkontestax, speċifikament, din il-konstatazzjoni.

36.      Minn dan isegwi li, minn perspettiva letterali, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta kkonkludiet, essenzjalment, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill huwa biss obbligat li juri, sabiex jiġi stabbilit li persuna hija “negozjant ewlieni”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, li l-persuna kkonċernata teżerċita attività ekonomika jew kummerċjali fi ħdan kumpannija u li din il-persuna hija kkunsidrata, konformement mal-elementi deskritti fil-punt 54 tas-sentenza appellata, bħala negozjant importanti ħafna jew l-iktar negozjant importanti fis-settur ekonomiku li fih hija topera, b’tali mod li tista’ teżerċita influwenza fi ħdan dan is-settur.

37.      Huwa minnu li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jikkwalifikaw in-nom “negozjanti” b’kelma ekwivalenti għal “influential” (influwenti) bl-Ingliż, minflok “leading” (“ewlenin”). L-appellant jibbaża ruħu fuq dan il-fatt sabiex isostni li n-negozjanti kkonċernati minn din id-dispożizzjoni għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza mhux biss fi ħdan is-settur ekonomiku li fih huma joperaw, iżda speċifikament fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa nnifsu.

38.      Madankollu, f’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’verżjoni lingwistika waħda jew iktar ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea (24).

39.      Fil-kawża ineżami, nirrileva, f’konformità mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill matul is-seduta, li tnax-il verżjoni lingwistika tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, essenzjalment jikkwalifikaw in-nom “negozjanti” b’terminu ekwivalenti għal “leading” (“ewlenin”) bl-Ingliż (25). Minbarra dawn il-verżjonijiet, oħrajn jużaw kelma li tista’ tiġi tradotta bħala “prominent” (“prominenti”) jew “principal” (“prinċipali”) bl-Ingliż, li, minn perspettiva semantika, tirrifletti l-kelma “leading” (“ewlenin”) (26). Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “leading businesspersons” (“negozjanti ewlenin”) bl-Ingliż, huma għalhekk applikabbli b’mod sħiħ għal dawn il-verżjonijiet kollha.

40.      Min-naħa l-oħra, huma biss il-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża, Latvjana u Litwana li jikkwalifikaw in-nom “negozjanti” fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, b’aġġettiv li bl-Ingliż, huwa tradott bħala “influential” (influwenti). Madankollu, anki f’dawn il-lingwi, waħda mit-tifsiriet prinċipali ta’ “influwenti” hija l-kwalità li tkun “importanti” (27). Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-Artikolu (2)(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, kif teżiġi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq, il-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża, Latvjana u Litwana tal-espressjoni “negozjanti ewlenin” għandhom jiġu interpretati bl-istess mod bħall-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri bħala li jirreferu għall-importanza tan-negozjant ikkonċernat fis-settur ekonomiku li fih huwa involut u li fih huwa jista’ jeżerċita influwenza.

41.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn perspettiva letterali, l-argument tal-appellant li l-espressjoni “negozjanti ewlenin”, kif tinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, teżiġi li l-Kunsill juri aġir speċifiku tal-persuna elenkata, b’mod partikolari f’termini ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, jew li jistabbilixxi rabta mar-reġim ta’ dan il-pajjiż, ma huwiex fondat.

42.      It-tieni, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, irrid infakkar, qabelxejn, li l-kriterju għall-elenkar immirat għan-“negozjanti ewlenin”, kif previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, ġie introdott għall-ewwel darba bid-Deċiżjoni 2022/329. Din l-aħħar deċiżjoni ġiet adottata fil‑25 ta’ Frar 2022, jiġifieri l-għada li l-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukraina u li l-forzi armati Russi bdew attakk kontra dan il-pajjiż (28).

43.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, qabel ma ġie emendat bid-Deċiżjoni 2022/329, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 kien diġà jinkludi kriterju għall-elenkar li jippermetti, essenzjalment, li jitqegħdu fil-mira persuni li jistgħu jeżerċitaw influwenza individwali fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Dan kien, b’mod partikolari, il-każ tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, li kien jirrigwarda essenzjalment il-persuni fiżiċi li attivament jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lil persuni Russi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew li jibbenefikaw minnhom. Dan il-kriterju baqa’ fid-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, u dan jagħtini x’nifhem li interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tagħha fis-sens li jeżiġi l-prova ta’ aġir influwenti fir-rigward tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa u ta’ rabta mar-reġim li jiggverna dan il-pajjiż, kif isostni l-appellant, tkun sempliċement superfluwa u, għaldaqstant, mhux konsistenti minn perspettiva kuntestwali.

44.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, u bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet addizzjonali li ser nesponi iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, ma nqisx li l-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, issostni l-argument tal-appellant.

45.      It-tielet, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jagħmel parti minn kuntest ġuridiku li fih ġew adottati sensiela mingħajr preċedenti ta’ miżuri restrittivi intiżi, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 55 u 89 tas-sentenza appellata (29), sabiex jeżerċitaw pressjoni massima fuq il-Federazzjoni Russa billi jitkattru l-konsegwenzi negattivi għall-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar intiżi li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

46.      Dawn huma fil-fatt l-għanijiet tal-miżuri restrittivi adottati kontra l-Federazzjoni Russa kif ifformulati, essenzjalment, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il-Kunsill (C‑729/18 P, EU:C:2020:499, punt 59 (30)), li tiċċita wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 123) (31). Iż-żewġ sentenzi kienu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ miżuri restrittivi settorjali adottati fid-dawl tal-azzjonijiet li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, li seħħew qabel l-attakk fuq dak il-pajjiż mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl‑24 ta’ Frar 2022 (32). Madankollu, kuntrarjament għall-argumenti tal-appellant, l-għanijiet identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk is-sentenzi jibqgħu validi għall-interpretazzjoni tal-miżuri restrittivi individwali inkwistjoni fil-kawża ineżami, fid-dawl tal-fatt li, kif iddikjarat espliċitament fil-premessi 10 u 11 tad-Deċiżjoni 2022/329, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (33), fil-qafas ta’ risposta komuni għal sitwazzjoni li kompliet tiddeterjora wara dan l-attakk ġew adottati kemm miżuri restrittivi settorjali kif ukoll miżuri restrittivi individwali.

47.      F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma, konformement mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tan-negozjanti ewlenin fil-mira tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, tista’ raġonevolment tkun mistennija timmassimizza l-pressjoni eżerċitata fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex jirrinunzja għall-aggressjoni militari tiegħu fit-territorju Ukren. Wara kollox, dawn in-negozjanti ewlenin għandhom rwol ċentrali fiż-żamma tal-profittabbiltà tas-setturi ekonomiċi li fihom huma involuti u li, fl-aħħar mill-aħħar, isaħħu r-riżorsi finanzjarji li għandu l-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex iwettaq l-azzjonijiet u l-politiki tiegħu. Konsegwentement, billi jkollhom effett fuq l-attività tan-negozjanti ewlenin ikkonċernati, il-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża ineżami jistgħu jnaqqsu d-dħul li l-Gvern tal-Federazzjoni Russa jikseb mis-setturi rilevanti tal-ekonomija tiegħu, u b’hekk ikattru l-konsegwenzi negattivi tal-azzjonijiet militari tiegħu u jillimitaw il-kapaċità tiegħu li jipperikola l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

48.      Minn dan isegwi li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tas-sentenza appellata, teżisti relazzjoni razzjonali bejn, minn naħa, il-fatt li l-mira tkun fuq negozjanti ewlenin involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u, min-naħa l-oħra, l-għan tal-miżuri restrittivi fil-kawża ineżami. Kuntrarjament għall-argumenti tal-appellant, din ir-relazzjoni tibqa’ teżisti anki fl-assenza ta’ aġir konkret tal-persuna elenkata, b’mod partikolari f’termini ta’ influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, jew fl-assenza ta’ rabta bejn din il-persuna u r-reġim li jirregola dan il-pajjiż.

49.      L-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għalhekk ma teħtieġx eżami mill-ġdid tal-interpretazzjoni testwali u kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni, kif stabbilita fil-punti 36 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, hija ssostni l-fehma li l-espressjoni “negozjanti ewlenin” li tinsab f’din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Kunsill juri biss li l-persuna kkonċernata teżerċita attività ekonomika jew kummerċjali fi ħdan kumpannija u li din il-persuna hija kkunsidrata bħala, minn tal-inqas, negozjant importanti ħafna fis-settur li fih hija involuta, u b’hekk tista’ teżerċita influwenza fi ħdanu.

50.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ebda wieħed mill-metodi ta’ interpretazzjoni ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jeżiġi, kif isostni l-appellant, l-eżistenza ta’ aġir influwenti tal-persuna fil-mira fir-rigward tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa jew l-eżistenza ta’ rabta miegħu sabiex persuna tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “negozjant ewlieni”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.

51.      Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma tistax titqies li wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-espressjoni “negozjanti ewlenin” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.

52.      L-ewwel sensiela ta’ argumenti magħmula mill-appellant għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq l-interpretazzjoni tal-espressjoni “involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul”

53.      Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-espressjoni “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, kif stabbilita fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-espressjoni “involuti f’setturi ekonomiċi” li tinsab f’din id-dispożizzjoni u mhux għall-espressjoni “negozjanti ewlenin”. Huwa jsostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradetta mhux biss mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, iżda wkoll mill-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329, li tippreċiża li dan il-kriterju ġie adottat sabiex jitqegħdu fil-mira l-persuni li, weħidhom, jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Skont l-appellant, kull interpretazzjoni oħra tkun tfisser li l-aġir personali tan-negozjant ikkonċernat fir-rigward Gvern tal-Federazzjoni Russa jew il-kontribuzzjoni tiegħu għalih ma jkollhom assolutament ebda importanza għall-finijiet tal-elenkar tiegħu skont l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.

54.      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

55.      Bħala rimarka preliminari, infakkar illi, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, bl-espressjoni “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, kif stabbilita fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, qiegħed isir riferiment għas-setturi ekonomiċi li fihom huma involuti n-negozjanti ewlenin, u mhux għan-negozjanti nnifishom. Dan ifisser illi, sabiex japplika din id-dispożizzjoni, il-Kunsill irid biss jipproduċi l-prova li dawn is-setturi ekonomiċi jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa; ma hemm l-ebda rekwiżit ieħor biex juri l-eżistenza ta’ aġir mill-persuna kkonċernata jew rabta bejn din il-persuna u r-reġim Russu. Skont il-Qorti Ġenerali, din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża ineżami.

56.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandi qabelxejn nirrileva li l-formulazzjoni tal-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, timmilita kontra l-argument imqajjem mill-appellant.

57.      Dan huwa l-każ bil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, fejn l-ordni tal-komponenti differenti tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali ġustament interpretat l-espressjoni “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul” bħala li tirreferi għall-espressjoni “involuti fis-setturi ekonomiċi” immedjatament qabilha. Li kieku l-Kunsill xtaq jistipula li l-oriġini ta’ dan id-dħul kellu jkun in-negozjanti ewlenin innifishom, huwa seta’ raġonevolment jaqleb l-ordni ta’ dawn iż-żewġ espressjonijiet sabiex jagħmel dan awto-evidenti, peress li ma kien hemm l-ebda raġuni lingwistika li waqqfitu milli jagħmel dan.

58.      Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, idaħħlu pronom relattiv bejn l-espressjonijiet “involuti fis-setturi ekonomiċi” u “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” (34). F’dawn il-każijiet, ir-rabta bejn iż-żewġ elementi hija saħansitra iktar evidenti peress li l-espressjoni “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” neċessarjament issir il-klawżola subordinata tal-grupp nominali “setturi ekonomiċi”.

59.      Fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda l-verżjonijiet li l-appellant isostni li huma ambigwi, għandu jiġi rrilevat, minn perspettiva kuntestwali, li, sa fejn l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jorbot il-kelma “dħul” ma’ gvern nazzjonali bħala l-benefiċjarju tiegħu, l-iktar interpretazzjoni preċiża ta’ dan il-kliem hija li s-sors ta’ dan id-dħul għandu jkun settur ekonomiku iktar milli negozjant individwali (35). Din hija t-tifsira normali minn perspettiva makroekonomika fir-rigward tal-finanzi tal-Istat. Barra minn hekk, huwa evidenti li, li kieku l-intenzjoni tal-Kunsill kienet li s-sors sostanzjali ta’ dħul għandu jiġi minn negozjant ewlieni, l-espressjoni “involuti f’setturi ekonomiċi” kienet tkun superfluwa u ma kinitx tiddaħħal fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, peress li n-negozjanti kollha huma, mid-definizzjoni tagħhom stess, direttament jew indirettament involuti f’settur ekonomiku.

60.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jidhirli li tikkonferma din l-interpretazzjoni kuntestwali. Wara kollox, sa fejn l-għan tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi huwa, kif diġà ġie spjegat (36), dak li jiġu llimitati l-mezzi finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex tintemm il-politika tiegħu ta’ destabbilizzazzjoni u ta’ aggressjoni kontra l-Ukraina, dan l-għan jista’ jintlaħaq b’mod iktar effettiv billi jitnaqqas id-dħul provenjenti minn settur ekonomiku sħiħ, iktar milli mill-kontribuzzjoni individwali ta’ negozjant ewlieni.

61.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball, b’mod partikolari fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża ineżami, is-sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa kellu joriġina mis-setturi li fihom kienu involuti n-negozjanti ewlenin elenkati, u mhux minn dawn in-negozjanti stess.

62.      Mill-bqija, l-appellant isostni li l-interpretazzjoni esposta hawn fuq tikkontradixxi l-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329, li, kif diġà ġie rrilevat, emendat id-Deċiżjoni 2014/145 sabiex tinkludi kriterju ġdid skont l-Artikolu 2(1)(g) tagħha.

63.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329 tistabbilixxi li, “[f]id-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni jenħtieġ li jiġu emendati biex jinkludu […] persuni u entitajiet li jipprovdulu sors sostanzjali ta’ dħul [lill-Gvern tal-Federazzoni Russa]”. Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi fatt li din il-premessa tirreferi mhux biss għal persuni, iżda wkoll għal entitajiet jindika b’mod ċar li din ma tistax tinftiehem bħala li tirreferi esklużivament għal “negozjanti ewlenin”, iżda għandha tinqara bħala li talludi għal kunċett iktar wiesa’, jiġifieri settur ekonomiku sħiħ, inklużi l-persuni u l-entitajiet kollha li joperaw fih.

64.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk il-premessi ta’ att tal-Unjoni jikkostitwixxu elementi importanti ta’ interpretazzjoni, li jistgħu jiċċaraw ir-rieda tal-awtur ta’ dan l-att, dawn il-premessi ma għandhomx valur legali vinkolanti u la jistgħu jiġu invokati sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (37).

65.      Fil-kawża ineżami, peress li l-metodi ta’ interpretazzjoni ddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jwasslu sabiex jitqies li l-espressjoni “sors sostanzjali ta’ dħul” għandha tintrabat mal-espressjoni “involuti fis-setturi ekonomiċi”, u mhux mal-espressjoni “negozjanti ewlenin”, il-kontenut tal-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2022/329 ma jistax, waħdu, jikkontesta din l-interpretazzjoni.

66.      Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-espressjoni “sors sostanzjali ta’ dħul”, tfisser li l-aġir jew il-kontribuzzjoni personali tan-negozjant ikkonċernat ma għandha assolutament ebda importanza. Madankollu, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-interpretazzjoni tal-elementi differenti ta’ din id-dispożizzjoni tipprekludi li l-Kunsill ikun obbligat juri xi ħaġa iktar mill-fatt li l-persuna elenkata teżerċita attività ekonomika jew kummerċjali u li din il-persuna titqies li hija minn tal-inqas negozjant importanti ħafna fis-settur li fih hija tkun involuta, u li għalhekk tista’ teżerċita influwenza fi ħdanu.

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li ma jistax jingħad li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-espressjoni “li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, kif prevista fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, fis-sens allegat mill-appellant.

68.      Għaldaqstant, it-tieni sensiela ta’ argumenti mqajma mill-appellant għandha tiġi miċħuda.

69.      Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 52 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, it-tieni aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju

70.      Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma skont l-Artikolu 277 TFUE kontra l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Essenzjalment, huwa jsostni li, jekk il-kriterju li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkollu jiġi interpretat bħala li huwa mmirat biss lejn kull negozjant importanti f’settur rilevanti għall-ekonomija Russa, mingħajr ebda obbligu li juri aġir speċifiku min-naħa tiegħu fir-rigward tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa, dan il-kriterju jkun illegali peress li ma jkunx qiegħed jipprova jwassal għal xi bidla fl-aġir ta’ dik il-persuna, kif teżiġi l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-appellant isostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, twassal għal sitwazzjoni li fiha persuni jiġu ssanzjonati għal dak li huma, u mhux fid-dawl ta’ dak li jagħmlu jew għandhom jagħmlu. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kawża ineżami, huwa jistaqsi kif l-applikazzjoni tal-kriterju li jinsab f’din id-dispożizzjoni tista’ taffettwa b’xi mod l-Istat Russu.

71.      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

72.      Skont l-Artikolu 277 TFUE, kull parti tista’, fi proċeduri li fihom ikun hemm inkwistjoni att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, tinvoka l-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att.

73.      Fil-kawża ineżami, mill-punti 84 sa 92 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità eċepita kontra l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, billi qieset, essenzjalment, li teżisti relazzjoni diretta bejn il-fatt li jitqiegħdu fil-mira n-negozjanti ewlenin kkonċernati minn din id-dispożizzjoni u l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni f’dan il-każ. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jinkludi kundizzjonijiet dwar l-aġir personali tal-persuni kkonċernati, jiġifieri l-influwenza tagħhom, minħabba l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom f’ċerti setturi, li jippermetti li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti bejn dawn il-persuni u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

74.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati tal-Unjoni għandhom, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom tal-miżuri restrittivi, jirrikonoxxu lill-Kunsill setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-definizzjoni tal-kriterji ġenerali li jiddefinixxu l-kategorija ta’ persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżuri (38). Dan huwa ġeneralment spjegat mill-fatt li, anki jekk l-Artikolu 24(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jagħtu ġurisdizzjoni, bħala deroga, lill-Qrati tal-Unjoni f’dan il-qasam speċifiku tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), dawn il-qrati ma jistgħux jissostitwixxu l-għażliet politiċi jew strateġiċi magħmula mill-Kunsill meta adotta l-miżuri restrittivi (39). Il-livell ta’ skrutinju li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jeżerċitaw fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom huwa għalhekk limitat (40).

75.      Madankollu, dan ma jfissirx li l-Kunsill jista’ jaġixxi b’mod arbitrarju. Jekk ikun mod ieħor, id-deroga prevista fl-Artikolu 24(1) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE titlef l-effett utli tagħha (41). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istħarriġ tal-legalità ta’ miżura għandu jsir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (42), li jfisser, essenzjalment, li hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ tali miżura, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (43).

76.      F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar, qabel kollox, li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tapprova kriterju fformulat f’termini simili għal dak inkwistjoni fil-kawża ineżami. Qiegħed nirreferi għas-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill (C‑241/19 P, EU:C:2020:545) (44), li kienet tikkonċerna l-kriterji previsti fl-Artikolu 27(2)(a) u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK (45), fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 (46). Permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kunsill ipprekluda d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri u ffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għan-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”, fil-kuntest tar-ripressjoni vjolenti mġarrba mill-popolazzjoni ċivili ta’ dan il-pajjiż.

77.      Għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fid-dawl tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata (47), li l-ekonomija Sirjana kienet ikkontrollata mill-qrib mir-reġim Sirjan u li l-komunità tan-negozju u dan ir-reġim kienu stabbilixxew relazzjoni ta’ interdipendenza. F’dan il-qafas, iċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja seta’ jżomm l-istatus tiegħu biss billi jżomm rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan. Konsegwentement, is-sempliċi fatt li jappartjenu għal din il-kategorija ta’ persuni kien suffiċjenti sabiex jippermetti li jittieħdu l-miżuri neċessarji, mingħajr ma kien neċessarju li tiġi prodotta prova tar-rabta bejn il-fatt li wieħed ikun negozjant ewlieni u r-reġim Sirjan (48).

78.      Madankollu nosserva li, minkejja l-formulazzjoni simili tagħhom, l-applikazzjoni tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, hija kkaratterizzata minn differenza importanti meta mqabbla mal-kriterju li jinsab fid-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata. Fil-fatt, fil-każ tal-miżuri restrittivi adottati wara l-attakk fuq l-Ukraina mill-forzi armati Russi, l-elenkar ta’ negozjanti ewlenin ma jirreferix għal relazzjoni ta’ interdipendenza li teżisti bejn il-komunità tan-negozju tal-Federazzjoni Russa u r-reġim ta’ dan il-pajjiż. Fil-fatt, dawn in-negozjanti ma humiex fil-mira minħabba r-rabta mill-qrib tagħhom mal-mexxejja politiċi Russi, iżda pjuttost minħabba l-attività kummerċjali tagħhom f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa (49).

79.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jistax jiġi adottat f’dawn iċ-ċirkustanzi. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha teżamina jekk dan il-kriterju jistax jitqies li huwa legali fl-assenza ta’ obbligu impost fuq il-Kunsill li juri, l-ewwel, rabta diretta jew indiretta bejn il-persuna fil-mira u l-azzjonijiet u l-politiki tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa fir-rigward tal-Ukraina u, it-tieni, aġir speċifiku tan-negozjant ewlieni kkonċernat, lil hinn mis-sempliċi influwenza ekonomika li l-attività professjonali tiegħu tista’ teżerċita fuq l-ekonomija tal-Federazzjoni Russa u, għaldaqstant, fuq id-dħul miksub mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

80.      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn id-domandi, niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128), li fiha hija adottat kriterju għall-elenkar immirat lejn persuni jew entitajiet li ma kienx jeżiġi l-prova ta’ konnessjoni attwali, diretta jew indiretta, mal-proliferazzjoni nukleari, kif imsemmija minn dik is-sensiela ta’ miżuri restrittivi. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, essenzjalment, li, anki fl-assenza ta’ tali konnessjoni, dawn il-persuni u entitajiet setgħu jiġu elenkati sa fejn huma setgħu jiffavorixxu l-proliferazzjoni nukleari billi jipprovdu lill-Gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika (50).

81.      Fil-fehma tiegħi, hemm raġunijiet serji biex id-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu applikati għall-kawża ineżami. Wara kollox, kif sostnejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:274, punt 52), ir-ratio decidendi ta’ din il-ġurisprudenza huwa li jintemmu l-azzjonijiet li huma fil-mira ta’ dawn il-miżuri billi jitnaqqsu r-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dan l-għan, indipendentement mill-oriġini tagħhom u, b’mod partikolari, mill-eżistenza ta’ rabta bejn il-persuna fil-mira u l-azzjonijiet u l-politiki tal-gvern ikkonċernat. Fil-kawża ineżami, l-attivitajiet ekonomiċi tan-negozjanti ewlenin li huma fil-mira tal-miżuri restrittivi inkwistjoni f’dan il-każ huma strumentali għall-finanzjament tal-baġit tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Għaldaqstant, huwa irrilevanti jekk dawn in-negozjanti għandhomx rabta diretta jew indiretta ma’ dan il-gvern jew mal-azzjonijiet u mal-politiki tiegħu fir-rigward tal-Ukraina.

82.      Fir-rigward tat-tieni domanda, l-argument tal-appellant huwa bbażat fuq l-ipoteżi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa kienet tirrigwarda każijiet li fihom l-aġir personali tal-persuna fil-mira tal-miżuri wassal għall-inklużjoni tagħha fil-listi ta’ persuni jew ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, peress li dan l-aġir huwa prerekwiżit sabiex hija tiġi imputata bis-sitwazzjoni li dawn il-miżuri huma intiżi li jirrimedjaw. L-appellant isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma adottat kriterju għall-elenkar biss fuq il-bażi tal-istatus professjonali tal-persuna kkonċernata, jiġifieri negozjanti f’setturi ekonomiċi profittabbli.

83.      Għandi nenfasizza li, anki jekk jiġi preżunt li l-osservazzjonijiet tal-appellant kienu korretti, dan, fih innifsu, ma jfissirx li kriterju għall-elenkar li ma jeħtieġx aġir personali tal-persuni fil-mira, għall-għan tal-elenkar tagħhom, għandu jitqies illegali per se. Wara kollox, kif imfakkar fil-punt 74 ta’ dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar id-definizzjoni ġenerali u astratta tal-kriterji legali u tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, li jfisser li hija biss miżura li tkun manifestament mhux xierqa meta mqabbla mal-għan imfittex mill-Kunsill li għandha tiġi annullata.

84.      F’dan ir-rigward, nirrileva, preliminarjament, li l-appellant ma jikkontestax il-leġittimità tal-għan imfittex mill-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għan li l-Qorti Ġenerali identifikat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, bħala intiż għaż-żieda tal-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa kif ukoll għat-tkattir tal-konsegwenzi negattivi tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar intiżi li jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (51). L-appellant lanqas ma jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li dan l-għan huwa konformi ma’ dak taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE. Madankollu, huwa jikkontesta l-adegwatezza tal-elenkar tan-negozjanti ewlenin imsemmija fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, bħala mezz sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

85.      Madankollu, inqis li l-argument tal-appellant għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li ġejjin.

86.      Fl-ewwel lok, kif diġà spjegajt fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, in-negozjanti ewlenin jistgħu jkunu fil-mira minħabba l-attività professjonali tagħhom f’setturi ewlenin tal-ekonomija Russa, sa fejn l-eżitu ta’ dawn l-attivitajiet huwa marbut mill-qrib mal-finanzjament tal-baġit tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Essenzjalment, l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi tagħmilha iktar diffiċli li huma jwettqu l-attivitajiet tagħhom, li jista’ jippreġudika l-ekonomija Russa (52) u, għaldaqstant, jikkontribwixxi sabiex jitkattru l-konsegwenzi negattivi tal-aggressjoni militari kontra l-Ukraina. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li teżisti relazzjoni razzjonali bejn it-tqegħid fil-mira tan-negozjanti ewlenin li joperaw f’setturi ekonomiċi li jipprovdu dħul sostanzjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri li tiġi eżerċitata pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex itemm din l-aggressjoni.

87.      Barra minn hekk, b’risposta għall-ilment tal-appellant li jgħid li l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, ma jiddeterminax speċifikament liema huma s-setturi li jipprovdu dħul sostanzjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, għandu jingħad li anki l-formulazzjoni ta’ din l-espressjoni taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Kunsill għandu sabiex jiddefinixxi l-kriterji ġenerali applikabbli f’sistema ta’ miżuri restrittivi. L-applikazzjoni tal-kunċett li jinsab f’din l-espressjoni għal każ speċifiku tista’ tiġi ddeterminata każ b’każ dejjem sakemm din l-evalwazzjoni tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, li huwa l-każ f’din il-kawża (53). Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jargumenta l-appellant, ma nqisx li l-assenza ta’ determinazzjoni fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, tas-setturi ekonomiċi kkonċernati minn din id-dispożizzjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fl-aħħar mill-aħħar, bl-użu tal-espressjoni “setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jipprevedi biżżejjed elementi speċifiċi sabiex jingħarfu l-każijiet li fihom din l-espressjoni tista’ tiġi applikata, u għalhekk bi qbil mar-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (54).

88.      Fit-tieni lok, kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (55), l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih ġiet adottata din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm f’moħħha mhux biss iċ-ċirkustanzi straordinarji u li qegħdin dejjem jiżviluppaw li fihom ġew adottati l-miżuri restrittivi inkwistjoni, iżda wkoll l-effetti kumulattivi li l-miżuri kollha meħuda kontra l-Federazzjoni Russa wara l-attakk tagħha kontra l-Ukraina kienu intiżi li jipproduċu minn perspettiva globali.

89.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew adottati f’kuntest straordinarju ta’ urġenza estrema, li għalih isir riferiment fil-premessi 3 sa 10 tad-Deċiżjoni 2022/329. Dawn il-miżuri kienu parti integrali minn pakkett ta’ portata bla preċedent ta’ miżuri adottat mill-Kunsill b’mod rapidu, magħqud, iggradwat u kkoordinat (56). Kif enfasizza ġustament il-Kunsill matul is-seduta, l-Unjoni wieġbet b’mod robust għal ksur tal-obbligi imposti erga omnes mid-dritt internazzjonali sabiex taġixxi kontra l-aggressjoni militari kontra l-Ukraina mill-Federazzjoni Russa (57), billi użat għal dan l-għan il-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tagħha li ma kinux jinvolvu l-użu tal-forza.

90.      It-tieni, il-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2022/329 tippreċiża li, skont il-Kunsill, kull aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina jkollha konsegwenzi massivi u negattivi serji, inkluż firxa wiesgħa ta’ miżuri restrittivi settorjali u individwali li jiġu adottati f’koordinazzjoni mal-imsieħba. Konsegwentement, għandu jitfakkar li, kif isostni l-Gvern tar-Repubblika Ċeka, l-adegwatezza tal-miżuri restrittivi inkwistjoni tiddependi mhux biss mill-effett tagħhom fuq grupp wieħed ta’ individwi, bħan-negozjanti ewlenin ikkonċernati mill-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, iżda mill-effett kumulattiv tal-miżuri kollha adottati mill-Kunsill sabiex idgħajjef il-bażi ekonomika tar-Russja u jipperikola l-kapaċità tal-Federazzjoni Russa li tkompli tiffinanzja u tmexxi l-gwerra.

91.      Minn dan isegwi li l-kriterju li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, flimkien mal-kuntest li fih ġew adottati dawn il-miżuri u mal-gravità partikolari tas-sitwazzjoni kif enfasizzata mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2022/329, isostni l-konstatazzjoni li l-miżuri restrittivi adottati kontra negozjanti ewlenin ma humiex manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan tagħhom.

92.      Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-kriterju li jinsab fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, ma għandux jiġi ddikjarat illegali.

93.      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, konsistenti mal-punt 92 tas-sentenza appellata, fejn, kif diġà ġie ddikjarat, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, jinkludi kundizzjonijiet dwar l-aġir personali tal-persuni kkonċernati. Fil-fatt, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-aġir ta’ dawn il-persuni u għall-influwenza tagħhom f’dak li jirrigwarda s-setturi ekonomiċi li fihom huma joperaw, u mhux għal aġir jew għal influwenza speċifiċi fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa jew għal rabta mar-reġim li jiggverna dan il-pajjiż.

94.      Mill-bqija, peress li l-appellant isostni li huwa diffiċli li jiġi aċċertat kif il-persuni elenkati għandhom jaġixxu sabiex ma jiġux elenkati jew sabiex jitneħħew mil-lista, għandu jiġi enfasizzat li n-negozjanti ewlenin jistgħu jitneħħew mil-lista jekk huma jkunu jistgħu juru li telqu mill-kariga li kienet tikkostitwixxi l-bażi tal-elenkar tagħhom. Għal darba oħra, għalkemm tali sitwazzjoni tista’ tiġġustifika l-elenkar inizjali, din ma jistax ikollha bħala konsegwenza li s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata tiġi ffriżata fil-ħin u li l-eżerċizzju ta’ eżami mill-ġdid perijodiku jiġi mċaħħad minn kull effett utli, sakemm il-Kunsill ma jkunx għadu jista’ juri riskju ta’ evażjoni, li hija kwistjoni li ma tqajmitx speċifikament mill-kawża ineżami.

95.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-appellant ma jista’ juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-eċċezzjoni ta’ illegalità eċepita kontra l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, skont l-Artikolu 277 TFUE, kellha tiġi miċħuda.

96.      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

V.      Konklużjoni

97.      Fid-dawl tal-analiżi esposta f’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fir-rigward tar-raba parti tal-ewwel aggravju, tat-tieni aggravju u tat-tielet aggravji tal-appell, sa fejn dawn jikkonċernaw kemm l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, kif ukoll l-eċċezzjoni ta’ illegalità eċepita fl-ewwel istanza mill-appellant skont l-Artikolu 277 TFUE.

98.      Ma nesprimi l-ebda opinjoni fir-rigward tal-kumplament tal-aggravji sostnuti mill-appellant jew dwar liema parti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


1      Lingwa oriġinali: L-Ingliż.


2      Iktar ’il quddiem l-“appellant”.


3      Iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.


4      Iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kontenzjużi”.


5      Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill (C‑271/24 P, EU:C:2025:180), u l-konklużjonijiet tiegħi f’Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑702/23 P, EU:C:2025:273) u f’Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:274).


6      Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).


7      Direttiva tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Direttiva 2014/145 (ĠU 2022, L 50, p. 1).


8      Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).


9      Regolament tal‑25 ta’ Mejju 2022 li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 51, p. 1).


10      Għall-finijiet ta’ konċiżjoni, ir-riferimenti għall-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu wkoll għall-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(1)(e) ta’ din id-deċiżjoni u fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. Ara l-punti 9 u 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145, kif emendata”.


12      Iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014, kif emendat”.


13      Sentenza appellata, punti 54 u 55.


14      Sentenza appellata, punti 55 u 56.


15      Sentenza appellata, punti 59 u 66.


16      Sentenza appellata, punti 67 sa 76.


17      Sentenza appellata, punti 84 sa 92.


18      Sentenza appellata, punt 87.


19      Sentenza appellata, punti 88 sa 90.


20      Sentenza appellata, punt 91.


21      Sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, DL (C‑61/24, EU:C:2025:197, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara, f’dan ir-rigward, id-definizzjoni mogħtija mill-Cambridge Dictionary; disponibbli fuq https://dictionary.cambridge.org/dictionary/english/businessperson.


23      Ara, inter alia, id-definizzjoni mogħtija mill-Cambridge Dictionary; disponibbli fuq https://dictionary.cambridge.org/dictionary/learner-english/leading.


24      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara l-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Ġermaniża, Estonjana, Kroata, Taljana, Ungeriża, Pollakka, Slovakka, Slovena, Finlandiża u Svediża tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.


26      Ara l-verżjonijiet bil-lingwa Olandiża, Portugiża, Spanjola, Irlandiża u Rumena tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.


27      Ara, inter alia, id-definizzjoni pprovduta minn Le Robert; disponibbli fuq: https://dictionnaire.lerobert.com/definition/influent.


28      Ara l-premessa 9 tad-Deċiżjoni 2022/329.


29      Nirrileva fil-qosor li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 89 sa 91 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża ineżami, jagħmlu parti mill-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet tal-eċċezzjoni ta’ illegalità eċepiti mill-appellant fl-ewwel istanza skont l-Artikolu 277 TFUE. Madankollu, dawn huma konsistenti mal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, fl-evalwazzjoni tagħha tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, li tippermetti li dawn il-konstatazzjonijiet kollha jiġu kkunsidrati flimkien.


30      Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill (C‑732/18 P, EU:C:2020:727, punt 85).


31      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:274, punt 52).


32      Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 204, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), kif emendata, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214).


33      Irrid niġbed ukoll l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-premessi 2 u 4 tad-Deċiżjoni 2022/329, iċċitati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li jiddikjaraw li l-Unjoni tibqa’ “soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna” u jsemmu l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri restrittivi ġodda li jimponu konsegwenzi massivi u serji fuq ir-Russja minħabba l-aggressjoni militari tagħha. Barra minn hekk, il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2022/329 tindika li r-risposta tal-Unjoni “[kienet ser tinkludi] miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali” b’rispons għall-“invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa”. Minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri huma elementi marbuta mill-qrib li jsegwu l-istess għan.


34      Ara, b’mod partikolari, il-verżjoni lingwistika Taljana, Ġermaniża, Olandiża, Portugiża, Daniża, Spanjola, Estonjana, Finlandiża, Latvjana u Slovakka tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata.


35      Ara d-definizzjoni ta’ “revenue” (“dħul”) mogħtija mill-Cambridge Dictionary, li tirreferi għad-dħul li gvern regolarment jirċievi mit-taxxi, disponibbli fuq https://dictionary.cambridge.org/dictionary/english/revenue.


36      Ara l-punti 47 u 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara, inter alia, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Roheline Kogukond et  (C‑234/22, EU:C:2024:211, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara, inter alia, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016,Akhras vs Il‑Kunsill (C‑193/15 P, EU:C:2016:219, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill (C‑729/18 P, EU:C:2020:499, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, KS et vs Il‑Kunsill et (C‑29/22 P u C‑44/22 P, EU:C:2024:725, punti 115 sa 118).


40      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119), li minnha jirriżulta li stħarriġ komplet jista’ jiġi eżerċitat biss fir-rigward tal-kriterji għall-elenkar individwali.


41      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, KS et vs Il‑Kunsill et (C‑29/22 P u C‑44/22 P, EU:C:2024:725, punt 73).


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2025, PKK vs Il‑Kunsill (C‑44/23 P, EU:C:2025:181, punt 134).


43      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill  (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77).


44      Iktar ’il quddiem is-“sentenza Haswani”.


45      Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fi ĠU 2018, L 190, p. 20).


46      Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42).


47      Il-kontenut tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata jikkorrispondi għal dak tal-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836.


48      Is-sentenza Haswani, il-punti 66, 69 u 70.


49      Kriterju għall-elenkar bbażat fuq ir-relazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku u appoġġ bejn negozjanti ewlenin u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa ġie stabbilit biss wara l-emenda tad-Deċiżjoni 2014/145 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1094 tal‑5 ta’ Ġunju 2023 (ĠU 2023, L 146, p. 20). Naturalment, dan il-kriterju ma japplikax ratione temporis għall-kawża ineżami.


50      Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punti 80 u 81).


51      Ara wkoll il-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, GM u ON (C‑109/23, EU:C:2024:681, punt 54), u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑109/23, EU:C:2024:307, punt 76).


53      F’dan ir-rigward, għandi nirrileva wkoll li, permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant, fil-verità, jiċħad li s-settur ekonomiku li fih huwa jopera jikkostitwixxi settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Madankollu, din l-evalwazzjoni speċifika hija barra minn dak li l-Qorti tal-Ġustizzja talbitni neżamina fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet u, konsegwentement, ma hijiex koperta mill-analiżi tiegħi.


54      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2024, Il-Litwanja et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà) (C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 78).


56      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill (T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 87), li fiha l-Awla Manja tal-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni simili.


57      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali ksur, ara r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑2 ta’ Marzu 2022, intitolata “Aggressjoni kontra l-Ukraina” (A/ES‑11/L.1).