KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

BIONDI

ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2025 ( 1 )

Kawża C‑17/24

CeramTec GmbH

vs

Coorstek Bioceramics LLC

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Mala fide tal-applikant – Raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni – Sinjal li jikkonsisti esklużivament fil-forma funzjonali tal-prodott – Assenza ta’ rabta bejn is-soluzzjoni teknika u t-trade marks irreġistrati”

I. Introduzzjoni

1.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sovrappożizzjonijiet possibbli bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja (li saret it-trade mark tal-Unjoni Ewropea) previsti fl-Artikolu 52(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 2 ) u bbażati, rispettivament, fuq l-eżistenza ta’ waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament u fuq il-mala fide tal-applikant.

2.

B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-intenzjoni li jiġu estiżi d-drittijiet fuq soluzzjoni teknika miżmuma skont privattiva skaduta hijiex suffiċjenti sabiex tikkaratterizza l-mala fide tal-applikant fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, meta jirriżulta, wara din id-data, li s-sinjal li ntalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu ma jinkludi ebda soluzzjoni teknika u li għalhekk it-trade mark ma tistax tiġi annullata abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mar-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament, intiż li jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jagħtu lill-proprjetarju tat-trade mark monopolju fuq tali soluzzjonijiet.

3.

Għal dan il-għan, din il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi li jirrigwardaw, l-ewwel waħda, ir-rabta bejn ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti rispettivament fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u, it-tieni u t-tielet domanda, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

4.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda azzjoni għal kontrafazzjoni mibdija minn CeramTec GmbH (iktar ’il quddiem “CeramTec”) kontra Coorstek Bioceramics LLC (iktar ’il quddiem “Coorstek”), li fiha din tal-aħħar għamlet kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ tliet trade marks tal-Unjoni Ewropea miżmuma minn CeramTec.

II. Il-qafas ġuridiku

5.

Ir-Regolament Nru 207/2009 kien emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 ( 3 ), li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016, u mbagħad tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, mir-Regolament (UE) 2017/1001 ( 4 ). F’dan il-każ, il-fatti kollha tal-kawża prinċipali jaqgħu ratione temporis fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 fil-verżjoni inizjali tiegħu ( 5 ).

6.

L-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, kien jipprovdi li għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jikkonsistu esklussivament f’“forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku”.

7.

L-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 kien ifformulat kif ġej:

“Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju [għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

(a)

meta t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun ġiet irreġistrata kuntrarju tad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 7;

(b)

meta l-applikant jkun aġixxa morożament meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.

CeramTec hija kumpannija stabbilita fil-Ġermanja speċjalizzata fl-iżvilupp, fil-manifattura u fid-distribuzzjoni ta’ komponenti tekniċi taċ-ċeramika intiżi, b’mod partikolari, għall-kompożizzjoni ta’ impjanti tal-ġenb jew tal-irkoppa, li hija tbigħ lill-manifatturi ta’ prostetiċi tal-ġenb kompleti li mbagħad jinbiegħu lill-utenti finali, bħalma huma l-isptarijiet jew il-kirurgi ortopediċi.

9.

Coorstek hija kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan li l-attività tagħha hija l-manifattura ta’ komponenti mediċi taċ-ċeramika teknika avvanzata, b’mod partikolari għal prostetiċi artikulari tal-ġenb jew tad-dahar u għal prostetiċi dentali.

10.

CeramTec kienet il-proprjetarja tal-privattiva Ewropea Nru EP 0 542815, li tinnomina lil Franza u li tirrigwarda materjal kompost miċ-ċeramika, li skadiet fil‑5 ta’ Awwissu 2011.

11.

Fit‑23 ta’ Awwissu 2011, CeramTec ippreżentat applikazzjonijiet għal tliet trade marks tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“trade marks ikkontestati”), jiġifieri:

it-trade mark li tkopri l-kulur roża pantone 677C, edizzjoni 2010, irreġistrata fis‑26 ta’ Marzu 2013 taħt in-numru 010214195, taħt il-prijorità ta’ trade mark Ġermaniża tal‑21 ta’ Lulju 2011;

it-trade mark figurattiva murija iktar ’l isfel, li tindika l-kulur roża pantone 677, irreġistrata fit‑12 ta’ April 2013 taħt in-numru 010214112, taħt il-prijorità ta’ trade mark Ġermaniża tal‑25 ta’ Lulju 2011;

Image

it-trade mark tridimensjonali murija iktar ’l isfel, li tindika l-kulur roża pantone 677, irreġistrata fl‑20 ta’ Ġunju 2013 taħt in-numru 010214179, taħt il-prijorità ta’ trade mark Ġermaniża tas‑26 ta’ Lulju 2011.

Image

12.

Fit‑13 ta’ Diċembru 2013, CeramTec ħarrket lil Coortek għal kontrafazzjoni ta’ trade marks u kompetizzjoni parassitika. Coorstek ippreżentat kontrotalba fejn talbet id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade marks ikkontestati.

13.

Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2021, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) annullat it-trade marks ikkontestati minħabba preżentata b’mala fide (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi”).

14.

Din il-qorti rrilevat li, fil-ġurnata tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati, CeramTec kienet konvinta mill-effett tekniku tal-ossidu tal-kromju sabiex tiġi żgurata s-saħħa u r-resistenza taż-żibeġ taċ-ċeramika li kienu jidħlu fil-kostituzzjoni ta’ prostetiċi mediċi u li hija kienet qiegħda tipprova tipproteġi l-kulur roża taż-żibeġ, li kien jirriżulta mill-effett li tipproduċi l-preżenza ta’ ossidu tal-kromju fiċ-ċeramika. Minn dan iddeduċiet li din il-kumpannija kellha l-intenzjoni li testendi l-monopolju li hija kellha fuq is-soluzzjoni teknika preċedentement protetta minn privattiva li kienet għadha kemm skadiet u li tipprekludi lill-kompetituri milli jidħlu fis-suq li hija kienet tiddomina permezz ta’ din il-privattiva. Għalhekk, CeramTec kellha l-intenzjoni li tikseb dritt esklużiv għal finijiet oħra differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjoni ta’ trade mark.

15.

CeramTec appellat fil-kassazzjoni mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi. Hija targumenta li interpretazzjoni tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 li tippermetti l-annullament ta’ trade mark unikament għar-raġuni li l-applikant tagħha kellu l-intenzjoni li jestendi drittijiet fuq soluzzjoni teknika, mingħajr ma jintwera li d-dritt fuq din it-trade mark jiżgura jew jestendi effettivament il-protezzjoni ta’ tali soluzzjoni teknika, twassal sabiex jiġi evitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament u tmur kontra l-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. F’dan il-każ, CeramTec kienet skopriet, wara l-iskadenza tal-privattiva tagħha u l-preżentata tat-trade marks ikkontestati, li l-ossidu tal-kromju, li kien jagħti l-kulur roża kopert minn dawn it-trade marks, fir-realtà, ma kellu ebda effett tekniku. Fl-opinjoni tagħha, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trade marks ikkontestati ma setgħux iddevjaw id-dritt tat-trade marks mill-iskop tiegħu. Hija ssostni li l-intenzjoni tal-applikant waħedha hija ineffettiva u li jiġi sostnut il-kuntrarju jwassal sabiex il-kunċett ta’ “mala fide” jsir opportunità sabiex tiġi applikata r-raġuni ta’ invalidità bbażata fuq l-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) u tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr ma jkun meħtieġ is-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni.

16.

Coorstek targumenta li l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament, u l-Artikolu 52(1)(b) tiegħu jissodisfaw għanijiet differenti u li ma jistax jiġi kkunsidrat li tal-ewwel jikkostitwixxi test speċjali li jipprevali fuq it-tieni. Dawn huma żewġ ipoteżijiet ta’ annullament ta’ trade mark li huma bbażati fuq bażijiet kompletament distinti. Fl-opinjoni ta’ Coorstek, il-preżentata ta’ sinjal imwettqa sabiex tiġi rriżervata soluzzjoni teknika għandha effett ħażin fuq il-kompetizzjoni leali, anki jekk l-effett tekniku kopert mill-privattiva, li waqa’ fid-dominju pubbliku, finalment jirriżulta ineffettiv.

17.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-appell ta’ CeramTec iqajjem għall-ewwel darba l-kwistjoni tar-rabta bejn l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, li għalih jirreferi l-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan ir-regolament, u l-Artikolu 52(1)(b) tiegħu. Hija tenfasizza li CeramTec bdiet ukoll azzjonijiet għall-kontrafazzjoni tat-trade marks ikkontestati kontra Coorstek fil-Ġermanja, fl-Istati Uniti u fl-Isvizzera, u li, fil-kuntest tal-kawża mibdija fil-Ġermanja, l-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Stuttgart, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2023, adottat orjentazzjoni differenti meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi ( 6 ). Minn dan hija tiddeduċi li teżisti diverġenza ta’ interpretazzjoni bejn il-qrati tal-appell tal-Istati Membri.

18.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet ta’ invalidità stabbiliti fl-Artikolu 7, imsemmija fl-Artikolu 52(1)(a), huma awtonomi u esklużivi mill-mala fide msemmija fl-Artikolu 52(1)(b)?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, il-mala fide tal-applikant tista’ tiġi evalwata unikament fir-rigward tar-raġuni assoluta għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr ma jiġi kkonstatat li s-sinjal li tiegħu ntalbet ir-reġistrazzjoni bħala trademark huwa kkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku?

3)

L-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-mala fide ta’ applikant li jkun ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark bl-intenzjoni li jipproteġi soluzzjoni teknika meta, wara din l-applikazzjoni, jiġi skopert li ma kinitx teżisti rabta bejn is-soluzzjoni teknika inkwistjoni u s-sinjali li jikkostitwixxu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni?”

19.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet interessati nstemgħu waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tat‑13 ta’ Novembru 2024.

IV. Analiżi

20.

B’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari.

21.

Qabel ma nipproċedi bl-eżami tagħhom, ser infakkar fil-qosor il-ġurisprudenza rilevanti fil-qasam tal-mala fide tal-applikant waqt ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

A.   Ħarsa qasira lejn il-ġurisprudenza rilevanti

22.

Il-kunċett ta’ “mala fide” li jinsab fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 7 ). Fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni f’dan ir-regolament, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dan il-kunċett għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża dan il-kunċett u l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament ( 8 ).

23.

Filwaqt li, konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “mala fide” jippreżupponi l-preżenza ta’ stat tal-moħħ jew ta’ intenzjoni diżonesta, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tiegħu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest partikolari tad-dritt tat-trade marks, li huwa dak tan-negozju ( 9 ). F’dan is-sens, fis-sentenza Koton, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika meta minn indizji rilevanti u konkordanti jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ma ppreżentax l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark bil-għan li jipparteċipa b’mod leali fil-kompetizzjoni iżda bl-intenzjoni li jippreġudika, b’mod li ma jkunx konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terz, jew bl-intenzjoni li jikseb, mingħajr ma jkollu terz partikolari f’moħħu, dritt esklużiv għal skopijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-funzjonijiet ta’ trade mark, b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tal-indikazzjoni tal-oriġini ( 10 ).

24.

L-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi evalwata globalment, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ ineżami ( 11 ). L-intenzjoni tal-applikant ta’ trade mark hija element suġġettiv li għandu madankollu jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti ( 12 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss b’dan il-mod li l-allegazzjoni ta’ mala fide tista’ tiġi evalwata oġġettivament ( 13 ).

25.

Fost il-fatturi rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni hemm, b’mod partikolari, il-fatt li l-applikant kien jaf jew kellu jkun jaf bil-fatti li bihom ikun qiegħed jiġi kkritikat fil-kuntest tal-allegazzjoni ta’ mala fide invokata fil-konfront tiegħu ( 14 ). Kif tispjega l-Avukata Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli ( 15 ), intenzjoni tista’ biss tiġi kklassifikata a priori bħala diżonesta meta l-parti interessata jkollha għarfien tal-kuntest fattwali li fih din il-klassifikazzjoni ssir adegwata ( 16 ). Madankollu, tali għarfien, jew preżunzjoni ta’ għarfien, ma humiex suffiċjenti, waħedhom, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-mala fide ( 17 ).

26.

Diversi fatturi oħra ġew ikkunsidrati rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, bħalma huma, b’mod partikolari, l-applikazzjoni għal trade mark kif ippreżentata u l-portata tagħha ( 18 ), l-oriġini u l-użu preċedenti tas-sinjal li tintalab ir-reġistrazzjoni tiegħu ( 19 ) kif ukoll in-natura tat-trade mark mitluba ( 20 ), ir-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti bejn l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, il-loġika kummerċjali li kienet il-bażi tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-kronoloġija tal-avvenimenti li kkaratterizzaw tali preżentata ( 21 ), kif ukoll il-livell ta’ reputazzjoni li jgawdi minnha s-sinjal fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni sabiex jiġi rreġistrat ( 22 ).

27.

Madankollu, dawn il-fatturi kollha huma sempliċement eżempji fost ġabra ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 23 ). Fil-fatt, kif tirrileva l-Avukata Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Lindt, il-kunċett ta’ “mala fide”, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistax jiġi limitat għal kategorija limitata ta’ ċirkustanzi speċifiċi ( 24 ).

28.

Bħala konklużjoni, minkejja li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tipprovdi indikazzjonijiet ċari dwar il-mod li bih għandha tiġi evalwata l-mala fide tal-applikant għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, dan il-kunċett għadu sal-lum il-ġurnata indeterminat. Dan jirrifletti l-għan ta’ interess ġenerali wara r-raġuni assoluta ta’ invalidità korrispondenti, li huwa li jiġu evitati r-reġistrazzjonijiet abbużivi ta’ trade marks jew reġistrazzjonijiet li jmorru kontra użanzi onesti fil-qasam tal-industrija u tal-kummerċ. Tali għan oġġettiv ikun fil-fatt kompromess jekk il-mala fide tiġi ddefinita b’mod eżawrjenti u jekk hija tkun tista’ tiġi pprovata biss permezz ta’ ċirkustanzi elenkati b’mod eżawrjenti ( 25 ).

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

29.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti rispettivament fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 humiex “awtonomi” u “esklużivi”.

30.

Ser nindirizza, l-ewwel, il-kwistjoni tal-awtonomija ta’ dawn ir-raġunijiet ta’ invalidità, u mbagħad dik tal-eventwali natura esklużiva tagħhom.

1. Ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huma awtonomi?

31.

Bħall-partijiet interessati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura, jiena tal-opinjoni li r-raġunijiet assoluti ta’ invalidità elenkati fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huma indipendenti waħda mill-oħra u awtonomi, fis-sens li l-applikazzjoni ta’ waħda minnhom ma tippreżupponix, u lanqas tiddependi mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-oħra. Kull waħda minnhom għandha l-kamp ta’ applikazzjoni proprju tagħha u tiġġustifika, waħedha, l-annullament ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea meta l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti.

32.

L-ewwel nett, tali indipendenza tirriżulta mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Iż-żewġ raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti fih huma s-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet distinti li jinsabu fiż-żewġ punti ta’ lista li tagħha jikkostitwixxu l-uniċi elementi. Dawn huma separati waħda minn oħra permezz ta’ punt u virgola, li juri, semantikament, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddistingwi b’mod ċar iż-żewġ każijiet. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tinkludix, la fil-frażi introduttiva tagħha u lanqas fil-lista li ssegwi, prepożizzjonijiet li jindikaw li l-elementi tagħha huma kumulattivi.

33.

It-tieni nett, l-awtonomija tar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità elenkati fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 hija kkonfermata mill-analiżi, minn naħa, tal-kuntest li fih jaqgħu u, min-naħa l-oħra, tal-għanijiet imfittxija minnhom.

34.

Għal dak li jirrigwarda l-kuntest, tali awtonomija hija dedotta, l-ewwel nett, mill-fatt li, għall-kuntrarju tar-raġuni ta’ invalidità prevista fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, ir-raġuni ta’ invalidità prevista fil-punt (a) tirreferi għar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni indikati fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament u għandha tinqara u tiġi interpretata flimkien ma’ dan l-artikolu. It-tieni nett, kif osservat minn diversi partijiet interessati li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura, kull raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkata fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 hija indipendenti mill-oħrajn u teżiġi eżami separat ( 26 ), b’tali mod li l-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi huwa stess raġunijiet assoluti ta’ invalidità li huma awtonomi waħda mill-oħra u li kull waħda minnhom għandha l-kamp ta’ applikazzjoni proprju tagħha. A fortiori tali awtonomija għandha tiġi rrikonoxxuta fir-rigward tar-raġuni ta’ invalidità prevista fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni. Fl-aħħar nett, għalkemm, fl-intier tiegħu, l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi lista eżawrjenti ta’ raġunijiet ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ( 27 ), id-dispożizzjonijiet li huwa jipprevedi fil-punti (a) u (b) għandhom natura differenti, peress li l-ewwel waħda hija ta’ natura magħluqa u tapplika biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, filwaqt li t-tieni waħda tirreferi għall-kunċett miftuħ u evoluttiv ta’ “mala fide”, li jista’ japplika f’numru indeterminat ta’ sitwazzjonijiet.

35.

Għal dak li jirrigwarda l-għanijiet, ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti fl-Artikolu 52(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, minkejja li jikkondividu l-għan previst mir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tat-trade mark, li huwa dak li jikkontribwixxu għas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fl-Unjoni ( 28 ), għandhom, madankollu, skopijiet distinti.

36.

Ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tinvalida t-trade marks li kienu rreġistrati minkejja li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u, għalhekk, huma inkapaċi għar-reġistrazzjoni. Hija tiċċensura nuqqas tat-trade mark u hija intiża li tipproteġi l-interess ġenerali wara r-raġuni assoluta għal rifjut li fuqha hija bbażata.

37.

B’mod partikolari, fir-rigward tar-raġuni elenkata fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, li hija l-unika waħda rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interess ġenerali li huwa l-bażi tagħha huwa li jkun evitat li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew fuq karatteristiċi utilitarji ta’ prodott ( 30 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li din id-dispożizzjoni tilħaq bilanċ bejn żewġ rekwiżiti, li kull wieħed minnhom jista’ jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ sistema ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u leali, jiġifieri, minn naħa, dak li jiġi evitat li l-protezzjoni ta’ soluzzjoni teknika suġġett ta’ privattiva titkompla lil hinn mill-iskadenza tal-privattiva, u min-naħa l-oħra, dak li l-inkapaċità għar-reġistrazzjoni tiġi limitata għal dawk it-trade marks biss li realment jippreġudikaw l-użu ta’ soluzzjoni teknika minn impriżi oħra ( 31 ).

38.

Min-naħa tagħha, ir-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha l-iskop li tiżgura li l-operaturi ekonomiċi li jkollhom l-intenzjoni jużaw is-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jipparteċipaw b’mod leali fil-kompetizzjoni. Għalhekk, hija intiża sabiex tissanzjona nuqqas inerenti għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u mhux għat-trade mark bħala tali ( 32 ).

39.

L-awtonomija tar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti fl-Artikolu 52(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma timplikax neċessarjament li huma wkoll esklużivi.

2. Ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huma esklużivi?

40.

Preliminarjament, nirrileva li l-formulazzjoni tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tinkludix, la fil-frażi introduttiva tagħha, u lanqas fil-lista li ssegwi, prepożizzjonijiet li jindikaw li ż-żewġ elementi ta’ din il-lista jeskludu reċiprokament lil xulxin, jew għall-kuntrarju, li jistgħu jikkoeżistu. Il-kwistjoni dwar jekk bejn dawn l-elementi teżistix relazzjoni loġika ta’ esklużività għandha għalhekk tiġi eżaminati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest u tal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

41.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jidhirli li xejn ma jipprekludi, fir-Regolament Nru 207/2009, li l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi ddikjarata abbażi ta’ diversi raġunijiet assoluti ta’ invalidità, previsti fil-punt (a) jew fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament. Probabbilment, tali eventwalità ma tkunx frekwenti, peress li huwa suffiċjenti li l-kundizzjonijiet ta’ waħda minn dawn ir-raġunijiet ta’ invalidità jkunu ssodisfatti sabiex it-trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi ddikjarata invalida ( 33 ) u peress li l-konsegwenzi tal-invalidità huma l-istess tkun xi tkun ir-raġuni li abbażi tagħha tiġi ddikjarata ( 34 ). Madankollu, applikazzjoni kumulattiva tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax tiġi eskluża, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 52(3) ta’ dan ir-regolament, meta r-raġuni ta’ invalidità teżisti biss għal ċerti prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark tal-Unjoni Ewropea hija rreġistrata, din tal-aħħar ma tistax tiġi ddikjarata invalida fl-intier tagħha ( 35 ).

42.

Fit-tieni lok, fir-Regolament Nru 207/2009 ma hemm xejn li jippermetti li jiġi sostnut li l-konstatazzjoni tal-inapplikabbiltà ta’ waħda mir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti rispettivament fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 tikkostitwixxi ostakolu għall-applikazzjoni tal-oħra. Mill-punti 31 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li dawn ir-raġunijiet ta’ invalidità huma differenti kemm fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-għan u tal-iskop tagħhom. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż, a priori, li meta jiġu invokati flimkien insostenn ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u meta waħda tkun ġiet eżaminata u eskluża, l-oħra madankollu tkun tapplika. Għalhekk, pereżempju, il-fatt li, skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq il-punt (a) tal-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b), (c) jew (d) tiegħu, ma tistax tintlaqa’ għar-raġuni li t-trade mark ikkontestata kisbet fil-frattemp karattru distintiv, ma jikkostitwixxix ostakolu sabiex din it-trade mark tiġi ddikjarata invalida b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament, invokat ukoll insostenn tal-imsemmija talba, fil-każ li jiġi stabbilit li l-proprjetarju tagħha rreġistraha b’mala fide.

3. Konklużjoni fuq l-ewwel domanda preliminari

43.

Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li r-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti rispettivament fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huma awtonomi, iżda mhux esklużivi.

C.   Fuq it-tieni domanda preliminari

44.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, magħmula fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod negattiv għall-ewwel waħda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment dwar jekk il-mala fide ta’ applikant li l-intenzjoni tiegħu tkun li jipproteġi sinjal li jikkonsisti esklużivament fil-forma neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku tistax tkun iddeterminata indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal tmurx kontra r-raġuni assoluta għal rifjut elenkata fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009.

45.

Mill-analiżi tal-ewwel domanda preliminari jirriżulta li r-raġuni assoluta ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq il-mala fide tal-applikant għandha kamp ta’ applikazzjoni u skop speċifiċi għaliha meta mqabbla mar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità li huma marbuta mal-eżistenza ta’ raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni.

46.

L-istabbiliment tal-mala fide ma jiddependix mill-kwistjoni dwar jekk is-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal trade mark huwiex reġistrabbli jew le, iżda jeħtieġ li tiġi evalwata l-intenzjoni tal-applikant fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u li tiġi vverifikata l-konformità tagħha mal-istandards ta’ mġiba rrikonoxxuta bħala aċċettabbli fil-kuntest partikolari tad-dritt tat-trade marks u tal-kummerċ ( 36 ).

47.

Għalhekk, kif ġustament targumenta l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-mala fide ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt oġġettiv li l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippreżentata sabiex tipproteġi sinjal li r-reġistrazzjoni tiegħu hija eskluża b’applikazzjoni ta’ waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009. Dan imur kontra kemm l-awtonomija tar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità previsti rispettivament fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-prinċipju li jipprovdi li l-bona fide għandha tiġi preżunta sakemm ikun hemm prova kuntrarja ( 37 ). Għall-kuntrarju, il-konstatazzjoni li sinjal ġie rreġistrat kuntrarjament għal raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni timplika li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet oġġettivi kollha li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-raġuni, tkun xi tkun l-intenzjoni tal-applikant.

48.

Madankollu, l-awtonomija tar-raġunijiet assoluti ta’ invalidità ma teskludix sovrappożizzjonijiet possibbli waqt l-evalwazzjoni tal-validità tat-trade mark f’każ konkret.

49.

Min-natura tagħhom, ir-reġistrazzjonijiet b’mala fide jistgħu jkunu kkaratterizzati minn diversi ċirkustanzi fattwali u legali. Dan jirrendi partikolarment diffiċli d-definizzjoni b’mod astratt ta’ dak li jikkaratterizza tali reġistrazzjoni u jwassal, kif rajna, għall-evalwazzjoni ta’ kull allegazzjoni ta’ mala fide abbażi tal-elementi rilevanti kollha invokati mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

50.

F’dan il-kuntest, ma huwiex eskluż li ċerti elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll meta jkun qiegħed jiġi evalwat jekk it-trade mark kinitx irreġistrata bi ksur ta’ waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, mingħajr madankollu ma jkun meħtieġ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni.

51.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjoni simili fis-sentenza Koton, meta hija kienet mitluba tesplora l-eventwali sovrappożizzjonijiet bejn ir-raġuni assoluta ta’ invalidità bbażata fuq il-mala fide tal-applikant u r-raġuni relattiva ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tal-eżistenza ta’ trade mark preċedenti li kienet toħloq konfużjoni mas-sinjal mitlub ( 38 ).

52.

F’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, fejn, fil-kuntest ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea qiegħed essenzjalment jiġi kkritikat li, permezz tar-reġistrazzjoni tagħha, implimenta strateġija intiża sabiex jipprekludi lill-kompetituri tiegħu milli joffru fis-suq prodotti li jinkludu soluzzjoni teknika li fuqha huwa kien igawdi monopolju minħabba privattiva li kienet għadha kemm skadiet, il-kwistjoni dwar jekk tali reġistrazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata li saret b’mala fide hija distinta minn dik dwar jekk it-trade mark ikkonċernata tikkonsistix esklużivament mill-forma neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku u taqa’, għal din ir-raġuni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament. Fl-ewwel każ, hija kkontestata l-leġittimità tal-għanijiet imfittxija mill-applikant, filwaqt li fit-tieni hija kkontestata l-validità tat-trade mark.

53.

Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament ma jikkostitwixxix fih innifsu ostakolu sabiex il-qorti nazzjonali adita b’tali azzjoni tikkonstata li t-trade mark ikkonċernata kienet irreġistrata b’mala fide, meta minn indizji rilevanti u konkordanti jirriżulta li l-proprjetarju tagħha ma ppreżentax l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark bl-iskop li jipparteċipa b’mod leali fil-kompetizzjoni iżda b’intenzjoni diżonesta.

54.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali intenzjoni, il-qorti nazzjonali adita tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li setgħu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-validità tat-trade mark ikkonċernata fir-rigward tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament, bħalma huma, pereżempju, in-natura tat-trade mark ikkonċernata u l-fatt li ċerti karatteristiċi ta’ din it-trade mark kienu protetti minn privattiva li fil-frattemp skadiet. L-aċċettazzjoni ta’ tali possibbiltà ma twassalx sabiex il-mala fide tal-applikant tiġi evalwata “unikament fir-rigward tar-raġuni assoluta għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009”, u lanqas sabiex tappoġġja qari “magħqud” ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 52(1)(b) ta’ dan ir-regolament ( 39 ), jew sabiex tikkumpensa, b’referenza għall-kunċett ta’ “mala fide”, in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni.

55.

Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk li għadni kemm iddeskrivejt, fl-opinjoni tiegħi, il-mala fide ma tistax tiġi dedotta unikament mill-fatt li r-reġistrazzjoni tas-sinjal inkwistjoni ntalbet bl-iskop li jiġu protetti karatteristiċi tal-apparenza ta’ prodott protetti minn privattiva preċedenti, meta jirriżulta li dan is-sinjal ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 40 ). Għalhekk, elementi rilevanti oħra għandhom isostnu l-allegazzjoni li l-applikant ma aġixxiex bl-iskop li jipparteċipa b’mod leali fil-kompetizzjoni, iżda b’intenzjoni diżonesta.

56.

F’tali kuntest, nirrikonoxxi li l-linja ta’ demarkazzjoni bejn strateġija kummerċjali leġittima u l-mala fide fir-realtà tista’ tirriżulta fina ħafna.

57.

Sabiex tiġi stabbilita l-intenzjoni reali tal-applikant, il-qorti nazzjonali adita ser ikollha tevalwa l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-każ ineżami, fosthom, b’mod partikolari, in-natura tat-trade mark inkwistjoni ( 41 ), l-oriġini tas-sinjal protett u l-użu tiegħu sa mill-ħolqien tiegħu, il-portata tal-privattiva, kif ukoll il-kronoloġija tal-avvenimenti. Jekk ikunu ssostanzjati, jistgħu jikkostitwixxu wkoll elementi li jimmilitaw favur il-mala fide l-konvinzjoni li l-proprjetarju tat-trade mark kellu fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark li s-sinjal ippreżentat kien ikopri s-soluzzjoni teknika preċedentement protetta mill-privattiva tiegħu, il-fatt li, fl-istess data, il-kompetituri tiegħu, l-utenti tal-prodotti inkwistjoni u l-komunità xjentifika kellhom din il-konvinzjoni, kif ukoll il-fatt li l-applikant ipprova jżomm tali konvinzjoni mal-klijenti tiegħu, pereżempju billi assoċja intenzjonalment is-sinjal kopert mit-trade mark tiegħu mas-soluzzjoni teknika protetta mill-privattiva tiegħu, u bidel b’hekk il-funzjoni ta’ trade mark, b’mod partikolari bħala indikatur ta’ oriġini. B’mod iktar ġenerali, f’tali evalwazzjoni jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni kwalunkwe aġir tal-proprjetarju tat-trade mark li jista’ jsostni l-intenzjoni tiegħu li juża r-reġistrazzjoni mitluba għal skopijiet oħra minbarra dawk imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks, u, b’mod partikolari, li jipprekludi lill-kompetituri milli jidħlu fis-suq billi jużaw is-soluzzjoni teknika li fuqha kellu monopolju minħabba l-privattiva tagħha.

58.

Fil-preżenza ta’ indizji li jistgħu jsostnu intenzjoni diżonesta u li jistgħu jegħlbu l-preżunzjoni ta’ preżentata b’bona fide, huwa l-proprjetarju tat-trade mark li għandu juri li r-reġistrazzjoni tagħha taqa’ fi strateġija kummerċjali leġittima jew li huwa aġixxa għal raġunijiet li jirrigwardaw id-difiża tal-interessi leġittimi tiegħu ( 42 ). Madankollu, f’dan il-kuntest, il-mala fide ma tistax tiġi eskluża unikament bil-fatt li s-soluzzjoni teknika preżunta mill-proprjetarju tat-trade mark fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni rriżultat, sussegwentement għal din id-data, oġġettivament ineżistenti. Fil-fatt, il-fatti li jkunu seħħew wara d-data rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-mala fide jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn ikunu indikattivi tal-intenzjoni tal-applikant f’dik id-data ( 43 ). Barra minn hekk, il-fatt waħdu li trade mark irreġistrata b’mala fide tissodisfa l-funzjonijiet proprji ta’ trade mark, u b’mod partikolari l-funzjoni ta’ oriġini, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ostakolu għall-invalidazzjoni tagħha, kif turi b’mod ċar l-inapplikabbiltà għar-reġistrazzjonijiet b’mala fide tar-regola prevista fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

59.

Qabel nikkonkludi, nixtieq nindirizza fil-qosor punt invokat minn CeramTec fl-osservazzjonijiet tagħha. Din il-kumpannija ssostni li l-mala fide hija kkaratterizzata fil-kuntest ta’ aġir abbużiv u teħtieġ effett ħażin oġġettiv fuq il-kompetizzjoni, li jkun eskluż meta t-trade mark ikkonċernata, minn naħa, ma tipprekludix lill-kompetituri tal-proprjetarju tagħha milli jużaw soluzzjoni teknika, u, min-naħa l-oħra, tissodisfa l-funzjoni ta’ oriġini proprja għal trade mark.

60.

F’dan ir-rigward, infakkar li, applikata għad-dritt tat-trade marks, il-mala fide hija kkaratterizzata minn “intenzjoni” jew “li jippreġudika, b’mod li ma jkunx konformi mal-użanzi onesti, l-interessi ta’ terzi”, jew “li jikseb, mingħajr ma jimmira lejn terzi b’mod partikolari, dritt esklużiv għal skopijiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt funzjonijiet ta’ trade mark” ( 44 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn żewġ każijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fejn it-tieni wieħed jinkludi s-sitwazzjonijiet li fihom id-dritt esklużiv imfittex mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jaqax fil-loġika ta’ waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark.

61.

Filwaqt li din il-kategorija tkopri kull strateġija ta’ preżentata abbużiva ( 45 ), mill-banda l-oħra mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li hija limitata biss għall-aġir li jista’ jiġi kklassifikat bħala “abbuż ta’ dritt” ( 46 ). Minn din il-ġurisprudenza lanqas ma jirriżulta li l-istabbiliment tal-mala fide, fil-każijiet li jaqgħu f’din it-tieni kategorija, huwa suġġett għall-prova tal-eżistenza ta’ effett ħażin jew ta’ riskju ta’ effett ħażin fuq il-kompetizzjoni jew għall-prova li l-proprjetarju tat-trade mark seta’ kiseb vantaġġ indebitu mill-aġir abbużiv tiegħu ( 47 ). Fi kwalunkwe każ, peress li l-mument rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant huwa dak tal-preżentata, mill-persuna interessata, tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ( 48 ), huwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti f’dik id-data li għandhom jiġu evalwati, jekk ikun il-każ, kemm riskju oġġettiv ta’ effetti ħażin fuq il-kompetizzjoni kif ukoll il-possibbiltà għall-proprjetarju li jibbenefika minn vantaġġ indebitu mir-reġistrazzjoni tat-trade mark, u mhux, kif donnha tissuġġerixxi CeramTec, fi stadju ulterjuri ( 49 ).

62.

Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti, jiena tal-opinjoni li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-mala fide tal-applikant, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jistgħu jikkaratterizzaw l-invalidità assoluta tat-trade mark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan tal-aħħar. Il-fatt waħdu li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni ma humiex issodisfatti kollha la jipprekludi tali teħid inkunsiderazzjoni u lanqas ma jipprekludi li l-imsemmija trade mark tiġi annullata minħabba l-mala fide tal-applikant, meta jirriżulta, abbażi tal-fatturi rilevanti kollha partikolari għall-każ inkwistjoni u eżistenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, li din ma kinitx ippreżentata bl-iskop ta’ parteċipazzjoni b’mod leali fil-kompetizzjoni iżda b’intenzjoni diżonesta.

V. Konklużjoni

63.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza):

1)

L-Artikolu 52(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ir-raġunijiet assoluti ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea previsti fil-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni, li jirrigwardaw rispettivament ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament u l-mala fide tal-applikant waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, huma awtonomi iżda mhux esklużivi.

2)

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-mala fide tal-applikant, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jistgħu jikkaratterizzaw l-invalidità assoluta tat-trade mark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament. Il-fatt waħdu li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni ma humiex issodisfatti kollha la jipprekludi tali teħid inkunsiderazzjoni u lanqas ma jipprekludi li l-imsemmija trade mark tiġi annullata minħabba l-mala fide tal-applikant, meta jirriżulta, abbażi tal-fatturi rilevanti kollha partikolari għall-każ inkwistjoni u eżistenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, li din ma kinitx ippreżentata bl-iskop ta’ parteċipazzjoni b’mod leali fil-kompetizzjoni iżda b’intenzjoni diżonesta.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

( 3 ) Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament Nru 207/2009 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifiki fil-ĠU 2016, L 71, p. 322, fil-ĠU 2016, L 110, p. 4, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 1).

( 4 ) Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

( 5 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kemm l-allegati atti ta’ kontrafazzjoni kif ukoll id-data tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati, l-unika data rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli għall-kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, Sky et, C‑371/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sky, EU:C:2020:45, punt 49), seħħew qabel it‑23 ta’ Marzu 2016.

( 6 ) Mill-proċess nazzjonali ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Stuttgart) tat‑13 ta’ Marzu 2023 kienet intiża li tneħħi s-sospensjoni tal-proċedura għall-kontrafazzjoni mibdija minn CeramTec quddiem il-qrati Ġermaniżi, wara r-reġistrazzjoni, fl‑2019, ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea ġodda, korrispondenti għat-trade marks ikkontestati, u wara t-talba għall-annullament ta’ dawn it-trade marks, ippreżentata minn Coorstek quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sky, punt 73.

( 8 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO (C‑104/18 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Koton, EU:C:2019:724, punt 43). Ara wkoll is-sentenza Sky, punt 74.

( 9 ) Ara s-sentenza Koton, punt 45.

( 10 ) Ara s-sentenza Koton, punt 46.

( 11 ) Ara, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Lindt, EU:C:2009:361, punt 37).

( 12 ) Ara s-sentenzi Koton, punt 47 u Lindt, punt 42. Ara wkoll, fir-rigward tal-kunċett ta’ “mala fide” fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat‑28 ta’ April 2004 li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju ta’ l-Ogħla Livell the.eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 825), is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, EU:C:2010:311, punt 45).

( 13 ) Ara s-sentenza Koton, punt 47.

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindt, punt 39.

( 15 ) C‑529/07, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Lindt”, EU:C:2009:148, punt 60.

( 16 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Lindt, punt 61.

( 17 ) Ara s-sentenza Lindt, punti 40 u 41, kif ukoll is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Malaysia Dairy Industries (C‑320/12, EU:C:2013:435, punt 37).

( 18 ) Ara s-sentenza Koton, punt 65.

( 19 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Simca Europe vs UASI – PSA Peugeot Citroën (Simca) (T‑327/12, EU:T:2014:240, punti 4046); ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ April 2021, Hasbro vs L-EUIPO – Kreativni Dogadaji (MONOPOLY) (T‑663/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Hasbro, EU:T:2021:211, punt 38).

( 20 ) Ara s-sentenza Lindt, punt 50.

( 21 ) Ara s-sentenza Koton, punti 62 sa 64.

( 22 ) Ara s-sentenza Lindt, punt 51.

( 23 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, Zdútv vs EUIPO – Nehera et (nehera) (T‑250/21, EU:T:2022:430, punt 28).

( 24 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Lindt, punt 60.

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, b’referenza għaċ-ċirkustanzi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lindt, is-sentenza Hasbro, punt 37. Ara wkoll, fir-rigward tal-kunċett ta’ “mala fide” fis-settur tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet tad-dominju, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing (C‑569/08, EU:C:2010:311, punt 37).

( 26 ) Ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI (C‑304/06 P, EU:C:2008:261, punt 54).

( 27 ) Ara s-sentenza Sky, punti 57 u 58.

( 28 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza Sky, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 29 ) Infakkar li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni inizjali tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi li huma esklużi mir-reġistrazzjoni s-sinjali li jikkonsistu esklużivament fil-“forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku”. Il-portata ta’ din ir-raġuni assoluta ta’ rifjut kienet emendata bir-Regolament 2015/2424, li introduċa l-formulazzjoni attwalment użata fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 2017/1001, li jirreferi għas-sinjali li jikkonsistu esklużivament fil-“forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tkun meħtieġa biex jinkiseb riżultat tekniku”. Madankollu, sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari, ma huwiex neċessarju li tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009 jistax jiġi invokat sabiex jipprekludi r-reġistrazzjoni tal-kulur ta’ prodott, peress li dawn il-kwistjonijiet jitilqu mill-premessa li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex, fi kwalunkwe każ, applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

( 30 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 44 sa 48).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Lindt, punt 41.

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, SA.PAR. vs UASI – Salini Costrutturi (GRUPPO SALINI) (T‑321/10, EU:T:2013:372, punt 46).

( 34 ) Ara l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 207/2009.

( 35 ) Infakkar li, l-istess bħar-raġunijiet ta’ invalidità marbuta mar-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, previsti fl-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, il-mala fide tista’ tirrigwarda biss ċerti prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark ikkontestata kienet irreġistrata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sky, punti 79 u 80, kif ukoll il-punt 2 tad-dispożittiv.

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, Outsource Professional Services vs EUIPO (C‑528/18 P, EU:C:2019:961, punt 69), fejn kienet inkwistjoni l-approprjazzjoni min-naħa tal-applikant ta’ sinjal deskrittiv użat minn terz.

( 37 ) It-trade mark tal-Unjoni Ewropea tgawdi minn preżunzjoni ta’ validità (ara l-Artikolu 99(1) tar-Regolament Nru 207/2009). Għalhekk, huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li jibbaża ruħu fuq ir-raġuni prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 li għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li jippermettu li tiġi konkluża l-mala fide tal-applikant waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Imbagħad, ikun dan tal-aħħar li, minħabba l-inverżjoni tal-preżunzjoni ta’ bona fide li jibbenefika minnha, ikollu jagħti spjegazzjonijiet plawżibbli rigward l-għanijiet u l-loġika kummerċjali mfittxija mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hasbro, punti 42 u 43.

( 38 ) F’din is-sentenza, filwaqt li enfasizzat li r-raġuni assoluta ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 hija fundamentalment differenti mir-raġuni relattiva ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 53(1)(a) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu aċċettat li waħda mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jiġifieri l-użu minn terz ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark ikkontestata, tista’ fil-fatt tikkostitwixxi element tal-kuntest rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-mala fide, u dan madankollu mingħajr ma jimplika li hija għandha neċessarjament tistabbilixxi s-sodisfazzjon ta’ dawn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kollha, u b’mod partikolari ta’ dik relatata mal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza Koton, punti 49, 53 u 54; ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, Outsource Professional Services vs EUIPO, C‑528/18 P, EU:C:2019:961, punt 61).

( 39 ) Tali qari magħqud għandu f’kull każ jiġi eskluż; ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604, punt 50).

( 40 ) Ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO essenzjalment iddeċieda f’dan is-sens f’deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2024, Każ R 12/2024‑4, aċċessibbli fl-indirizz https://euipo.europa.eu/eSearchCLW/#key/trademark/APL_20241206_R0012_2024‑4_001620566. Wara li kkonstata li t-trade mark inkwistjoni ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 2017/1001, il-Bord tal-Appell, filwaqt li rrileva li l-allegazzjoni ta’ mala fide kienet ibbażata fuq argument wieħed biss – jiġifieri li t-trade mark kienet intalbet sabiex tissostitwixxi artifiċjalment il-protezzjoni tal-privattiva bil-protezzjoni tat-trade mark – ikkonkluda li kellha tiġi miċħuda għaliex kienet ibbażata fuq premessa żbaljata.

( 41 ) Fir-rigward tan-natura tat-trade mark, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Lindt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ fejn is-sinjal ikkonċernat jikkonsisti fil-forma u l-preżentazzjoni sħiħa ta’ prodott, l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant tista’ tiġi stabbilita iktar faċilment meta l-libertà ta’ għażla tal-kompetituri fir-rigward ta’ dawn l-elementi tkun ristretta minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ ordni teknika jew kummerċjali, b’tali mod li l-proprjetarju tat-trade mark jkun f’pożizzjoni li jipprekludi lill-kompetituri tiegħu mhux biss milli jużaw sinjal identiku jew li jixxiebah, iżda wkoll milli jikkummerċjalizzaw prodotti komparabbli (ara l-punt 50 ta’ din is-sentenza).

( 42 ) Ara s-sentenza Lindt, punti 47 u 48; ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2023, Good Services vs EUIPO – ITV Studios Global Distribution (EL ROSCO) (T‑383/22, EU:T:2023:801, punt 29).

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindt, punti 35 u 41. Din il-kwistjoni hija partikolarment is-suġġett tat-tielet domanda preliminari, li ma hijiex indirizzata minn dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 46 tas-sentenza Koton.

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2016, Copernicus-Trademarks vs EUIPO – Maquet (LUCEO) (T‑82/14, EU:T:2016:396, punti 28 sa 3348 sa 52; appell miċħud b’digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Verus vs EUIPO, C‑101/17 P, EU:C:2017:979) u tat‑13 ta’ Lulju 2022, Pejovič vs EUIPO – ETA živilska industrija (TALIS) (T‑283/21, EU:T:2022:438, punti 30 sa 32), kif ukoll, fl-istess sens, iżda f’kuntest differenti, is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 2024, Athlet vs EUIPO – Heuver Banden Groothandel (ATHLET) (T‑650/22, EU:T:2024:11, punt 52) u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Segimerus vs EUIPO – Karsten Manufacturing (MONSOON) (T‑627/21, EU:T:2022:530, punt 37).

( 46 ) Fil-punt 72 tas-sentenza Hasbro, li għalih tirreferi CeramTec, il-Qorti Ġenerali osservat biss li l-istrateġija ta’ preżentata pprattikata mir-rikorrenti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, intiża sabiex tevadi r-regola dwar il-prova tal-użu, “[kienet] ixxaqleb lejn il-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt”. Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Koton (C‑104/18 P, EU:C:2019:287), l-Avukata Ġenerali Kokott indikat li “il-ġurisprudenza relatata mal-konstatazzjoni ta’ aġir abbużiv tista’ tipprovdi indikazzjonijiet waqt l-eżami tal-mala fide” (ara l-punt 31), filwaqt li ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk “bid-differenza għall-abbuż, il-mala fide ma għandhiex tiddependi mill-fatt li l-iskop ma ntlaħaqx u fuq vantaġġ inġust, iżda […] minn esklużjoni tal-prinċipji rrikonoxxuti ta’ aġir etiku jew ta’ użanzi onesti fil-qasam tal-industrija jew tal-kummerċ” (punt 37). Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx din il-kwistjoni b’mod miftuħ fis-sentenza Koton, iżda introduċiet biss id-dikotomija li tinsab fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

( 47 ) Huwa minnu li, fil-punt 74 tas-sentenza Hasbro, li għalih tirreferi CeramTec, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni tal-EUIPO li r-rikorrenti kienet effettivament ibbenefikat mill-istrateġija tagħha ta’ preżentata mtennija. Madankollu, minn dan il-punt 74, li fih huwa indikat li din il-konstatazzjoni saret “minkejja l-provi li juru li l-intenzjoni tar-rikorrenti kienet b’mod partikolari li tevita li jkollha tipproduċi l-prova tal-użu tat-trade mark ikkontestata”, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-benefiċċju mill-istrateġija kkontestata bħala element sussegwenti li jsostni l-intenzjoni diżonesta tal-applikant waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, pjuttost milli bħala element neċessarju għall-istabbiliment tal-mala fide.

( 48 ) Ara s-sentenza Lindt, punt 35.

( 49 ) Barra minn hekk, dan huwa dak li jirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2022, Zdút vs EUIPO – Nehera et (nehera) (T‑250/21, EU:T:2022:430), li għaliha tirreferi CeramTec fl-osservazzjonijiet tagħha. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-allegazzjoni ta’ mala fide bbażata fuq l-intenzjoni tal-applikant li jadotta aġir ta’ parassitiżmu, billi jieħu vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti, kienet miċħuda mill-Qorti Ġenerali wara li kkonstatat, fost affarijiet oħra, li din it-trade mark ma kienet għadha tgawdi ebda reputazzjoni fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark (punti 45 sa 53, 66, 69 u 70 ta’ din is-sentenza).