Kawża T‑1126/23

Asociația Inițiativa pentru Justiție

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat‑3 ta’ Frar 2025

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Deċiżjoni (UE) 2023/1786 li tħassar id-Deċiżjoni 2006/928 – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni – Ammissibbiltà – Kriterji

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punt 24)

  2. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Inċidenza diretta – Kriterji – Assoċjazzjoni li taġixxi f’isimha stess – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħassar il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika stabbilit fir-rigward tar-Rumanija mal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/928 u 2023/1786)

    (ara l-punti 24, 27 sa 31)

  3. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Inċidenza diretta – Kriterji – Assoċjazzjoni li taġixxi f’isem il-membri tagħha – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħassar il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika stabbilit fir-rigward tar-Rumanija mal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà – Prinċipju ta’ effett dirett – Portata

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/928 u 2023/1786)

    (ara l-punti 41 sa 48, 52 sa 67, 70 sa 73)

  4. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Possibbiltà li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà jsiru iktar flessibbli permezz tal-invokazzjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Assenza

    (il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

    (ara l-punti 75 sa 77, 80)

Sunt

Permezz tad-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni professjonali tal-prosekuturi Rumeni kontra d-Deċiżjoni 2023/1786 ( 1 ), li tħassar id-Deċiżjoni 2006/928 ( 2 ) adottata fl-okkażjoni tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea u li tistabbilixxi l-MKV. Hija tat deċiżjoni, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ġdida tar-rabta bejn il-prinċipju ta’ effett dirett u l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà marbuta mal-inċidenza diretta ta’ persuna fiżika jew ġuridika.

Din il-kawża kienet taqa’ fil-kuntest ta’ riforma kbira fil-qasam tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija, li ġiet issorveljata fil-livell tal-Unjoni Ewropea sa mill‑2007 bis-saħħa tal-MKV. Id-Deċiżjoni 2006/928 stabbilixxiet erba’ punti ta’ riferiment li r-Rumanija kellha tilħaq taħt il-MKV, b’mod partikolari fil-qasam tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (iktar ’il quddiem il-“punti ta’ riferiment”).

Fil‑15 ta’ Settembru 2023, fid-dawl tal-progress imwettaq mir-Rumanija sabiex jintlaħqu dawn il-punti ta’ riferiment, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-deċiżjoni kkontestata.

L-Asociația Inițiativa pentru Justiție, assoċjazzjoni professjonali ta’ prosekuturi li l-għan tagħha kien li tiżgura l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt fir-Rumanija billi kienet tiggarantixxi, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tal-prosekuturi kif ukoll l-indipendenza tagħhom, adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni.

Il-Kummissjoni qajmet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors, minħabba n-nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti jew ta’ wieħed mill-membri tagħha mid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, sostniet li hija kellha locus standi bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-membri prosekuturi tagħha. Fil-fatt, dawn tal-aħħar kienu direttament affettwati mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn it-tneħħija tal-MKV setgħet tesponihom iktar għal proċeduri dixxiplinari.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali fakkret it-tliet każijiet li fihom rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, seta’ jiġi ddikjarat ammissibbli. Peress li r-rikorrenti ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk din jew wieħed mill-membri tagħha kinux direttament ikkonċernati minn din id-deċiżjoni.

F’dan ir-rigward, hija indikat li r-rikorsi għal annullament ippreżentati minn assoċjazzjonijiet huma ammissibbli fi tliet każijiet: l-ewwel nett, meta dispożizzjoni legali espressament tagħtihom sensiela ta’ possibbiltajiet ta’ natura proċedurali; it-tieni nett, meta l-assoċjazzjoni tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha, huma stess ikollhom locus standi; it-tielet nett, meta l-assoċjazzjoni tkun individwalizzata minħabba l-effett fuq l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni, b’mod partikolari minħabba li l-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi li tkun ġiet affettwata mill-att li jkun intalab l-annullament tiegħu.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali wettqet, fl-ewwel lok, analiżi tal-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti li taġixxi f’isimha stess.

Fuq dan il-punt, hija kkonstatat li din ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet dwar l-ewwel u t-tielet każ ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, imsemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn naħa, ebda dispożizzjoni legali ma kienet tagħtiha prerogattivi proċedurali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-prosekuturi fil-kuntest tal-MKV. Min-naħa l-oħra, il-fatt li hija kienet interlokutriċi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-MKV ma kienx biżżejjed sabiex tiġi rrikonoxxuta lilha l-kwalità ta’ negozjatriċi fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti f’isem il-membri tagħha li tagħhom hija kienet tiddefendi l-interessi. Għalhekk, wara li fakkret iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna fiżika jew ġuridika titqies li tkun direttament ikkonċernata minn deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ( 3 ), il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata setgħetx tipproduċi direttament effetti legali fuq is-sitwazzjoni tal-prosekuturi membri tar-rikorrenti.

F’dan ir-rigward, hija rrilevat qabelxejn li, sa fejn din id-deċiżjoni ħassret id-Deċiżjoni 2006/928, din kellha tiġi eżaminata fid-dawl tas-suġġett, tal-kontenut u tal-kuntest legali u fattwali li fih ittieħdet din l-aħħar deċiżjoni. Minn dan segwa li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tipproduċi direttament effetti legali fuq is-sitwazzjoni tal-prosekuturi Rumeni membri tar-rikorrenti biss sa fejn id-Deċiżjoni 2006/928 stess setgħet tipproduċi tali effetti.

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-għan u l-kuntest li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni 2006/928, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li din kienet intiża li tistabbilixxi l-MKV u tistabbilixxi punti ta’ riferiment sabiex tiġi kkompletata l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, billi jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni qabel din l-adeżjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Fir-rigward tas-suġġett u tal-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar kienet intiża li tħassar id-Deċiżjoni 2006/928 sa fejn il-Kummissjoni qieset li r-Rumanija kienet laħqet sodisfaċentement l-imsemmija punti ta’ riferiment.

It-tieni nett, fir-rigward tal-kontenut tad-Deċiżjoni 2006/928, din kienet timponi fuq ir-Rumanija l-obbligu li tilħaq il-punti ta’ riferiment imsemmija fl-anness ta’ din id-deċiżjoni u li tirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-progress imwettaq għal dan l-għan. Hija imponiet ukoll fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tfassal rapporti intiżi li jiġi analizzat u evalwat il-progress milħuq mir-Rumanija fir-rigward ta’ dawn il-punti ta’ riferiment. Fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar kienet ibbażata fuq il-konklużjoni li r-Rumanija kienet laħqet sodisfaċentement l-imsemmija għanijiet.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat l-effetti legali ( 4 ), minn naħa, tal-punti ta’ riferiment previsti mid-Deċiżjoni 2006/928, billi rrilevat li dawn kienu ta’ natura vinkolanti għar-Rumanija u li kellhom effett dirett, u, min-naħa l-oħra, tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni skont din id-deċiżjoni, billi enfasizzat li r-Rumanija kellha tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti u r-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni f’dawn ir-rapporti.

Skont il-Qorti Ġenerali, mill-analiżi tas-suġġett, tal-kontenut u tal-kuntest tad-Deċiżjoni 2006/928 kien jirriżulta mingħajr ekwivoku li din tal-aħħar sempliċement imponiet fuq ir-Rumanija l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni fir-rapporti tagħha, sabiex jintlaħqu l-punti ta’ riferiment. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma tat ebda dritt lill-membri tagħha, b’tali mod li ma setgħetx titqies li kienet tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom.

Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabelxejn, li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett tal-punti ta’ riferiment imsemmija fid-Deċiżjoni 2006/928 ma setgħax jimplika, fih innifsu, li dawn il-punti ta’ riferiment kienu neċessarjament jinkludu drittijiet korrispondenti għall-prosekuturi, li dawn setgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jikkontestaw, b’mod partikolari, azzjonijiet dixxiplinari illegali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett tal-punti ta’ riferiment, mhux fis-sens li jirriżulta mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza van Gend & Loos (26/62) ( 5 ), iżda fil-perspettiva li l-prinċipju ta’ effett dirett kien jinkludi wkoll l-obbligu għall-qrati nazzjonali li ma japplikawx kull leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, barra minn hekk, li l-effett dirett tal-punti ta’ riferiment ma setgħax jimplika li individwi setgħu jikkontestaw it-tħassir ta’ dawn il-punti ta’ riferiment, mingħajr ma kienu juru li din it-tneħħija kienet tinvolvi, fiha nnifisha, preġudizzju dirett u individwali għall-pożizzjoni legali tagħhom, prova li kienet nieqsa f’dan il-każ.

Sussegwentement, wara li fakkret li l-kwistjoni dwar jekk individwu kienx direttament ikkonċernat minn att tal-Unjoni li ma kienx destinatarju tiegħu kellha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett u tal-kuntest legali tal-att inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2006/928 kien jirriżulta li l-effetti tagħha kienu limitati għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Rumanija, mingħajr ma l-individwi, inklużi l-prosekuturi, kienu kkonċernati direttament jew indirettament minn din id-deċiżjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li għalkemm, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni ma jistax, bħala tali, ikun suffiċjenti sabiex l-imsemmija dispożizzjoni titqies li ma jkollhiex effett dirett, l-eżistenza ta’ tali marġni tipprekludi li l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta tiġi ssodisfatta. Issa, f’dan il-każ, id-Deċiżjoni 2006/928 kienet tagħti lir-Rumanija marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li kellhom jiġu adottati, li kienu jirrigwardaw b’mod partikolari aspetti relatati mal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tagħha.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-Deċiżjoni 2006/928 ma kinitx tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti u, konsegwentement, lanqas id-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, peress li l-prosekuturi li tagħhom ir-rikorrenti kienet tiddefendi l-interessi ma kellhomx huma stess locus standi, ir-rikorrenti lanqas ma kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ir-rikors tagħha jkun ammissibbli sa fejn kienet tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali fakkret li, minkejja t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/928, il-prosekuturi li kienu s-suġġett tal-proċeduri dixxiplinari setgħu dejjem jinvokaw il-protezzjoni legali li kienu jisiltu mid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 19 TUE.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tar-rikorrenti sabiex jittaffew il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament, previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalkemm dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 6 ), din il-protezzjoni ma għandhiex l-għan li tbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati u ma tistax twarrab il-kundizzjoni ta’ interess dirett espressament stabbilit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-approċċ segwit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq ( 7 ), fis-sentenza Verein Klimaseniorinnen Schweiz et vs L-Isvizzera ( 8 ), il-Qorti Ġenerali fakkret li għalkemm id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fil-KEDB kienu jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali, il-KEDB ma kkostitwixxietx, sakemm l-Unjoni ma kinitx aderixxiet miegħu, strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fatt, dispożizzjoni tal-Karta ( 9 ), li tiddikjara li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni, hija intiża li tiżgura l-koerenza neċessarja bejn il-Karta u l-KEDB mingħajr ma tippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1786 tal‑15 ta’ Settembru 2023 li tħassar id-Deċiżjoni 2006/928/KE dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2023, L 229, p. 94, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825, iktar ’il quddiem il-“MKV”).

( 3 ) Iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi relatati mal-inċidenza diretta ta’ persuna fiżika jew ġuridika minn miżura li hija s-suġġett ta’ rikors għal annullament jeħtieġu, għall-ewwel waħda, li l-miżura inkwistjoni tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna u, it-tieni waħda, li hija ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha.

( 4 ) Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393).

( 5 ) Sentenza tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1).

( 6 ) Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”).

( 7 ) Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 8 ) Qorti EDB, 9 ta’ April 2024, Verein Klimaseniorinnen Schweiz et vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2024:0409JUD005360020). Din il-qorti rrikonoxxiet f’din is-sentenza l-locus standi ta’ assoċjazzjoni maħluqa bl-għan li tippromwovi u timplimenta miżuri effettivi ta’ protezzjoni tal-klima.

( 9 ) Artikolu 52(3) tal-Karta.