|
11.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 321/54 |
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2023 – Mincu Pătrașcu Brâncuși vs L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
(Kawża T-385/23)
(2023/C 321/60)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Partijiet
Rikorrent: Constantin Mincu Pătrașcu Brâncuși (Bukarest, ir-Rumanija) (rappreżentant: A. Şandru, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-Awla Permanenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tat-8 ta’ Diċembru 2022 mogħtija fil-każ UPPE Nru. I.130/2021, li permezz tagħha l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew iddeċieda li fil-każ li fih ir-rikorrent huwa l-akkużat huwa għandu jitqiegħed taħt att ta’ akkuża u li ma tittiħidx azzjoni parzjalment dwar il-kawża, peress li l-Awla Permanenti ma hijiex komposta min-numru minimu ta’ prosekuturi pubbliċi Ewropej kif mitlub mid-dritt tal-Unjoni, u dan bi ksur tar-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-awli permanenti stabbiliti permezz tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017. |
|
— |
tinvoka l-eċċezzjoni ta' illegalità fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew peress li huma fi kunflitt mal-Artikolu 10 tar-Regolament UPPE u l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament UPPE peress li huma f’kunflitt mat-TFUE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu r-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
|
1. |
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Art 10(1)(b) tar-Regolament UPPE minħabba l-ħruġ tad-deċiżjoni kkontestata. Essenzjalment, id-deċiżjoni kkontestata tal-Awla Permanenti Nru 10 inħarġet bi ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta forma ta’ kooperazzjoni kkonsolidata fir-rigward tat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), li jeżiġi li fil-kompożizzjoni tal-Awla Permanenti għandu jkun hemm 2 membri permanenti flimkien mal-president tagħha. |
|
2. |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-invokazzjoni tal-eċċezzjoni tal-illegalità fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Peress li l-UPPE jikkunsidra li kien biżżejjed li ġew mħarsa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Awla Permanenti, ir-rikorrent jinvoka, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, l-eċċezzjoni ta’ illegalità dwar din id-dispożizzjoni peress li hija f’kunflitt mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament UPPE, li ma jippermettix derogi. |