3.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 235/57


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2023 – LichtBlick vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-240/23)

(2023/C 235/71)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: LichtBlick SE (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. von Hammerstein, P. Roegele u H. Schutte, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2022 (Għajnuna mill-Istat SA.104606 (2022/N) – Il-Ġermanja– Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Qafas temporanju ta’ kriżi għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat sabiex tappoġġja l-ekonomija wara l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukraina”) (iktar 'il quddiem il-“qafas temporanju”) sa fejn din id-deċiżjoni ddikjarat l-għoti ta’ għajnuna taħt il-Gesetz zur Einführung einer Strompreisbremse und zur Änderung weiterer energierechtlicher Bestimmungen zugunsten von Betreibern von Ladepunkten zur Entlastung von Kosten des Ladestroms, der hinter einem Ladepunkt von dritten Personen verbraucht wird (il-Liġi Ġermaniża li Tintroduċi Mekkaniżmu ta’ Ffriżar tal-Prezzijiet tal-Elettriku u li Temenda d-Dispożizzjonijiet l-Oħra tal-Leġiżlazzjoni tal-Enerġija Favur l-Operaturi tal-Punti tal-Iċċarġjar Sabiex Itaffu l-Ispejjeż tal-Iċċarġjar tal-Elettriku li Jintuża Minn Terzi Wara Punt tal-Iċċarġjar, iktar 'il quddiem il-“Liġi ta’ Ffriżar tal-Prezzijiet tal-Elettriku”) kompatibbli mas-suq intern;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma fetħitx il-proċedura prinċipali ta’ investigazzjoni taħt l-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja diffikultajiet serji. Il-konvenuta injorat il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna previst mil-Liġi Ġermaniża ta’ Ffriżar tal-Prezzijiet tal-Elettriku tiffavorixxi wkoll l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar, għalkemm dawn ma humiex konsumaturi finali iżda fornituri tal-enerġija.

2.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura prinċipali ta’ investigazzjoni taħt l-Artikolu 108(2) TFUE kellha tinfetaħ peress li l-Kummissjoni kellha tikkonstata, fil-kuntest ta’ investigazzjoni sħiħa, li filwaqt li l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar li huma, fl-istess ħin, fornituri u dawk li jipprovdu l-kurrent tal-iċċarġjar, għandhom jibbenefikaw minn għajnuna, dan ma huwiex il-każ tas-sempliċi fornituri tal-kurrent tal-iċċarġjar bħar-rikorrenti.

3.

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ddikjarat b’mod żbaljat li l-iskema ta’ għajnuna tal-Liġi ta’ Ffriżar tal-Prezzijiet tal-Elettriku favur l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Mill-qafas temporanju jirriżulta li għajnuna intiża sabiex tikkumpensa ż-żieda fl-ispejjeż li tirriżulta mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukraina minħabba ż-żieda eċċezzjonalment qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku hija kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE biss jekk ikun hemm mekkaniżmu li jiżgura li l-għajnuna tkun tibbenefika wkoll dawk affettwati mid-disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru. Tali mekkaniżmu huwa nieqes fil-każ tal-għajnuna favur l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar.

4.

Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-iskema ta’ għajnuna tal-Liġi Ġermaniża ta’ Ffriżar tal-Prezzijiet tal-Elettriku favur l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar hija inkompatibbli mas-suq intern peress li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn is-sempliċi fornituri tal-kurrent tal-iċċarġjar, minn naħa, u l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar, min-naħa l-oħra, mingħajr ġustifikazzjoni. Din l-iskema tiffavorixxi biss il-fornituri tal-kurrent tal-iċċarġjar li joperaw ukoll punti tal-iċċarġjar. Għall-kuntrarju, is-sempliċi fornituri tal-kurrent tal-iċċarġjar, min-naħa l-oħra, ma bbenefikaw minn ebda għajnuna taħt il-Liġi ta’ Ffriżar tal-Prezzijiet tal-Elettriku. B’hekk l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv fuq is-sempliċi fornituri tal-kurrent tal-iċċarġjar.

5.

Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna għall-kurrent tal-iċċarġjar tmur kontra d-Direttiva (UE) 2019/944 (1), minħabba li hija bbażata fuq finzjoni, li hija illegali skont il-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li tgħid li l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar huma konsumaturi finali, filwaqt li huma fil-fatt impriżi tal-elettriku fis-sens tal-punt 57 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva u jassumu kompiti ta’ provvista skont il-punt 12 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva. L-għajnuna selettiva favur biss l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar u mhux ukoll favur is-sempliċi fornituri tal-kurrent tal-iċċarġjar toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni, kuntrarjament għall-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2019/944.


(1)  Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (riformulazzjoni) (ĠU 2019, L 158, p. 125).