26.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/31


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ April 2023 – Ballmann vs EDPB

(Kawża T-183/23)

(2023/C 223/43)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Lisa Ballmann (Innsbruck, l-Awstrija) (rappreżentant: F. Mikolasch, avukat)

Konvenut: Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem l-“EDPB”) tas-7 ta’ Frar 2023 li tirrifjuta l-aċċess mir-rikorrenti għall-fajl li jikkonċerna d-Deċiżjoni Vinkolanti 3/2022 tal-EDPB dwar it-tilwima mressqa mill-Irish Supervisory Authority (l-Awtorità Superviżorja Irlandiża) dwar Meta Platforms Ireland Limited u s-servizzi Facebook tagħha (l-Artikolu 65 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”) (1)), skont l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; u

tikkundanna lill-EDPB għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur mill-EDPB tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)

L-EDPB kiser l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta meta ċaħad it-talba tar-rikorrenti għal aċċess tal-fajl li jikkonċerna d-Deċiżjoni Vinkolanti tal-EDPB 3/2022 minħabba li l-lanjanti (ir-rikorrenti u r-rappreżentant tagħħa taħt l-Artikolu 80(1) tar-RĠPD l-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru NOYB-European Center for Digital Rights) ma għandhomx dritt ta’ aċċess għall-fajl peress li x’aktarx mhux ser jiġu affettwati b’mod negattiv mid-Deċiżjoni Vinkolanti 3/2022;

Minbarra taħt l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, “effett negattiv” ma huwiex element tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta u għalhekk ma għandux għalfejn jiġi ssodisfatt;

Ir-rikorrenti titlob aċċess għall-“fajl tagħha” taħt l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta. Dan il-każ jikkonċerna direttament l-ilment personali tagħha taħt l-Artikolu 77 tar-RĠPD kontra Meta dwar id-data personali tagħha. Id-Deċiżjoni Vinkolanti 3/2022 tirreferi għall-“ilment” u għal-“lanjant” iktar minn 160 darba. L-EDPB innifsu jiddikjara fid-Deċiżjoni Vinkolanti 3/2022 li l-abbozz ta’ deċiżjoni inkwistjoni huwa relatat ma’ “investigazzjoni bbażata fuq ilment” filwaqt li l-ilment kien tressaq mir-rikorrenti. Id-Deċiżjoni Vinkolanti 3/2022 tirreferi kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru NOYB – European Center for Digital Rights, li rrappreżentatha taħt l-Artikolu 80(1) tar-RĠPD, bħala l-“lanjant”;

Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl taħt l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta huwa dritt individwali. L-Artikolu 41 tal-Karta b’mod ċar jagħmel distinzjoni bejn id-dritt ta’ aċċess għall-fajl mid-dritt għal smigħ. L-iskop u l-għan ta’ dawn id-drittijiet huma differenti. L-għan huwa prinċipalment dritt tad-difiża. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, min-naħa l-oħra, huwa wkoll aspett ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u d-dritt għal rimedju effettiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess tindirizza d-dritt għal kull wieħed minn dawn id-drittijiet separatament u ma tikkundizzjonax id-dritt ta’ aċċess għall-fajl fuq id-dritt għal smigħ;

Anki jekk “effett negattiv” ikun element tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta (li ma huwiex) din il-kundizzjoni tkun issodisfatta, peress li:

lment wieħed biss minn disa’ lmenti tad-9 ta’ Settembru 2019 mil-lanjant kien ġie parzjalment deċiż (l-ilment kien limitat minn kull forma ta’ “reklamar” għal “reklamar li jagħraf l-imġiba” biss) mid-Deċiżjoni Vinkolanti 3/2022 tal-EDPB u l-bqija tat-talbiet mil-ilment għadhom ma ġewx indirizzati mill-EDPB;

attwalment għaddejja tilwima bejn l-awtoritajiet superviżorji tal-Awstrija u tal-Irlanda dwar jekk il-kwistjonijiet għadhomx pendenti quddiemhom, l-EDPB jew jekk dawn it-talbiet kinux f’xi livell tal-proċedura miċħuda, u għaddejja proċedura kontenjuża bejn il-lanjant u l-awtoritajiet superviżorji dwar din il-kwistjoni quddiem il-qrati tal-Irlanda u tal-Awstrija; u

il-lanjant ma jistax jifhem il-proċedura li wasslet li l-EDPB jiddeċiedi parzjalment biss fuq talba waħda mingħajr ma għandu aċċess għall-fajls, filwaqt li l-awtoritajiet superviżorji tal-Awstrija u tal-Irlanda jibbażaw fuq id-deċiżjoni tal-EDPB.


(1)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil- ĠU 2018, L 127, p. 2).