3.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 235/39


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2023 – Óbudai Egyetem vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-132/22)

(2023/C 235/54)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Óbudai Egyetem (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: V. Łuszcz u K. Bendzsel-Varga, avukati)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2506 tal-15 ta’ Diċembru 2022 (1), parzjalment sa fejn jipprovdi “jew ma’ kwalunkwe entità miżmuma minn tali trust ta’ interess pubbliku” u sa fejn dik id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni 2022/2506 tikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-26 ta’ Jannar 2023 tal-Kummissarji Hahn u Gabriel dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward ta’ trusts ta’ interess pubbliku sa fejn hija kkonċernata r-rikorrenti;

tannulla l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar, tal-21 ta’ Frar u tat-3 ta’ Marzu 2023, ippubblikati bħala “Avviżi” jew “FAQ” fuq il-portal ta’ ERASMUS+ u ta’ Horizon Europe, kif sar riferiment għalihom fl-imsemmija Dikjarazzjoni Konġunta, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tannulla l-att tal-Kummissjoni li kien jagħmel parti minn email ta’ EIT Manufacturing tat-2 ta’ Frar 2023 mibgħuta lill-koordinatur tal-konsorzju fi Project Action to Boost Ecosystem Impact through Cross-partner Learning – EcoAction, sa fejn hija kkonċernata r-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lil kwalunkwe intervenjent ieħor għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament ta’ Kondizzjonalità (2) tad-dover li jingħataw raġunijiet adegwati, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 (3).

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni u l-Kunsill (i) naqsu milli jistabbilixxu r-relevanza tal-ksur għall-ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit tal-Unjoni jew tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u naqsu milli jistabbilixxu rabta ġenwina bejn il-ksur u r-riskju gravi li tiġi affettwata l-ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni; u (ii) naqsu milli jistabbilixxu l-proporzjonalità tal-miżura taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Kondizzjonalità. Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-Kummissjoni u l-Kunsill wettqu żbalji ta’ evalwazzjoni, kisru r-Regolament ta’ Kondizzjonalità u kisru l-obbligu li jiġu pprovduti raġunijiet adegwati f’dan ir-rigward. Ir-rikorrenti tqajjem ukoll il-motiv ta’ illegalità kontra r-Regolament ta’ Kondizzjonalità, fil-każ li r-Regolament jeskludi eżenzjonijiet individwali mill-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt li wieħed jopera fuq suq mingħajr distorsjoni (Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikoli 101-108 TFUE).

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, aspettattivi leġittimi u ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

Fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti żżid motiv ta’ illegalità kontra r-Regolament ta’ Kondizzjonalità, fil-każ li r-Regolament jeskludi eżenzjonijiet individwali mill-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.


(1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2506 tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija (ĠU 22 L 325, p. 94).

(2)  Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020 L 433 I, p. 1).

(3)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018 L 193, p. 1).