8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 164/46


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2023 – Uniper Global Commodities vs ACER

(Kawża T-96/23)

(2023/C 164/62)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Uniper Global Commodities SE (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: T. Richter, M. Schellberg, C. Sieberg u M. Schleifenbaum, avukati)

Konvenut: L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-konvenuta tad-9 ta’ Diċembru 2022 (Nru A 003-2022);

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni inizjali tal-konvenuta tal-25 ta’ Frar 2022 (Nru 03/2022);

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv

Il-Bord tal-Appell tal-konvenuta qies b’mod żbaljat li d-deċiżjoni tal-konvenuta (Nru 03/2022) kienet “indirizzata lil persuna oħra” fis-sens tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2019/942 (1) u li r-rikorrenti kienet tabilħaqq ikkonċernata “direttament”, iżda mhux “individwalment”:

il-Bord tal-Appell ibbaża dan fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2019/942 u fuq evalwazzjoni insuffiċjenti dwar l-inċidenza speċifika fuq ir-rikorrenti;

il-Bord tal-Appell ibbaża dan l-allegat nuqqas ta’ inċidenza individwali fuq affermazzjonijiet mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 263(4) TFUE, li ma humiex trasferibbli għall-każ preżenti jew li ġew evalwati b’mod żbaljat.

2.

It-tieni motiv

Għalkemm il-Bord tal-Appell ikkonferma li d-deċiżjoni tal-konvenuta hija att ġuridiku li għandha n-natura ta’ att regolatorju, skont it-tielet alternattiva fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa interpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2019/942, fis-sens li taħt din id-dispożizzjoni, b’deroga mit-tielet alternattiva fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti xorta madankollu ma kellha ebda dritt ta’ appell:

l-interpretazzjoni tal-Bord tal-Appell ma tqis la s-sens u l-għan tal-proċedura ta’ appell u lanqas ir-rwol tal-konvenuta fil-kuntest tal-awtoregolamentazzjoni tal-ibbilanċjar tas-suq tal-enerġija, li teħtieġ approvazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/2195 (2);

l-interpretazzjoni tal-Bord tal-Appell twassal għal defiċit fil-protezzjoni legali li tmur kontra d-dritt primarju;

kuntrarjament għall-opinjoni tal-Bord tal-Appell, il-kliem tar-regola ma jipprekludux interpretazzjoni li r-rikorrenti għandha d-dritt li tippreżenta appell.

Insostenn tat-talba sussidjarja tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv

Il-konvenuta marret lil hinn mis-setgħat tagħha skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1), l-Artikolu 5(6), moqrija flimkien mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2017/2195 peress li ma ddeċidietx dwar it-talba ta’ ENTSO-E (European Network of Transmission System Operators for Electricity), iżda ddeċidiet fuq xi ħaġa kompletament differenti.

2.

It-tieni motiv

Il-konvenuta ma kellhiex tadotta l-iffissar tal-limitu fil-prezz mingħajr konsultazzjoni mill-ġdid skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2017/2195, anki jekk kien preżunt li kellha l-awtorità sabiex tagħmel dan skont ir-Regolament (UE) 2017/2195 u r-Regolament (UE) 2019/942.

3.

It-tielet motiv

Ma hemm l-ebda bażi legali għal-limitu fil-prezz iffissat mill-konvenuta.

4.

Ir-raba’ motiv

Kuntrarjament għall-Artikolu 14(7) tar-Regolament (UE) 2019/942 u għall-Artikolu 296 TFUE, il-konvenuta ma ġġustifikatx biżżejjed l-iffissar tal-limitu fil-prezz.

5.

Il-ħames motiv

Permezz tad-deċiżjoni, il-konvenuta kisret ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1)(a), (b) u (e) tar-Regolament (UE) 2017/2195.

6.

Is-sitt motiv

Peress li ffissat il-limitu fil-prezz, il-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) TUE u l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/2195.


(1)  Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat-23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU 2017, L 312, p. 6).