17.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 134/17


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2023 – ABLV Bank vs BĊE u SRB

(Kawża T-71/23)

(2023/C 134/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: ABLV Bank AS (Riga, il-Latvja) (rappreżentant: O. Behrends, avukat)

Konvenuti: Il-Bank Ċentrali Ewropew, Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara lill-konvenuti responsabbli in solidum bejniethom għad-dannu kkawżat lir-rikorrenti minħabba l-waqfien tan-negozju tagħha u ta’ dak tas-sussidjarja tagħha fil-Lussemburgu;

tikkundanna lill-konvenuti in solidum bejniethom sabiex jikkumpensaw lir-rikorrenti għal tali dannu;

tistabbilixxi d-dannu materjali għal tal-inqas EUR 414 691 000 flimkien mal-interessi moratorji mid-data tal-għoti tas-sentenza sal-ħlas intier;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-aġir tal-konvenuti kiser b’mod suffiċjentement serju d-dispożizzjonijiet legali intiżi sabiex jagħtu drittijiet lir-rikorrenti, u din tal-aħħar ġarrbet danni bħala konsegwenza diretta ta’ dawn l-azzjonijiet.

Ir-rikorrenti ssosnti li l-konvenuti eċċedew il-limiti tal-poteri tagħhom u interferixxew fil-kompetenza tal-qrati nazzjonali meta ħabbru l-istralċ tar-rikorrenti u tas-sussidjarja tagħha fil-Lussemburgu skont id-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom;

Ir-rikorrenti ssosnti li l-aġir tal-konvenuti ma għandu l-ebda bażi legali jew sostantiva;

Il-konvenuti, skont ir-rikorrenti, kisru l-obbligi tagħhom li jaġixxu b’mod legali b’mod partikolari fil-każ ta’ kontestazzjoni esterna tas-sistema legali ta’ Stat Membru minn pajjiż terz.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti ġarrbet telf finanzjarju minħabba t-terminazzjoni forzata tan-negozju tagħha u ta’ dak tas-sussidjarja tagħha fil-Lussemburgu.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-aġir tal-konvenuti wassal għall-waqfien forzat tan-negozju tar-rikorrenti u ta’ dak tas-sussidjarja tagħha fil-Lussemburgu. L-awtolikwidazzjoni sussegwenti kien pass inevitabbli sabiex jittaffa d-dannu.