27.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/39


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2023 – Kaili vs Il-Parlament u L-UPPE

(Kawża T-46/23)

(2023/C 112/50)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Eva Kaili (Ixelles, il-Belġju) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

—

tannulla d-deċiżjoni tal-Kap Prosekutur Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2022, li tordna t-tneħħija tal-immunità parlamentari tar-rikorrenti;

—

tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Jannar 2023 li din it-talba titħabbar fis-sessjoni plenarja tal-Parlament u li tirreferiha lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali;

—

tordna lill-konvenuti jħallsu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u l-ispejjeż tar-rikorrenti f’dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv jallega nuqqas ta’ kompetenza tal-Kap Prosekutur Ewropew li jadotta l-att ikkontestat: skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Artikolu 9 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew, meta l-Kap Prosekutur Ewropew adottat id-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Diċembru 2022, l-Istati Membri biss kienu awtorizzati jadottaw tali deċiżjoni. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2022 tal-Kap Prosekutur Ewropew ġiet adottata mingħajr il-kompetenza meħtieġa.

2.

It-tieni motiv jallega ksur ta’ żewġ rekwiżiti formali essenzjali:

—

Nuqqas ta’ raġunament: l-att tal-Kap Prosekutur Ewropew ma jelaborax dwar i) jekk ir-rikorrenti tinsabx fil-proċess li twettaq reat; u ii) jekk il-privileġġi u l-immunitajiet tar-rikorrenti humiex ta’ ostakolu għall-investigazzjoni tal-irregolaritajiet allegati;

—

Ksur tad-drittijiet ta’ difiża: la l-Kap Prosekutur Ewropew u lanqas il-President tal-Parlament Ewropew ma awtorizzaw lir-rikorrenti ġġib kopja tad-dokumenti li fuqhom huma bbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija ma nstemgħetx qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

3.

It-tielet motiv jallega nuuqas ta’ raġunament suffiċjenti u xieraq li jikser l-Artikolu 29(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1) u/jew ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività.

4.

Ir-raba’ motiv jallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

5.

Il-ħames motiv jallega ksur tal-prinċipju ta’ demokrazija u tad-dritt għal smigħ xieraq.


(1)  ĠU 2017 L 283, p. 1.