SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

2 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea – Trade mark verbali TESTAROSSA – Użu ġenwin tat-trade mark – Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Użu minn terzi – Natura tal-użu – Kunsens impliċitu tal-proprjetarju tat-trade mark – Prova tal-użu ġenwin – Mudelli f’minjatura ta’ vetturi tal-art bil-mutur (ġugarelli)”

Fil-Kawża T‑1104/23,

Ferrari SpA, stabbilita fi Modena (L-Italja), irrappreżentata minn K. Muraro, G. Russo u C. Comolli Acquaviva, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Markakis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Kurt Hesse, residenti fi Nürnberg (Il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Krogmann, avukat,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, G. De Baere, D. Petrlík, K. Kecsmár u S. Kingston, imħallfin,

Reġistratur: G. Mitrev, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ferrari SpA, titlob l-annullament u l-bidla tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad‑29 ta’ Awwissu 2023 (Każ R 887/2016-5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Permezz ta’ reġistrazzjoni internazzjonali tas‑17 ta’ Ottubru 2006, li tirreferi għall-Unjoni Ewropea u rċevuta mill-EUIPO fit‑8 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti, Ferrari SpA, talbet il-protezzjoni fl-Unjoni tat-trade mark verbali TESTAROSSA.

3

Ir-reġistrazzjoni internazzjonali ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji fit‑12 ta’ Frar 2007 u ġiet inkluża fir-reġistru tat-trade marks Komunitarji fis‑17 ta’ Diċembru 2007.

4

Il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassi 28 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u kienu jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Mudelli f’minjatura ta’ vetturi tal-art bil-mutur (ġugarelli), ġugarelli tal-kostruzzjoni modulari u l-partijiet ta’ konnessjoni tagħhom, logħob tal-kostruzzjoni (blokki)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5

Fl‑14 ta’ Novembru 2014, l-intervenjent, Kurt Hesse, ressaq quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali għall-prodotti indikati fil-punt 4 iktar ’il fuq, abbażi tal-Artikolu 158(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (li sar l-Artikolu 198(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)), moqri flimkien mal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001).

6

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Marzu 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet parzjalment it-talba għal revoka. Hija ċaħdet din it-talba fir-rigward tal-“mudelli f’minjatura ta’ vetturi tal-art bil-mutur (ġugarelli)” (iktar ’il quddiem il-“mudelli f’minjatura ta’ vetturi”), iżda laqgħetha għall-prodotti l-oħra li jaqgħu fil-klassi 28.

7

Fit‑12 ta’ Mejju 2016, l-intervenjent ippreżenta rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sa fejn din tal-aħħar kienet irrifjutat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-mudelli f’minjatura ta’ vetturi.

8

Fis‑17 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti talbet ukoll, fil-kuntest ta’ appell inċidentali, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sa fejn din kienet iddikjarat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-“ġugarelli tal-kostruzzjoni modulari u l-partijiet ta’ konnessjoni tagħhom, logħob tal-kostruzzjoni (blokki)” inklużi fil-klassi 28.

9

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell laqa’ r-rikors tal-intervenjent u ċaħad dak tar-rikorrenti. Għalhekk, id-drittijiet tar-rikorrenti fuq it-trade mark ikkontestata ġew irrevokati għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq.

It-talbiet tal-partijiet

10

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata intwera għal mudelli f’minjatura ta’ vetturi;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjent għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell u għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

11

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż jekk tiġi organizzata seduta.

12

L-intervenjent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq id-determinazzjoni tad-dritt sostantiv u proċedurali applikabbli ratione temporis

13

Fid-dawl tad-data tat-tressiq tat-talba għal revoka inkwistjoni, jiġifieri l‑14 ta’ Novembru 2014, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-kawża huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 189) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Deichmann vs EUIPO, C‑223/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:471, punt 2, u tat‑3 ta’ Lulju 2019, Viridis Pharmaceutical vs EUIPO, C‑668/17 P, EU:C:2019:557, punt 3).

14

F’dan ir-rigward, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-effett ta’ eventwali dikjarazzjoni ta’ revoka retroattiva għandu jibda jiddekorri mid-data tat-talba għal revoka. Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-tilwima hija rregolata mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament 2017/1001. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata, b’applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikolu 82(2)(d), (f) u (i) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1), it-tilwima hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, Novomatic vs EUIPO – adp Gauselmann (Power Stars), T‑588/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:157, punt 20).

15

Konsegwentement, f’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda r-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għad-dispożizzjonijiet b’kontenut identiku tar-Regolament Nru 207/2009.

Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il‑portata tal‑ewwel kap tat‑talbiet

16

Permezz tal-ewwel kap ta’ talbiet, ir-rikorrenti titlob mingħajr ebda speċifikazzjoni oħra, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

17

Madankollu, minn qari globali tar-rikors jirriżulta li hija ma tikkontestax id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fejn din tal-aħħar kienet iddikjarat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-“ġugarelli tal-kostruzzjoni modulari u l-partijiet ta’ konnessjoni tagħhom, logħob tal-kostruzzjoni (blokki)”, inklużi fil-klassi 28.

18

Għaldaqstant, minn dan isegwi li r-rikorrenti titlob biss, fir-realtà, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Bord tal-Appell iddikjara r-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-mudelli f’minjatura ta’ vetturi inklużi fil-klassi 28.

Fuq il-mertu

19

Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-fatturi rilevanti kollha ma ttieħdux inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li hija ma kinitx uriet użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-mudelli f’minjatura ta’ vetturi.

20

Qabelxejn għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

21

Skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati fuq talba mressqa quddiem l-EUIPO jew fuq kontrotalba f’azzjoni għal kontrafazzjoni jekk, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, li jestendi, f’dan il-każ, mill‑14 ta’ Novembru 2009 sat‑13 ta’ Novembru 2014 inkluż (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”), l-imsemmija trade mark ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Unjoni għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija rreġistrata u jekk ma jkunux jeżistu raġunijiet iġġustifikati għan-nuqqas ta’ użu.

22

Skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95, li tapplika mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ revoka konformement mar-Regola 40(5) tal-istess regolament, il-prova tal-użu ġenwin għandha tirrigwarda l-post, it-tul, il-firxa u n-natura tal-użu li sar tat-trade mark preċedenti. Skont il-paragrafu (4) ta’ din ir-regola, il-provi huma limitati, bħala prinċipju, għall-produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn bħalma huma l-imballaġġ, ittikkettjar, lista ta’ prezzijiet, katalogi, fatturi, ritratti, avviżi fil-gazzetti kif ukoll dikjarazzjonijiet bil-miktub kif imsemmi fl-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

23

Għalhekk, trade mark hija s-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43). Barra minn hekk, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin tat-trade mark teżiġi li din tal-aħħar, kif protetta fit-territorju rilevanti, tintuża pubblikament u bil-miftuħ (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2015, Naazneen Investments vs UASI – Energy Brands (SMART WATER), T‑250/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:160, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Jannar 2023, Hecht Pharma vs EUIPO – Gufic BioSciences (Gufic), T‑346/21, EU:T:2023:2, punt 22 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2009, Cohausz vs UASI – Izquierdo Faces (acopat), T‑409/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:354, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriużulta li l-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha ta’ natura li jistabbilixxu r-realtà tal-użu kummerċjali tagħha, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat li huwa ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma tas-suq għall-benefiċċju tal-prodotti jew tas-servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-portata u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2015, SMART WATER SMART, T‑250/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:160, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi tas-suq tal-mudelli f’minjatura ta’ vetturi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni teżamina, fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55), il-kwistjoni dwar jekk, meta trade mark tkun irreġistrata kemm għal vetturi bil-mutur kif ukoll għal ġugarelli, bħal f’dan il-każ, it-twaħħil minn terz, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, ta’ sinjal identiku għal din it-trade mark fuq mudelli f’minjatura ta’ vetturi tal-imsemmija trade mark, sabiex dawn il-vetturi jiġu riprodotti fedelment, u l-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija mudelli f’minjatura jikkostitwixxux użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi.

27

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark kellu jiġi rriżervat għall-każijiet fejn l-użu tas-sinjal minn terz ikun jippreġudika jew seta’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel,C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 21).

28

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, it-twaħħil minn terz ta’ sinjal identiku għal trade mark irreġistrata għal ġugarelli fuq mudelli f’minjatura ta’ vetturi jista’ jiġi pprojbit biss jekk dan ikun jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet ta’ din it-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel, C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 22).

29

Il-kwistjoni dwar jekk tali twaħħil jippreġudikax jew jistax jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq tal-mudelli f’minjatura ta’ vetturi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk il-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, huwiex imdorri li l-mudelli f’minjatura ta’ vetturi jkunu bbażati fuq eżempji reali u jekk jagħtix saħansitra importanza kbira lill-fedeltà assoluta għall-oriġinal, b’tali mod li jista’ jifhem li t-tqegħid tat-trade mark tal-manifattur tal-karozza fuq dawn il-mudelli f’minjatura sempliċement jindika li din hija riproduzzjoni fuq skala żgħira ta’ vettura ta’ din it-trade mark. F’tali każ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix is-sinjal identiku għall-imsemmija trade mark imqiegħed fuq il-mudelli f’minjatura ta’ vetturi kkummerċjalizzati minn terz bħala indikazzjoni li dawn il-prodotti joriġinaw mill-manifattur tal-karozza jew minn impriża marbuta ekonomikament ma’ dan tal-aħħar, b’tali mod li tali użu ma jippreġudikax il-funzjoni essenzjali ta’ din it-trade mark bħala trade mark irreġistrata għal ġugarelli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel,C‑48/05, EU:C:2007:55, punti 2324).

30

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li s-suq tal-mudelli f’minjatura ta’ vetturi kien ikkaratterizzat mill-koeżistenza ta’ manifatturi ta’ ġugarelli indipendenti – li jużaw trade marks ukoll irreġistrati għal karozzi, bħalma hija t-trade mark ikkontestata, bħala sempliċi indikazzjonijiet li mudell f’minjatura huwa riproduzzjoni fidila ta’ mudell ta’ karozza reali – u ta’ mudelli f’minjatura ta’ vetturi manifatturati u kkummerċjalizzati direttament mill-proprjetarji ta’ tali trade marks jew minn impriżi li huma ekonomikament marbuta magħhom, b’mod partikolari permezz ta’ liċenzja.

31

Il-Bord tal-Appell irrileva wkoll li l-pubbliku rilevanti kien imdorri jara mudelli f’minjatura ta’ vetturi, b’liċenzja jew mingħajrha tal-manifattur tal-karozzi, skont l-informazzjoni li tidher fuq l-imballaġġi tagħhom. Il-partijiet ma jikkontestawx dawn il-konstatazzjonijiet.

32

Minn dan jirriżulta li terz jista’ juża tali trade mark mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tagħha, bil-kundizzjoni li l-użu li huwa jagħmel minnha fuq mudell f’minjatura ta’ vettura sempliċement jindika lill-pubbliku rilevanti li l-imsemmi mudell huwa riproduzzjoni fidila ta’ mudell ta’ karozza reali.

33

Għall-kuntrarju, meta l-użu tat-trade mark minn terz imur lil hinn minn sempliċi indikazzjoni tan-natura fidila tar-riproduzzjoni, billi jsir riferiment, waqt il-kummerċjalizzazzjoni tal-mudelli f’minjatura ta’ vetturi inkwistjoni, pereżempju, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, għal ftehim ta’ liċenzja konkluż mal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, tali użu jiġi pperċepit bħala indikazzjoni li dawn il-prodotti ġejjin mill-manifattur tal-karozzi jew minn impriża ekonomikament marbuta ma’ dan tal-aħħar permezz ta’ ftehim bħal dan. Tali użu huwa konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodott. F’dan il-każ, il-proprjetarju tat-trade mark ikun iġġustifikat li jopponi tali użu tat-trade mark tiegħu minn terz mingħajr il-kunsens tiegħu.

34

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

35

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm, kif tfakkar fil-punt 22 iktar ’il fuq, il-prova tal-użu għandha tirrigwarda l-post, it-tul, il-firxa u n-natura tal-użu li sar mit-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell illimita ruħu, fid-deċiżjoni kkontestata, li jevalwa n-natura tal-użu tat-trade mark ikkontestata, kif barra minn hekk irrikonoxxa l-EUIPO waqt is-seduta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-kriterju huwa l-uniku wieħed suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali f’din il-kawża.

36

Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-provi prodotti mir-rikorrenti jinkludu t-trade mark ikkontestata, kultant fil-forma li fiha hija ġiet irreġistrata, jiġifieri TESTAROSSA, kultant fil-forma ta’ żewġ elementi verbali separati, jiġifieri “testa” u “rossa”, iżda li din il-varjazzjoni ma taffettwax il-karattru distintiv tagħha, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, b’tali mod li ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ forom ta’ użu.

37

Barra minn hekk, fir-rigward tal-provi dwar l-użu tat-trade mark ikkontestata mill-kumpannija Amalgam, il-Bord tal-Appell ikkonstata li dawn kienu jirreferu biss għal mudelli f’minjatura ta’ daqs kbir li ma kinux intiżi għal-logħob, b’tali mod li ma kinux juru użu tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti koperti minnha. Għaldaqstant, hija ċaħdet dawn l-elementi bħala irrilevanti. Mistoqsija waqt is-seduta f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti indikat li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata.

38

Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li, matul il-perijodu rilevanti, mudelli f’minjatura ta’ vetturi Testarossa ġew ikkummerċjalizzati, mhux mir-rikorrenti stess, iżda minn terzi, jiġifieri, manifatturi ta’ tali mudelli f’minjatura.

39

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk it-trade mark ikkontestata kinitx intużat konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha u, it-tieni nett, jekk dan ikun il-każ, jekk dan l-użu kienx twettaq bil-kunsens tar-rikorrenti.

– Fuq l-użu tat-trade mark ikkontestata konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha

40

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li l-użu magħmul minn terzi tat-trade mark ikkontestata kien limitat li jindika li l-mudelli f’minjatura tal-vetturi inkwistjoni kienu riproduzzjonijiet fidili ta’ karozzi reali Testarossa. Huwa wasal għal tali konklużjoni, b’mod partikolari, billi kkonstata li, fuq il-provi prodotti mir-rikorrenti, it-trade marks ta’ terzi kienu jiddominaw l-imballaġġ tal-imsemmija mudelli f’minjatura ta’ vettura, li l-indikazzjoni “Ferrari Official Licensed Product” (prodott uffiċjali b’liċenzja Ferrari) (iktar ’il quddiem l-“indikazzjoni ‘prodott uffiċjali b’liċenzja Ferrari’”) ma kinitx tirreferi għat-trade mark ikkontestata u li din tal-aħħar ma kinitx akkumpanjata mis-simboli “TM” jew “®”, b’tali mod li din it-trade mark ma kinitx użata bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-imsemmija mudelli f’minjatura. Il-Bord tal-Appell żied ukoll li l-fatt li t-trade mark ikkontestata titwaħħal minn terzi fuq mudelli f’minjatura ta’ vetturi, manifatturati minn dawn tal-aħħar bi standards ta’ kwalità varjati u kkummerċjalizzati bi prezzijiet differenti, kien imur kontra l-konklużjoni li t-trade mark ikkontestata kienet intużat bħala indikatur tal-oriġini kummerċjali tal-prodott.

41

Ir-rikorrenti ssostni li l-użu tat-trade mark ikkontestata għal mudelli f’minjatura ta’ vetturi ma jindikax biss li din hija r-riproduzzjoni fuq skala żgħira ta’ vettura ta’ din it-trade mark, peress li l-provi li hija pproduċiet juru li l-imsemmi użu tat-trade mark ikkontestata sar taħt liċenzji mogħtija minnha lil terzi, b’tali mod li t-trade mark ikkontestata ntużat konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-assenza ta’ użu tas-simboli “TM” u “®” ħdejn it-trade mark ikkontestata ma tistax tfisser li l-użu tagħha ma huwiex konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha.

42

L-EUIPO, sostnut mill-intervenjent, isostni li l-Bord tal-Appell qies, ġustament, li l-provi ma jurux użu tat-trade mark ikkontestata skont il-funzjoni essenzjali tagħha, sa fejn it-trade marks li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti ma kinux it-trade mark ikkontestata, iżda diversi trade marks oħra, fosthom trade marks ta’ manifatturi ta’ ġugarelli indipendenti. Huwa jżid li l-imsemmija provi juru biss li t-trade mark ikkontestata ntużat bħala element ta’ riferiment, sabiex tiġi indikata riproduzzjoni fidila tal-mudell reali ta’ karozza Testarossa.

43

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ppreżentat diversi katalogi tal-kumpannija Bburago, li fihom tidher it-trade mark ikkontestata. Dawn il-katalogi, tas-snin 2011 sa 2015, huma intitolati “Ferrari Race and Play” u jippreżentaw diversi mudelli f’minjatura ta’ vetturi Ferrari, fosthom mudelli f’minjatura ta’ vetturi Testarossa. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-katalogi jinkludu, barra minn hekk, fuq il-qoxra tagħhom, il-kliem “prodott uffiċjali b’liċenzja Ferrari”, kif ukoll l-indikazzjoni li ġejja: “Prodott b’liċenzja FERRARI Spa., FERRARI, l-element figurattiv taż-ŻIEMEL WIEQAF FUQ SAQAJH TA’ WARA, il-logos u d-disinni distintivi kollha assoċjati huma l-proprjetà ta’ FERRARI Spa. Id-disinni tal-karrozzeriji tal-karozzi FERRARI huma protetti bħala proprjetà ta’ FERRARI bis-saħħa tar-regolamenti dwar id-disinni, it-trade marks u l-muntatura kummerċjali”. F’dawn il-katalogi kollha, it-trade mark ikkontestata tidher fir-ritratti tal-mudelli f’minjatura ta’ vetturi Testarossa. Fuq in-naħa ta’ fuq tax-xellug tal-katalogu, hemm ukoll il-logo tal-impriża Bburago, filwaqt li fin-naħa ta’ fuq, iċċentrata, it-trade mark verbali Ferrari hija enfasizzata.

44

Ir-rikorrenti pproduċiet ukoll provi dwar l-użu tat-trade mark ikkontestata mill-kumpannija Hachette, li jikkonsistu b’mod partikolari f’ritratti ta’ mudelli f’minjatura ta’ vetturi Testarossa fl-imballaġġ tagħhom. It-trade mark ikkontestata hija miktuba, b’ittri kbar, fil-parti ta’ fuq tal-imballaġġ kif ukoll fuq il-bażi tal-mudell f’minjatura. It-trade mark verbali Ferrari tidher, b’ittri kbar ħafna, ħdejn żiemel wieqaf fuq saqajh ta’ wara, fil-parti ta’ fuq tal-imballaġġ. Barra minn hekk, l-indikazzjoni “prodott uffiċjali b’liċenzja Ferrari” tista’ tinqara b’mod ċar fuq il-parti t’isfel tal-imballaġġ. Il-kliem “Hachette” kien jidher, min-naħa tiegħu, fil-parti t’isfel tal-imsemmi imballaġġ.

45

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonstata li l-imballaġġi ta’ mudelli f’minjatura ta’ vetturi inkwistjoni kienu “ddominati” mit-trade marks ta’ terzi. Din il-konstatazzjoni ma tikkorrispondix għall-materjalità tal-fatti rrilevati fil-punti 43 u 44 iktar ’il fuq.

46

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell, sostnuta wkoll mill-EUIPO u mill-intervenjent, li t-trade mark ikkontestata kienet użata flimkien ma’ trade marks oħra, li jappartjenu kemm lir-rikorrenti kif ukoll lil impriżi oħra. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ użu ġenwin ta’ trade mark tista’ tiġi ssodisfatta meta din it-trade mark tintuża flimkien ma’ trade mark oħra, sakemm l-ewwel trade mark tkompli tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, CEDC International vs EUIPO – Underberg (Forma ta’ werqa ħaxixa fi flixkun), T‑796/16, EU:T:2020:439, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Dan huwa l-każ ukoll f’din il-kawża. Fil-fatt, fuq il-provi msemmija iktar ’il fuq jidhru mhux biss it-trade mark ikkontestata bħala tali, viżibbli b’mod ċar, iżda wkoll it-trade mark figurattiva Ferrari li tirrappreżenta żiemel wieqaf fuq saqajh ta’ wara, it-trade mark verbali Ferrari u, fuq kollox, l-indikazzjoni “prodott uffiċjali b’liċenzja Ferrari”, bl-istess mod bħat-trade marks ta’ terzi, manifatturi tal-imsemmija mudelli f’minjatura ta’ vetturi. Dawn l-indikazzjonijiet jippermettu lill-pubbliku rilevanti jifhem li l-mudelli f’minjatura ta’ vetturi bit-trade mark ikkontestata huma mmanifatturati minn terz taħt liċenzja tar-rikorrenti, b’tali mod li tali użu tat-trade mark ikkontestata huwa konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini kummerċjali tal-imsemmija prodotti.

48

Is-sempliċi fatt, irrilevat mill-Bord tal-Appell, li l-mudelli f’minjatura ta’ vetturi Testarossa huma kkummerċjalizzati minn impriżi differenti u li l-kwalità u l-prezz tagħhom huma differenti ma jippermettix li jiġi konkluż li dan l-użu ma huwiex konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 47 iktar ’il fuq, l-impriżi terzi jwaħħlu fuq l-imballaġġ tal-prodotti tagħhom jew fuq il-katalogi tagħhom l-indikazzjoni “prodott uffiċjali b’liċenzja Ferrari”, u b’hekk jistabbilixxu rabta ċara mar-rikorrenti, proprjetarja tat-trade mark ikkontestata, li jindika, b’dan il-mod, lill-pubbliku rilevanti l-oriġini kummerċjali tal-imsemmija prodotti.

49

Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li qies il-Bord tal-Appell, ftit jimporta li l-indikazzjoni “prodott uffiċjali b’liċenzja Ferrari” ma tagħmilx, bħala tali, riferiment għat-trade mark ikkontestata, peress li, minn naħa, l-imsemmija trade mark ikkontestata hija indikata b’mod ċar ħdejn din l-indikazzjoni jew, fil-katalogi, taħt ir-ritratti tal-mudelli f’minjatura rilevanti, u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ din l-indikazzjoni, il-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn ir-rikorrenti, proprjetarja tat-trade mark ikkontestata, u l-manifatturi ta’ ġugarelli li jikkummerċjalizzaw il-prodotti inkwistjoni taħt din it-trade mark.

50

Fil-fatt, huwa magħruf li, fis-suq tal-karozzi, il-karozzi huma kkummerċjalizzati kemm taħt l-ewwel trade mark, li tindika l-manifattur ta’ din il-karozza, kif ukoll taħt it-tieni trade mark, li tindika l-mudell ta’ din il-karozza. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll rilevanti għas-suq tal-mudelli f’minjatura ta’ vetturi, peress li dawn huma intiżi bħala repliki fidili ta’ karozzi reali, b’tali mod li l-pubbliku rilevanti huwa mdorri li jirreferi simultanjament għat-trade mark tal-manifattur u għal dik tal-mudell speċifiku. Għaldaqstant, ir-rabta bejn l-użu tat-trade mark Ferrari u t-trade mark ikkontestata fuq l-imballaġġi u l-katalogi hija konformi mal-użanzi tas-suq.

51

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell qies, b’mod żbaljat, li l-fatt li t-trade mark ikkontestata ma kinitx akkumpanjata mis-simboli “TM” jew “®” kien jippermetti li jiġi konkluż li din ma kinitx tintuża skont il-funzjoni essenzjali tagħha. Fil-fatt, ma jeżisti ebda obbligu li jintużaw is-simboli “®” jew “TM”, sabiex użu jitqies li huwa konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark. L-assenza tal-imsemmija simboli la taffettwa l-validità u lanqas il-funzjoni essenzjali tat-trade marks tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-assenza tagħhom ħdejn it-trade mark ikkontestata fil-provi bl-ebda mod ma tbiddel il-kapaċità tat-trade mark ikkontestata li tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni u li tiddistingwihom minn dawk ta’ impriżi oħra.

52

Għalhekk, il-provi msemmija iktar ’il fuq prodotti mir-rikorrenti, meħuda flimkien, jippermettu li jitqies li t-trade mark ikkontestata ntużat, matul il-perijodu rilevanti, għal mudelli f’minjatura ta’ vetturi, b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti li għalihom hija ġiet irreġistrata.

– Fuq il-kunsens tar-rikorrenti għall-użu tat-trade mark tagħha minn terzi

53

Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-użu tat-trade mark bil-kunsens tal-proprjetarju għandu jitqies li jikkostitwixxi użu mill-proprjetarju.

54

Il-proprjetarju tat-trade mark għandu jipproduċi l-prova li huwa ta l-kunsens tiegħu għall-użu ta’ din it-trade mark minn terz (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI,C‑416/04 P, EU:C:2006:310, punt 44).

55

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li t-terzi, bl-użu minnhom tat-trade mark ikkontestata għal mudelli f’minjatura ta’ vetturi, kienu qed jaġixxu bil-kunsens tagħha. Huwa osserva b’mod partikolari li l-estratti tal-kuntratti ta’ liċenzja prodotti mir-rikorrenti ma kinux jippermettu li jiġi ddeterminat jekk it-trade mark ikkontestata kinitx is-suġġett ta’ dawn il-kuntratti. Huwa rrileva wkoll li l-provi msemmija fil-punti 43 u 44 iktar ’il fuq ma kinux jipprovaw il-kunsens tar-rikorrenti, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-indikazzjoni li l-prodotti mibjugħa kienu prodotti uffiċjali b’liċenzja Ferrari ma kinitx issemmi t-trade mark ikkontestata.

56

Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward, hija tindika li pproduċiet diversi estratti ta’ kuntratti ta’ liċenzja konklużi bejnha u terzi, għall-bejgħ u għall-manifattura ta’ mudelli f’minjatura ta’ vetturi. Il-Bord tal-Appell ċaħad b’mod żbaljat dawn il-kuntratti ta’ liċenzja, li madankollu juru li hija kienet tat il-kunsens tagħha għall-użu tat-trade mark ikkontestata minn dawn it-terzi. Hija ssostni wkoll li, minkejja li l-estratti ta’ dawn il-kuntratti ta’ liċenzja ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk dawn kinux jirrigwardaw it-trade mark ikkontestata, l-indikazzjonijiet li jinsabu fuq l-imballaġġ u l-katalogi, bħal dawk imsemmija fil-punti 43 u 44 iktar ’il fuq, jippermettu li jiġi konkluż, fi kwalunkwe każ, li hija tat il-kunsens tagħha, tal-inqas impliċitament, għall-użu tat-trade mark tagħha minn terzi, peress li hija kienet taf b’dan l-użu u qatt ma opponietu.

57

L-EUIPO jaqbel mal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fis-sens li l-estratti ta’ kuntratti ta’ liċenzja ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li l-persuni b’liċenzja kellhom l-awtorizzazzjoni li jużaw it-trade mark ikkontestata. Huwa jżid li l-kunsiderazzjoni li r-rikorrenti tat il-kunsens tagħha għall-użu tat-trade mark ikkontestata tmur kontra l-ġurisprudenza li tgħid li l-użu ġenwin ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet.

58

L-intervenjent isostni li hija r-rikorrenti li għandha turi, b’mod inekwivoku, li hija kienet tat il-kunsens tagħha għall-użu tat-trade mark ikkontestata u li, f’dan ir-rigward, il-fattur determinanti ma għandux ikun il-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, iżda r-relazzjoni effettiva bejn ir-rikorrenti u l-manifatturi terzi ta’ mudelli f’minjatura ta’ vetturi. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti ma opponietx għall-użu tat-trade mark ikkontestata minn terzi ma huwiex biżżejjed sabiex juri l-kunsens tagħha. Barra minn hekk, tali argument tressaq għall-ewwel darba mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

59

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li l-estratti ta’ kuntratti ta’ liċenzja ppreżentati mir-rikorrenti ma jinkludux il-lista tat-trade marks li huma s-suġġett tal-imsemmija kuntratti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija estratti ma jippermettux li jiġi stabbilit li r-rikorrenti tat il-kunsens espliċitu tagħha għall-użu tat-trade mark tagħha minn dawn it-terzi.

60

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, fi kwalunkwe każ, il-provi prodotti minnha, meħuda fl-intier tagħhom, juru li hija tat il-kunsens tagħha, b’mod impliċitu, għall-użu tat-trade mark ikkontestata minn terzi, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunsens tal-proprjetarju ta’ trade mark jista’, fil-fatt, jiġi espress b’mod espliċitu jew impliċitu. Għalhekk, dan il-kunsens għandu jiġi espress b’mod li jirrifletti b’mod ċert rieda tar-rinunzja għad-dritt esklużiv tiegħu fuq it-trade mark. Rieda bħal din tirriżulta normalment minn formulazzjoni espressa tal-kunsens. Madanakollu, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, il-kunsens jista’ jirriżulta b’mod implicitu minn elementi u ċirkustanzi preċedenti, simultanji jew sussegwenti għall-użu tat-trade mark inkwistjoni minn terz, li jirriflettu wkoll, b’mod ċert, rinunzja tal-proprjetarju għad-dritt tiegħu (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2011, Park vs UASI – BAe (PINE TREE), T‑28/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:7, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Ġunju 2022, Muschaweck vs EUIPO – Conze (UM), T‑293/21, EU:T:2022:345, punt 71 (mhux ippubblikata)).

61

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk tali kunsens impliċitu tar-rikorrenti jirriżultax minn ċirkustanzi u minn elementi preċedenti, simultanji jew sussegwenti għall-użu tat-trade mark ikkontestata minn terz.

62

Iċ-ċirkustanzi u l-elementi rilevanti li jistgħu jirriflettu l-eżistenza ta’ tali kunsens impliċitu għandhom jiġu eżaminati, kif barra minn hekk irrikonoxxa l-EUIPO waqt is-seduta, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-użi kkunsidrati bħala ġġustifikati fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet mis-suq favur prodotti protetti mit-trade mark u karatteristiċi tas-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2015, SMART WATER SMART, T‑250/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:160, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li, kif ġie rrilevat fil-punt 33 iktar ’il fuq, fil-kuntest speċifiku tas-suq inkwistjoni, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata kemm għall-karozzi kif ukoll għal mudelli f’minjatura ta’ vetturi jista’ jopponi l-użu ta’ din it-trade mark minn terz persuna jekk dan l-użu jmur lil hinn mis-sempliċi indikazzjoni li l-mudelli f’minjatura inkwistjoni huma rappreżentazzjonijiet fidili tal-karozza reali u tindika, barra minn hekk, l-oriġini kummerċjali tal-imsemmija mudelli bħala provenjenti mill-imsemmi proprjetarju jew minn impriża marbuta ma’ dan tal-aħħar.

64

Dan huwa l-każ f’din il-kawża, kif jirriżulta mill-punt 52 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, f’tali kuntest, il-kunsens impliċitu tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark jirriżulta mill-fatt li dan tal-aħħar kien jaf bl-użu tat-trade mark tiegħu minn terzi u ma opponiex għalih.

65

Il-provi deskritti u evalwati fil-punti 43 sa 49 iktar ’il fuq juru li r-rikorrenti kienet taf bl-użu minn terzi tat-trade mark kkontestata, li kienu jippreżentaw il-prodotti inkwistjoni bħala prodotti “uffiċjali” b’liċenzja ta’ Ferrari, u li hija ma opponietx dan l-użu, li juri li hija, tal-inqas impliċitament, tat il-kunsens tagħha għal tali użu.

66

Fil-fatt, minn naħa, la l-EUIPO u lanqas l-intervenjent ma jikkontestaw li r-rikorrenti kienet effettivament taf b’dan l-użu, ħaġa li tintwera, barra minn hekk, mill-fatt li l-provi prodotti mir-rikorrenti jinkludu b’mod partikolari provi pubblikament aċċessibbli, bħalma huma katalogi jew imballaġġi ta’ prodotti.

67

Min-naħa l-oħra, sa fejn l-intervenjent isostni li r-rikorrenti tinvoka għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li hija ma opponietx tali użu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti, matul il-proċedura amministrattiva kollha, sostniet li terzi kienu aġixxew bil-kunsens tagħha, b’tali mod li sostniet, impliċitament iżda neċessarjament, li hija ma kinitx opponiet tali użu.

68

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-użu tat-trade mark ta’ kumpannija ta’ manifuttara minn kumpannija ta’ distribuzzjoni ekonomikament marbuta magħha seta’ jiġi rrikonoxxut bħala użu ta’ din it-trade mark bil-kunsens tal-proprjetarju u b’hekk jitqies li sar mill-proprjetarju, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, J & F Participações vs UASI – Plusfood Wrexham (Friboi), T‑324/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:47, punt 32, u tas‑16 ta’ Ottubru 2024, Fractal Analytics vs EUIPO – Fractalia Remote Systems (FRACTALIA), T‑194/23, mhux ippubblikata, EU:T:2024:696, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis meta t-trade mark ta’ kumpannija ta’ manifattura, bħalma hija t-trade mark ikkontestata, tintuża minn kumpannija oħra li tikkummerċjalizza l-prodotti inkwistjoni bħala prodotti “uffiċjali” b’liċenzja tal-ewwel kumpannija. Fil-fatt, tali użu jistabbilixxi rabta bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, tippreżupponi li l-proprjetarju tat-trade mark ta l-kunsens tiegħu, anki jekk impliċitament, għall-użu tat-trade marks tiegħu mill-imsemmija kumpannija.

70

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll diversi fatturi u ordnijiet maħruġa minn terzi għall-bejgħ ta’ mudelli f’minjatura ta’ vetturi bit-trade mark ikkontestata. Issa, skont il-ġurisprudenza, meta l-proprjetarju ta’ trade mark li tkun is-suġġett ta’ proċedimenti ta’ revoka jinvoka atti ta’ użu ta’ din it-trade mark minn terz, sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, dan il-proprjetarju jallega, impliċitament, li dan l-użu sar bil-kunsens tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, EU:T:2004:225, punt 24).

71

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell żbalja meta qies li r-rikorrenti ma kinitx uriet li tat il-kunsens tagħha, anki impliċitament, għall-użu tat-trade mark ikkontestata minn terzi għall-prodotti inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

72

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv invokat mir-rikorrenti għandu jintlaqa’ u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-revoka tat-trade mark ikkontestata ġiet iddikjarata għall-mudelli f’minjatura ta’ vetturi, inklużi fil-klassi 28, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors.

Fuq it-talba għal bidla tad-deċiżjoni kkontestata

73

F’dak li jirrigwarda t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tibdel id-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, għalkemm is-setgħa ta’ bidla rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-effett li tagħti lil din is-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell bl-evalwazzjoni tagħha u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ħax pożizzjoni, din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata fis-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

74

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie rrilevat fil-punt 35 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma ħax pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-post, it-tul u l-firxa tal-użu tat-trade mark ikkontestata, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex twettaq l-evalwazzjoni ta’ dawn l-istess elementi fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal bidla tal-imsemmija deċiżjoni.

Fuq l-ispejjeż

75

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO u l-intervenjent tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

76

Barra minn dan, ir-rikorrenti talbet li l-EUIPO u l-intervenjent jiġu kkundannati għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru. Għaldaqstant, l-EUIPO u l-intervenjent għandhom jiġu kkundannati ukoll għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad‑29 ta’ Awwissu 2023 (Każ R 887/2016-5) għandha tiġi annullata sa fejn ir-revoka tat-trade mark ikkonċernata ġiet iddikjarata għall-“mudelli f’minjatura ta’ vetturi tal-art bil-mutur (ġugarelli)”, inklużi fil-klassi 28.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

L-EUIPO u Kurt Hesse huma kkundannati, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, għal dawk sostnuti minn Ferrari SpA, inklużi l-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

 

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑2 ta’ Lulju 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.