SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)
23 ta’ Lulju 2025 ( *1 )
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Żball ta’ evalwazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Proporzjonalità”
Fil-Kawża T‑1095/23,
OT, irrappreżentat minn J.‑P. Hordies u P. Blanchetier, avukati,
rikorrent,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u M.‑C. Cadilhac, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),
komposta minn R. Mastroianni, President, M. Brkan (Relatriċi), I. Gâlea, T. Tóth u S. L. Kalėda, Imħallfin,
Reġistratur: P. Núñez Ruiz, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:
|
– |
ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Novembru 2023, |
|
– |
id-deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2024 li tilqa’ t-talba għall-anonimat tar-rikorrent, |
|
– |
in-nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Mejju 2024, |
wara s-seduta tas‑26 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, OT, jitlob l-annullament, l-ewwel, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Settembru 2023”) u, it-tieni, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/847 tat‑12 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/847) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/849 tat‑12 ta’ Marzu 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/849) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Marzu 2024”), u sa fejn dawn l-atti (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”) iżommu ismu fil-listi annessi mal-imsemmija atti. |
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrent huwa ċittadin ta’ nazzjonalità Ċiprijotta. |
|
3 |
Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. |
|
4 |
Wara l-annessjoni tal-Krimea mal-Federazzjoni Russa, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fis‑17 ta’ Marzu 2014, adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), abbażi tal-Artikolu 29 TUE. |
|
5 |
Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64). |
|
6 |
Fil‑25 ta’ Frar 2022, minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta, minn naħa, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal‑25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1) u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal‑25 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1), b’mod partikolari bl-għan li jiġu emendati l-kriterji li permezz tagħhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi jistgħu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. |
|
7 |
L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendat bid-Deċiżjoni 2022/329, jipprevedi: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn: […]
[…]
[…] 2. L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.” |
|
8 |
Il-modalitajiet għal dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fil-paragrafi sussegwenti tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. |
|
9 |
Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu emendat bir-Regolament 2022/330, kien jimponi l-adozzjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u kien jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Fil-fatt, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1)(a) sa (g) ta’ dan ir-regolament kien essenzjalment jirriproduċi l-Artikolu 2(1)(a) sa (g) tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
10 |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87I, p. 44, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 67) kif ukoll permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal‑15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 87I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 105, p. 66) (iktar ’il quddiem l-“atti inizjali”), isem ir-rikorrent ġie miżjud fil-listi annessi mad-Deċiżjoni 2014/145 u mal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”). |
|
11 |
Fit‑13 ta’ April 2022, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent il-fajl WK 3073/2022 INIT. |
|
12 |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149) u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75I, p. 134) kif ukoll permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal‑14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddul-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1) u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75I, p. 1), il-Kunsill żamm isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi. |
|
13 |
Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent il-fajl WK 17621/2022 INIT. |
|
14 |
Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Mejju 2023, ir-rikorrent bagħat lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid. |
|
15 |
Fil‑5 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1094 tal‑5 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 146, p. 20), u r-Regolament (UE) 2023/1089 tal‑5 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 146, p. 1). |
|
16 |
Id-Deċiżjoni 2023/1094 emendat il-kriterji għall-inklużjoni tal-ismijiet tal-persuni kkonċernati mill-iffriżar tal-fondi. It-test tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 huwa ssostitwit bit-test li ġej:
|
|
17 |
Ir-Regolament 2023/1089 emenda b’mod simili r-Regolament Nru 269/2014. |
|
18 |
Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill informa lir-rikorrent li huwa kellu l-intenzjoni li jżomm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi abbażi ta’ raġunijiet emendati. |
|
19 |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrent bagħat lill-Kunsill talba ġdida għal eżami mill-ġdid. |
|
20 |
Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrent ressaq, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), talba għal aċċess għall-fajl tal-Kunsill sabiex jikseb il-komunikazzjoni tad-dokumenti li jippermettu li jiġu identifikati l-Istati Membri li ħadu l-inizjattiva fir-rigward tal-proposta li ismu jiġi inkluż fil-listi kontenzjużi. |
|
21 |
Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent il-fajl WK 5142/2023 INIT, tal‑20 ta’ April 2023, li jinkludi informazzjoni dwar l-ambjent tan-negozju u l-ekonomija tar-Russja. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Awwissu 2023, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent il-fajl WK 10555/2023 INIT, tal‑14 ta’ Awwissu 2023, kif ukoll il-fajl WK 5142/2023 ADD 1, tas‑16 ta’ Awwissu 2023, li jinkludi elementi ta’ informazzjoni addizzjonali dwar l-ambjent tan-negozju u l-ekonomija tar-Russja. |
|
23 |
Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Awwissu 2023, bi tweġiba għat-talba ta’ aċċess għall-fajl ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, il-Kunsill żvela lir-rikorrent ċerti dokumenti u indika li l-iżvelar ta’ ċerti dokumenti oħra ma kienx possibbli minħabba l-protezzjoni tad-data personali u tar-relazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari għall-fajls WK 10524/2023, tad‑9 ta’ Awwissu 2023, u WK 10524/2023 REV 1, tal‑10 ta’ Awwissu 2023. |
|
24 |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Awwissu 2023, ir-rikorrent ressaq talba ġdida għal eżami mill-ġdid li permezz tagħha huwa talab ukoll it-trażmissjoni tal-fajl WK 10524/23 REV1, imsemmi fl-ittra tal-Kunsill tat‑18 ta’ Awwissu 2023, iżda li ma kinitx ġiet ikkomunikata magħha. |
|
25 |
Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Settembru 2023, ir-rikorrent ressaq, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, talba konfermattiva ta’ aċċess għad-dokumenti. |
|
26 |
Permezz tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, isem ir-rikorrent inżamm fil-listi kontenzjużi għar-raġunijiet li ġejjin: “[Ir-rikorrent] huwa azzjonist ewlieni tal-konsorzju Alfa Group, li jinkludi Alfa Bank, wieħed mill-akbar kontribwenti tat-taxxa fir-Russja. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-aktar persuni influwenti fir-Russja. Għandu rabtiet stabbiliti sew mal-President Russu. Il-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta’ Alfa Group Consortium lejn l-awtoritajiet Russi billi ta għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investiment barrani ta’ Alfa Group Consortium. Il-kumpanija tal-assigurazzjoni AlfaStrakhovanie, sussidjarja ta’ Alfa Group Consortium, tipprovdi assigurazzjoni lill-vetturi tas-Servizz Federali tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia), li l-unitajiet tiegħu joperaw fir-reġjuni okkupati tal-Ukrajna taħt il-kontroll tar-Russja, kif ukoll il-vetturi tal-gwardja personali tal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin. Barra minn hekk, X5 Retail Group, sussidjarja oħra tal-konsorzju Alfa Group, tikkoopera ma’ JSC Voentorg, entità soġġetta għal miżuri restrittivi li tipprovdi servizzi ta’ forniment tal-ikel u ħasil tal-ħwejjeġ, kif ukoll uniformijiet militari lill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u li s-sussidjarja tagħha tbigħ t-shirts bis-simbolu militari ‘Z’ li jintuża mill-propagandisti Russi biex jippromwovu l-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk b’mod attiv [ir-rikorrent] kien u għadu qed jappoġġa materjalment jew finanzjarjament lil persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna, u jibbenefika minnhom. Huwa wkoll negozjant ewlieni li jopera fir-Russja u negozjant involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.” |
|
27 |
Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill informa lir-rikorrent biż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi u wieġeb għat-talbiet tiegħu għal eżami mill-ġdid. |
|
28 |
Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ottubru 2023, bi tweġiba għat-talba konfermattiva tar-rikorrent, il-Kunsill żvelalu ċerti dokumenti u indika li l-aċċess għal dokumenti oħra, b’mod partikolari l-fajls WK 10524/2023 u WK 10524/2023 REV 1, kien ġie rrifjutat abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
|
29 |
Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent il-fajl WK 10524/2023 REV 1. |
|
30 |
L-atti tal‑15 ta’ Marzu 2022 imsemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq u l-atti tal‑14 ta’ Settembru 2022 imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq kienu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, miċħud permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill (T‑193/22, EU:T:2023:716). |
II. Il-fatti li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors
|
31 |
Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Frar 2024, il-Kunsill informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi u kkomunikalu l-fajl WK 1303/2024 INIT, tad‑29 ta’ Jannar 2024, kif ukoll il-fajl WK 5142/2023 ADD 2, tad‑29 ta’ Jannar 2024, li jinkludi elementi ta’ informazzjoni addizzjonali dwar l-ambjent tan-negozju u l-ekonomija tar-Russja. |
|
32 |
Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Frar 2024, ir-rikorrent talab lill-Kunsill jeżamina mill-ġdid iż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi. |
|
33 |
Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Frar 2024, il-Kunsill fakkar lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi. |
|
34 |
Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Frar 2024, ir-rikorrent talab lill-Kunsill jeżamina mill-ġdid iż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi. |
|
35 |
Permezz tal-atti ta’ Marzu 2024, isem ir-rikorrent inżamm fil-listi kontenzjużi għar-raġunijiet li ġejjin: “[Ir-rikorrent] huwa azzjonist ewlieni ta’ Alfa Group consortium. Huwa klassifikat fost l-aktar persuni influwenti fir-Russja. Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta’ Alfa Group Consortium lejn l-awtoritajiet Russi billi ta għajnuna politika lill-pjanijiet ta’ investiment barrani ta’ Alfa Group Consortium. Il-kumpanija tal-assigurazzjoni AlfaStrakhovanie, sussidjarja ta’ Alfa Group Consortium, tipprovdi assigurazzjoni lill-vetturi tas-Servizz Federali tal-Gwardja Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa (Rosgvardia), li l-unitajiet tiegħu joperaw fir-reġjuni okkupati tal-Ukrajna taħt il-kontroll tar-Russja, kif ukoll il-vetturi tal-gwardja personali tal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin. AlfaStrakhovanie pprovdiet assigurazzjoni lil kumpaniji bħal JSC Kalashnikov Concern u Central Scientific — Research Institute for Precision Machine Engineering (TsNIITochMash), li l-armi tagħhom jintużaw ħafna mill-militar Russu fl-Ukrajna u ntużaw ukoll matul l-atroċitajiet f’Bucha. Barra minn hekk, X5 Retail Group, sussidjarja oħra tal-konsorzju Alfa Group, tikkoopera ma’ JSC Voentorg, entità soġġetta għal miżuri restrittivi li tipprovdi servizzi ta’ forniment tal-ikel u ħasil tal-ħwejjeġ, kif ukoll uniformijiet militari lill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u li s-sussidjarja tagħha tbigħ t-shirts bis-simbolu militari ‘Z’ li jintuża mill-propagandisti Russi biex jippromwovu l-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk b’mod attiv [ir-rikorrent] kien u għadu qed jappoġġa materjalment jew finanzjarjament lil persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna, u jibbenefika minnhom. Huwa wkoll negozjant ewlieni li jopera fir-Russja u negozjant involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.” |
|
36 |
Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill informa lir-rikorrent biż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi u wieġeb għat-talbiet tiegħu għal eżami mill-ġdid. |
|
37 |
Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ April 2024, wara l-għoti tas-sentenzi tal‑10 ta’ April 2024, Aven vs Il‑Kunsill (T‑301/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:214), u tal‑10 ta’ April 2024, Fridman vs Il‑Kunsill (T‑304/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:215), ir-rikorrent ressaq talba għal eżami mill-ġdid. |
|
38 |
L-atti tat‑13 ta’ Marzu 2023 imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq kienu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, miċħud permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, OT vs Il‑Kunsill (T‑286/23, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:606). |
III. It-talbiet tal-partijiet
|
39 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
40 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
IV. Id-dritt
A. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent
|
41 |
Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Kunsill ineħħi ismu mil-listi kontenzjużi. Għalhekk, permezz ta’ dan il-kap tat-talbiet, huwa jitlob essenzjalment li l-Qorti Ġenerali toħroġ ordni lill-Kunsill. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti ordnijiet kontra l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (ara d-digriet tas‑26 ta’ Ottubru 1995, Pevasa u Inpesca vs Il‑Kummissjoni, C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Borborudi vs Il‑Kunsill, T‑580/19, EU:T:2021:330, punt 34 (mhux ippubblikata), u tat‑8 ta’ Marzu 2023, Prigozhina vs Il‑Kunsill, T‑212/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:104, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata) anki meta dawn jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha (digrieti tat‑22 ta’ Settembru 2016, Gaki vs Il‑Kummissjoni, C‑130/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:731, punt 14, u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑169/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:441, punt 13). |
|
43 |
Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, anki fl-ipoteżi ta’ annullament tal-atti li permezz tagħhom jiġu adottati jew miżmuma miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna fiżika, ta’ persuna ġuridika, ta’ entità jew ta’ organu, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tordna t-tneħħija tal-inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fiżika, ta’ din il-persuna ġuridika, ta’ din l-entità jew ta’ dan l-organu mil-listi kontenzjużi. |
|
44 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. |
B. Fuq il-mertu
|
45 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent iqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. |
|
46 |
Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, qabel kollox, it-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, sussegwentement, l-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u, fl-aħħar nett, it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
1. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
|
47 |
Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-argumenti tar-rikorrent li jirrigwardaw l-atti ta’ Settembru 2023, imbagħad, fit-tieni lok, dawk li jirrigwardaw l-atti ta’ Marzu 2024. |
a) Fuq l-atti ta’ Settembru 2023
|
48 |
Ir-rikorrent jikkunsidra li d-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal proċedura ġudizzjarja effettiva ġew miksura minħabba li l-Kunsill ma kkomunikalux ċerti provi, minkejja li dawn kienu ntalbu fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għal dokumenti. |
|
49 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li ma ħax inkunsiderazzjoni l-argumenti esposti fit-talbiet tiegħu għal eżami mill-ġdid, li ma individwalizzax it-tweġibiet għal dawn it-talbiet, li ma kkomunikalux fajl ta’ provi solidi iżda biss fajl inkomplet u li rrifjutalu li jinstema’. |
|
50 |
Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill injora l-fatt li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex jissostanzjaw ir-raġunijiet meqjusa fir-rigward tiegħu sabiex jiġġustifikaw iż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi. |
|
51 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ fi kwalunkwe proċedura, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tgħarraf, b’mod utli u b’mod effettiv, il-fehma tagħha waqt proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħha li tista’ taffettwa ħażin l-interessi tagħha (sentenzi tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 75, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 79). |
|
53 |
Għandu jitfakkar ukoll li, fil-każ ta’ atti li permezz tagħhom jinżamm isem persuna jew entità li jkun jinsab diġà fil-listi li jimponu miżuri restrittivi, effett ta’ sorpriża ma jibqax neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmija miżuri, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ tali atti għandha, bħala prinċipju, tkun ippreċeduta minn komunikazzjoni tal-provi inkriminanti kif ukoll mill-opportunità mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata li tinstema’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 62; tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Makhlouf vs Il‑Kunsill, C‑157/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:777, punt 44, u tat‑18 ta’ Mejju 2022, Foz vs Il‑Kunsill, T‑296/20, EU:T:2022:298, punt 66 (mhux ippubblikata)). |
|
54 |
Barra minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jinkludi wkoll id-dritt ta’ aċċess għall-fajl bl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità, li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 99, u tat‑12 ta’ Ġunju 2024, Shammout vs Il‑Kunsill, T‑649/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:376, punt 36). |
|
55 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-element ta’ protezzjoni li joffru r-rekwiżit ta’ komunikazzjoni tal-provi inkriminanti u d-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu isem persuna jew entità f’lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi kien fundamentali u essenzjali għad-drittijiet tad-difiża. Dan huwa iktar u iktar minnu meta l-miżuri restrittivi inkwistjoni jkollhom effett sinjifikattiv fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni u tal-gruppi kkonċernati (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 64, u tat‑18 ta’ Mejju 2022, Foz vs Il‑Kunsill, T‑296/20, EU:T:2022:298, punt 67 (mhux ippubblikata)). |
|
56 |
Fil-fatt, ir-regola li tipprovdi li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tiġi adottata għandha l-għan li tqiegħed lill-awtorità kkonċernata f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-elementi rilevanti kollha. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-imsemmi destinatarju, din għandha b’mod partikolari l-għan li huwa jkun jista’ jikkoreġi żball jew jinvoka tali elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tiegħu li jwasslu sabiex id-deċiżjoni tiġi adottata, ma tiġix adottata, jew li din ikollha kontenut partikolari (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 65, u tal‑24 ta’ Novembru 2021, Aman Dimashq vs Il‑Kunsill, T‑259/19, EU:T:2021:821, punt 69). |
|
57 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-atti ta’ Settembru 2023 ġew parzjalment emendati meta mqabbla mar-raġunijiet tal-atti preċedenti, filwaqt li nżammet ir-raġuni li r-rikorrent huwa “[wieħed mill-]azzjonist[i] [ewlenin]” tal-konsorzju Alfa Group, formula li tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik ta’ “azzjonist ewlieni” li tinsab fir-raġunijiet tal-atti inizjali jew ta’ “azzjonist ewlieni” li tinsab fl-atti tat‑13 ta’ Marzu 2023 imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fl-atti ta’ Settembru 2023, il-Kunsill applika għar-rikorrent id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2023/1094, jiġifieri dawk li jirrigwardaw in-“negozjanti ewlenin [influwenti] li joperaw fir-Russja” (iktar ’il quddiem l-“ewwel parti tal-kriterju (g) emendat”) u dawk li jirrigwardaw in-“negozjanti […] involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” (iktar ’il quddiem it-“tielet parti tal-kriterju (g) emendat”). |
|
58 |
Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ittra tad‑19 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill kien informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi abbażi ta’ abbozz ta’ raġunijiet emendat. Sussegwentement, permezz tal-ittra tat‑18 ta’ Awwissu 2023, il-Kunsill ikkonferma lir-rikorrent l-intenzjoni tiegħu li jżomm l-inklużjoni tal-imsemmi isem fil-listi kontenzjużi abbażi ta’ abbozz ta’ raġunijiet emendat. Permezz ta’ din l-aħħar ittra, huwa indika lir-rikorrent li huwa kien ikkomunikalu fl-annessi l-fajl WK 10524/2023 REV 1 tal‑10 ta’ Awwissu 2023, il-fajl WK 10555/2023 INIT li kien jinkludi elementi dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu kif ukoll il-fajl WK 5142/23 ADD 1 li kien fih elementi ta’ informazzjoni addizzjonali dwar l-ambjent tan-negozju u l-ekonomija tar-Russja. |
|
59 |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Awwissu 2023, mibgħuta lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Esterni tal-Kunsill inkarigat mill-eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi, ir-rikorrent informa lil dan id-dipartiment li l-fajl WK 10524/2023 REV 1 ma kienx ġie kkomunikat lilu u talab li dan jintbagħatlu fl-iqsar żmien possibbli. |
|
60 |
Għandu jiġi rrilevat, fid-dawl b’mod partikolari tat-tweġibiet mogħtija waqt is-seduta, li l-Kunsill ma weriex li l-fajl WK 10524/2023 REV 1 kien ġie kkomunikat lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023. Għalhekk, fid-dawl tal-elementi tal-proċess, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-fajl kien ġie kkomunikat lir-rikorrent biss fis‑26 ta’ Ottubru 2023, jiġifieri iktar minn xahar wara l-imsemmija adozzjoni. |
|
61 |
Għaldaqstant, peress li ma kkomunikax lir-rikorrent il-fajl WK 10524/2023 REV 1 qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, b’mod partikolari d-dritt tiegħu għal smigħ kif ukoll id-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-fajl, iggarantiti fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta. |
|
62 |
Madankollu, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament tal-att ikkontestat, huwa meħtieġ li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti, li hija l-persuna li tinvoka tali ksur li għandha tipprova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Vnesheconombank vs Il‑Kunsill, C‑731/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:500, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors u fir-replika, ir-rikorrent ma spjegax ir-raġunijiet li għalihom, li kieku l-fajl WK 10524/2023 REV 1 kien ġie kkomunikat lilu qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri fil-konfront tiegħu setgħet twassal għal riżultat differenti. Fil-fatt, l-argumenti tar-rikorrent ma jirrigwardawx speċifikament il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-imsemmi fajl matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri fil-konfront tiegħu, iżda huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkontestaw l-ittra tad-dipartiment tal-Kunsill inkarigat mill-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tat‑23 ta’ Ottubru 2023, li permezz tagħha l-aċċess għal ċerti dokumenti ġie rrifjutat abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
|
64 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 54 sa 56 iktar ’il fuq, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ta’ persuna jew ta’ entità suġġetta għal miżuri restrittivi għandu l-għan li jippermettilha tressaq osservazzjonijiet dwar il-provi użati fil-konfront tagħha. Minn dan jirriżulta li tali dritt huwa strettament limitat għall-persuna jew għall-entità milquta minn miżuri restrittivi sabiex tiġi żgurata d-difiża tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri adottati fil-konfront tagħha. F’dan il-każ, ir-rikorrent jikkritika b’mod partikolari lill-Kunsill li ma kkomunikalux il-fajl bir-referenza WK 10524/2023 INIT, jiġifieri verżjoni preċedenti tal-fajl WK 10524/2023 REV 1. Issa, dan l-argument ma jistax jintlaqa’ peress li l-Kunsill ma bbażax ruħu fuq il-fajl WK 10524/2023 INIT sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi f’Settembru 2023. |
|
65 |
Fil-fatt, sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi f’Settembru 2023, il-Kunsill ibbaża ruħu b’mod partikolari fuq il-fajls WK 3073/2022 INIT tat‑12 ta’ Marzu 2022 u WK 17621/2022 INIT tal‑14 ta’ Diċembru 2022, li kienu ġew ikkomunikati lir-rikorrent wara l-adozzjoni tal-atti tal‑15 ta’ Marzu 2022 imsemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid li wasslet għall-adozzjoni tal-atti tat‑13 ta’ Marzu 2023 imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq. Huwa bbaża ruħu wkoll fuq il-fajls WK 10555/2023 INIT tal‑14 ta’ Awwissu 2023 u WK 10524/2023 REV 1. Huwa minnu li, għalkemm dan l-aħħar fajl kien ġie kkomunikat lir-rikorrent biss wara l-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent ma spjegax kif ma kienx jiġi eskluż li r-riżultat tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid seta’ kien differenti li kieku tali fajl kien ġie kkomunikat lilu qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-aħħar atti. Bl-istess mod, meta ġie mistoqsi dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrent illimita ruħu li jsostni b’mod astratt li huwa seta’ jagħmel osservazzjonijiet fuq id-dokumenti li jinsabu fil-fajl inkwistjoni mingħajr ma spjega kif it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet seta’ jwassal għal riżultat differenti. |
|
66 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 62 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u tad-dritt għal smigħ ma jimplikax l-annullament tal-atti ta’ Settembru 2023. |
|
67 |
Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent dwar ir-rifjut li jiġu kkomunikati lilu ċerti dokumenti relatati mal-inklużjoni u maż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, b’mod partikolari l-informazzjoni dwar l-Istati Membri li pproponew l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, li ġiet indirizzata lilu mid-dipartiment tal-Kunsill inkarigat mill-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn, minn naħa, ir-regoli li jaqgħu taħt id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, li jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl bl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità. Fil-fatt, il-benefiċjarji u l-għanijiet tad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 huma sostanzjalment differenti mill-benefiċjarji u mill-iskop tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi applikati għal persuna suġġetta għal dawn il-miżuri. |
|
68 |
Skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE li skontu d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar rispett possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u b’mod li kemm jista’ jkun ikun qrib iċ-ċittadini. Kif tfakkar it-tieni premessa ta’ dan ir-regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 34). Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, kull ċittadin tal-Unjoni jew kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru huma l-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għad-dokumenti pubbliċi u ma jistax ikun limitat għall-aċċess tal-persuna li tagħmel it-talba għal dokumenti li jikkonċernawh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punt 50). Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, il-persuna li tagħmel it-talba ma hijiex obbligata turi xi interess sabiex ikollha aċċess għad-dokumenti mitluba, b’tali mod li t-talba tagħha għandha tiġi eżaminata bl-istess mod bħal talba li toriġina minn kull persuna oħra (sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 82, u tal‑20 ta’ Diċembru 2023, OCU vs SRB, T‑496/18, mhux ippubblikata, EU:T:2023:857, punt 43). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-interess partikolari li tista’ ssostni li għandha persuna li titlob l-aċċess għal dokument li jikkonċernaha personalment ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament (sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punt 52). |
|
69 |
Konsegwentement, sa fejn ir-rikorrent għandu l-intenzjoni jikkontesta l-fatt li, permezz tad-deċiżjoni tat‑23 ta’ Ottubru 2023 adottata skont ir-Regolament Nru 1049/2001, il-Kunsill irrifjutalu indebitament l-aċċess għal ċerti dokumenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jitlobx l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni fil-kapijiet tat-talbiet tiegħu. |
|
70 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li abbażi tagħhom ġew adottati l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent, jiġifieri d-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, u r-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, ma jagħtux lill-persuni kkonċernati d-dritt għal smigħ formali. Bl-istess mod, mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta lanqas ma jirriżulta li s-smigħ formali jikkostitwixxi l-uniku mod li jippermetti li jiġi żgurat, b’mod utli u effettiv, lill-persuna kkonċernata l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal smigħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Boshab vs Il‑Kunsill, C‑242/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:375, punt 62, u tad‑9 ta’ Frar 2023, Boshab vs Il‑Kunsill, C‑708/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:84, punt 54). Minn dan isegwi li r-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-assenza ta’ organizzazzjoni ta’ smigħ orali kisret id-drittijiet tad-difiża tiegħu. |
|
71 |
Fit-tielet lok, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet mibgħuta minn dan tal-aħħar u ma individwalizzax it-tweġibiet għat-talbiet tiegħu. Fil-fatt, minbarra li l-Kunsill ma huwiex obbligat iwieġeb punt b’punt għall-osservazzjonijiet u għad-dokumenti trażmessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 95), il-fatt li huwa ma weġibx għall-osservazzjonijiet u għad-dokumenti kollha trażmessi mir-rikorrent ma jurix li huwa ma ħadhomx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, mill-ittra tiegħu tal‑15 ta’ Settembru 2023 jirriżulta li l-Kunsill irrefera għax-xebh tal-argumenti invokati mir-rikorrent fit-talba għal eżami mill-ġdid u fil-kawża li tat lok għas-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill (T‑193/22, EU:T:2023:716), u tal‑11 ta’ Settembru 2024, OT vs Il‑Kunsill (T‑286/23, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:606), u li huwa rrefera għan-noti u għall-osservazzjonijiet li huwa kien ippreżenta f’din il-kawża. Minbarra dan, f’din l-ittra, huwa wieġeb espressament għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar il-kumpannija AlfaStrakhovanie. |
|
72 |
Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha jew permezz tal-qari tad-deċiżjoni nnifisha, jew inkella permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet imwettqa fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti inkwistjoni jekk huwiex utli li tressaq kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tistħarreġ b’mod sħiħ il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100). |
|
73 |
F’dan il-każ, mhux iktar tard mis‑26 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill kien ikkomunika lir-rikorrent l-elementi kollha li fuqhom kien ibbaża ruħu għall-finijiet tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, inkluż il-fajl WK 10524/2023 REV 1. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent kellu għalhekk għad-dispożizzjoni tiegħu l-elementi rilevanti kollha madwar xahar qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors sabiex jikkontesta l-legalità tal-imsemmija atti u iktar minn tliet ġimgħat qabel il-preżentata effettiva tal-imsemmi rikors. Fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, qabel il-preżentata ta’ rikors, ta’ fajl ta’ prova li abbażi tiegħu l-Kunsill estenda l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi ma għandux effett fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna kkonċernata bil-kundizzjoni li dan il-fajl jiġi kkomunikat lir-rikorrent sabiex ikun jista’ jiddeċiedi dwaru fir-replika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2024, Shammout vs Il‑Kunsill, T‑649/22, mhux ippubblikata, EU:T:2024:376, punti 52 u 53). Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-Kunsill kiser id-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva rregolat mill-Artikolu 47 tal-Karta billi kkomunika l-fajl WK 10524/2023 REV 1 wara l-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, peress li huwa kellu tali fajl qabel il-preżentata tar-rikors sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dawn l-atti fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja. |
|
74 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal proċedura ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż li jikkontesta l-legalità tal-atti ta’ Settembru 2023. |
b) Fuq l-atti ta’ Marzu 2024
|
75 |
Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli ma rrispondiex għat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid li permezz tagħha, wara l-għoti tas-sentenzi tal‑10 ta’ April 2024, Aven vs Il‑Kunsill (T‑301/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:214), u tal‑10 ta’ April 2024, Fridman vs Il‑Kunsill (T‑304/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:215), huwa kien talab it-tneħħija ta’ ismu mil-listi kontenzjużi. |
|
76 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
77 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa bbażat fuq ittra mibgħuta lill-Kunsill wara l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024, jiġifieri fil‑11 ta’ April 2024. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, Aman Dimashq vs Il‑Kunsill, T‑259/19, EU:T:2021:821, punt 110 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-assenza ta’ tweġiba tal-Kunsill għal din l-ittra ma tistax tqajjem dubju dwar il-legalità tal-atti ta’ Marzu 2024. |
|
78 |
Konsegwentement, ir-rikorrent ma weriex ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid li wasslet għall-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024. |
|
79 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
2. Fuq l‑ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni
|
80 |
Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta żamm ismu fil-listi kontenzjużi bl-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023 u ta’ Marzu 2024. |
|
81 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
a) Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
82 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill għandu ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddetermina, każ b’każ, jekk il-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex issodisfatti, xorta jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 121). |
|
83 |
L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi, b’mod partikolari, li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li biha ġew adottati jew miżmuma fis-seħħ il-miżuri restrittivi, li hija ta’ portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, hija msejsa fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tar-raġunijiet li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tas-sunt veru tar-raġunijiet invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn ir-raġunijiet jew, għall-inqas, waħda minnhom ikkunsidrata bħala suffiċjenti fiha nnifisha sabiex issostni din l-istess deċiżjoni humiex sostnuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 122). |
|
84 |
Tali evalwazzjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġa min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna jew l-entità suġġetta għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il‑Kunsill, T‑619/15, EU:T:2017:532, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 124). |
|
85 |
Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tar-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata u mhux din tal-aħħar li għandha tippreżenta prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija raġunijiet. Għal dan l-għan, ma huwiex meħtieġ li l-Kunsill jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għar-raġunijiet allegati fl-att li jkun intalab l-annullament tiegħu. Huwa importanti li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu r-raġunijiet invokati fil-konfront tal-persuna jew tal-entità kkonċernata (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121 u 122, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punti 66 u 67; ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u li għandha tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-osservazzjonijiet li jistgħu jiġu ppreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 124). |
|
87 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-istħarriġ tal-legalità eżerċitat fuq l-atti ta’ żamma ta’ isem il-persuna kkonċernata f’lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, għandu jitfakkar li dawn il-miżuri huma ta’ natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom stess, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għan-neċessità taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. Huwa għalhekk li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perijodiku ta’ dawn il-miżuri, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista kontenzjuża jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 67). |
|
88 |
Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ isem persuna f’lista ta’ persuni u ta’ entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill ma huwiex ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq l-istess provi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti ta’ isem il-persuna kkonċernata fl-imsemmija lista, sakemm, minn naħa, ir-raġunijiet għall-inklużjoni jibqgħu l-istess u, min-naħa l-oħra, il-kuntest ma jkunx żviluppa b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 99). F’dan ir-rigward, l-iżvilupp tal-kuntest jinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tas-sitwazzjoni tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu tkun ġiet stabbilita s-sistema ta’ miżuri restrittivi kif ukoll tas-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 78; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 101), u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, l-assenza ta’ twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi (sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 56; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punti 82 sa 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk, bl-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, u sussegwentement bl-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024, il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jżomm isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi. |
|
90 |
F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-atti kkontestati jirriżulta li isem ir-rikorrent inżamm fil-listi kontenzjużi abbażi tal-kriterju tal-appoġġ materjali jew finanzjarju lill-persuni Russi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina (Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata (iktar ’il quddiem il-“kriterju (d)”). Dan ġie inkluż ukoll fuq il-bażi tal-ewwel u tat-tielet partijiet tal-kriterju (g) emendat. |
|
91 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li teżamina, qabel kollox, jekk il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta żamm isem ir-rikorrent abbażi tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
b) Fuq l-atti ta’ Settembru 2023
|
92 |
Permezz tal-argumenti tiegħu intiżi li jikkontestaw il-legalità tal-atti ta’ Settembru 2023, ir-rikorrent isostni li l-provi prodotti mill-Kunsill ma humiex affidabbli u jsostni li huwa b’mod żbaljat li ismu nżamm fil-listi kontenzjużi abbażi tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
1) Fuq l-affidabbiltà tal-provi
|
93 |
Ir-rikorrent isostni li parti kbira mis-sorsi użati mill-Kunsill huma ta’ kwalità fqira u huwa jikkontesta speċifikament l-affidabbiltà ta’ ċerti provi. |
|
94 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. |
|
95 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-qorti tal-Unjoni hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-plawżibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fiha billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi ta’ kif tfassal kif ukoll id-destinatarju tiegħu, u jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li jagħmel sens u huwa affidabbli (ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 95 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
96 |
Fl-assenza ta’ setgħat ta’ investigazzjoni f’pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni għandha, fil-fatt, tkun ibbażata fuq sorsi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, rapporti, artikli tal-istampa, rapporti tas-servizzi sigrieti jew sorsi oħra ta’ informazzjoni simili (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2018, Kim et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑533/15 u T‑264/16, EU:T:2018:138, punt 107, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 59). |
|
97 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ kunflitt armat li fiha huma involuti l-Federazzjoni Russa u l-Ukraina tirrendi fil-prattika partikolarment diffiċli l-aċċess għal ċerti sorsi, l-indikazzjoni espressa tas-sors primarju ta’ ċerta informazzjoni kif ukoll il-ġbir possibbli ta’ xhieda minn persuni li jaċċettaw li jiġu identifikati. Id-diffikultajiet ta’ investigazzjoni li jirriżultaw jistgħu għalhekk jikkontribwixxu sabiex jipprekludu li jiġu prodotti provi preċiżi u elementi ta’ informazzjoni oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
98 |
F’dan il-każ, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi abbażi tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-elementi tal-fajl WK 3073/2022 INIT tat‑12 ta’ Marzu 2022, b’mod partikolari fuq artiklu intitolat “Why Mueller named a Russian Oligarch in Court”, ippubblikat fis‑6 ta’ April 2018 fuq is-sit internet ta’ The Daily Beast (Dokument Nru 1); |
|
99 |
Il-Kunsill ibbaża ruħu wkoll fuq wieħed mill-elementi tal-fajl WK 17621/2022 INIT sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi abbażi tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat, jiġifieri paġna tal-internet tas-sit “Putin’s list”, dwar ir-rikorrent, ikkonsultata fit‑23 ta’ Novembru 2022 (Dokument Nru 2). |
|
100 |
Il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni wkoll, sabiex jikkorrobora l-ġustifikazzjoni taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi abbażi tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat, ta’ ċerti elementi tal-fajl WK 10524/2023 REV 1 tal‑10 ta’ Awwissu 2023, jiġifieri:
|
|
101 |
Il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni wkoll, sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi abbażi tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat, ċerti elementi tal-fajl WK 10555/2023 INIT tal‑14 ta’ Awwissu 2023, jiġifieri:
|
|
102 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, ir-rikorrent irrinunzja għall-argument tiegħu dwar in-nuqqas ta’ affidabbiltà tas-sors ta’ informazzjoni TAdivser. |
|
103 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu r-rikorrent isostni, abbażi ta’ artiklu ppubblikat minn Politico anness mar-rikors, li parti kbira ħafna mis-sorsi użati mill-Kunsill hija ta’ kwalità fqira, għandu jiġi rrilevat li dan l-artiklu ma jikkontestax, b’mod sistematiku, l-elementi kollha tal-fajls ta’ provi ppreparati mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), iżda jqajjem biss mistoqsijiet dwar l-affidabbiltà ta’ ċerti sorsi ta’ informazzjoni, bħall-midja soċjali, blogs jew l-informazzjoni ġġenerata mill-intelliġenza artifiċjali. |
|
104 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-artiklu inkwistjoni ma jirreferix għall-fajls ta’ provi li l-Kunsill jibbaża ruħu fuqhom f’din il-kawża u li r-rikorrent baqa’ ma weriex li l-provi msemmija fil-punti 98 sa 101 joriġinaw minn sorsi li l-affidabbiltà tagħhom hija kkontestata minn dan l-artiklu. |
|
105 |
F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent li, essenzjalment, l-informazzjoni li tikkonċernah irrapportata fid-Dokumenti Nri 19 u 20 tal-fajl tal-provi WK 10524/2023 REV 1 ma hijiex affidabbli minħabba li hija bbażata fuq sorsi anonimi, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dokumenti jikkostitwixxu artikli li joriġinaw minn midja speċjalizzata fl-ekonomija, jiġifieri Vedomosti u bne IntelliNews, li huma bbażati fuq fatti invokati f’artiklu tal-BBC, fuq id-dikjarazzjonijiet irrapportati ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ ABH Holdings li jsemmi n-neċessità ta’ rilokazzjoni tal-attiv ta’ din il-kumpannija kif ukoll fuq sorsi anonimi. Issa, is-sempliċi fatt li ċerta informazzjoni ta’ dawn id-dokumenti toriġina minn sorsi ġurnalistiċi anonimi ma huwiex ta’ natura li jċaħħadhom mill-affidabbiltà. Fil-fatt, peress li dawn huma sorsi interni għall-impriżi kkonċernati mill-investigazzjonijiet ta’ din il-midja speċjalizzata fl-ekonomija, ir-rekwiżit li l-ġurnalisti jiżvelaw sistematikament lill-pubbliku l-identità tas-sorsi tagħhom jista’ jikser il-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi. |
|
106 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent intiż li jikkontesta l-affidabbiltà tad-Dokument Nru 1 tal-fajl tal-provi WK 5142/2023 ADD 1 dwar il-provi dwar l-ambjent tan-negozju u l-ekonomija tar-Russja, jiġifieri investigazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet “Proekt”, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv peress li l-Kunsill ma bbażax ruħu fuq dan id-dokument sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi abbażi tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
107 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, fid-dawl tal-kuntest tas-sitwazzjoni tal-Federazzjoni Russa u fl-assenza ta’ setgħat investigattivi tal-Kunsill f’pajjiżi terzi (ara l-punti 96 u 97 iktar ’il fuq), ir-rikorrent ma pproduċiex provi ta’ natura li jikkontestaw il-valur probatorju tad-dokumenti tal-fajls ta’ provi msemmija fil-punti 98 sa 101 iktar ’il fuq. |
2) Fuq l-applikazzjoni għar-rikorrent tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat
|
108 |
Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill żbalja meta żamm ismu fil-listi kontenzjużi abbażi tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
109 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrah bħala azzjonist prinċipali tal-konsorzju Alfa Group, li jinkludi Alfa Bank, Alfrastrakhovanie u X5 Retail Group. |
|
110 |
Qabelxejn, ir-rikorrent iqis li l-konsorzju Alfa Group la għandu struttura u lanqas eżistenza ġuridika. Sussegwentement, huwa jsostni li pproduċa l-provi tat-trasferiment tal-ishma tiegħu, minn naħa, f’ABH Holdings li hija l-proprjetarja ta’ Alfa Bank Russja, Alfa Bank Ukraina kif ukoll AlfaStrakhovanie u, min-naħa l-oħra, f’CTF Holdings li hija l-proprjetarja ta’ A1, X5 Retail Group kif ukoll IDS Borjomi. Fil-fehma tiegħu, il-Kunsill ma jistax isostni li huwa ma ttrasferiex dawn l-ishma lis-Sur [kunfidenzjali] ( 1 ). |
|
111 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li t-trasferiment tal-ishma tiegħu f’CTF Holdings huwa stabbilit b’mod validu permezz ta’ estratt mir-reġistru tal-benefiċjarji effettivi ta’ din il-kumpannija. |
|
112 |
Minbarra dan, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli eskluda l-valur probatorju tad-dokumenti prodotti insostenn tat-trasferiment tal-ishma billi invoka fatt mhux issostanzjat li skontu kienet ġiet iffirmata kontroittra max-xerrej tal-ishma tiegħu, jiġifieri s-Sur [kunfidenzjali]. Huwa jqis għalhekk li l-Kunsill jeħtieġ min-naħa tiegħu l-produzzjoni ta’ prova negattiva sabiex jistabbilixxi t-trasferiment tal-ishma inkwistjoni. |
|
113 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkontesta l-argumenti tal-Kunsill li skonthom ir-rikorrent jikkontrolla AlfaStrakhovanie minħabba li l-informazzjoni li għandu l-Kunsill hija ipotetika. |
|
114 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa l-uniku negozjant li ismu huwa inkluż fil-listi kontenzjużi mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni funzjonijiet eżekuttivi passati jew attwali. F’dan ir-rigward, huwa jqis li l-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa ma eżerċitax funzjoni eżekuttiva matul l-għaxar snin li ppreċedew l-inklużjoni inizjali ta’ ismu fl-imsemmija listi. |
|
115 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrent jenfasizza li huwa ma jeżerċitax attività ekonomika f’settur wieħed jew f’diversi setturi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u jqis għalhekk li huwa ma jistax jitqies bħala negozjant prominenti fir-Russja. Fil-fehma tiegħu, mill-ġurisprudenza dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif ukoll mill-ġurisprudenza reċenti dwar il-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukraina jirriżulta li s-sempliċi żamma ta’ azzjonijiet ma tistax tawtorizza lill-Kunsill iqis li huwa jeżerċita attività f’settur ekonomiku. |
|
116 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni li l-preżunzjoni ta’ interdipendenza bejn in-negozjanti ewlenin u l-Gvern Russu li tinsab fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, ma hijiex applikabbli għalih. Huwa jqis li d-dokumenti tal-fajl WK 5142/2023 INIT u WK 5142/2023 ADD1 li fihom elementi ta’ informazzjoni dwar l-ambjent tan-negozju u l-ekonomija tar-Russja ma jsemmuhx u li ċerti dokumenti li jikkonċernaw l-impriżi tal-konsorzju Alfa Group jistabbilixxu li Alfa Bank ma taqax taħt iċ-ċirku ristrett ta’ atturi ekonomiċi dominanti qrib V. Putin. Huwa jqis li la hu u lanqas il-kumpanniji tal-imsemmi konsorzju jew l-imsieħba tiegħu ma jappartjenu għal waħda mill-kategoriji ta’ negozjanti interdipendenti, ma huma ħbieb ta’ V. Putin marbuta mal-KGB jew man-network ta’ V. Putin f’Saint Petersburg (ir-Russja), ma joperaw fis-setturi kkontrollati mill-Istat u ma jibbenefikaw minn kuntratti pubbliċi, minn vantaġġi fiskali jew minn trattament speċjali. Bl-istess mod, fil-fehma tiegħu, l-ebda waħda mill-impriżi ta’ dan il-konsorzju ma kellha Ministru tal-Gvern Russu jew fiduċjarju personali fi ħdan il-bord tad-diretturi tagħha. |
|
117 |
Fil-ħames lok, waqt is-seduta, ir-rikorrent sostna li Rosvodokanal ma kinitx tipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa minħabba li din il-kumpannija kienet tirrappreżenta biss 25 sa 30 % tas-settur privat tal-provvista tal-ilma u tat-trattament tal-ilmijiet mormija fir-Russja, li jirrappreżenta biss 10 % ta’ dan is-settur kollu. |
|
118 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
119 |
Fir-rigward tal-kuntest ġenerali marbut mas-sitwazzjoni tal-Ukraina, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, il-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina baqgħet teżisti. Bl-istess mod, il-miżuri restrittivi kienu għadhom iġġustifikati fid-dawl tal-għan imfittex, jiġifieri li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż, u jżidu l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. |
|
120 |
Għandu jiġi rrilevat li, qabel l-emenda tal-kriterju (g), dan kien jirrigwarda biss in-“negozjanti ewlenin [influwenti] involuti fis-setturi ekonomiċi li [kienu] jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”. L-emenda li saret għal dan il-kriterju permezz tad-Deċiżjoni 2023/1094 kellha l-effett li twessa’ l-portata ta’ dan il-kriterju għal “negozjanti [influwenti] ewlenin li joperaw fir-Russja” (l-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat), kif ukoll in-“negozjanti […] involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa” (it-tielet parti tal-kriterju (g) emendat). |
|
121 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “negozjanti influwenti” jirreferi għall-importanza tan-negozjanti fir-rigward, skont il-każ, tal-istatus professjonali tagħhom, tas-sinjifikat tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, tal-portata tal-assi kapitali tagħhom jew tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan impriża waħda jew iktar li fihom jeżerċitaw dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 143). |
|
122 |
Mill-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat jirriżulta li l-emenda tal-kriterju (g) inizjali kellha biss l-għan li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi sabiex dawn japplikaw għan-negozjanti influwenti kollha li joperaw fir-Russja, inklużi dawk li ma joperawx f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa. |
|
123 |
Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-estensjoni tal-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, huma esposti fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094. Fil-fatt, din il-premessa tiddeskrivi l-funzjonament tal-ekonomija Russa, ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ rabta ta’ interdipendenza bejn in-negozjanti influwenti li joperaw fir-Russja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Għalhekk, billi rrefera għal dawn in-negozjanti, il-Kunsill kellu l-intenzjoni li juża l-influwenza li din il-kategorija ta’ persuni tista’ teżerċita fuq ir-reġim Russu billi jġegħelhom jagħmlu pressjoni fuq dan il-gvern sabiex jibdel il-politika tiegħu fir-rigward tal-Ukraina. |
|
124 |
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat għas-sitwazzjoni individwali ta’ kull persuna li isimha huwa inkluż fil-listi kontenzjużi, huwa l-Kunsill li għandu juri, minn naħa, li persuna fiżika tista’ tiġi kklassifikata bħala “negozjant influwenti” fis-sens indikat fil-punt 121 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, li din il-persuna fiżika teżerċita attività fir-Russja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li jappartjenu għall-kategorija ta’ negozjanti influwenti li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fir-Russja huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi neċessarji abbażi tal-imsemmi aspett, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi prodotta l-prova ta’ rabta la bejn il-kwalità ta’ negozjant influwenti u r-reġim Russu, u lanqas bejn dik ta’ negozjant influwenti u l-appoġġ għal dan ir-reġim jew il-benefiċċju li jirriżulta minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 66, u d-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2022, Haikal vs Il‑Kunsill, C‑113/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:640, punt 41). |
|
125 |
F’dan il-każ, fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tar-rikorrent, mir-raġunijiet għal inklużjoni jirriżulta li huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-ikbar azzjonisti tal-konsorzju Alfa Group. |
|
126 |
Skont l-informazzjoni li tinsab b’mod partikolari fid-Dokument Nru 1 tal-fajl WK 3073/2022 INIT, ir-rikorrent huwa l-kofundatur tal-konsorzju Alfa Group, li huwa grupp industrijali u finanzjarju privat kbir Russu li għandu interessi f’diversi setturi ekonomiċi. |
|
127 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li preżentazzjoni tal-konsorzju Alfa Group minn Alfa Bank Ukraina, bid-data ta’ Ġunju 2019, mehmuża mal-Anness B.2 tar-risposta, issemmi l-kumpanniji tal-imsemmi konsorzju, li fosthom hemm b’mod partikolari ABH Holdings, AlfaStrakhovanie, X5 Retail Group u A1, u tikkorrobora l-informazzjoni li tinsab fid-Dokument Nru 2 tal-fajl WK 17621/2022 INIT (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, OT vs Il‑Kunsill, T‑286/23, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:606, punt 94). Din l-informazzjoni hija kkonfermata wkoll mid-Dokument Nru 2 tal-fajl WK 10524/2023 REV 1, li jindika li dan il-konsorzju kien jinkludi b’mod partikolari, fis‑26 ta’ Mejju 2023, Alfa Bank, AlfaStrakhovanie, Rosvodokanal, X5 Retail Group u A1. |
|
128 |
Barra minn hekk, huwa stabbilit bejn il-partijiet u mid-Dokumenti Nri 9 u 19 tal-fajl WK 10524/2023 REV 1 jirriżulta li ABH Holdings, stabbilita fil-Lussemburgu, iżżomm indirettament, minn naħa, Alfa Bank Russja b’mod partikolari permezz ta’ ABH Financial stabbilita f’Ċipru u AB Holding stabbilita fir-Russja u, min-naħa l-oħra, AlfaStrakhovanie, b’mod partikolari permezz ta’ AlfaStrakhovanie Holdings stabbilita f’Ċipru u Yuns-Holdings stabbilita fir-Russja. Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-Dokument Nru 17 tal-fajl WK 10524/2023 REV 1, ir-rikorrent ma jikkontestax li kellu 16.3239 % ta’ ABH Holdings. |
|
129 |
Barra minn hekk, mid-Dokument Nru 10 tal-fajl WK 10524/2023 REV 1, jirriżulta li 47.86 % ta’ X 5 Retail Group huwa miżmum minn CTF Holdings stabbilita fil-Lussemburgu, li huwa fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent. Bl-istess mod, waqt is-seduta, kien stabbilit bejn il-partijiet li din tal-aħħar kienet proprjetarja wkoll indirettament ta’ A1 permezz ta’ kumpanniji stabbiliti f’Ċipru u fir-Russja. Fil-fatt, mill-imsemmi fajl jirriżulta li CTF Holdings iżżomm indirettament A1 permezz ta’ A1 Investment Holding stabbilita fil-Lussemburgu, ta’ A1 Capital stabbilita f’Ċipru u ta’ Management Company Group A1 stabbilita fir-Russja. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent la jikkontesta li huwa wieħed mill-fundaturi ta’ CTF Holdings, kif jirriżulta mid-Dokument Nru 2 tal-fajl tal-provi WK 17621/2022 INIT, u lanqas ma jikkontesta li huwa kellu ishma f’din tal-aħħar stabbilita fil-Lussemburgu. Waqt is-seduta, ir-rikorrent ikkontesta l-affermazzjoni tal-Kunsill li huwa kellu 11 % tal-ishma tal-imsemmija kumpannija permezz ta’ Intertrust Trustees iżda rrikonoxxa, kif jirriżulta mill-Anness C12 tar-replika, li kellu madwar [kunfidenzjali] % tal-kapital ta’ CTF Holdings. |
|
130 |
Għalhekk, il-Kunsill iqis li r-rikorrent kien, minħabba l-ishma tiegħu f’ABH Holdings u f’CTF Holdings, wieħed mill-ikbar azzjonisti tal-konsorzju Alfa Group. |
|
131 |
Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill, minn naħa, li ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa ttrasferixxa l-ishma tiegħu f’ABH Holdings u f’CTF Holdings f’Marzu 2022 u, min-naħa l-oħra, li qaleb l-oneru tal-prova billi talab il-produzzjoni ta’ provi addizzjonali li juru l-abbandun ta’ kull pussess kapitalistiku fil-konsorzju Alfa Group. |
|
132 |
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, minn naħa, jekk il-Kunsill jaqlibx indebitament l-oneru tal-prova billi jeżiġi li r-rikorrent jipproduċi provi sabiex juri t-trasferiment tal-assi kapitali tiegħu u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-provi prodotti mir-rikorrent, jekk il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li r-rikorrent kien għadu wieħed mill-ikbar azzjonisti tal-konsorzju Alfa Group. |
|
133 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova, huwa minnu li, kif tfakkar fil-punt 85 iktar ’il fuq, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tar-raġunijiet meqjusa kontra l-persuna jew l-entità li isimha huwa inkluż fil-listi kontenzjużi. Madankollu, meta persuna suġġetta għal miżuri restrittivi, bħar-rikorrent, tallega li s-sitwazzjoni personali tagħha nbidlet meta mqabbla ma’ fatti stabbiliti mill-Kunsill, hija għandha tipproduċi l-provi ta’ natura li juru r-realtà ta’ tali bidla u, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-provi mwettaq mill-Kunsill. |
|
134 |
F’din il-kawża, kif jirriżulta mill-punti 126 sa 130 iktar ’il fuq, il-Kunsill kellu sensiela ta’ indizji li juru li r-rikorrent kien wieħed mill-ikbar azzjonisti tal-konsorzju Alfa Group minħabba l-assi kapitali tiegħu f’diversi kumpanniji ta’ dan il-konsorzju, b’mod partikolari permezz ta’ ABH Holdings u ta’ CTF Holdings. Għaldaqstant, huwa r-rikorrent li għandu juri li huwa effettivament ittrasferixxa l-ishma tiegħu fl-imsemmija kumpanniji u effettivament irrinunzja għall-prerogattivi tiegħu bħala azzjonist tal-imsemmija kumpanniji u tal-entitajiet marbuta magħhom. Tali rekwiżit ma jikkostitwixxix inverżjoni tal-oneru tal-prova, peress li huwa r-rikorrent li jinvoka l-bidla fis-sitwazzjoni personali tiegħu li għandu juri, jiġifieri t-trasferiment tal-ishma tiegħu fil-kumpanniji tal-konsorzju Alfa Group (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2019, HX vs Il‑Kunsill, C‑540/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:707, punt 50, u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 124). Issa, peress li l-provi relatati mal-proċeduri, mal-modalitajiet u mal-kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ ishma f’kumpanniji huma dokumenti li għalihom la l-Kunsill u lanqas l-Istati Membri ma għandhom aċċess, ir-rikorrent huwa għalhekk fl-aħjar pożizzjoni sabiex jipproduċi tali provi sabiex isostni l-bidla fis-sitwazzjoni personali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Timchenko u Timchenko vs Il‑Kunsill, T‑644/22, taħt appell, EU:T:2024:621, punt 64). |
|
135 |
F’dan il-każ, skont ir-rikorrent, l-ishma tiegħu ta’ madwar 16 % f’ABH Holdings u ta’ madwar [kunfidenzjali] % f’CTF Holdings ġew ittrasferiti liċ-ċessjonarju allegat fl‑14 ta’ Marzu 2022, jiġifieri l-jum ta’ qabel l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi. Barra minn hekk, kif isostni r-rikorrent, l-allegat ċessjonarju tal-imsemmija ishma akkwista wkoll, fl-istess mument, madwar [kunfidenzjali] % tal-ishma ta’ ABH Holdings u madwar [kunfidenzjali] % tal-ishma ta’ CTF Holdings miżmuma minn azzjonist ieħor. Għaldaqstant, l-istess ċessjonarju, is-Sur [kunfidenzjali], akkwista simultanjament mhux biss madwar 36 % tal-ishma ta’ ABH Holdings, iżda wkoll madwar 54 % tal-ishma ta’ CTF Holdings. Fid-dawl tal-attiv miżmum minn ABH Holdings, jiġifieri Alfa Bank Russja u AlfaStrakhovanie, u minn CTF Holdings, jiġifieri l-kumpannija ta’ distribuzzjoni X 5 Retail Group u l-kumpannija ta’ investiment Russa A1, ir-rikorrent ikkonferma waqt is-seduta li t-trasferimenti allegati kienu jirrigwardaw ammonti finanzjarji sinjifikattivi. |
|
136 |
Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża u peress li r-rikorrent jinvoka, b’mod partikolari, bidla fis-sitwazzjoni personali tiegħu li seħħet fil-jum ta’ qabel l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, huwa kellu jipproduċi provi li juru li, qabel l-imsemmija inklużjoni, it-trasferimenti allegati kienu effettivament ikkostitwixxew trasferiment tas-sjieda tal-ishma tiegħu lil ċessjonarju identifikabbli u indipendenti miċ-ċedent. Għaldaqstant, il-provi tat-trasferimenti tal-ishma miżmuma mir-rikorrent f’ABH Holdings u f’CTF Holdings favur l-allegat ċessjonarju għandhom jippermettu li tiġi stabbilita l-konformità tat-trasferiment mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-miżuri restrittivi, li kien jimplika, f’dan il-każ, li jiġi stabbilit li n-natura effettiva tat-trasferimenti ta’ ishma kienet seħħet, skont id-dritt nazzjonali u d-dispożizzjonijiet statutorji applikabbli, qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jikkonċernaw lir-rikorrent. Għalhekk, f’dan il-każ, il-provi tat-trasferimenti effettivi tal-ishma f’dawn iż-żewġ holdings kellhom jinkludu b’mod partikolari l-atti relatati mat-trasferimenti tal-imsemmija ishma, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali applikabbli kif ukoll id-dispożizzjonijiet statutorji tal-kumpanniji holding inkwistjoni. |
|
137 |
Barra minn hekk, sabiex tintwera r-rinunzja effettiva għall-prerogattivi tiegħu bħala azzjonist, kien ir-rikorrent li kellu jipproduċi provi dwar il-kundizzjonijiet, il-modalitajiet u l-kontropartijiet tat-trasferimenti allegati, b’mod partikolari dwar il-prezz tat-trasferiment tal-imsemmija ishma. Kuntrarjament għal dak li sostna r-rikorrent waqt is-seduta, tali provi dwar il-prezz ta’ trasferiment huma neċessarji sabiex jiġi evalwat jekk it-trasferimenti allegati tal-ishma tiegħu jimplikawx rinunzja effettiva għall-prerogattivi tiegħu bħala azzjonist ta’ ABH Holdings u ta’ CTF Holdings. Fil-fatt, fl-eventwalità li ċedent ibigħ l-ishma tiegħu bi prezz manifestament inqas mill-valur tal-attiv li huwa s-suġġett tat-trasferiment, dan ma jistax jitqies li sar favur terz indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2023, Mordashov vs Il‑Kunsill, T‑248/22, mhux ippubblikata,EU:T:2023:573, punt 101), peress li, f’tali kundizzjonijiet, iċ-ċedent jista’, minħabba l-vantaġġ li jikkostitwixxi tali prezz favur iċ-ċessjonarju, ikompli jeżerċita permezz taċ-ċessjonarju influwenza fuq in-negozju tal-kumpannija li l-ishma tagħha jkunu ġew ittrasferiti, u dan ikun ta’ natura li jikkontesta l-kredibbiltà ta’ tali trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2025, Ponomarenko vs Il‑Kunsill, T‑249/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2025:202, punt 130). Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-provi prodotti kellhom jinkludu wkoll indikazzjonijiet dwar il-prezz li bih ġew ittrasferiti l-ishma u dwar il-modalitajiet ta’ pagament tagħhom. |
|
138 |
Għandu jiġi enfasizzat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-produzzjoni tal-provi msemmija fil-punti 136 u 137 iktar ’il fuq ma tistax tikkostitwixxi piż irraġonevoli jew li timplika l-iżvelar indebitu ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Fil-fatt, ir-rikorrent jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jipprovdi l-provi tat-trasferiment effettiv tal-ishma tiegħu f’ABH Holdings u f’CTF Holdings, kif ukoll tar-rinunzja effettiva għall-prerogattivi tiegħu bħala azzjonist ta’ dawn il-kumpanniji u tal-entitajiet marbuta magħhom (ara l-punt 134 iktar ’il fuq). |
|
139 |
Barra minn hekk, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża kkaratterizzati minn trasferimenti sostanzjali ta’ ishma li allegatament seħħew fil-jum ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi kontra r-rikorrent (ara l-punt 135 iktar ’il fuq) kif ukoll permezz tal-użu ta’ arranġamenti legali li jinvolvu kumpanniji stabbiliti f’diversi Stati (ara l-punti 128 u 129 iktar ’il fuq), l-effikaċja u l-effettività tal-miżuri restrittivi jistgħu jiġu kkontestati jekk l-allegati trasferimenti ta’ ishma fil-kumpanniji jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-assenza ta’ provi li juru r-realtà tagħhom. |
|
140 |
Fir-rigward tal-provi prodotti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi eżaminat jekk dawn humiex suffiċjenti sabiex juru li r-rikorrent kien effettivament ittrasferixxa l-ishma tiegħu f’ABH Holdings u f’CTF Holdings u kien effettivament irrinunzja għall-prerogattivi tiegħu bħala azzjonist tal-imsemmija kumpanniji u tal-entitajiet marbuta magħhom u, għaldaqstant, li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li huwa kien għadu wieħed mill-azzjonisti prinċipali tal-konsorzju Alfa Group. |
|
141 |
L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-allegat trasferiment tal-ishma f’CTF Holdings lis-Sur [kunfidenzjali], ir-rikorrent isostni li dan seħħ fil-jum li ppreċeda dak tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, jiġifieri fl‑14 ta’ Marzu 2022. |
|
142 |
Kif jirriżulta mill-punt 136 iktar ’il fuq, huwa madankollu r-rikorrent li għandu jipproduċi, b’mod partikolari, il-provi li juru li t-trasferiment inkwistjoni twettaq b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-miżuri restrittivi. |
|
143 |
Konformement mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2022/429 u mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/427, il-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent daħlu fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dawn l-atti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil‑15 ta’ Marzu 2022, jiġifieri l-għada tal-allegat trasferiment tal-ishma tar-rikorrent f’CTF Holdings. |
|
144 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014 jipprovdi, b’mod partikolari, li għandhom jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, lill-entitajiet jew lill-korpi inklużi fil-listi kontenzjużi, kif ukoll il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta’ dawn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom. Skont l-Artikolu 1(f) ta’ dan ir-regolament, il-kunċett ta’ “iffriżar ta’ fondi” huwa ddefinit bħala li jfisser “il-prevenzjoni ta’ kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi li b’kull mod jirriżulta fi xi bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fid-dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew kull bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġar ta’ portafolji”. Skont l-Artikolu 1(g) tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ “fondi” huwa ddefinit bħala li jkopri l-assi finanzjarji u l-vantaġġi ekonomiċi ta’ kull tip, li jinkludu b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt (iii) ta’ din id-dispożizzjoni, it-titoli ta’ proprjetà u ta’ self, bħall-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli trasferibbli, il-bonds, il-kambjali, il-bonds mhux iggarantiti u l-kuntratti fuq derivattivi, kemm jekk huma nnegozjati fil-Borża kif ukoll jekk huma s-suġġett ta’ investiment privat. |
|
145 |
Għalhekk, f’dan il-każ, mill‑15 ta’ Marzu 2022, il-fondi kollha li r-rikorrent kellu, żamm jew kien jikkontrolla fit-territorju tal-Unjoni kienu ffriżati, inklużi l-ishma tiegħu f’kumpanniji li kienu miżmuma fl-Unjoni, li ma setgħux jibqgħu s-suġġett ta’ ebda moviment, trasferiment, bidla, użu jew aċċess li kellu bħala konsegwenza, b’mod partikolari, bidla fis-sjieda tagħhom, fil-pussess tagħhom jew f’kull bidla oħra li setgħet tippermetti l-użu tagħhom. Konsegwentement, l-uniċi possibbiltajiet sabiex l-imsemmija ishma miżmuma mir-rikorrent ma jiġux iffriżati kienu jikkonsistu jew fit-tneħħija ta’ ismu mil-listi kontenzjużi, jew fl-għoti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ waħda mid-derogi previsti mir-Regolament Nru 269/2014. |
|
146 |
Sabiex juri t-trasferiment tal-ishma tiegħu f’CTF Holdings, ir-rikorrent ipproduċa tliet dokumenti. |
|
147 |
Qabel kollox, fir-rigward tad-dokument ippreżentat bħala estratt mir-reġistru tal-azzjonisti ta’ CTF Holdings (Anness A.27 tar-rikors), ir-rikorrent jindika, fis‑16 ta’ Mejju 2023, in-numru ta’ azzjonijiet li huma miżmuma f’valur assolut minn kull waħda miż-żewġ kumpanniji stabbiliti f’Ċipru msemmija f’dan id-dokument, mingħajr ebda indikazzjoni oħra. Issa, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar is-saħħa probatorja ta’ dan id-dokument, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma jippermettix li jintwera li t-trasferiment tal-ishma tar-rikorrent f’CTF Holdings seħħ qabel il‑15 ta’ Marzu 2022. |
|
148 |
Sussegwentement, ir-rikorrent jipproduċi dikjarazzjoni ta’ sjieda ta’ kumpannija stabbilita fil-Liechtenstein li tikkonferma, fil-fehma tiegħu, li, fit‑18 ta’ Jannar 2022, huwa kien il-benefiċjarju aħħari u l-azzjonist (Anness C.10 tar-replika). Issa, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar is-saħħa probatorja ta’ dan id-dokument, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni ma hijiex rilevanti sabiex jintwera trasferiment tas-sjieda tal-ishma tiegħu f’CTF Holdings qabel il‑15 ta’ Marzu 2022. Fil-fatt, l-imsemmija dikjarazzjoni, tat‑18 ta’ Jannar 2022, sempliċement tindika li r-rikorrent kien il-benefiċjarju aħħari ta’ din il-kumpannija, stabbilita fil-Liechtenstein, qabel l-allegata bidla fis-sjieda fl-imsemmija kumpannija. |
|
149 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jippreżenta estratt mir-reġistru tal-benefiċjarji effettivi ta’ CTF Holdings stabbilit mil-Luxembourg Business Register (Anness C.11 tar-replika) li jindika effettivament li l-ishma kollha tal-kapital tal-imsemmija kumpannija kienu miżmuma indirettament mis-Sur [kunfidenzjali] u mis-Sur [kunfidenzjali]. |
|
150 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-estratt inkwistjoni ma jinkludi l-ebda indikazzjoni la dwar id-data li fiha l-ishma tar-rikorrent f’CTF Holdings kienu ġew ittrasferiti lis-Sur [kunfidenzjali], u lanqas fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dan it-trasferiment. Għaldaqstant, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi li tinsab fih ma tippermettix li jiġi stabbilit li r-rikorrent effettivament ittrasferixxa s-sjieda tal-imsemmija ishma qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu fil‑15 ta’ Marzu 2022. |
|
151 |
Meta r-rikorrent ġie mistoqsi mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta dwar il-fatt li l-estratt inkwistjoni ma kienx jispeċifika d-data tat-trasferiment effettiv tal-ishma tiegħu f’CTF Holdings u li l-imsemmi estratt kien jindika li l-informazzjoni kienet ġiet emendata fil‑25 ta’ April 2023, jiġifieri iktar minn sena wara d-dħul fis-seħħ tal-iffriżar tal-fondi tiegħu li seħħ fil‑15 ta’ Marzu 2022, huwa sostna li dan l-estratt kien jikkonferma li t-trasferiment tal-imsemmija ishma kien seħħ qabel din id-data tal-aħħar minħabba li l-ġestjonarju tar-reġistru kien wettaq verifika tal-informazzjoni ddikjarata. Issa, fin-nuqqas li din l-allegazzjoni tiġi ssostanzjata billi jintwera, b’mod partikolari abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal dan ir-reġistru, li l-imsemmi ġestjonarju huwa obbligat iwettaq verifika sistematika tad-dikjarazzjonijiet li ġew sottometti lilu, għandu jiġi kkunsidrat li l-estratt inkwistjoni ma jippermettix li jiġi pprovat li dawn l-ishma kienu ġew effettivament ittrasferiti qabel din l-aħħar data. |
|
152 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mir-rikorrent ma jippermettux li jintwera li huwa effettivament ittrasferixxa l-ishma tiegħu f’CTF Holdings qabel id-dħul fis-seħħ, fil‑15 ta’ Marzu 2022, tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu. |
|
153 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-prossimità tat-trasferiment allegat mad-data tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, il-produzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ qabel il‑15 ta’ Marzu 2022 ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex turi trasferiment effettiv tas-sjieda tal-ishma tar-rikorrent f’CTF Holdings qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jikkonċernawh. Minn naħa, sabiex jiġi kkunsidrat li t-trasferiment tas-sjieda kien effettiv u konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandu jintwera li dan it-trasferiment seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżuri skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali u d-dispożizzjonijiet statutorji applikabbli. Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrent irrikonoxxa waqt is-seduta li huwa kien għadu ma rċeviex il-pagament tal-prezz tal-imsemmija ishma, huwa għandu juri wkoll li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw it-trasferiment ma kinux akkumpanjati minn kundizzjoni riżoluttiva fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament tal-prezz tal-bejgħ jew fil-każ ta’ posponiment tal-pagament. |
|
154 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, mill‑15 ta’ Marzu 2022, l-ishma kollha tar-rikorrent miżmuma f’kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni kienu ġew iffriżati, b’tali mod li, minn dik id-data, kull moviment, trasferiment jew bidla tal-ishma tiegħu f’kumpanniji stabbiliti fil-Lussemburgu kienu jeħtieġu l-kisba ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti (ara l-punti 143 sa 145 iktar ’il fuq). Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jinvoka l-ebda deroga maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jikseb it-tneħħija tal-iffriżar tal-imsemmija ishma wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu. |
|
155 |
Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ provi tal-konformità tal-allegat trasferiment tal-ishma tar-rikorrent f’CTF Holdings mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi, kif ukoll ta’ provi ta’ trasferiment effettiv u mingħajr dispożizzjonijiet kuntrattwali ta’ natura riżoluttiva, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, ir-rikorrent kien azzjonist ta’ din il-kumpannija. |
|
156 |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-allegat trasferiment tal-ishma tiegħu f’ABH Holdings, ir-rikorrent isostni li dan seħħ fil-jum li ppreċeda dak tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, jiġifieri fl‑14 ta’ Marzu 2022. |
|
157 |
Huwa minnu li, mid-Dokumenti Nri 9, 19 u 20 tal-fajl WK 10524/2023 REV 1, li huma artikli tal-istampa dwar trasferiment ta’ attiv Russu miżmum minn ABH Holdings lejn ir-Russja li fih huwa involut ir-rikorrent, jirriżulta li dan tal-aħħar ittrasferixxa l-ishma tiegħu fl-imsemmija kumpannija lis-Sur [kunfidenzjali] f’Marzu 2022. Madankollu, dawn l-artikli ma jinkludu l-ebda indikazzjoni dwar id-data preċiża li fiha s-sjieda tal-azzjonijiet tar-rikorrent kienet ġiet effettivament ittrasferita lis-Sur [kunfidenzjali] u, b’mod partikolari, jekk dan it-trasferiment kienx ġie ffinalizzat qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent. |
|
158 |
Bl-istess mod, fir-rigward tal-provi li joriġinaw mill-Bank Nazzjonali tal-Ukraina, huwa minnu li mid-Dokument Nru 1 tal-fajl WK 17621/2022 INIT u mid-Dokument Nru 2 tal-fajl WK 10555/2023 INIT, jiġifieri stqarrijiet għall-istampa ta’ din l-istituzzjoni ppubblikati rispettivament fit‑28 ta’ Ottubru 2022 u fl‑20 ta’ Lulju 2023, jirriżulta li s-Sur [kunfidenzjali] ( 2 ) kellu sehem kwalifikanti ta’ 40.9614 % f’Sense Bank (li qabel kienet Alfa Bank Ukraina, li kienet miżmuma minn ABH Holdings) wara l-allegat trasferiment tal-ishma f’din l-aħħar kumpannija miżmuma mir-rikorrent u minn azzjonist ieħor. Madankollu, dawn l-istqarrijiet għall-istampa tal-imsemmi bank nazzjonali jenfasizzaw ukoll li l-akkwist tal-imsemmija ishma kien sar mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tiegħu. Barra minn hekk, minn ittra ta’ dan il-bank nazzjonali tal‑5 ta’ Ġunju 2023, indirizzata lill-Kummissjoni (Dokument Nru 1 tal-fajl WK 10555/2023 INIT), jirriżulta li, konformement mad-dritt Ukrain, il-ftehim li jippermetti l-akkwist ta’ sehem sinjifikattiv mis-Sur [kunfidenzjali] f’Sense Bank kellu jiġi kkunsidrat bħala null u bla effett. |
|
159 |
Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Bank Nazzjonali tal-Ukraina tal‑15 ta’ April 2022, annessa mar-replika (Anness C.3 tar-replika), għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dik id-deċiżjoni, dik l-istituzzjoni tikkonstata l-akkwist mis-Sur [kunfidenzjali] ta’ sehem sinjifikattiv f’Sense Bank imwettaq bi ksur tad-dritt Ukrain, li, bħala prinċipju, jobbliga lil kull persuna li tippjana li takkwista sehem sinjifikattiv f’istituzzjoni finanzjarja Ukraina li tinforma minn qabel lill-imsemmi bank nazzjonali b’dan il-pjan u tistenna l-awtorizzazzjoni minn qabel tiegħu. Barra minn hekk, la d-dispożittiv u lanqas ir-raġunijiet tal-imsemmija deċiżjoni ma jikkonstataw espliċitament li s-Sur [kunfidenzjali] akkwista s-sjieda tal-ishma tar-rikorrent f’ABH Holdings, fl‑14 ta’ Marzu 2022. Għalhekk, fir-rigward tal-attiv ta’ din l-aħħar kumpannija li kien jinsab fl-Ukraina, dan il-bank nazzjonali kkonstata biss li dan it-trasferiment twettaq bi ksur tad-dritt bankarju Ukrain. |
|
160 |
Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tal-Bank Nazzjonali tal-Ukraina tal‑15 ta’ April 2022 ma tistax turi li s-sjieda tal-ishma tar-rikorrent f’ABH Holdings kienet ġiet ittrasferita lis-Sur [kunfidenzjali] qabel il‑15 ta’ Marzu 2022. |
|
161 |
Għandu jiġi rrilevat li l-provi l-oħra prodotti mir-rikorrent lanqas ma huma ta’ natura li juru li s-sjieda tal-ishma tiegħu f’ABH Holdings kienet effettivament ġiet ittrasferita lis-Sur [kunfidenzjali] qabel il‑15 ta’ Marzu 2022. |
|
162 |
F’dak li jirrigwarda l-attestazzjoni magħmula mill-awdituri ta’ ABH Holdings (Anness A.30 tar-rikors) kif ukoll l-attestazzjoni magħmula mill-uffiċċju tal-avukati ta’ din il-kumpannija (Anness A.25 tar-rikors), għandu jiġi rrilevat li l-ebda waħda minn dawn l-attestazzjonijiet ma tikkonkludi b’mod ekwivoku li t-trasferiment tas-sjieda tal-ishma tar-rikorrent fl-imsemmija kumpannija kien effettiv qabel l-imsemmija data. Minn naħa, l-ewwel waħda minn dawn l-attestazzjonijiet tindika li, “f’Marzu 2022 ir-rikorrent biegħ l-azzjonijiet tiegħu kollha u ma kienx għadu azzjonist tal-[kumpannija inkwistjoni]”, mingħajr ma tindika espliċitament id-data eżatta tat-trasferiment effettiv tal-azzjonijiet. Min-naħa l-oħra, it-tieni waħda minn dawn l-attestazzjonijiet sempliċement tikkonstata l-libertà tal-vot tal-azzjonisti. Huwa minnu li l-imsemmija attestazzjoni telenka lista ta’ dokumenti li fosthom jinsabu b’mod partikolari d-dokumenti ta’ tranżazzjoni dwar il-bejgħ tal-interessi tar-rikorrent f’din il-kumpannija lis-Sur [kunfidenzjali] fl‑14 ta’ Marzu 2022, l-istatuti tal-kumpannija inkwistjoni, ftehim bejn l-azzjonisti, informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ bejn tali kumpannija u l-persuni maħtura, u anki att ta’ impenn konkluż fil‑25 ta’ April 2022 bejn l-istess kumpannija u s-Sur [kunfidenzjali]. Madankollu, fl-assenza ta’ produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti li ma humiex annessi mal-attestazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk it-trasferiment tas-sjieda tal-imsemmija ishma kienx effettiv qabel il‑15 ta’ Marzu 2022. |
|
163 |
Fir-rigward tal-attestazzjoni magħmula fis‑6 ta’ April 2022 mid-direttur ta’ ABH Holdings (Anness A.30 tar-rikors), li tgħid li r-rikorrent ma kellux iktar interessi proprjetarji wara l-bejgħ tal-ishma tiegħu fl-imsemmija kumpannija lil terz allegatament imwettaq fl‑14 ta’ Marzu 2022, għandu jiġi rrilevat, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 95 iktar ’il fuq, li l-valur probatorju ta’ din id-dikjarazzjoni, li toriġina mid-direttur ta’ din il-kumpannija li tagħha r-rikorrent kien azzjonist, għandu jiġi rrelattivizzat (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 153). Għalhekk, fl-assenza ta’ provi oħra insostenn ta’ tali affermazzjoni, din l-attestazzjoni ma hijiex ta’ natura, waħedha, li turi li t-trasferiment tas-sjieda tal-imsemmija ishma kien effettiv mill‑14 ta’ Marzu 2022. |
|
164 |
Fir-rigward tal-estratt mir-reġistru tal-benefiċjarji effettivi ta’ ABH Holdings stabbilit mil-Luxembourg Business Register, indipendentement mill-affidabbiltà ta’ dan id-dokument, li ma jinkludix il-firma tal-ġestjonarju, għandu jiġi rrilevat li d-data tat‑22 ta’ Marzu 2022 tissemma bħala d-data tal-aħħar bidla, jiġifieri ġimgħa wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi tar-rikorrent. Issa, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ikkaratterizzati minn trasferimenti sinjifikattivi ta’ ishma li allegatament seħħew fil-jum ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżuri (ara l-punt 135 iktar ’il fuq), l-imsemmi estratt ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li r-rikorrent kien effettivament ittrasferixxa s-sjieda tal-ishma tiegħu fl-imsemmija kumpannija qabel ma l-fondi tiegħu ġew iffriżati. Fil-fatt, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 151 iktar ’il fuq, dan l-estratt ma jistax juri li t-trasferiment tas-sjieda tal-imsemmija ishma kien effettiv qabel il‑15 ta’ Marzu 2022. |
|
165 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-prossimità tat-trasferiment allegat mad-data tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, il-produzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ qabel il‑15 ta’ Marzu 2022 ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex turi trasferiment effettiv tas-sjieda tal-ishma tar-rikorrent f’ABH Holdings qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi. Minn naħa, sabiex it-trasferiment ta’ sjieda jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandu jintwera li dan kien ġie ffinalizzat qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżuri skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali u d-dispożizzjonijiet statutorji applikabbli. Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrent irrikonoxxa waqt is-seduta li huwa kien għadu ma rċeviex il-pagament tal-prezz ta’ trasferiment tal-imsemmija ishma, huwa obbligat ukoll li juri wkoll li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tat-trasferiment ma kinux akkumpanjati minn kundizzjoni riżoluttiva fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament tal-prezz tal-bejgħ jew fil-każ ta’ posponiment tal-pagament. |
|
166 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 157 sa 165 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, ir-rikorrent kien azzjonist ta’ ABH Holdings. |
|
167 |
Għalhekk, peress li l-Kunsill ġustament qies li r-rikorrent kien azzjonist ta’ CTF Holdings (ara l-punt 155 iktar ’il fuq) u ta’ ABH Holdings (ara l-punt 166 iktar ’il fuq), huwa ma jistax jiġi kkritikat talli wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kklassifikah bħala wieħed mill-azzjonisti prinċipali tal-konsorzju Alfa Group fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023. |
|
168 |
Issa, ma huwiex ikkontestat li Alfa Bank Russja hija waħda mill-ikbar banek kummerċjali u tan-negozju privati Russi, li AlfaStrakhovanie hija waħda mill-ikbar kumpanniji tal-assigurazzjoni fir-Russja u li X5 Retail Group hija waħda mill-ikbar kumpanniji fis-settur tal-kummerċ bl-imnut fir-Russja. Fir-rigward ta’ A1 (li qabel kienet Alfa-Eco), jidher li din hija kumpannija ta’ investiment ibbażata fir-Russja. |
|
169 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-importanza tal-attivitajiet fir-Russja tal-kumpanniji tal-konsorzju Alfa Group, il-Kunsill seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, iqis li r-rikorrent kien negozjant influwenti li jeżerċita attivitajiet fir-Russja fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
170 |
L-argumenti l-oħra tar-rikorrent ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni. |
|
171 |
L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-eżerċizzju ta’ funzjoni eżekuttiva huwa kundizzjoni neċessarja sabiex jitqies bħala “influwenti” fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, peress li s-sempliċi pussess ta’ proprjetà kapitali sinjifikattiva f’kumpannija importanti waħda jew iktar jista’ jkun suffiċjenti sabiex persuna tiġi kklassifikata bħala negozjant influwenti, l-eżerċizzju ta’ funzjoni eżekuttiva ma huwiex kundizzjoni neċessarja għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ persuna fiżika bħala negozjant “influwenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 151). Konsegwentement, il-fatt li, diversi snin qabel l-adozzjoni tal-atti inizjali, ir-rikorrent ma kienx għadu jeżerċita funzjoni eżekuttiva fl-entitajiet marbuta mal-konsorzju Alfa Group huwa irrilevanti. |
|
172 |
It-tieni nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrent li skontu huwa ma kienx jeżerċita attività fir-Russja minħabba li mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-VAT kien jirriżulta li s-sempliċi żamma ta’ azzjonijiet, reali jew preżunta, ma kinitx suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi, fiha nnifisha, l-eżerċizzju ta’ “attività ekonomika”. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” fil-qasam tal-VAT jappartjeni għal kuntest ġuridiku differenti minn dak li fih jinsab il-kriterju (g) emendat, li l-ewwel aspett tiegħu jirrigwarda n-negozjanti influwenti li “joperaw fir-Russja” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, OT vs Il‑Kunsill, T‑286/23, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:606, punt 92). |
|
173 |
It-tielet nett, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li huwa ma kienx jaqa’ taħt il-preżunzjoni ta’ interdipendenza bejn in-negozjanti influwenti u l-Gvern Russu minħabba li ma kienx jappartjeni għall-kategorija ta’ negozjanti qrib V. Putin u li l-ebda waħda mill-impriżi tiegħu ma kienet ibbenefikat minn trattament preferenzjali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat kellha biss l-għan li tistabbilixxi kriterju oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti, li jippermetti li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni tal-isem ta’ ċerti persuni fil-listi kontenzjużi, li jeħtieġ li l-Kunsill jipproduċi l-prova ta’ żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna kkonċernata hija negozjant influwenti u, min-naħa l-oħra, li din il-persuna teżerċita attività fir-Russja. Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax isostni li l-imsemmija parti stabbilixxiet preżunzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, kif ġie rrilevat fil-punt 124 iktar ’il fuq, sabiex tiġi ġġustifikata l-imsemmija inklużjoni abbażi ta’ din il-parti, ma huwa neċessarju li tiġi prodotta la l-prova ta’ rabta bejn ir-rikorrent u r-reġim Russu, u lanqas il-prova ta’ appoġġ għal dan ir-reġim jew il-benefiċċju miksub minnu. Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess parti, il-kwistjonijiet dwar jekk ir-rikorrent huwiex qrib ta’ V. Putin marbut mal-KGB jew man-network ta’ Saint Petersburg, jekk jeżerċitax attività fis-setturi kkontrollati mill-Istat jew jekk ibbenefikax minn kuntratti pubbliċi, minn vantaġġi fiskali jew minn trattament speċjali huma irrilevanti. L-istess japplika fir-rigward tal-fatt li l-ebda waħda mill-kumpanniji tiegħu ma kellha Ministru tal-Gvern Russu jew fiduċjarju personali fi ħdan il-bord tad-diretturi tagħha. |
|
174 |
Ir-raba’ nett, sa fejn ir-rikorrent għandu l-intenzjoni jsostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni minħabba li l-konsorzju Alfa Group ma għandux personalità ġuridika, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jkun azzjonist tagħha, tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-kwalità ta’ azzjonist ta’ dan il-konsorzju tista’ tkopri l-impriżi kollha li jagħmlu parti mill-imsemmi konsorzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, OT vs Il‑Kunsill, T‑286/23, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:606, punt 116). Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-Dokument Nru 2 tal-fajl WK 10524/2023 REV 1, jiġifieri paġna tas-sit internet ta’ AlfaStrakhovanie, din il-kumpannija tippreżenta ruħha bħala li tagħmel parti mill-“konsorzju finanzjarju u industrijali Alfa Group”. |
|
175 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma weriex li l-Kunsill kien wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta żamm, permezz tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi abbażi tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
176 |
Fit-tieni lok, għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 fil-verżjoni inizjali tagħha li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2022/329 u mill-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, li jindikaw speċifikament in-“negozjanti ewlenin [influwenti]”, it-tielet parti tal-kriterju (g) emendat testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżuri restrittivi billi ma tibqax tirrikjedi li n-negozjanti jkunu “influwenti”. |
|
177 |
Għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Kunsill, imfakkra fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094, li jikkonsistu fl-eżerċizzju ta’ pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina, il-kunċett ta’ “negozjanti” jirreferi biss għall-persuni fiżiċi li jeżerċitaw attività ekonomika kwalitattivament jew kwantitattivament mhux negliġibbli f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u li l-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista inkwistjoni tista’ għalhekk iżżid l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u, konsegwentement, iżżid il-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa responsabbli għall-invażjoni tal-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2025, Vinokurov vs Il‑Kunsill, T‑1106/23, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2025:106, punt 48). |
|
178 |
Barra minn hekk, fir-rigward tas-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, mill-formulazzjoni tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat jirriżulta b’mod inekwivoku li huwa s-settur ekonomiku u mhux il-persuna fiżika jew ġuridika li isimha huwa inkluż fil-listi kontenzjużi li għandu jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Huwa minnu li d-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “sors sostanzjali ta’ dħul”. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-użu tal-aġġettiv kwalitattiv “sostanzjali”, li huwa relatat mal-grupp nominali “sors ta’ dħul”, jimplika li dan is-sors ta’ dħul għandu jkun sinjifikattiv u għalhekk mhux negliġibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2025, Vinokurov vs Il‑Kunsill, T‑1106/23, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2025:106, punt 49). |
|
179 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent jirrikonoxxi li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, huwa kien għadu azzjonist ta’ Rosvodokanal. Għandu jiġi rrilevat li, fid-dokument ta’ preżentazzjoni tal-konsorzju Alfa Group (Anness B.2 tar-risposta), l-imsemmija kumpannija hija deskritta bħala waħda mill-ikbar operaturi privati Russi fil-qasam tal-provvista tal-ilma u tas-sanità li tipprovdi servizzi lil madwar 5 miljun klijent, li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’sebat ibliet Russi u li timpjega madwar 10000 persuna. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-Dokument Nru 2 tal-fajl tal-provi WK 10524/2023 REV 1, din il-kumpannija tissemma bħala li tagħmel parti mill-imsemmi konsorzju. |
|
180 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, mis-sempliċi fatt tal-kwalità tiegħu bħala azzjonist ta’ Rosvodokanal, ir-rikorrent jeżerċita attività ekonomika kwalitattivament jew kwantitattivament mhux negliġibbli, b’tali mod li jaqa’ taħt il-kwalità ta’ negozjant fis-sens tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
181 |
Issa, skont il-ġurisprudenza, is-settur tal-provvista tal-ilma u tas-sanità jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern Russu peress li dan kien iġġenera dħul mit-taxxa ta’ iktar minn 94 biljun rubil Russu (RUB) (madwar EUR 967 miljun) fl‑2022 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, OT vs Il‑Kunsill, T‑286/23, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:606, punti 126 u 127). |
|
182 |
L-argument tar-rikorrent, imqajjem waqt is-seduta, ibbażat fuq il-fatt li t-taxxi mħallsa minn Rosvodokanal jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna tal-ammont totali tat-taxxi mħallsa minn dan is-settur ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 178 iktar ’il fuq, huwa d-dħul iġġenerat mis-settur li jimporta u mhux it-taxxi mħallsa mill-persuna jew mill-entità kkonċernata. |
|
183 |
Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li r-rikorrent kien azzjonist ta’ Rosvodokanal fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023 kien suffiċjenti sabiex is-sitwazzjoni personali tiegħu taqa’ taħt it-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
184 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, huwa mingħajr ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, il-Kunsill qies li r-rikorrent kien negozjant ewlieni li jeżerċita attivitajiet fir-Russja fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat kif ukoll negozjant li jeżerċita attivitajiet f’settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa fis-sens tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
185 |
Issa, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tadotta miżuri restrittivi, u fid-dawl tan-natura preventiva tagħhom, jekk il-qorti tal-Unjoni tqis li, mill-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija hija suffiċjentement preċiża u konkreta, li hija sostnuta u li minnha nnifisha tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex issostni din id-deċiżjoni, il-fatt li ma jistax jingħad l-istess dwar raġunijiet oħra minn dawn ir-raġunijiet ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni (sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 186). |
|
186 |
Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrent intiżi li jikkontestaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi abbażi tal-kriterju (d), hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill meta ddeċieda li jżomm isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi bl-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023. |
c) Fuq l-atti ta’ Marzu 2024
|
187 |
Ir-rikorrent isostni li, minn Marzu 2022, huwa ma għadux azzjonist tal-konsorzju Alfa Group. Huwa jsostni li ttrasferixxa l-ishma tiegħu f’Alfa Bank Russja, f’AlfaStrakhovanie Russja kif ukoll f’CTF Holdings. |
|
188 |
Fid-dawl tas-sentenzi tal‑10 ta’ April 2024, Aven vs Il‑Kunsill (T‑301/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:214), u tal‑10 ta’ April 2024, Fridman vs Il‑Kunsill (T‑304/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:215), ir-rikorrent iqis li ż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi tikkostitwixxi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn is-sitwazzjoni personali tiegħu u dik tar-rikorrenti fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi. |
|
189 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. |
|
190 |
Fir-rigward tal-kuntest ġenerali li ġġustifika l-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara l-punt 88 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024, il-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina kienet għadha teżisti. Bl-istess mod, l-imsemmija miżuri kienu għadhom iġġustifikati fid-dawl tal-għan imfittex, jiġifieri li tiġi eżerċitata pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari ta’ dan il-pajjiż, u jżidu l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. |
|
191 |
Fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tar-rikorrent, fir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-atti ta’ Marzu 2024, huwa ma għadux ikklassifikat bħala “azzjonist ewlieni [wieħed] tal-konsorzju Alfa Group”, iżda bħala “azzjonist ewlieni ta’ Alfa Group consortium”. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, essenzjalment, dawn huma l-istess raġunijiet bħal dawk tal-atti ta’ Settembru 2023. |
|
192 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid li wasslet għall-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024, ir-rikorrent ma invoka ebda element ġdid sabiex juri li huwa ma kienx għadu azzjonist prinċipali tal-konsorzju Alfa Group. |
|
193 |
Fil-kuntest tan-nota ta’ adattament, sabiex juri li huwa ma kienx għadu azzjonist prinċipali tal-konsorzju Alfa Group permezz ta’ ABH Holdings, ir-rikorrent ipproduċa estratt mir-reġistru tal-benefiċjarji effettivi ta’ din il-kumpannija, stabbilit mil-Luxembourg Business Register (Anness E.5 tal-imsemmija nota), li, b’differenza mill-estratt li jinsab fl-Anness A.28 tar-rikors jinkludi l-firma tal-ġestjonarju. |
|
194 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-applikazzjoni għar-rikorrent tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma pproduċa l-ebda prova ġdida sabiex juri li t-trasferiment tas-sjieda tal-ishma tiegħu f’CTF Holdings kien effettiv qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu. Konsegwentement, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 142 sa 155 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrent kien azzjonist tal-imsemmija kumpannija fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024. |
|
195 |
Fir-rigward tal-allegat trasferiment tal-ishma tiegħu f’ABH Holdings, peress li l-estratt mir-reġistru tal-benefiċjarji effettivi li jinkludi l-firma tal-ġestjonarju ma jsemmix id-data eżatta li fiha l-imsemmija ishma kienu ġew ittrasferiti liċ-ċessjonarju, għandu jiġi kkunsidrat, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 164 u 165 iktar ’il fuq, li dan l-estratt ma huwiex biżżejjed sabiex juri li s-sjieda ta’ dawn l-ishma kienet ġiet effettivament ittrasferita qabel il‑15 ta’ Marzu 2022. Bl-istess mod, peress li ċ-ċessjonarju ma kienx issodisfa l-obbligu ta’ ħlas tiegħu, għandu jintwera wkoll li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw it-trasferiment ma kinux suġġetti għal kundizzjoni riżoluttiva fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament tal-prezz. Konsegwentement, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 157 sa 166 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrent kien azzjonist tal-imsemmija kumpannija fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024. |
|
196 |
Minn dan isegwi li l-Kunsill seta’ jqis li r-rikorrent kien azzjonist prinċipali tal-konsorzju Alfa Group fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024, b’tali mod li ż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi abbażi tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat kienet fondata. |
|
197 |
Fi kwalunkwe każ, peress li r-rikorrent irrikonoxxa waqt is-seduta li huwa kien għadu azzjonist ta’ Rosvodokanal fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 179 sa 183 iktar ’il fuq, minħabba s-sempliċi fatt tal-kwalità tiegħu bħala azzjonist ta’ din il-kumpannija, iż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi hija ġġustifikata abbażi tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
198 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jistax isostni li ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi tikkostitwixxi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata mas-sitwazzjoni ta’ M. Fridman u ta’ P. Aven minħabba l-fatt li l-atti li jikkonċernawhom kienu ġew annullati permezz tas-sentenzi tal‑10 ta’ April 2024, Aven vs Il‑Kunsill (T‑301/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:214), u tal‑10 ta’ April 2024, Fridman vs Il‑Kunsill (T‑304/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:215). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-motivi tas-sentenzi tal‑10 ta’ April 2024, Aven vs Il‑Kunsill (T‑301/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:214), u tal‑10 ta’ April 2024, Fridman vs Il‑Kunsill (T‑304/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:215), l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti rispettivi fil-listi inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi la kienet ibbażata fuq il-kriterju (g) inizjali, u lanqas ma kienet ibbażata fuq il-kriterju (g) emendat. |
|
199 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa mingħajr ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024, il-Kunsill qies li r-rikorrent kien negozjant influwenti li jeżerċita attivitajiet fir-Russja fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g) emendat kif ukoll negozjant li jeżerċita attivitajiet f’settur li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa fis-sens tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
200 |
Issa, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tadotta miżuri restrittivi, u fid-dawl tan-natura preventiva tagħhom, jekk il-qorti tal-Unjoni tqis li, mill-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija hija suffiċjentement preċiża u konkreta, li hija sostnuta u li minnha nnifisha tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex issostni din id-deċiżjoni, il-fatt li ma jistax jingħad l-istess dwar raġunijiet oħra minn dawn ir-raġunijiet ma jistax jiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni (sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 186). |
|
201 |
Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrent intiżi li jikkontestaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi abbażi tal-kriterju (d), hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2024. |
|
202 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
3. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
203 |
Ir-rikorrent iqis li l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE. Fil-fehma tiegħu, peress li isem Alfa Bank ġie inkluż fil-listi kontenzjużi permezz tal-atti tat‑13 ta’ Marzu 2023 imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, ma huwiex xieraq li jinżammu l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Huwa jikkunsidra li, peress li huwa qatt ma mexxa l-imsemmija kumpannija suġġetta għal miżuri restrittivi, huwa ma jirrisjedix fir-Russja u ma huwiex persuna taxxabbli f’dan il-pajjiż, iż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi ma tistax tilħaq l-għanijiet imfittxija, jiġifieri li tiġi eżerċitata pressjoni fuq il-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet. Huwa jqis ukoll li, peress li ma għadux azzjonist ta’ kumpanniji u ma jokkupa l-ebda pożizzjoni ta’ ġestjoni jew ta’ tmexxija f’ebda waħda minnhom, huwa ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza fuqhom. |
|
204 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li d-derogi li abbażi tagħhom huwa possibbli li jintalab ir-rilaxx ta’ ċerti fondi sabiex ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti bżonnijiet essenzjali ma humiex effikaċi, fid-dawl tal-ostakoli li huwa jiltaqa’ magħhom fil-kuntest tal-implimentazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali u fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi mill-istituzzjonijiet finanzjarji. |
|
205 |
Minbarra dan, ir-rikorrent iqis li, fid-dawl tal-pjanijiet tal-Kummissjoni intiżi għall-adozzjoni ta’ regoli li jippermettu l-konfiska u l-qbid tal-beni ffriżati, il-miżuri restrittivi ma jistgħux jibqgħu jitqiesu li ma humiex ta’ natura temporanja, kawtelatorja u preventiva. |
|
206 |
Ir-rikorrent jikkritika wkoll lill-Kunsill talli ma wettaqx bilanċ tal-impatt tal-miżuri restrittivi sabiex jiddetermina jekk dawn kinux effettivament ikkontribwixxew sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Huwa jqis li l-għanijiet tal-miżuri restrittivi ma ntlaħqux f’dan il-każ peress li l-gwerra ntilfet. |
|
207 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. |
|
208 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa inkluż fl-Artikolu 5(4) TUE, jeżiġi li l-miżuri implimentati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jippermettu li jinkisbu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 122, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 133). |
|
209 |
F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tispeċifika li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li min-naħa ta’ dan tal-aħħar jinvolvu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għaldaqstant, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, fir-rigward tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
210 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni, ta’ natura li jiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150). Fil-fatt, huma intiżi li jeżerċitaw pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet tagħhom u l-politiki tagħhom ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. B’mod partikolari, permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi intiżi għan-negozjanti influwenti li jeżerċitaw attività fir-Russja kif ukoll għan-negozjanti li jeżerċitaw attivitajiet f’setturi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, il-Kunsill għandu l-intenzjoni, minn naħa, li juża l-influwenza li dawn il-persuni jistgħu jeżerċitaw fuq ir-reġim Russu billi jwassalhom sabiex jagħmlu pressjoni fuq dan il-gvern sabiex jibdel il-politika tiegħu u, min-naħa l-oħra, li jżid l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Għalhekk, jidher li l-Unjoni għandha l-għan li tnaqqas id-dħul tal-Istat Russu u li tqiegħed pressjoni fuq il-Gvern Russu, sabiex tnaqqas il-kapaċità tiegħu li jiffinanzja l-azzjonijiet tal-Istat Russu li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, u sabiex itemmuhom bil-ħsieb li tiġi ppreżervata l-istabbiltà Ewropea u dik globali. Issa, dan huwa għan li jaqa’ taħt dawk segwiti fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u msemmija fl-Artikolu 21(2)(c) TUE, bħaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali. |
|
211 |
Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tar-rikorrent ma humiex manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li isem Alfa Bank ġie miżjud fil-listi kontenzjużi. Fil-fatt, peress li r-rikorrent jaqa’ taħt l-ewwel u t-tielet parti tal-kriterju (g) emendat, is-sempliċi fatt li entità li magħha huwa marbut tkun ukoll milquta minn miżuri restrittivi ma huwiex ta’ natura li jirrendi l-miżuri li jirrigwardawh manifestament inadegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija peress li l-fondi personali tiegħu ma jistgħux jiġu konfużi mal-fondi tal-imsemmija kumpannija. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-konsorzju Alfa Group ma huwiex limitat għal din il-kumpannija, iżda jinkludi wkoll AlfaStrakhovanie, X5 Retail Group, A1 u Rosvodokanal. |
|
212 |
Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li miżuri alternattivi u inqas restrittivi, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu tal-fondi mħallsa, ma jippermettux li jintlaħqu b’mod daqstant effettiv l-għanijiet imfittxija, imfakkra fil-punt 210 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
213 |
F’dan ir-rigward, sa fejn ir-rikorrent isostni li l-inklużjoni ta’ isem Alfa Bank fil-listi kontenzjużi tista’ tikkostitwixxi miżura alternattiva inqas restrittiva li tista’ tilħaq b’mod daqstant effikaċi l-għanijiet imfittxija, tali argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-patrimonju tar-rikorrent huwa differenti minn dak tal-imsemmija kumpannija u ma huwiex limitat biss għall-attiv miżmum minn din l-istituzzjoni finanzjarja. |
|
214 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi jikkostitwixxu restrizzjonijiet temporanji u riversibbli u li huma previsti possibbiltajiet ta’ derogi. |
|
215 |
Ir-rikorrent ma jistax jikkontesta din il-konstatazzjoni billi jsostni li għandu diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 2(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, u fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jistħarrġu l-validità tal-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, Branco vs Il‑Kummissjoni, T‑271/94, EU:T:1996:103, punt 53, u tal‑14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 268). Għalhekk, fil-każ li l-qrati nazzjonali jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-derogi msemmija iktar ’il fuq, huma għandhom il-possibbiltà li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim bejn ir-rikorrent u l-istituzzjonijiet finanzjarji li ma jqegħdux għad-dispożizzjoni tiegħu fondi minkejja li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti. |
|
216 |
In-natura temporanja u riversibbli tal-miżuri restrittivi lanqas ma hija kkontestata mill-pjan tal-Kummissjoni li jiġu kkonfiskati l-assi ffriżati. Fil-fatt, kif jirrileva l-Kunsill, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023 u ta’ Marzu 2024 ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġu kkonfiskati l-fondi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi fl-assenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi “miżuri xierqa” ta’ konfiska tar-rikavat mill-ksur tal-imsemmi regolament. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill ħalla marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni, tan-natura u tal-portata ta’ din il-konfiska (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Timchenko u Timchenko vs Il‑Kunsill, T‑644/22, taħt appell, EU:T:2024:621, punt 104). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jallegax li l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu kienu jinvolvu l-konfiska tal-fondi tiegħu. Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-imsemmija miżuri ma għandhomx natura temporanja u riversibbli. |
|
217 |
Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, l-inkonvenjenzi kkawżati lir-rikorrent ma humiex manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-importanza tal-għanijiet imfittxija mill-atti kkontestati. |
|
218 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-Kunsill ma wettaqx bilanċ tal-impatt tal-miżuri restrittivi u li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, peress li l-gwerra ntilfet, iż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu ma kinitx għadha ġġustifikata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2023/1767 u mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2024/847, f’dak il-mument, il-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina kienet għadha għaddejja, u b’hekk iġġustifikat l-estensjoni tal-miżuri restrittivi għal perijodu ta’ sitt xhur. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, is-sitwazzjoni personali tiegħu ġiet eżaminata mill-ġdid perijodikament, u dan wassal lill-Kunsill sabiex iżomm il-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu. Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, il-Kunsill stabbilixxa b’mod validu li r-rikorrent kien jaqa’ taħt il-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-ewwel u fit-tielet parti tal-kriterju (g) emendat. |
|
219 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi miċħud. |
|
220 |
Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
V. Fuq l-ispejjeż
|
221 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Mastroianni Brkan Gâlea Tóth Kalėda Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Lulju 2025. Firem |
Werrej
|
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
|
II. Il-fatti li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors |
|
|
III. It-talbiet tal-partijiet |
|
|
IV. Id-dritt |
|
|
A. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent |
|
|
B. Fuq il-mertu |
|
|
1. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva |
|
|
a) Fuq l-atti ta’ Settembru 2023 |
|
|
b) Fuq l-atti ta’ Marzu 2024 |
|
|
2. Fuq l‑ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni |
|
|
a) Kunsiderazzjonijiet preliminari |
|
|
b) Fuq l-atti ta’ Settembru 2023 |
|
|
1) Fuq l-affidabbiltà tal-provi |
|
|
2) Fuq l-applikazzjoni għar-rikorrent tal-ewwel u tat-tielet parti tal-kriterju (g) emendat |
|
|
c) Fuq l-atti ta’ Marzu 2024 |
|
|
3. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità |
|
|
V. Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( 1 ) Informazzjoni kunfidenzjali ommessa.
( 2 ) Informazzjoni kunfidenzjali ommessa.