Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)
17 ta’ Diċembru 2025 (*)
“Dritt istituzzjonali – Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew – Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament – Modifika tal-iskema ta’ pensjoni komplementari volontarja – Nota ta’ ffissar tad-drittijiet tal-pensjoni komplementari volontarja – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Drittijiet kweżiti – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Id-dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Indipendenza parlamentari – Ugwaljanza fit-trattament – Talba għall-irtirar tad-dokumenti tal-fajl”
Fil-Kawżi magħquda T‑620/23 sa T‑1023/23,
Enrique Barón Crespo, residenti f’Madrid (Spanja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn J. Martínez Gimeno, X. Codina García-Andrade, F. Díaz-Grande Rojo u S. Fernández Tourné, avukati,
rikorrenti
vs
Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Görlitz, M. Ecker, J.-C. Puffer u C. Burgos, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn A. Marcoulli (Relatriċi), Presidenta, J. Schwarcz, L. Madise, W. Valasidis u L. Spangsberg Grønfeldt, Imħallfin,
Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari
id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2023 li tgħaqqad il-Kawżi T‑620/23 sa T‑1023/23 għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza,
wara s-seduta tad‑19 ta’ Ġunju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Enrique Barón Crespo u l-persuni fiżiċi l-oħra li isimhom jidher fl-anness, jitolbu l-annullament tal-ewwel att ta’ likwidazzjoni tal-pensjoni li jibbenefikaw minnha taħt l-iskema ta’ pensjoni komplementari volontarja tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem is-“SPKV”), li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat‑12 ta’ Ġunju 2023 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2023, C 227, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑2023”), kif ukoll tal-atti ta’ likwidazzjoni sussegwenti.
I. Il-fatti li wasslu għall-kawżi
2 Ir-rikorrenti huma ex Membri tal-Parlament li ssieħbu u kkontribwixxew mas-SPKV jew l-aventi kawża tagħhom. Huma bdew jirċievu l-pensjoni tagħhom dovuta skont is-SPKV qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2023.
3 L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2023 daħħal paragrafu 1a ġdid fl-Artikolu 76 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, adottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad‑19 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Lulju 2008 (ĠU 2009, C 159, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut”), applikabbli mill‑1 ta’ Lulju 2023, li jipprovdi dan li ġej:
“Għall-pensjonijiet li jsiru pagabbli lil ex Membri jew lil benefiċjarji oħra skont l-Artikoli 1, 3 u 4 tal-Anness VII tar-Regoli [dwar l-ispejjeż u allowances tal-Membri tal-Parlament] qabel l‑1 ta’ Lulju 2023, l-ammonti dovuti minn dak il-jum għandhom jitnaqqsu u jiġu aġġustati kif ġej:
(a) l-ammont tal-pensjoni skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness VII tar-Regoli [dwar l-ispejjeż u allowances tal-Membri tal-Parlament] u l-ammonti tal-pensjonijiet massimi u minimi f’konformità mal-Artikolu 2(2) ta’ dak l-Anness għandhom jitnaqqsu b’50 %;
(b) is-salarju bażiku ta’ Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[,] fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2) tal-Anness VII tar-Regoli [dwar l-ispejjeż u allowances tal-Membri tal-Parlament] għandu jkun is-salarju bażiku fit‑30 ta’ Ġunju 2023 u ma għandux jiġi aġġornat wara dik id-data”.
4 Il-Parlament bagħat lil kull wieħed mir-rikorrenti l-ewwel att ta’ likwidazzjoni tal-pensjoni dovuta lilhom skont is-SPKV li japplika d-dispożizzjoni hekk emendata tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew imsemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, u sussegwentement atti ta’ likwidazzjoni sussegwenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).
II. It-talbiet tal-partijiet
5 Fl-aħħar stadju tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;
– tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
6 Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
III. Id-dritt
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar is-SPKV
7 Sakemm ġiet stabbilita skema ta’ pensjoni uniformi għall-Membri kollha, il-pensjonijiet kienu rregolati mir-Regoli dwar l-ispejjeż u allowances tal-Membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem ir-“Regoli PEAM”). Il-Membri kienu jibbenefikaw minn pensjoni mħallsa mill-Istat Membru li għalih kienu ġew eletti. Madankollu, skont l-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, jekk l-iskema nazzjonali ma tipprevedix għal pensjoni jew jekk il-livell jew il-modalitajiet tal-pensjoni prevista ma kinux identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali tal-Istat Membru li għalih kien ġie elett il-Membru, dan tal-aħħar seta’ jikseb pensjoni tal-irtirar jew suppliment ta’ pensjoni tal-irtirar imħallsa mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, li l-livell u l-modalitajiet tiegħu kienu identiċi għal dawk tal-pensjoni rċevuta mill-membri tal-kamra inferjuri ta’ dan l-Istat.
8 Irrispettivament mill-pensjoni deskritta fil-punt 7 iktar ’il fuq, u minħabba differenzi kbar fl-iskemi nazzjonali ta’ pensjoni, ġiet stabbilita skema ta’ pensjoni komplementari provviżorja, miftuħa għall-Membri kollha, skont kundizzjonijiet iddeterminati. B’hekk, fit‑12 ta’ Ġunju 1990, il-Bureau tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Bureau”) adotta r-regoli li jikkonċernaw is-SPKV, peress li dawn tal-aħħar jaqgħu, fl-aħħar mill-aħħar, fl-Anness VII tar-Regoli PEAM. Skont l-Artikolu 1 ta’ dan l-anness, l-għan tas-SPKV kien li jiggarantixxi, għal dawk li għażlu li jipparteċipaw fiha, u fl-istennija tal-adozzjoni ta’ statut uniku, pensjoni komplementari għall-ħajja. Il-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u tal-ammont tal-pensjonijiet kienet tammonta għal 40 % tas-salarju ta’ Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-SPKV kienet iffinanzjata għal terz minn kontribuzzjonijiet mill-Membri affiljati u żewġ terzi mill-Parlament. Hija kienet issegwi mudell ta’ rtirar b’kapitalizzazzjoni, ibbażata, fil-bidu, fuq bilanċ attwarjali li jimplika b’mod partikolari li l-kontribuzzjoni annwali ta’ Membru tikkorrispondi għal terz tad-drittijiet għall-pensjoni kweżita fl-istess sena, fejn il-kontribuzzjoni annwali tal-Parlament tkopri ż-żewġ terzi li jifdal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament, T‑439/09, EU:T:2011:600, punt 45).
9 Il-Kwesturi tal-Parlament ħolqu fond ta’ pensjoni komplementari msejjaħ “Fond ta’ pensjoni — Membri tal-Parlament Ewropew”, fil-forma ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru (iktar ’il quddiem il-“Fond”). Dan il-Fond kien inkarigat li jirċievi l-kontribuzzjonijiet mill-Membri u mill-Parlament, li jamministra dawn l-assi u li jħallas il-pensjonijiet komplementari. Matul ix-xahar ta’ Marzu 1994, il-Fond innifsu ħoloq kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli (KIKAV) irregolata mid-dritt Lussemburgiż, imsejħa “Fond ta’ pensjoni – Membri tal-Parlament Ewropew, Kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli”, li kellha l-investimenti tal-Fond.
10 L-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew ġie adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat‑28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2005/684/KE, Euratom) (ĠU 2005, L 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Istatut”), daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Lulju 2009, jiġifieri fl-ewwel jum tas-seba’ leġiżlatura. Dan l-Istatut stabbilixxa skema ta’ pensjoni definittiva għall-Membri. Bħala miżuri provviżorji, huwa previst b’mod partikolari, fl-Artikolu 27(1) tal-Istatut, li l-Fond stabbilit mill-Parlament jinżamm wara l‑14 ta’ Lulju 2009 għall-Membri jew għall-ex Membri li kisbu jew li kienu fil-proċess li jakkwistaw drittijiet f’dan il-Fond. Skont l-Artikolu 27(2) tal-Istatut, id-drittijiet kweżiti jew drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom u l-Parlament jista’ jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta’ drittijiet jew jeddijiet ġodda. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 27(3) u (4) tal-imsemmi statut, il-Membri diġà affiljati mas-SPKV ma jistgħux jibqgħu, ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni (ara l-punt 11 iktar ’il quddiem), jakkwistaw drittijiet ġodda f’dan il-Fond u l-Membri li jkunu għadhom kif ġew eletti mill‑2009 ma jistgħux jaderixxu miegħu.
11 Skont l-Artikoli 73 u 74 tagħhom, il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut daħlu fis-seħħ fl‑14 ta’ Lulju 2009 u, f’din l-istess data, u bla ħsara għal dispożizzjonijiet tranżitorji, ir-Regoli PEAM skadew. Skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji, l-Artikolu 76 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut, jipprovdi dan li ġej:
“1. Il-pensjoni addizzjonali tal-età (volontarja) mħallsa skont l-Anness VII tar-Regoli PEAM għandha tkompli titħallas, skont dak l-Anness, lill-persuni li kienu jirċievu dik il-pensjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut.
2. Id-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness VII imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Dawn għandhom jiġu osservati skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-anness.
3. Jistgħu jibqgħu jiksbu d-drittijiet il-ġodda wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut, u bi qbil mal-Anness VII imsemmi hawn fuq, il-Membri parlamentari eletti fl‑2009 li:
a) kienu Membri parlamentari taħt leġiżlatura preċedenti; u
b) u li jkunu diġà kisbu jew kienu qed jiksbu d-drittijiet fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali; u
c) li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru fejn ġew eletti diġà adotta deroga skont l-Artikolu 29 tal-Istatut, jew li, skont l-Artikolu 25 tal-Istatut, għażlu skema nazzjonali; u
d) mhumiex intitolati għal pensjoni nazzjonali jew Ewropea minħabba t-twettiq tal-mandat tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.
4. Il-Membri għandhom iħallsu l-kontributi tagħhom fil-[F]ond [...] mid-dħul personali tagħhom.”
12 Għalhekk, id-dħul fis-seħħ tal-Istatut u tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tiegħu temm il-finanzjament tal-Fond permezz ta’ kontribuzzjonijiet, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 76(3) tal-imsemmija miżuri.
13 Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-SPKV ġew emendati diversi drabi sabiex jitqiesu d-diffikultajiet finanzjarji tal-Fond, li aggravaw bl-effett tal-kriżi finanzjarja 2007/2008 u l-waqfien, ħlief għal xi eċċezzjoni, tal-finanzjament ta’ dan il-Fond wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut u tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).
14 Għalhekk, ir-rata ta’ kontribuzzjoni tal-Membri ġiet irrilevata diversi drabi, kontribuzzjoni eċċezzjonali sabiex jiġi kopert id-defiċit tal-Fond inġabret mingħand il-kontribwenti u mill-Parlament bejn l‑1996 u l‑1998, l-età meħtieġa sabiex wieħed jirċievi l-pensjoni komplementari ġiet miżjuda, il-possibbiltà ta’ rtirar antiċipat fl-età ta’ 50 sena tħassret fl‑2009, kif ukoll il-possibbiltà li jinkiseb ħlas tal-pensjoni fil-forma ta’ kapital, u ġie stabbilit ġbir ta’ 5 % fuq il-pagamenti kollha ta’ pensjoni, fir-rigward tal-pensjonijiet dovuti mill‑1 ta’ Jannar 2019.
15 B’mod partikolari, permezz tad-Deċiżjoni tal‑2023, il-Parlament żied l-età tal-irtirar minn 65 għal 67 sena u naqqas bin-nofs mhux biss l-ammont tal-pensjonijiet komplementari dovuti mill‑1 ta’ Lulju 2023, iżda wkoll dak tal-pensjonijiet dovuti qabel din id-data, fir-rigward tal-ammonti dovuti minn din id-data. Għalhekk, huwa ddeċieda li jnaqqas bin-nofs l-ammonti dovuti skont is-SPKV imħallsa mill‑1 ta’ Lulju 2023, li l-benefiċjarji jkunu kisbu d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom qabel jew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2023. Id-Deċiżjoni tal‑2023 ħassret ukoll l-aġġornament tal-ammont tal-pensjonijiet, li kien sar fid-dawl tas-salarju bażiku ta’ Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
16 Id-Deċiżjoni tal‑2023 tiġġustifika l-miżuri b’saħħithom hekk adottati mis-sitwazzjoni “estremament delikata” tal-Fond, jiġifieri assi li, fl-aħħar tal‑2022, jammontaw għal EUR 52.8 miljun meta l-ammont annwali tal-pensjonijiet li għandhom jitħallsu għandu jkun bejn EUR 22 miljun u EUR 23 miljun sal‑2030. Hija tipprovdi li l-assi tal-Fond jistgħu jiġu eżawriti sa mill‑2024 u ma jonqsux milli jiġu eżawriti fl‑2025 b’defiċit attwarjali mhux iffinanzjat ta’ madwar EUR 310 miljun. Skont id-Deċiżjoni tal‑2023, il-miżuri adottati huma intiżi li jissalvagwardjaw il-Fond għal żmien qasir, peress li t-tul ta’ ħajja tiegħu ġie estiż sal‑2027, u sabiex jipproteġu lill-kontribwent Ewropew, peress li d-defiċit tal-Fond tnaqqas għal EUR 86 miljun.
B. Fuq it-talba tal-Parlament għall-irtirar ta’ żewġ dokumenti mill-fajls
17 Il-Parlament jitlob li ż-żewġ opinjonijiet maħruġa mis-servizz legali tiegħu, prodotti bħala annessi mar-rikorsi, jitneħħew mill-fajls. Huwa jsostni li dawn huma dokumenti interni kunfidenzjali li huwa ma awtorizzax l-iżvelar tagħhom.
18 Ir-rikorrenti jopponu t-talba tal-Parlament. Huma jsostnu li ż-żewġ opinjonijiet tas-servizz legali tal-Parlament hekk prodotti huma partikolarment ċari. Huma jżidu jgħidu li, fir-rigward tal-Opinjoni tal‑2005, din tifforma parti integrali mir-rapport tal-bord tad-diretturi tal-Fond li ntbagħat lill-Bureau u, fir-rigward tal-Opinjoni tal‑2018, il-Membri tal-Parlament għandhom id-dritt li jikkonsultaw kull fajl fil-pussess tal-Parlament jew ta’ kumitat u l-konsultazzjoni ta’ din l-opinjoni ma ġietx irrifjutata lilhom.
19 Preliminarjament, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett innifsu ta’ “smigħ xieraq”, iggarantit b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jimplika l-obbligu li lil kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tressaq il-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett fil-konfront tal-avversarju tagħha. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju applikabbli fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ prova prodotta fil-ħin tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni abbażi biss tal-fatt li din il-prova tkun inkisbet irregolarment (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u l‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 128 u 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Fil-preżenza ta’ provi prodotti b’mod irregolari minn parti, bħal dokumenti interni msemmija mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), għandu jingħata piż għall-interessi tal-partijiet rispettivi fil-proċedura marbuta mad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi protetti mir-regoli miksura jew evitati meta jinkisbu tali provi. Il-qorti tal-Unjoni għandha għalhekk issib bilanċ bejn, minn naħa, l-interessi tar-rikorrent li jkun ipproduċa dawn il-provi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-utilità tagħhom sabiex jiġu evalwati l-merti tar-rikors ippreżentat quddiemha, u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-parti avversarja li għalihom iż-żamma fil-fajl tal-imsemmija provi tista’ konkretament u effettivament tippreġudika (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u l‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 130 u 131).
21 Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jmur kontra l-interess pubbliku li jitlob li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom, mogħtija b’indipendenza sħiħa, jekk jiġi aċċettat li l-produzzjoni ta’ tali dokumenti interni tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-qorti tal-Unjoni mingħajr ma din il-produzzjoni tkun ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kkonċernata jew ordnata minn din il-qorti. Fil-fatt, permezz tal-produzzjoni mhux awtorizzata ta’ tali opinjoni legali, ir-rikorrent jikkonfronta l-istituzzjoni kkonċernata, fil-proċedura dwar il-validità ta’ att ikkontestat, rigward opinjoni mogħtija mis-servizz legali tagħha stess waqt it-tfassil ta’ dan l-att. Issa, bħala prinċipju, il-fatt li jiġi ammess li dan ir-rikorrent jista’ jdaħħal fil-fajl opinjoni legali ta’ istituzzjoni li l-iżvelar tagħha ma kienx ġie awtorizzat minn din tal-aħħar imur kontra r-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u l‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 136 u 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Madankollu, ġie deċiż li, b’mod eċċezzjonali, il-prinċipju ta’ trasparenza seta’ jiġġustifika żvelar fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ dokument ta’ istituzzjoni li ma kienx sar aċċessibbli għall-pubbliku u li kien jinkludi opinjoni legali, meta din l-opinjoni kienet tirrigwarda proċedura leġiżlattiva li għaliha kienet meħtieġa trasparenza ikbar (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u l‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 F’dan il-każ, l-ewwel nett, iż-żewġ dokumenti inkwistjoni huma opinjonijiet mogħtija mis-servizz legali tal-Parlament. L-opinjoni tal‑15 ta’ Frar 2005, indirizzata lill-President fil-kariga tal-kwesturi responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-Membri tal-Parlament, hija relatata mas-setgħat tal-Bureau li jemenda r-Regoli PEAM. In-nota legali tat‑3 ta’ Diċembru 2018 tirrigwarda x-xoljiment possibbli tal-Fond. L-intestatura ta’ dawn id-dokumenti tindika li dawn huma opinjonijiet legali kunfidenzjali. Għaldaqstant, id-dokumenti inkwistjoni huma mingħajr dubju opinjonijiet legali fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
24 It-tieni nett, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma talbux lill-Parlament l-awtorizzazzjoni sabiex jipproduċu l-opinjonijiet legali inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li din tal-aħħar ma ordnatx il-produzzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi u li l-Parlament ma żvelahomx fil-kuntest ta’ talba għal aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, konformement mar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti ġew prodotti b’mod irregolari. F’dan ir-rigward, id-dritt, mogħti lill-Membri tal-Parlament mir-regolament intern ta’ din l-istituzzjoni, li jikkonsultaw kull fajl fil-pussess tagħha ma huwiex ta’ natura li jagħtihom id-dritt li jipproduċu quddiem qorti, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Parlament, dokument kunfidenzjali. Bl-istess mod, iċ-ċirkustanzi, invokati mir-rikorrenti, li l-Opinjoni legali tal‑15 ta’ Frar 2005 ġiet parzjalment riprodotta f’diversi dokumenti interni tal-Parlament u li tikkostitwixxi anness għar-rapport tal-bord tad-diretturi tal-Fond intiż għall-Bureau ma għandhomx effett fuq il-fatt li l-Parlament ma tax il-kunsens tiegħu għall-iżvelar tal-imsemmi opinjoni lir-rikorrenti.
25 It-tielet nett, l-opinjonijiet legali inkwistjoni, minkejja li joriġinaw mill-Parlament, ma jirrigwardawx proċess leġiżlattiv, iżda jirrigwardaw l-iskema tal-Fond, li ma hijiex irregolata mill-Parlament bħala leġiżlatur.
26 F’tali ċirkustanzi, iż-żamma fil-fajls tal-opinjonijiet legali inkwistjoni tippreġudika d-dritt tal-Parlament għal smigħ xieraq u l-interess tiegħu li jirċievi opinjonijiet sinċieri, oġġettivi u kompleti. Barra minn hekk, l-uniku interess tar-rikorrenti, kemm jista’ jkun leġittimu, li jsostnu l-argument tagħhom bl-għajnuna ta’ dawn l-opinjonijiet ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika tali preġudizzju għad-drittijiet u għall-interessi tal-Parlament, iktar u iktar peress li l-fondatezza ta’ dan l-argument u, konsegwentement, il-possibbiltà li jirbħu l-kawża ma jiddependux mill-produzzjoni ta’ dawn l-opinjonijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, l-ibbilanċjar tal-interessi, imfakkar fil-punt 20 iktar ’il fuq, ixaqleb favur il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tal-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u l‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Għaldaqstant, hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-Parlament intiża għall-irtirar tal-fajls tal-Opinjonijiet legali tal‑15 ta’ Frar 2005 u tat‑3 ta’ Diċembru 2018. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ dokumenti ma humiex ser jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.
C. Fuq it-talba ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura
28 Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiżi għall-komunikazzjoni mill-Parlament, l-ewwel nett, tal-fajl komplet tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2023, inklużi r-rapporti relatati kif ukoll il-minuti tal-laqgħat kollha relatati, it-tieni nett, tar-rapporti tekniċi u attwarjali kollha tal-Parlament relatati mas-SPKV li ma jinsabux diġà fil-fajls u, it-tielet nett, tal-ispiża finanzjarja u attwarjali stmata tas-SPKV, sa mid-dħul fis-seħħ tagħha, kif ukoll tal-ispiża tal-baġit annwali tagħha.
29 Il-Qorti Ġenerali adottat miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, abbażi tal-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, sabiex titlob lill-Parlament jipproduċi l-minuti tal-laqgħat tal-Bureau tas‑17 ta’ April u tat‑22 ta’ Mejju 2023, li jissemmew fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni tal‑2023, kif ukoll in-noti tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tat‑12 ta’ April u tat‑12 ta’ Mejju 2023 u l-annessi tagħhom, li jissemmew fl-imsemmija minuti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni fid-dawl tad-dokumenti mibgħuta mill-Parlament, ma hemmx lok li tiġi ordnata l-komunikazzjoni tal-elementi u tad-dokumenti l-oħra mitluba mir-rikorrenti.
D. Fuq il-mertu
30 Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma illegali, minħabba li huma bbażati fuq id-Deċiżjoni tal‑2023, li hija wkoll illegali sa fejn din tipprevedi t-tnaqqis ta’ nofs l-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV kif ukoll it-tneħħija tal-aġġornament ta’ dan l-ammont (iktar ’il quddiem iż-“żewġ miżuri inkwistjoni”).
31 Il-motiv uniku tar-rikorrenti bbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni tal‑2023 huwa kompost minn ħames partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-ksur tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut u tar-regolament intern tal-Parlament, it-tieni waħda, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti, it-tielet waħda, fuq il-ksur tal-essenzjal tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipji ta’ garanzija tal-indipendenza parlamentari u ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-raba’ waħda, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, il-ħames waħda, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
32 Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa rilevanti li jinġabru flimkien mhux biss it-tieni u l-ħames partijiet, iżda wkoll it-tielet u r-raba’ partijiet sa fejn dawn tal-aħħar huma bbażati, minn naħa, fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ garanzija tal-indipendenza parlamentari u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni tal‑2023 minħabba li din tikser l-Artikolu 27(2) tal-Istatut u r-regolament intern tal-Parlament
33 Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni tal‑2023 hija illegali minħabba li taffettwa d-drittijiet għall-pensjoni diġà kweżiti taħt is-SPKV bi ksur tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut. Huma jsostnu li din id-dispożizzjoni ġiet ikkonċepita bħala klawżola ta’ “għeluq” jew ta’ “salvagwardja” li, bħala prinċipju, tipprekludi l-emenda tad-drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jinkisbu skont is-SPKV, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut, b’kuntrast mad-drittijiet tal-Membri li kienu għadhom jikkontribwixxu għas-SPKV, li setgħu jiġu emendati. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-dikjarazzjonijiet fuq l-unur stabbiliti mill-awturi ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-Artikolu 76 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut. Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut, mogħtija mill-ġurisprudenza, li, fi kwalunkwe każ, ma hijiex applikabbli għal dawn il-kawżi peress li huma kienu kisbu d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom skont is-SPKV qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2023. Minn dan huma jikkonkludu li, billi adotta din id-deċiżjoni, il-Bureau eċċeda l-kompetenzi tiegħu, kif jirriżultaw mill-Artikolu 25(2) tar-regolament intern tal-Parlament, u li tali assenjazzjoni tad-drittijiet kweżiti skont is-SPKV setgħet issir biss permezz ta’ emenda tal-Istatut.
34 Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
35 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 27 tal-Istatut, li jinsab taħt it-Titolu II intitolat “Dispożizzjonijiet Tranżitorji”, jipprovdi dan li ġej:
“1. Il-fond għall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Istatut għall-Membri jew ex-Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f’dak il-fond.
2. Drittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom. Il-Parlament jista’ jistabilixxi kriterji u kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta’ drittijiet jew jeddijiet ġodda.
3. Il-Membri li jirċievu salarju [stabbilit mill-Istatut] ma jistgħu jiksbu l-ebda drittijiet jew jeddijiet futuri ġodda fuq il-fond għall-pensjoni volontarja.
4. Il-fond m’għandux ikun miftuħ għal Membri li jiġu eletti għall-ewwel darba fil-Parlament wara li dan l-Istatut isir applikabbli.”
36 Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut tipprekludi t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-ex Membri li kienu kisbu d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom qabel id-Deċiżjoni tal‑2023.
37 Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li dritt jitqies li huwa kweżit meta l-fatt taxxabbli tiegħu ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jirċievi pensjoni tal-irtirar, dan jinkiseb, bħala prinċipju, fil-mument meta jseħħ il-fatt taxxabbli ta’ dan id-dritt, jiġifieri fil-mument meta l-pensjoni ssir dovuta (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punti 124 u 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 F’dan il-każ, huwa paċifiku li, peress li l-pensjoni tar-rikorrenti kienet dovuta qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2023, huma kienu jibbenefikaw kollha minn drittijiet kweżiti għall-pensjoni.
39 Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll li ma jeżistix, fid-dritt tal-Unjoni, prinċipju li jgħid li d-drittijiet kweżiti, u wisq inqas id-drittijiet li kienu fil-proċess li jiġu kweżiti, fl-ebda każ ma jistgħu jiġu emendati jew imnaqqsa. Huwa għalhekk possibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġu emendati tali drittijiet, wara bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punt 89).
40 Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni letterali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut ma twassalx neċessarjament għall-konklużjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li “jiffriża” l-ammont tal-pensjoni li ex Membru seta’ jitlob (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punt 91). Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut, għandu jitfakkar li dan jinsab fost id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-imsemmi Statut. Previst fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dan l-artikolu jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi r-relazzjoni bejn l-iskema tal-pensjoni statutorja unika għall-Membri tal-Parlament u l-iskemi nazzjonali kif ukoll is-SPKV, filwaqt li jiżgura t-tranżizzjoni lejn is-sistema stabbilita mill-Istatut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Ashworth et vs Il‑Parlament, T‑720/19 sa T‑725/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:580, punt 79). Fir-rigward tal-għan ta’ dan l-artikolu, ġie deċiż li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni kien li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tas-SPKV, billi jżomm il-benefiċċju tiegħu għall-Membri tal-Parlament li kienu diġà affiljati miegħu, b’differenza mill-Membri tal-Parlament eletti għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut, li ma setgħux jibqgħu jaderixxu miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punti 91 u 92). Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 27(2) tal-Istatut ma tistax tiġi dedotta r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiffissa l-kundizzjonijiet materjali tas-SPKV, b’mod partikolari li jipprojbixxi kull emenda tal-modalitajiet ta’ din l-iskema għall-futur, inklużi dawk li għandhom effett fuq l-ammont tal-pensjoni li ex Membru jista’ jitlob (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punti 91 u 93).
41 Minn dan isegwi li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet dovuti lir-rikorrenti skont is-SPKV. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li l-Bureau eċċeda l-kompetenzi tiegħu meta adotta d-Deċiżjoni tal‑2023 minħabba li din tikser id-dispożizzjonijiet tal-Istatut.
42 L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkontestata din il-konklużjoni.
43 Għalhekk, l-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt li, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi msemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, il-persuni kkonċernati ma kellhomx drittijiet kweżiti għall-pensjoni, iżda biss drittijiet għall-pensjoni li kienu fil-proċess li jiġu kweżiti, ma jaffettwax l-applikazzjoni, f’dawn il-kawżi, tal-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut mogħtija mill-Qorti Ġenerali u kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tittratta b’mod identiku d-drittijiet kweżiti u d-drittijiet li kienu fil-proċess li jiġu kweżiti, li hija tiddistingwi mid-drittijiet il-ġodda msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-imsemmi statut. Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni mogħtija mill-qrati tal-Unjoni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-istess Statut għandha l-għan li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tas-SPKV u mhux li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet materjali tapplika kemm fir-rigward tal-Membri li għandhom drittijiet kweżiti kif ukoll fir-rigward ta’ dawk li għandhom biss drittijiet fil-proċess li jiġu kweżiti.
44 It-tieni nett, l-Artikolu 76(1) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut fil-verżjoni inizjali tagħhom (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), li jipprovdi li “il-pensjoni [dovuta skont is-SPKV] tkompli titħallas [...]”, ma tistax tiġi interpretata bħala li tiffriża l-ammont tal-pensjoni. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV. Dawn il-kundizzjonijiet għalhekk jaqgħu taħt il-kompetenza ġenerali tal-Bureau skont l-Artikolu 25(3) tar-regolament intern tal-Parlament u jistgħu għalhekk jiġu emendati minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punti 73 u 74).
45 It-tielet nett, ir-rikorrenti jinvokaw dikjarazzjonijiet fuq l-unur stabbiliti minn ex Membri li pparteċipaw fin-negozjati u fl-adozzjoni tal-Istatut u tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tiegħu. Huma jsostnu li dawn id-dikjarazzjonijiet juru l-interpretazzjoni awtentika tal-Artikolu 27 tal-Istatut u tal-Artikolu 76 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tiegħu, fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jiggarantixxu ż-żamma tal-ammont tal-pensjonijiet irċevuti jew li għandhom jiġu rċevuti. Ir-rikorrenti jżidu jgħidu li l-maġġoranza l-kbira tal-Membri tal-Parlament li vvutaw favur l-Istatut kienu affiljati mas-SPKV u li, fin-nuqqas ta’ tali garanzija, huma ma kinux jadottawh.
46 Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Parlament, li, fin-nuqqas ta’ xogħlijiet preparatorji li jesprimu b’mod ċar l-intenzjoni tal-awturi ta’ dispożizzjoni, il-qorti tal-Unjoni tista’ tibbaża ruħha biss fuq il-portata tat-test kif ġie stabbilit u tagħtih is-sens li jirriżulta mill-interpretazzjoni letterali u loġika tiegħu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Violetti et, T‑261/09 P, EU:T:2010:215, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet fuq l-unur prodotti mir-rikorrenti sostanzjalment sempliċement ifakkru li l-Artikolu 27 tal-Istatut kif ukoll l-Artikolu 76 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tiegħu kienu ġew ikkonċepiti bħala garanzija tar-rispett tad-drittijiet kweżiti tal-affiljati tas-SPKV jew garanzija tad-dritt li wieħed jirċievi pensjoni, inkluż wara l-eżawriment tal-Fond, f’kuntest fejn dan il-Fond ma jibqax sostanzjalment iffinanzjat mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut. Tali dikjarazzjonijiet ma humiex ta’ natura li jinvalidaw l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 27(2) tal-Istatut, kif tirriżulta mis-sentenzi msemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, li tgħid li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet dovuti lir-rikorrenti.
48 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi eskluża bħala infondata.
2. Fuq it-tieni u l-ħames parti, ibbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni tal‑2023 minħabba li din tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
49 Permezz tat-tieni parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni tal‑2023 tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li tippreġudika d-drittijiet kweżiti qabel l-adozzjoni tagħha. Huma jenfasizzaw li, anki jekk jitqies li d-Deċiżjoni tal‑2023 setgħet affettwat id-drittijiet kweżiti, it-tnaqqis tad-drittijiet hekk imwettaq huwa totalment ġdid fir-rigward tal-portata tiegħu. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni tal‑2023 taffettwa karatteristiċi essenzjali tad-dritt għall-pensjoni, jiġifieri l-ammont ta’ dan id-dritt u r-responsabbiltà tal-Parlament li jiżgura l-ħlas tiegħu fil-każ li l-Fond jiġi eżawrit. Fir-replika tagħhom, huma jżidu jgħidu li, fil-fehma tagħhom, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ġie miksur minħabba li d-Deċiżjoni tal‑2023 ma kinitx tinkludi miżuri tranżitorji. Huma jsostnu li, peress li l-Parlament ma kienx insolventi, huwa seta’ jassumi spiża baġitarja ogħla billi jipprevedi sistema tranżitorja.
50 Permezz tal-ħames parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti jsostnu li l-qafas leġiżlattiv applikabbli għas-SPKV, kompost mill-Istatut, mill-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tiegħu u mid-Deċiżjoni tal-Bureau tal‑1 ta’ April 2009, ġie adottat sabiex jiġi ggarantit il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, permezz taż-żamma tad-drittijiet għall-pensjoni kweżiti abbażi tar-Regoli PEAM, inkluż l-ammont tal-pensjoni. Huma jżidu jgħidu li, anki jekk jitqies li l-Parlament kellu l-“marġni legali” sabiex jadotta d-Deċiżjoni tal‑2023, il-garanziji repetuti li huwa ta lill-Fond u lill-benefiċjarji tas-SPKV fir-rigward taż-żamma tal-ammont tal-pensjonijiet, inkluż fir-rigward tal-fatt li huwa kien ser jassumi r-responsabbiltà tiegħu meta l-assi tal-Fond jiġu eżawriti, illimitaw dan il-marġni, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi maħluqa.
51 Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
52 Essenzjalment, it-tieni u l-ħames parti jinkludu żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
a) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti
53 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-liġijiet il-ġodda, li jemendaw il-liġi preċedenti, japplikaw, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li oriġinaw taħt din tal-aħħar. Dan ma huwiex il-każ biss fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li oriġinaw u ġew definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, li joħolqu drittijiet kweżiti (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jirċievi pensjoni tal-irtirar, dan jiġi kweżit, bħala prinċipju, fil-mument meta l-pensjoni ssir dovuta (ara l-punt 37 iktar ’il fuq). Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti ma jimplikax li kull modifika magħmula lill-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ pensjoni li twassal għal tnaqqis ta’ dan l-ammont, applikat abbażi ta’ leġiżlazzjoni adottata wara li din il-pensjoni tkun saret dovuta, tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-drittijiet kweżiti (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 126).
55 Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn id-drittijiet għall-pensjoni kweżiti u l-ammonti tal-pensjonijiet. Il-kunċett ta’ “drittijiet għall-pensjoni kweżiti” jirreferi għad-drittijiet għall-pensjoni li jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet imħallsa individwalment għal kull wieħed mir-rikorrenti u li jikkostitwixxu l-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni mħallsa lilhom skont is-SPKV. Għaldaqstant, dan il-kunċett ma jistax jinftiehem fis-sens li jirreferi għal allegat dritt li wieħed jirċievi ammont fiss u immutabbli ta’ pensjoni, ikkalkolat abbażi tar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-likwidazzjoni tal-pensjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 89).
56 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fid-dritt tal-Unjoni ma jeżistix prinċipju li skontu d-drittijiet kweżiti ma jistgħu fl-ebda każ jiġu mmodifikati jew imnaqqsa. Huwa possibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tali drittijiet jinbidlu, wara li jiġu bbilanċjati l-interessi inkwistjoni (ara l-punt 39 iktar ’il fuq).
57 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li l-fatt li d-Deċiżjoni tal‑2023 naqqset l-ammont tal-pensjoni dovuta lill-benefiċjarji tas-SPKV jikkostitwixxi fih innifsu ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti.
58 Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-portata tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet magħmul mid-Deċiżjoni tal‑2023, dan huwa marbut mal-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għalhekk ser jiġi ttrattat fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ partijiet, sa fejn dawn huma bbażati fuq il-ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà.
59 Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-eżami tal-argument marbut mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.
b) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
60 Fir-rigward, minn naħa, tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li jiġi invokat tali prinċipju jappartjeni, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, lil kull parti fil-kawża li fir-rigward tagħha istituzzjoni tal-Unjoni, billi tatu garanziji preċiżi, tkun ħolqitlu tamiet fondati (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61 Tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali tamiet, irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u koerenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-assenza tal-imsemmija garanzija. Bl-istess mod, meta persuna prudenti u informata tajjeb tkun f’pożizzjoni li tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tagħha, hija ma tkunx tista’ tinvoka l-benefiċċju tal-imsemmi prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mill-qafas regolatorju applikabbli għas-SPKV, kompost mill-Istatut, mill-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tiegħu u mid-Deċiżjoni tal-Bureau tal‑1 ta’ April 2009, għandu jitfakkar li la l-Istatut u lanqas il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tiegħu ma jipprevedu dritt għaż-żamma ta’ ammont ta’ pensjoni ddeterminat skont l-istat tal-leġiżlazzjoni qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2023 (ara l-punti 41 u 44 iktar ’il fuq).
63 Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, waqt il-laqgħa tal-Bureau tal‑1 ta’ April 2009, il-Parlament kien impenja ruħu li jiggarantixxi l-ħlas tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV fil-każ ta’ eżawriment tal-Fond, permezz tal-użu tal-baġit tiegħu stess. Huma jżidu jgħidu li din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lill-affiljati kollha tas-SPKV u li, mill‑2009, il-Parlament semma l-ammont tad-defiċit attwarjali tal-Fond fil-kontijiet annwali tiegħu.
64 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, waqt il-laqgħa tiegħu tal‑1 ta’ April 2009, il-Bureau mhux biss adotta d-Deċiżjoni tal-istess jum li tirriforma r-Regoli PEAM, iżda ħa wkoll l-impenn, f’isem il-Parlament, li jiggarantixxi “d-dritt tal-Membri affiljati mas-[SPKV] li jirċievu pensjoni komplementari li tibqa’ kweżita wara li l-Fond jiġi eżawrit”. Huwa ddeċieda wkoll li, “bl-istess mod, kull kapital li jibqa’ fil-Fond wara l-ħlas tad-drittijiet kollha għall-pensjoni jiġi ttrasferit lill-Parlament”. Kif jirrilevaw ir-rikorrenti, dan l-impenn issemma f’komunikazzjoni għall-attenzjoni tal-affiljati tas-SPKV tat‑3 ta’ April 2009.
65 Dan l-impenn kien intiż li jiggarantixxi, fil-każ probabbli li l-Fond jiġi eżawrit qabel il-ħlas tad-drittijiet għall-pensjoni kollha akkumulati mill-Membri, id-drittijiet kweżiti għall-pensjoni tal-Membri (sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament, T‑439/09, EU:T:2011:600, punt 73, u tat‑13 ta’ Marzu 2013, Inglewood et vs Il‑Parlament, T‑229/11 u T‑276/11, EU:T:2013:127, punt 66).
66 Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, tali impenn tal-Parlament li jieħu responsabbiltà, mill-baġit tiegħu stess, għall-ħlas tal-pensjonijiet, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet kweżiti tal-benefiċjarji tas-SPKV, ma jistax jiġi konfuż mal-impenn tal-Parlament li jiggarantixxi l-ħlas tal-ammont tal-pensjonijiet kif iddefinit skont ir-regoli applikabbli qabel id-Deċiżjoni tal‑2023.
67 Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li, billi adotta d-Deċiżjoni tal‑2023, il-Parlament, permezz tal-Bureau tiegħu, kiser il-portata tal-impenn sottoskritt fl‑1 ta’ April 2009 u, għal din ir-raġuni, kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
68 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-atti invokati mir-rikorrenti, li minnhom tirriżulta aspettattiva leġittima fir-rigward tal-assenza ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet dovuti, l-ewwel nett, l-Opinjonijiet tas-servizz legali tal-Parlament tal‑15 ta’ Frar 2005 u tat‑3 ta’ Diċembru 2018 ġew irtirati mill-fajls u, għaldaqstant, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.
69 It-tieni nett, in-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal‑24 ta’ Novembru 2005 hija nota ta’ informazzjoni, stabbilita għall-attenzjoni tal-membri tal-Bureau, li tressaq lil dan tal-aħħar ċerti proposti dwar il-finanzjament tal-Fond, wara l-adozzjoni tal-Istatut. Għalhekk, din hija nota interna li, mid-definizzjoni tagħha stess, ma hijiex intiża għall-benefiċjarji tal-Fond. Barra minn hekk, kif isostni l-Parlament, din in-nota, li tagħmel parti miċ-ċirkwit deċiżjonali intern, tirrifletti biss il-pożizzjoni ta’ dipartiment amministrattiv tal-Parlament, jiġifieri s-Segretarjat Ġenerali, u mhux dik tal-Bureau, li huwa l-korp kompetenti fir-rigward tat-tibdil tal-kundizzjonijiet materjali tas-SPKV (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punt 74). Għaldaqstant, din in-nota ma tistax titqies li tinkludi l-garanzija li l-amministrazzjoni tat lill-benefiċjarji tal-Fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2002, Borremans et vs Il‑Kummissjoni, T‑319/00, EU:T:2002:229, punt 67). Għandu jingħad ukoll li l-fatt li xi rikorrenti seta’ kellhom aċċess għall-imsemmija nota minħabba l-kwalità tagħhom ta’ Membri tal-Parlament ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni, għaliex inkella dawn tal-aħħar jingħataw protezzjoni abbażi tal-aspettattivi leġittimi li hija speċifika għalihom.
70 It-tielet nett, l-ittra tal‑14 ta’ April 2016 tal-President tal-Parlament lill-President tal-Fond issemmi l-impenn inekwivoku tal-Parlament “li jaċċetta l-obbligi legali tiegħu fir-rigward tal-membri tal-Fond”. Fl-assenza ta’ preċiżjoni dwar il-portata tal-impenji msemmija, din l-ittra ma tistax tikkostitwixxi garanzija, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-fatt li l-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV ma jistax jiġi emendat.
71 Ir-raba’ nett, l-istess japplika għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal‑24 ta’ Ottubru 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (ĠU 2020, C 345, p. 221). Fil-fatt, permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament sempliċement jitlob lis-Segretarju Ġenerali tiegħu u lill-Bureau jistabbilixxu b’mod urġenti pjan ċar sabiex “[]l-Parlament li jassumi u jieħu f’idejh l-obbligi u r-responsabbiltajiet tiegħu [għas-SPKV] immedjatament wara l-elezzjonijiet tal-2019”. Għalhekk ma hemm l-ebda garanzija li l-Parlament mhux se jbiddel l-ammont tal-pensjonijiet imħallsa skont is-SPKV. Barra minn hekk, riżoluzzjoni tal-Parlament, bħal dik tal‑24 ta’ Ottubru 2018, hija dokument li jinkludi dikjarazzjonijiet ta’ natura purament politika li ma hijiex ta’ natura vinkolanti u ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi li din għandha effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1985, Salerno et vs Il‑Kummissjoni u l‑Kunsill, 87/77, 130/77, 22/83, 9/84 u 10/84, mhux ippubblikata, EU:C:1985:318, punt 59, u d-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2003, Krikorian et vs Il‑Parlament et, T‑346/03, EU:T:2003:348, punti 19 u 20).
72 Il-ħames nett, għalkemm id-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament matul il-laqgħa tal-Bureau tat‑12 ta’ Marzu 2018 jindikaw li, wara l-eżawriment tal-Fond, il-Parlament għandu jħallas mill-baġit tiegħu stess il-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV, dawn ma jinkludu ebda garanzija dwar l-ammont ta’ dawn il-pensjonijiet. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali quddiem il-kumitat għall-kontroll tal-baġit tal-Parlament, tas‑16 ta’ Novembru 2020, fihom isir riferiment ċar għall-possibbiltà li jitnaqqas l-ammont tal-pensjonijiet.
73 Minn dan isegwi li l-atti invokati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li ħolqu aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV ma jistax jitnaqqas.
74 Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-qasam tal-amministrazzjoni tas-SPKV, l-amministrazzjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2013, Inglewood et vs Il‑Parlament, T‑229/11 u T‑276/11, EU:T:2013:127, punt 71). Issa, f’qasam fejn l-amministrazzjoni għandha tali setgħa ta’ evalwazzjoni, sempliċi prattika, tkun kemm tkun komuni, ma hijiex ekwivalenti għal informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti li minnha tista’ tirriżulta realment aspettattiva leġittima (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2020, Thunus et vs BEI, T‑247/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:577, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-fatt li, sad-Deċiżjoni tal‑2023, l-emendi magħmula lis-SPKV mill-Parlament kienu sistematikament affettwaw biss lill-benefiċjarji ta’ din l-iskema li kienu għadhom ma rċevewx il-pensjoni komplementari tagħhom ma setax joħloq aspettattivi leġittimi fil-fatt li r-riformi futuri tal-iskema setgħu jikkonċernaw biss lil dawn tal-aħħar.
75 Għandu jingħad ukoll li mill-atti tal-fajl u mid-dikjarazzjonijiet tal-Parlament waqt is-seduta jirriżulta li l-prattika msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq kienet ibbażata fuq l-interpretazzjoni li kienet tipprevali, fi ħdan id-dipartimenti tal-Parlament, fir-rigward tal-portata tad-drittijiet kweżiti fil-qasam tal-pensjoni. Fil-fatt, dawn id-dipartimenti qiesu b’mod partikolari li ma kienx possibbli li jinbidel l-ammont tal-pensjoni dovuta lill-ex Membri li diġà kienu jirċievu l-pensjoni tagħhom, taħt piena li jiġu ppreġudikati d-drittijiet kweżiti tagħhom. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġi assimilata ma’ garanzija, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 61 iktar ’il fuq, li din l-interpretazzjoni tinżamm sakemm is-SPKV tkun fis-seħħ. Huwa għalhekk li, kif indika l-Parlament waqt is-seduta, l-interpretazzjoni tad-dipartimenti tiegħu evolviet fid-dawl tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Unjoni.
76 Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni dwar is-SPKV ġiet emendata diversi drabi, b’mod partikolari fl‑2009 u fl‑2018, minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Fond. Ir-riformi tal‑1 ta’ April 2009 u tal‑10 ta’ Diċembru 2018 ġew ikkontestati minn benefiċjarji tas-SPKV u kienu s-suġġett tal-kawżi li taw lok rispettivament, minn naħa, għas-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament (T‑439/09, EU:T:2011:600), u tat‑13 ta’ Marzu 2013, Inglewood et vs Il‑Parlament (T‑229/11 u T‑276/11, EU:T:2013:127), u, min-naħa l-oħra, għas-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2021, Ashworth et vs Il‑Parlament (T‑720/19 sa T‑725/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:580), tal‑15 ta’ Settembru 2021, Arnaoutakis et vs Il‑Parlament (T‑240/20 sa T‑245/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:590), tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament (C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187), u tad‑9 ta’ Marzu 2023, Galeote u Watson vs Il‑Parlament (C‑715/21 P u C‑716/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:190). Għandu jiġi rrilevat ukoll li, matul id-dibattiti li ppreċedew l-adozzjoni tar-riforma tal‑10 ta’ Diċembru 2018, il-Bureau kien irrileva li din ir-riforma kienet insuffiċjenti. Huwa kien talab lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament jipproponi miżuri komplementari sa tmiem is-sena 2020, b’mod partikolari l-iffriżar jew it-tnaqqis tal-aġġornament tal-ammont tal-pensjonijiet, u jesplora miżuri oħra intiżi li tinstab soluzzjoni iktar fit-tul għall-Fond.
77 Konsegwentement, il-benefiċjarji tas-SPKV, bħar-rikorrenti, kellhom neċessarjament għarfien tal-kuntest madwar id-Deċiżjoni tal‑2023, jiġifieri n-neċessità li jiġu rriformati l-kundizzjonijiet tas-SPKV.
78 Għal dawn il-motivi kollha, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament f’dan ir-rigward u lanqas dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti invokati mir-rikorrenti u prodotti fl-anness tar-replika.
79 Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni tal‑2023 ma tinkludix miżuri tranżitorji.
80 Fil-fatt, il-Bureau ddeċieda li l-miżuri inkwistjoni japplikaw mingħajr ma tiġi stabbilita skema tranżitorja minħabba, li tinsab fil-premessa 8 tad-Deċiżjoni tal‑2023, li, fid-dawl tal-gravità tal-problemi ta’ finanzjament tas-SPKV u tar-riskju ta’ eżawriment imminenti ħafna tal-likwidità tal-Fond, l-istabbiliment ta’ tali skema jista’ jikkomprometti bil-kbir l-effetti finanzjarji mistennija tal-imsemmija miżuri. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tal‑2023 ġiet adottata fit‑12 ta’ Ġunju 2023, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid‑29 ta’ Ġunju 2023 u daħlet fis-seħħ mill‑1 ta’ Lulju 2023.
81 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali, fid-diversi manifestazzjonijiet tiegħu, għandu l-għan li jiżgura l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u r-relazzjonijiet legali skont id-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jieħdu l-miżuri tagħhom konsegwentement (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).
82 Fil-kuntest tal-kontenzjuż tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, ġie deċiż li l-uffiċjali ma għandhomx dritt għaż-żamma tal-Istatut kif jeżisti fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom u li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa liberu li f’kull mument jemenda r-regoli tal-Istatut li huwa jqis konformi mal-interess tas-servizz u li jadotta, għall-futur, dispożizzjonijiet statutorji iktar sfavorevoli għall-uffiċjali kkonċernati, dan huwa bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit perijodu tranżitorju ta’ tul suffiċjenti sabiex jiġi evitat li l-modalitajiet ta’ likwidazzjoni tal-pensjonijiet kweżiti ma jiġux emendati b’mod mhux mistenni. L-għan ta’ tali perijodu huwa li ma tinkisirx aspettattiva leġittima fir-rigward taż-żamma ta’ leġiżlazzjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Ashworth et vs Il‑Parlament, T‑720/19 sa T‑725/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:580, punti 129 u 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).
83 Barra minn hekk, anki jekk jitqies li nħolqu aspettattivi leġittimi f’dan il-każ, quod non, interess pubbliku perentorju jista’ jipprekludi l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji għal sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, iżda li l-iżvilupp tagħhom għadu ma tlestiex. Għalhekk, huwa fl-assenza ta’ interess pubbliku perentorju li l-assenza ta’ miżuri tranżitorji, li jipproteġu l-aspettattivi li l-operatur seta’ b’mod leġittimu ikollu fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tikser regola superjuri tad-dritt (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Ashworth et vs Il‑Parlament, T‑720/19 sa T‑725/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:580, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).
84 F’dan il-każ, il-miżuri inkwistjoni ġew ikkunsidrati fid-dawl tas-sitwazzjoni estremament delikata tal-Fond, li l-assi tiegħu kienu, fl-aħħar ta’ Mejju 2023, bejn EUR 43 miljun u EUR 44 miljun, meta l-ammont annwali tal-pensjonijiet li kellhom jitħallsu kien inkluż bħala medja bejn EUR 22 miljun u EUR 23 miljun sal‑2030. F’dan il-kuntest, u fi kwalunkwe każ, is-salvagwardja tal-Fond għal żmien qasir kienet teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri b’effett immedjat u setgħet għalhekk tikkostitwixxi interess pubbliku perentorju ta’ natura li tiġġustifika l-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji.
85 Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament.
86 Għaldaqstant, bla ħsara għall-eżami tal-argumenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni tal‑2023, ibbażata fuq il-fatt li din tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
3. Fuq it-tielet u r-raba’ partijiet, sa fejn huma bbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni tal‑2023 minħabba li din tikser id-dritt għall-proprjetà
87 Permezz tat-tielet parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li, fid-dawl tal-portata tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni li hija twettaq, id-Deċiżjoni tal‑2023 tippreġudika l-essenza tad-dritt għall-proprjetà. Għalhekk, l-ewwel nett, din l-essenza jikkorrispondi a minima għal-livell inkompressibbli ta’ 50 % tal-ammont tal-pensjoni stabbilit mill-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36). Dan huwa iktar u iktar livell inkompressibbli peress li, minn naħa, il-Parlament ma kellux il-marġni ta’ evalwazzjoni li din id-direttiva kienet tat lill-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, il-Parlament kien, fi kwalunkwe każ, obbligat li jirrispondi għall-eżawriment tal-Fond, li kien previst u prevedibbli, b’mod partikolari mill‑2009, u kellu jikkonkretizza ruħu fl‑2024. Minn dan ir-rikorrenti jiddeduċu li d-Deċiżjoni tal‑2023 għandha l-effett li tinnewtralizza illegalment ir-responsabbiltà tal-Parlament. It-tieni nett, id-Deċiżjoni tal‑2023 timponi t-tnaqqis tad-defiċit tal-Fond b’mod sproporzjonat fuq il-benefiċjarji tiegħu.
88 Permezz tar-raba’ parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li d-Deċiżjoni tal‑2023 hija illegali minħabba li, minn naħa, hija ma kinitx ippreċeduta minn ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, hija ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, filwaqt li d-defiċit tal-Fond kien previst, li l-Parlament kien impenja ruħu li jagħmel tajjeb għalih u li fi kwalunkwe każ ma kienx jeżisti obbligu li jinżamm bilanċ attwarjali fir-rigward tal-Fond, l-għan ta’ interess ġenerali astratt ta’ tnaqqis ta’ dan id-defiċit esklużivament imfittex mid-Deċiżjoni tal‑2023 la huwa neċessarju, la leġittimu u lanqas proporzjonat. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-problemi ta’ likwidità tal-Fond jirriżultaw mill-ħolqien u mill-iżvilupp tiegħu, taħt ir-responsabbiltà tal-Parlament. Barra minn hekk, fil-fehma tagħhom, l-ibbilanċjar mill-ġdid tad-defiċit jaqa’ kompletament jew eċċessivament fuq il-benefiċjarji tas-SPKV, bi ksur tat-tqassim ta’ żewġ terzi/terz li kien jipprevali sa dak iż-żmien. Huma jżidu jgħidu li la l-klawżola dwar ir-rimbors tal-kontribuzzjonijiet miżjuda u lanqas il-klawżola ta’ prekarjetà ma huma ta’ natura li jikkontestaw in-natura sproporzjonata tad-Deċiżjoni tal‑2023.
89 Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
a) Osservazzjonijiet preliminari
90 L-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprovdi:
“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”
91 Din id-dispożizzjoni hija dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
92 Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din tinkludi drittijiet korrispondenti għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea Għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), is-sens tagħhom u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni. Għalhekk hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB, li jistabbilixxi l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
93 Diġà ġie kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta leġiżlazzjoni tipprevedi l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċju soċjali, hija toħloq interess patrimonjali li jaqa’, għall-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB. Id-drittijiet li jirriżultaw mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lil skema ta’ sigurtà soċjali jikkostitwixxu għalhekk drittijiet patrimonjali għall-finijiet ta’ dan l-artikolu (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 50) u tnaqqis tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar li jista’ jkollu effett fuq il-kwalità tal-ħajja tal-persuna kkonċernata jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà tagħha (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Coppo Gavazzi et vs Il‑Parlament, C‑725/20 P, EU:C:2024:766, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
94 Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, u kif jirrikonoxxi l-Parlament, id-Deċiżjoni tal‑2023, sa fejn twassal għat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tar-rikorrenti, tirrestrinġi d-dritt għall-proprjetà tagħhom.
95 Madankollu, għandu jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 69). B’hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza tagħhom. It-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta żżid tgħid li, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu neċessarji u jkunu jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.
96 F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, permezz tal-ewwel ilment, li d-Deċiżjoni tal‑2023 tikser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għalkemm jammettu li l-ksur tad-dritt għall-proprjetà permezz tad-Deċiżjoni tal‑2023 huwa previst mil-liġi, huma jsostnu li din id-deċiżjoni tikser l-essenza tad-dritt għall-proprjetà.
97 Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti jsostnu li, tal-inqas, id-Deċiżjoni tal‑2023 tikser it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta sa fejn tippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt għall-proprjetà.
b) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-essenza tad-dritt għall-proprjetà
98 Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li, l-ewwel nett, id-Deċiżjoni tal‑2023 twettaq tnaqqis eċċessiv tal-ammont tal-pensjonijiet li jvarja bejn 60.15 % u 70.71 %, it-tieni nett, din id-deċiżjoni tinnewtralizza illegalment ir-responsabbiltà tal-Parlament u, it-tielet nett, hija timponi t-tnaqqis tad-defiċit tal-Fond b’mod sproporzjonat fuq il-benefiċjarji tiegħu billi tikser ir-regola essenzjali ta’ tqassim tal-oneru tal-iskema li kienet ġiet adottata sa dak iż-żmien.
99 Għandu jitfakkar li l-Artikolu 17(1) tal-Karta jipproteġi d-dritt patrimonjali kweżit mir-rikorrenti minħabba l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-Fond. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tagħti dritt għal pensjoni ta’ ammont determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
100 Għalhekk, f’dan il-każ, id-dritt patrimonjali tar-rikorrenti, kif stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, jikkonsisti f’dritt li jirċievu pensjoni skont is-SPKV, u mhux fi dritt għal dejn ta’ ammont speċifiku. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-Deċiżjoni tal‑2023 tnaqqas l-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont din l-iskema, hija ma tikkontestax il-prinċipju nnifsu ta’ dritt għall-pensjoni.
101 Madankollu, skont ir-rikorrenti, it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV li jirriżulta mid-Deċiżjoni tal‑2023 huwa ta’ portata tali li l-essenza tad-dritt għall-proprjetà jiġi affettwat.
102 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-Parlament, l-evalwazzjoni tal-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet għandha, bħala prinċipju, issir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u huwa biss tnaqqis kompletament estrem ta’ dan l-ammont li jista’ jaffettwa l-essenza tad-dritt għall-proprjetà.
103 Fir-rigward tal-portata tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet li jirriżulta mid-Deċiżjoni tal‑2023, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti pproduċew rapport ta’ perizja, datat 5 ta’ Ottubru 2023, stabbilit, fuq talba tal-Fond, minn uffiċċju ta’ konsulenti speċjalizzati fil-qasam tal-irtirar u tas-sigurtà soċjali. Skont dan ir-rapport, fid-dawl ta’ analiżi attwarjali, id-Deċiżjoni tal‑2023 twassal sabiex l-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV jitnaqqas għal 62.53 % bħala medja, filwaqt li r-rata ta’ tnaqqis tvarja bejn 60.15 % u 70.71 %. Jekk l-effett marbut maż-żieda tal-età tal-irtirar minn 65 għal 67 sena, mhux ikkontestat f’dan il-każ, huwa nnewtralizzat, l-impatt kumulattiv fuq l-ammont tal-pensjonijiet tat-tnaqqis ta’ 50 % u tat-tneħħija tal-attwalizzazzjoni huwa bħala medja ta’ 61.96 %. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ogħla rata ta’ tnaqqis tikkonċerna l-persuni li, kuntrarjament għar-rikorrenti, kienu għadhom ma kisbux drittijiet għall-pensjoni fid-data tad-Deċiżjoni tal‑2023.
104 Il-Parlament isostni li r-rapport ta’ perizja ma għandu l-ebda valur għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni tal‑2023, mingħajr madankollu ma jikkontesta l-istimi li jinsabu fih jew il-modalitajiet ta’ kalkolu użati. Waqt is-seduta, il-Parlament ammetta li ma kellux stimi dwar il-livell globali tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet li jirriżulta miż-żewġ miżuri inkwistjoni.
105 F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-elementi tal-fajl, il-Qorti Ġenerali tqis li l-istimi li jinsabu fir-rapport ta’ perizja, prodott mir-rikorrenti, jistgħu jitqiesu li huma raġonevoli.
106 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-essenza tad-dritt fundamentali għall-proprjetà fil-qasam tal-pensjonijiet, fir-rigward ta’ skema bħas-SPKV, għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-livell minimu ggarantit mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94.
107 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2008/94 hija intiża li tipproteġi lill-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom. Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din għandha tapplika għad-djun tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u eżistenti fir-rigward ta’ persuni li jimpjegaw li jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess direttiva. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jippreskrivi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti tal-impjegati kkonċernati. L-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema fir-rigward tad-drittijiet kweżiti tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija, skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali eżistenti barra mill-iskemi legali nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. Din l-aħħar dispożizzjoni ġiet interpretata fis-sens li timplika, sabiex jiġi osservat il-minimu ta’ protezzjoni, li ex ħaddiem impjegat jirċievi, fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah, mill-inqas nofs il-benefiċċji tax-xjuħija li jirriżultaw mid-drittijiet għall-pensjoni akkumulati fil-kuntest ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Pensions-Sicherungs-Verein, C‑168/18, EU:C:2019:1128, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
108 Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-destinatarji tagħha, jiġifieri l-Istati Membri, u tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha, id-Direttiva 2008/94 ma hijiex manifestament applikabbli f’dan il-każ.
109 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, id-Direttiva 2008/94 ma hijiex intiża li tidentifika livell massimu ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet, iżda li tistabbilixxi, fil-kuntest ta’ obbligu ta’ protezzjoni mill-Istati Membri, ħaddiema impjegati ma’ persuna li timpjega insolventi, sistema ta’ garanzija tal-benefiċċji dovuti skont skema komplementari ta’ pensjoni li għandha tkopri mill-inqas 50 % ta’ dawn il-benefiċċji.
110 Barra minn hekk, kif isostni l-Parlament, l-essenza tad-dritt fundamentali għall-proprjetà ma tistax tiġi ddeterminata fid-dawl tar-regoli adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni u interpretati mill-qorti tal-Unjoni sabiex jiġi ddefinit livell ta’ protezzjoni armonizzat fil-qasam tad-dritt industrijali. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jiddeċiedi li jadotta leġiżlazzjoni li tagħti lill-persuni kkonċernati protezzjoni ogħla mil-limitu minimu ta’ protezzjoni li jirriżulta mir-rispett tad-drittijiet fundamentali.
111 Għaldaqstant, u anki jekk jiġi aċċettat, li ġie kkontestat mill-Parlament waqt is-seduta, li r-rata ta’ 50 % ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV, adottata fid-Deċiżjoni tal‑2023, kienet ispirata mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, din il-ġurisprudenza ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li tnaqqis ta’ rata ogħla minn 50 % iwassal sabiex l-essenza tad-dritt fundamentali għall-proprjetà fil-qasam tal-pensjoni komplementari tiġi mċaħħda mis-sustanza tagħha.
112 Fit-tieni lok, l-essenza tad-dritt għall-proprjetà, li tikkonsisti fi dritt li wieħed jirċievi pensjoni, ma tistax tiġi ddeterminata fid-dawl tat-tqassim, bejn il-Membri u l-Parlament, tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lis-SPKV u lanqas fid-dawl tal-allegat impenn tal-Parlament li jieħu responsabbiltà tad-defiċit tal-Fond. Fil-fatt, dawn id-domandi jirrigwardaw il-finanzjament tas-SPKV u, għaldaqstant, huma differenti minn dik relatata mar-rispett tad-dritt li wieħed jirċievi pensjoni skont din l-iskema.
113 Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal‑2023, l-ammont kull xahar tal-pensjonijiet huwa stabbilit bejn wieħed u ieħor, għall-benefiċjarji li kkontribwixxew rispettivament matul ħames, għaxar u ħmistax-il sena, għal EUR 900, EUR 1 800 u EUR 2 700. Għalkemm, ċertament, dawn l-ammonti jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ tnaqqis sinjifikattiv ta’ 50 %, dawn ma humiex negliġibbli fir-rigward tad-diversi perijodi ta’ kontribuzzjoni.
114 Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u tal-ġurisprudenza li tgħid li l-Artikolu 17(1) tal-Karta ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti dritt għall-pensjoni ta’ ammont speċifiku (ara l-punt 99 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti baqgħu ma wrewx li t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV imwettaq mid-Deċiżjoni tal‑2023, fil-proporzjonijiet imsemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq, iċaħħad id-dritt għall-pensjoni mis-sustanza tiegħu u b’hekk jikkomprometti l-essenza tad-dritt għall-proprjetà.
115 Minn dan isegwi li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.
c) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà
116 ‑Ir-rikorrenti jsostnu li, tal-inqas, id-Deċiżjoni tal‑2023 tikser it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta sa fejn tippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt għall-proprjetà.
117 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, bil-kundizzjoni li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il‑Parlament u l‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 340 u l-ġurisprudenza ċċitata).
118 Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 117 iktar ’il fuq, diġà ġie deċiż, fil-qasam tal-iżvilupp tas-SPKV, li, fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li kellu l-Parlament, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata, meta mqabbla mal-għan li dan tal-aħħar kien inkarigat li jsegwi, li setgħet taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2013, Inglewood et vs Il‑Parlament, T‑229/11 u T‑276/11, EU:T:2013:127, punt 71, u tal‑15 ta’ Settembru 2021, Ashworth et vs Il‑Parlament, T‑720/19 sa T‑725/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:580, punt 97).
119 Għalhekk, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk il-miżuri adottati bid-Deċiżjoni tal‑2023 kinux l-uniċi jew l-aħjar possibbli, iżda jekk dawn kinux manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għanijiet li l-Parlament ried jilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u l‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
120 Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Deċiżjoni tal‑2023 tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk il-miżuri inkwistjoni jfittxux għanijiet leġittimi, it-tieni nett, jekk dawn il-miżuri humiex xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, it-tielet nett, jekk imorrux manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u, ir-raba’ nett, jekk humiex proporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet sa fejn jirriżultaw minn bilanċ ġust bejn id-diversi interessi inkwistjoni.
1) Fuq l-eżistenza ta’ għanijiet leġittimi
121 Għalkemm ir-rikorrenti jirrikonoxxu li d-Deċiżjoni tal‑2023 għandha għan ta’ interess ġenerali, huma jikkontestaw il-leġittimità ta’ dan l-għan.
122 Mill-premessi 1, 2 u 6 tad-Deċiżjoni tal‑2023 jirriżulta li l-miżuri meħuda kienu intiżi, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja “estremament delikata” tal-Fond, b’mod partikolari tal-problemi ta’ likwidità tiegħu “ta’ gravità estrema” u tad-defiċit attwarjali tiegħu, li jissalvagwardjaw il-Fond għal żmien qasir, fl-interess tal-benefiċjarji attwali u futuri tas-SPKV, u li jevitaw lill-kontribwent Ewropew konsegwenzi mhux mixtieqa jew, tal-inqas, li jnaqqsu l-portata tagħhom.
123 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li l-Fond huwa responsabbli għall-ħlas tal-pensjonijiet komplementari lill-ex Membri (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), is-salvagwardja tiegħu, anki fi żmien qasir, tikkostitwixxi għan leġittimu.
124 Għandu jitfakkar ukoll li s-SPKV kienet ibbażata, inizjalment, fuq kalkolu attwarjali, li fil-kuntest tiegħu t-total tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-affiljati u tal-Parlament kellu, bħala prinċipju, ikopri d-drittijiet għall-pensjoni kollha kweżiti fl-istess sena, fejn dawn il-kontribuzzjonijiet jitħallsu mill-affiljat sa terz u mill-Parlament sa żewġ terzi (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Ċertament, il-prinċipju ta’ ekwilibriju finanzjarju tal-Fond ġie ppreġudikat bid-dħul fis-seħħ tal-Istatut u tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tiegħu, peress li l-finanzjament tal-Fond permezz ta’ kontribuzzjonijiet intemm, ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li, filwaqt li l-Parlament kien diġà kkontribwixxa sa żewġ terzi għall-finanzjament tas-SPKV, il-kopertura, anki parzjali, mill-Parlament ta’ defiċit attwarjali konsegwenti tista’ żżid il-piż finanzjarju kkawżat minn din l-iskema fuq il-kontribwent Ewropew. Issa, it-tnaqqis tal-konsegwenzi negattivi marbuta mad-defiċit tal-Fond għal din il-persuna taxxabbli jikkostitwixxi għan leġittimu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punt 112).
125 Għaldaqstant, l-għanijiet imsemmija fid-Deċiżjoni tal‑2023 kienu leġittimi u kienu jikkorrispondu għat-tħassib tal-Parlament dwar il-problemi ta’ likwidità li jaffettwaw il-Fond u d-daqs tad-defiċit attwarjali tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Ashworth et vs Il‑Parlament, T‑720/19 sa T‑725/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:580, punt 100).
126 Il-leġittimità tal-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni tal‑2023 ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti li l-Parlament ipprova jeħles mir-responsabbiltà tiegħu.
127 Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li d-Deċiżjoni tal‑2023 tinjora l-portata tal-impenn sottoskritt fl‑1 ta’ April 2009 (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).
128 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jinvokaw ir-responsabbiltà tal-Parlament fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-Fond, minħabba li ma pprevediex mekkaniżmu ta’ bbilanċjar mill-ġdid attwarjali u lanqas ma adotta miżuri intiżi li jikkumpensaw il-waqfien, bħala prinċipju, tal-finanzjament tal-Fond permezz ta’ kontribwizzjonijiet wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut.
129 Ċertament, mid-dokumenti fil-fajl, b’mod partikolari mir-rapporti tal-laqgħat tal-Bureau, jirriżulta li, filwaqt li l-problemi ta’ finanzjament tal-Fond kienu seħħew, b’mod partikolari wara l-adozzjoni tal-Istatut u l-kriżi finanzjarja ta’ 2007/2008, kienu ġew adottati biss miżuri li l-insuffiċjenza tagħhom ġiet irrilevata. Madankollu, ir-responsabbiltà possibbli tal-Parlament fid-degradazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Fond, minħabba l-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid suffiċjenti, la hija ta’ natura li ċċaħħdu mill-possibbiltà li jaġixxi sabiex inaqqas l-ispejjeż pubbliċi u li jissalvagwardja l-Fond u lanqas li jirrendi dawn l-għanijiet illeġittimi.
130 Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jikkontestaw il-leġittimità tal-interessi li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni tal‑2023.
2) Fuq l-adegwatezza tal-miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija
131 Għandu jitfakkar li l-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni tal‑2023 huma s-salvagwardja tal-Fond għal żmien qasir u l-limitazzjoni tal-konsegwenzi marbuta mad-defiċit tiegħu fuq il-persuni taxxabbli Ewropej.
132 Issa, skont it-termini tad-Deċiżjoni tal‑2023, l-assi tal-Fond kienu jammontaw, fl-aħħar tas-sena 2022, għal EUR 52.8 miljun, filwaqt li l-ammont tal-pensjonijiet li kellhom jitħallsu kellu jkun bejn EUR 22 miljun u EUR 23 miljun fis-sena sal‑2030. Id-Deċiżjoni tal‑2023 tindika, għaldaqstant, li l-Fond seta’ jiġi eżawrit fl‑2024 u li dan kien ser jiġi eżawrit inevitabbilment sa mhux iktar tard mill‑2025, b’defiċit attwarjali mhux iffinanzjat ta’ madwar EUR 310 miljun. Dawn iċ-ċifri, li ma humiex ikkontestati, huma kkonfermati mill-kontijiet annwali stabbiliti fil‑31 ta’ Diċembru 2022.
133 Skont id-Deċiżjoni tal‑2023, it-tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-pensjonijiet u t-tneħħija tal-attwalizzazzjoni tagħhom għandhom jippermettu li jsir tfaddil ta’ EUR 181.4 miljun u ta’ EUR 40.4 miljun rispettivament. L-obbligi tal-Fond għalhekk jgħaddu b’hekk minn EUR 362.7 miljun għal EUR 139 miljun. Flimkien mat-tfaddil ta’ EUR 2 miljun li jirriżulta miż-żieda fl-età tal-irtirar, dawn il-miżuri jkollhom l-effett li jestendu t-tul tal-ħajja tal-Fond b’sentejn jew tliet snin u li jnaqqsu d-defiċit attwarjali tiegħu minn EUR 310 miljun għal EUR 86 miljun.
134 Għandu jitfakkar ukoll li l-Bureau ddeċieda li l-miżuri inkwistjoni japplikaw mingħajr ma tiġi stabbilita skema tranżitorja minħabba li, fid-dawl tal-gravità tal-problemi ta’ finanzjament tas-SPKV u tar-riskju li l-likwidità tal-Fond tiġi eżawrita fil-futur qarib, l-istabbiliment ta’ tali skema jirriskja li jikkomprometti bil-kbir l-effetti finanzjarji mistennija ta’ dawn il-miżuri.
135 Barra minn hekk, waqt is-seduta, seta’ jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni tal‑2023 effettivament estendiet it-tul tal-ħajja tal-Fond, li l-assi tiegħu kellhom, fl-opinjoni tal-Parlament, jiġu eżawriti sa Diċembru 2026.
136 Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-miżuri adottati permezz tad-Deċiżjoni tal‑2023 huma manifestament xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.
3) Fuq in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri
137 Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-Deċiżjoni tal‑2023 ippreġudikat id-dritt għall-proprjetà b’mod li ma kienx neċessarju u ma kienx jirriżulta minn ibbilanċjar tad-diversi interessi kontropposti.
138 Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Parlament, permezz tal-Bureau tiegħu, illimitax għal dak li huwa strettament neċessarju l-indħil fid-dritt għall-proprjetà tal-benefiċjarji tas-SPKV, bħar-rikorrenti, fis-sens li l-għanijiet imfittxija ma setgħux raġonevolment jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas dan id-dritt, u jekk sabx bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali mfittex u d-dritt għall-proprjetà tal-imsemmija benefiċjarji. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin.
139 L-ewwel nett, mill-premessi 2 u 6 tad-Deċiżjoni tal‑2023 jirriżulta li l-Bureau ppreveda diversi soluzzjonijiet possibbli u diversi miżuri intiżi li jirrimedjaw il-problemi ta’ likwidità tal-Fond u li jnaqqsu d-defiċit attwarjali tiegħu, b’mod partikolari miżuri “inqas drakonjani” minn dawk li ġew adottati. Madankollu, dawn il-miżuri alternattivi ġew miċħuda minħabba li ma kinux biżżejjed fid-dawl tad-daqs tad-diffikultajiet finanzjarji tal-Fond.
140 Fil-fatt, mill-minuti tal-laqgħat tal-Bureau tas‑17 ta’ April u tat‑22 ta’ Mejju 2023 u min-noti tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li servew ta’ sostenn għall-iskambji tal-Bureau jirriżulta li inizjalment ġew ikkunsidrati diversi għażliet, sabiex jitnaqqsu, b’mod definittiv, għal tnejn, jiġifieri l-għażla adottata fid-Deċiżjoni tal‑2023 u oħra li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet b’50 % mingħajr ma jinbidlu l-parametri l-oħra tal-iskema. Ir-riskji legali relatati ma’ kull għażla, kif ukoll kull wieħed mill-impatt tagħhom fuq id-defiċit attwarjali u t-tul tal-ħajja tal-Fond ġew evalwati u l-Bureau esprima ruħu favur l-għażla “l-iktar ambizzjuża”.
141 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni tal‑2023 ma twassalx għal clearance tad-defiċit attwarjali tal-Fond, iżda għal tnaqqis konsegwenti ta’ dan id-defiċit, minn EUR 310 miljun għal EUR 86 miljun. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula waqt is-seduta, il-Parlament indika, essenzjalment, li l-għan tar-riforma tas-SPKV kien li jitnaqqas sostanzjalment l-ammont ta’ dan id-defiċit, mingħajr ma ġie ddefinit ammont partikolari li għandu jintlaħaq. Huwa żied jgħid li l-livell tat-tnaqqis tal-imsemmi defiċit kien ġie ddeterminat fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet li huwa kien ikkunsidra bħala aċċettabbli fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
142 It-tieni nett, il-premessa 6 tad-Deċiżjoni tal‑2023 tindika li l-Bureau ħa inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn l-ammont totali tal-pensjonijiet li tħallsu individwalment skont is-SPKV u t-total tal-kontribuzzjonijiet individwali tal-benefiċjarji. B’hekk, bħala medja, għal kull euro investit fil-Fond, dawn tal-aħħar kisbu EUR 4.7, fejn dan l-ammont jammonta għal EUR 14.3 għal 16 % minnhom.
143 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sat‑30 ta’ Ġunju 2023, l-ammont tal-pensjoni kien jammonta, għal kull sena ta’ mandat li jkunu tħallsu l-kontribuzzjonijiet, għal 3.5 % ta’ bażi li tikkorrispondi għal 40 % tas-salarju ta’ Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’ammont minimu ffissat għal 10.5 % ta’ din il-bażi u b’ammont massimu li jikkorrispondi għal 70 % ta’ din il-bażi. Min-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tat‑12 ta’ April 2023 jirriżulta li, wara l-aġġornament tal-imsemmija bażi fl‑2022, l-ammont ta’ kull xahar tal-pensjoni kien stabbilit, għall-benefiċjarji li kkontribwixxew rispettivament matul ħames, għaxar u ħmistax-il sena rispettivament, għal madwar EUR 1 700, EUR 3 400 u EUR 5 100.
144 It-tielet nett, min-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tat‑12 ta’ Mejju 2023 jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni ġew ikkunsidrati flimkien mal-possibbiltà offruta lill-affiljati li jitolbu r-revoka tas-SPKV u l-ġbir tal-pensjoni fil-forma ta’ ħlas uniku u definittiv ta’ somma f’daqqa. Din il-possibbiltà, li kienet diġà teżisti favur l-affiljati tas-SPKV li għadhom ma ġewx irtirati, ġiet estiża għall-affiljati kollha u ġie previst li s-somma f’daqqa msemmija iktar ’il fuq tikkorrispondi, essenzjalment, għad-differenza bejn is-somma tal-kontribuzzjonijiet individwali mħallsa mill-Membru tal-Parlament jew l-ex Membru tal-Parlament flimkien ma’ 20 % u l-ammont tal-pensjonijiet diġà rċevuti. Din il-miżura tidħol f’kuntest fejn it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet previst mid-Deċiżjoni tal‑2023 jaffettwa, min-natura tiegħu, b’mod iktar qawwi lill-persuni li għadhom ma humiex pensjonanti jew li bdew jirċievu l-pensjoni tagħhom ftit żmien qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2023. Skont il-premessa 7 ta’ din id-deċiżjoni, essenzjalment, dawn tal-aħħar jistgħu jippreferu joħorġu mill-iskema fid-dawl tal-bidliet magħmula u tal-inċertezzi dwar il-futur tal-Fond.
145 Ir-raba’ nett, id-Deċiżjoni tal‑2023 tinkludi “klawżola ta’ imprevedibbiltà”, imsejħa wkoll “klawżola ta’ prekarjetà” jew “klawżola ta’ diffikultà”, li skontha l-benefiċjarju jista’ jressaq talba għal żieda fil-pensjoni jekk jiġġustifika li, wara t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni dovuta skont is-SPKV, huwa jgħix taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar.
146 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.
147 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżistenza stess ta’ bbilanċjar tal-interessi differenti kontrapposti, mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni tal‑2023 jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni ġew identifikati billi ttieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-interessi tal-benefiċjarji, attwali jew futuri, tas-SPKV u li ġew previsti miżuri oħra li jippreġudikaw inqas id-dritt għall-proprjetà tal-benefiċjarji ta’ din l-iskema. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal‑2023 ma tiċċarax id-defiċit attwarjali tal-Fond. Hija żżomm parti minn dan id-defiċit mill-baġit tal-Parlament u, għaldaqstant, mill-persuna taxxabbli Ewropea.
148 Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni tal‑2023 tirriżulta neċessarjament minn ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti, jiġifieri, minn naħa, l-interessi tal-benefiċjarji tas-SPKV u, min-naħa l-oħra, dawk tal-persuna taxxabbli Ewropea. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex fondati meta jsostnu li l-Parlament, kompletament u assolutament, naqas milli jibbilanċja l-interessi kontrapposti minbarra dawk baġitarji.
149 Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riżultat tal-ibbilanċjar bejn l-interessi differenti kontrapposti, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni għandhom konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi għar-rikorrenti. Fil-fatt, huma jnaqqsu b’mod sinjifikattiv l-ammont tal-pensjonijiet li dawn tal-aħħar kienu jirċievu skont is-SPKV sat‑30 ta’ Ġunju 2023. Dan it-tnaqqis huwa wkoll f’daqqa waħda fl-assenza ta’ skema tranżitorja.
150 F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tqis li l-fatt li s-SPKV hija skema ta’ rtirar komplementari fakultattiva huwa element importanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità tagħha tal-miżuri inkwistjoni. Fil-fatt, peress li l-adeżjoni mas-SKPV ma hijiex obbligatorja, hija biss parti mill-ex Membri tal-Parlament li jirċievu pensjoni taħt din l-iskema. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-pensjoni dovuta skont is-SPKV ma tikkostitwixxix l-unika pensjoni rċevuta għas-snin li matulhom ir-rikorrenti kkontribwixxew għall-imsemmija skema. Għal dawn is-snin, dawn tal-aħħar jirċievu, skont l-Anness III tar-Regoli PEAM (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), pensjoni mħallsa jew mill-Istati Membri u kkompletata, jekk ikun il-każ, mill-Parlament, jew mill-Parlament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti li ġew eletti mill-ġdid mis-seba’ leġiżlatura (2009‑2014), jirċievu wkoll pensjoni statutorja min-naħa tal-Parlament.
151 F’dan il-kuntest, it-tnaqqis, anki sinjifikattiv, ta’ pensjoni komplementari fakultattiva ma għandux l-istess portata, f’termini ta’ preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà, bħat-tnaqqis ta’ pensjoni bażika, li tikkostitwixxi d-dħul ta’ sostituzzjoni intiż li jagħti lill-benefiċjarju tagħha l-mezzi neċessarji għall-għajxien tiegħu u tista’ tkun l-unika pensjoni rċevuta minn dan tal-aħħar.
152 Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Parlament, ir-rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet tista’ titqiegħed f’perspettiva mal-profittabbiltà tal-investiment li tirriżulta mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet mill-affiljati, jiġifieri profittabbiltà medja ta’ EUR 4.7 għal euro investit (ara l-punt 142 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-possibbiltà li wieħed jirċievi l-pensjoni dovuta skont is-SPKV fil-forma ta’ ħlas uniku u definittiv ta’ somma f’daqqa tiggarantixxi, jekk tiġi attivata, li l-affiljati jirkupraw mill-inqas ammont ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet li huma jkunu ħallsu, miżjuda b’ 20 %. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li d-Deċiżjoni tal‑2023 ma għandhiex l-effett li tnaqqas l-ammonti nominali tal-pensjonijiet għal livell li huwa manifestament irraġonevoli, fid-dawl tat-tul tal-mandat u tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa.
153 Il-konsegwenzi tal-miżuri inkwistjoni fuq id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti ġew ibbilanċjati mar-restrizzjonijiet baġitarji u n-neċessità, irrilevata diversi drabi fix-xogħol preparatorju għad-diversi riformi tas-SPKV, inkluża d-Deċiżjoni tal‑2023, li tiġi adottata deċiżjoni responsabbli fir-rigward tal-finanzi tal-Unjoni.
154 F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li d-diffikultajiet tal-Fond jirriżultaw b’mod partikolari mill-kriżijiet finanzjarji tal‑2002 u tal‑2007/2008. Skont l-informazzjoni kkonfermata mill-Parlament waqt is-seduta, wara din l-aħħar kriżi, il-Fond irreġistra telf ta’ EUR 60 miljun. Issa, kif indika s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament fin-nota tat‑12 ta’ April 2023, diversi skemi nazzjonali ta’ pensjoni, inklużi skemi ta’ pensjoni bażiċi, kellhom jiġu rriformati wara din il-kriżi. Għandu jiġi rrilevat ukoll li diversi Stati Membri kellhom jadottaw riformi leġiżlattivi li għandhom l-effett li jnaqqsu l-ammont tal-pensjonijiet dovuti bl-għan li jissalvagwardjaw jew jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċ finanzjarju tal-iskema inkwistjoni, jew tal-baġit ġenerali tagħhom. Tali konstatazzjoni għandha neċessarjament ċertu piż f’soċjetà kkaratterizzata mis-solidarjetà, kif jenfasizza l-Artikolu 2 TUE (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 71) u f’kuntest fejn is-SPKV kienet diġà ġiet iffinanzjata sa żewġ terzi mill-Parlament u għalhekk mill-persuna taxxabbli Ewropea (ara l-punt 124 iktar ’il fuq).
155 Għandu jiġi rrilevat ukoll li, ċertament, il-koeffiċjent tal-allokazzjoni bejn l-affiljati u l-Parlament fir-rigward tal-finanzjament tal-kontribuzzjonijiet lis-SPKV seta’ jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-parti tad-defiċit li għandha titħallas mill-baġit tal-Parlament. Madankollu, dan tal-aħħar kellu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa (ara l-punt 118 iktar ’il fuq). Għalhekk, huwa kien liberu li jiddetermina, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, allokazzjoni oħra fir-rigward tal-ħlas tad-defiċit attwarjali tal-Fond.
156 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-effetti sinjifikattivi tagħhom fuq id-dritt għall-proprjetà tal-benefiċjarji tas-SPKV, il-miżuri inkwistjoni tad-Deċiżjoni tal‑2023 ma humiex ir-riżultat ta’ arbitraġġ manifestament mhux xieraq bejn l-interessi ta’ dawn il-benefiċjarji u l-interessi baġitarji inkwistjoni.
157 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment għandu jiġi eskluż u, għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni tal‑2023, ibbażata fuq il-fatt li din tikser id-dritt għall-proprjetà, għandha tiġi miċħuda.
4. Fuq it-tielet u r-raba’ partijiet, sa fejn huma bbażati fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni tal‑2023 minħabba li din tikser il-prinċipji ta’ garanzija tal-indipendenza parlamentari u ta’ ugwaljanza fit-trattament
158 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament naqas milli jevalwa l-impatt tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV imwettaq mid-Deċiżjoni tal‑2023 dwar il-prinċipju ġenerali ta’ garanzija tal-indipendenza parlamentari, li jinkludi l-indipendenza finanzjarja, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Issa, fil-fehma tagħhom, l-imsemmija prinċipji ġew injorati fid-dawl tal-portata ta’ dan it-tnaqqis u fl-assenza ta’ miżuri simili li jikkonċernaw il-pensjoni statutorja.
159 Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
a) Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ garanzija tal-aspettattivi leġittimi
160 Il-garanzija tal-indipendenza, inkluża dik finanzjarja, tal-Membri li, bħala rappreżentanti tal-poplu, huma intiżi li jservu l-interess ġenerali ta’ dan tal-aħħar, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali inerenti għal kull sistema ta’ rappreżentanza parlamentari demokratika (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑624/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:121, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-garanzija ta’ kumpens finanzjarju xieraq, li jiżgura l-indipendenza tal-Membru, ma tistax tkun limitata biss għall-perijodu tal-mandat. Hija għandha b’mod partikolari tipprevedi pensjoni, skont it-tul li matulu l-Membru jkun għamel parti mill-Parlament (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament, T‑439/09, EU:T:2011:600, punt 59). Għalhekk, sa fejn hija intiża li tiżgura kopertura minima, b’mod partikolari għall-Membri li ġejjin minn Stati Membri li fihom l-iskema ta’ pensjoni prevista fir-rigward tal-Membri hija insuffiċjenti, is-SPKV tagħmel parti mid-dispożizzjonijiet legali li għandhom bħala għan, fl-interess ġenerali, li tiġi żgurata l-indipendenza finanzjarja tal-Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il‑Parlament, T‑439/09, EU:T:2011:600, punti 59 u 60).
161 F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament ma eżaminax, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2023, jekk it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet kienx jippreġudika l-prinċipju ġenerali ta’ garanzija tal-indipendenza parlamentari.
162 Issa, għandu jitfakkar li l-premessa 6 tad-Deċiżjoni tal‑2023 tippreċiża li l-miżuri inklużi fiha ġew identifikati billi ttieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-interessi tal-benefiċjarji, attwali jew futuri, tas-SPKV. L-istess premessa tindika li miżuri “inqas drakonjani” ġew eżaminati, iżda esklużi bħala insuffiċjenti. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni tal‑2023 tipprevedi l-possibbiltà li tiżdied il-pensjoni tal-ex Membri li jkunu, wara t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni dovuta skont is-SPKV, f’sitwazzjoni ta’ diffikultà kif ukoll il-possibbiltà, għal dawn tal-aħħar, li jitolbu r-revoka tas-SPKV u l-ġbir tal-pensjoni fil-forma ta’ ħlas uniku u definittiv ta’ somma f’daqqa.
163 F’dan il-kuntest, il-fatt li d-Deċiżjoni tal‑2023 ma ssemmix b’mod espliċitu l-garanzija tal-indipendenza parlamentari ma jfissirx li l-Parlament ma ħadhiex inkunsiderazzjoni permezz tal-kunċett iktar wiesa’ ta’ “interessi tal-benefiċjarji tas-SPKV”.
164 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-għoti ta’ pensjoni suffiċjenti huwa intiż li jikser kull kundizzjonament tal-Membri fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom u li dan l-għan ġie miksur, peress li l-portata tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet għandha l-effett li twassalhom għal livell insuffiċjenti. Huma jsostnu li l-Parlament ma wettaqx tnaqqis simili tal-ammont tal-pensjoni statutorja, iżda li d-Deċiżjoni tal‑2023, sa fejn tirrikonoxxi li tali tnaqqis huwa permess, tiftaħ it-triq.
165 Issa, minn naħa, ir-rikorrenti ma jiġġustifikawx kif it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni mwettaq mid-Deċiżjoni tal‑2023 iwassal għall-għoti ta’ pensjoni insuffiċjenti b’tali mod li minn dan jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ garanzija tal-indipendenza parlamentari. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-pensjoni kweżita skont is-SPKV hija pensjoni komplementari li tiżdied mal-pensjoni mħallsa jew mill-Istati Membri u kkompletata, jekk ikun il-każ, mill-Parlament, jew mill-Parlament, skont l-Anness III tar-Regoli PEAM (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) u li l-adeżjoni ma’ din l-iskema ma kinitx obbligatorja.
166 Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Parlament ma adottax miżura simili ta’ tnaqqis tal-pensjoni statutorja ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li d-Deċiżjoni tal‑2023 tikser il-prinċipju ta’ garanzija tal-indipendenza parlamentari.
167 Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi eskluż, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament.
b) Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
168 Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkollhomx differenzi sostanzjali, jingħataw trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punt 102).
169 F’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, essenzjalment, il-fatt li d-Deċiżjoni tal‑2023 twettaq tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-pensjonijiet dovuti skont is-SPKV sabiex tnaqqas il-baġit tal-Parlament u, għaldaqstant, sabiex tipproteġi lill-persuna taxxabbli Ewropea, filwaqt li ebda miżura simili ma ttieħdet fir-rigward tal-pensjoni statutorja, juri ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li ma ġiex eżaminat qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
170 Issa, kif jirrilevaw ir-rikorrenti stess, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tad-differenzi bejn l-iskema ta’ pensjoni statutorja u s-SPKV, l-ewwel waħda hija obbligatorja u esklużivament ir-responsabbiltà tal-baġit tal-Unjoni, kuntrarjament għat-tieni waħda, l-eżistenza ta’ differenzi bejniethom ma kinitx twassal fiha nnifisha għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, irrispettivament mix-xebh possibbli bejn dawn iż-żewġ skemi ta’ pensjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament, C‑714/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:187, punt 105). Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt li din l-evalwazzjoni saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eżami tal-legalità tad-Deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2018 imsemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna biss il-pensjonijiet li kienu għadhom ma humiex dovuti fil-jum tad-dħul fis-seħħ tagħha, ma jirrendihiex inapplikabbli għall-każijiet inkwistjoni, peress li hija bbażata fuq id-differenzi ġenerali bejn is-SPKV u l-iskema ta’ pensjoni statutorja.
171 Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi eskluż, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament.
172 Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjoni tal‑2023, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ garanzija tal-indipendenza parlamentari u ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandha tiġi miċħuda.
173 Fid-dawl ta’ dak kollu premess, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda.
IV. Fuq l-ispejjeż
174 Skont kliem l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
175 Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament, konformement mat-talbiet tiegħu.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikorsi huma miċħuda.
2) Enrique Barón Crespo u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.
|
Marcoulli |
Schwarcz |
Madise |
|
Valasidis |
Spangsberg Grønfeldt |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Diċembru 2025.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
1 Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni kkomunikata lill-partijiet.