SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

23 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Persunal maniġerjali mal-Kummissjoni – Ċaħda ta’ kandidatura – Ħatra ta’ kandidat ieħor – Irregolarità tal-proċedura ta’ reklutaġġ – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ċertezza legali – Delega tal-Presidenta tal-Kummissjoni għall-Kap tal-Uffiċċju tagħha – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑613/23,

James Flett, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn L. Levi, avukata,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Brauhoff u A. Sauka, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn R. da Silva Passos, President, N. Półtorak, I. Reine, T. Pynnä (Relatriċi) u H. Cassagnabère, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, James Flett, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑25 ta’ Jannar 2023, li permezz tagħha persuna oħra minfloku nħatret fil-pożizzjoni ta’ konsulent legali prinċipali tat-tim inkarigat mill-politika tal-kummerċ u mill-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ tas-servizz legali tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba din id-deċiżjoni.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fit‑23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni ta’ konsulent legali prinċipali tat-tim inkarigat mill-politika tal-kummerċ u mill-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ, fejn stabbilixxiet il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jikkorrispondu għar-rekwiżiti tal-pożizzjoni. L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien jispeċifika li l-kandidat magħżul kien ser jiġi rreklutat fil-grad AD 14 jew AD 15.

3

Wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, tmien kandidati, fosthom ir-rikorrent, applikaw għal din il-pożizzjoni.

4

Fit‑8 ta’ Settembru 2022, dawn it-tmien kandidati saritilhom intervista mill-bord ta’ preselezzjoni tal-Kummissjoni. Matul din l-intervista, il-bord ta’ preselezzjoni għamel ħames mistoqsijiet lill-kandidati, sabiex jevalwa l-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u sabiex jagħti punteġġ lil kull kandidat.

5

Fis‑27 ta’ Ottubru 2022, abbażi tar-rapport ta’ preselezzjoni u tat-tabelli ta’ evalwazzjoni korrispondenti, il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (iktar ’il quddiem il-“KKĦ”), fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-proċedura ta’ selezzjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel fażi”), għażel it-tliet kandidati li kisbu l-ogħla punteġġi, fosthom ir-rikorrent, li kien kiseb l-aħjar punteġġ. Dawn it-tliet kandidati kellhom sussegwentement jipparteċipaw fl-eżamijiet taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni u f’intervista mal-KKĦ, fil-kuntest tat-tieni fażi tal-proċedura ta’ selezzjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni fażi”).

6

Fit‑22 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrent ipparteċipa fl-eżamijiet taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni, li kienu jinkludu eżerċizzji individwali u kollettivi kif ukoll intervisti fil-fond ibbażati fuq il-kompetenzi fil-qasam maniġerjali. Fuq din il-bażi tħejja rapport għal kull kandidat.

7

Fl‑1 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrent kellu intervista mal-KKĦ, l-istess bħaż-żewġ kandidati l-oħra li kienu għadhom qegħdin jikkompetu għall-pożizzjoni. Fi tmiem it-tieni fażi, il-KKĦ qies li r-rikorrent ma kellux id-“dożaġġ tajjeb ta’ kompetenzi u ta’ esperjenza” u ma kkunsidrahx għal intervista mal-President tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“President”). Kien biss A, kandidat ieħor, li ntgħażel għal din l-intervista.

8

Fil‑25 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha A (u mhux ir-rikorrent) inħatar fil-pożizzjoni ta’ konsulent legali prinċipali tat-tim inkarigat mill-politika tal-kummerċ u tal-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ.

9

Fit‑28 ta’ Frar 2023, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

10

Fis‑27 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”).

It-talbiet tal-partijiet

11

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensah għad-danni li ġie kkawżat lilu;

tordna lill-Kummissjoni tippreżenta apoloġija formali u tirtira l-allegazzjoni li huwa ma għandux il-kwalifiki xierqa għall-pożizzjoni inkwistjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12

Il-Kummissjoni essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-raba’ kap ta’ talba

13

Ir-rikorrent jitlob li l-Kummissjoni tiskuża ruħha formalment u tirtira l-allegazzjoni li huwa ma għandux il-kwalifiki xierqa għall-pożizzjoni inkwistjoni.

14

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni Ewropea li tindirizza ordnijiet lill-amministrazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2020, GV vs Il‑Kummissjoni, T‑705/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:590, punt 155, u tat‑30 ta’ April 2025, EL vs Il‑Kummissjoni, T-325/24, mhux ippubblikata, EU:T:2025:424, punt 10).

15

Konsegwentement, it-talba tar-rikorrent għandha tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

Fuq is-suġġett tar-rikors

16

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. Huwa jsostni li din tal-aħħar fiha iktar minn sempliċi konferma tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ssostni preċiżament l-allegazzjoni tiegħu.

17

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, u ċ-ċaħda espliċita jew impliċita tiegħu jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss prerekwiżit sabiex tkun tista’ tiġi adita l-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, anki jekk formalment ikun dirett kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jadixxi lill-qorti bl-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu jkun sar l-ilment ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment tkun ta’ portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu dan l-ilment ikun sar (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, AD vs ECHA, T‑25/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:536, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura prekontenzjuża hija ta’ natura evoluttiva, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment li tinkludi biss preċiżazzjonijiet addizzjonali u b’hekk tillimita ruħha li tiżvela, b’mod iddettaljat, il-motivi tal-konferma tad-deċiżjoni preċedenti ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju. Madankollu, din l-istess natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża timplika li dawn il-preċiżazzjonijiet addizzjonali jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-att ikkontestat (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Migadakis vs ENISA, T‑507/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:507, punt 13).

19

Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li tiżvela l-motivi insostenn tagħha. Il-fatt li l-Kummissjoni kellha, b’risposta għall-argumenti mressqa mir-rikorrent fl-ilment, tippreċiża l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġġustifika li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiġi kkunsidrata bħala att awtonomu li jikkawża preġudizzju lil dan tal-aħħar.

20

Konsegwentement, peress li t-talbiet għal annullament diretti kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment huma nieqsa minn kontenut awtonomu, ir-rikors għandu jitqies li huwa formalment dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata, li l-motivazzjoni tagħha hija ppreċiżata mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. Il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Veit vs BĊE, T‑474/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:140, punti 2425).

Fuq it‑talba għal annullament

21

Ir-rikorrent iqajjem erba’ motivi insostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ reklutaġġ kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li tinsab fil-minuti tal-2351 laqgħa tal-Kummissjoni li nżammet fi Brussell (il-Belġju) fit‑30 ta’ Settembru 2020 [PV (2020) 2351 final tal‑11 ta’ Novembru 2020] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza”). Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Presidenta li tiddelega s-setgħat tagħha lill-kap tal-uffiċċju tagħha għall-intervista ma’ A ma hijiex iġġustifikata mill-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ servizz u tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ reklutaġġ kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

22

Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni kisret il-punti 5.2.6 u 5.2.7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SEC (2004) 1352/2 tas‑26 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi l-politika tagħha dwar l-uffiċjali għolja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja”) kif ukoll l-Artikolu 1(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KKĦ. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

23

Fl-ewwel lok, skont it-tieni paragrafu tal-punt 5.2.6 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja, il-KKĦ kellu jistabbilixxi lista ristretta li tinkludi l-kandidati kollha bi kwalifiki xierqa fid-dawl tal-kriterji ppubblikati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iqis li, għalkemm il-KKĦ seta’ jillimita l-lista għal “grupp ta’ kandidati”, dan ma kienx jippermettilu, f’dan il-każ, li jżomm kandidat wieħed fl-imsemmija lista, ħlief sabiex jaġixxi b’mod illegali jew sabiex jivvizzja d-deċiżjoni tiegħu b’użu ħażin ta’ proċedura.

24

Barra minn hekk, ir-rikorrent jenfasizza li l-KKĦ ikkonferma, fil-kuntest tal-ewwel fażi, li huwa kien kandidat bi kwalifiki xierqa. Fit-tieni fażi, il-KKĦ qies li huwa ma kellux id-“dożaġġ tajjeb ta’ kompetenzi u ta’ esperjenza”, li madankollu ma jirriflettix bidla ta’ opinjoni meta mqabbla ma’ dik mogħtija fl-ewwel fażi.

25

Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li l-Artikolu 1(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KKĦ, li jeżiġi li l-kandidati jkunu adatti sabiex jeżerċitaw funzjonijiet ta’ uffiċjal għoli, ma jistax jiġġustifika li kandidat wieħed jintgħażel fi tmiem it-tieni fażi, ħlief sabiex il-KKĦ ikun jista’ jelimina b’mod arbitrarju l-kandidati, fuq istruzzjoni tal-kap tal-uffiċċju tal-President.

26

Fit-tielet lok, ir-rikorrent iqis li l-KKĦ wettaq evalwazzjoni komparattiva tat-tliet kandidati magħżula għall-bżonnijiet tat-tieni fażi.

27

Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni li huwa ġie rrifjutat intervista mal-Presidenta bi ksur tal-punt 5.2.7 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja, peress li huwa kellu jintgħażel mill-KKĦ fi tmiem it-tieni fażi għal intervista.

28

Fil-ħames lok, ir-rikorrent jirrileva li, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, il-Kummissjoni sostniet li l-Presidenta żammet il-possibbiltà li ssejjaħlu għal intervista, minkejja li l-kandidatura tiegħu kienet ġiet eskluża mill-KKĦ fi tmiem it-tieni fażi. Madankollu, huwa jqis li l-allegata irregolarità proċedurali ma hijiex irrimedjata bl-eżistenza ta’ tali possibbiltà.

29

Fis-sitt lok, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

30

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

31

Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-assenza tiegħu għall-fażi ta’ preselezzjoni għal intervista mal-President fi tmiem it-tieni fażi tirrifletti ksur tar-regoli proċedurali applikabbli.

32

Fl-ewwel lok, konformement mal-punt 5.2.6 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja, il-KKĦ għandu jevalwa biss is-“saħħa tal-merti” tal-kandidati sabiex jevalwa l-livell ta’ kwalifika tagħhom għall-pożizzjoni li għandha timtela, fid-dawl tar-riżultati tal-intervisti fid-dettall li saru magħhom u tar-riżultati fl-eżamijiet taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni, li jinkludu b’mod partikolari intervisti “li jiffokaw fuq il-kompetenzi fil-qasam maniġerjali”. Il-KKĦ għandu mbagħad jistabbilixxi lista ta’ kandidati li tinkludi “dawk kollha li, [mill-perspettiva tiegħu], jissodisfaw il-profil iddefinit fid-deskrizzjoni inizjali tal-pożizzjoni, jiġifieri l-kandidati bi kwalifiki xierqa”. Din il-lista għandha toffri lill-membri tal-Kummissjoni responsabbli “għażla sodisfaċenti” ta’ kandidati, filwaqt li tibqa’ ta’ tul raġonevoli, sabiex ma timponix fuqhom il-“oneru kbir li jwettqu evalwazzjoni komparattiva ta’ numru kbir ta’ kandidati”.

33

Barra minn hekk, il-punt 5.2.7 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja jsemmi espressament “il-kandidat jew kandidati magħżula minn qabel” ikollhom intervista mill-kummissarju responsabbli. Għaldaqstant, peress li l-KKĦ huwa obbligat jeskludi l-kandidati li ma għandhomx il-kompetenzi meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, b’mod partikolari l-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ uffiċjali għolja, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jeskludux li kandidat wieħed biss jintgħażel fi tmiem it-tieni fażi.

34

Fil-każ ineżami, il-KKĦ indika, fi tmiem it-tieni fażi, il-punti b’saħħithom tar-rikorrent kif ukoll ċerti aspetti li kellhom jittejbu, qabel ma kkonkluda li, “fid-dawl tal-elementi kollha evalwati waqt l-intervista [ma’ dan tal-aħħar]”, huwa ma kellux “dożaġġ tajjeb ta’ kompetenzi u ta’ esperjenza sabiex jeżerċita din il-funzjoni partikolari ta’ uffiċjali għoli”. Huwa għaldaqstant mingħajr ma kiser il-punt 5.2.6 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja li l-KKĦ qies li r-rikorrent ma kellux il-kompetenzi meħtieġa għall-pożizzjoni inkwistjoni u ddeċieda li ma jagħżlux għal intervista mal-Presidenta. Il-fatt li kandidat ieħor wieħed biss intgħażel mill-KKĦ fi tmiem it-tieni fażi lanqas ma huwa tali li jikkaratterizza ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

35

Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent intgħażel mill-bord ta’ preselezzjoni, imbagħad mill-KKĦ fil-kuntest tal-ewwel fażi, ma jikkontradixxix id-deċiżjoni tal-KKĦ li jeskludih mil-lista ristretta fi tmiem it-tieni fażi, fid-dawl tan-natura progressiva tal-proċedura ta’ selezzjoni. Din in-natura progressiva tirriżulta, b’mod partikolari, mit-tieni paragrafu tal-punt 5.2.6 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja, li jinsisti fuq in-neċessità li jiġi evalwat, f’dan l-istadju, sa fejn il-kandidati huma kkwalifikati għall-pożizzjoni inkwistjoni.

36

Fl-aħħar nett, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-proċedura ġiet miżapproprjata ma hijiex issostanzjata u ma tqegħedx inkwistjoni, fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjonijiet ifformulati fil-punt 34 iktar ’il fuq. Għalhekk, din għandha tiġi miċħuda.

37

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 1(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KKĦ ma jistax jiġġustifika li huwa ġie eskluż mill-proċedura fi tmiem it-tieni fażi, peress li dan l-artikolu għandu jiġi applikat fl-osservanza tal-punt 5.2.6 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja.

38

L-Artikolu 1(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KKĦ jindika li dan tal-aħħar “għandu jevalwa l-kandidati fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ uffiċjali għolja”. Dan il-kriterju ta’ selezzjoni jinsab ukoll fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, kif ukoll fil-punt 5.2.6 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja, li jipprevedi li t-tieni fażi tinkludi b’mod partikolari intervisti “li jiffukaw fuq il-kompetenzi fis-senior management”, kif tfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq.

39

Il-kapaċità tal-kandidati li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ uffiċjali għolja għandha għalhekk tkun is-suġġett ta’ eżami fil-fond tal-KKĦ waqt it-tieni fażi u tista’ tiġġustifika, f’dan l-istadju avvanzat tal-proċedura, l-esklużjoni ta’ kandidati, minkejja l-kwalifiki li madankollu jista’ jkollhom.

40

Fil-każ ineżami, il-konklużjoni tal-KKĦ, fi tmiem it-tieni fażi, li r-rikorrent ma kellux “dożaġġ tajjeb ta’ kompetenzi u ta’ esperjenza sabiex jeżerċita din il-funzjoni partikolari ta’ uffiċjal għoli” tindika li r-rikorrent ma kellux il-kapaċitajiet maniġerjali suffiċjenti li huma meħtieġa għall-kariga inkwistjoni.

41

Il-fatt li r-rikorrent ma ntagħżilx fi tmiem it-tieni fażi fid-dawl tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KKĦ ma jikkontradixxix għalhekk il-punt 5.2.6 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja.

42

Fl-aħħar nett, l-allegazzjonijiet tar-rikorrent li l-KKĦ għandu l-possibbiltà li jelimina b’mod arbitrarju l-kandidati fuq istruzzjoni tal-kap tal-uffiċċju tal-Presidenta ma humiex sostnuti. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent ma ntagħżilx fi tmiem it-tieni fażi kien ġie mmotivat mir-raġunijiet imfakkra fil-punt 34 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, dawn l-allegazzjonijiet tar-rikorrent għandhom jiġu miċħuda.

43

Fit-tielet lok, l-allegazzjoni ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati ma hijiex fondata. Fil-fatt, il-konklużjoni li r-rikorrent ma kellux id-“dożaġġ tajjeb ta’ kompetenzi u ta’ esperjenza” ma tistax tindika li l-KKĦ evalwa l-merti tar-rikorrent fid-dawl ta’ dawk taż-żewġ kandidati l-oħra li kienu għadhom jikkompetu. Huwa jirrileva, min-naħa l-oħra, li, skont il-KKĦ, ir-rikorrent ma kellux il-livell ta’ kompetenza meħtieġ sabiex jiġi mistieden għal intervista mill-Presidenta, hekk kif jirriżulta mill-punt 34 iktar ’il fuq.

44

Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-livell ta’ kwalifiki meħtieġ għall-pożizzjoni inkwistjoni, il-KKĦ ma ppreselezzjonahx għal intervista mal-Presidenta. Għaldaqstant, dan tal-aħħar ma kinitx obbligata ssejjaħlu, hekk kif jirriżulta mill-punt 5.2.7 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja.

45

Fil-ħames lok, il-punt 5.2.7 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja jagħti lill-Presidenta l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li ssejjaħ lill-kandidati esklużi mill-proċedura mill-KKĦ fi tmiem it-tieni fażi, meta dawk magħżula minn dan tal-aħħar ma jkunux sodisfaċenti.

46

Madankollu, u hekk kif jenfasizza r-rikorrent, il-possibbiltà msemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq ma hijiex ekwivalenti għal dritt, għalih, li jkollu intervista mill-Presidenta, peress li ma kienx ġie ppreselezzjonat mill-KKĦ fi tmiem it-tieni fażi.

47

Fis-sitt lok, fir-rikors, ir-rikorrent isostni li, “għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, dak li ġara jikkostitwixxi wkoll u fi kwalunkwe każ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”. Ir-rikorrent jirreferi għalhekk għall-argumenti tiegħu bbażati fuq il-fatt li huwa kellu jintgħażel miċ-CCN fi tmiem it-tieni fażi, mingħajr ma jsostni ulterjorment l-argument tiegħu. Sa fejn dawn l-argumenti diġà ġew miċħuda bħala infondati, dawn ma jistgħux, mingħajr spjegazzjoni oħra, iwasslu għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

48

Fir-replika, ir-rikorrent jiddikjara li huwa, barra minn hekk, “imħasseb dwar l-assenza apparenti ta’ amministrazzjoni tajba f’dak li jirrigwarda d-dokumenti u l-elementi li jikkostitwixxu l-fajl fi stadji differenti tal-proċedura”. Huwa jsostni li l-KKĦ għandu jkollu r-rapport ta’ preselezzjoni fit-tieni fażi. Huwa jsostni wkoll, b’mod partikolari, li l-Presidenta kellha tirċievi d-dokumenti kollha li kienu relatati miegħu. Issa, il-Kummissjoni ma wrietx it-trażmissjoni effettiva ta’ dawn id-dokumenti.

49

Madankollu, tali argument ma jinsabx fir-rikors, b’mod partikolari insostenn tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

50

Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrent isostni biss li l-fajl, allegatament inkomplet, trażmess mill-KKĦ lill-Presidenta ma ppermettiex lil din tal-aħħar tevalwa “serjament” l-opportunità li tistiednu għal intervista minkejja l-esklużjoni tiegħu mill-proċedura mill-KKĦ. Il-Presidenta għalhekk ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita l-possibbiltà msemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq.

51

Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jiżviluppax dan l-argument sabiex juri l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li huwa invokat b’mod distint.

52

Skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża, it-talbiet u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan jibbaża ruħu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu (ara d-digriet tas‑17 ta’ Novembru 2020, González Calvet vs SRB, T‑257/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:541, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Peress li r-rikors ma jesponix ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-argumenti mressqa mir-rikorrent fl-istadju tar-replika ma jistgħux jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors.

54

Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, is-sitt ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

55

Għalhekk isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

56

Permezz tat-tieni motiv tiegħu, minn naħa, ir-rikorrent jallega li billi ma rrakkomandahx għal intervista mal-Presidenta, filwaqt li ma ċaħadx li huwa kellu l-kwalifiki xierqa fid-dawl tal-kriterji ppubblikati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, il-KKĦ wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

57

Ir-rikorrent jenfasizza li dan l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-KKĦ huwa marbut mill-qrib mal-ksur deskritt fil-kuntest tal-ewwel motiv, filwaqt li huwa xorta waħda distint minnu. Dan l-iżball wassal għal konsegwenzi mhux biss proċedurali, iżda wkoll materjali, kemm għalih kif ukoll għall-Kummissjoni.

58

Min-naħa l-oħra, kieku l-KKĦ kien qies, fi tmiem it-tieni fażi, li huwa ma kienx kandidat bi kwalifiki xierqa, ir-rikorrent isostni li l-KKĦ kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tal-kwalifiki u tal-esperjenza tiegħu. L-analiżi tal-KKĦ fi tmiem l-ewwel fażi ma setgħetx tiġi invalidata fl-istadju tat-tieni fażi, la fuq il-bażi tar-rapport taċ-Ċentru ta’ Evalwazzjoni msemmi fil-punt 6 iktar ’il fuq u lanqas fuq dak tal-intervista.

59

Sussidjarjament, ir-rikorrent iqis li, kienu x’kienu l-konklużjonijiet tal-KKĦ, jekk A ġie kkunsidrat bħala kandidat bi kwalifiki xierqa, allura huwa wkoll kellu jiġi mistieden għal intervista mal-Presidenta.

60

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellant.

61

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li żball jista’ jiġi kkwalifikat bħala manifest biss meta jkun jista’ jiġi faċilment skopert fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tal-amministrazzjoni. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li huma tali li jiġġustifikaw l-annullament ta’ deċiżjoni, il-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrent, għandhom ikunu suffiċjenti biex l-evalwazzjonijiet ikkunsidrati mill-amministrazzjoni ma jibqgħux plawżibbli. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi prodotti mir-rikorrent, l-evalwazzjoni mqiegħda inkwistjoni tista’ tiġi aċċettata inkwantu tkun għadha veritiera jew valida (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, ZU vs Il‑Kummissjoni, T‑671/18 u T‑140/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:715, punt 199).

62

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-bord ta’ preselezzjoni għandu, b’mod partikolari meta l-pożizzjoni li jkollha timtela tkun ta’ livell għoli ħafna, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-merti tal-kandidati għal tali pożizzjoni. Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet li jagħmel il-bord ta’ preselezzjoni meta jevalwa l-kompetenzi tal-kandidati jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ ġudizzju ta’ valur fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ kull kandidat waqt l-eżami u jaqgħu fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni msemmija iktar ’il fuq. Huma jistgħu jkunu suġġetti għall-istħarriġ mill-qorti fil-każ biss ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi d-diskrezzjoni tiegħu għal dik tal-Bord tal-Għażla (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2022, OM vs Il‑Kummissjoni, T‑118/22, mhux ippubblikata, EU:T:2022:849, punti 7475).

63

Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni allegati mir-rikorrent fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

64

Fir-rigward tal-ewwel żball manifest ta’ evalwazzjoni allegat, hekk kif ġie espost fil-punti 35 u 39 iktar ’il fuq, il-kriterji ta’ selezzjoni tal-kandidati evolvew fl-istadji suċċessivi tal-proċedura ta’ selezzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li l-evalwazzjoni tal-merti tal-kandidat kienet ġiet ippreċiżata bejn l-ewwel fażi u t-tieni fażi ma jikkostitwixxix fih innifsu żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda jirrifletti n-natura progressiva tar-rekwiżiti stabbiliti sabiex timtela l-pożizzjoni inkwistjoni. L-argumenti mressqa mir-rikorrent f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

65

Fir-rigward tat-tieni żball manifest ta’ evalwazzjoni allegat, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li billi qies li huwa ma kienx ikkwalifikat għall-pożizzjoni u li konsegwentement ma kellux jiġi inkluż fil-lista ristretta ppreżentata lill-Presidenta, il-KKĦ, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

66

Sabiex isostni l-allegazzjoni tiegħu, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq l-esperjenza tiegħu, il-kwalifiki professjonali tiegħu, il-prestazzjoni b’suċċess tiegħu quddiem il-bord ta’ preselezzjoni u l-KKĦ fil-kuntest tal-ewwel fażi kif ukoll fuq il-fatt li huwa “kien ippreparat perfettament u jqis li kien mar tajjeb ħafna mill-intervista tiegħu”.

67

Madankollu, il-konvinzjoni tar-rikorrent li wieġeb b’mod korrett għall-mistoqsijiet magħmula waqt l-intervista, minn naħa, u l-esperjenza professjonali tiegħu, hekk kif tirriżulta mill-curriculum vitae u mill-ittra ta’ motivazzjoni tiegħu, min-naħa l-oħra, ma jistgħux jikkostitwixxu provi inkonfutabbli ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-bord ta’ preselezzjoni u lanqas ma jistgħu jorbtu lil dan il-Bord tal-Għażla fl-evalwazzjonijiet tiegħu tal-konoxxenzi u tal-kapaċitajiet li huwa wera waqt l-intervista orali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2022, OM vs Il‑Kummissjoni, T‑118/22, mhux ippubblikata, EU:T:2022:849, punt 78).

68

Barra minn hekk, il-pussess ta’ esperjenza jew ta’ konoxxenzi speċifiċi fil-qasam stess tat-tmexxija inkwistjoni jista’ jkollu rwol inqas determinanti mill-pussess ta’ kwalitajiet ġenerali ta’ direzzjoni, ta’ analiżi u ta’ ġudizzju ta’ livell għoli, peress li l-esperjenza u l-għarfien tekniku jistgħu dejjem jinstabu fi ħdan l-istess direttorat (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Konidaris vs Il‑Kummissjoni, T-93/03, EU:T:2007:209, punt 74). Bl-istess mod, fir-rigward ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni ta’ kapaċità u mhux ta’ verifika ta’ konoxxenzi, huwa possibbli għall-Bord tal-Għażla li jwettaq l-evalwazzjoni ta’ kandidat billi jieħu inkunsiderazzjoni kemm ir-risposti mogħtija minnu għal mistoqsijiet dwar kriterji oħra kif ukoll dwar il-personalità tiegħu, li setgħet tirriżulta mill-attitudni tiegħu matul l-eżami orali (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Wybranowski vs Il‑Kummissjoni, F-17/08, EU:F:2010:83, punt 66).

69

Fil-każ ineżami, kif indikat fil-punt 34 iktar ’il fuq, fi tmiem it-tieni fażi, il-KKĦ, ċertament, irrileva l-punti ewlenin tar-rikorrent, iżda wkoll ċerti aspetti li kellhom jittejbu, qabel ma kkonkluda li dan tal-aħħar ma kellux il-kompetenzi meħtieġa għall-pożizzjoni inkwistjoni.

70

Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent intgħażel fi tmiem l-ewwel fażi ma jistax iwassal għall-konstatazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-KKĦ, mingħajr ma t-tieni fażi tiġi mċaħħda minn kull effett utli.

71

Konsegwentement, l-elementi invokati mir-rikorrent ma humiex suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet magħmula mill-KKĦ. Għaldaqstant, dawn ma humiex tali li jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

72

Sussidjarjament, ir-rikorrent iqis li, jekk A ġie kkunsidrat bħala “kandidat bi kwalifiki xierqa”“fid-dawl tal-kriterji ppubblikati”, huwa kellu neċessarjament jiġi kklassifikat f’din l-istess kategorija, u li, li kieku kandidat wieħed kellu jintgħażel għall-fażi sussegwenti tal-proċedura, dan kellu jkun huwa. Waqt is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li ma kellux l-intenzjoni li jagħmel evalwazzjoni komparattiva tiegħu u ta’ A.

73

Fin-nuqqas tar-rikorrent li jindika preċiżament dak li jsostni l-pożizzjoni tiegħu, dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

74

Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza

75

Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent jeċċepixxi l-illegalità parzjali tad-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza, li permezz tagħha l-Presidenta fdat lill-kap tal-uffiċċju tagħha l-kompitu li jirċievi lil A għal intervista fi tmiem it-tieni fażi. Id-deċiżjoni kkontestata, adottata wara din l-intervista, hija għalhekk illegali.

76

Qabelxejn, il-possibbiltà offruta lill-Presidenta li tiddelega t-tmexxija tal-intervista fi tmiem it-tieni fażi, tmur kontra r-regola li l-Presidenta għandha tirċievi hija stess lill-kandidati preselezzjonati mill-KKĦ għal intervista.

77

Sussegwentement, din il-possibbiltà ta’ delega ma għandhiex rabta mal-għan imfittex mid-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza.

78

Barra minn hekk, il-Presidenta għandha tkun tista’ tiddelega t-twettiq tal-intervisti lill-Kap tal-Kabinett tagħha biss bħala l-aħħar għażla, jekk il-membri l-oħra tal-Kummissjoni ma jkunux jistgħu jirċievu din id-delega. Ma huwiex iġġustifikat li din il-possibbiltà ta’ delega lill-kap tal-uffiċċju tkun permessa biss lill-President, u mhux lill-membri tal-Kummissjoni.

79

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Presidenta ma tistax tiddelega t-tmexxija tal-intervisti lil uffiċjal li ma għandux kwalifiki jew leġittimità politika.

80

Fl-aħħar nett, din id-delega tal-Presidenta, meqjusa li ngħatat bi prijorità lill-membri l-oħra tal-Kummissjoni u jekk raġunijiet imperattivi ta’ servizz jiġġustifikawha, tingħata b’mod sistematiku lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha.

81

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

82

Qabelxejn, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-rikorrent huwa ineffettiv, peress li l-fatt li l-intervista saret mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Presidenta wara t-tieni fażi ma pproduċiex effetti legali fir-rigward tiegħu.

83

Sussegwentement, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet tar-rikorrent li d-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza hija illegali.

84

Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li, fil-każ fejn id-delega mwettqa skont id-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza kellha tiġi ddikjarata illegali, id-deċiżjoni kkontestata ma tkunx fiha nnifisha vvizzjata b’illegalità, peress li fil-każ ineżami l-Awtorità tal-Ħatra kienet il-kulleġġ tagħha. Issa, kemm il-President kif ukoll il-membri tal-Kummissjoni kellhom l-elementi rilevanti kollha sabiex jadottaw deċiżjoni awtonoma u informata.

85

Qabelxejn, għandha tiġi eżaminata n-natura effettiva tal-argument ippreżentat mir-rikorrent fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu, li l-Kummissjoni tikkontesta, qabel ma tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu.

– Fuq in-natura effettiva tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrent fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu

86

Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn ir-rikorrent ma kienx mistieden għal intervista mal-Presidenta, dan l-istadju tal-proċedura ta’ selezzjoni ma affettwahx legalment. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, kien il-kompitu biss tal-kulleġġ tagħha li jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

87

Ir-rikorrent iqis, min-naħa tiegħu, li huwa affettwat mill-istadji kollha tal-proċedura li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, anki dawk li jiġu wara t-tieni fażi. Barra minn hekk, waqt is-seduta, huwa sostna li ma setax jiġi eskluż ħlief, fil-każ li kieku l-Presidenta stess mexxiet l-intervista ma’ A, kieku hija stiednet lilu wkoll, b’applikazzjoni tal-punt 5.2.7 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja.

88

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza tipprevedi li “l-kandidati preselezzjonati mill-KKĦ għal pożizzjoni ta’ direttur ġenerali jew pożizzjoni ta’ uffiċjal għoli fi ħdan wieħed mis-servizzi tal-Presidenta għandhom jinstemgħu mill-Presidenta nnifisha [u li,] f’każijiet debitament iġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ servizz, il-Presidenta tista’ tiddelega dan il-kompitu lil membri oħra tal-Kummissjoni jew lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha qabel ma tissottometti l-proposta tagħha ta’ ħatra lill-kulleġġ”.

89

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ li l-fatt li l-intervista ta’ A saret mal-kap tal-Uffiċċju tal-Presidenta, u mhux mill-Presidenta nnifisha jitqies illegali, dan jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk tali illegalità setgħetx tikkawża dannu lir-rikorrent.

90

Mill-punt 5.2.7 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja jirriżulta li, abbażi tar-riżultati tal-intervisti li jsiru mal-kandidat jew mal-kandidati li jirriżultaw mit-tieni fażi, il-Kummissarju responsabbli, f’dan il-każ il-Presidenta, jista’ jqis li l-għażla magħmula mill-KKĦ ma hijiex sodisfaċenti. F’każ bħal dan, meta dan ikun debitament iġġustifikat, u bi qbil mal-Membru tal-Kummissjoni għall-Persunal u l-Amministrazzjoni, hija tista’ tintervista lill-kandidati li ma jkunux intgħażlu mill-KKĦ fi tmiem it-tieni fażi.

91

Konformement mal-punt 5.2.8 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja, id-deċiżjoni ta’ ħatra tittieħed mill-kulleġġ tal-Kummissjoni, abbażi tal-opinjoni motivata taċ-CCN u ta’ proposta motivata tal-membru tal-Kummissjoni għall-persunal u għall-amministrazzjoni, stabbilita bi ftehim mal-President. Din tal-aħħar tiddeċiedi wara l-intervisti mal-kandidati li jirriżultaw mit-tieni fażi, abbażi tal-opinjoni motivata tal-KKĦ, u b’konsultazzjoni mad-direttur ġenerali kkonċernat, fil-każ ta’ pożizzjoni ta’ Konsulent Prinċipali. Dan l-istess punt jipprevedi, barra minn hekk, li l-Kummissarju responsabbli, f’ dan il-każ il-Presidenta, għandu jkollu rwol ewlieni fl-għażla finali tal-persuni li jaħdmu direttament għaliha fil-livell ta’ uffiċjali għolja.

92

Fil-każ ineżami, meta A saritlu l-intervista, ir-rikorrent kien għadu jista’ jinstema’, peress li l-Presidenta żammet il-possibbiltà li ssejaħlu fil-każ li hija ma kinitx issodisfatta bil-kandidatura ta’ A fi tmiem l-intervista ta’ dan tal-aħħar mal-Kap tal-Uffiċċju tagħha. Issa, il-mod kif saret din l-intervista, u għalhekk l-identità tal-persuna li kienet responsabbli għaliha, seta’ kellu influwenza fuq l-eżitu tagħha u, fl-aħħar nett, fuq id-deċiżjoni tal-Presidenta li ssejjaħ lir-rikorrent jew le.

93

Barra minn hekk, għalkemm id-deċiżjoni finali ta’ ħatra inkwistjoni tappartjeni biss lill-kulleġġ tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, konformement mal-punt 5.2.8 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja, hekk kif tfakkar fil-punt 91 iktar ’il fuq, ir-rwol tal-Presidenta qabel din il-ħatra jibqa’ determinanti.

94

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-fatt li intervista ta’ A saret mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Presidenta, u mhux mill-Presidenta nnifisha, seta’ jippreġudika lir-rikorrent billi jaffettwa s-sitwazzjoni legali tiegħu, b’tali mod li l-illegalità li taffettwa tali tmexxija tal-intervista tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

95

L-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li t-tielet motiv huwa ineffettiv, għandu għalhekk jiġi miċħud.

– Fuq l-illegalità tad-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza

96

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li d-delega prevista mid-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza tmur kontra r-regola ġenerali li l-kandidati għandhom jagħmlu intervista mal-Presidenta.

97

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 5.2.7 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja jipprevedi li l-kandidati għal pożizzjoni bħal dik ikkonċernata fil-każ ineżami għandha ssirilhom intervista mill-Kummissarju responsabbli, fil-każ ineżami l-Presidenta, jekk jintgħażlu mill-KKĦ fi tmiem it-tieni fażi.

98

Il-possibbiltà li l-intervista li ssir fi tmiem it-tieni fażi lill-Kap tal-Uffiċċju prevista mid-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza għandha tippermetti li “jiġu żgurati l-fluwidità u l-ħeffa tal-proċeduri” meta dan ikun iġġustifikat “minn raġunijiet imperattivi ta’ servizz”.

99

Sa fejn din il-possibbiltà ta’ delega hija intiża li tidderoga f’każijiet debitament iġġustifikati mill-proċedura prevista fil-punt 5.2.7 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja, hija ma tikkontestax il-kompetenza ta’ prinċipju tal-Presidenta.

100

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-possibbiltà ta’ delega mogħtija lill-Presidenta ma għandha ebda rabta mal-għan imfittex mid-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza.

101

Madankollu, ir-rikorrent ma jispjegax kif din l-assenza ta’ rabta hija tali li taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza.

102

Fit-tielet lok, ir-rikorrent iqis li l-Presidenta għandu jkollha l-possibbiltà li tiddelega l-intervista li ssir fi tmiem it-tieni fażi lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha biss fil-każ li din id-delega ma tkunx tista’, bi prijorità, tingħata lil wieħed mill-membri tal-Kummissjoni.

103

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza, adottata fl-2020 u li tirregola speċifikament id-delegi mogħtija mill-Presidenta, tidderoga mill-punt 5.2.7 tad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja, kif emendata fl-2007.

104

Id-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza adottata fl-2020, kuntrarjament għad-deċiżjoni dwar l-uffiċjali għolja kif emendata fl-2007, tipprevedi li l-Presidenta tista’ tagħti delega, irrispettivament minn u mingħajr ordni ta’ prijorità, lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha kif ukoll lil membru tal-Kummissjoni.

105

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma weriex li l-Presidenta kellha tinżamm taħt l-istess regoli ta’ delega bħall-Membri tal-Kummissjoni, li għalihom possibbiltà ta’ delega hija prevista biss favur Membri oħra tal-Kummissjoni, u mhux favur il-kap tal-uffiċċju tagħhom.

106

Fir-raba’ lok, ir-rikorrent iqis li l-Kap tal-Uffiċċju tal-Presidenta, peress li ma għandux leġittimità politika, ma huwiex awtorizzat li jagħmel intervisti mal-kandidati għal pożizzjoni ta’ konsulent prinċipali.

107

Madankollu, ir-rikorrent ma jinvokax regola li tipprekludi li uffiċjal maħtur bħala Kap tal-Uffiċċju tal-Presidenta milli jagħmel intervisti ma’ kandidati għal pożizzjoni ta’ konsulent prinċipali fuq bażi ad hoc. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kap tal-Uffiċċju huwa kollaboratur mill-qrib tal-Presidenta, li miegħu din tal-aħħar għandha relazzjoni ta’ fiduċja sinjifikattiva. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

108

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li d-delega ngħatat mill-President lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha b’mod sistematiku.

109

Dan l-argument, li jirrigwarda l-mod kif tiġi applikata d-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza, ma jistax jippermetti li tiġi stabbilita l-illegalità ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza.

110

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-illegalità tad-delega mogħtija mill-Presidenta

111

Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta l-legalità tad-delega mogħtija mill-Presidenta lill-kap tal-Uffiċċju tagħha għall-intervista ta’ A fid-dawl tal-kundizzjonijiet għal delega stabbiliti mid-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza. Huwa jqis li, fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet, l-intervista ta’ A mmexxija mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Presidenta kienet irregolari, peress li din l-irregolarità tivvizzja l-proċedura kollha u, għaldaqstant, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

112

Fil-fatt, din id-delega tal-intervista lill-Kap tal-Uffiċċju tal-Presidenta fi tmiem it-tieni fażi ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ servizz. Sa fejn din id-delega saret oralment, il-ġustifikazzjoni tagħha tibqa’ mhux magħrufa. Barra minn hekk, hija kienet is-suġġett ta’ pubbliċità insuffiċjenti, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

113

Barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza tippermetti lill-Presidenta tagħti tali delega lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha biss fil-każ fejn hija ma tkunx tista’, bħala prijorità, tagħtiha lil membri tal-Kummissjoni.

114

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

115

Qabelxejn, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-rikorrent huwa ineffettiv, peress li l-fatt li l-intervista saret mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Presidenta wara t-tieni fażi ma pproduċiex effetti legali fir-rigward tiegħu.

116

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza ma timponix li d-delega tal-President lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha ssħħ bil-miktub, peress li tali rekwiżit huwa barra minn hekk tali li jwassal għal restrizzjonijiet amministrattivi sproporzjonati għall-Presidenta.

– Fuq in-natura effettiva tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrent fil-kuntest tar-raba’ motiv tiegħu

117

Il-Kummissjoni tikkontesta n-natura effettiva tar-raba’ motiv sa fejn, peress li r-rikorrent ma kienx mistieden għal intervista mal-President, dan l-istadju tal-proċedura ta’ selezzjoni ma affettwahx legalment. Barra minn hekk, kien biss il-kulleġġ tal-Kummissjoni li kellu jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

118

Għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 88 sa 94 iktar ’il fuq, tali argument għandu jiġi miċħud.

– Fuq l-illegalità tad-delega mogħtija mill-Presidenta

119

Ir-rikorrent isostni li d-delega tal-intervista mogħtija mill-Presidenta lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha ma kinitx iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ servizz, peress li l-assenza ta’ kitba ma tippermettix, barra minn hekk, li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali raġunijiet.

120

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza tobbligax lill-President, meta hija tkun tixtieq tiddelega intervista lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha, li tagħmel dan bil-miktub.

121

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza tiġġustifika l-possibbiltà ta’ delega tal-Presidenta bil-ħtieġa li “jiġu razzjonalizzati ċerti aspetti tal-proċedura ta’ selezzjoni tal-membri tal-maniġment superjuri sabiex jiġu ggarantiti l-fluwidità u l-ħeffa tal-proċeduri”. Dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa jinsab ukoll fil-Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Reklutaġġ tal-Uffiċjali Għolja, li fil-punt 5.2 tagħhom jippreċiżaw li “[l]-Uffiċċji għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jorganizzaw mingħajr dewmien intervisti mal-kandidati preselezzjonati [u li] l-intervisti għandhom isiru fi żmien xahar wara t-trażmissjoni tad-dokumentazzjoni mis-segretarjat tal-KKĦ”. Minn dan isegwi, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, li r-rekwiżit sistematiku ta’ delega bil-miktub jista’ jikser l-għan ta’ fluwidità u ta’ ħeffa mfittex mid-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza.

122

Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 91 iktar ’il fuq, il-Presidenta għandha rwol determinanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjali għolja bħal dik inkwistjoni. F’dan is-sens, id-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza tipprevedi li “l-kandidati magħżula mill-KKĦ għal […] pożizzjoni ta’ uffiċjali għolja fi ħdan wieħed mis-servizzi tal-Presidenta għandhom jiġu intervistati mill-Presidenta stess”. Id-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza tipprevedi għalhekk, bħala prinċipju, prerogattiva proprja tal-Presidenta għall-għażla tal-uffiċjali għolja li jservu taħt l-awtorità tagħha, sabiex tistabbilixxi ma’ dawn tal-aħħar relazzjoni ta’ xogħol ibbażata fuq il-fiduċja, fid-dawl tal-livell għoli ta’ responsabbiltà li huma għandhom jeżerċitaw.

123

Minn din il-perspettiva, id-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza tikkundizzjona d-delega mogħtija mill-Presidenta għall-eżistenza ta’ “każijiet debitament ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ servizz”. Tali delega għaldaqstant ma tistax tingħata mingħajr ma din il-kundizzjoni tiġi ssodisfata.

124

Issa, fil-każ ineżami, sa fejn, kif tafferma l-Kummissjoni, il-Presidenta tat delega lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha sabiex imexxi l-intervista ta’ A mingħajr ma din id-delega ngħatat bil-miktub jew ġiet iddokumentata b’mod ieħor, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni tivverifika, abbażi tal-provi inklużi fil-proċess, l-eżistenza u l-fondatezza tal-elementi li jaqgħu taħt ir-“raġunijiet imperattivi ta’ servizz” li “debitament iġġustifikaw” l-imsemmija delega. Barra minn hekk, mistoqsija dwar dan mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni lanqas ma esponiet ir-raġunijiet speċifiċi li wasslu lill-Presidenta tiddelega lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha l-kompitu li jirċievi lil A għal intervista.

125

Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tatx indikazzjonijiet preċiżi dwar ir-raġunijiet imperattivi ta’ servizz li pprekludew lill-Presidenta milli tirċievi lil A għal intervista fix-xahar li segwa t-trażmissjoni tal-fajl tal-kandidatura ta’ dan tal-aħħar mis-segretarjat tal-KKĦ, konformement mal-punt 5.2 tal-Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Reklutaġġ tal-Uffiċjali Għolja msemmi fil-punt 121 iktar ’il fuq.

126

Peress li l-Kummissjoni naqset milli tiġġustifika li d-delega tal-intervista mill-Presidenta lill-Kap tal-Uffiċċju tagħha kienet ibbażata fuq “raġunijiet imperattivi ta’ servizz”, għandu jiġi konkluż li din id-delega tikser il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza.

127

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali ksur tad-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza huwiex tali li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, inkambju għas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ għal pożizzjoni li għandha timtela li l-grad tagħha huwa għoli ħafna, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet l-obbligu, għall-awtorità li għandha dan il-grad, li tosserva l-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi u, fosthom, l-obbligu li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Din is-setgħa għandha għaldaqstant tiġi eżerċitata b’osservanza sħiħa tar-regolamenti rilevanti kollha, jiġifieri mhux biss tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, iżda wkoll ta’ eventwali regoli ta’ proċedura li l-awtorità tkun adottat għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha. In-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali dwar l-adozzjoni ta’ att, stabbiliti mill-istituzzjoni kompetenti nnifisha, jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Angelidis vs Il‑Parlament, T-113/05, EU:T:2007:386, punti 6162 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128

Barra minn hekk, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata, fl-eżami tal-att inkwistjoni, li dan ma ġiex adottat b’mod regolari, hija għandha tislet il-konsegwenzi tal-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali u, għaldaqstant, tannulla l-att ivvizzjat b’tali difett (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2024, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑130/23 P, EU:C:2024:439, punt 55). Bl-istess mod, il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li huma essenzjali għaċ-ċertezza legali, iwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Angelidis vs Il-Parlament, T-113/05, EU:T:2007:386, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129

Fil-każ ineżaki, id-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza tagħmel parti mir-regoli proċedurali li l-Kummissjoni kellha tikkonforma ruħha magħhom għat-tmexxija tal-proċedura ta’ reklutaġġ inkwistjoni.

130

Barra minn hekk, hekk kif ġie espost fil-punti 92 sa 94 iktar ’il fuq, is-sens tar-rakkomandazzjoni tal-Presidenta u, għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ħatra finali tal-Kulleġġ tal-Kummissjoni huma neċessarjament influwenzati mir-riżultati tal-intervisti ta’ wara t-tieni fażi.

131

Minn dan isegwi li l-ksur tad-deċiżjoni dwar il-politika ta’ ugwaljanza jikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali li għandu l-effett li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

132

Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrent.

Fuq it‑talbiet għad‑danni

133

Ir-rikorrent jitlob il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 100000 għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab. Dan l-ammont allegatament jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċedura ta’ reklutaġġ kienet ġiet distorta, li l-Kummissjoni rrifjutat li tirrimedja n-nuqqasijiet allegati tal-imsemmija proċedura u li din tal-aħħar ikkawżat dannu serju għar-reputazzjoni professjonali tar-rikorrent.

134

Ir-rikorrent isostni wkoll li, kieku nħatar fil-pożizzjoni ta’ konsulent legali prinċipali, huwa kien jirċievi, mill-1 ta’ Frar 2023, remunerazzjoni ogħla.

135

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

136

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, li jimplika li, meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ir-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi kkonstatata (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, XH vs Il‑Kummissjoni, T‑511/18, EU:T:2020:291, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137

Peress li s-sentenza preżenti kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’illegalità, l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 136 iktar ’il fuq hija, f’dan il-każ, issodisfatta.

138

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 136 iktar ’il fuq, għandha ssir distinzjoni bejn dannu morali u dannu materjali.

139

Fir-rigward tad-dannu morali allegat mir-rikorrent, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta t-talbiet għad-danni jkunu bbażati fuq l-illegalità tal-att annullat, li huwa l-każ hawnhekk, l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li r-rikorrent seta’ ġarrab, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament b’dan l-annullament. Għaldaqstant, ġie deċiż li l-annullament ta’ att, meta jkun nieqes minn kull effett utli, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u suffiċjenti għal kull dannu morali kkawżat mill-att annullat (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA,T‑296/21, EU:T:2022:808, punti 108109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140

Fil-każ ineżami, ir-rikorrent ma weriex li ġarrab dannu morali li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

141

B’mod partikolari, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent, ma huwiex stabbilit li, wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, A neċessarjament ser tiġġedded fil-funzjonijiet tiegħu.

142

Għaldaqstant, it-talba għal kumpens għad-dannu morali mressqa mir-rikorrent għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

143

Fir-rigward tad-dannu materjali allegat, ir-rikorrent għandu jitqies bħala li qiegħed jitlob, essenzjalment, il-kumpens għat-telf ta’ opportunità li jiġi rreklutat fil-pożizzjoni inkwistjoni.

144

Skont il-ġurisprudenza, kemm-il darba titressaq prova suffiċjenti, it-telf ta’ opportunità jikkostitwixxi dannu materjali li jista’ jiġi kkumpensat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos,T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punt 104).

145

Ir-rikorrent jiddikjara li, kieku ntgħażel għall-pożizzjoni inkwistjoni, huwa kien jinħatar fil-grad AD 15, filwaqt li kien jokkupa l-grad AD 14, skala 2. Huwa għalhekk sofra dannu li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-salarji bażiċi ta’ dawn iż-żewġ gradi mid-data li fiha d-deċiżjoni kkontestata daħlet fis-seħħ.

146

Tali allegazzjoni, li barra minn hekk hija kkontestata mill-Kummissjoni, madankollu ma hijiex sostnuta mir-rikorrent. Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li r-rikorrent kien jiġi rreklutat fil-grad AD 15, u mhux fil-grad AD 14, għall-pożizzjoni inkwistjoni. Għalhekk, ir-rikorrent ma pproduċiex il-prova tal-eżistenza ta’ dannu reali u ċert.

147

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li telf ta’ opportunità, sabiex jiġi kkonstatat u jagħti lok għal kumpens, għandu jkun reali u definittiv (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs EIOPA,T-296/21, EU:T:2022:808, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Presidenta setgħet issejjaħ lir-rikorrent fl-eventwalità li l-intervista ta’ A ma kinitx tqieset sodisfaċenti, hija setgħet ukoll issejjaħ lill-kandidat l-ieħor mhux magħżul mill-KKĦ fi tmiem it-tieni fażi. Għaldaqstant, in-natura serja tat-telf ta’ opportunità allegat mir-rikorrent ma tistax tiġi aċċettata f’dan il-każ.

148

Konsegwentement, it-talba għal kumpens għal dannu materjali għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

149

Minn dak kollu li ntqal, it-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

150

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

151

Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑25 ta’ Jannar 2023......... Hija annullata.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk imġarrba minn James Flett.

 

da Silva Passos

Półtorak

Reine

Pynnä

Cassagnabère

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Lulju 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.