SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)
3 ta’ Settembru 2025 ( *1 )
“Trasferiment ta’ data personali lejn l-Istati Uniti – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li l-livell ta’ protezzjoni tad-data personali żgurat mill-Istati Uniti huwa adegwat – Dritt għal rimedju effettiv – Dritt għal ħajja privata u tal-familja – Deċiżjonijiet ibbażati esklużivament fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali – Sigurtà tal-ipproċessar tad-data personali”
Fil-Kawża T‑553/23,
Philippe Latombe, residenti f’Nantes (Franza), irrappreżentat minn N. Coutrelis, J.-B. Soufron u T. Lamballe, avukati,
rikorrent,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Calleja Crespo, A. Bouchagiar, H. Kranenborg u C. Ladenburger, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
L-Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, S. Finnegan u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn S. Brittain, barrister, u minn C. Donnelly, SC,
U minn
L-Istati Uniti tal-Amerika, irrappreżentati minn B. Walsh, S. Barton u A. Finlay, solicitors, E. Barrington, SC, u D. Hardiman, barrister,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),
komposta minn O. Porchia, Presidenta tal-Awla, M. Jaeger (Relatur), L. Madise, P. Nihoul u S. Verschuur, Imħallfin,
Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,
wara li rat id-digriet tat‑12 ta’ Ottubru 2023, Latombe vs Il‑Kummissjoni (T‑553/23 R, mhux ippubblikat, EU:T:2023:621),
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑1 ta’ April 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Philippe Latombe, jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1795 tal‑10 ta’ Lulju 2023 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data personali taħt l-ambitu tal-Qafas dwar il-Privatezza tad-Data UE-US (ĠU 2023, L 231, p. 118) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Ir-rikorrent huwa ċittadin Franċiż li jallega li juża diversi pjattaformi informatiċi li jiġbru d-data personali tiegħu u jittrasferixxuha lejn l-Istati Uniti. |
|
3 |
Fir-rigward tat-trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti, fl-ewwel lok, permezz tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schrems I, EU:C:2015:650), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalida d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas‑26 ta’ Lulju 2000 skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-prinċipji ta’ privatezza ta’ port salv u li tirrigwarda mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-USA (ĠU 2000, L 215, p. 7). |
|
4 |
Fit-tieni lok, permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schrems II, EU:C:2020:559), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalida d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat‑12 ta’ Lulju 2016 skont id-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. (ĠU 2016, L 207, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-ħarsien tal-privatezza”). |
|
5 |
Fis-sentenzi Schrems I u Schrems II, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, qieset b’mod partikolari li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirriżulta mid-deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza msemmija fil-punti 3 u 4 iktar ’il fuq, is-sistema ta’ privatezza ta’ port salv u s-sistema tal-ħarsien tal-privatezza (iktar ’il quddiem il-“ħarsien tal-privatezza”) li jirregolaw it-trasferiment ta’ data personali ma kinux jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit mid-dritt tal-Unjoni. |
|
6 |
Wara s-sentenza Schrems II, il-Kummissjoni bdiet taħditiet mal-Gvern tal-Istati Uniti bl-għan li tadotta eventwali deċiżjoni ġdida dwar l-adegwatezza li tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”), kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
7 |
Għalhekk, fis‑7 ta’ Ottubru 2022 l-Istati Uniti tal-Amerika adottaw l-Executive Order 14086 (id-Digriet Presidenzjali Nru 14086, iktar ’il quddiem l-“E.O. 14086”), li jsaħħaħ il-miżuri ta’ protezzjoni tal-ħajja privata li jirregolaw l-attivitajiet ta’ intelligence tas-sinjali mwettqa mill-aġenziji tal-intelligence stabbiliti fl-Istati Uniti. Dan id-digriet ġie kkompletat bl-Attorney General Order No. 5517–2022 (ir-Regolament tal-Prosekutur Ġenerali Nru 5517-2022, iktar ’il quddiem ir-“Regolament AG”), li żied il-parti 201 fit-Titolu 28 tal-Code of Federal Regulations (CFR, il-Kodiċi tar-Regolamenti Federali), li tirregola l-ħolqien u l-funzjonament tad-Data Protection Review Court (il-Qorti Inkarigata mill-Istħarriġ tal-Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem id-“DPRC”). |
|
8 |
Fl‑10 ta’ Lulju 2023, wara eżami ta’ dawn l-iżviluppi regolatorji fl-Istati Uniti, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 45(3) tal-GDPR, id-Deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi l-qafas transatlantiku l-ġdid ta’ flussi ta’ data personali bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti. L-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jiddikjara li l-Istati Uniti tal-Amerika jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn organizzazzjonijiet stabbiliti f’dan il-pajjiż u li tinsab fil-lista tal-“Qafas dwar il-Privatezza tad-Data UE-US” (iktar ’il quddiem id-“DPF”) aġġornata u ppubblikata mid-Dipartiment tal-Kummerċ tagħhom (iktar ’il quddiem l-“Organizzazzjonijiet tad-DPF”). |
II. It-talbiet tal-partijiet
|
9 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
10 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id-dritt
A. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà
|
11 |
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni eċepixxiet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, abbażi tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
12 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, minħabba li r-rikorrent ma għandux locus standi, li ma għandux interess ġuridiku u li l-parti tad-Deċiżjoni kkontestata li tagħha huwa jitlob l-annullament hija inseparabbli mill-kumplament ta’ din id-deċiżjoni. |
|
13 |
Ir-rikorrent jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u jsostni li r-rikors tiegħu huwa ammissibbli. |
|
14 |
Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr deċiżjoni minn qabel fuq l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52). |
|
15 |
Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li peress li r-rikors huwa, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti fil-punti 16 sa 204 iktar ’il quddiem, infondat, hemm lok, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 2014, Marchiani vs Il‑Parlament, T‑479/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:866, punt 23, u tal-20 ta’ Diċembru 2023, Naturstrom vs Il‑Kummissjoni, T‑60/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:839, punt 74). |
B. Fuq il-mertu
|
16 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi, ibbażati:
|
|
17 |
Waqt is-seduta r-rikorrent irrinunzja għall-ewwel motiv tiegħu, dwar il-ksur tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 1/1958. Għandhom għalhekk jiġu eżaminati biss it-tieni sal-ħames motiv tiegħu. |
1. Osservazzjonijiet preliminari
|
18 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 45(1) tal-GDPR jipprevedi li trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jista’ jiġi awtorizzat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dan il-pajjiż terz, territorju jew settur speċifiku wieħed jew iktar f’dan il-pajjiż jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni. Din id-dispożizzjoni hija inkluża fil-Kapitolu V tal-imsemmi regolament li, kif ġie indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa intiż globalment sabiex jiżgura l-kontinwità tal-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali, li huwa ggarantit mid-dritt tal-Unjoni bis-saħħa ta’ dan ir-regolament, meta din tiġi ttrasferita lejn pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schrems II, punt 93). |
|
19 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, mingħajr ma teżiġi li l-pajjiż terz ikkonċernat jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni identiku għal dak iggarantit fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-espressjoni “livell adegwat ta’ protezzjoni” li tinsab fl-Artikolu 45(1) tal-GDPR, għandha tinftiehem bħala li teżiġi li dan il-pajjiż terz jiżgura effettivament, minħabba l-leġiżlazzjoni interna tiegħu jew minħabba l-impenji internazzjonali tiegħu, livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali li jkun sostanzjalment identiku għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni bis-saħħa tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schrems II, punti 94 u 162). |
|
20 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, anki jekk il-mezzi li l-pajjiż terz juża sabiex jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali jistgħu jkunu differenti minn dawk implimentati fi ħdan l-Unjoni sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal-Karta, dawn il-mezzi għandhom madankollu jkunu, fil-prattika, effettivi sabiex tiġi żgurata protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dik iggarantita fi ħdan l-Unjoni (sentenza Schrems I, punt 74). |
|
21 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl, minn naħa, tar-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, tan-numru kunsiderevoli ta’ persuni li d-drittijiet fundamentali tagħhom jistgħu jinkisru fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz li ma jiżgurax livell adegwat ta’ protezzjoni, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni żgurat minn pajjiż terz tirriżulta mnaqqsa b’tali mod li kien meħtieġ li l-qorti tal-unjoni twettaq stħarriġ strett deċiżjoni dwar l-adegwatezza (sentenza Schrems I, punt 78). |
|
22 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta dan l-att ġie adottat, b’tali mod li atti sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma jistgħux jaffettwaw il-validità tagħha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu eżaminati biss skont l-elementi li hija kellha fil-mument meta għamlithom. |
|
23 |
Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu analizzati l-motivi mqajma mir-rikorrent billi l-ewwel jiġi eżaminat it-tielet motiv, imbagħad it-tieni motiv, sussegwentement ir-raba’ motiv u fl-aħħar nett il-ħames motiv. |
2. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 45(2) tal-GDPR
|
24 |
Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 45(2) tal-GDPR, peress li, fid-Deċiżjoni kkontestata, hija qieset li d-DPRC kienet toffri livell adegwat ta’ protezzjoni fir-rigward tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jaċċedu għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. |
|
25 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta huwa s-segwenti: “Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.” |
|
26 |
Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-imsemmija Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Il-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni huwa s-segwenti: “Kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli, minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi, li għandha tiddeċiedi, jew dwar il-kontestazzjonijiet marbuta mad-drittijiet u mal-obbligi ta’ natura ċivili tagħha, jew dwar il-fondatezza ta’ kull akkuża fil-qasam kriminali mressqa kontriha.” |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-KEDB ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet magħha, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-eżami tal-validità ta’ att tad-dritt sekondarju għandu jsir biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punti 45 u 46). |
|
28 |
Madankollu, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li, minn naħa, skont l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u li, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li d-drittijiet inklużi fiha, li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija lilhom mill-KEDB (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Korwin-Mikke vs Il‑Parlament, T‑770/16, EU:T:2018:320, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza, fl-interess tal-konsistenza u mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet li jinsabu fil-Karta li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB għandhom jiġu interpretati wkoll fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ dannu serju), C‑125/22, EU:C:2023:843, punt 59, u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Korwin-Mikke vs Il‑Parlament, T‑770/16, EU:T:2018:320, punt 38). |
|
30 |
Minn dan isegwi, skont il-ġurisprudenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, li l-interpretazzjoni li hija tagħti lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-imsemmija karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 45(2) tal-GDPR jipprevedi li, meta tevalwa l-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin:
|
|
32 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ ilmenti mqajma mir-rikorrent insostenn ta’ dan il-motiv. |
a) Fuq l-ewwel ilment tat-tielet motiv, li jgħid li d-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali
|
33 |
Permezz tal-ewwel ilment tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, iżda organu paraġudizzjarju li jiddependi mill-poter eżekuttiv. |
|
34 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
35 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u mill-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha tiġi żgurata b’mod partikolari fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 195 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Il-ġurisprudenza tippreċiża li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-korp ikkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’awtonomija sħiħa, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe oriġini, u għalhekk ikun protett mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeħtieġ l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tal-kawża lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 224 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Il-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-awla, il-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll ir-raġunijiet għal astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tneħħija tal-membri tagħha, b’mod li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ dik l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 596 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati t-tliet argumenti mqajma mir-rikorrent insostenn ta’ dan l-ilment. |
1) Fuq l-ewwel argument, li jgħid li d-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali, peress li l-missjoni tagħha hija dik li teżamina mill-ġdid id-deċiżjonijiet tas-Civil Liberties Protection Officer of the Director of National Intelligence
|
39 |
Permezz tal-ewwel argument tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali, peress li l-missjoni tagħha tikkonsisti fl-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tas-Civil Liberties Protection Officer of the Director of National Intelligence (l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tal-Libertajiet Ċivili tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, iktar ’il quddiem iċ-“CLPO”, l-Istati Uniti), li huwa marbut mal-Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali tal-Istati Uniti (iktar ’il quddiem id-“Direttur tal-Intelligence Nazzjonali”). |
|
40 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
41 |
Għall-finijiet ta’ ċarezza, għandu jiġi ppreċiżat li l-ewwel argument tal-ewwel ilment tat-tielet motiv għandu jiġi interpretat fis-sens li, essenzjalment, skont ir-rikorrent, minn naħa, fil-kuntest tat-trattament ta’ lment dwar id-data personali mressaq minn suġġett tad-data fl-Unjoni li jixtieq jinvoka ksur tad-dritt tal-Istati Uniti li jirregola l-attivitajiet ta’ intelligence tas-sinjali li jippreġudika l-interessi tiegħu fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet ċivili (iktar ’il quddiem l-“ilment dwar id-data personali”), iċ-CLPO ma għandux biżżejjed garanziji biex jiżgura l-indipendenza tiegħu, minħabba li huwa marbut mal-Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, id-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali minħabba n-nuqqas ta’ garanziji applikabbli għaċ-CLPO. |
|
42 |
Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-eżami tal-garanziji relatati mal-indipendenza taċ-CLPO huwa irrilevanti sabiex jiġi evalwat jekk id-DPRC hijiex qorti indipendenti u imparzjali. Fil-fatt, id-DPRC ġiet stabbilita bħala korp ta’ kontroll indipendenti miċ-CLPO li tista’, kif jirriżulta mill-premessa 184 tad-Deċiżjoni kkontestata, tintalab, kemm mill-persuna li ressqet l-ilment dwar id-data personali kif ukoll minn kull komponent tal-komunità tal-intelligence twettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni taċ-CLPO u fl-E.O. 14086 ġew previsti diversi garanziji sabiex id-deċiżjonijiet taċ-CLPO jkunu jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid u, jekk ikun il-każ, mibdula, b’mod indipendenti u imparzjali, mid-DPRC. |
|
43 |
L-ewwel nett, mill-premessi 185 u 186 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, li d-DPRC hija komposta, minn tal-inqas, minn sitt imħallfin li huma maħtura mill-Attorney General (il-Prosekutur Ġenerali, l-Istati Uniti, iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”), wara konsultazzjoni mal-Privacy and Civil Liberties Oversight Board (il-Bord ta’ Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili, l-Istati Uniti, iktar ’il quddiem il-“PCLOB”), mas-Secretary of Commerce (is-Segretarju tal-Istat għall-Kummerċ, l-Istati Uniti) u mad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, għal mandati li jistgħu jiġġeddu ta’ erba’ snin, bl-użu tal-istess kriterji bħal dawk li japplikaw għall-imħallfin tal-qrati federali u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza ġudizzjarja preċedenti tagħhom. Għalhekk, l-imħallfin jeħtiġilhom ikunu prattikanti legali, jiġifieri membri attivi rreġistrati korrettament mal-Kamra tal-Avukati u awtorizzati debitament sabiex jipprattikaw il-liġi, u għandu jkollhom esperjenza xierqa fil-qasam tad-dritt għal protezzjoni tal-ħajja privata u tas-sigurtà nazzjonali. Il-Prosekutur Ġenerali għandu jiżgura li minn tal-anqas nofs l-imħallfin ikollhom esperjenza ġudizzjarja preċedenti u l-imħallfin kollha għandu jkollhom awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għal informazzjoni ta’ sigurtà nazzjonali klassifikata. Huma biss il-persuni li jissodisfaw il-kwalifiki msemmija iktar ’il fuq u li ma jkunux impjegati tal-poter eżekuttiv fiż-żmien tal-ħatra tagħhom jew li ma kinux tali impjegati matul is-sentejn preċedenti li jistgħu jiġu maħtura fid-DPRC. Bl-istess mod, matul il-mandat tagħhom, l-imħallfin tad-DPRC ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda kariga uffiċjali jew impjieg fi ħdan il-Gvern tal-Istati Uniti. |
|
44 |
It-tieni nett, mill-premessi 188 u 189 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, li d-deċiżjonijiet taċ-CLPO huma eżaminati mill-ġdid, b’mod sħiħ, minn kulleġġ ġudikanti kompost minn tliet imħallfin tad-DPRC assistiti minn avukat speċjali. Issa, matul l-imsemmi eżami mill-ġdid, id-DPRC ma tibbażax ruħha biss fuq il-fajl ipprovdut miċ-CLPO, iżda wkoll fuq l-informazzjoni u fuq l-osservazzjonijiet mibgħuta mil-lanjant, mill-avukat speċjali li jassisti lill-imħallfin tagħha u mill-aġenziji tal-intelligence kif ukoll, jekk ikun il-każ, fuq l-informazzjoni addizzjonali li hija talbet matul l-investigazzjoni tal-ilment dwar id-data personali. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, hija għandha tapplika l-ġurisprudenza rilevanti tas-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti). |
|
45 |
It-tielet nett, mill-premessi 190 u 191 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, li d-DPRC għandha setgħa ta’ bidla, li ma hijiex marbuta bid-deċiżjoni taċ-CLPO u li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil ma’ dan tal-aħħar, tista’ tadotta d-deċiżjoni tagħha stess dwar l-ilment dwar id-data personali. Barra minn hekk, irrispettivament mid-deċiżjoni tad-DPRC, din id-deċiżjoni hija vinkolanti u finali. Għalhekk, kemm l-aġenziji tal-intelligence kif ukoll il-Gvern tal-Istati Uniti huma obbligati jikkonformaw ruħhom magħhom. |
|
46 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-garanziji previsti mill-E.O. 14086 fir-rigward tal-funzjonament u tas-setgħat tad-DPRC jippermettu eżami mill-ġdid indipendenti u imparzjali tad-deċiżjonijiet adottati miċ-CLPO. Għalhekk, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-indipendenza u l-imparzjalità tad-DPRC hija affettwata mill-insuffiċjenza tal-garanziji applikabbli għaċ-CLPO. |
|
47 |
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-allegata insuffiċjenza tal-garanziji intiżi sabiex tiġi żgurata l-indipendenza taċ-CLPO, għandu jiġi osservat dan li ġej. |
|
48 |
Għandu jiġi osservat, hekk kif jirriżulta mill-premessi 176 sa 181 tad-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, li l-E.O. 14086, ikkompletat bir-Regolament AG, stabbilixxa mekkaniżmu speċifiku ta’ rimedju sabiex jittratta l-ilment dwar id-data personali. Dan l-ilment għandu jiġi ppreżentat quddiem l-awtorità superviżorja inkarigata, f’kull Stat Membru, mis-sorveljanza tal-ipproċessar tad-data personali, li sussegwentement tibagħtu liċ-CLPO, bil-kundizzjoni li jkun fih l-elementi indikati fil-punt 178 tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri informazzjoni dwar id-data personali li fir-rigward tagħha huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li ġiet ittrasferita lejn l-Istati Uniti, il-mezzi li permezz tagħhom jista’ jitqies li din ġiet ittrasferita, l-identità, jekk tkun magħrufa, tal-entitajiet tal-Gvern tal-Istati Uniti ssuspettati li huma involuti fil-ksur allegat, il-bażi tal-ksur allegat tad-dritt tal-Istati Uniti u n-natura tal-kumpens mitlub. F’dan il-kuntest, iċ-CLPO għandu jiddetermina jekk l-aġenziji tal-intelligence kisrux id-dritt applikabbli tal-Istati Uniti u, jekk dan ikun il-każ, jista’ jordna li dawn jimplimentaw miżuri korrettivi. Id-deċiżjoni taċ-CLPO dwar l-imsemmi lment hija vinkolanti. |
|
49 |
Ċertament, fil-premessa 179 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li ċ-CLPO jagħmel parti mill-Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali u li, minbarra l-kompetenza speċifika tiegħu sabiex jeżamina l-ilment dwar id-data personali, huwa obbligat, b’mod iktar ġenerali, li jiżgura li l-protezzjoni tal-libertajiet ċivili u tal-ħajja privata tiġi integrata b’mod xieraq fil-politiki u fil-proċeduri tal-imsemmi uffiċċju u tal-aġenziji tal-intelligence u li dawn tal-aħħar josservaw ir-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet ċivili. Madankollu, minn naħa, għandu jiġi osservat li, kif imsemmi f’din il-premessa, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza taċ-CLPO, l-E.O. 14086 jipprevedi li dan jista’ jitneħħa mill-kariga biss mill-imsemmi direttur u għal raġuni valida, jiġifieri fil-każ ta’ kondotta ħażina, ksur tal-liġi f’kariga pubblika, ksur tas-sigurtà, negliġenza fid-dmir jew inkapaċità. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 180 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-aġenziji tal-intelligence u d-direttur tal-intelligence nazzjonali huma pprojbiti milli jostakolaw jew jinfluwenzaw indebitament ix-xogħol taċ-CLPO li, fil-kuntest tal-eżami tal-ilment dwar id-data personali, għandu japplika l-liġi b’mod imparzjali, billi jieħu inkunsiderazzjoni kemm l-interessi li jaqgħu taħt is-sigurtà nazzjonali kif ukoll il-protezzjoni tal-ħajja privata. |
|
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud. |
2) Fuq it-tieni argument, li jgħid li d-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali, peress li hija komposta minn imħallfin maħtura mill-Prosekutur Ġenerali wara konsultazzjoni mal-PCLOB
|
51 |
Permezz tat-tieni argument tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali, peress li hija komposta minn imħallfin maħtura mill-Prosekutur Ġenerali wara konsultazzjoni mal-PCLOB, li huwa organu li jiddependi mill-poter eżekuttiv. |
|
52 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
53 |
Fl-ewwel lok, mill-premessa 110 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-PCLOB huwa aġenzija indipendenti, stabbilita fi ħdan il-poter eżekuttiv. L-indipendenza ta’ din l-aġenzija tirriżulta b’mod partikolari mill-kompożizzjoni tagħha. Fil-fatt, din hija komposta minn Bord ta’ ħames membri miż-żewġ partiti maħtura mill-President tal-Istati Uniti, bl-approvazzjoni tas-Senat, għal mandat fiss ta’ sitt snin. L-imsemmija membri għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-kwalifiki professjonali tagħhom, tal-kisbiet tagħhom, tal-kariga pubblika tagħhom, tal-għarfien espert li huma għandhom fil-qasam tal-libertajiet ċivili u tal-ħajja privata, u tal-esperjenza tagħhom, u mingħajr ma titqies l-affiljazzjoni politika tagħhom. Il-PCLOB ma jistax ikun jinkludi iktar minn tliet membri li jappartjenu għall-istess partit politiku. Persuna maħtura bħala membru tal-PCLOB ma tistax, matul il-mandat tagħha, tkun rappreżentant elett, uffiċjal, jew impjegat tal-Gvern Federali, għajr fil-kapaċità tagħha ta’ membru tal-PCLOB. |
|
54 |
Minn dan isegwi li, għalkemm il-PCLOB ġie stabbilit fi ħdan il-poter eżekuttiv, huwa ġie kkonċepit, permezz tal-Istatut fundatur tiegħu, bħala aġenzija indipendenti li għandha missjoni ta’ superviżjoni, b’mod imparzjali, tax-xogħol imwettaq mill-poter eżekuttiv sabiex tipproteġi, b’mod partikolari, il-ħajja privata u l-libertajiet ċivili. Għalhekk, kif huwa indikat fil-premessa 194 tad-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, huwa għandu jivverifika kull sena jekk iċ-CLPO u d-DPRC ittrattawx il-kawżi mressqa quddiemhom fit-termini stabbiliti, jekk kellhomx aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja, jekk ħadux inkunsiderazzjoni l-garanziji kollha previsti mill-E.O. 14086 u jekk l-aġenziji tal-intelligence kkonformawx ruħhom mad-deċiżjonijiet tagħhom. Wara din il-verifika, huwa għandu jiċċertifika pubblikament li ċ-CLPO u d-DPRC osservaw dawn il-garanziji. Barra minn hekk, huwa għandu jippreżenta rapport lill-President tal-Istati Uniti, lill-Prosekutur Ġenerali, lid-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, lill-Kapijiet tal-Aġenziji tal-Intelligence, liċ-CLPO u lill-Kumitati tal-Intelligence tal-United States Congress (il-Kungress tal-Istati Uniti). Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku f’verżjoni mhux klassifikata. Il-Prosekutur Ġenerali, id-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, iċ-CLPO u l-Kapijiet tal-Aġenziji tal-Intelligence huma obbligati li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha indikati fl-imsemmi rapport. |
|
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-PCLOB ġie stabbilit fi ħdan il-poter eżekuttiv ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkluż li, minħabba li dan għandu jiġi kkonsultat qabel il-ħatra tal-imħallfin tad-DPRC, id-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali. |
|
56 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, sabiex jiġi żgurat li l-imħallfin tad-DPRC ikunu indipendenti mill-poter eżekuttiv, l-E.O. 14086 jipprevedi li, fil-kuntest tal-ħatra tagħhom, il-Prosekutur Ġenerali għandu josserva l-kriterji u l-kundizzjonijiet indikati fil-punt 43 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 187 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-imħallfin tad-DPRC jistgħu jitneħħew biss mill-Prosekutur Ġenerali u biss għal raġuni valida, jiġifieri kondotta ħażina, ksur tal-liġi f’kariga pubblika, ksur tas-sigurtà, negliġenza fid-dmir jew inkapaċità, wara li jkunu ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli għall-imħallfin federali previsti fir-regoli dwar il-kondotta ġudizzjarja u l-proċedura ta’ inkapaċità ġudizzjarja. |
|
57 |
Minn dan isegwi li r-regoli dwar il-ħatra u t-tkeċċija tal-imħallfin tad-DPRC ma jistgħux jikkontestaw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha. |
|
58 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni hija obbligata ssegwi b’mod permanenti l-applikazzjoni tal-kuntest ġuridiku li fuqu hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom iseħħu t-trasferimenti ulterjuri ta’ data personali, li fihom jiġu eżerċitati d-drittijiet individwali u li fihom l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti jkollhom aċċess għad-data ttrasferita abbażi ta’ din id-deċiżjoni, bl-għan li jiġi ddeterminat jekk l-Istati Uniti tal-Amerika għadhomx jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni. Għalhekk, skont il-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu, meta jkollha elementi li jindikaw li livell adegwat ta’ protezzjoni ma għadux jiġi żgurat, il-Kummissjoni għandha tinforma b’dan lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u, jekk ikun neċessarju, hija tiddeċiedi li tissospendi, li temenda jew li tħassar id-Deċiżjoni kkontestata jew li tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Minn dan isegwi li, jekk il-kuntest ġuridiku fis-seħħ fl-Istati Uniti fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata; li wassal sabiex il-Kummissjoni tqis, fl-imsemmija deċiżjoni, li d-DPRC kienet toffri protezzjoni legali sostanzjalment ekwivalenti għal dik iggarantita mid-dritt tal-Unjoni; jinbidel, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ, li tissospendi, li temenda jew li tħassar id-Deċiżjoni kkontestata jew li tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
|
59 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
3) Fuq it-tielet argument, li jgħid li d-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali, peress li r-Regolament AG ma jeskludix il-possibbiltà li l-imħallfin tagħha jkunu suġġetti għal forom oħra ta’ superviżjoni mhux ta’ kuljum min-naħa tal-poter eżekuttiv
|
60 |
Permezz tat-tielet argument tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-DPRC ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali, peress li r-Regolament AG ma jeskludix il-possibbiltà li l-imħallfin tagħha jkunu suġġetti għal forom oħra ta’ superviżjoni mhux ta’ kuljum min-naħa tal-poter eżekuttiv. |
|
61 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
62 |
Għandu jiġi osservat li, għalkemm mill-proċess jirriżulta li, skont l-Artikolu 201.7(d) tar-Regolament AG, l-imħallfin tad-DPRC ma għandhomx ikunu suġġetti għas-superviżjoni ta’ kuljum min-naħa tal-Prosekutur Ġenerali, il-premessa 187 tad-Deċiżjoni kkontestata tindika wkoll li, skont l-E.O. 14086, l-aġenziji tal-intelligence u l-Prosekutur Ġenerali la għandhom jostakolaw u lanqas ma għandhom jinfluwenzaw indebitament ix-xogħol tad-DPRC. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-E.O. 14086 u r-Regolament AG jillimitaw il-possibbiltà li l-poter eżekuttiv jinfluwenza x-xogħol tad-DPRC billi jistabbilixxi li l-imħallfin tagħha jistgħu jitkeċċew biss mill-Prosekutur Ġenerali u biss għar-raġunijiet indikati fil-punt 56 iktar ’il fuq. |
|
63 |
F’dan il-kuntest, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud u, għaldaqstant, li l-ewwel ilment tat-tielet motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
b) Fuq it-tieni lment tat-tielet aggravju, li jgħid li d-DPRC ma hijiex qorti stabbilita minn qabel bil-liġi
|
64 |
Permezz tat-tieni lment tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-DPRC ma ġietx stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn din ma nħolqitx permezz ta’ liġi adottata mill-Kungress tal-Istati Uniti, iżda permezz ta’ att tal-poter eżekuttiv, jiġifieri deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali. |
|
65 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
66 |
Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fid-dawl ta’ dik tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB (Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 231 u 233), jirriżulta li, għalkemm id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi jikkostitwixxi dritt awtonomu, dan tal-aħħar xorta waħda għandu rabtiet stretti ħafna mal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jinsabu f’din l-istess dispożizzjoni. B’mod iktar partikolari, għalkemm ir-rekwiżiti kollha imposti minn dawn il-kunċetti għandhom rispettivament għan preċiż li jagħmilhom garanziji speċifiċi għal smigħ xieraq, dawn il-garanziji huma intiżi għall-osservanza tal-istess prinċipji fundamentali li huma l-preeminenza tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri. Għalhekk, kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa bbażat fuq il-ħtieġa imperattiva li tiġi ppreżervata l-fiduċja li poter ġudizzjarju għandu jispira fi ħdan parti fil-kawża u l-indipendenza ta’ dan il-poter fil-konfront tal-poteri l-oħra (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti),C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 2014, Biagioli vs San Marino, CE:ECHR:2014:0708DEC000816213, punti 72 sa 74; ara wkoll, il-Qorti EDB, 2 ta’ Mejju 2019, Pasquini vs San Marino, CE:ECHR:2019:0502JUD005095616, punti 100 u 101 u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-għan tal-espressjoni “stabbilita minn qabel bil-liġi” huwa dak li jiġi evitat li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-poter eżekuttiv u li jiġi żgurat li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi adottata mill-poter leġiżlattiv b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu. Din l-espressjoni tirrifletti, għalhekk, il-prinċipju tal-Istat tad-dritt u ma tirrigwardax biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
68 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi u dwar il-konsegwenzi ta’ tali ksur kienet suġġetta għal evalwazzjoni globali ta’ ċertu numru ta’ elementi li, meqjusa flimkien, jikkontribwixxu sabiex joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li korp, bħall-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura, involut fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ikun, b’mod predominanti, kompost minn membri magħżula mill-poter leġiżlattiv ma jistax, waħdu, iwassal biex tiġi ddubitata l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fit-tmiem ta’ dan il-proċess, iżda li, madankollu, jista’ jkun mod ieħor meta dan il-fatt flimkien ma’ elementi oħra rilevanti u mal-kundizzjonijiet li fihom saru dawn l-għażliet iwasslu biex joħolqu tali dubji (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 207 u 212), il-Qorti EDB qieset li l-ħatra ta’ mħallfin mill-poter eżekuttiv jew mill-poter leġiżlattiv hija ammissibbli, sakemm l-imħallfin hekk maħtura jkunu ħielsa minn kull pressjoni jew minn kull influwenza meta jeżerċitaw ir-rwol ġudizzjarju tagħhom. |
|
71 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, essenzjalment, li, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta humiex issodisfatti, wieħed ma għandux jillimita ruħu għall-evalwazzjoni tan-natura formali tat-test ġuridiku li jistabbilixxi qorti u li jiddefinixxi r-regoli ta’ funzjonament tagħha, iżda għandu jivverifika jekk dan it-test ġuridiku jipprevedix garanziji suffiċjenti intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha fil-konfront tal-poteri l-oħra, b’mod partikolari l-poter eżekuttiv. |
|
72 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schrems I u fis-sentenza Schrems II, fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiżgura li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-pajjiż terz huma identiċi għal dawk fis-seħħ fl-Unjoni, iżda li jkunu sostanzjalment ekwivalenti għal dawk iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni skont il-GDPR, moqri fid-dawl tal-Karta (ara l-punti 19 u 20 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali hija obbligata li tivverifika l-fondatezza tal-konstatazzjoni ta’ adegwatezza mwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Istati Uniti dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tad-DPRC joffru garanziji sostanzjalment ekwivalenti għal dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-imsemmija karta. Tali garanziji huma offruti, b’mod partikolari, meta t-test legali li jistabbilixxi din il-qorti u li jiddefinixxi r-regoli ta’ funzjonament tagħha jkun intiż li jiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha fir-rigward tal-poteri l-oħra, b’mod partikolari tal-poter eżekuttiv, u dan minkejja l-fatt li l-imsemmi test ma jikkostitwixxix, minn perspettiva formali, liġi. |
|
73 |
F’dan il-każ, mill-premessa 185 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrent, li d-DPRC ġiet stabbilita bir-Regolament AG. Minn dan jirriżulta li d-DPRC ma ġietx ikkostitwita permezz ta’ liġi adottata mill-poter leġiżlattiv, jiġifieri mill-Kungress tal-Istati Uniti, iżda permezz ta’ att tal-poter eżekuttiv. Il-Prosekutur Ġenerali huwa, fil-fatt, il-kap tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u l-persuna prinċipali responsabbli għall-infurzar tal-liġi fi ħdan il-Gvern Federali tal-Istati Uniti. L-imsemmi prokuratur huwa l-konsulent ewlieni tal-President tal-Istati Uniti dwar il-kwistjonijiet legali kollha u huwa parti mill-Kabinett tiegħu. |
|
74 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi vverifikat jekk, b’mod sostanzjalment ekwivalenti għad-dritt tal-Unjoni, l-E.O. 14086 u r-Regolament AG jipprevedux garanziji intiżi li jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tad-DPRC. |
|
75 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li mill-proċess jirriżulta, mingħajr ma jiġi kkontestat, li:
|
|
76 |
It-tieni nett, minn naħa, għandu jitfakkar li mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, essenzjalment, li:
|
|
77 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-premessi 187 sa 189 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-imħallfin tad-DPRC għandhom josservaw, fit-twettiq tal-missjoni tagħhom fi ħdan din tal-aħħar, il-garanziji proċedurali li ġejjin:
|
|
78 |
It-tielet nett, għandu jiġi osservat li n-nuqqasijiet li kienu ġew osservati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schrems II fir-rigward tal-assenza ta’ garanziji dwar it-tneħħija, mill-poter eżekuttiv, tal-Ombudsman tal-Ħarsien tal-Privatezza u tan-nuqqas ta’ natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tiegħu, ġew irrimedjati. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-E.O. 14086 jillimita l-każijiet li fihom il-Prosekutur Ġenerali jista’jneħħi l-imħallfin tad-DPRC u jipprevedi li d-deċiżjonijiet tagħha huma vinkolanti. |
|
79 |
F’dan il-kuntest, it-tieni lment tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud. |
|
80 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li mill-proċess jirriżulta li, bl-istess mod bħal qrati oħra tas-sistema legali tal-Istati Uniti, filwaqt li għandha s-setgħa li tagħti deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet legali, id-DPRC ma tikkostitwixxix awtorità ġudizzjarja stabbilita skont l-Artikolu III tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti. |
|
81 |
Fil-fatt, fis-sentenza Schrems II, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li protezzjoni ġudizzjarja effettiva setgħet tiġi żgurata mhux biss minn qorti li tagħmel parti mill-ordinament ġudizzjarju, iżda wkoll minn kull “korp” ieħor li kien joffri lill-persuni li d-data tagħhom ġiet ittrasferita lejn l-Istati Uniti garanziji sostanzjalment ekwivalenti għal dawk meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza Schrems II, punt 197). |
|
82 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
3. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta
|
83 |
Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, sa fejn, fid-Deċiżjoni kkontestata, hija qieset li l-Istati Uniti tal-Amerika kienu jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni fir-rigward tal-ġbir mhux selettiv, mill-aġenziji tal-intelligence ta’ dan il-pajjiż, ta’ data personali. |
a) Fuq is-suġġett tat-tieni motiv
|
84 |
Għandu jiġi osservat li, fil-paġni 2 u 23 tar-rikors kif ukoll fil-paġna 4 tar-replika, meta jsemmi l-formulazzjoni tat-tieni motiv, ir-rikorrent jagħmel riferiment għall-ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta f’dak li jirrigwarda mhux biss il-ġbir mhux selettiv, iżda wkoll il-ġbir massiv ta’ data personali. Madankollu, fl-argumenti li huwa jagħmel wara d-dikjarazzjoni tal-formulazzjoni tal-imsemmi motiv, ir-rikorrent jiffoka l-argument tiegħu biss fuq il-ġbir mhux selettiv ta’ din id-data. |
|
85 |
Min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 250 li tinsab fil-paġna 46 tad-Deċiżjoni kkontestata, mill-premessa 141 tal-imsemmija deċiżjoni, li ma ġietx ikkontestata, kif ukoll mit-tweġibiet ipprovduti mill-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, jirriżulta li:
|
|
86 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, peress li l-ġbir massiv ma huwiex awtorizzat fl-Istati Uniti u li l-ġbir mhux selettiv jista’ jsir biss barra mill-Istati Uniti, is-suġġett ta’ dan il-motiv huwa limitat, f’dan il-każ, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta f’dak li jirrigwarda l-ġbir mhux selettiv, mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, ta’ data personali fi tranżitu mill-Unjoni lejn l-Organizzazzjonijiet tad-DPF, bl-esklużjoni ta’ kull ġbir ta’ data personali mwettaq, jekk ikun il-każ, fit-territorju tal-Unjoni mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti jew tal-Istati Membri. |
b) Fuq l-ewwel ilment tat-tieni motiv, li jgħid li l-attivitajiet ta’ intelligence mwettqa skont l-Artikolu 702 tal-FISA ma humiex suġġetti għall-garanziji previsti mill-E.O. 14086
|
87 |
Permezz tal-ewwel ilment tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta peress li, fid-Deċiżjoni kkontestata hija qieset, essenzjalment, li l-Istati Uniti tal-Amerika kienu joffru livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit mid-dritt tal-Unjoni skont il-GDPR, moqri fid-dawl tal-imsemmija karta, minkejja l-fatt li l-Artikolu 702 tal-FISA jagħti lill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti l-possibbiltà ta’ ġbir mhux selettiv ta’ data personali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi oħra. |
|
88 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
89 |
Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 702 tal-FISA ma jawtorizzax il-ġbir mhux selettiv iżda biss il-ġbir immirat ta’ data personali. |
|
90 |
Minn dan isegwi li, sa fejn l-Artikolu 702 tal-FISA ma jikkonċernax il-ġbir mhux selettiv ta’ data personali, dan huwa irrilevanti f’dan il-każ. |
|
91 |
Għalhekk, l-ewwel ilment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
c) Fuq it-tieni lment tat-tieni motiv, li jgħid li l-E.O. 14086 ma jissuġġettax il-ġbir mhux selettiv ta’ data personali għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva
|
92 |
Permezz tat-tieni lment tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta peress li, fid-Deċiżjoni kkontestata, hija qieset li l-Istati Uniti tal-Amerika kienu joffru livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak li huwa ggarantit mid-dritt tal-Unjoni skont il-GDPR, moqri fid-dawl tal-imsemmija karta, minkejja l-fatt li l-E.O. 14086 ma jistabbilixxix l-obbligu, għall-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, li jiksbu, qabel il-ġbir mhux selettiv ta’ data personali, l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva. |
|
93 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
94 |
F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta, mingħajr ma dan huwa kkontestat mill-partijiet, li d-dritt tal-Istati Uniti ma jistabbilixxix l-obbligu, għall-aġenziji tal-intelligence, li jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva qabel ma jwettqu l-ġbir mhux selettiv ta’ data personali fi tranżitu mill-Unjoni lejn l-Organizzazzjonijiet tad-DPF. |
|
95 |
Għandu jiġi stabbilit jekk din l-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tistax taffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tista’ tikkonfuta l-konklużjoni li tinsab fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, li tgħid li l-Istati Uniti tal-Amerika joffru livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali. |
|
96 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schrems II, sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk id-dritt tal-pajjiż terz jiżgurax livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni skont il-GDPR, moqri fid-dawl tal-Karta (ara l-punti 19 iktar ’il fuq). |
|
97 |
Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-erba’ argumenti mqajma mir-rikorrent insostenn ta’ dan l-ilment. |
1) Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq is-sentenza Schrems II
|
98 |
Permezz tal-ewwel argument tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, kif kien il-każ għad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-ħarsien tal-privatezza annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schrems II minħabba b’mod partikolari n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ stħarriġ ġudizzjarju, il-ġbir mhux selettiv ta’ data personali li jitwettaq, f’dan il-każ, mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti ma huwiex suġġett għal superviżjoni ġudizzjarja u ma huwiex irregolat minn regoli suffiċjentement ċari u preċiżi. |
|
99 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
100 |
Għandu jiġi osservat li, fis-sentenza Schrems II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta kienu jagħmlu parti mil-livell ta’ protezzjoni, meħtieġ fi ħdan l-Unjoni, li l-osservanza tiegħu kellha tiġi kkonstatata mill-Kummissjoni qabel ma din tadotta deċiżjoni dwar l-adegwatezza skont l-Artikolu 45(1) tar-GDPR. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kull ipproċessar ta’ data personali ta’ persuna fiżika, inkluż it-trasferiment tagħha lejn pajjiż terz fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza, jaffettwa kemm id-dritt fundamentali ta’ din il-persuna għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-imsemmija karta, kif ukoll id-dritt tagħha għall-protezzjoni tad-data personali tagħha, previst fl-Artikolu 8 ta’ din il-karta (sentenza Schrems II, punti 169 sa 171). |
|
101 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma kinux prerogattivi assoluti, iżda kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (sentenza Schrems II, punt 172). |
|
102 |
Għalhekk, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-istess karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza tal-imsemmija drittijiet u libertajiet. Iktar minn hekk, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet biss jekk dawn ikunu meħtieġa u jkunu effettivament intiżi għall-ilħuq ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenza Schrems II, punt 174). |
|
103 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà li d-Digriet Presidenzjali Nru 12333, kif emendat, kien jagħti lill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti sabiex jaċċedu għad-data personali fi tranżitu mill-Unjoni, mingħajr l-issuġġettar ta’ dan l-aċċess għal xi superviżjoni ġudizzjarja, ma kinitx tippermetti li l-portata tal-ġbir mhux selettiv ta’ data personali li kien jitwettaq mill-aġenziji tal-intelligence tiġi rregolata b’mod suffiċjentement ċar u preċiż. Għalhekk, hija qieset li l-imsemmi digriet presidenzjali ma kienx jikkorrispondi għar-rekwiżiti minimi marbuta, fid-dritt tal-Unjoni, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-programmi ta’ sorveljanza mwettqa abbażi ta’ dan id-digriet ma kinux limitati għal dak li huwa strettament neċessarju (sentenza Schrems II, punti 183 u 184). |
|
104 |
Hemm lok li tiġi ppreċiżata l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-espressjoni “kwalunkwe superviżjoni ġudizzjarja” li tinsab fil-punt 183 tas-sentenza Schrems II. |
|
105 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ebda element fis-sentenza Schrems II, b’mod partikolari fil-punt 183 tal-imsemmija sentenza u fl-espressjoni “kwalunkwe superviżjoni ġudizzjarja”, ma jissuġġerixxi li l-ġbir mhux selettiv ta’ data personali għandu obbligatorjament ikun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel maħruġa minn awtorità indipendenti. Għall-kuntrarju, minn qari flimkien tal-imsemmija espressjoni u tal-punti 186 sa 197 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-deċiżjoni li tawtorizza tali ġbir għandha, minn tal-inqas, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori. |
|
106 |
F’dan il-każ, hekk kif ġie indikat fil-punti 24 sa 82 iktar ’il fuq, l-E.O. 14086 u r-Regolament AG jissuġġettaw l-attivitajiet ta’ intelligence tas-sinjali mwettqa mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, inkluż meta dawn iwettqu ġbir mhux selettiv ta’ data personali, għas-superviżjoni ġudizzjarja a posteriori tad-DPRC, li d-deċiżjonijiet tagħha huma finali u vinkolanti u jorbtu kemm lill-Gvern tal-Istati Uniti kif ukoll lill-imsemmija aġenziji. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ma jistax jitqies li l-ġbir mhux selettiv ta’ data personali mwettaq mill-aġenziji tal-intelligence abbażi tad-Deċiżjoni kkontestata ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza Schrems II f’dan ir-rigward. |
|
107 |
Barra minn hekk, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 141 tad-Deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrent, l-E.O. 14086 jistabbilixxi li l-aġenziji tal-intelligence għandhom jagħtu prijorità lill-ġbir immirat ta’ data personali. Għalhekk, il-ġbir mhux selettiv huwa permess biss għall-avvanz ta’ prijorità vvalidata fil-qasam tal-intelligence li ma jistax raġonevolment jinkiseb permezz ta’ ġbir immirat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-premessa 135 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-prijoritajiet ivvalidati fil-qasam tal-intelligence huma stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura speċjali intiża li tiggarantixxi l-osservanza tar-rekwiżiti legali applikabbli, b’mod partikolari dawk relatati mal-ħajja privata u mal-libertajiet ċivili. B’mod iktar speċifiku, il-prijoritajiet fil-qasam tal-intelligence huma definiti mid-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali u huma suġġetti għall-approvazzjoni mill-President tal-Istati Uniti. Issa, l-imsemmi direttur, qabel ma jipproponi prijoritajiet fil-qasam tal-intelligence lill-President tal-Istati Uniti, għandu jikseb, għal kull prijorità, evalwazzjoni min-naħa taċ-CLPO. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, iċ-CLPO għandu jiddetermina jekk il-prijorità inkwistjoni tavvanzax wieħed jew iktar mill-għanijiet leġittimi elenkati fl-E.O. 14086, jekk din kinitx imfassla għall-ġbir ta’ intelligence tas-sinjali għal finijiet ipprojbiti u jekk ġietx stabbilita wara li tqiesu b’mod xieraq l-aspetti relatati mal-ħajja privata u mal-libertajiet ċivili tal-persuni kollha kkonċernati, irrispettivament min-nazzjonalità u mill-post ta’ residenza tagħhom. |
|
108 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, kif enfasizzat mill-premessi 127 sa 131, 134 u 135 tad-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, l-E.O. 14086 jistabbilixxi rekwiżiti fundamentali li japplikaw għall-attivitajiet kollha ta’ intelligence tas-sinjali, inkluż meta dawn jitwettqu permezz ta’ ġbir mhux selettiv ta’ data personali. |
|
109 |
L-ewwel nett, l-attivitajiet ta’ intelligence tas-sinjali għandhom ikunu bbażati fuq liġi jew fuq awtorizzazzjoni presidenzjali u għandhom jitwettqu f’konformità mad-dritt tal-Istati Uniti, b’mod partikolari mal-Kostituzzjoni tagħhom. |
|
110 |
It-tieni nett, l-attivitajiet ta’ intelligence tas-sinjali jistgħu jitwettqu biss wara li jiġi ddeterminat, abbażi ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-fatturi rilevanti kollha, li dawn huma neċessarji għall-ilħuq ta’ prijorità vvalidata fil-qasam tal-intelligence. |
|
111 |
It-tielet nett, l-attivitajiet ta’ intelligence tas-sinjali għandhom jitwettqu b’mod proporzjonat meta mqabbla mal-prijorità vvalidata fil-qasam tal-intelligence li għaliha dawn ġew awtorizzati, sabiex jinstab bilanċ ġust bejn l-importanza tal-prijorità tal-intelligence inkwistjoni u l-impatt fuq il-ħajja privata u l-libertajiet ċivili tas-suġġett tad-data, irrispettivament min-nazzjonalità u mill-post ta’ residenza tiegħu. |
|
112 |
Ir-raba’ nett, l-E.O. 14086 jelenka l-għanijiet ġenerali li ma jistgħux jintlaħqu permezz ta’ attivitajiet ta’ intelligence tas-sinjali. Dawn huma b’mod partikolari l-għanijiet li jiġu mfixkla l-kritika, in-nuqqas ta’ qbil jew l-espressjoni ħielsa ta’ ideat jew opinjonijiet politiċi minn individwi jew mill-istampa, li persuni jiġu żvantaġġati minħabba l-etniċità, ir-razza, il-ġeneru, l-identità sesswali, l-orjentazzjoni sesswali jew ir-reliġjon tagħhom, jew li jingħata vantaġġ kompetittiv lill-kumpaniji fl-Istati Uniti. |
|
113 |
Fit-tielet lok, mill-premessa 141 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, li l-E.O. 14086 jistabbilixxi garanziji speċifiċi li japplikaw għall-ġbir mhux selettiv ta’ data personali. |
|
114 |
Qabel kollox, l-E.O. 14086 jipprevedi li għandhom jiġu applikati metodi u miżuri tekniċi sabiex id-data miġbura tkun limitata biss għal dik li jkun neċessarja għall-avvanz tal-prijorità vvalidata fil-qasam tal-intelligence, filwaqt li l-ġbir ta’ informazzjoni mhux rilevanti għandu jiġi, kemm jista’ jkun possibbli, imminimmizzat. |
|
115 |
Sussegwentement, l-E.O. 14086 jindika li l-ġbir mhux selettiv ta’ data personali jista’ jsir biss sabiex jiġu ssodisfatti sitt għanijiet speċifiċi (iktar ’il quddiem l-“għanijiet speċifiċi tal-ġbir mhux selettiv”), jiġifieri l-protezzjoni kontra t-terroriżmu, l-ispjunaġġ, l-armi ta’ qerda massiva, it-theddid ċibernetiku, it-theddid dirett kontra l-persunal tal-Istati Uniti jew l-alleati tiegħu u l-kriminalità transnazzjonali. Huwa jipprevedi l-possibbiltà, għall-President tal-Istati Uniti, li jaġġorna l-imsemmija għanijiet speċifiċi jekk jitfaċċaw imperattivi ġodda ta’ sigurtà nazzjonali, bħal theddid ġdid jew theddid ikbar għas-sigurtà nazzjonali li fir-rigward tagħhom huwa jqis li jista’ jintuża l-ġbir mhux selettiv ta’ data personali. Dawn l-aġġornamenti għandhom, bħala prinċipju, jiġu ppubblikati mid-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, sakemm il-President tal-Istati Uniti ma jqisx li dan fih innifsu jikkostitwixxi riskju għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti. |
|
116 |
Fl-aħħar nett, l-E.O. 14086 jipprevedi li kwalunkwe data query ta’ intelligence tas-sinjali miksuba b’mod mhux selettiv tista’ ssir biss jekk din tkun neċessarja biex tintlaħaq prijorità vvalidata fil-qasam tal-intelligence, fil-kuntest tal-ilħuq tal-għanijiet speċifiċi tal-ġbir mhux selettiv u konformement ma’ politiki u proċeduri li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-impatt tal-querys ta’ tali data fuq il-ħajja privata u fuq il-libertajiet ċivili tas-suġġetti tad-data kollha, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-post ta’ residenza tagħhom. |
|
117 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li l-implimentazzjoni tal-ġbir mhux selettiv ma hijiex irregolata b’mod suffiċjentement ċar u preċiż. |
|
118 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
2) Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18)
|
119 |
Permezz tat-tieni argument tiegħu, ir-rikorrent, filwaqt li jagħmel espliċitament riferiment għall-punt 189 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791) isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet l-obbligu, għall-aġenziji tal-intelligence, li jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva qabel il-ġbir ta’ data ta’ konnessjoni mingħand l-operaturi li jkollhom din id-data. Fil-fehma tiegħu, il-ġbir mhux selettiv, mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, ta’ data personali fi tranżitu mill-Unjoni ma huwiex, f’dan il-każ, is-suġġett ta’ tali awtorizzazzjoni minn qabel. |
|
120 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
121 |
Għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod partikolari li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, u rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta, kellu jiġi interpretat fis-sens li ma kienx jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jwettqu ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, meta dan kien limitat għall-persuni li fir-rigward tagħhom kienet teżisti raġuni valida ta’ suspett li huma kienu involuti f’attivitajiet ta’ terroriżmu u suġġetti għall-istħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti (punt 192 tal-imsemmija sentenza). |
|
122 |
Minn dan isegwi li l-ipoteżi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791) hija differenti minn dik inkwistjoni f’din il-kawża. F’dan il-każ, il-kwistjoni ma hijiex dik li tiġi evalwata l-ħtieġa li l-ġbir, mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti ssuspettati li huma b’xi mod involuti f’attivitajiet ta’ terroriżmu jiġi suġġett għall-istħarriġ minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, iżda dik li jiġi evalwat jekk il-fatt li d-dritt tal-Istati Uniti ma jimponix, fuq l-aġenziji tal-intelligence, l-obbligu li jiksbu, qabel il-ġbir mhux selettiv ta’ data personali fi tranżitu lejn dan il-pajjiż, l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jikkonfutax il-fondatezza tal-konstatazzjoni ta’ adegwatezza mwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata. |
|
123 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-riferiment għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791) ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. |
|
124 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata bit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, La Quadrature du Net et (Data personali u ġlieda kontra l-kontrafazzjoni) (C‑470/21, EU:C:2024:370), li dwarha l-partijiet f’din il-kawża ġew mistiedna jesprimu ruħhom permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. |
|
125 |
Il-qofol tal-kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, La Quadrature du Net et (Data personali u ġlieda kontra l-kontrafazzjoni) (C‑470/21, EU:C:2024:370) kien il-legalità tal-aċċess, minn awtorità pubblika nazzjonali inkarigata mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati kontra l-ksur ta’ dawn id-drittijiet imwettaq fuq l-internet, għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi dwar l-identità ċivili li tikkorrispondi għal indirizzi IP għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni. B’mod iktar partikolari, dan l-aċċess kien iġġustifikat fid-dawl tal-għan li jiġi identifikat id-detentur ta’ indirizz IP li kien involut f’attività li tippreġudika d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati, peress li huwa kien illegalment qiegħed għad-dispożizzjoni fuq l-internet xogħlijiet protetti għall-finijiet tat-tniżżil tagħhom minn persuni oħra. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti:
|
|
126 |
Minn dan isegwi li s-suġġett tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, La Quadrature du Net et (Data personali u ġlieda kontra l-kontrafazzjoni) (C‑470/21, EU:C:2024:370) kien l-aċċess, mill-awtoritajiet nazzjonali, għal indirizz IP għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u li tali suġġett huwa differenti mill-ġbir mhux selettiv, mill-aġenziji tal-intelligence, ta’ data personali fi tranżitu mill-Unjoni. Għaldaqstant, ma jistax jitqies, fid-dawl tal-imsemmija sentenza, li l-ġbir mhux selettiv, mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, ta’ data personali fi tranżitu mill-Unjoni għandu jkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. |
|
127 |
Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
3) Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2021:0525JUD005817013)
|
128 |
Permezz tat-tielet argument tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, fis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2021:0525JUD005817013, iktar ’il quddiem is-“sentenza Big Brother Watch”), il-Qorti EDB qieset li l-attivitajiet ta’ interċettazzjoni bil-massa ta’ data personali kellhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità indipendenti sa mill-mument li fih jiġu ddefiniti l-għanijiet u l-portata tal-operazzjoni ta’ sorveljanza. Fil-fehma tiegħu, il-ġbir mhux selettiv, mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, ta’ data personali fi tranżitu mill-Unjoni ma huwiex, f’dan il-każ, is-suġġett ta’ tali awtorizzazzjoni minn qabel. |
|
129 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
130 |
Għandu jiġi osservat li s-suġġett tal-kawża li tat lok għas-sentenza Big Brother Watch kien, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà, fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-KEDB, tas-sistema Brittanika ta’ sorveljanza sigrieta li kienet tagħti lill-aġenziji tal-intelligence l-possibbiltà ta’ interċettazzjoni bil-massa tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data ta’ komunikazzjoni assoċjata magħhom, jiġifieri d-data dwar it-traffiku relatata mal-komunikazzjonijiet interċettati, li bħala prinċipju kienu jsiru barra mill-Gżejjer Britanniċi. |
|
131 |
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, sa fejn l-Artikolu 8 tal-KEDB jissanċixxi, l-istess bħall-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-ġurisprudenza tal-qorti EDB dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 7 tal-imsemmija Karta. Minn dan isegwi li, jekk il-Qorti Ġenerali jkollha tiddeċiedi li s-sentenza Big Brother Watch hija rilevanti f’din il-kawża, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti EDB f’dik is-sentenza, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 8 tal-KEDB, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
132 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Big Brother Watch, il-Qorti EDB iddeċidiet dwar il-legalità tal-interċettazzjoni bil-massa mis-servizzi tal-intelligence Brittaniċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data ta’ komunikazzjoni assoċjata magħhom li bħala prinċipju twettqet barra mill-Gżejjer Britanniċi. |
|
133 |
Issa, hekk kif osservaw il-partijiet f’din il-kawża fit-tweġiba tagħhom għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, l-argumenti magħmula mill-Qorti EDB fis-sentenza Big Brother Watch huma rilevanti f’din il-kawża, sa fejn l-interċettazzjoni mhux selettiva ta’ data personali li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza tista’ titqies li tinkludi l-ġbir mhux selettiv li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni kkontestata. |
|
134 |
L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-verżjoni Franċiża tas-sentenza Big Brother Watch tuża l-espressjoni “interception en masse” (interċettazzjoni bil-massa) ta’ data, il-verżjoni Ingliża tuża l-espressjoni “bulk interception”, li tikkorrispondi b’mod iktar preċiż għall-kunċett Franċiż ta’ “interception en vrac” (interċettazzjoni mhux selettiva_. |
|
135 |
It-tieni nett, b’kuntrast għall-interċettazzjoni mmirata, l-interċettazzjoni ta’ informazzjoni inkwistjoni fis-sentenza Big Brother Watch ġiet iddefinita mill-Qorti EDB bħala interċettazzjoni li ma kinitx tirrigwarda persuni speċifiċi u, konsegwentement, li setgħet taffettwa numru kbir ta’ persuni u ta’ data ta’ komunikazzjoni assoċjata magħhom u li għalhekk seta’ jkollha portata wiesgħa ħafna, peress li din kienet tippermetti b’mod partikolari l-ġbir ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-intelligence barranija u li jiġi identifikat theddid ġdid li joriġina minn atturi magħrufa jew mhux magħrufa. Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, minħabba l-għan tagħha marbut mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti kienu ġeneralment iwettqu l-interċettazzjoni bil-massa bil-moħbi, li jimplika li dawn kienu jirrendu pubblika biss ftit informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema, jew saħansitra l-ebda informazzjoni dwar il-funzjonament tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Big Brother Watch, punt 322). |
|
136 |
It-tielet nett, fis-sentenza Big Brother Watch, il-Qorti EDB qieset li, għalkemm is-sistemi ta’ interċettazzjoni bil-massa ma kinux kollha mfassla fuq l-istess mudell u li l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħhom setgħu jinbidlu mingħajr ma dejjem jirrispettaw ordni kronoloġika stretta, l-interċettazzjoni bil-massa kienet proċess gradwali li kien iseħħ, essenzjalment, skont l-erba’ stadji li ġejjin (iktar ’il quddiem l-“istadji tal-interċettazzjoni”):
|
|
137 |
Minn dan isegwi li operazzjoni ta’ ġbir mhux selettiv ta’ data personali, bħal dik li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni kkontestata, tidħol fl-isfera tal-ewwel wieħed mill-istadji tal-interċettazzjoni identifikati mill-Qorti EDB fis-sentenza Big Brother Watch, sa fejn tikkonsisti fil-ġbir, għal finijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tad-data personali fi tranżitu mill-Unjoni ta’ numru kbir ta’ persuni. |
|
138 |
F’dan il-kuntest, il-konsegwenzi tas-sentenza Big Brother Watch għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza adottata abbażi tal-Artikolu 45(3) tal-GDPR, bħad-Deċiżjoni kkontestata. |
|
139 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza Big Brother Watch, il-Qorti EDB ippreċiżat li l-Artikolu 8 tal-KEDB ma kienx jipprojbixxi l-użu tal-interċettazzjoni bil-massa bil-għan tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew ta’ interessi nazzjonali essenzjali oħra kontra theddid estern serju u li l-Istati kellhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex jiddeterminaw it-tip ta’ sistema ta’ interċettazzjoni li kellhom bżonn (sentenza Big Brother Watch, punt 347). |
|
140 |
Fit-tieni lok, il-Qorti EDB indikat li l-interċettazzjoni bil-massa ta’ data personali għandha tkun suġġetta għal diversi garanziji mill-bidu sal-aħħar li, ikkunsidrati flimkien, jikkostitwixxu l-pedament ta’ kull sistema ta’ interċettazzjoni bil-massa, jiġifieri:
|
|
141 |
Fit-tielet lok, il-Qorti EDB sostniet li, għalkemm l-Artikolu 8 tal-KEDB japplika għal kull wieħed mill-istadji tal-interċettazzjoni, il-ħtieġa li jiġu previsti garanziji tikber iktar ma l-proċess jgħaddi minn dawn id-diversi stadji u, konsegwentement, li l-intensità tal-preġudizzju għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ssir iktar importanti. Għalhekk, fil-fehma tagħha, huwa fi tmiem il-proċess, meta tiġi analizzata l-informazzjoni dwar persuna partikolari jew meta l-kontenut ta’ komunikazzjonijiet jiġi eżaminat minn analista, li l-preżenza ta’ garanziji hija iktar minn qatt qabel neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Big Brother Watch, punti 330 u 331). |
|
142 |
Fir-raba’ lok, il-Qorti EDB qieset li, sa fejn l-inklużjoni tas-seletturi kollha użati mill-aġenziji tal-intelligence sabiex jiffiltraw il-komunikazzjonijiet miġbura fl-isfera tal-awtorizzazzjoni minn qabel ma kinitx fattibbli fil-prattika, il-portata ta’ din l-awtorizzazzjoni kellha tkun limitata sabiex tinkludi minn tal-inqas it-tipi jew il-kategoriji ta’ seletturi li għandhom jintużaw (sentenza Big Brother Watch, punt 354). |
|
143 |
F’dan il-każ, minn naħa, għandu jitfakkar li, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Schrems I u Schrems II, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza, li tiżgura ruħha li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-pajjiż terz huma identiċi għal dawk fis-seħħ fl-Unjoni, iżda li dawn huma sostanzjalment ekwivalenti għal dawk fis-seħħ fl-Unjoni (ara l-punti 19 u 20 iktar ’il fuq). |
|
144 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitqies li, peress li l-ġbir mhux selettiv ta’ data personali mwettaq mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, li huwa kkontestat fil-kuntest ta’ din it-tilwima, jista’ jiġi assimilat mal-interċettazzjoni ta’ data li titwettaq fil-kuntest tal-ewwel wieħed mill-istadji tal-interċettazzjoni ppreċiżati mill-Qorti EDB fis-sentenza Big Brother Watch, il-ħtieġa li jiġu previsti, għal din il-fażi speċifika tal-ġbir mhux selettiv, garanziji li jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-aġenziji tal-intelligence hija iktar limitata, fid-dawl tal-kuntest li fih titwettaq l-interċettazzjoni. Fil-fatt, f’din il-kawża hemm inkwistjoni biss l-interċettazzjoni mhux selettiv inizjali ta’ data personali minn aġenziji tal-intelligence, bl-esklużjoni tal-attivitajiet sussegwenti, li ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors u li jistgħu jikkonsistu, jekk ikun il-każ, fl-applikazzjoni ta’ seletturi speċifiċi, fl-eżami tad-data miġbura u fl-użu jew fil-komunikazzjoni sussegwenti tagħha. |
|
145 |
Minn dan isegwi li l-fatt li tkun prevista awtorizzazzjoni minn qabel ma huwiex l-unika garanzija li għandha takkumpanja l-interċettazzjoni bil-massa ta’ data personali, iżda jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li, ikkunsidrati flimkien, jikkostitwixxu l-pedament ta’ kull sistema ta’ interċettazzjoni bil-massa. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Istati Uniti fis-seħħ jipprevedi regoli ġuridiċi li jirregolaw b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-implimentazzjoni, mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, tal-ġbir mhux selettiv ta’ data personali (ara l-punti 107 sa 116 iktar ’il fuq) u jagħti lis-suġġetti tad-data kkonċernati mit-trasferiment tad-data tagħhom id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem id-DPRC (ara l-punti 33 sa 63 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-premessi 162 sa 169 tad-Deċiżjoni kkontestata jindikaw, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, li l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ intelligence mwettqa mill-aġenziji tal-intelligence huma kkontrollati mill-PCLOB li, kif jirriżulta mill-punt 54 iktar ’il fuq, ġie kkonċepit, permezz tal-Istatut fundatur tiegħu, bħala aġenzija indipendenti. Bl-istess mod, l-imsemmija attivitajiet huma s-suġġett ta’ superviżjoni, fl-ewwel lok, min-naħa tal-uffiċjali legali u tad-delegati li, fi ħdan kull aġenzija tal-intelligence, huma responsabbli għas-sorveljanza u għall-osservanza tal-imsemmi dritt, fit-tieni lok, tal-ispettur ġenerali indipendenti inkarigat, għal kull aġenzija tal-intelligence, mill-kontroll tal-attivitajiet ta’ intelligence barranija mwettqa mill-aġenzija inkwistjoni u, fit-tielet lok, mill-Intelligence Oversight Board (il-Bord tas-Sorveljanza tal-Intelligence, l-Istati Uniti), maħluq fi ħdan il-President’s Intelligence Advisory Board (il-Bord Presidenzjali Konsultattiv għall-Intelligence, l-Istati Uniti) u responsabbli għas-superviżjoni tal-osservanza tal-liġi mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u, fir-raba’ lok, mill-Kumitati Speċjali stabbiliti fi ħdan il-Kungress tal-Istati Uniti li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ sorveljanza fuq l-attivitajiet kollha tal-intelligence barranija tal-Istati Uniti. |
|
146 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi konkluż li l-fatt li ma tiġix prevista awtorizzazzjoni minn qabel, li tapplika għall-ġbir mhux selettiv inizjali, mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, ta’ data personali fi tranżitu mill-Unjoni, huwa biżżejjed sabiex jitqies li d-dritt tal-Istati Uniti ma jipprovdix, fid-dawl tat-tagħlim mislut mis-sentenza Big Brother Watch, garanziji sostanzjalment ekwivalenti għal dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni. |
|
147 |
Għalhekk, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud. |
4) Fuq ir-raba’ argument, ibbażat fuq l-Opinjoni 5/2023 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
|
148 |
Permezz tar-raba’ argument tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“KEPD”), fl-Opinjoni tiegħu 5/2023 tat‑28 ta’ Frar 2023 dwar l-Abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il protezzjoni adegwata tad-data personali fl-ambitu tal-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 5/2023”), enfasizza l-importanza li l-ġbir mhux selettiv ta’ data personali jkun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel. Fil-fehma tiegħu, il-ġbir mhux selettiv, mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, ta’ data personali fi tranżitu mill-Unjoni ma huwiex suġġett, f’dan il-każ, għal awtorizzazzjoni minn qabel. |
|
149 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
150 |
Għandu jiġi osservat li l-Opinjoni 5/2023 ingħatat mill-KEPD abbażi tal-Artikolu 70(1)(s) tal-GDPR. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Kummissjoni, il-KEPD jista’ jagħti, għall-benefiċċju ta’ din tal-aħħar, opinjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni żgurat minn pajjiż terz. |
|
151 |
Issa, meta jaġixxi abbażi tal-Artikolu 70(1) tal-GDPR, il-KEPD sempliċement jeżerċita funzjoni ta’ konsulenza permezz tat-tfassil ta’ opinjonijiet, ta’ linji gwida, ta’ rakkomandazzjonijiet u ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ prattiki tajba li ma jipproduċux effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Novembru 2023, KEPD vs SRB, C‑413/23 P, mhux ippubblikat, EU:C:2023:1036, punt 11). Għalhekk, din l-opinjoni ma torbotx lill-Kummissjoni, li tibqa’ ħielsa li tevalwa jekk id-dritt ta’ dan il-pajjiż joffrix globalment livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit mid-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-ġbir mhux selettiv ta’ data personali. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-imsemmija opinjoni, il-KEPD ma indikax li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ stħarriġ minn qabel dwar il-ġbir mhux selettiv ta’ data personali kien neċessarjament jippreġudika l-evalwazzjoni pożittiva, min-naħa tal-Kummissjoni, tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni tad-data personali offrut mid-DPF. Għall-kuntrarju, huwa osserva, fil-punt 165 tal-istess opinjoni, li din l-evalwazzjoni tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, mill-implementazzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori u ta’ mekkaniżmu ta’ appell. |
|
152 |
F’dan il-kuntest, l-Opinjoni 5/2023 ma tippermettix li jitqies li l-ġbir mhux selettiv, mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti, ta’ data personali fi tranżitu mill-Unjoni għandu jkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u li l-protezzjoni offruta minn dan il-pajjiż ma hijiex sostanzjalment ekwivalenti għal dik iggarantita mid-dritt tal-Unjoni. |
|
153 |
Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-tieni lment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
d) Fuq it-tielet ilment tat-tieni motiv, li jgħid li l-E.O. 14086 jagħti lill-President tal-Istati Uniti s-setgħa li jawtorizza aġġornament sigriet tal-għanijiet speċifiċi tal-ġbir mhux selettiv
|
154 |
Permezz tat-tielet ilment tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta meta qieset, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-Istati Uniti tal-Amerika kienu joffru livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak li huwa ggarantit mid-dritt tal-Unjoni skont il-GDPR, moqri fid-dawl tal-imsemmija Karta, minkejja l-fatt li l-E.O. 14086 jagħti lill-President tal-Istati Uniti, għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, il-possibbiltà li jawtorizza aġġornament sigriet tal-għanijiet speċifiċi tal-ġbir mhux selettiv. B’mod iktar partikolari, huwa jqis li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑4 ta’ Diċembru 2015, Roman Zakharov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2015:1204JUD004714306) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Zakharov”), l-għoti lill-imsemmi President tas-setgħa li jaġġorna dawn l-għanijiet speċifiċi ma jippermettix li l-persuni kkonċernati minn trasferiment ta’ data personali jidentifikaw, b’mod preċiż, il-kuntest ġuridiku li fih din tiġi pproċessata fl-Istati Uniti. |
|
155 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
156 |
Għandu jiġi osservat li, fis-sentenza Zakharov, il-Qorti EDB ikkunsidrat li ndħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja seta’ jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 8(2) tal-KEDB biss jekk dan kien previst mil-liġi (sentenza Zakharov, punt 227). Issa, skont l-imsemmija qorti, l-espressjoni “prevista mil-liġi” kienet tfisser li l-miżura kontenzjuża kellha tkun aċċessibbli għall-persuna kkonċernata u li kellha tkun prevedibbli fir-rigward tal-effetti tagħha (sentenza Zakharov, punt 228). Fil-qasam tal-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet, il-“prevedibbiltà” ma kinitx tfisser li individwu kellu jkun f’pożizzjoni li jipprevedi meta l-awtoritajiet setgħu jinterċettaw il-komunikazzjonijiet tiegħu, iżda kienet, essenzjalment, tfisser li l-limitazzjonijiet għad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kellhom jirriżultaw minn regoli ċari (sentenza Zakharov, punt 229). |
|
157 |
Għandu wkoll jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, sa fejn l-Artikolu 8 tal-KEDB jissanċixxi, l-istess bħall-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-ġurisprudenza tal-qorti EDB dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 7 tal-imsemmija Karta. |
|
158 |
F’dan ir-rigward, mit-Taqsima 2(c)(ii)(C) tal-E.O. 14086 jirriżulta li l-possibbiltà mogħtija lill-President tal-Istati Uniti li jaġġorna l-lista tal-għanijiet speċifiċi tal-ġbir mhux selettiv ma hijiex mingħajr limiti, iżda hija limitata biss għall-każijiet fejn dan l-aġġornament isir neċessarju minħabba li jirriżultaw imperattivi ġodda ta’ sigurtà nazzjonali, bħal theddid ġdid jew theddid ikbar għas-sigurtà nazzjonali li għalih jista’ jintuża l-ġbir mhux selettiv ta’ data personali. Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, kif ġie kkonfermat mill-Istati Uniti tal-Amerika matul is-seduta, li l-aġġornament, mill-imsemmi President, tal-imsemmija għanijiet speċifiċi ma huwiex sigriet, iżda huwa s-suġġett ta’ pubbliċità min-naħa tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, ħlief jekk l-imsemmi President iqis li din il-pubbliċità tikkostitwixxi fiha nnifisha riskju għas-sigurtà nazzjonali ta’ pajjiżu. Barra minn hekk, anki f’din l-ipoteżi, il-ġbir mhux selettiv huwa suġġett għall-garanziji u għal-limitazzjonijiet kollha previsti mill-E.O. 14086 u, jekk suġġett tad-data jressaq l-ilment dwar id-data personali, dan l-ilment ikun is-suġġett ta’ sorveljanza min-naħa taċ-CLPO u, jekk ikun il-każ, ta’ eżami mill-ġdid mid-DPRC. |
|
159 |
F’dan il-kuntest, ma jistax jitqies li l-possibbiltà mogħtija lill-President tal-Istati Uniti li jaġġorna l-lista tal-għanijiet speċifiċi tal-ġbir mhux selettiv tmur kontra r-rekwiżiti identifikati mill-Qorti EDB fis-sentenza Zakharov. |
|
160 |
Għalhekk, hemm lok li t-tielet ilment tat-tieni motiv jiġi miċħud u, għaldaqstant, li l-imsemmi motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 22 GDPR
|
161 |
Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 22 tal-GDPR sa fejn, fid-Deċiżjoni kkontestata, hija naqset milli tipprevedi dispożizzjoni li tistabbilixxi d-dritt tas-suġġetti tad-data li ma jkunux is-suġġett ta’ deċiżjonijiet ibbażati esklużivament fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali, inkluż it-tfassil ta’ profili, li jipproduċi effetti legali fir-rigward tagħhom jew li jaffettwahom b’mod sinjifikattiv (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati”). |
|
162 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kliem tal-Artikolu 22 tal-GDPR huma dawn li ġejjin: “1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili, li jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li bl-istess mod jaffettwa lilu b’mod sinifikanti. 2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk id-deċiżjoni:
|
|
163 |
Għandu jiġi osservat ukoll li t-terminu “tfassil ta’ profil”, li jinsab fl-Artikolu 22(1) tal-GDPR, huwa ddefinit fl-Artikolu 4(4) tal-istess regolament bħala “kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li jikkonsisti fl-użu ta’ data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b’mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta’ dik il-persuna fiżika”. |
|
164 |
Minn dan isegwi li, skont il-kliem tal-Artikolu 22 tal-GDPR, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni bbażata esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali, inkluż meta din il-miżura tikkonsisti fl-analiżi u fit-tbassir ta’ ċerti aspetti tal-imġiba tiegħu. |
|
165 |
Issa, mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija ma tittrattax speċifikament il-kwistjoni dwar id-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati. |
|
166 |
Għalhekk, għandu jiġi deċiż jekk tali ommissjoni tistax taffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tista’ tikkonfuta l-konklużjoni li tinsab fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, li tgħid li l-Istati Uniti tal-Amerika joffru livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali. |
|
167 |
Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu analizzati t-tliet ilmenti mqajma mir-rikorrent insostenn tar-raba’ motiv tiegħu, billi nibdew bl-ewwel u bit-tielet ilment li għandhom jiġu eżaminati flimkien. |
a) Fuq l-ewwel u t-tielet ilment tar-raba’ motiv, li jgħidu li, minn naħa, il-fatt li d-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati huma ġeneralment adottati minn kontrolluri li, peress li huma stabbiliti fl-Unjoni, huma suġġetti għall-GDPR ma jagħtix garanzija fir-rigward tal-każijiet l-oħra u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment, mid-dritt tal-Istati Uniti, ta’ protezzjonijiet settorjali fil-każijiet fejn l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament huwa irrilevanti f’dan il-każ
|
168 |
Permezz tal-ewwel u tat-tielet ilment tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, minn naħa, li l-fatt li d-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati jiġu ġeneralment adottati minn kontrolluri li, peress li huma stabbiliti fl-Unjoni, huma suġġetti għall-GDPR ma jagħtix garanzija fir-rigward tal-każijiet l-oħra. Min-naħa l-oħra, hija tirrileva li l-fatt li d-dritt tal-Istati Uniti joffri protezzjonijiet settorjali fil-każ fejn l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament huwa irrilevanti f’dan il-każ, sa fejn din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi konkluż li, fuq il-livell ġenerali, il-protezzjoni li dan il-pajjiż joffri fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha kompletament awtomatizzati hija ekwivalenti għal dik iggarantita mill-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament. |
|
169 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
170 |
Għandu jiġi osservat li mill-premessa 33 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti, għandha ssir distinzjoni bejn tliet każijiet ipotetiċi fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati. |
|
171 |
L-ewwel nett, jista’ jkun li d-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati jiġu adottati minn kontrollur stabbilit fl-Unjoni li jkun ġabar, fl-Unjoni, id-data personali tas-suġġetti tad-data. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(7) tal-GDPR jiddefinixxi l-kontrollur bħala l-persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali. F’dan il-każ, sa fejn, konformement mal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, il-kontrollur huwa suġġett għall-istess regolament, huwa għandu josserva r-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet. |
|
172 |
It-tieni nett, jista’ jkun li d-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati jiġu adottati jew minn proċessur stabbilit f’pajjiż terz, li jaġixxi f’isem il-kontrollur stabbilit fl-Unjoni li ttrasferixxielu d-data personali li jkun ġabar fl-Unjoni, jew minn proċessur ulterjuri, li jaġixxi f’isem il-proċessur stabbilit fl-Unjoni li ttrasferixxielu d-data li jkun ġabar fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 4(8) tal-GDPR jiddefinixxi l-proċessur bħala l-persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur. F’dawn il-każijiet, sa fejn il-proċessuri barranin jaġixxu f’isem il-kontrollur jew il-proċessur tal-Unjoni, dawn huma suġġetti għall-imsemmi regolament skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 22 tal-istess regolament. |
|
173 |
It-tielet nett, deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati jistgħu jiġu adottati minn kontrollur jew proċessur li ma humiex stabbiliti fl-Unjoni, iżda jindirizza suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni billi joffrulhom oġġetti jew servizzi jew billi jsegwu l-imġiba tagħhom. Issa, f’din l-ipoteżi, l-Artikolu 3(2) tal-GDPR jipprevedi li l-kontrollur u l-proċessur barrani huma suġġetti għall-imsemmi regolament. Għalhekk, fir-rigward tad-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati, dawn għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament. |
|
174 |
Minn dan isegwi li mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-każijiet li fihom id-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-GDPR huma residwi u huma limitati għall-każ fejn l-Organizzazzjonijiet tad-DPF jiġbru direttament, fl-Unjoni, id-data personali, mingħajr madankollu ma joffru liċ-ċittadini tal-Unjoni oġġetti jew servizzi u mingħajr ma jsegwu l-aġir tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament. |
|
175 |
Issa, mill-premessi 35 u 36 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, li, f’dawn il-każijiet, id-dritt tal-Istati Uniti joffri protezzjonijiet settorjali simili għal dawk previsti mill-GDPR fl-oqsma bħall-għoti ta’ krediti, l-offerti ta’ self għal proprjetà immobbli, id-deċiżjonijiet ta’ reklutaġġ, l-impjieg, l-akkomodazzjoni u l-assigurazzjoni, li fihom huwa iktar probabbli li l-Organizzazzjonijiet tad-DPF jadottaw deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati. |
|
176 |
Għalhekk, fil-qasam tal-kreditu għall-konsum, il-Fair Credit Reporting Act (il-Liġi dwar l-Informazzjoni Leali fil-Qasam tal-Kreditu) u l-Equal Credit Opportunity Act (il-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs fil-Qasam tal-Kreditu) jinkludu garanziji li joffru lill-konsumaturi forma ta’ dritt għal spjegazzjoni u dritt ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati. Dawn il-liġijiet japplikaw f’numru kbir ta’ oqsma bħalma huma l-kreditu, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-assigurazzjoni. Barra minn hekk, it-Titolu VII tas-Civil Rights Act (il-Liġi dwar id-Drittijiet Ċivili) u l-Fair Housing Act (il-Liġi dwar l-Akkomodazzjoni Ġusta) jipproteġu lill-persuni fiżiċi minn mudelli użati f’deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni abbażi ta’ ċerti karatteristiċi u jagħtuhom id-dritt li jikkontestaw tali deċiżjonijiet. Barra minn hekk, fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-saħħa, ir-regoli adottati mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti b’applikazzjoni tal-Health Insurance Portability and Accountability Act (il-Liġi dwar il-Portabbiltà u r-Responsabbiltà fil-Qasam tal-Assigurazzjoni għall-Mard) jirrikjedu li l-fornituri mediċi jirċievu informazzjoni li tippermettilhom jinfurmaw lill-individwi dwar is-sistemi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati użati fis-settur mediku. |
|
177 |
F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, ma jistax jitqies li l-protezzjonijiet settorjali previsti mid-dritt tal-Istati Uniti huma irrilevanti f’dan il-każ, peress li dawn ma għandhomx l-istess portata ġenerali bħall-Artikolu 22 tal-GDPR. |
|
178 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fis-sentenzi Schrems I u Schrems II, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, mingħajr ma teżiġi li l-pajjiż terz ikkonċernat jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni identiku għal dak iggarantit fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-espressjoni “livell adegwat ta’ protezzjoni” li tinsab fl-Artikolu 45(1) tal-GDPR, għandha tinftiehem bħala li teżiġi li dan il-pajjiż terz jiżgura effettivament, minħabba l-leġiżlazzjoni interna tiegħu jew minħabba l-impenji internazzjonali tiegħu, livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali li jkun sostanzjalment identiku għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni bis-saħħa tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-Karta (ara l-punti 19 u 20 iktar ’il fuq). |
|
179 |
Barra minn hekk, fis-sentenza Schrems I, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, a anki jekk il-mezzi li l-pajjiż terz juża sabiex jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data personali jistgħu jkunu differenti minn dawk implimentati fi ħdan l-Unjoni, dawn il-mezzi għandhom madankollu jkunu, fil-prattika, effettivi sabiex tiġi żgurata protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dik iggarantita fi ħdan l-Unjoni (ara l-punti 20 iktar ’il fuq). |
|
180 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel u t-tielet ilment tar-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda. |
b) Fuq it-tieni lment tar-raba’ motiv, li jgħid li l-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2018, li juri n-natura residwa tal-każijiet li fihom l-organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti li aderixxew mal-ħarsien tal-privatezza jadottaw deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati, huwa irrilevanti f’dan il-każ
|
181 |
Permezz tat-tieni lment tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-fatt li fl-istudju dwar id-deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati, iċċitat fil-premessa 34 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kienet ikkummissjonat fl-2018 u li r-riżultati tiegħu jinsabu fil-punt 4.1.5 tar-Rapport COM (2018) 860 final tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 2018 dwar it-tieni rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-privatezza UE-U.S. (Iktar ’il quddiem l-“istudju tal-2018”), ġie konkluż li ma kinitx teżisti prova tal-eżistenza ta’ deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati adottati minn organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti li aderixxew mal-ħarsien tal-privatezza huwa irrilevanti f’dan il-każ. B’mod iktar partikolari, huwa jsostni li l-imsemmi studju jagħmel riferiment għad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-ħarsien tal-privatezza li ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schrems II u li dan l-istudju ma jiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni attwali, li hija kkaratterizzata minn żvilupp estremament rapidu tas-servizzi kompletament awtomatizzati bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali. |
|
182 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
183 |
Mill-istudju tal-2018 jirriżulta b’mod partikolari li, minn naħa, ebda data ma kienet tippermetti, dak iż-żmien, li jitqies li l-impriżi stabbiliti fl-Istati Uniti li kienu aderixxew mal-ħarsien tal-privatezza kienu adottaw deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati u, min-naħa l-oħra, l-Istati Uniti tal-Amerika kienu implimentaw leġiżlazzjonijiet settorjali fl-oqsma bħall-kreditu għall-konsum, l-impjieg, l-akkomodazzjoni, l-assigurazzjoni u s-saħħa, li fihom kien iktar probabbli li jiġu adottati deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati. |
|
184 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-istudju tal-2018 ma huwiex iċċitat fid-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tal-ħarsien tal-privatezza u ġie kkummissjonat mill-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni. Il-fatt li din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schrems II huwa għalhekk irrilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, fis-sentenza Schrems II, il-Qorti tal-Ġustizzja ma annullatx l-imsemmija deċiżjoni abbażi tal-elementi indikati fl-imsemmi studju. |
|
185 |
Fit-tieni lok, huwa minnu li l-istudju tal-2018 ma ħax inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fattwali u legali li kienet teżisti fl-Istati Uniti fl-2023, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, iżda dik li kienet teżisti fid-data ta’ meta twettqet, jiġifieri s-sena 2018. Madankollu, in-natura residwa tal-każijiet li fihom organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti li aderixxew mal-ħarsien tal-privatezza kienu adottaw deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati ġiet ikkonfermata mir-Rapport COM (2019) 495 final tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar it-tielet rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. Fil-fatt, f’dan ir-rapport, kien indikat b’mod partikolari li n-numru ta’ organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti li jipparteċipaw fil-ħarsien tal-privatezza li kienu adottaw deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati kien limitat u li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn l-organizzazzjonijiet ġeneralment ma kellhomx effetti legali u ma kinux jipproduċu effetti oħra fil-konfront tal-persuni kkonċernati. |
|
186 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent ma pproduċa ebda prova li tippermetti li jitqies li, wara t-twettiq tal-istudju tal-2018, organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti adottaw deċiżjonijiet kompletament awtomatizzati u ma spjegax b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġuni li għaliha l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali jirrendi l-imsemmi studju irrilevanti. |
|
187 |
F’dan il-kuntest, it-tieni lment tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
5. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 32 tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 45(2) tal-istess regolament
|
188 |
Permezz tal-ħames motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 32 tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 45(2) tal-istess regolament, sa fejn, fid-Deċiżjoni kkontestata, hija qieset li l-Istati Uniti tal-Amerika kienu joffru livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fl-Unjoni fir-rigward tal-istabbiliment, mill-kontrolluri u mill-proċessuri stabbiliti fl-Istati Uniti, ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati intiżi li jiggarantixxu s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn dan il-pajjiż. |
|
189 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-punt II.4(a) tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni kkontestata sempliċement jipprevedi li l-Organizzazzjonijiet tad-DPF għandhom jieħdu miżuri ta’ sigurtà raġonevoli u xierqa esklużivament meta joħolqu, iżommu, jużaw jew ixerrdu data personali. Għalhekk, ebda miżura ta’ sigurtà ma hija meħtieġa meta dawn l-organizzazzjonijiet jikkonsultaw data personali li toriġina mill-Unjoni. Ir-rikorrent isostni li l-konsultazzjoni madankollu tagħmel parti mill-operazzjonijiet inklużi fil-kunċett ta’ “pproċessar” ta’ data personali li jinsab fl-Artikolu 4(2) tal-GDPR. |
|
190 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-punt III.6(f) tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-obbligu, għall-organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Uniti li joħorġu mid-DPF, li jkomplu josservaw il-prinċipji li jinsabu f’din id-deċiżjoni, inklużi dawk relatati mas-sigurtà tal-ipproċessar, sakemm huma jaħżnu, jużaw jew jiżvelaw data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti, iżda ma jipprevedix tali obbligu meta dawn l-istess organizzazzjonijiet jikkonsultaw data personali. |
|
191 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Istati Uniti tal-Amerika, tikkontesta l-argument tar-rikorrent. |
|
192 |
Preliminarjament, qabel kollox, għandu jitfakkar li t-termini tal-Artikolu 32 tal-GDPR huma dawn li ġejjin: “1. Filwaqt li jikkunsidraw l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u in-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta’ probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, biex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju, inklużi inter alia kif xieraq:
2. Fl-evalwazzjoni tal-livell xieraq ta’ sigurtà ser jitqiesu b’mod partikolari r-riskji li jippreżenta l-ipproċessar, partikolarment minn qerda, telf, bidla, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata mod ieħor, li jkun aċċidentali jew illegali.” |
|
193 |
Wara dan, it-terminu “ipproċessar” li jinsab fl-Artikolu 32 tal-GDPR huwa ddefinit fl-Artikolu 4(2) tal-istess regolament bħala “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda”. |
|
194 |
Skont il-ġurisprudenza, mill-espressjoni “kwalunkwe attività”, li tinsab fl-Artikolu 4(2) tal-GDPR, jirriżulta b’mod partikolari li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-kunċett ta’ “pproċessar” portata wiesgħa, fatt li huwa kkorroborat min-natura mhux eżawrjenti, espressa bil-frażi “bħal”, tal-operazzjonijiet elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Endemol Shine Finland, C‑740/22, EU:C:2024:216, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
195 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tevalwa, skont l-Artikolu 45(2)(a) tal-GDPR, il-livell ta’ protezzjoni offrut minn pajjiż terz, hemm il-miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw id-data personali implimentati minn dan il-pajjiż. |
|
196 |
Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati, flimkien, iż-żewġ argumenti mqajma mir-rikorrent insostenn ta’ dan il-motiv. |
|
197 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-termini tal-punt II.4(a) tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni kkontestata huma s-segwenti: “L-organizzazzjonijiet li joħolqu, iżommu, jużaw jew ixerrdu informazzjoni personali jridu jieħdu miżuri raġonevoli u xierqa sabiex jipproteġuha minn telf, minn użu ħażin u minn aċċess mhux awtorizzat, minn divulgazzjoni, minn alterazzjoni u minn qerda, filwaqt li jqisu r-riskji involuti fl-ipproċessar u n-natura tad-data personali.” |
|
198 |
Barra minn hekk, il-punt III.6(f) tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej: “Organizzazzjoni jeħtiġilha tissoġġetta għall-Prinċipji d-data personali kollha li tkun waslet mill-UE fuq il-bażi tad-[DPF]. L-impenn li taderixxi mal-Prinċipji ma huwiex limitat biż-żmien fir-rigward ta’ data personali riċevuta matul il-perjodu li fih l-organizzazzjoni tgawdi l-benefiċċji tad-[DPF]; l-impenn tagħha jfisser li hija se tkompli tapplika l-Prinċipji għal tali data sakemm l-organizzazzjoni taħżinha, tużaha jew tiddivulgaha, anke jekk sussegwentement titlaq mid-[DPF] għal kwalunkwe raġuni.” |
|
199 |
Minn dan isegwi li l-punti II.4(a) u III.6(f) tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni kkontestata ma jikkonċernawx kull forma ta’ pproċessar ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-GDPR. Għall-kuntrarju, minn naħa, l-ewwel wieħed mill-imsemmija punti jillimita l-obbligu tal-Organizzazzjonijiet tad-DPF li jadottaw miżuri ta’ sigurtà biss għall-każijiet li fihom joħolqu, jamministraw, jużaw jew ixerrdu data personali. Min-naħa l-oħra, it-tieni wieħed mill-imsemmija punti jipprevedi li l-organizzazzjonijiet li jitilqu mid-DPF għandhom ikomplu japplikaw il-prinċipji li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata sakemm huma jaħżnu, jużaw jew jiżvelaw data personali ttrasferita mill-Unjoni lejn l-Istati Uniti. |
|
200 |
Issa, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fis-sentenzi Schrems I u Schrems II, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx neċessarju li l-pajjiż terz jiżgura protezzjoni ġuridika identika għal dik li hija ggarantita fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara l-punti 19 u 20 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li, għalkemm, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li d-dritt tal-Istati Uniti fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak previst fid-dritt tal-Unjoni, ma huwiex neċessarju li l-imsemmija deċiżjoni tinkludi eżattament l-istess termini bħal dawk li jinsabu fil-GDPR. |
|
201 |
It-tieni nett, il-prinċipji li jinsabu fil-punt II.4(a) tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-premessa 23 tal-imsemmija deċiżjoni, li, b’mod simili għall-Artikolu 32 tal-GDPR, tipprevedi dan li ġej: “Jenħtieġ li d-data personali tiġi pproċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà tagħha, inkluża l-protezzjoni kontra pproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra telf aċċidentali, qerda jew ħsara. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-kontrolluri u l-proċessuri jieħdu miżuri tekniċi jew organizzazzjonali xierqa sabiex jipproteġu d-data personali minn theddidiet possibbli. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jiġu vvalutati filwaqt li jitqiesu l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, il-kostijiet relatati u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar, kif ukoll ir-riskji għad-drittijiet tal-individwi.” |
|
202 |
It-tielet nett, għandu jiġi osservat li t-termini “joħolqu”, “iżommu”, “jużaw” u “ixerrdu” li jinsabu fil-punt II.4(a) tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll it-termini “taħżinha”, “tużaha” jew “tiddivulgaha”, li jinsabu fil-punt III.6(f) tal-istess anness jikkostitwixxu manifestazzjonijiet speċifiċi tal-operazzjoni li tikkonsisti fl-“ipproċessar” ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 32 tal-GDPR, u li, bl-istess mod bħal dan tal-aħħar, huma intiżi li jkopru firxa wiesgħa ta’ operazzjonijiet li jikkonċernaw id-data personali. |
|
203 |
Ir-raba’ nett, it-terminu “użu”, li derivazzjonijiet tiegħu jintużaw kemm fil-punt II.4(a) tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-punt III.6(f) tal-istess anness, huwa ddefinit bħala l-fatt li wieħed jirrikorri għal xi ħaġa għal għan jew għal użu preċiż. Minn din il-perspettiva, l-użu tad-data personali jinkludi l-konsultazzjoni tagħha, sa fejn, per definizzjoni, sabiex data tkun tista’ tintuża, huwa minn qabel neċessarju li jkun hemm aċċess għaliha u għalhekk li tiġi kkonsultata. Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrent li d-Deċiżjoni kkontestata ma teżiġi ebda miżura ta’ sigurtà meta Organizzazzjonijiet tad-DPF jikkonsultaw data personali li toriġina mill-Unjoni ma huwiex fondat. |
|
204 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
IV. Fuq l-ispejjeż
|
205 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
206 |
Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, inkluż fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
207 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, l-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess. |
|
208 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjent, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 138(1) u (2) tal-istess regoli, ibati l-ispejjeż tiegħu stess. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-Istati Uniti tal-Amerika għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Porchia Jaeger Madise Nihoul Verschuur Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Settembru 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.