SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Żamma tal-isem tar-rikorrent fil-listi tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi kkonċernati – Kriterju tar-rabta ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑503/23,

Ammar Sharif, residenti f’Bejrut (il-Libanu), irrappreżentat minn G. Karouni u K. Assogba, avukati,

rikorrent,

kontra

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Lejeune u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

Il-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. Svenningsen, President, J. Laitenberger u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑16 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, Ammar Sharif, jitlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1035 tal‑25 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2023. L 139, p. 49), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1027 tal‑25 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2023, L 139, p. 19) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-adozzjoni tal-atti kkontestati. B’mod inċidentali, huwa jitlob, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, li jiġi ddikjarat inapplikabbli l-Artikolu 27(2)(b) u (3), l‑Artikolu 28(2)(b) u (3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14; rettifika fil-ĠU 2018, L 190 p. 20), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 75), u l-Artikolu 15(1a)(b) tar‑Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 1).

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

[omissis]

A. Fuq l‑inklużjoni inizjali tal‑isem tar‑rikorrent fil‑listi inkwistjoni u fuq iż‑żamma tal‑imsemmija inklużjoni sal‑1 ta’ Ġunju 2019

11

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1897 tas‑27 ta’ Ottubru 2016 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2016, L 293, p. 36), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1893 tas‑27 ta’ Ottubru 2016 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2016, L 293, p. 25) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti tal-2016”), l-isem tar-rikorrent iddaħħal fil-linja 212 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A (Persuni) tal-Anness I, tad-Deċiżjoni 2013/255 u fil-linja 212 tal-lista li tinsab fit-Taqsima A (Persuni) tal-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi inkwistjoni”), filwaqt li jsemmu r-raġunijiet li ġejjin:

“Negozjant Sirjan ewlieni li jaħdem fis-Sirja, attiv fis-settur bankarju, dak tal-assigurazzjoni u dak tal-ospitalità. Sieħeb fundatur ta’ Byblos Bank Syria, azzjonist ewlieni f’Unlimited Hospitality Ltd, u membru tal-bord ta’ Solidarity Alliance Insurance Company u Al-Aqueelah Takaful Insurance Company.”

[omissis]

13

Fid‑29 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/917, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2017, L 139, p. 62; rettifika fil-ĠU 2017, L 146, p, 159), li estendiet l-applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni sal‑1 ta’ Ġunju 2018, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/907 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2017, L 139, p. 15; rettifika fil-ĠU 2017, L 146, p. 159) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti tal‑2017”).

[omissis]

15

Fit‑28 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/778, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2018, L 131, p. 16; rettifika fil-ĠU 2018, L 167, p. 36), li estendiet l-applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni sal‑1 ta’ Ġunju 2019, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/774, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2018, L 131, p. 1; rettifika fil-ĠU 2018, L 167, p. 36) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti tal‑2018”).

[omissis]

17

Permezz tas-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Sharif vs Il‑Kunsill (T‑5/17, EU:T:2019:216), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent kontra l-atti tal-2016, tal-2017 u tal-2018, sa fejn dawn kienu jikkonċernawh. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punt 70 tal-imsemmija sentenza li l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni kienet iġġustifikata mill-fatt li l-Kunsill kien ipproduċa sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu juru l-fatt li r-rikorrent kien negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja. Ir-rikorrent ma appellax minn din is-sentenza.

B. Fuq iż‑żamma tal‑inklużjoni tal‑isem tar‑rikorrent fil‑listi inkwistjoni

18

Fis‑17 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/806, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2019, L 132, p. 36; rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31), li estendiet l-applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni sal‑1 ta’ Ġunju 2020, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/798, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2019, L 132, p. 1; rettifika fil-ĠU 2019, L 234, p. 31) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti tal‑2019”). Dawn l-atti ma jsemmux l-isem tar-rikorrent, u lanqas jemendaw ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni.

[omissis]

20

Fit‑28 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/719, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2020, L 168, p. 66), li estendiet l-applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni sal‑1 ta’ Ġunju 2021, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/716, li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2020, L 168, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti tal‑2020”).

21

Bis-saħħa tal-atti tal‑2020, ir-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni kif kienu jirriżultaw mill-atti tal‑2016, tal-2017, tal-2018 u tal-2019 ġew issostitwiti bir-raġuni li ġejja:

“Assoċjat ma’ membru tal-familja Makhlouf (ħaten Rami Makhlouf)”

[omissis]

23

Permezz tas-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Sharif vs Il‑Kunsill (T‑540/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:220), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent kontra l-atti tal‑2019 u tal-2020, sa fejn dawn kienu jikkonċernawh. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 144 ta’ din is-sentenza, li r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni, kif jirriżultaw mill-atti tal‑2019, kienu ssostanzjati b’mod suffiċjenti, b’tali mod li, fid-dawl tal-kriterju tan-negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni kienet fondata. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 174 tal-imsemmija sentenza li r-raġuni għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni bis-saħħa tal-atti tal-2020 kienet suffiċjentement sostnuta, b’tali mod li, fid-dawl tal-kriterju tar-rabta mal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf, l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fl-imsemmija listi kienet fondata sew. Ir-rikorrent ma appellax mis-sentenza msemmija iktar ’il fuq.

24

Fil‑25 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill adotta l-atti kkontestati. Ir-raġuni għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent baqgħet ma nbidlitx meta mqabbla ma’ dik tal-atti tal‑2020. Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Mejju 2023 il-Kunsill informa lir-rappreżentant tar-rikorrent biż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni.

II. It‑talbiet tal‑partijiet

25

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

–

tikkonstata l-illegalità tal-Artikolu 27(2)(b) u (3), tal-Artikolu 28(2)(b) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u tal-Artikolu 15(1a)(b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, u tiddikjarahom inapplikabbli fir-rigward tar-rikorrent, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawh;

–

tannulla l-atti kkontestati, sa fejn jikkonċernawh;

–

tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni kollha flimkien;

–

tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż.

26

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

–

sussidjarjament, fil-każ li l-atti kkontestati jiġu annullati, tordna li l-effetti tad-Deċiżjoni 2023/1035 jinżammu sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent sakemm l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/1027 jidħol fis-seħħ.

III. Id‑dritt

A. Fuq it‑talbiet għal annullament

[omissis]

1.   Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq l‑eċċezzjoni ta’ illegalità minħabba ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament

28

Ir-rikorrent jeċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 27(2)(b) u (3), tal-Artikolu 28(2)(b) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u tal-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, sa fejn, essenzjalment, dawn l-artikoli jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

29

Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

30

Skont l-Artikolu 277 TFUE, kull parti tista’, f’tilwima li fiha jkun hemm inkwistjoni att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tutilizza l-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att.

31

L-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiggarantixxi lil kull parti d-dritt li, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, tikkontesta b’mod indirett il-validità ta’ att preċedenti tal-istituzzjonijiet li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, fil-każ li din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta rikors dirett skont l-Artikolu 263 TFUE kontra dan l-att li fir-rigward tiegħu hija ġarrbet konsegwenzi mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tiegħu. L-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija invokata għandu japplika, direttament jew indirettament, għall-kwistjoni li hija s-suġġett tal-kawża u għandu jkun hemm rabta diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2017, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, T‑14/14 u T‑87/14, EU:T:2017:102, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-trattat, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa speċifikament trattat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Xorta jibqa’ l-fatt li, kif fakkar ġustament il-Kunsill, dan tal-aħħar għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ġenerali u astratta tal-kriterji legali u tal-modalitajiet ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, id-determinazzjoni tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill hija rilevanti sabiex tiġi ddefinita l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kunsill, ir-regoli ta’ portata ġenerali li jiddefinixxu dawn il-kriterji u dawn il-modalitajiet, bħad-dispożizzjonijiet tal-atti kkontestati li jipprevedu l-kriterju kontenzjuż imsemmi f’dan il-motiv, huma s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ristrett, li huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball ta’ liġi kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punti 44 u 45, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 149 (mhux ippubblikata)).

34

F’dan il-każ, l-isem tar-rikorrent huwa inkluż fil-listi inkwistjoni minħabba r-rabta tiegħu ma’ Rami Makhlouf, li huwa ħatnu.

35

Minn dan għandu jiġi dedott li l-isem tar-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni minħabba r-rabta tiegħu ma’ membru tal-familja Makhlouf. Fi kliem ieħor, l-inklużjoni tal-imsemmi isem hija bbażata fuq il-kriterju ddefinit fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 27(2) u fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, moqrija flimkien mal-kriterju ddefinit fil-paragrafu 2(b) ta’ kull waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, riprodott, fir-rigward tal-iffriżar tal-fondi, fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 15(1a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, moqri flimkien mal-kriterju ddefinit fil-paragrafu (1a)(b) tal-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri l-kriterju tar-rabta mal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf.

36

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent jeċċepixxi l-illegalità tal-Artikolu 27(2)(b), tal-Artikolu 28(2)(b) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u tal-Artikolu 15(1a)(b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, li jikkonċernaw il-kriterju tal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf. Madankollu, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent u dan ma ġiex ikkontestat mill-Kunsill jirriżulta b’mod ċar li dan kellu l-intenzjoni li jikkontesta l-legalità tal-kriterju ta’ inklużjoni li fid-dawl tiegħu nżamm ismu fil-listi inkwistjoni, jiġifieri l-kriterju tar-rabta mal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrent tikkonċerna, minbarra l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 27(2) u l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 28(2) tal-imsemmija deċiżjoni, moqrija rispettivament flimkien mal-paragrafu 2(b) ta’ kull waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, u l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 15(1a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, moqri flimkien mal-paragrafu (1a)(b) tal-imsemmija dispożizzjoni.

37

Ir-rikorrent jallega ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn, kuntrarjament għall-kategoriji l-oħra ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 27(2), fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmija deċiżjoni, il-persuni inklużi fil-listi inkwistjoni minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf jinsabu fl-impossibbiltà teoretika u prattika li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattamenti ma jkunux oġġettivament iġġustifikati (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punt 135).

39

Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, jirriżulta b’mod ċar li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-kategoriji kollha ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dawn iż-żewġ artikoli, inkluż għalhekk, meta dawn jinsabu fihom, il-persuni inklużi fil-listi inkwistjoni minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf.

40

Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent dwar l-impossibbiltà teoretika għall-persuni inklużi fil-listi inkwistjoni minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.

41

Fir-rigward tal-allegata impossibbiltà prattika, huwa minnu li, kif isostni r-rikorrent u jammettih il-Kunsill, bħala prinċipju, rabta tal-familja ma tistax tiġi xolta. Madankollu, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, ma jirriżultax li persuni inklużi fil-listi inkwistjoni minħabba r-rabtiet familjari tagħhom mal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf huma neċessarjament mistennija li jipproduċu l-prova tax-xoljiment ta’ din ir-rabta familjari sabiex juru li ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta jew jeżerċitaw influwenza fuq dan ir-reġim jew li ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evażjoni.

42

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kieku dan kien il-każ, il-membri tal-familji Assad jew Makhlouf ikunu fl-inkapaċità totali li jibbenefikaw mill-Artikolu 27(3) u mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836. Dan iwassal għalhekk sabiex tiġi stabbilita preżunzjoni inkonfutabbli ta’ rabta fil-konfront tagħhom mar-reġim Sirjan. Issa, ġie deċiż li d-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, ma tistabbilixxix preżunzjoni inkonfutabbli ta’ appoġġ ma jew ta’ rabta għar-reġim Sirjan fil-konfront tal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf, sa fejn l-ismijiet tal-persuni li jappartjenu għal dawn il-familji ma humiex inklużi fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi jekk jiġi stabbilit li dawn il-persuni ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta ma’ dan ir-reġim (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Makhlouf vs Il‑Kunsill, C‑157/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:777, punt 98). B’hekk, għalkemm tali persuni jistgħu jibbenefikaw mill-Artikolu 27(3) u mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, il-persuni marbuta magħhom jistgħu wkoll ikunu marbuta magħhom.

43

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan għandha titqies li hija kkonfutata jekk ir-rikorrent iressaq argumenti jew jipproduċi provi li jistgħu jikkontestaw serjament l-affidabbiltà tal-provi prodotti mill-Kunsill jew l-evalwazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 27(3) u mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, jew jekk huwa jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji tal-ineżistenza jew tal-għajbien tar-rabta mal-imsemmi reġim, fuq l-assenza ta’ influwenza fuq l-imsemmi reġim jew fuq l-assenza ta’ assoċjazzjoni ma’ riskju reali ta’ evitar ta’ miżuri restrittivi, skont l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Zubedi vs Il‑Kunsill, T‑186/19, EU:T:2020:317, punt 71).

44

Għaldaqstant, ir-rikorrent għandu diversi mezzi sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan u għalhekk ma huwiex limitat li juri l-għajbien tar-rabta tal-familja ma’ Rami Makhlouf u lanqas li jistenna li l-isem ta’ dan tal-aħħar jitħassar mil-listi inkwistjoni..

45

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallega rikorrent minħabba l-aġir individwali tagħhom, persuni li għandhom rabtiet ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf jistgħu jitbiegħdu mir-reġim Sirjan u b’hekk jipprovdu indizji li ma għadhomx marbuta miegħu. Dan japplika wkoll għal persuni, bħar-rikorrent, li huma marbuta ma’ dawn il-membri permezz ta’ rabtiet taż-żwieġ. Tabilħaqq, il-fatt li huwa ħaten Rami Makhlouf bl-ebda mod ma jipprekludi lir-rikorrent milli juri li huwa kiser kull rabta mar-reġim Sirjan, pereżempju billi jiddenunzja pubblikament l-azzjonijiet tiegħu, billi jaġixxi kontra l-imsemmija azzjonijiet, jew billi jirrifjuta li jagħti segwitu għall-istruzzjonijiet li seta’ jirċievi, jew ukoll li ma huwiex assoċjat ma’ riskju reali ta’ evitar, billi jipprovdi indizji li huwa ma għandu l-ebda kuntatt ma’ persuna qrib ir-reġim Sirjan u, f’dan il-każ, ma’ Rami Makhlouf.

46

Issa, tali argumenti u tali provi, li jistgħu jippermettu lill-persuni inklużi fil-listi inkwistjoni jibbenefikaw mill-Artikolu 27(3) u mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, jistgħu jiġu prodotti mill-persuni kollha li jaqgħu taħt il-kategoriji differenti msemmija fl-Artikolu 27(2) u fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828.

47

B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-persuni li għandhom rabtiet ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf ma jinsabux fl-impossibbiltà prattika li jagħmlu użu mill-Artikolu 27(3) u mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.

48

F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li r-rikorrent ressaq, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, argumenti li, fil-fehma tiegħu, kienu jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rabta ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf. Dawn l-argumenti ser jiġu eżaminati waqt l-analiżi tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi fattwali suffiċjenti u fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuni li għandhom rabtiet ma’ membri tal-familji Assad jew Makhlouf huma suġġetti għall-istess trattament ġuridiku bħall-persuni li jappartjenu għall-kategoriji l-oħra msemmija fl-Artikolu 27(2) u fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828.

50

Konsegwentement, ir-rikorrent ma weriex li l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 27(2), l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, moqrija flimkien mal-paragrafu 2(b) ta’ kull waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tal-ewwel deċiżjoni, kif ukoll l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 15(1a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, moqri flimkien mal-paragrafu (1a)(b) tal-imsemmija dispożizzjoni, kienu jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

[omissis]

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel motiv jiġi miċħud.

2.   Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq l‑assenza ta’ bażi fattwali suffiċjenti u fuq l‑iżball ta’ evalwazzjoni

[omissis]

b)   Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq l‑assenza ta’ bażi fattwali suffiċjenti

[omissis]

2) Fuq il‑fondatezza tal‑ewwel parti

82

Ir-rikorrent isostni li, minħabba r-raġuni għall-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, id-destin tiegħu jiddependi inevitabbilment fuq is-sitwazzjoni ta’ Rami Makhlouf. Issa, is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma waqfitx tevolvi matul l-aħħar snin, b’tali mod li ma għadux fiċ-ċirku tal-poter u jinsab totalment barra mid-dinja ekonomika, politika jew finanzjarja fis-Sirja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza, fir-replika, li kull element fattwali ġdid li jaffettwa s-sitwazzjoni ta’ Rami Makhlouf għandu jaffettwa s-sitwazzjoni tiegħu stess.

83

Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-bidliet fis-sitwazzjoni ta’ Rami Makhlouf jikkostitwixxu fatti magħrufa li ma jistgħux jiġu injorati mill-Kunsill, u dan iktar u iktar peress li huma mxandra minn mezzi ta’ komunikazzjoni li jservu sistematikament u regolarment ta’ riferiment għall-Kunsill sabiex jiddokumenta l-fajls tiegħu waqt l-inklużjoni jew iż-żamma tal-isem ta’ persuna fil-listi inkwistjoni.

84

Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

85

F’dan il-każ, l-argumenti tar-rikorrent huma intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma eżaminax kif xieraq is-sitwazzjoni ta’ Rami Makhlouf, minkejja li kellu l-obbligu li jagħmel dan. Issa, li kieku l-Kunsill għamel dan l-eżami mill-ġdid, huwa kien jikkonstata li s-sitwazzjoni tiegħu kienet inbidlet, u dan kien ikollu impatt fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent.

86

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill li l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża jista’ jirrigwarda biss il-fondatezza tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni u għalhekk ma jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill inkluda isem Rami Makhlouf fl-imsemmija listi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Barqawi vs Il‑Kunsill, T‑303/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:328, punt 42, u tat‑18 ta’ Mejju 2022, Foz vs Il‑Kunsill, T‑296/20, EU:T:2022:298, punt 115).

87

Il-fatt, invokat mir-rikorrent, li d-destin tiegħu huwa marbut ma’ dak ta’ Rami Makhlouf ma jistax jiġġustifika approċċ differenti, wisq anqas l-argument tiegħu li wieħed ma jistax jintalab jistenna li Rami Makhlouf jippreżenta rikors, bir-riskju li r-rikors tiegħu jispiċċa mingħajr sustanza.

88

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni timplika li dawn jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2022, Foz vs Il‑Kunsill, T‑296/20, EU:T:2022:298, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Issa, minn naħa, ir-rikorrent ma jippretendix li huwa d-destinatarju tal-atti li permezz tagħhom l-isem ta’ Rami Makhlouf ġie inkluż fil-listi inkwistjoni, u lanqas jitlob l-annullament tagħhom permezz ta’ dan ir-rikors. B’hekk, huwa ma jistax jinvoka, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ksur mill-Kunsill tal-obbligu ta’ eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ Rami Makhlouf u lanqas interpretazzjoni żbaljata mill-Kunsill tal-kontenut tal-annessi li pproduċa sabiex juri li Rami Makhlouf ma kellux iktar rabtiet mar-reġim Sirjan.

90

Min-naħa l-oħra, huwa minnu li r-rikorrent qajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 27(2), tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, moqrija flimkien mal-paragrafu 2(b) ta’ kull waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, tal-Artikolu 27(3), tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255 kif emendata u tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 15(1a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, moqri flimkien mal-paragrafu (1a)(b) tal-imsemmi artikolu. Madankollu, huwa għamel dan billi sostna li dawn l-artikoli kienu jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-kategorija tal-persuni marbuta mal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf ma tistax, kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika, tkun f’pożizzjoni li tibbenefika mill-Artikolu 27(3) u mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255 emendata. Ċertament, ir-rikorrent sostna wkoll li l-kriterju tal-membri tal-familji Assad jew Makhlouf ma kienx għadu rilevanti. Madankollu, dan l-argument, żviluppat fl-istadju tar-replika, ġie miċħud bħala inammissibbli, peress li ġie kkunsidrat, fil-punti 59 u 62 iktar ’il fuq, bħala ġdid. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li r-rilevanza u l-legalità ta’ dan il-kriterju ta’ inklużjoni, li jirrigwarda l-membri influwenti kollha ta’ dawn iż-żewġ familji, ma jistgħux jiġu kkontestati bis-sitwazzjoni ta’ Rami Makhlouf biss.

91

Barra minn hekk, l-atti li jikkonċernaw lil Rami Makhlouf ma ġewx irtirati u, barra minn hekk, l-effetti tagħhom ma ġewx sospiżi wara talba għal miżuri provviżorji. Għaldaqstant, l-atti li bihom l-isem ta’ Rami Makhlouf ġie inkluż fil-listi inkwistjoni jkomplu jipproduċu effetti legali.

92

Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrent ressaq l-argument li, fil-kuntest ta’ din il-parti, il-Qorti Ġenerali ma tkunx meħtieġa tivverifika l-persistenza tar-rabta bejn Rami Makhlouf u r-reġim Sirjan, iżda biss jekk is-sitwazzjoni tiegħu kinitx inbidlet. Tali argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, minn naħa, jidher li huwa f’kontradizzjoni mat-teżi sostnuta mir-rikorrent fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, li fihom, l-ewwel nett, huwa jistieden, in fine, lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li Rami Makhlouf ma għadux jagħmel parti miċ-ċirku ta’ setgħa, b’riferiment b’hekk għar-rabta ta’ dan tal-aħħar mar-reġim Sirjan, sussegwentement, huwa jikkritika lill-Kunsill talli ma biddilx ir-raġuni għall-inklużjoni ta’ Rami Makhlouf u, fl-aħħar nett, huwa jsemmi b’mod espliċitu l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid tal-Kunsill fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Rami. Makhlouf. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ bidla fis-sitwazzjoni ta’ Rami Makhlouf jista’ jkollha konsegwenzi, anki jekk biss fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u taċ-ċertezza legali, sa fejn il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, ikollha tevalwa s-sitwazzjoni ta’ terz f’din it-tilwima.

93

Għandu jingħad ukoll li, filwaqt li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-inklużjoni tal-isem ta’ Rami Makhlouf fil-listi inkwistjoni, xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrent milli jindirizza ruħu lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati sabiex jistiednu jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tiegħu fid-dawl ta’ dik ta’ Rami Makhlouf billi jippreżentalu l-provi prodotti fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 32(2) u (3) tar-Regolament Nru 36/2012, ir-rikorrent jista’, f’kull mument, jippreżenta talba għal eżami mill-ġdid jew osservazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, Al‑Imam vs Il‑Kunsill, T‑203/20, EU:T:2021:605, punt 95). Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostni l-Kunsill mingħajr ma ġie kkontradett mir-rikorrent, dan tal-aħħar ma ħax din l-opportunità.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ammar Sharif huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Svenningsen

Laitenberger

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Settembru 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli għall-pubblikazzjoni.