Kawża T‑379/23
Çolakoğlu Metalurji AŞ
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti) tal‑4 ta’ Marzu 2026
“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana, ikkunsinnati mit-Turkija – Estensjoni għal dawn l-importazzjonijiet tad-dazju antidumping definittiv impost fuq ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/825 – Evitar – Kunċett ta’ ‘operazzjoni ta’ montaġġ’ – Kunċett ta’ ‘operazzjoni ta’ tlestija’ – Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Żball ta’ liġi”
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Evitar – Operazzjoni ta’ montaġġ – Kunċett – Operazzjoni ta’ tlestija – Inklużjoni – Ipproċessar ta’ input waħdieni fi prodott lest li ma jimplika ebda montaġġ – Ipproċessar li ma jikkostitwixxix operazzjoni ta’ tlestija
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 13(1)(d) u Artikolu 13(2)(b))
(ara l-punti 33, 43 sa 58, 60, 62, 67, 72, 80 sa 82, 89, 95, u 96)
Dritt tal-Unjoni – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni letterali, sistematika, storika u teleoloġika
(ara l-punt 39)
Dritt tal-Unjoni – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 13(2)(b))
(ara l-punti 42 u 59)
Sunt
Il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2023/825 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana (iktar ’il quddiem is-“SSHR”), li joriġinaw mill-Indoneżja, għall-importazzjonijiet tas-SSHR ikkunsinnati mit-Turkija ( 1 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk operazzjoni ta’ pproċessar ta’ input waħdieni fi prodott lest tistax tikkostitwixxi “operazzjoni ta’ montaġġ jew ta’ tlestija” u għalhekk “prattika, operazzjoni jew ħidma” li permezz tagħha jiġu evitati miżuri antidumping fis-seħħ, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku ( 2 ).
Fl‑2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1408 ( 3 ) li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti SSHR li joriġinaw mill-Indoneżja, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan.
Fl‑2022, wara lment imressaq minn Eurofer, Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar, AISBL, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evitar ta’ dawn il-miżuri antidumping permezz ta’ importazzjonijiet ta’ SSHR li joriġinaw mill-Indoneżja u kkunsinnati mit-Turkija, kemm jekk ikunu ġew iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż kif ukoll jekk le. Fi tmiem l-investigazzjoni tagħha, hija adottat ir-Regolament ikkontestat.
Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, Çolakoğlu Metalurji AŞ, produttur-esportatur Tork tas-SSHR, talbet l-annullament tar-Regolament ikkontestat sa fejn dan kien jikkonċernaha. Hija kkontestat, essenzjalment, il-klassifikazzjoni bħala “operazzjoni ta’ montaġġ” attribwita lill-proċess ta’ manifattura ta’ SSHR fit-Turkija.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Il-Qorti Ġenerali fakkret li, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ evitar, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku jeżiġi, l-ewwel nett, bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiż terz u l-Unjoni jew bejn kumpanniji fil-pajjiż suġġett għall-miżuri u l-Unjoni, it-tieni nett, li din il-bidla tirriżulta minn prattiki, proċessi jew ħidmiet li fir-rigward tagħhom ma jkunx hemm motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dritt, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ fatturi li juru li l-industrija tal-Unjoni ġġarrab dannu jew li l-effetti korrettivi tad-dazju antidumping jkunu kompromessi f’termini ta’ prezz jew ta’ kwantitajiet ta’ prodotti simili u, ir-raba’ nett, l-eżistenza ta’ provi li jistabbilixxu dumping b’rabta mal-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodotti simili. Skont ir-raba’ subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, l-operazzjonijiet ta’ montaġġ fl-Unjoni jew f’pajjiż terz huma fost il-prattiki, proċessi jew ħidmiet li jistgħu jikkostitwixxu evitar.
Fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet kollha previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) kienu ssodisfatti. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, hija qieset li l-ipproċessar ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli fi SSHR imwettaq fit-Turkija kien jikkostitwixxi “operazzjoni ta’ tlestija” li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ montaġġ” fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament antidumping bażiku. Din id-dispożizzjoni tippreċiża l-kundizzjonijiet li skonthom operazzjoni ta’ montaġġ titqies li tevita l-miżuri fis-seħħ, u tirreferi, fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, għall-“operazzjonijiet ta’ tlestija”.
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk din il-klassifikazzjoni kinitx konformi mal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku antidumping.
Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali rrilevat li s-sens ordinarju ta’ “montaġġ” jikkonsisti fl-azzjoni ta’ montaġġ ta’ diversi komponenti sabiex jifformaw oġġett. Madankollu, il-manifattura ta’ SSHR titwettaq fi stadju ta’ produzzjoni wieħed, li jikkonsisti fit-tisħin, u sussegwentement fil-laminar bis-sħana ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli. Għalhekk, l-ipproċessar ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli fi SSHR ma jikkostitwixxix montaġġ fis-sens tad-definizzjoni esposta iktar ’il fuq.
Madankollu, sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat l-imsemmi pproċessar bħala “operazzjoni ta’ tlestija”, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ montaġġ” fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku antidumping, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi testwali, kuntestwali, teleoloġika u storika ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex tiddetermina jekk il-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ tlestija” għandux jinkludi, kif sostniet il-Kummissjoni, operazzjonijiet ta’ trasformazzjoni ta’ input waħdieni fi prodott lest li ma jimplikaw ebda montaġġ, bħall-ipproċessar inkwistjoni ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli fi SSHR jew għandux jinkludi biss, kif issuġġerixxiet ir-rikorrenti, operazzjonijiet li jimplikaw forma ta’ montaġġ ta’ diversi komponenti.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Regolament bażiku antidumping ma jagħtix definizzjoni ta’ dan il-kunċett.
Fir-rigward tal-kuntest, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-“operazzjonijiet ta’ tlestija” huma inklużi fl-“operazzjonijiet ta’ montaġġ” u jifformaw tip ta’ operazzjonijiet ta’ montaġġ ( 4 ). Għalhekk, l-“operazzjonijiet ta’ tlestija” ma jistgħux jinkludu operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ input waħdieni fi prodott lest li ma jimplikaw ebda montaġġ, peress li tali operazzjonijiet ma jistgħux ikollhom portata li tmur lil hinn minn dik tal-operazzjonijiet ta’ montaġġ li jagħmlu parti minnhom.
Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-kumplament tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2), mill-interpretazzjoni teleoloġika ta’ dan l-artikolu u mill-interpretazzjoni storika tiegħu.
L-ewwel nett, skont l-Artikolu 13(2)(b), sabiex operazzjoni ta’ montaġġ titqies li tevita l-miżuri antidumping fis-seħħ, minn naħa, il-“komponenti” li joriġinaw mill-pajjiż suġġett għall-miżuri għandhom jikkostitwixxu 60 % jew iktar mill-valur totali tal-“komponenti tal-prodott immontat” u, min-naħa l-oħra, essenzjalment, il-valur miżjud mal-“komponenti inkorporati” matul l-operazzjoni ta’ montaġġ jew ta’ tlestija għandu jkun inqas minn 25 % tal-ispejjeż tal-manifattura. L-użu tat-terminu “komponenti”, fil-plural, assoċjat mat-termini “prodott immontat”, fis-singular, isostni l-interpretazzjoni li din id-dispożizzjoni tirreferi għal operazzjonijiet li matulhom diversi komponenti jiġu mmontati sabiex jifformaw oġġett waħdieni.
Barra minn hekk, il-kundizzjoni dwar il-limitu ta’ 60 % titlef l-effett utli tagħha fil-każ ta’ pproċessar ta’ input waħdieni, peress li n-nuqqas ta’ montaġġ ta’ diversi komponenti jirrendi inutli l-kalkolu tal-proporzjon ta’ komponenti li joriġinaw mill-pajjiż suġġett għall-miżuri fir-rigward tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott ikkonċernat.
It-tieni nett, in-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-miżuri antidumping fis-seħħ ma tistax tiġġustifika interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ tlestija”. Fil-fatt, anki jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet dwar l-evitar jirriżultaw li huma insuffiċjenti sabiex jiġu kkontrollati ċerti operazzjonijiet li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-effikaċja tal-miżuri antidumping, il-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 13 tar-Regolament antidumping bażiku, fis-sens li l-operazzjonijiet ta’ montaġġ jikkonsistu fil-montaġġ ta’ diversi komponenti sabiex jifformaw oġġett ma tistax, bħala prinċipju, titqiegħed f’dubju minn interpretazzjoni teleoloġika tal-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ tlestija”, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ montaġġ”, bir-riskju li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, fatt li għandu jiġi deċiż biss mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni teleoloġika ma tistax tmur contra legem.
Barra minn hekk, il-marġni ta’ manuvra wiesa’ mogħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiddefinixxu l-evitar tippermetti lill-Kummissjoni teżamina sa fejn l-ipproċessar f’pajjiż terz ta’ input waħdieni li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat minn miżuri antidumping fis-seħħ, sabiex jifforma prodott identiku jew simili għal dak li huwa s-suġġett tal-imsemmija miżuri, jista’ jikkostitwixxi evitar, anki jekk tali prattika ma tikkorrispondix għall-“operazzjonijiet ta’ tlestija”, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku jiġu ssodisfatti.
It-tielet nett, filwaqt li eżaminat, b’interpretazzjoni storika, id-diversi emendi li saru lill-Artikolu 13 tar-Regolament antidumping bażiku, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mill-istorja leġiżlattiva ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-“operazzjonijiet ta’ tlestija”, li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ montaġġ” jistgħu jkopru operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ input waħdieni fi prodott lest li ma jimplikaw ebda montaġġ.
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-argument tal-Kummissjoni, fis-sens li l-“operazzjonijiet ta’ tlestija” msemmija iktar ’il fuq jistgħu jkopru tali operazzjonijiet ta’ pproċessar, ma huwiex sostnut minn interpretazzjoni letterali, kuntestwali, teleoloġika jew storika tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament antidumping bażiku.
Għalhekk, l-ipproċessar ta’ ċangaturi tal-azzar inossidabbli fi SSHR, li jikkorrispondi għall-ipproċessar ta’ input waħdieni fi prodott lest li ma jimplika ebda montaġġ, ma jikkostitwixxix “operazzjoni ta’ tlestija” li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ montaġġ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Minn dan isegwi li t-tieni kundizzjoni meħtieġa mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku sabiex jiġi kkonstatat evitar tal-miżuri antidumping fis-seħħ ma kinitx issodisfatta. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ikkontestat sa fejn dan kien jikkonċerna lir-rikorrenti.
( 1 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/825 tas‑17 ta’ April 2023 li jestendi d-dazju anti-dumping impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1408 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja għall-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana kkonsenjati mit-Turkija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Turkija kif ukoll jekk le (ĠU 2023, L 103, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).
( 2 ) Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping bażiku”).
( 3 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1408 tas‑6 ta’ Ottubru 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU 2020, L 325, p. 26).
( 4 ) Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2024, PGTEX Morocco vs Il-Kummissjoni, T‑245/22, EU:T:2024:879, u sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2024, PGTEX Morocco vs Il-Kummissjoni, T‑246/22, EU:T:2024:880.