SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

4 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista – Kriterju ta’ appartenenza għall-familja – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Rekwiżit li kull limitazzjoni għandha tkun prevista fil-liġi – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà”

Fil-Kawża T‑370/23,

Samer Kamal Al‑Assad, residenti f’Lattaquié (is-Sirja), irrappreżentat minn W. Woll, avukat,

rikorrent,

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn T. Haas, bħala aġent, assistita minn E. Raoult, avukata,

konvenut,

IL‑QORTI ĠENERALI (Id‑Disa’ Awla),

komposta minn L. Truchot, President, H. Kanninen u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ebda waħda mill-partijiet ma ressqet talba għal seduta fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Samer Kamal Al‑Assad, qiegħed jitlob l-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/847 tal‑24 ta’ April 2023 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2023, L 109I, p. 26) u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/844 tal‑24 ta’ April 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2023, L 109I, p. 1), sa fejn dawn l-atti (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”) jikkonċernaw lir-rikorrent.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑fatti li seħħew wara l‑preżentata tar‑rikors

[omissis]

2

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kif jirriżulta mill-premessa 5 tagħha, il-Kunsill adotta, fit‑12 ta’ Ottubru 2015, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2015, L 266, p, 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42) u r-Regolament (UE) 2015/1828, li jemenda r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 266, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti tal‑2015”).

3

F’dan ir-rigward, il-Kunsill, billi qies li l-miżuri restrittivi adottati inizjalment permezz tad-Deċiżjoni 2011/273 ma kinux ippermettew li tintemm ir-repressjoni vjolenti mir-reġim Sirjan tal-popolazzjoni ċivili, iddeċieda, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2015/1836, “li [kien] meħtieġ li jżomm u jiżgura l-effikaċja tal-miżuri restrittivi stabbiliti, billi jkompli jiżviluppahom waqt li jissokta bl-approċċ immirat u differenzjat tiegħu u jqis il-kundizzjonijiet umanitarji tal-popolazzjoni Sirjana [u] li ċerti kategoriji ta’ persuni u entitajiet [kienu] ta’ rilevanza partikolari għall-effikaċja ta’ dawn il-miżuri restrittivi, minħabba l-kuntest speċifiku dominanti fis-Sirja”.

4

Konsegwentement, il-kliem tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġie emendat bid-Deċiżjoni 2015/1836. Dawn l-artikoli issa jipprevedu restrizzjonijiet fuq id-dħul jew fuq it-tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri, kif ukoll l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tal-persuni li jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 2(a) sa (g) ta’ dawn l-artikoli, elenkati fl-Anness I, ħlief jekk, skont il-paragrafu 3 tagħhom, ikun hemm “biżżejjed informazzjoni li [dawn il-persuni] m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni”.

5

B’mod partikolari, sa fejn, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2015/1836, “[is-]setgħa fis-Sirja […] tradizzjonalment tiġi eżerċitata fuq bażi ta’ familja [u s-]setgħa fir-reġim Sirjan attwali hija kkonċentrata madwar membri influwenti tal-familji Assad u Makhlouf”, kellhom jiġu previsti miżuri restrittivi kontra ċerti membri ta’ dawn il-familji, kemm sabiex ir-reġim Sirjan jiġi influwenzat direttament permezz tal-membri ta’ dawn il-familji sabiex dan tal-aħħar ibiddel il-politika ta’ repressjoni tiegħu kif ukoll sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi minn membri tal-imsemmija familji.

6

B’hekk, wara l-adozzjoni tal-atti tal‑2015, l-Artikolu 27(2)(b) u l-Artikolu 28(2)(b) tad-Deċiżjoni 2013/255 issa jissuġġettaw ukoll il-“membri tal-familji Assad jew Makhlouf” għall-miżuri restrittivi (iktar ’il quddiem il-“kriterju ta’ appartenenza għall-familja”). B’mod parallel, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012 ġie kkompletat permezz tal-paragrafu 1a(b) li jipprevedi l-iffriżar tal-assi tal-membri ta’ dawn il-familji.

7

Min-naħa l-oħra, il-kriterju ġenerali ta’ inklużjoni li jorbot mal-benefiċċju li jinkiseb mill-politika li jħaddan ir-reġim Sirjan jew mal-appoġġ lil dan tal-aħħar jidher fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828 (iktar ’il quddiem il-“kriterju ġenerali ta’ assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan”).

8

Fl‑24 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta l-atti kkontestati. Skont il-premessi 2, 3 u 5 ta’ dawn tal-aħħar, ġie previst dan li ġej:

“(2)

Il-Kunsill jibqa’ mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Wara aktar minn deċennju, il-kunflitt fis-Sirja għadu ’l bogħod milli jintemm u għadu sors ta’ tbatija u instabbiltà.

(3)

Il-Kunsill jinnota li r-reġim Sirjan qed ikompli jsegwi l-politika ta’ repressjoni tiegħu. Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni li għadha tippersisti, il-Kunsill iqis li hu meħtieġ li jżomm u jiżgura l-effettività tal-miżuri restrittivi stabbiliti billi jkompli jiżviluppahom waqt li jżomm l-approċċ immirat u differenzjat tagħhom, filwaqt li jqis il-kundizzjonijiet umanitarji tal-popolazzjoni Sirjana. Il-Kunsill iqis li ċerti kategoriji ta’ persuni u entitajiet huma ta’ rilevanza partikolari għall-effettività ta’ dawk il-miżuri restrittivi, minħabba l-kuntest speċifiku dominanti fis-Sirja.

[…]

(5)

Il-Kunsill huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda fil-kummerċ tan-narkotiċi li joriġinaw fis-Sirja. Il-Kunsill ivvaluta b’mod partikolari li l-kummerċ fl-amfetamini sar mudell ta’ negozju mmexxi mir-reġim, li jarrikkixxi ċ-ċirku intern tar-reġim, u jipprovdilu dħul li jikkontribwixxi għall-kapaċità tiegħu li jżomm il-politiki ta’ repressjoni tiegħu. Il-Kunsill iqis li hu għandu jipprevedi miżuri restrittivi għall-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn ċerti persuni u entitajiet involuti fil-produzzjoni jew it-traffikar ta’ narkotiċi li joriġinaw fis-Sirja, kif identifikati mill-Kunsill u elenkati [sa fejn jikkonċernaw id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/847 fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK u sa fejn jikkonċernaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/844 fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012] biex jimponi restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni għal tali persuni, sabiex ma jħallihomx jipprovdu appoġġ lir-reġim u biex tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim biex jibdel il-politiki ta’ repressjoni tiegħu. Dawn il-miżuri għandhom ukoll l-għan li jnaqqsu r-riskju li tiġi mminata l-effettività tal-miżuri restrittivi billi jimmiraw il-kapaċità tar-reġim li jirrikorri għal rikavati mill-kummerċ tan-narkotiċi biex ikompli bil-politika ta’ repressjoni tiegħu.”

9

Il-Kunsill iġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi għar-raġunijiet li ġejjin:

“ […] membru tal-familja Assad.

Huwa jopera fil-kuntest tal-kummerċ tan-narkotiċi, b’mod partikolari fil-produzzjoni tagħhom. Il-kummerċ ta’ Captagon sar mudell ta’ negozju mmexxi mir-reġim, li jarrikkixxi ċ-ċirku intern tar-reġim u jifforma l-ankra ta’ salvataġġ tiegħu. Huwa għalhekk jibbenefika mir-reġim u jappoġġah.”

[omissis]

It‑talbiet tal‑partijiet

1

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-atti kkontestati sa fejn jikkonċernaw lilu;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

2

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-atti kkontestati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, tordna li l-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2023/847 jinżammu sa fejn jikkonċernawh sal-mument li fih jidħol fis-seħħ l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2023/844.

Id‑dritt

[omissis]

Fuq l‑eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l‑kriterju ta’ appartenenza għall‑familja

1

Ir-rikorrent iqajjem, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja kif jinsab fl-Artikolu 27(2)(b) u fl-Artikolu 28(2)(b) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836. Huwa jitlob li l-imsemmi kriterju jiġi ddikjarat inapplikabbli fil-konfront tiegħu u li, konsegwentement, l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tiġi annullata.

2

Il-Kunsill jikkontesta kemm l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrent, kif ukoll l-fondatezza tagħha.

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑eċċezzjoni ta’ illegalità

3

Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrent.

4

Fil-fehma tal-Kunsill, ir-rikorrent ma jispjegax il-konsegwenzi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata għandha għall-atti kkontestati u għalih innifsu. Dan in-nuqqas ta’ ċarezza, li jmur kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ma ppermettilux iħejji d-difiża tiegħu u għandu jwassal, konsegwentement, għall-inammissibbiltà tal-imsemmija eċċezzjoni.

5

Ir-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti.

6

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Barra minn hekk, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors, jekk ikun hemm bżonn mingħajr ma tintalab informazzjoni oħra. Fil-fatt, sabiex rikors ikun ammissibbli, jeħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan tal-aħħar ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-kliem tar-rikors innifsu, u dan sabiex jiġi żgurati ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Al‑Tarazi vs Il-Kunsill, T‑260/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:187, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

7

F’dan il-każ, ir-rikorrent, b’argumenti tabilħaqq sommarji, isostni li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja huwa nieqes miċ-ċarezza u mill-preċiżjoni, u dan jagħmilha impossibbli li jiġu identifikati l-persuni li jistgħu jkunu fil-mira tal-imsemmi kriterju. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, l-applikazzjoni tal-imsemmi kriterju ġġib diskriminazzjoni li tivvizzja b’illegalità l-atti kkontestati.

8

F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-Kunsill seta’ jħejji d-difiża tiegħu u dan jixhdu l-fatt li huwa wieġeb is-sustanza tal-argumenti tar-rikorrent kemm fir-risposta u kemm fil-kontroreplika.

9

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija akkumpanjata minn biżżejjed informazzjoni li tippermettilha teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u tagħti deċiżjoni dwar din tal-aħħar, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob iktar informazzjoni.

10

Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda u l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

Fuq il‑fondatezza tal‑eċċezzjoni ta’ illegalità

11

Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, ir-rikorrent essenzjalment iressaq żewġ ilmenti, ibbażati:

l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet għandha tkun prevista fil-liġi u, konsegwentement, fuq ksur tad-drittijiet għall-proprjetà u għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantiti, rispettivament, mill-Artikolu 17(1) u mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”, u mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB;

it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta u fl-Artikolu 14 tal-KEDB.

12

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm, kif proprju jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet inklużi f’din tal-aħħar, li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk stabbiliti fl-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar, billi l-Unjoni ma ffirmathiex, ma tikkostitwixxix strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13

Għaldaqstant, l-eżami ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandu jsir biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta invokati mir-rikorrent.

14

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 277 TFUE, kull parti tista’, fil-kuntest ta’ tilwima li ddaħħal inkwistjoni att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tibbaża ruħha fuq il-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att.

15

Fil-fatt, l-Artikolu 277 TFUE jesprimi prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi legali ta’ tali deċiżjoni jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, taħt l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li issa qiegħda tbati l-konsegwenzi tagħhom, mingħajr ma setgħet titlob li jiġu annullati. L-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija invokata għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punti 6768 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Il-Kunsill għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ġenerali u astratta tal-kriterji legali u tal-metodi li bihom jiġu adottati l-miżuri restrittivi (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Sharif vs Il‑Kunsill, T‑540/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:220, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

B’hekk, ir-regoli ta’ portata ġenerali li jiddefinixxu dawn il-kriterji u dawn il-metodi huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett, li huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2022, LAICO vs Il‑Kunsill, T‑627/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:590, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mas-setgħat mogħtija lilhom bis-saħħa tat-Trattat FUE, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2016, Farahat vs Il‑Kunsill, T‑830/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:462, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

– Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza, mill‑kriterju ta’ appartenenza għall‑familja, tal‑prinċipju ta’ legalità u, konsegwentement, fuq ksur tad‑drittijiet għall‑proprjetà u għar‑rispett tal‑ħajja privata u tal‑familja

20

Ir-rikorrent isostni li, għalkemm id-drittijiet fundamentali jistgħu, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, ikunu s-suġġett ta’ ndħil min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, kull limitazzjoni f’dan ir-rigward għandha tkun prevista fil-liġi u għanda tosserva r-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni u ta’ prevedibbiltà.

21

Issa, fil-fehma tar-rikorrent, il-kriterju ta’ appartenenza għall-familja ma josservax l-Artikolu 52(1) tal-Karta sa fejn huwa “nieqes, b’mod partikolari, mill-preċiżjoni”. B’hekk, dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni jagħmilha impossibbli li jiġu identifikati l-persuni li essenzjalment jistgħu jkunu fil-mira tal-leġiżlazzjoni bażika.

22

Dan ifisser li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jagħmel ħsara, minn naħa, lid-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, lid-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni, li jagħmel parti mid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din tal-aħħar.

23

Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, li d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni jagħmel parti minnu, ma humiex drittijiet assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li, minn naħa waħda, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, “[b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

25

Minn dan jirriżulta li ksur ta’ dritt jew ta’ libertà stabbiliti fil-Karta għandu, sabiex ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni, jissodisfa erba’ kundizzjonijiet. L-ewwel, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”, fis-sens li l-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta miżuri li jistgħu jirrestrinġu d-dritt jew il-libertà ta’ persuna, fiżika jew ġuridika, għandu jkollha bażi legali għal dan il-għan. It-tieni, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tosserva l-essenza tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni. It-tielet, hija għandha effettivament tilħaq għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. Ir-raba’, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tkun proporzjonata (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Issa, kif jirriżulta mill-punt 46 iktar ’il fuq, ir-rikorrent sempliċement isostni li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja ma huwiex preċiż biżżejjed sabiex jissodisfa l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li kull limitazzjoni għad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista fil-liġi. Madankollu, ir-rikorrent ma jressaq ebda argument fir-rigward tat-tliet kundizzjonijiet l-oħra msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prinċipju ta’ legalità, stabbilit bil-kliem “previst mil-liġi” fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jimplika li kull limitazzjoni għad-drittijiet u għal-libertajiet stabbiliti minn din tal-aħħar għandu jkollha bażi legali li tiddefinixxi hija nnifisha b’mod ċar u preċiż il-portata tal-limitazzjoni għall-eżerċizzju tagħhom (Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada) tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 139; sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 175, u tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers, C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 86).

28

Għandu jingħad ukoll li, għalkemm il-prinċipju ta’ legalità jeżiġi li l-att li jippermetti l-indħil fid-drittijiet fundamentali għandu jiddefinixxi huwa nnifsu l-portata tal-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, dan ir-rekwiżit ma jeskludix li, minn naħa, il-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata bi kliem miftuħ biżżejjed sabiex din tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għal tibdil fiċ-ċirkustanzi u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tippreċiża, bl-interpretazzjoni tagħha, il-portata konkreta tal-limitazzjoni fid-dawl kemm tal-kliem innifsu tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet li hija tfittex li tilħaq, kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn ikun jista’ jkollhom effetti sfavorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑101/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:575, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali prinċipju japplika għall-miżuri restrittivi, bħalma huma dawk f’dan il-każ, li jaffettwaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Mutondo vs Il‑Kunsill, T‑103/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:578, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-kriterju ta’ appartenenza għall-familja ma jippermettix lill-Kunsill jissuġġetta għal miżuri restrittivi lil kull persuna kunjomha Assad, kemm jekk tiġi mill-imsemmija familja, li bħalissa tinsab fil-poter fis-Sirja, u kemm jekk le.

31

Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 27(4) u l-Artikolu 28(4) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, kull deċiżjoni ta’ inklużjoni fil-listi kontenzjużi għandha tittieħed fuq bażi individwali u każ b’każ, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-proporzjonalità tal-miżura.

32

Min-naħa l-oħra, il-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jagħmel parti minn kuntest legali ddelimitat b’mod ċar mill-għanijiet imfittxija, b’mod partikolari, mil-leġiżlazzjoni bażika.

33

B’hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, il-kriterju ta’ appartenenza għall-familja għandu, b’mod partikolari, jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet tal-miżuri restrittivi adottati minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja. F’dan il-każ, mill-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2015/1836 jirriżulta li s-setgħa tar-reġim Sirjan essenzjalment tinsab f’idejn “membri influwenti tal-familji Assad u Makhlouf”, u li l-Kunsill ippreveda għalhekk miżuri restrittivi fil-konfront ta’ ċerti membri tal-imsemmija familji “ kemm biex jiġi influwenzat direttament ir-reġim permezz tal-membri ta’ dawk il-familji sabiex ibiddel il-politiki tiegħu ta’ repressjoni, kif ukoll biex jiġi evitat ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri restrittivi permezz tal-membri tal-familja” (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

34

F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jkopri, minn naħa, persuni kunjomhom Assad, liema kunjom huwa komuni ħafna fis-Sirja, iżda li ma jiġux mill-familja Assad li tinsab fil-poter f’dan il-pajjiż. Min-naħa l-oħra, dan il-kriterju jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-persuni li tilfu dan il-kunjom biż-żwieġ.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-portata tal-kriterju ta’ appartenenza għall-familja, minkejja li huwa mfisser bi kliem miftuħ, hija limitata mill-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2015/1836 (ara l-punt 58 iktar ’il fuq) u għalhekk jista’ jkopri biss ċirku ta’ persuni li jistgħu jiġu faċilment identifikati, jiġifieri dawk il-persuni li jiġu mill-familja Assad li bħalissa tinsab fil-poter fis-Sirja.

36

Dan ifisser, minn naħa, li l-persuni kunjomhom Assad, komuni kemm hu komuni fis-Sirja, jaqgħu biss taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jekk ikunu jiġu mill-familja Assad li bħalissa qiegħda tiggverna fis-Sirja.

37

Min-naħa l-oħra, kif proprju jsostni l-Kunsill, l-ismijiet tal-persuni li jiġu mill-familja Assad fil-poter fis-Sirja jistgħu jiġu inklużi fil-listi kontenzjużi abbażi tal-kriterju ta’ appartenenza għall-familja, anki jekk ma jkunux kunjomhom Assad.

38

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja huwa impreċiż, sa fejn ikopri l-membri kollha tal-familja Assad, mingħajr, madankollu, ma jagħżel bejn dawk li huma influwenti minn dawk li ma humiex.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja ma jipprevedi ebda kundizzjoni marbuta mal-influwenza tal-membri tal-familja Assad. Madankollu, din il-kundizzjoni toħroġ b’mod espliċitu mill-kliem tal-Artikolu 27(2)(a) u tal-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u tal-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, li jkopri n-“negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”.

40

Dan ifisser li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja ma jkoprix biss il-membri “influwenti” tal-familja Assad li jinsabu fil-poter fis-Sirja. Fil-fatt, il-Kunsill, permezz tal-miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dan il-kriterju, qiegħed ifittex li jħeġġeġ lil ċerti membri tal-imsemmija familja sabiex jagħmlu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex itemm ir-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili u li jevita r-riskju ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi minn membri ta’ din il-familja. (ara l-punt 58 iktar ’il fuq).

41

Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, stabbilit mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, jipprekludi kwalunkwe inklużjoni sistematika li “tissanzjona” persuna għas-sempliċi fatt li hija membru tal-familja Assad, sa fejn ħadd ma jista’ jinżamm responsabbli għal għemil qrabatu.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, persuna, fiżika jew ġuridika, tista’ tiġi ssanzjonata biss għal atti li jistgħu jiġu imputati lilha individwalment (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2023, Skryba vs Il‑Kunsill, T‑581/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:321, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Madankollu, il-miżuri restrittivi huma miżuri preventivi mmirati, li jaqgħu strettament fil-qafas tal-kundizzjonijiet legali ddefiniti permezz ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE u permezz ta’ regolament ibbażat fuq l-Artikolu 215(2) TFUE li jimplimenta din id-deċiżjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE. Huma jfittxu, b’mod partikolari, li jiġġieldu t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet relatati mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK). Għaldaqstant, il-miżuri restrittivi, min-natura kawtelatorja tagħhom, kif ukoll mill-iskop preventiv tagħhom, għandhom jingħażlu mis-sanzjonijiet kriminali jew amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2023, Skryba vs Il‑Kunsill, T‑581/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:321, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

B’mod iktar speċifiku, kif jirriżulta mill-punt 58 iktar ’il fuq, l-għan li jfittxu li jilħqu l-miżuri restrittivi adottati minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja ma huwiex li jissanzjonaw lill-persuni jew lill-entitajiet fil-mira tagħhom, iżda li jagħmlu, permezz ta’ dawn tal-aħħar, pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex itemm il-politika ta’ repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili Sirjana.

45

Barra minn hekk, kif proprju ssemma fil-punt 56 iktar ’il fuq, kull deċiżjoni ta’ inklużjoni fil-listi kontenzjużi għandha tittieħed fuq bażi individwali u każ b’każ billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-proporzjonalità tal-miżura kkonċernata, b’mod li ma tista’ tiġi stabbilita ebda inklużjoni sistematika abbażi tal-kriterju ta’ appartenenza għall-familja.

46

Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali sabiex jikkontesta l-legalità tal-kriterju ta’ appartenenza għall-familja.

47

Mill-premess jirriżulta li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja, moqri flimkien mal-għan li ssir pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex jiġi mġiegħel itemm il-politika tiegħu ta’ repressjoni, jiddefinixxi, b’mod oġġettiv u b’mod preċiż biżżejjed, kategorija limitata ta’ persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi.

48

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jintroduċi dispożizzjoni ċara u preċiża, li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-prinċipju ta’ legalità fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatt li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jissodisfa l-prinċipju ta’ legalità, l-argumenti tar-rikorrent bbażati fuq ksur tad-drittijiet għall-proprjetà u għar-rispett tar-reputazzjoni għandhom ukoll jiġu miċħuda.

50

Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

– Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

51

Taħt it-tieni lment, ir-rikorrent isostni li li individwu jiġi “ssanzjonat” sempliċement minħabba l-appartenenza tiegħu għal xi familja partikolari, tkun xi tkun it-tifsira tal-imsemmi kunċett, jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta. Fil-fehma tiegħu, l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ appartenenza għall-familja twassal għal riżultat li ma huwiex approporzjon tal-għan imfittex sa fejn huwa, bħala sekonda kuġin tal-President Sirjan Bachar Al‑Assad (iktar ’il quddiem il-“President Sirjan”), ma jista’ qatt jikkontesta l-fondatezza tal-ewwel raġuni għall-inklużjoni.

52

Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21(1) tal-Karta, “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita”.

54

Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa espressjoni partikolari tiegħu, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, kemm‑il darba tali differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Novembru 2022, Bowden u Young vs Europol, T‑72/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:720, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din id-differenza tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq, u meta din id-differenza tkun approporzjon tal-għan li jfittex li jilħaq it-trattament ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji vs Il‑Kummissjoni, T‑126/19, EU:T:2021:360, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa riprodott fl-Artikolu 5(4) TUE, jeżiġi li l-miżuri implimentati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi li l-leġiżlazzjoni kkonċernata tfittex li tilħaq u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑521/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:608, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Issa, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, kif proprju jirriżulta mill-punt 41 iktar ’il fuq, il-Kunsill igawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni u tal-adozzjoni tal-kriterji ta’ inklużjoni. Għalhekk, il-legalità tal-miżuri restrittivi ma tiddependix mill-konstatazzjoni tal-effetti immedjati ta’ dawn tal-aħħar, iżda teħtieġ biss li dawn ma jkunux manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 97).

58

F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja huwa diskriminatorju, minħabba li jawtorizza l-impożizzjoni ta’ “sanzjonijiet” kontra “kotra ta’ nies li ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-President Sirjan”, b’mod li jwassal għal riżultat li ma huwiex approporzjon tal-għan imfittex.

59

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni ma jwasslux għal konfiska tal-assi tal-persuni kkonċernati bħala r-rikavat tal-kriminalità, iżda jwasslu għal iffriżar kawtelatorju, b’mod li ma jikkostitwixxux sanzjoni kriminali. Barra minn hekk, dawn il-miżuri ma jimplikaw ebda akkuża ta’ din in-natura (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2016, Hassan vs Il‑Kunsill, T‑790/14, EU:T:2016:429, punt 77 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Makhlouf vs Il‑Kunsill, T‑409/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:901, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fir-rigward tal-miżuri restrittivi adottati minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja, l-għan imfittex la huwa li jiġi ssanzjonat ir-reġim Sirjan u lanqas li jiġu ssanzjonati l-persuni li isimhom jidher fil-listi kontenzjużi, iżda li ssir pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex tintemm il-politika ta’ repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili (ara l-punt 58 iktar ’il fuq).

61

Għalhekk, dan huwa għan li jagħmel parti mill-kuntest iktar ġenerali tal-isforzi marbuta maż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, previsti fl-Artikolu 21 TUE, li jirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u huwa, għaldaqstant, għan leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 176 (mhux ippubblikata)).

62

Fil-fatt, kif proprju jsostni l-Kunsill, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent hija xierqa, sa fejn hija kompatibbli ma’ għan ta’ interess ġenerali daqstantieħor fundamentali għall-komunità internazzjonali daqs il-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili. Għalhekk, l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni, fil-konfront tal-persuni identifikati li huma involuti fl-appoġġ tar-reġim Sirjan ma jistgħux, minnhom infushom, jitqiesu mhux xierqa (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑477/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:7, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Dan ifisser li l-miżuri restrittivi adottati abbażi tal-kriterju ta’ appartenenza għall-familja, minn naħa, ma jistgħux, f’ebda każ, jiġu ekwiparati ma’ sanzjonijiet u li, min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri jfittxu li jilħqu għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

64

Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jkopri kategorija preċiża ta’ persuni, jiġifieri l-persuni li jiġu mill-familja Assad fil-poter fis-Sirja u li huma għalhekk membri tagħha (ara l-punti 60, 61 u 72 iktar ’il fuq).

65

Fit-tielet lok, ir-rikorrent ma jispeċifikax kif jew fil-konfront ta’ min l-implimentazzjoni tal-kriterju ta’ appartenenza għall-familja hija diskriminatorja. Lanqas ma jġib eżempji konkreti ta’ persuni oħra li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal tiegħu u li kienu ttrattati b’mod differenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Export Development Bank of Iran vs Il‑Kunsill, T‑89/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:693, punt 120). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika jekk l-allegazzjonijiet tiegħu humiex tabilħaqq fondati.

66

Fir-raba’ lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrent li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jwassal għal riżultat li ma huwiex approporzjon tal-għan li jfittxu li jilħqu l-miżuri restrittivi inkwistjoni, sa fejn huwa impossibbli għalih, bħala sekonda kuġin tal-President Sirjan, li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan.

67

Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u skont l-Artikolu 15(1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, l-ismijiet tal-persuni koperti mill-varji kriterji ta’ inklużjoni, inkluż, b’mod partikolari, membri tal-familja Assad, ma għandhomx jiġu inklużi jew jinżammu fil-listi kontenzjużi jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni li tindika li dawn il-persuni ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim jew li ma għandhom ebda influwenza fuq dan tal-aħħar jew li ma joħolqu ebda riskju reali ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi.

68

Għalhekk, kwalunkwe persuna, minkejja l-kwalità jew l-istatus tagħha li minħabba fihom isimha jkun ġie inkluż fil-listi kontenzjużi, tista’ tipproduċi provi sabiex tikkontesta l-inklużjoni jew iż-żamma ta’ isimha f’dawn il-listi tal-aħħar. Dan jgħodd ukoll, f’dan il-każ, għar-rikorrent fil-kwalità tiegħu ta’ sekonda kuġin tal-President Sirjan.

69

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, it-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Samer Kamal Al‑Assad huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Truchot

Kanninen

Frendo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Settembru 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.