SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

5 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Benefiċċji tal-familja – Allowance għall-wild dipendenti – Allowance tal-edukazzjoni – Deċiżjonijiet li jtemmu ċerti allowances jew benefiċċji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kunċett ta’ ‘tmiem l-istudji’ – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑123/23,

VA, irrappreżentat minn N. de Montigny, avukat,

rikorrent,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr u M. Brauhoff, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, J. Svenningsen, J. Laitenberger, J. Martín y Pérez de Nanclares u M. Stancu (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑23 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, VA, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea tal‑11 ta’ Mejju 2022 li jneħħu d-dritt tiegħu li jirċievi, mill‑1 ta’ Lulju 2021, l-allowances għall-wild dipendenti u tal-edukazzjoni kif ukoll it-tnaqqis tat-taxxa marbut mal-allowance għall-wild dipendenti, u tat‑13 ta’ Ġunju 2022 li jħabbru l-irkupru, skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ta’ dawn id-drittijiet pekunjarji u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba dan.

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Ir-rikorrent huwa uffiċjal fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3

Bintu segwiet studji universitarji f’università Belġjana. B’mod partikolari, hija għaddiet mill-aħħar eżami taċ-ċiklu ta’ studju tagħha fit‑18 ta’ Ġunju 2021, saret taf li hija kienet għaddiet mill-eżamijiet tagħha fit‑2 ta’ Lulju 2021 u rċeviet ċertifikat ta’ suċċess fis‑27 ta’ Awwissu 2021. Is-sena universitarja ntemmet fit‑13 ta’ Settembru 2021.

4

Sa Settembru 2021, ir-rikorrent irċieva, għal bintu, l-allowance għall-wild dipendenti kif ukoll l-allowance tal-edukazzjoni, previsti fl-Artikoli 2 u 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u bbenefika mit-tnaqqis tat-taxxa marbut mal-allowance għall-wild dipendenti, previst mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“drittijiet pekunjarji inkwistjoni”).

5

Fis‑16 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrent ressaq, fl-applikazzjoni informatika “Sysper 2”, id-dikjarazzjoni ta’ tmiem l-istudji ta’ bintu, u indika li l-aħħar eżami tagħha kien fit‑18 ta’ Ġunju 2021.

6

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/792 tat‑13 ta’ Mejju 2019 li tafda f’idejn il-Kummissjoni Ewropea — l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) — l-eżerċizzju ta’ ċerti setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ (ĠU 2019, L 129, p. 3), il-PMO huwa responsabbli għall-ġestjoni u l-ħlas tad-drittijiet pekunjarji individwali tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, inklużi d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni.

7

Fl‑24 ta’ Settembru 2021, il-PMO informa lir-rikorrent li, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tiegħu tas‑16 ta’ Settembru 2021, id-drittijiet pekunjarji inkwistjoni kienu ser jitneħħew retroattivament mill‑1 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2021”). Din id-deċiżjoni kienet tippreċiża wkoll li kull somma indebitament imħallsa kienet ser tagħti lok għal irkupru skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u li dan kellu jirċievi nota separata li tinformah bil-modalitajiet ta’ rkupru tal-imsemmija somom indebitament irċevuti mill‑1 ta’ Lulju 2021. Id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2021 inkludiet żamma ta’ EUR 2 619.66 fuq l-iskeda tal-ħlas tax-xahar ta’ Ottubru 2021, li tikkorrispondi għall-ammont tad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għall-perijodu minn Lulju sa Settembru 2021 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”).

8

Fit‑3 ta’ Jannar 2022, ir-rikorrent ressaq ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra din l-iskeda ta’ ħlas (iktar ’il quddiem l-”ewwel ilment”).

9

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2022, l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) annullat id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2021 kif ukoll l-irkupru sussegwenti kif immaterjalizzat fl-iskeda tal-ħlas tax-xahar ta’ Ottubru 2021 u bagħtet lura l-fajl tar-rikorrent lid-dipartiment kompetenti għal eżami mill-ġdid tal-każ tiegħu, minħabba li r-rikorrent ma kienx instema’ qabel l-adozzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

10

Wara d-deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2022, il-PMO għamel ħlas bil-quddiem ta’ flus kontanti ta’ EUR 3500 għall-benefiċċju tar-rikorrent. Dan l-ammont jikkorrispondi għall-ħlas ta’ erba’ pagamenti mensili tad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2022, il-PMO kkonferma t-tneħħija retroattiva tad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni mill‑1 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), filwaqt li informa lir-rikorrent li dawn id-drittijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ reviżjoni jekk huwa jkun f’pożizzjoni li jipprovdi ġustifikazzjoni uffiċjali li tiċċertifika li l-“aħħar eżami, preżentazzjoni u/jew difiża tat-teżi” ta’ bintu kien seħħ wara Ġunju 2021 u li seta’ jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ ħmistax-il jum minn meta jirċievi din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-PMO indika lir-rikorrent li kull somma indebitament imħallsa kienet ser tiġi rkuprata skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u li kienet ser tintbagħatlu nota separata sabiex jinformah bil-modalitajiet ta’ rkupru tad-drittijiet pekunjarji mħallsa indebitament mill‑1 ta’ Lulju 2021.

12

Fit‑13 ta’ Ġunju 2022, ir-rikorrent irċieva nota ta’ rkupru skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni kienet tindika li l-ammont totali dovut mir-rikorrent kien jammonta għal EUR 3500, li din is-somma kienet ser tiġi rkuprata fi tliet pagamenti mix-xahar ta’ Awwissu 2022 u li huwa kellu ħmistax-il jum minn meta rċieva l-istess deċiżjoni sabiex jibgħat il-kummenti tiegħu.

13

Wara din id-deċiżjoni, sar skambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn ir-rikorrent, l-avukat tiegħu u l-PMO, intiż sabiex jiġi kkjarifikat il-kontenut tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

14

B’mod partikolari, permezz ta’ posta elettronika tat‑22 ta’ Ġunju 2022, il-PMO informa lir-rikorrent li, peress li bintu kienet għaddiet mill-eżamijiet tiegħu f’Ġunju 2021 matul l-ewwel sessjoni ta’ eżamijiet, huwa ma kellux iktar id-dritt li jiġbor id-drittijiet pekunjarji inkwistjoni mix-xahar ta’ Lulju 2021. Barra minn hekk, huwa enfasizza li r-rikorrent ma kienx ipproduċa dokumenti oħra li setgħu jiġġustifikaw li bintu kienet segwiet l-istudji universitarji tiegħu wara t‑30 ta’ Ġunju 2021. Fir-rigward tal-irkupru tas-somma ta’ EUR 3500, il-PMO ppreċiża, b’mod partikolari, li r-rikorrent kien irċieva bi żball erba’ pagamenti mensili tad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni minflok tlieta (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

15

Fid‑9 ta’ Awwissu 2022, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati (iktar ’il quddiem it-“tieni lment”), fejn talab ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż tal-avukati sostnuti fil-kuntest tal-ewwel ilment.

16

Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tad‑9 ta’ Diċembru 2022.

II. It‑talbiet tal-partijiet

17

Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas lir-rikorrent ta’ kumpens ta’ EUR 2441.84;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18

Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrent ippreċiża li huwa kien qiegħed jitlob l-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata biss sa EUR 2 619.66, li tikkorrispondi għall-ammont tad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni, u mhux ta’ EUR 3500, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbal tas-seduta.

19

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id‑dritt

A. Fuq it‑talbiet għall‑finijiet tal‑annullament

20

Ir-rikorrent iqajjem ħames motivi insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, li l-ewwel tlieta minnhom huma diretti kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata u t-tnejn l-oħra kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata.

1.   Fuq il‑motivi mressqa kontra l‑ewwel deċiżjoni kkontestata

21

Dawn il-motivi huma bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 2 u 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

a)   Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikoli2 u 3 tal‑Anness VII tar‑Regolamenti tal‑Persunal

22

Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 2 u 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet inkwistjoni”), billi kkunsidrat li bintu kienet temmet l-istudji universitarji tagħha fit‑18 ta’ Ġunju 2021, data tal-aħħar eżami tagħha, u li, għaldaqstant, ma kienx għadu eliġibbli li jirċievi d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għall-perijodu kontenzjuż. Fil-fehma tiegħu, id-data ta’ tmiem l-istudji ta’ bintu li wassal sabiex, f’dan il-każ, twaqqaf l-għoti tad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni hija dik ta’ tmiem is-sena universitarja, jiġifieri t‑13 ta’ Settembru 2021, jew, tal-inqas, dik li fiha bintu rċeviet iċ-ċertifikat ta’ suċċess, jiġifieri s‑27 ta’ Awwissu 2021.

23

Sussidjarjament, ir-rikorrent iqis li d-data ta’ tmiem l-istudji għandha tkun, l-iktar kmieni, fil-mument li fih il-wild isir jaf bir-riżultati tal-eżamijiet, f’dan il-każ it‑2 ta’ Lulju 2021, peress li huwa minn dan il-mument li dan jieħu konjizzjoni ta’ tmiem l-aħħar sena universitarja tiegħu u jista’ għalhekk jibda jfittex xogħol.

24

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

25

L-ewwel nett, hija tirribatti li, peress li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Hija żżid li d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni jiddependu mill-kontinwità effettiva tat-taħriġ skolastiku jew vokazzjonali u mill-attendenza regolari u full-time ta’ stabbiliment ta’ tagħlim. It-tieni nett, mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mis-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Costacurta vs Il‑Kummissjoni (C‑145/90 P, EU:C:1991:435), u tad‑19 ta’ Settembru 2018, HD vs Il‑Parlament (T‑604/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:562), jirriżulta li d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għandhom jiġu evalwati xahar b’xahar u għandhom jieqfu fil-mument meta l-wild dipendenti ma jibqax jattendi regolarment u full-time l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla. Barra minn hekk, il-wild li jieqaf jattendi din l-istituzzjoni jista’ jaħdem, jiddisponi minn dħul u b’hekk jipprovdi effettivament għall-bżonnijiet tiegħu. It-tielet nett, hija tfakkar li l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni dwar l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni jagħmel distinzjoni bejn il-vaganzi skolastiċi fl-aħħar ta’ sena skolastika u dawk li jiġu wara l-aħħar sena skolastika li fi tmiemha l-wild itemm l-istudji tiegħu. Ir-raba’ nett, ir-rikorrent baqa’ ma pproduċiex il-prova li, fl-assenza tad-diploma universitarja tiegħu, bintu kienet ġiet irrifjutata l-aċċess għal ċertu impjieg jew li ma kinitx issib impjieg adegwat. Il-ħames nett, il-kunċett ta’ “tmiem l-istudji” huwa awtonomu u għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni uniformi applikabbli fl-Istati Membri kollha fejn ulied il-membri tal-persunal isegwu l-istudji tagħhom. Is-sitt nett, l-argument tar-rikorrent dwar allegat ksur tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea bl-ebda mod ma ġiet prodotta l-prova dwaru.

26

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li d-data ta’ meta jkunu magħrufa ir-riżultati tal-eżamijiet lanqas ma tista’ tiġi aċċettata, peress li wara l-aħħar eżami l-istudenti jieqfu milli jsegwu l-korsijiet, u għalhekk li jattendu regolarment u full-time l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla.

27

Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent iqajjem ksur tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, sa fejn il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjoni dwar “tmiem l-istudji” li wasslet sabiex jiskadu d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni.

28

B’mod partikolari, il-partijiet ma jaqblux fuq id-data li fiha din il-kundizzjoni tiġi vverifikata, jiġifieri fil-mument ta’ meta sar l-aħħar eżami universitarju, tal-għarfien tar-riżultati tal-eżamijiet finali, tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ suċċess jew inkella ta’ tmiem is-sena universitarja. F’dan il-każ, dawn l-erba’ mumenti jinsabu, rispettivament, bejn Ġunju u Settembru 2021.

29

Preliminarjament, għandhom jitfakkru l-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni, b’mod partikolari l-allowance għall-wild dipendenti u l-allowance tal-edukazzjoni, kif ukoll ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ allowances.

30

Fir-rigward tal-allowance għall-wild dipendenti, l-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“1.   […] uffiċjal li għandu tifel dipendenti wieħed jew aktar għandu jirċievi allowanceta’ […] fix-xahar għal kull tifel dipendenti.

[…]

3.   Il-benefiċċju għandu jkun jingħata:

a)

awtomatikament lit-tfal taħt it-18-il sena;

b)

fuq applikazzjoni motivata tal-uffiċjal ikkonċernat, għal tfal bejn it-18 u s-26 li qegħdin jirċievu taħriġ edukattiv jew vokazzjonali.

[…]”

31

Fir-rigward tal-allowance għall-edukazzjoni, l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“1.   Suġġett għall-kondizzjonijiet imniżżla fid-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni, uffiċjal għandu jirċievi benefiċċju ta’ l-edukazzjoni daqs l-ispejjeż vera li ħallas, sa massimu ta’ […] kull xahar għal kull tifel dipendenti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ dan l-Anness, li jkollu mill-anqas ħames snin u jkun jattendi full-time u regolarment skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati, jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla. […]

L-intitolament għal dik l-allowance jibda fl-ewwel ġurnata tax-xahar li fiha l-wild jibda jattendi stabbiliment ta’ edukazzjoni primarja u jieqaf fl-aħħar tax-xahar li fih il-wild itemm l-edukazzjoni tiegħu jew fl-aħħar tax-xahar li fih il-wild jagħlaq 26 sena, skont liema jiġi l-ewwel. […]”

32

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-allowance tal-edukazzjoni hija biss korollarju tal-allowance għall-wild dipendenti, peress li l-ewwel waħda ma tistax tingħata jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu l-kisba tat-tieni waħda ma jkunux issodisfatti minn qabel. Fil-fatt, billi ppreċiża li l-allowance tal-edukazzjoni titħallas “għal kull tifel dipendenti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ dan l-Anness, li jkollu mill-anqas ħames snin”, il-leġiżlatur ried jissuġġetta d-dritt għal din l-allowance għall-osservanza minn qabel tal-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tal-allowance għall-wild dipendenti. Fi kliem ieħor, l-allowance tal-edukazzjoni tista’ titħallas biss jekk l-uffiċjal ikollu wild dipendenti ta’ mill-inqas ħames snin li għalih jirċievi tali allowance.

33

Id-dritt għall-allowance tal-edukazzjoni huwa, barra minn hekk, suġġett għall-osservanza ta’ kundizzjoni kumulattiva oħra, li hija dik tal-attendenza regolari u full-time ta’ stabbiliment ta’ tagħlim minn dan il-wild.

34

Peress li l-allowance tal-edukazzjoni tista’ tingħata biss, kif ippreċiżat fil-punt 32 iktar ’il fuq, jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu l-kisba tal-allowance għall-wild dipendenti huma ssodisfatti minn qabel, minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-attendenza regolari u full-time ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni tal-attendenza”) għandha ssir sussegwentement, wara li jkun ġie stabbilit li l-wild li għalih tintalab l-allowance tal-edukazzjoni huwa r-responsabbiltà tal-uffiċjal.

35

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ser tanalizza, fl-ewwel lok, jekk, matul il-perijodu kontenzjuż, il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-allowance għall-wild dipendenti kinux issodisfatti u, sussegwentement, jekk bint ir-rikorrent kinitx tissodisfa wkoll il-kundizzjoni tal-attendenza, prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tkun intitolata għall-allowance tal-edukazzjoni.

1) Fuq l‑osservanza tal‑kundizzjonijiet għall‑għoti tal‑allowance għall‑wild dipendenti, matul il‑perijodu kkontestat

36

Għandu jitfakkar li, f’każ, bħal dak inkwistjoni, fejn wild isegwi studji universitarji, id-dritt għall-allowance għall-wild dipendenti huwa suġġett għas-sodisfazzjon ta’ tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-manteniment effettiv mill-uffiċjal tal-wild tiegħu, il-fatt li dan tal-aħħar għandu bejn 18 u 26 sena u l-fatt li huwa jirċievi taħriġ skolastiku jew vokazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2021, KR vs Il‑Kummissjoni, T‑408/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:788, punt 24).

37

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel u t-tieni kundizzjoni, kif ukoll in-natura “skolastika” tat-taħriġ li kienet irreġistrata fih bint ir-rikorrent, ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, it-tielet kundizzjoni li tikkonċerna l-attendenza ta’ taħriġ skolastiku hija, fil-fehma tagħha, nieqsa, peress li bint ir-rikorrent ma kinitx għadha tirċievi tali taħriġ mit‑18 ta’ Ġunju 2021, id-data tal-aħħar eżami tagħha.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li “taħriġ” huwa kompost minn diversi stadji bħalma huma l-parteċipazzjoni fil-korsijiet previsti mill-programm ta’ studji u fl-eżamijiet li jirrigwardaw dawn il-korsijiet, l-evalwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar u, fi tmiem l-aħħar minn dawn l-eżamijiet, it-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-istituzzjoni ta’ tagħlim li jipprovdi t-taħriġ inkwistjoni, tar-riżultati finali li jiċċertifikaw is-suċċess tiegħu. Dawn l-istadji huma inseparabbli minn xulxin, peress li l-parteċipazzjoni fl-eżamijiet tippermetti li tiġi evalwata l-kisba mill-istudent tal-kompetenzi u tal-għarfien mogħti fil-kuntest tal-korsijiet mogħtija.

39

Issa, peress li l-istudent jista’ jsir jaf bis-suċċess tat-taħriġ tiegħu biss wara li jkun temm l-eżamijiet kollha u ladarba r-riżultati ta’ dawn l-eżamijiet ikunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-istituzzjoni edukattiva, huwa mill-mument meta r-riżultati finali jkunu disponibbli li l-istudent għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma jirċevix iktar taħriġ fis-sens tal-Artikolu 2(3)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

40

B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-wild ta’ bejn 18 u 26 sena li jirċievi taħriġ skolastiku jew vokazzjonali jibqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal mhux sal-mument li fih dan il-wild jagħmel l-aħħar eżami tiegħu, iżda sal-mument meta r-riżultati finali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-istituzzjoni edukattiva.

41

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza, bħal dik ibbażata fuq is-sentenza tas‑17 ta’ April 2002, Sada vs Il‑Kummissjoni (T‑325/00, EU:T:2002:101, punt 37), li tipprevedi li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati b’mod strett kif ukoll ma’ dik li tirriżulta mis-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Costacurta vs Il‑Kummissjoni (C‑145/90 P, EU:C:1991:435, punt 6), u tad‑19 ta’ Settembru 2018, HD vs Il‑Parlament (T‑604/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:562, punt 133), li tgħid li, minħabba n-natura mensili tad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom humiex issodisfatti għandha tiġi evalwata xahar b’xahar.

42

Fil-fatt, peress li l-allowance għall-wild dipendenti hija allowance mħallsa kull xahar u, għall-wild ta’ bejn 18 u 26 sena, fuq “applikazzjoni motivata”, huwa l-uffiċjal li għandu jinforma lill-amministrazzjoni dwar tmiem l-istudji tal-wild tiegħu billi jikkomunikalu mingħajr dewmien id-data li fiha r-riżultati finali tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni edukattiva, sabiex din tkun tista’ immedjatament twaqqaf il-ħlas ta’ din l-allowance.

43

F’dan il-każ, kemm mill-Anness A.9 tar-rikors, li jinkludi dikjarazzjoni ta’ suċċess tas‑27 ta’ Awwissu 2021 maħruġa mill-università li għaliha kienet irreġistrata bint ir-rikorrent, kif ukoll mill-posta elettronika tas-servizz legali ta’ din l-istess università prodotta mir-rikorrent fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑7 ta’ Diċembru 2023, jirriżulta li r-riżultati finali tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-università sa mit‑2 ta’ Lulju 2021, data li fiha bint ir-rikorrent setgħet diġà, barra minn hekk, tniżżel ċertifikat ta’ suċċess. Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, mix-xahar ta’ wara d-data li fiha r-riżultati finali tpoġġew għad-dispożizzjoni mill-istituzzjoni edukattiva, jiġifieri x-xahar ta’ Awwissu 2021, bint ir-rikorrent ma setgħetx tibqa’ titqies bħala dipendenti fuqu u dan tal-aħħar ma kienx għadu eliġibbli għall-allowance għall-wild dipendenti.

44

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrent l-allowance għall-wild dipendenti għax-xahar ta’ Lulju 2021. Min-naħa l-oħra, hija ġustament irrifjutatilha din l-allowance għal Awwissu u ta’ Settembru 2021.

45

Tali rifjut ma jistax jiġi kkontestat mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrent u intiżi sabiex juru li kellu dritt għall-allowance għall-wild dipendenti kemm għal Awwissu kif ukoll għal Settembru 2021. L-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrent isostni li, skont l-università li attendiet bintu kif ukoll mill-awtoritajiet Belġjani, din tal-aħħar żammet il-kwalità ta’ student sal-aħħar ta’ Settembru 2021, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(3)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa mill-mument li r-riżultati finali jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-istituzzjoni edukattiva li l-wild għandu jitqies li ma għadux jirċievi “taħriġ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, huwa għal kollox possibbli li l-wild itemm l-istudji tiegħu qabel tmiem is-sena universitarja, anki jekk skont l-università jew il-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih hija għandha s-sede tagħha il-wild jista’ jibqa’ jibbenefika mill-istatus ta’ student sal-aħħar ta’ din is-sena.

46

It-tieni nett, l-allegazzjoni li huwa neċessarju li wieħed ikollu d-diploma universitarja sabiex jaċċedi għal ċerti professjonijiet bl-ebda mod ma hija ssontanzjata u, fuq kollox, tidher kontradittorja mal-pretensjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li din id-diploma ngħatat lil bintu fit‑8 ta’ Ottubru 2021 (ara l-punt 12 tar-rikors), ir-rikorrent ma jallegax li huwa kien eliġibbli għad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni wkoll għax-xahar ta’ Ottubru 2021. Barra minn hekk, ir-rikorrent jiddikjara, fil-punt 93 tar-rikors, li bintu sabet impjieg mill‑1 ta’ Ottubru 2021, jiġifieri ġimgħa qabel l-għoti tad-diploma.

47

It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjoni mqajma mir-rikorrent fir-replika li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni magħmula mill-Kummissjoni tmur kontra l-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, din bl-ebda mod ma hija ssostanzjata jew argumentata u li, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, argument simili tqajjem ukoll fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li ser jiġi analizzat iktar ’il quddiem.

2) Fuq l‑osservanza tal‑kundizzjoni tal‑attendenza, prevista fl‑Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, matul il-perijodu kontenzjuż

48

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, peress li r-rikorrent ma għandux dritt għall-allowance għall-wild dipendenti għax-xhur ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2021 (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), huwa lanqas ma jista’ jippretendi, kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq, l-allowance tal-edukazzjoni għal dawk ix-xhur.

49

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrifjutat ukoll lir-rikorrent, għax-xhur ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2021, l-allowance tal-edukazzjoni.

50

Barra minn hekk, għandu jiġi analizzat, kif iddikjarat fil-punt 35 iktar ’il fuq, jekk il-kundizzjoni tal-attendenza kinitx sodisfatta fix-xahar ta’ Lulju 2021.

51

Skont il-Kummissjoni, essenzjalment, din il-kundizzjoni ma tibqax issodisfatta meta l-wild jagħmel l-aħħar eżami, sa fejn, minn dak il-mument, huwa jista’ jsib impjieg u jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu. Din l-interpretazzjoni titlaq mill-premessa, bħal fil-każ tal-allowance għall-wild dipendenti, li l-wild itemm l-istudji tiegħu wara li jkun għamel l-aħħar eżami tiegħu.

52

Tali approċċ huwa madankollu żbaljat.

53

Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-analiżi tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance għall-wild dipendenti, hija d-data li fiha r-riżultati finali tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-istituzzjoni edukattiva li timmarka tmiem l-istudji.

54

B’hekk, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 38 sa 44 iktar ’il fuq għandhom jiġu trasposti fir-rigward tal-allowance għall-wild dipendenti għall-analiżi tal-kundizzjoni tal-attendenza prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni.

55

Minn dan jirriżulta li huwa mill-mument li fih ir-riżultati finali jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-istituzzjoni ta’ tagħlim li l-wild tal-uffiċjal għandu jitqies li ma jattendix iktar regolarment u full-time istituzzjoni ta’ tagħlim fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

56

Issa, peress li r-riżultati finali kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni, f’dan il-każ, mit‑2 ta’ Lulju 2021, data li fiha bint ir-rikorrent diġà setgħet, barra minn hekk, tniżżel dikjarazzjoni ta’ suċċess, għandu jiġi kkonstatat li, sa din id-data, din tal-aħħar kellha titqies li attendiet regolarment u full-time l-istituzzjoni ta’ tagħlim li jipprovdi t-taħriġ tiegħu, b’tali mod li r-rikorrent kien eliġibbli għall-allowance tal-edukazzjoni għax-xahar ta’ Lulju 2021.

57

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrent l-allowance tal-edukazzjoni għax-xahar ta’ Lulju 2021.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn din tirrifjuta lir-rikorrent id-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għax-xahar ta’ Lulju 2021.

59

Issa għandu jiġi ddeterminat jekk il-motivi l-oħra mressqa kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata humiex ta’ natura li jistgħu jwasslu għall-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni wkoll sa fejn din tirrifjuta lir-rikorrent id-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għax-xhur ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2021.

b)   Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament

60

Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li huwa ddiskriminat meta mqabbel ma’ uffiċjal li l-wild tiegħu jtemm l-istudji tiegħu wara t-tieni sessjoni ta’ eżamijiet.

61

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

62

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. B’mod iktar konkret, ir-rekwiżit relatat man-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ student li jgħaddi mill-eżamijiet tiegħu matul l-ewwel sessjoni ta’ eżamijiet hija differenti minn dik ta’ student li għandu jippreżenta ruħu fit-tieni sessjoni ta’ eżamijiet bil-possibbiltà li jfalli mill-ġdid u, għaldaqstant, li ma jtemmx l-istudji tiegħu matul l-istess sena universitarja. Fil-fatt, fl-ewwel każ, l-istudent jista’ diġà jiġi kkunsidrat bħala li temm it-taħriġ tiegħu, filwaqt li, fit-tieni każ, l-istudent ser ikompli t-taħriġ tiegħu u ser ikollu jagħmel eżamijiet ġodda qabel ma jkun jista’ jtemm l-istudji tiegħu.

64

Għaldaqstant, ir-rikorrent, li bintu setgħet tikkonsulta r-riżultati finali sa mit‑2 ta’ Lulju 2021 (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), ma jistax validament jassimila s-sitwazzjoni tiegħu ma’ dik ta’ uffiċjal li l-wild tiegħu kien għad irid jagħmel, wara t‑2 ta’ Lulju2021, it-tieni sessjoni ta’ eżamijiet.

65

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

c)   Fuq it‑tielet motiv ibbażat fuq il‑ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali u tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

66

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rikorrent isostni li l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni toħloq inċertezza legali, peress li twassal ex officio għal irkupru retroattiv tad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni. Fil-fatt, l-uffiċjal ma jistax ikun jaf fil-mument ta’ jagħmel l-aħħar eżami tal-wild tiegħu jekk dan tal-aħħar hux ser jgħaddi jew le mill-ewwel sessjoni ta’ eżamijiet, peress li r-riżultati jiġu kkomunikati biss sussegwentement.

67

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrent isostni li l-fajl tiegħu ġie ttrattat b’mod konfuż, peress li l-Kummissjoni adottat fl-ewwel deċiżjoni kkontestata pożizzjoni identika għal dik tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2021, li madankollu kienet ġiet annullata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jippreċiża li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-fatt li, peress li d-deċiżjoni li tilqa’ l-ewwel ilment ma tikkawżalux preġudizzju, hija ma kinitx obbligata timmotivaha. Din il-konfużjoni obbligat lir-rikorrent jippreżenta t-tieni lment dwar l-istess suġġett bħall-ewwel wieħed.

68

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

69

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi rrilevat li dan jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha uffiċjal li jiddikjara tmiem l-istudji tal-wild tiegħu fil-mument meta jsir jaf bir-riżultati tiegħu jista’ jiġi suġġett għal irkupru b’mod retroattiv abbażi tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif kien ikun il-każ, f’dan il-każ, li kieku r-rikorrent kien iddikjara bħala data ta’ tmiem l-istudji t‑2 ta’ Lulju 2021. Issa, sa fejn il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, jekk jitqies li huwa fondat, iwassal, f’dan il-każ, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss ta’ Lulju 2021 biss u mhux ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2021 (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Cristescu vs Il‑Kummissjoni, T‑754/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:316, punt 171).

70

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, sa fejn ir-rikorrent iqajjem allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tilqa’ l-ewwel ilment u allegata ġestjoni ħażina tal-fajl tiegħu li ġiegħlu jirrikorri għal avukat sabiex jikteb l-ewwel ilment, dawn l-argumenti huma wkoll ineffettivi, sa fejn jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2021, li madankollu ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

71

Sussegwentement, il-fatt li l-amministrazzjoni tadotta, wara annullament minħabba ksur tad-dritt għal smigħ, soluzzjoni identika fuq il-mertu ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li tali ksur jimplika biss li l-proċedura amministrattiva titkompla mill-istadju affettwat mill-illegalità u mhux neċessarjament li r-riżultat ta’ din il-proċedura jkun differenti.

72

Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrent ma jurix li l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kellu effett fuq il-fondatezza tal-ewwel deċiżjoni kkontestata ta’ natura li twassal għall-annullament tagħha.

73

Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

74

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tirrifjuta lir-rikorrent id-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għax-xahar ta’ Lulju 2021.

2.   Fuq il‑motivi mressqa kontra t‑tieni deċiżjoni kkontestata

75

Dawn il-motivi huma bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrent li jirċievi d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

a)   Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq il‑ksur tad‑dritt tar‑rikorrent li jirċievi d‑drittijiet pekunjarji inkwistjoni

76

Ir-rikorrent isostni li, peress li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-ewwel deċiżjoni kkontestata li hija illegali għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi diretti kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata, din it-tieni deċiżjoni għandha wkoll tiġi annullata.

77

Il-Kummissjoni tirribatti li, peress li l-ewwel deċiżjoni kkontestata hija legali, it-tieni deċiżjoni kkontestata ma għandhiex tiġi annullata.

78

Peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 74 iktar ’il fuq, li l-ewwel deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata sa fejn din tirrifjuta lir-rikorrent id-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għax-xahar ta’ Lulju 2021, l-istess japplika għat-tieni deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, peress li dan il-pagament ta’ xahar ma huwiex, kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel motiv dirett kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata, “tħallset żejjed [imħallas żejjed]”, fis-sens tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, minn dan isegwi li t-tieni deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonċerna d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għax-xahar ta’ Lulju 2021.

79

Issa għandu jiġi ddeterminat jekk it-tieni motiv dirett kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni wkoll sa fejn din tikkonċerna d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għax-xhur ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2021.

b)   Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 85 tar‑Regolamenti tal‑Persunal

80

Ir-rikorrent isostni li kien konvint bis-sħiħ li seta’ jirċievi d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni sa Settembru 2021, b’mod partikolari minħabba l-fatt, minn naħa, li la teżisti dispożizzjoni u lanqas ġurisprudenza li tikkonferma l-prattika tal-PMO u, min-naħa l-oħra, li l-amministrazzjoni kienet ħallsitu EUR 3500“għall-annullament” tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2021. Barra minn hekk, il-Kummissjoni la pproduċiet il-prova li hija kellha għarfien effettiv tal-irregolarità tal-ħlasijiet tad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni u lanqas li din l-irregolarità kienet tant evidenti li ma setax ma jindunax biha.

81

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

82

L-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li:‘[k]ull somma li tħallset żejda għandha tkun irkuprata jekk ir-riċevitur ma kienx jaf li ma kien hemm l-ebda raġuna dovuta għall-pagament jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien tali [tant] evidenti li ma setax jinduna bih”. Minn dan it-test jirriżulta li, sabiex somma li tħallset indebitament tkun tista’ tiġi rkuprata, huwa neċessarju li tiġi prodotta prova li l-benefiċjarju effettivament kellu konoxxenza tan-natura irregolari tal-ħlas jew li l-irregolarità kienet tant evidenti li l-benefiċjarju ma setax ma jindunax biha (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Spagnolli et vs Il‑Kummissjoni (T‑568/16 u T‑599/16, EU:T:2018:347, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-tieni lment u kif ippreċiżat il-Kummissjoni waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-Awtorità tal-Ħatra kellha l-intenzjoni tibbaża t-tieni deċiżjoni kkontestata fuq it-tieni ipoteżi prevista mill-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

84

B’hekk, il-Qorti Ġenerali ser tillimita ruħha, fl-analiżi tagħha, li tivverifika jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra li l-irregolarità tal-ħlas kienet tant evidenti li r-rikorrent ma setax ma jindunax biha.

85

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-espressjoni “tali tant [evidenti]” li tikkaratterizza l-irregolarità tal-ħlas fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tfissirx li l-benefiċjarju ta’ pagamenti indebiti huwa eżentat minn kull sforz ta’ riflessjoni jew ta’ kontroll. Bil-maqlub, dan il-ħlas lura huwa dovut fir-rigward ta’ żball li ma setax jaħrab lil uffiċjal li huwa normalment diliġenti u li huwa mistenni li jkun jaf ir-regoli li jirregolaw is-salarju tiegħu (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni, T‑828/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:422, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-uffiċjal kkonċernat ikun jista’, fl-eżerċizzju tad-dmir ta’ diliġenza tiegħu, jiddetermina bi preċiżjoni l-portata tal-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li dan ikollu dubji dwar il-fondatezza tal-ħlasijiet inkwistjoni sabiex ikun obbligat jikkuntattja l-amministrazzjoni sabiex din twettaq il-verifiki neċessarji (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, Quadri di Cardano vs Il‑Kummissjoni, T‑828/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:422, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 43 iktar ’il fuq, ir-riżultati finali tat-taħriġ segwit minn bint ir-rikorrent tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-istituzzjoni edukattiva sa mit‑2 ta’ Lulju 2021, data li fiha hija setgħet diġà, barra minn hekk, tniżżel ċertifikat ta’ suċċess. Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li bint ir-rikorrent segwiet it-taħriġ inkwistjoni, jew kull formazzjoni oħra, wara t‑2 ta’ Lulju 2021, li seta’ jiġġustifika l-eliġibbiltà għad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni minn Awwissu 2021.

88

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent seta’ jissusspetta li ma kienx għadu eliġibbli għad-drittijiet pekunjarji inkwistjoni minn Awwissu 2021.

89

B’hekk, peress li l-irregolarità ta’ dan il-ħlas kienet evidenti, ir-rikorrent ma setax jonqos milli jkun jaf biha.

90

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud u t-tieni deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata biss sa fejn din tikkonċerna d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għax-xahar ta’ Lulju 2021.

B. Fuq it‑talbiet għad‑danni

91

Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li sofra dannu materjali li jammonta għal EUR 2 441.84, li jikkorrispondi għall-ammont tal-ispejjeż tal-avukati sostnuti għall-kitba tal-ewwel ilment tiegħu, minħabba l-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u ta’ “prevedibbiltà”, peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu identiċi għal dawk li ġew annullati permezz tad-deċiżjoni laqgħet l-ewwel ilment.

92

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

93

Għandu jitfakkar li l-ispejjeż tal-avukati sostnuti matul il-proċedura prekontenzjuża, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ma jistgħux jikkostitwixxu dannu materjali reparabbli sa fejn l-użu ta’ avukat ma huwiex impost mir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal fl-istadju prekontenzjuż u għalhekk jaqa’ taħt ir-responsabbiltà personali tal-uffiċjal ikkonċernat biss. Issa, ma hemm xejn fil-proċess ta’ din il-kawża li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2022, OA vs KESE, T‑671/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:82, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 71 iktar ’il fuq, il-fatt li l-amministrazzjoni tadotta, wara annullament minħabba ksur tad-dritt għal smigħ, soluzzjoni identika fuq il-mertu ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u lanqas, barra minn hekk, kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u kontra l-“prinċipju ta’ prevedibbiltà” li fuqhom ir-rikorrent bl-ebda mod ma argumenta, u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi illegalità li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

95

Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrent intiża sabiex jinkiseb kumpens għal dannu materjali allegat għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

96

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jikkonċernaw id-drittijiet pekunjarji inkwistjoni għax-xahar ta’ Lulju 2021 u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

IV. Fuq l‑ispejjeż

97

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

98

Peress li l-Kummissjoni tilfet il-biċċa l-kbira tat-talbiet tiegħu, jeħtieġ li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea tal‑11 ta’ Mejju 2022 li jneħħu d-dritt tiegħu li jirċievi, mill‑1 ta’ Lulju 2021, l-allowances għall-wild dipendenti u tal-edukazzjoni kif ukoll it-tnaqqis tat-taxxa marbut mal-allowance għall-wild dipendenti, u tat‑13 ta’ Ġunju 2022 li jħabbru l-irkupru, skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, ta’ dawn id-drittijiet pekunjarji huma annullati sa fejn dawn jikkonċernaw l-istess drittijiet għax-xahar ta’ Lulju 2021.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni hija kkundananta tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn VA.

 

Papasavvas

Svenningsen

Laitenberger

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Ġunju 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.