SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)
25 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )
“Enerġija – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2017/2195 – Deċiżjoni tal-ACER dwar l-emenda tal-metodoloġija għall-iffissar tal-prezz tal-enerġija tal-ibbilanċjar – Impożizzjoni ta’ limitu tal-prezz temporanju – Appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER – Kundizzjonijiet u modalitajiet partikolari ta’ appell – Artikolu 28(1) u Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2019/942 – Inammissibbiltà minħabba assenza ta’ locus standi quddiem il-Bord tal-Appell – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ugwaljanza fil-liġi u protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Kwalitajiet jew sitwazzjonijiet fattwali mhux invokati – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Assenza ta’ żball skużabbli”
Fil-Kawża T‑96/23,
Uniper Global Commodities SE, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Richter, M. Schellberg, C. Sieberg u M. Schleifenbaum, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet, E. Tremmel u G. Bertrand, bħala aġenti, assistiti minn R. van der Hout, J. Wiemer u C. Wagner, avukati,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),
komposta minn M. van der Woude, President, P. Škvařilová-Pelzl (Relatriċi), I. Nõmm, G. Steinfatt u D. Kukovec, Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Uniper Global Commodities SE, titlob, prinċipalment, l-annullament tad-Deċiżjoni A-003-2022 tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), tad‑9 ta’ Diċembru 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiċħad, bħala inammissibbli r-rikors li hija kienet ippreżentat kontra d-Deċiżjoni Nru 03/2022 tal-ACER, tal‑25 ta’ Frar 2022, dwar l-emenda tal-metodoloġija għall-iffissar tal-prezz tal-enerġija tal-ibbilanċjar u tal-kapaċità bejn żoni użati għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ kumpens tal-iżbilanċi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), sa fejn, fiha, l-ACER kienet iffissat, għal perijodu ta’ 48 xahar mill‑1 ta’ Lulju 2022, limitu fuq il-prezz li bih il-fornituri tal-enerġija tal-ibbilanċjar, bħalha, setgħu jiskambjaw din l-enerġija fuq il-pjattaformi Ewropej PICASSO u MARI, u, sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjoni inizjali. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Permezz tad-deċiżjoni tagħha Nru 01/2020 tal‑24 ta’ Jannar 2020, l-ACER adottat, fuq proposta tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni (iktar ’il quddiem it-“TSO”), metodoloġija għall-iffissar tal-prezz tal-enerġija tal-ibbilanċjar u tal-kapaċità bejn iż-żoni użati għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew għall-implimentazzjoni tal-proċess ta’ kumpens tal-iżbilanċi (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija kontenzjuża”), li kienet tipprevedi b’mod partikolari li l-prezzijiet tal-provvista tal-enerġija tal-ibbilanċjar ma kellhomx ikunu ogħla jew inqas minn limitu tal-prezz tekniku ta’ madwar EUR 99999 għal kull megawatt-siegħa (MWh). |
|
3 |
Fit‑2 ta’ Ġunju 2021, in-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (iktar ’il quddiem l-“ENTSO għall-Elettriku”) stabbilixxa, f’isem it-TSO kollha, proposta għal emenda tal-metodoloġija kontenzjuża intiża biex tissostitwixxi l-limitu tal-prezz tekniku eżistenti b’limitu tal-prezz ta’ ammont ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 15 000/MWh (iktar ’il quddiem il-“proposta tat-TSO”). Din il-proposta kienet akkumpanjata minn nota ta’ spjega tat‑28 ta’ Mejju 2021. Fil-kuntest tal-konsultazzjoni tas-suq imnedija mill-ENTSO għall-Elettriku, ir-rikorrenti ssottomettiet lil dan tal-aħħar opinjoni negattiva dwar din il-proposta fl‑20 ta’ Lulju 2021. |
|
4 |
Peress li l-ENTSO għall-Elettriku kien bagħtilha l-proposta tat-TSO għall-approvazzjoni, l-ACER, fit‑13 ta’ Ottubru 2021, wettqet konsultazzjoni pubblika fuq is-sit internet tagħha u stiednet lill-parteċipanti fis-suq ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-proposta qabel l‑10 ta’ Novembru 2021. F’dan il-kuntest, hija qajmet b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi approvat limitu temporanju tal-prezz matul il-fażi tat-tnedija tal-pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar PICASSO u MARI. Ir-rikorrenti pparteċipat f’din il-konsultazzjoni pubblika, billi ppreżentat, fl‑10 ta’ Novembru 2021, osservazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-ACER. |
|
5 |
Mit‑22 ta’ Novembru sas‑6 ta’ Diċembru 2021, l-ACER ippreżentat, għal konsultazzjoni, lit-TSO, lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri (iktar ’il quddiem l-“ARN”) verżjoni, emendata minnha stess, tal-proposta tat-TSO li hija kienet bagħtitilhom minn qabel, akkumpanjata minn ġustifikazzjoni tal-emendi. |
|
6 |
Permezz tad-deċiżjoni inizjali, adottata fil‑25 ta’ Frar 2022 u ppubblikata fuq is-sit internet tagħha fit‑28 ta’ Frar 2022, l-ACER ċaħdet il-proposta tat-TSO, minħabba li din ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat‑23 ta’ Novembru 2017 dwar linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU 2017, L 312, p. 6), u ordnat iż-żamma fis-seħħ tal-limitu tal-prezz tekniku eżistenti ta’ ammont ta’ madwar EUR 99 999/MWh. Madankollu, permezz tal-Anness I tad-deċiżjoni inizjali, l-ACER emendat il-metodoloġija kontenzjuża billi imponiet limitu tal-prezz temporanju ta’ ammont ta’ madwar EUR 15 000/MWh li japplika esklużivament għall-iskambji tal-enerġija tal-ibbilanċjar fuq il-pjattaformi Ewropej PICASSO u MARI, għal perijodu ta’ 48 xahar mill‑1 ta’ Lulju 2022. |
|
7 |
Fit‑28 ta’ April 2022, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni inizjali quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER (iktar ’il quddiem il-Bord tal-Appell). |
|
8 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni inizjali bħala inammissibbli, minħabba li r-rikorrenti ma kellhiex il-locus standi meħtieġ sabiex tippreżenta tali appell, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), peress li hija ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni inizjali u peress li din tal-aħħar ma kinitx tikkonċernaha individwalment. |
It-talbiet tal-partijiet
|
9 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
10 |
L-ACER titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq it-talba prinċipali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
|
11 |
Insostenn tat-talba prinċipali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 dwar l-inċidenza individwali tar-rikorrent u, it-tieni wieħed, essenzjalment, fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 li ma tiżgurax l-effett utli tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell u l-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u għall-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, kif iggarantit mill-Artikolu 20 tal-Karta, sa fejn il-Bord tal-Appell irrifjuta li jikkonstata li hija kellha locus standi kontra att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma kienx jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni. |
|
12 |
L-ACER titlob li t-talba prinċipali tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
13 |
Għandha tinbeda l-evalwazzjoni tat-tieni motiv. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 li ma tiżgurax l-effett utli tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell u l-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, kif iggarantit mill-Artikolu 20 tal-Karta
|
14 |
Ir-rikorrenti tqis li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kiser ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE meta qies li hija ma kellhiex il-locus standi meħtieġ sabiex tressaq appell quddiemu, meta d-deċiżjoni inizjali kienet att regolatorju li jikkonċernaha direttament u ma kinitx tinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni. |
|
15 |
Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament, fid-dawl tal-ġurisprudenza, li d-deċiżjoni inizjali kienet tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma kienx jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni u li, għaldaqstant, setgħet tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Dan lanqas ma huwa kkontestat mill-ACER fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. |
|
16 |
Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kellhiex locus standi sabiex tressaq appell mid-deċiżjoni inizjali quddiemu, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942. Madankollu huwa possibbli u neċessarju li d-dispożizzjoni msemmija tiġi interpretata u applikata fis-sens li tagħtiha locus standi kontra l-imsemmija deċiżjoni, bħala att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni u li, għaldaqstant, jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, kull interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 tikser l-effett utli tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell u ma tippermettix li tiġi żgurata l-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, kif iggarantit mill-Artikolu 20 tal-Karta. |
|
17 |
Minn naħa, l-effett utli tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, maħsub bħala mekkaniżmu ssimplifikat ta’ awtokontroll amministrattiv komplet, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u tat-tnaqqis fil-piż tax-xogħol tal-qrati tal-Unjoni, jiddependi mill-ftuħ tagħha għad-diversi partijiet ikkonċernati u realment leżi mid-deċiżjonijiet ta’ regolazzjoni tas-suq adottati mill-ACER, bħal-limitu tal-prezz temporanju stabbilit mid-deċiżjoni inizjali. Issa, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati b’mod li jippreżerva l-effett utli tagħhom. F’dan il-każ, interpretazzjoni stretta tad-dritt għal azzjoni legali quddiem il-Bord tal-Appell ikollha l-konsegwenza prattika li teħles lill-ACER minn kull awtokontroll fl-eżerċizzju tal-kompiti essenzjali, u dejjem iktar numerużi u importanti, ta’ regolamentazzjoni tas-suq fdati lilha. Li kieku l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi setgħu jaġixxu direttament kontra d-deċiżjonijiet tal-ACER quddiem il-Qorti Ġenerali, meta dawn ikunu atti regolatorji mingħajr miżuri ta’ implimentazzjoni u li jikkonċernawhom direttament, dan jippreġudika l-effett utli tal-mekkaniżmu ssimplifikat ta’ awtokontroll amministrattiv sħiħ previst fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942, billi jirriskja li jwassal għal kunflitti ta’ appell paralleli, quddiem istanzi differenti (jiġifieri l-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali), b’livelli ta’ stħarriġ differenti (jiġifieri kontroll sħiħ u kontroll ristrett). |
|
18 |
Min-naħa l-oħra, huwa biss il-ftuħ tar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell li jippermetti li jiġi evitat nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jmur kontra d-dritt primarju tal-Unjoni u li t-Trattat ta’ Lisbona pprova speċifikament jirrimedja. Skont ir-rikorrenti, għalkemm, fid-dawl tal-premessa 34 tar-Regolament 2019/942 u tal-ġurisprudenza, l-eżawriment tal-proċedura ta’ appell imsemmija fl-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament huwa prerekwiżit indispensabbli għal rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, l-assenza ta’ possibbiltà miftuħa għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, minn din id-dispożizzjoni, li jadixxu lill-Bord tal-Appell b’atti regolatorji tal-ACER li ma għandhomx miżuri ta’ implimentazzjoni, li jikkonċernawhom direttament, iżda mhux individwalment, iċċaħħadhom, sussegwentement, mid-dritt tagħhom għal rimedju quddiem il-Qorti Ġenerali skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
19 |
Issa, skont id-duttrina u l-ġurisprudenza, modalitajiet partikolari ta’ rikorsi interni għal korpi jew għal organi tal-Unjoni stabbiliti abbażi tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali modalitajiet jippreġudikaw il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jeżiġi, skont il-ġurisprudenza, protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra l-atti kollha tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni. Barra minn hekk, kieku kellu jitqies li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għandhom isegwu direttament id-deċiżjonijiet tal-ACER quddiem il-Qorti Ġenerali meta jkollhom l-intenzjoni li jikkontestaw atti regolatorji li ma għandhomx miżuri ta’ implimentazzjoni u li jikkonċernawhom direttament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan ma jkunx konformi mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiffavorixxi l-mekkaniżmu tal-użu ta’ “korp tal-appell”, fi ħdan l-aġenziji tal-Unjoni, sabiex jippermetti l-istħarriġ sħiħ tal-evalwazzjonijiet kumplessi tagħhom, fuq il-livell tekniku jew xjentifiku, peress li l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni huwa sussegwentement, skont il-ġurisprudenza, stħarriġ ristrett. |
|
20 |
Dan lanqas ma huwa konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, kif iggarantit mill-Artikolu 20 tal-Karta u applikat fil-ġurisprudenza, sa fejn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi l-iktar affettwati b’mod sfavorevoli mid-deċiżjonijiet tal-ACER huma, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ittrattati b’mod inqas favorevoli minn oħrajn fir-rigward tal-locus standi tagħhom, bħal f’dan il-każ il-fornituri tal-enerġija tal-ibbilanċjar meta mqabbla mat-TSO. Fid-dawl tan-numru limitat ta’ deċiżjonijiet individwali li għandhom portata leġiżlattiva adottati mill-ACER kif ukoll tal-possibbiltà li jiġu ttrattati flimkien jew li jiġu artikolati appelli paralleli differenti bejniethom, il-Bord tal-Appell ma huwiex realment espost għal theddida ta’ piż żejjed u jista’ jissodisfa l-missjoni mogħtija lilu mil-leġiżlatur, jiġifieri li jnaqqas il-piż tax-xogħol lill-qrati tal-Unjoni u jiżgura stħarriġ sħiħ tad-deċiżjonijiet tal-ACER. |
|
21 |
Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma kellux, fid-deċiżjoni kkontestata, jieqaf biss mal-formulazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju jistgħu u għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva, li tmur saħansitra lil hinn mill-kliem tagħha, peress li, bħal f’dan il-każ, il-konformità tagħha mad-dritt primarju timponi dan. Issa, ikun kuntrarju għad-dritt primarju li tingħata interpretazzjoni tal-locus standi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-kuntest tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 iktar restrittiva milli fil-kuntest tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif jirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona. |
|
22 |
L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u essenzjalment titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni diġà aċċettat li l-preżentazzjoni ta’ motivi abbażi tas-sustanza tagħhom, pjuttost milli permezz tal-klassifikazzjoni legali tagħhom, setgħet tkun suffiċjenti, bil-kundizzjoni li dawn il-motivi jirriżultaw mir-rikors b’ċarezza suffiċjenti (ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑297/02, mhux ippubblikata, EU:C:2004:550, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Settembru 2015, L-Italja u Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑124/13 u T‑191/13, EU:T:2015:690, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Frieberger u Vallin, T‑232/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:15, punt 33). |
|
24 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, jista’ jitqies li eċċezzjoni ta’ illegalità ġiet imqajma impliċitament, sa fejn jirriżulta b’mod relattivament ċar mir-rikors li r-rikorrenti qiegħda fil-fatt tressaq tali lment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 1996, Baiwir vs Il-Kummissjoni, T‑262/94, EU:T:1996:75, punt 37; tas‑27 ta’ Novembru 2018, Mouvement pour une Europe des nations et des libertés vs Il-Parlament, T‑829/16, EU:T:2018:840, punt 66, u tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Falke vs Il-Kummissjoni, T‑306/21, EU:T:2022:834, punt 30). |
|
25 |
Issa, mill-kontenut tat-tieni motiv, kif żviluppat fil-punti 138 sa 151 u 159 tar-rikors kif ukoll fil-punti 56 sa 60 tar-replika, jirriżulta li r-rikorrenti ssostni essenzjalment li, sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif implimentat mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jagħtiha locus standi quddiem il-qorti tal-Unjoni għall-annullament ta’ kull att li, bħad-deċiżjoni inizjali, huwa att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 kellu jiġi interpretat mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li kien jippermettilha tressaq appell quddiemu kontra l-imsemmija deċiżjoni. |
|
26 |
L-iżviluppi msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq għandhom jinftiehmu fis-sens li jkopru essenzjalment ilment doppju, ibbażat, jew fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, mhux konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif implimentat mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta (l-ewwel ilment), jew fuq eċċezzjoni ta’ illegalità impliċita tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-istess prinċipji u artikoli tal-Karta (it-tieni lment). |
|
27 |
B’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata abbażi tal-Artikoli 89 u 90 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonfermat li r-rikors kien jinkludi impliċitament tali eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942. |
|
28 |
Sa fejn, bi tweġiba għal miżura oħra ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-ACER oġġezzjonat li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 kienet tqajmet tardivament, fir-risposta tar-rikorrenti għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet indirizzatilha l-Qorti Ġenerali, u kellha, għaldaqstant u konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mill-punt 23 tas-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il-Kunsill (C‑442/04, EU:C:2008:276), mill-punti 38 u 39 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2008, Alferink et vs Il-Kummissjoni (T‑94/98, EU:T:2008:226), u mill-punti 64 sa 66 tas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑45/06, EU:T:2008:398), tiġi miċħuda bħala inammissibbli, għandu jiġi rrilevat li ż-żewġ ilmenti msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq jirriżultaw b’mod suffiċjentement ċar mill-punti 138 sa 151 tar-rikors. Għaldaqstant, l-oġġezzjoni mqajma mill-ACER għandha tiġi miċħuda u dawn iż-żewġ ilmenti għandhom jiġu eżaminati fil-mertu. |
|
29 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif jammettu l-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u l-Bord tal-Appell fil-punti 42 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni inizjali, għalkemm adottata fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata individwalment lit-TSO tar-reġjun li jinkludi l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja (iktar ’il quddiem ir-“reġjun CORE”), huwa att regolatorju li jikkonċerna direttament lir-rikorrenti mingħajr ma jinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, b’tali mod li r-rikorrenti taqa’, fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, fil-kategorija ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
30 |
Dan premess, għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni r-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel ilment, l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 kellux jiġi interpretat mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala li jagħtiha locus standi quddiemu kontra d-deċiżjoni inizjali, sabiex tiġi żgurata l-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif implimentat mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta. |
|
31 |
Skont il-ġurisprudenza, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, peress li s-sens ta’ tali dispożizzjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni tagħha stess, il-qorti tal-Unjoni ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ministarstvo financija,C‑682/22, EU:C:2023:920, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, meta t-termini tagħha ma jiddefinixxux b’mod espliċitu l-portata tagħha, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export,C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 li jirrigwarda d-“[d]eċiżjonijiet [tal-ACER] soġġetti għal appell”, “[k]ull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-[ARN], tista’ tappella kontra deċiżjoni [tal-ACER i]msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2 [ta’ dan ir-regolament] li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna”. |
|
33 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni inizjali, li permezz tagħha l-ACER iddeċidiet dwar emendi għall-metodoloġija kontenzjuża proposti mit-TSO tar-reġjun CORE, konformement mal-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament 2019/942, hija deċiżjoni tal-ACER kif imsemmija fl-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament. |
|
34 |
Mill-formulazzjoni ċara u preċiża tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 jirriżulta li r-rikorrenti, bħala persuna ġuridika li ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni inizjali, li hija, skont l-Artikolu 2 tagħha, indirizzata lit-TSO tar-reġjun CORE, tista’ tippreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni biss jekk din tikkonċernaha mhux biss direttament, iżda wkoll individwalment. |
|
35 |
Għalkemm huwa minnu li l-kundizzjoni ta’ interess individwali hekk stabbilita fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif iggarantiti mill-Karta, tali interpretazzjoni ma tistax twassal biex titwarrab l-imsemmija kundizzjoni, li hija espressament prevista mit-test, mingħajr ma twassal għal interpretazzjoni contra legem. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-użu ta’ interpretazzjoni wiesgħa huwa possibbli biss sa fejn din tkun kompatibbli mat-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni u sa fejn lanqas il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma’ regola ta’ saħħa vinkolanti superjuri ma jista’ jservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem (ara d-digriet tal‑15 ta’ Diċembru 2023, Stan vs L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew,T‑103/23, EU:T:2023:871, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom,C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 61, u tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Brown vs Il-Kummissjoni, T‑18/19, EU:T:2020:465, punt 111). |
|
37 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kien fondat li ma jinterpretax l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 fis-sens li kien jawtorizza lir-rikorrenti, bħala persuna ġuridika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tippreżenta appell quddiemu kontra d-deċiżjoni inizjali mingħajr ma jkollha tistabbilixxi li hija kienet mhux biss direttament, iżda wkoll individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni. |
|
38 |
Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
39 |
Għandu jitkompla bl-eżami tal-mertu tat-tieni lment, li jikkorrispondi għall-eċċezzjoni ta’ illegalità impliċita msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jpoġġix indiskussjoni l-validità tiegħu (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑403/99, EU:C:2001:507, punt 37, u tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 47). Bl-istess mod, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik li hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 47; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Land de Sarre et, 187/87, EU:C:1988:439, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fit-tweġibiet tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-Qorti Ġenerali kienet indirizzatilhom, l-ACER, sussidjarjament, kif ukoll il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, prinċipalment, sostnew essenzjalment li l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 la kien imur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u lanqas kontra l-Artikolu 47 tal-Karta, kif implimentat mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u lanqas kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, peress li ma kienx jipprekludi li, f’każijiet bħal dawk f’dan il-każ, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi mhux destinatarji ta’ att tal-ACER ta’ portata ġenerali mingħajr miżuri ta’ implimentazzjoni u li kienu direttament, iżda mhux individwalment, ikkonċernati minn dan l-att, jiġifieri l-kategorija ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, jippreżentaw direttament rikors għal annullament tal-imsemmi att quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
42 |
Peress li d-deċiżjoni inizjali hija, fir-rigward tagħha, att regolatorju li jikkonċernaha direttament u ma tinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti tifforma parti mill-kategorija ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li, l-istess bħaż-żewġ kategoriji l-oħra ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati mill-ewwel u mit-tieni każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi destinatarji tal-att jew direttament u individwalment ikkonċernati minn dan tal-aħħar, jistgħu jippreżentaw rikors kontrih quddiem il-qorti tal-Unjoni, fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
43 |
Madankollu, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li l-atti li jistabbilixxu korpi jew organi tal-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar ir-rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta’ dawn il-korpi jew ta’ dawn l-organi maħsuba biex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom. |
|
44 |
Fuq proposta tal-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942, moqrija fid-dawl tal-premessa 34 tal-imsemmi regolament, li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi destinatarji tal-atti tal-ACER jew ikkonċernati direttament u individwalment minn dawn tal-aħħar għandu jkollhom, għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni proċedurali, dritt ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
45 |
F’dan il-kuntest u kif jirriżulta mit-tweġibiet tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-Qorti Ġenerali kienet indirizzatilhom, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qiesu li ma kienx hemm lok li jiġu inklużi, fost il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942, jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni tal-ACER imsemmija fl-Artikolu 2(d) tal-imsemmi regolament, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu fil-kategorija kkonċernata mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, sa fejn, bħala regola ġenerali, l-ACER kienet tadotta “deċiżjonijiet individwali”, skont l-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament, li għalihom ir-rimedju quddiem il-Bord tal-Appell kien disponibbli. Għalhekk, kieku l-ACER kellha, bħal f’dan il-każ (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), tadotta att regolatorju, ir-rimedju ġudizzjarju previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jkun miftuħ direttament. |
|
46 |
Sa fejn, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, hija ma setgħetx tadixxi direttament lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni inizjali abbażi tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi osservat li, ċertament, l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942 jipprovdi li “[k]awżi dwar l-annullament ta’ deċiżjoni maħruġa mill-ACER skont dan ir-Regolament […] jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss wara li tkun intemmet il-proċedura tal-appell imsemmija fl-Artikolu 28 [ta’ dan ir-regolament]” u li din id-dispożizzjoni timponi fuq ir-rikorrenti mhux ipprivileġġati l-obbligu li jfittxu quddiem il-Qorti Ġenerali l-annullament tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2022, MEKH u FGSZ vs L-ACER, T‑684/19 u T‑704/19, EU:T:2022:138, punti 35 sa 42). |
|
47 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2022, MEKH u FGSZ vs ACER (T‑684/19 u T‑704/19, EU:T:2022:138), għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest tagħha u, b’mod partikolari, tal-fatt li r-rikorrenti f’din il-kawża kellhom mingħajr dubju locus standi quddiem il-Bord tal-Appell, iżda ma setgħux jikkontestaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-legalità tad-deċiżjonijiet inizjali tal-ACER fid-dawl tal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, sa fejn, għar-raġunijiet esposti fil-punt 45 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ssuġġettax il-kategorija ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li taħtha taqa’ r-rikorrenti għall-proċedura ta’ appell minn qabel imsemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942, l-eżawriment tal-imsemmija proċedura meħtieġ mill-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi interpretat bħala li japplika għal din il-kategorija. Minn dan isegwi li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu taħt il-kategorija kkonċernata mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ rikors minn qabel obbligatorja stabbilita mill-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942 u għandhom, għall-kuntrarju ta’ dawk li jaqgħu taħt iż-żewġ kategoriji l-oħra msemmija fl-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament, jippreżentaw direttament ir-rikorsi tagħhom kontra l-atti inkwistjoni tal-ACER quddiem il-Qorti Ġenerali, konformement mat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona. |
|
49 |
Fil-fatt, kif isostnu l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-Regolament 2019/942 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jissuġġetta għall-istħarriġ tal-Bord tal-Appell l-atti kollha adottati mill-ACER, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament huwa limitat għad-deċiżjonijiet individwali msemmija fl-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni segwa wkoll dan l-approċċ “ibridu” waqt il-ħolqien tal-korpi tal-appell ta’ diversi aġenziji oħra, kif jirriżulta mir-regolamenti li jistabbilixxu l-korpi tal-appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fit-tweġibiet tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni enfasizzaw li l-assenza ta’ riferiment espliċitu, fir-Regolament 2019/942, għall-possibbiltà li titressaq direttament kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni fil-każijiet fejn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament ma kinux issodisfatti kienet irrilevanti, peress li tali riferiment kien ikun purament dikjaratorju, peress li l-Artikolu 263 TFUE ma kellux jiġi traspost fid-dritt sekondarju tal-Unjoni sabiex ikun applikabbli. |
|
50 |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni rrakkomandata fil-punt 48 iktar ’il fuq ma tikkontradixxix il-punt 57 tas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind (C‑46/21 P, EU:C:2023:182), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “il-korpi tal-appell [tal-aġenziji tal-Unjoni kienu] jirrappreżentaw mezz xieraq sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati”, peress li tali konstatazzjoni ma timplikax li l-istħarriġ eżerċitat mill-Bord tal-Appell tal-ACER huwa l-uniku mezz xieraq sabiex jiġu protetti, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-ACER, id-drittijiet tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux jadixxu lil dan il-bord abbażi tal-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942. |
|
51 |
Din l-interpretazzjoni lanqas ma hija kontradittorja mal-premessa 34 tar-Regolament 2019/942, li tindika li, “[f]ejn l-ACER ikollha s-setgħa sabiex tieħu deċiżjonijiet, għal finijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-partijiet interessati jenħtieġ li jingħataw id-dritt ta’ appell lil Bord tal-Appell”. Fil-fatt, din il-premessa għandha tinqara flimkien mat-test tal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942 u mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq, minn fejn jirriżulta li l-Bord tal-Appell jirrappreżenta mezz xieraq biex jiġu protetti d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati mill-atti tal-ACER sakemm dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà msemmija fl-imsemmi regolament. Madankollu, la l-premessa 34 tar-Regolament 2019/942 u lanqas il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ma jistgħu jiġu interpretati fis-sens li t-tressiq dirett ta’ kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux jadixxu lill-Bord tal-Appell abbażi tal-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament ma huwiex mezz xieraq biex tiġi mistħarrġa, fl-ewwel istanza, il-legalità tal-atti tal-ACER. |
|
52 |
Anki jekk, kif isostnu l-ACER, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta jew għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-Qorti Ġenerali indirizzatilhom, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jagħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet partikolari li għandhom jiġu imposti fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra l-atti ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni intiżi biex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom, tali setgħa tista’ tiġi eżerċitata biss fl-osservanza tad-dritt primarju u, b’mod partikolari, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
|
53 |
Għaldaqstant, għandu jiġi mistoqsi, fl-ewwel lok, fuq il-kwistjoni jekk, kif issostni r-rikorrenti, id-differenza fit-trattament stabbilita mill-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 bejn il-kategorija ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernata mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, u l-kategoriji l-oħra ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati mill-ewwel u mit-tieni każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fir-rigward tal-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem il-Bord tal-Appell hijiex inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta, hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C-930/19, EU:C:2021:657, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Ir-rekwiżit dwar in-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom u, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, prinċipji u għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att. Sa fejn is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli, differenza fit-trattament tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati ma tiksirx l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
F’dan il-każ, għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tas-sistema ta’ rimedju intern tal-ACER stabbilita mill-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942, is-sitwazzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika li taqa’ taħt il-kategorija kkonċernata mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, li tixtieq tippreżenta rikors għal annullament ta’ deċiżjoni tal-ACER skont dan ir-regolament, hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ persuna fiżika jew ġuridika li taqa’ fil-kategoriji l-oħra kkonċernati mill-ewwel u mit-tieni każ previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li tixtieq tippreżenta wkoll tali rikors. |
|
57 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif diġà kellha l-okkażjoni tikkonferma l-qorti tal-Unjoni, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-Bord tal-Appell l-għarfien espert neċessarju sabiex ikun jista’ jwettaq huwa stess evalwazzjonijiet dwar punti ta’ fatt ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi marbuta mal-enerġija, dan tal-aħħar ma huwiex awtorizzat sempliċement jeżerċita stħarriġ ristrett fuq id-deċiżjonijiet tal-ACER. Għall-kuntrarju, billi bbaża ruħu fuq il-kompetenzi xjentifiċi tal-membri tiegħu, l-imsemmi bord għandu jeżamina jekk l-argumenti mqajma mir-rikorrenti jistgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li d-deċiżjoni tal-ACER hija bbażata fuqhom huma vvizzjati bi żbalji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind,C‑46/21 P, EU:C:2023:182, punti 53 sa 72, u tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER,T‑735/18, EU:T:2020:542, punti 45 sa 71). |
|
58 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat li l-ħolqien tal-Bord tal-Appell jifforma parti minn approċċ globali, adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, intiż biex jagħti lill-aġenziji tal-Unjoni korpi tal-appell meta tkun ġiet fdata lilhom setgħa deċiżjonali dwar kwistjonijiet kumplessi fil-livell tekniku jew xjentifiku, li jistgħu jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tal-partijiet ikkonċernati. Dawn il-korpi tal-appell jirrappreżentaw mezz xieraq biex jiġu protetti d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati f’kuntest fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, sabiex tiġi stabbilita n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-eżami jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew ukoll jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind,C‑46/21 P, EU:C:2023:182, punti 56 u 57; ara, ukoll, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA,T‑93/10, EU:T:2013:106, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ppermettiex lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, bħar-rikorrenti, jaqgħu taħt il-kategorija kkonċernata mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, jadixxu lill-Bord tal-Appell, l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 jistabbilixxi differenza fit-trattament, sa fejn dawn il-persuni jistgħu jibbenefikaw biss minn stħarriġ ristrett tad-deċiżjonijiet tal-ACER eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi. tekniċi jew ekonomiċi kumplessi marbuta mal-enerġija, filwaqt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu taħt il-kategoriji kkonċernati mill-ewwel u mit-tieni każ imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jistgħu jibbenefikaw minn stħarriġ sħiħ imwettaq mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-imsemmija evalwazzjonijiet xjentifiċi, tekniċi jew ekonomiċi. |
|
60 |
Kif sostnew l-ACER, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni essenzjalment fit-tweġibiet tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-Qorti Ġenerali kienet indirizzatilhom, din id-differenza fit-trattament fir-rigward tal-aċċess għall-istħarriġ sħiħ imwettaq mill-Bord tal-Appell hija ġġustifikata madankollu mir-rabta ftit jew wisq intensa li kellhom id-diversi kategoriji ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati mad-deċiżjonijiet tal-ACER. Fil-fatt, filwaqt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu taħt il-kategoriji kkonċernati mill-ewwel u mit-tieni każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, huma individwalizzati mill-imsemmija deċiżjonijiet, sa fejn huma d-destinatarji tagħhom jew sa fejn dawn id-deċiżjonijiet jaffettwawhom b’mod simili kif ikun destinatarju, minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 93), dan ma huwiex il-każ tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu taħt il-kategorija kkonċernata mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
61 |
Għalhekk, din id-differenza fit-trattament, ibbażata fuq il-kriterji oġġettivi stabbiliti fl-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942, hija ġġustifikata, peress li hija marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u hija proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 1977, Bela-Mühle Bergmann,114/76, EU:C:1977:116, punt 7, u tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47). |
|
62 |
Fil-fatt, l-użu tal-kriterji oġġettivi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942 huwa relatat mal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ rimedji amministrattivi li jikkonċernaw kategoriji preċiżi ta’ atti tal-ACER u ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom rabta intensa ma’ dawn tal-aħħar. |
|
63 |
Fid-dawl tar-rabta inqas intensa li għandhom mad-“deċiżjonijiet individwali” tal-ACER fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu fil-kategoriji kkonċernati mill-ewwel u mit-tieni każ imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, huwa ġġustifikat u xieraq li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, bħar-rikorrenti, jaqgħu taħt il-kategorija kkonċernata mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom biss il-possibbiltà li jiksbu stħarriġ ristrett tal-imsemmija deċiżjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, b’differenza minn dawk li jaqgħu taħt iż-żewġ kategoriji l-oħra, l-imsemmija persuni la huma suġġetti għall-obbligu, impost mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, li jeżawrixxu l-proċedura ta’ appell minn qabel imsemmija fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament (ara l-punt 47 iktar ’il fuq) u lanqas għall-proċedura ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli prevista fl-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
64 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, sabiex persuna tkun tista’ tikkritika lil-leġiżlatur tal-Unjoni talli kiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, jeħtieġ li huwa jkun ittratta sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti, bil-konsegwenza ta’ żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1962, Klöckner-Werke u Hoesch vs L-Awtorità Għolja, 17/61 u 20/61, EU:C:1962:30, p. 652, u tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 39). |
|
65 |
F’dan ir-rigward, l-istħarriġ dirett imwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jistax jitqies bħala żvantaġġuż għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jinsabux, fid-dawl ta’ att tal-ACER, f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942. |
|
66 |
Effettivament, il-fatt li l-eżami ta’ att tal-ACER mill-Bord tal-Appell tqies bħala mezz xieraq biex jiġu protetti d-drittijiet ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom rabta intensa ma’ dan l-att f’kuntest fejn l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-punti ta’ fatt ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, sabiex jiddeterminaw in-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind,C‑46/21 P, EU:C:2023:182, punt 57), ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser li rikors dirett quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax, ukoll, jitqies bħala mezz xieraq biex jiġu protetti d-drittijiet ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom rabta inqas intensa ma’ dan l-istess att. |
|
67 |
Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942, differenza fit-trattament iġġustifikata bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma humiex imqiegħda f’sitwazzjoni identika jew paragunabbli fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-ACER u għalhekk ma għandhomx għalfejn jiġu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet jew modalitajiet partikolari fir-rigward tar-rikorsi li huma jippreżentaw kontra l-imsemmija deċiżjonijiet, b’tali mod li din id-differenza fit-trattament ma tistax titqies li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta. |
|
68 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi mistoqsi jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-impossibbiltà, għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, bħalha, jaqgħu taħt il-kategorija kkonċernata mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, li jadixxu lill-Bord tal-Appell tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-Artikolu 47 tal-Karta, kif implimentat mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
69 |
Skont l-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna li jinkisru d-drittijiet u l-libertajiet tagħha kif iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-artikolu msemmi. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll minn dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għal qorti ma huwiex dritt assolut u li, għalhekk, jista’ jinkludi restrizzjonijiet proporzjonati li jsegwu għan leġittimu u li ma jippreġudikawx dan id-dritt fis-sustanza tiegħu stess (ara d-digriet tas‑6 ta’ April 2017, PITEE vs Il-Kummissjoni, C‑464/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:291, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv hija ġġustifikata biss jekk din tkun prevista mil-liġi, jekk din tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt u jekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38,C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 160, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 49). |
|
70 |
F’dan il-każ, kif diġà ġie osservat (ara l-punti 47 u 67 iktar ’il fuq), minn qari flimkien tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni mfakkar fil-punt 40 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, bħar-rikorrenti, jaqgħu taħt il-kategorija kkonċernata mit-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, jistgħu jippreżentaw direttament rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-ACER quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn ir-rimedju tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali jibqa’ disponibbli, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kiser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva waqt l-adozzjoni tal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942. |
|
72 |
Ċertament, kif irrilevaw il-Bord tal-Appell, fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, u r-rikorrenti, waqt is-seduta, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet partikolari tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942 iwasslu għal kumplikazzjonijiet proċedurali mhux sodisfaċenti. Minn naħa, dawn jistgħu jimplikaw il-preżentata ta’ rikorsi paralleli kontra l-istess deċiżjonijiet tal-ACER quddiem il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali, jew mill-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-każ ta’ dubji dwar il-kategorija msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li dawn jappartjenu għaliha, jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu taħt kategoriji differenti msemmija f’din l-istess dispożizzjoni, bil-kumplikazzjonijiet kollha inerenti għall-ġestjoni ta’ tali rikorsi (sospensjoni, nuqqas ta’ lok, eċċ.). Min-naħa l-oħra, billi tissuġġetta l-kompetenza rispettiva tal-Bord tal-Appell u tal-Qorti Ġenerali sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika mhux destinatarja ta’ att tal-ACER, iżda li fir-rigward tagħha dan l-att jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, il-proċedura li għandha tiġi segwita minnha sabiex tikkontesta l-imsemmi att fuq il-kwistjoni legali kumplessa dwar jekk din il-persuna hijiex jew le “individwalment ikkonċernata” mill-imsemmi att, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet u ta’ dawn il-modalitajiet partikolari jista’ jkollha diversi kawżi quddiem il-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
73 |
Madankollu, minn naħa, ir-riskju ta’ rikorsi paralleli kontra l-istess att tal-ACER jeżisti indipendentement mill-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942, peress li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 31 tas-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2022, MEKH u FGSZ vs ACER (T‑684/19 u T‑704/19, EU:T:2022:138), ir-rikorrenti pprivileġġati għandhom id-dritt li jadixxu direttament lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament ta’ deċiżjoni tal-ACER. Min-naħa l-oħra, in-natura kumplessa tal-kunċett ta’ “inċidenza individwali” ma tirriżultax speċifikament mis-sistema ta’ rimedji amministrattivi stabbilita mill-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942. |
|
74 |
Fi kwalunkwe każ, tali kumplikazzjonijiet proċedurali ma jistgħux ikunu biżżejjed biex jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ rimedji stabbilita, fiha nnifisha, tmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
75 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 lanqas ma jista’ jitqies li jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-Artikolu 47 tal-Karta, kif implimentat mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
76 |
Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda bħala infondata, b’tali mod li t-tieni motiv kollu kemm hu huwa miċħud. |
|
77 |
Għalhekk, għandu jitkompla bl-eżami tal-mertu tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942
|
78 |
Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942, fid-deċiżjoni kkontestata, billi qies li hija ma kellhiex il-kwalità meħtieġa sabiex tippreżenta appell quddiemu kontra d-deċiżjoni inizjali, meta hija kienet direttament u individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni. |
|
79 |
Ir-rikorrenti tosserva li, fil-punti 41 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata, ġustament, fid-dawl tal-ġurisprudenza, li hija kienet direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni inizjali, li kienet taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tagħha billi pprekludietha temporanjament milli tiffissa liberament il-prezzijiet tal-offerti tagħha fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar, peress li l-offerti li jaqbżu l-limitu tal-prezz temporanju stabbilit mid-deċiżjoni inizjali ma setgħux iktar jiġu aċċettati mit-TSO tar-reġjun CORE permezz tal-pjattaformi Ewropej PICASSO u MARI. |
|
80 |
Min-naħa l-oħra, huwa b’mod żbaljat, skont ir-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jikkonstata, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni inizjali, f’konformità mal-prinċipji ġurisprudenzjali stabbiliti fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif adattati għall-għan tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, li, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament 2019/942, huwa maħsub bħala mekkaniżmu ssemplifikat ta’ awtostħarriġ amministrattiv komplet, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, miftuħ għad-diversi partijiet interessati fid-deċiżjonijiet ta’ regolamentazzjoni tas-suq adottati mill-ACER, bħal-limitu temporanju tal-prezz stabbilit mid-deċiżjoni inizjali. Dan il-mekkaniżmu huwa tweġiba għat-tħassib espress mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-delega lil korpi jew aġenziji tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa. |
|
81 |
Issa, f’dan il-każ, ċerti atturi tas-suq, jiġifieri t-TSO, huma partikolarment integrati fil-proċess deċiżjonali u indikati bħala l-uniċi destinatarji ta’ atti li, ċertament, jittieħdu fil-forma ta’ deċiżjonijiet individwali, fis-sens tat-tieni sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, iżda li għandhom, fil-prattika, portata regolatorja, li jimplika li jiġi offrut kontroll sħiħ tal-imsemmija atti lill-atturi l-oħra tas-suq affettwati minnhom, sabiex ikunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom, li jistgħu jiġu invokati kontra dawk tal-GRT. |
|
82 |
Bi tweġiba għal din is-sitwazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 għandu jiġi interpretat b’mod koerenti mal-Artikolu 5(8) tar-Regolament 2017/2195, li jirrikonoxxi lil kull parti, inklużi l-atturi tas-suq, dritt ta’ lment quddiem l-ARN kontra d-deċiżjonijiet tat-TSO. Mhux biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942 irrakkomandata mill-ACER hija “insodisfaċenti”, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 57 tad-deċiżjoni inizjali, iżda tmur ukoll kontra l-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ nondiskriminazzjoni u tikkontradixxi l-għan tal-mekkaniżmu stabbilit minn dan l-artikolu li jikkonsisti fid-diżassoċjazzjoni tal-qrati tal-Unjoni. |
|
83 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tindika li pparteċipat b’mod attiv fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, li, skont il-ġurisprudenza, jikkostitwixxi element rilevanti, fost oħrajn, sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza individwali ta’ rikorrent. F’dan il-każ, hija pparteċipat b’mod attiv fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-ENTSO għall-Elettriku, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament 2017/2195, qabel is-sottomissjoni lill-ACER tal-proposta tat-TSO, billi ssottomettiet lil dan tal-aħħar l-opinjoni tagħha tat‑30 ta’ Lulju 2021. Barra minn hekk, hija pparteċipat ukoll b’mod attiv fil-konsultazzjoni pubblika dwar l-imsemmija proposta mwettqa mill-ACER, billi ppreżentat lil din tal-aħħar l-osservazzjonijiet tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2021. Skont l-Artikolu 10(6) tar-Regolament 2017/2195, it-TSO u, finalment, l-ACER kellhom isegwu l-opinjoni tagħha tat‑30 ta’ Lulju 2021 jew jispjegaw, fil-proposta tagħhom, ir-raġunijiet preċiżi għalfejn huma ddevjaw minnha. |
|
84 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti tindika li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni inizjali, bl-istess mod, jekk mhux iktar, mit-TSO li huma d-destinatarji tagħha, sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza, din id-deċiżjoni taffettwa sostanzjalment u negattivament il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq tal-provvista tal-enerġija tal-ibbilanċjar, billi tnaqqas b’mod artifiċjali l-prezz li bih hija tista’ tbigħ dan l-elettriku lit-TSO, li huma l-uniċi applikanti, b’tali mod li hija temporanjament prekluża milli tibbenefika minn prezz tas-suq li għandu jkun ogħla (sabiex ikopri l-ispiża tal-opportunità għolja tal-offerti) jew milli tikkompeti permezz tal-prezzijiet għall-imsemmi elettriku. Ir-rikorrenti tqis li hija, bħal xi fornituri oħra tal-enerġija tal-ibbilanċjar li kklassifikaw minn qabel installazzjonijiet bi spejjeż marġinali varjabbli għoljin, prinċipalment immirata u leża mid-deċiżjoni inizjali, filwaqt li t-TSO li kienu d-destinatarji tagħha huma ffavoriti minnha. |
|
85 |
B’hekk, minn perspettiva materjali, ir-rikorrenti kienet waħda mid-destinatarji prinċipali tad-deċiżjoni inizjali, li tippreġudika l-libertà ta’ intrapriża tagħha, billi tipprekludiha milli tbigħ l-enerġija tal-ibbilanċjar bi prezz li jkopri mhux biss l-ispejjeż varjabbli tal-impjanti tal-elettriku tagħha, iżda wkoll l-investimenti kbar magħmula sabiex tinżamm id-disponibbiltà tal-operat ta’ dawn tal-aħħar fis-suq tal-enerġija ta’ bbilanċjar, minkejja l-probabbiltà baxxa tagħhom ta’ attivazzjoni, minħabba l-ispejjeż marġinali varjabbli għolja tagħhom u, għaldaqstant, minħabba l-pożizzjoni tagħhom ’l isfel fil-lista ta’ preċedenza ekonomika. |
|
86 |
Kif previst mill-ġurisprudenza, l-effett sostanzjali fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fis-suq jirriżulta, f’dan il-każ, minn lucrum cessans li jirriżulta, għaliha, mid-deċiżjoni inizjali, mingħajr ma jitqies il-fatt li kompetituri oħra jistgħu jiġu affettwati b’mod analogu għal tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka, b’mod iktar partikolari, is-sitwazzjoni ta’ żewġ impjanti termiċi taż-żejt ta’ Audorf u ta’ Itzehoe li hija topera fil-Ġermanja u li fihom hija għamlet investimenti kbar sabiex iżżomm il-kapaċità tagħhom għall-funzjonament u d-disponibbiltà operattiva tagħhom fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni inizjali taffettwaha b’mod partikolari bħala fornitur tal-enerġija tal-ibbilanċjar li jopera fil-Ġermanja, jiġifieri f’waħda mill-ftit żoni ta’ kontroll li diġà hija konnessa mal-pjattaformi Ewropej PICASSO u MARI, li rnexxielhom, skont proċedura twila u għalja, jikklassifikaw minn qabel installazzjonijiet sabiex jipprovdu l-enerġija tal-ibbilanċjar u li jinsabu preklużi milli jissottomettu offerti għal prezzijiet li jistgħu jaqbżu ħafna l-EUR 15 000/MWh, iġġustifikati mill-ispejjeż marġinali varjabbli għoljin tal-installazzjonijiet inkwistjoni. |
|
87 |
Ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli, fid-deċiżjoni kkontestata, telaq mill-prinċipju li hija kellha turi li hija kienet affettwata b’mod kwalitattivament differenti mill-atturi l-oħra kollha fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Issa, tali kundizzjoni ma tirriżultax mill-prinċipji ġurisprudenzjali stabbiliti fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u lanqas ma hija ġġustifikata mill-għan tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, kif imfakkar fil-punt 80 iktar ’il fuq. |
|
88 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li hija individwalizzata mid-deċiżjoni inizjali bl-istess mod bħat-TSO destinatarji tagħha, sa fejn din id-deċiżjoni kisret il-garanziji proċedurali li d-dritt tal-Unjoni kien jagħtiha fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, mill-mument li hija ssostitwixxiet ruħha għat-TSO tar-reġjun CORE billi emendat il-proposta tagħhom, l-ACER kellha wkoll tosserva d-dritt ta’ konsultazzjoni previst mill-Artikolu 10 tar-Regolament 2017/2195. F’dan il-każ, billi pparteċipat fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-ENTSO għall-Elettriku, skont dan l-artikolu, qabel is-sottomissjoni lill-ACER tal-proposta tat-TSO, u sussegwentement għall-proċedura ta’ konsultazzjoni mibdija mill-ACER, hija wriet l-intenzjoni tagħha li tiddefendi l-interessi u d-drittijiet tagħha fil-kuntest tal-emenda tal-metodoloġija kontenzjużi. Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti tikkritika, barra minn hekk, lill-ACER li ma rrispettatx id-dritt tagħha għal smigħ minn qabel iggarantit mill-Artikolu 14(6) tar-Regolament 2019/942. |
|
89 |
L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud. |
|
90 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-“kondizzjonijiet u [l-]arranġamenti partikolari” fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu biss għall-istabbiliment, minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, ta’ kundizzjonijiet u ta’ arranġamenti purament interni, qabel ma jsir rikors ġudizzjarju, li jirregolaw, b’mod partikolari, it-tħaddim ta’ mekkaniżmu ta’ awtosorveljanza jew l-iżvolġiment ta’ proċedura ta’ soluzzjoni bonarja sabiex tiġi evitata kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2013, European Dynamics Luxembourg et vs UASI,T‑556/11, EU:T:2013:514, punt 60, u s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SATCEN,T‑286/15, EU:T:2018:718, punt 107). Dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-modalitajiet partikolari għandhom għalhekk jibqgħu kompletament koerenti mas-sistema ġenerali prevista fl-Artikolu 263 TFUE f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi mogħtija lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, Italian International Film vs EACEA,T‑676/13, EU:T:2016:62, punt 27; tat‑8 ta’ Ġunju 2016, Monster Energy vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ simbolu ta’ paċi), T‑583/15, EU:T:2016:338, punt 43, u tat‑8 ta’ Ġunju 2016, Monster Energy vs EUIPO (GREEN BEANS), T‑585/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:339, punt 41). |
|
91 |
Minn dan isegwi li, meta l-istess kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà jeżistu fis-sistema ġenerali prevista fl-Artikolu 263 TFUE u fil-kundizzjonijiet u fil-modalitajiet partikolari adottati skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dawn għandhom, bħala prinċipju, jiġu interpretati b’mod uniformi. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti kinitx individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat, jiġifieri d-deċiżjoni inizjali, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza mogħtija fir-rigward tat-tieni każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona. |
|
92 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ interess individwali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li persuna, fiżika jew ġuridika, minbarra d-destinatarju ta’ att, tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment minn dan l-att biss jekk dan tal-aħħar jaffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223). |
|
93 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mogħtija abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta prinċipju li jipprovdi li huwa r-rikorrent, persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex id-destinatarja tal-att ikkontestat minnha, li għandu jinvoka u jistabbilixxi, insostenn tar-rikors tiegħu, il-kwalitajiet li huma partikolari għalih jew is-sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra u jindividwalizzaha bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinatarju tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat‑28 ta’ Settembru 2011, UCAPT vs Il-Kunsill, T‑96/09, mhux ippubblikat, EU:T:2011:542, punt 47, u tas‑6 ta’ Mejju 2020, Sabo et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑141/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:179, punt 32). F’dan is-sens, l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord tal-Appell ifakkar li hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi li hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni tal-ACER, konformement mal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942. |
|
94 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-argumenti tagħha li tinsab fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, liema deskrizzjoni hija ma tikkontestax fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, moqrija flimkien mal-punti 99 sa 110 tan-nota tagħha li tesponi l-aggravji tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell tat‑28 ta’ April 2022, ir-rikorrenti allegat, quddiem il-Bord tal-Appell, li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni inizjali minħabba li din kienet tolqot b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni kompetittiva tagħha fis-suq Ġermaniż tal-enerġija tal-ibbilanċjar, li fih hija kienet waħda mill-ikbar fornituri attivi. Hija tiddefendi b’mod attiv l-interessi tagħha fl-imsemmi suq u, b’mod partikolari, ipparteċipat fil-proċedura ta’ konsultazzjoni dwar il-proposta tat-TSO u wieġbet għall-mistoqsijiet tal-ACER. Hija partikolarment affettwata mid-deċiżjoni inizjali minħabba l-fatt li diversi installazzjonijiet tagħha kkwalifikati minn qabel għandhom spejjeż marġinali varjabbli għoljin. Din id-deċiżjoni taffettwa grupp predeterminat ta’ atturi ekonomiċi, li hija tifforma parti minnhom, ikkostitwit minn fornituri ta’ enerġija ta’ bbilanċjar li rnexxielhom jikklassifikaw minn qabel installazzjonijiet għall-provvista ta’ enerġija tal-ibbilanċjar jew li l-installazzjonijiet tagħhom kienu fil-proċess li jiġu kklassifikati minn qabel. |
|
95 |
Fil-punti 46 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-“kwalitajiet” jew is-“sitwazzjonijiet fattwali” hekk invokati mir-rikorrenti u kkonstata li dawn ma kinux suffiċjenti biex jindividwalizzawha fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223). |
|
96 |
Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ma kkonstatax, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni inizjali minħabba kwalitajiet li kienu partikolari għaliha u li kienu jikkaratterizzawha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra. |
|
97 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-ENTSO għall-Elettriku, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament 2017/2195, qabel is-sottomissjoni lill-ACER tal-proposta tat-TSO, permezz tal-preżentazzjoni tal-opinjoni tagħha tat‑30 ta’ Lulju 2021, u fil-konsultazzjoni pubblika dwar l-imsemmija proposta mwettqa mill-ACER, permezz tal-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2021, u l-fatt li, skont l-Artikolu 10(6) tar-Regolament 2017/2195, it-TSO u, finalment, l-ACER kellhom isegwu l-opinjoni tagħha tat‑30 ta’ Lulju 2021 jew jispjegaw, fil-proposta tagħhom, ir-raġunijiet preċiżi għalfejn huma kienu jitbiegħdu minnha. |
|
98 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-inċidenza sostanzjali u negattiva, mid-deċiżjoni inizjali, fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq Ġermaniż tal-provvista ta’ enerġija tal-ibbilanċjar. Id-deċiżjoni inizjali tikkostitwixxi interferenza f’dan is-suq, billi tipprekludi l-formazzjoni libera tal-prezzijiet, billi tnaqqas il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet kif ukoll billi tipprekludi lill-ftit fornituri tal-enerġija tal-ibbilanċjar li joperaw f’waħda mill-ftit żoni ta’ kontroll diġà konnessi mal-pjattaformi Ewropej PICASSO u MARI u li kklassifikaw minn qabel installazzjonijiet bi spejjeż marġinali varjabbli għoljin, li fihom huma kienu investew b’mod qawwi u li kienu, għaldaqstant, esposti għal spiża ta’ opportunità għolja minħabba l-pożizzjoni tagħhom f’qiegħ il-lista ta’ preċedenza milli jirkupraw l-ispejjeż tagħhom. |
|
99 |
It-tielet, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-garanziji proċedurali li d-dritt tal-Unjoni kien jagħtiha fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, fis-sens tal-ġurisprudenza, sa fejn l-ACER ma osservatx id-dritt tagħha li tiġi kkonsultata skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2017/2195 u lanqas id-dritt tagħha għal smigħ minn qabel iggarantit mill-Artikolu 14(6) tar-Regolament 2019/942. |
|
100 |
Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-ACER issostni l-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell li jgħid li l-“kwalitajiet” jew is-“sitwazzjonijiet fattwali” invokati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma humiex suffiċjenti sabiex jindividwalizzawha fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223) (ara l-punt 95 iktar ’il fuq). |
|
101 |
F’dak li jirrigwarda l-“kwalitajiet” jew is-“sitwazzjonijiet ta’ fatt” li hija invokat quddiem il-Bord tal-Appell u li ġew eżaminati minn dan tal-aħħar fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-fatt li hija kienet attiva fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar Ġermaniż u l-fatt li hija kienet waħda mill-ikbar fornituri fis-suq imsemmi, u sussegwentement li hija żviluppat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, billi sostniet li l-pożizzjoni tagħha f’dan is-suq kienet sostanzjalment affettwata mid-deċiżjoni inizjali (ara l-punti 84 sa 87, 94 u 98 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti tirreferi għall-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tal-konċentrazzjonijiet. |
|
102 |
F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza, ġew irrikonoxxuti b’mod partikolari bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, minbarra l-impriża benefiċjarja tal-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi kompetituri ta’ din tal-aħħar li kellhom rwol attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun ġiet affettwata sostanzjalment minn din il-miżura ta’ għajnuna (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il-Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, impriża ma tistax tinvoka biss il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja tal-miżura ta’ għajnuna, iżda għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li hija tinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt li tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 48). |
|
103 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-konċentrazzjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, u fir-rigward ta’ impriża terza għall-imsemmija operazzjoni, huwa skont, minn naħa, il-parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva ta’ din l-impriża u, min-naħa l-oħra, l-inċidenza fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq li għandu jiġi ddeterminat jekk hijiex individwalment ikkonċernata. Sabiex taċċetta, f’dan il-kuntest, l-inċidenza fuq il-pożizzjoni fis-suq ta’ rikorrent, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, jew il-fatt li hija waħda mill-kompetituri prinċipali tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, benefiċjarji tad-deċiżjoni li tawtorizza lil din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 37; tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Mainova vs Il-Kummissjoni, T‑64/21, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:843, punt 85, u tal‑20 ta’ Diċembru 2023, enercity vs Il-Kummissjoni, T‑65/21, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:844, punt 83), jew li hija sempliċi kompetitriċi tal-imsemmija partijiet, iżda li l-konċentrazzjoni għandha impatt potenzjali speċifikament identifikat fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħha, bħall-iżvalutazzjoni ta’ investimenti sinjifikattivi mwettqa u kkalkolati fit-tul, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura tas-suq preeżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2023, EVH vs Il-Kummissjoni, T‑312/20, taħt appell, EU:T:2023:252, punti 42 u 46; tas‑17 ta’ Mejju 2023, TEAG vs Il-Kummissjoni, T‑315/20, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:259, punti 42 u 46, u tas‑17 ta’ Mejju 2023, GGEW vs Il-Kummissjoni, T‑319/20, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:263, punti 42 u 46), jew li hija kompetitriċi potenzjali tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fil-każ ta’ swieq oligopolistiċi, jew, f’ċerti ċirkustanzi, li hija preżenti fi swieq ġirien, upstream jew downstream ta’ dawk li fihom topera impriża f’pożizzjoni ta’ monopolju li l-pożizzjoni tagħha tkun imsaħħa mill-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, ARD vs Il-KummissjoniT‑158/00, EU:T:2003:246, punt 78). |
|
104 |
Madankollu, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 102 u 103 iktar ’il fuq hija bbażata, tal-inqas parzjalment, fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, attwali jew potenzjali, bejn il-benefiċjarji tad-deċiżjoni kkontestata, fis-suq ikkonċernat minnha, u r-rikorrenti, li l-pożizzjoni tagħha f’dan is-suq jew tas-swieq ġirien, upstream jew downstream, hija, b’mod speċifikament identifikat, negattivament u, jekk ikun il-każ, sostanzjalment affettwata mid-deċiżjoni msemmija. |
|
105 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tallegax, u lanqas a fortiori ma turi, li wħud mill-kompetituri tagħha, fis-suq Ġermaniż tal-enerġija tal-ibbilanċjar li hija topera fih u li huwa kkonċernat mid-deċiżjoni inizjali, jibbenefikaw mill-imsemmija deċiżjoni f’dan is-suq. Għall-kuntrarju, mill-argument tagħha jirriżulta li hija sempliċement issemmi impatt ġenerali tad-deċiżjoni inizjali fuq is-suq Ġermaniż tal-enerġija tal-ibbilanċjar, li jaffettwa negattivament lill-fornituri tal-enerġija tal-ibbilanċjar kollha li joperaw, bħalha, f’dan is-suq kif ukoll fis-suq Ċek u Awstrijak. |
|
106 |
Anki jekk jitqies li, bħala wieħed mill-ikbar fornituri fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar Ġermaniż, ir-rikorrenti hija ekonomikament iktar affettwata b’mod negattiv minn uħud mill-kompetituri tagħha fl-imsemmi suq, dan ma huwiex biżżejjed biex jindividwalizzaha fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223). Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li ma huwiex biżżejjed li ċerti operaturi jkunu ekonomikament iktar affettwati minn att milli l-kompetituri tagħhom sabiex jitqiesu, minħabba dan il-fatt, li huma individwalment ikkonċernati minn dan l-att. Għalhekk, anki jekk jitqies li deċiżjoni għandha effett partikolari fuq is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrent, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed biex jiddistingwiha minn kull persuna oħra (digrieti tat‑2 ta’ April 2004, Gonnelli u AIFO vs Il-Kummissjoni, T‑231/02, EU:T:2004:105, punt 45; tat‑12 ta’ Marzu 2007, Confcooperative, Unione regionale della Cooperazione Friuli-Venezia Giulia Federagricole et vs Il-Kummissjoni, T‑418/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:83, punt 57, u tat‑13 ta’ Novembru 2008, Lemaître Sécurité vs Il-Kummissjoni, T‑301/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:495, punt 24). |
|
107 |
Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni inizjali kienet tikkonċerna numru relattivament limitat u stabbli ta’ fornituri tal-enerġija tal-ibbilanċjar li, bħar-rikorrenti, kien irnexxielhom jikklassifikaw minn qabel installazzjonijiet għall-provvista tal-enerġija tal-ibbilanċjar u kienu attivi fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar Ġermaniż, kif ukoll fis-suq Ċek u Awstrijak, lanqas ma jista’ jkun biżżejjed biex jindividwalizza lil din tal-aħħar fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223). Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma għandha l-effett li dawn għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura, peress li l-imsemmija applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il-Kummissjoni,C-145/17 P, EU:C:2018:839, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata; digrieti tad‑19 ta’ Settembru 2022, TDK Foil Italy vs Il-Kummissjoni, T‑788/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:581, punt 18, u tas‑7 ta’ Diċembru 2022, Sunrise Medical u Sunrise Medical Logistics vs Il-Kummissjoni, T‑721/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:791, punt 53). Issa, f’dan il-każ, kif osserva essenzjalment il-Bord tal-Appell fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni inizjali tikkonċerna l-fornituri kollha tal-enerġija tal-ibbilanċjar bl-istess mod, sa fejn din tapplika għall-atturi kollha tas-suq li jixtiequ jiskambjaw l-enerġija tal-ibbilanċjar, fil-Ġermanja, iżda wkoll fir-Repubblika Ċeka u fl-Awstrija, fuq il-pjattaformi Ewropej PICASSO u MARI. |
|
108 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tallegax, u lanqas a fortiori ma turi, li tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni, attwali jew potenzjali, mad-destinatarji u, fil-fehma tagħha, mal-benefiċjarji reali tad-deċiżjoni inizjali fis-suq tal-enerġija ta’ bbilanċjar Ġermaniż, jiġifieri t-TSO kkonċernati minn din id-deċiżjoni. |
|
109 |
Finalment, fir-rigward tal-investimenti mwettqa mir-rikorrenti tinvoka, fiż-żewġ impjanti termiċi taż-żejt ta’ Audorf u ta’ Itzehoe li hija topera fil-Ġermanja sabiex iżżomm il-kapaċità tagħhom għall-funzjonament u d-disponibbiltà operattiva tagħhom fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar (ara l-punt 86 iktar ’il fuq), huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-iżvalutar ta’ investimenti sinjifikattivi mwettqa u kkalkolati fit-tul, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura tas-suq preeżistenti, diġà ttieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-inċidenza individwali ta’ rikorrent permezz ta’ deċiżjoni (sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2023, EVH vs Il-Kummissjoni, T‑312/20, taħt appell, EU:T:2023:252, punti 42 u 46, tas‑17 ta’ Mejju 2023, TEAG vs Il-Kummissjoni, T‑315/20, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:259, punti 42 u 46, u tas‑17 ta’ Mejju 2023, GGEW vs Il-Kummissjoni, T‑319/20, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:263, punti 42 u 46). Madankollu, f’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-investimenti konkreti msemmija mir-rikorrenti kienu “żvalutati” mid-deċiżjoni inizjali, sa fejn din tal-aħħar affettwat id-deprezzament tagħhom, din tal-aħħar ma pprovdietx data suffiċjenti sabiex tikkonkludi li s-sitwazzjoni kompetittiva tagħha fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar ġiet sostanzjalment affettwata minn dan. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma pprovdietx data li tippermetti li tiġi evalwata l-importanza relattiva taż-żewġ impjanti termiċi inkwistjoni fil-produzzjoni globali tagħha, f’termini ta’ valur jew ta’ volum, ta’ enerġija ta’ bbilanċjar fil-Ġermanja. |
|
110 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti, li ma stabbilixxietx li kienet f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni, attwali jew potenzjali, mal-benefiċjarji tad-deċiżjoni inizjali fis-suq tal-enerġija tal-ibbilanċjar Ġermaniż, li hija topera fih u li hija kkonċernata mid-deċiżjoni inizjali, ma tistax tinvoka b’mod utli l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 102 u 103 iktar ’il fuq sabiex tippretendi, kif hija tagħmel f’dan il-każ, li l-pożizzjoni tagħha f’dan is-suq ġiet sostanzjalment affettwata mill-imsemmija deċiżjoni. |
|
111 |
Fir-rigward tal-“kwalitajiet” jew tas-“sitwazzjonijiet ta’ fatt” li r-rikorrenti invokat quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri l-fatt li hija kienet attiva fis-suq Ġermaniż tal-enerġija tal-ibbilanċjar u l-fatt li hija kienet waħda mill-ikbar fornituri f’dan is-suq, u sussegwentement li hija żviluppat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, billi sostniet li l-pożizzjoni tagħha f’dan is-suq kienet sostanzjalment affettwata mid-deċiżjoni inizjali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 102 u 103 iktar ’il fuq, għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament, fil-punti 46 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn ma kinux, fihom infushom, ta’ natura li jindividwalizzaw lir-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223). |
|
112 |
Fir-rigward tal-“kwalitajiet” jew tas-“sitwazzjonijiet ta’ fatt” li ma ssemmewx, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala li ġew invokati mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, li, għaldaqstant, ma ġewx eżaminati minn dan tal-aħħar fl-imsemmija deċiżjoni, iżda li huma invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara l-punti 83, 88, 97 u 99 iktar ’il fuq), il-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jieħdu pożizzjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom. |
|
113 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet li, fil-punt 134 tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell u fil-punti 31 et seq. tar-risposta tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Bord tal-Appell tat‑22 ta’ Awwissu 2022, hija invokat il-fatt li d-dritt tagħha li tiġi kkonsultata skont l-Artikolu 10(6) tar-Regolament 2017/2195 kien inkiser fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali. L-invokazzjoni sussegwenti ta’ ksur tad-dritt għal smigħ tiegħu ggarantit mill-Artikolu 14(6) tar-Regolament 2019/942 hija biss amplifikazzjoni ta’ argumenti li diġà ġew żviluppati quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
114 |
L-ACER qieset, fir-rigward tal-inċidenza individwali tar-rikorrenti, li din tal-aħħar kienet essenzjalment ibbażat ruħha, fil-punti 94 sa 101 tan-nota tagħha li tesponi l-aggravji tal-appell, relatati ma’ din il-kwistjoni, fuq il-fatt li hija kienet waħda mill-ikbar fornituri attivi fis-suq Ġermaniż tal-enerġija tal-ibbilanċjar u li hija kienet inammissibbli li tqajjem sussegwentement u, għalhekk, tardivament, “kwalitajiet” jew “sitwazzjonijiet fattwali” oħra li jistgħu jindividwalizzawha fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223). |
|
115 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li “kwalitajiet” jew “sitwazzjonijiet ta’ fatt” mhux invokati jew ipprovati mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, moqri flimkien mal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tivverifika l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa minnu fid-dawl, b’mod partikolari, tal-punti ta’ fatt li jkunu tressqu quddiemu, iżda hija ma tistax, għall-kuntrarju, twettaq tali stħarriġ billi tieħu inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt ġodda invokati jew prodotti quddiemha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul,C-29/05 P, EU:C:2007:162, punt 54, u tal‑15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO,C‑38/09 P, EU:C:2010:196, punt 76). |
|
116 |
Barra minn hekk, mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 76 u mill-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li t-tilwima hija bħala prinċipju ddeterminata u limitata mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, C‑623/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:734, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Il-Parlament vs Moi, C‑246/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:1026, punt 55). Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 120(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-punti (d) u (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-kuntest ta’ rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni, ir-rikors li permezz tiegħu jiġi ppreżentat ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża, l-espożizzjoni sommarja tal-motivi mqajma u t-talbiet tar-rikorrent. |
|
117 |
F’dan il-każ, fil-punti 94 sa 101 tan-nota tagħha li tesponi l-motivi tar-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment ibbażat ruħha, sabiex tallega li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni inizjali, li kienet twassal biex tiblokka temporanjament il-prezz tal-bejgħ tal-enerġija tal-ibbilanċjar lit-TSO, fuq iċ-ċirkustanza speċifika li hija kienet waħda mill-ikbar fornituri attivi fis-suq Ġermaniż tal-imsemmija enerġija. |
|
118 |
Issa, konformement mal-ġurisprudenza u mal-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord tal-Appell imsemmija fil-punt 93 iktar ’il fuq, l-imsemmi bord kien fondat, fid-deċiżjoni kkontestata, li jikkunsidra biss iċ-ċirkustanza speċifika li r-rikorrenti kienet debitament invokat quddiemu bħala li kienet ta’ natura li tindividwalizzaha fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223), mingħajr ma kellha teżamina jekk “kwalitajiet” jew “sitwazzjonijiet fattwali” oħra li jistgħu jindividwalizzawha setgħux jiġu dedotti min-nota li tesponi l-motivi tal-appell, mill-annessi tagħha, mill-osservazzjonijiet addizzjonali jew, b’mod iktar ġenerali, mill-proċess tal-kawża. |
|
119 |
Anki jekk jitqies li l-Bord tal-Appell naqas illegalment milli jieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, il-“kwalitajiet” jew is-“sitwazzjonijiet ta’ fatt” kollha li ġew invokati quddiemu mir-rikorrenti, din tal-aħħar kellha tilmenta dwaru, billi tqajjem motiv f’dan is-sens li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni stabbiliti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punt 116 iktar ’il fuq). |
|
120 |
Fil-fatt, in-nuqqas li tingħata deċiżjoni fuq kap ta’ talba jista’ jwassal għall-annullament, tal-inqas parzjali, ta’ deċiżjoni adottata minn Bord tal-Appell indipendenti minn wieħed mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2016, GREEN BEANS, T‑585/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:339, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
121 |
Issa, għalkemm, fil-punti 89 sa 92 u 117 sa 120 tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, bħala ċirkustanzi li jistgħu jindividwalizzawha fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, p. 223), il-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-proċedura amministrattiva li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali u l-ksur tad-dritt tagħha li tiġi kkonsultata qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2017/2195, hija ma qajmitx b’mod ċar u preċiż, f’dan ir-rigward, motiv ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata bbażat fuq il-fatt li, f’din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell naqas illegalment milli jiddeċiedi dwar dawn il-“kwalitajiet” jew dawn is-“sitwazzjonijiet ta’ fatt” li ġew debitament invokati quddiemu. |
|
122 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, “kwalitajiet” jew “sitwazzjonijiet ta’ fatt” li ma ssemmewx, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala li ġew invokati minnha quddiem il-Bord tal-Appell u li, għaldaqstant, ma ġewx eżaminati minn dan tal-aħħar fl-imsemmija deċiżjoni (ara l-punti 83, 88, 97 u 99 iktar ’il fuq). |
|
123 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, b’tali mod li t-talba prinċipali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li hija nieqsa minn kull bażi, għandha hija stess tiġi miċħuda bħala infondata. Għalhekk għandu jitkompla l-eżami tat-talba sussidjarja. |
Fuq it-talba sussidjarja, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali
|
124 |
Insostenn tat-talba sussidjarja, ir-rikorrenti tressaq sitt motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-ACER sabiex tadotta deċiżjoni inizjali li titbiegħed mill-proposta tat-TSO, it-tieni wieħed, fuq ksur mill-ACER tal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament 2017/2195, li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati fis-suq qabel l-adozzjoni ta’ metodoloġija ġdida, it-tielet wieħed, fuq assenza ta’ bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, ir-raba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2017/2195 u, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
125 |
L-ACER tinvoka l-inammissibbiltà manifesta tat-talba sussidjarja, imressqa fis‑17 ta’ Frar 2023, għal nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem sabiex titressaq azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali, stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, li beda jiddekorri, l-iktar tard, mid-data tal-preżentata mir-rikorrenti tar-rikors tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri t‑28 ta’ April 2022. Ebda żball skużabbli ma jista’ jiġi invokat b’mod validu mir-rikorrenti, peress li ġie osservat li l-informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji li tinsab fid-deċiżjoni inizjali kienet espressament indirizzata lid-destinatarji ta’ din tal-aħħar u li interpretazzjoni konformi tat-test tal-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942 kienet timplika li jitqies li dan ma kienx jippreġudika d-dritt tar-rikorrenti li tippreżenta direttament rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona. Fi kwalunkwe każ, it-talba sussidjarja għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
126 |
Ir-rikorrenti tqis li t-talba sussidjarja tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni meħuda minn korp tal-Unjoni, jiġifieri l-ACER, ippreżentat abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fehma tagħha, dan ir-rikors ma huwiex suġġett għall-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji, konformement mal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u mal-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, peress li l-possibbiltà ta’ rikors dirett min-naħa tagħha hija meħtieġa mid-dritt primarju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni inizjali, fit‑28 ta’ Frar 2022, lanqas ma għandha tostakola l-ammissibbiltà tar-rikors sussidjarju, peress li hija ma setgħetx tistenna, fid-dawl tal-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni inizjali bħala deċiżjoni individwali fis-sens tal-premessa 34, tal-Artikolu 2(d) u tal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942, tal-ġurisprudenza, tal-indikazzjonijiet dwar ir-rimedji li jinsabu fid-deċiżjoni inizjali kif ukoll tan-nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja u tal-kunflitti potenzjali li jirriżultaw minnha, li jkollha tippreżenta rikors dirett kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar, mingħajr ma tkun setgħet tikseb, għal raġuni allegata ta’ nuqqas ta’ locus standi, deċiżjoni preliminari tal-Bord tal-Appell. Issa, skont il-ġurisprudenza, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma jostakolax l-ammissibbiltà ta’ rikors meta dan jirriżulta minn żball ta’ liġi skużabbli min-naħa tar-rikorrent, li ġie żgwidat mill-awtur tal-att. |
|
127 |
Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba sussidjarja mressqa mill-ACER, għandu, qabel kollox, jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 47 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħet, f’dan il-każ, tippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona. |
|
128 |
Barra minn hekk, mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li r-rikorsi għall-annullament għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrenti, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrenti tkun saret taf bih. |
|
129 |
Tista’ ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni fir-rigward tat-termini tal-proċedura biss fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew ta’ forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs ABE, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
130 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors, il-kunċett ta’ “żball skużabbli”, li jippermetti li ssir deroga minnha, huwa intiż biss għal ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata adottat aġir tali li, waħdu jew b’mod determinanti, iwassal għal konfużjoni ammissibbli fil-moħħ tal-individwu li għandu bona fide u li jkun eżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs ABE, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
131 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni inizjali ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-ACER fit‑28 ta’ Frar 2022 u r-rikorrenti adixxiet lill-Bord tal-Appell fit‑28 ta’ April 2022. Anki jekk jitqies li r-rikorrenti saret taf bid-deċiżjoni inizjali fl-istess jum li hija adixxiet lill-Bord tal-Appell, billi applikat ir-regoli ta’ kalkolu tat-termini, previsti fl-Artikoli 58 u 60 tar-Regoli tal-Proċedura, li jikkorrispondu għall-Artikoli 49 u 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri fis‑17 ta’ Frar 2023, ir-rikorrenti kienet prekluża milli tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni. |
|
132 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma hijiex fondata, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li tinvoka żball skużabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq. |
|
133 |
Fil-fatt, minn naħa, ebda garanzija preċiża ma ġiet ipprovduta mill-ACER lir-rikorrenti dwar il-kompetenza tal-Bord tal-Appell sabiex jieħu konjizzjoni ta’ appell ippreżentat minnha kontra d-deċiżjoni inizjali, peress li l-indikazzjonijiet dwar ir-rimedji ġudizzjarji li jinsabu fi tmiem id-deċiżjoni inizjali kienu espressament intiżi għad-“destinatarji” ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri t-TSO tar-reġjun CORE, li fir-rigward tagħhom dawn kienu barra minn hekk korretti (ara l-punt 47 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni inizjali ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji li kellhom jiġu segwiti mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi minbarra dawn id-destinatarji. Għalhekk, l-imsemmija indikazzjonijiet ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala aġir tal-ACER ta’ natura li joħolqu konfużjoni ammissibbli f’moħħ ir-rikorrenti fir-rigward tal-kompetenza tal-Bord tal-Appell sabiex jieħu konjizzjoni ta’ appell ippreżentat minnha kontra d-deċiżjoni inizjali. |
|
134 |
Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942 konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni kienet timplika li jitqies li dan ma kienx jipprekludi li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, bħar-rikorrenti, kienu direttament, iżda mhux individwalment ikkonċernati minn att ta’ portata ġenerali tal-ACER mingħajr miżuri ta’ implimentazzjoni, ikunu jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament ta’ dan l-att direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona. Barra minn hekk, fil-punt 165 tar-rikors, ir-rikorrenti stess sostniet li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, “[kellu] jingħata d-dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra att regolatorju skont [it-tielet parti] tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE”, “[d]an ir-rimedju [kien] espressament previst [mit-tielet parti] tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE”. |
|
135 |
Għalhekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli l-ġurisprudenza li bbażat ruħha fuq il-formulazzjoni ġenerali ta’ ċerti testi li jirregolaw ir-rimedji ġudizzjarji jew fuq l-użanzi eżistenti sabiex tikkonstata żball skużabbli fir-rigward tal-preżentata tardiva ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni wara l-eżawriment ta’ rimedju intern li, f’dan il-każ speċifiku u skont il-ġurisprudenza, ma kienx applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 1972, Marcato vs Il-Kummissjoni, 44/71, EU:C:1972:53, punti 5 sa 9, u tal‑5 ta’ April 1979, Orlandi vs Il-Kummissjoni, 117/78, EU:C:1979:109, punti 9 sa 11). |
|
136 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tista’ tinvoka ebda żball skużabbli li seta’ jawtorizzaha tidderoga, f’dan il-każ, mill-obbligu li tosserva t-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors. |
|
137 |
Konsegwentement, it-talba sussidjarja, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali, għandha wkoll tiġi miċħuda bħala inammissibbli, b’tali mod li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
138 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
139 |
Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitluba mill-ACER. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża), taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
van der Woude Škvařilová-Pelzl Nõmm Steinfatt Kukovec Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Ġunju 2025. Firem |
Werrej
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
|
It-talbiet tal-partijiet |
|
|
Id-dritt |
|
|
Fuq it-talba prinċipali, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata |
|
|
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 li ma tiżgurax l-effett utli tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell u l-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, kif iggarantit mill-Artikolu 20 tal-Karta |
|
|
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2019/942 |
|
|
Fuq it-talba sussidjarja, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali |
|
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.