SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
23 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta marki fl-art – Artikolu 3(a) u Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Uniċità tad-disinn – Koerenza tal-perspettivi”
Fil-Kawża T‑25/23,
Orgatex GmbH & Co. KG, stabbilita f’Langenfeld (il-Ġermanja), irrappreżentata minn G. Jacobs, M. Maybaum u M. Dümenil, avocats,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Markakis, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Lawrence Longton, residenti fi Brindle (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn A. Haberl, avukat,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, M. Kancheva (Relatriċi) u E. Tichy‑Fisslberger, Imħallfin,
Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Orgatex GmbH & Co KG, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑17 ta’ Novembru 2022 (Każ R 110/2022-3) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Fit‑23 ta’ Ottubru 2020, l-intervenjent, L. Longton, ressaq quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn Komunitarju rreġistrata bin-numru 1112155–0001 u ppubblikata fl‑14 ta’ April 2009, wara talba mressqa fil‑25 ta’ Marzu 2009. Ir-rikorrenti hija l-proprjetarja tad-disinn ikkontestat, li ġeddet ir-reġistrazzjoni tiegħu fl‑2014, fl‑2019 u fl‑2024. |
|
3 |
Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat bil-perspettivi li ġejjin:
|
|
4 |
Il-prodotti li għalihom huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat jaqa’ fil-klassi 20.03 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Marki fl-art”. |
|
5 |
Ir-raġunijiet invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu dawk previsti fl-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll fl-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 6 tal-istess regolament. |
|
6 |
Fit‑23 ta’ Novembru 2021, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Essenzjalment, hija kkonkludiet li d-disinn ikkontestat huwa uniku u li l-perspettivi tiegħu kienu koerenti. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-għan tal-protezzjoni kien identifikabbli b’mod ċar u kien jidher b’mod unitarju u dirett fl-erba’ perspettivi ppreżentati, jiġifieri l-perspettiva 1.1, li tirrappreżenta l-perspettiva minn fuq (il-parti ta’ fuq), u l-perspettivi l-oħra 1.2, 1.3 u 1.4, li jirrappreżentaw l-perspettivi minn taħt (il-parti ta’ isfel) tal-immarkar fl-art. Hija kkonstatat ukoll li dan id-disinn kellu karattru individwali u ġdid. |
|
7 |
Fit‑18 ta’ Jannar 2022, l-intervenjent ippreżenta appell quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
|
8 |
Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell laqa’ l-appell, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat. B’mod partikolari, huwa qies li l-perspettivi ppreżentati ma kinux konklużivi u kellhom mill-inqas żewġ disinni differenti. Minn naħa, hija qieset li l-ipoteżi tal-intervenjent li l-perspettivi 1.1 u 1.2 kienu juru n-naħa ta’ quddiem u l-perspettivi 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara kienet tidher loġika fiha nnifisha u konformi mal-esperjenza ġenerali. Huwa qies li l-perspettivi 1.1 u 1.2 u l-perspettivi 1.3 u 1.4 ma setgħux jirrappreżentaw l-istess disinn. Min-naħa l-oħra, anki jekk tiġi aċċettata l-ipoteżi tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u tar-rikorrenti li l-perspettiva 1.1 kienet turi n-naħa ta’ quddiem u l-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara, hija qieset li l-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 ma setgħux jirrappreżentaw l-istess disinn. Hija kkonstatat li miż-żewġ sitwazzjonijiet eżaminati jirriżulta li d-disinn ikkontestat kien ġie rreġistrat bi ksur tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
9 |
Il-Bord tal-Appell qies ukoll li, peress li d-disinn ikkontestat kellu jiġi ddikjarat invalidu skont l-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, ma kienx possibbli li jiġi eżaminat jekk dan id-disinn kienx nieqes ukoll minn karattru individwali jew novità abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 6 tal-istess regolament. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
10 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
11 |
L-EUIPO jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
12 |
L-intervenjent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors
|
13 |
Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-intervenjent jeċċepixxi, fir-risposta tiegħu, l-inammissibbiltà tar-rikors, minħabba li dan ma ġiex ippreżentat fit-terminu mogħti. B’mod iktar preċiż, huwa jsostni li, skont ir-rikorrenti stess, id-Deċiżjoni kkontestata, datata 17 ta’ Novembru 2022, ġiet innotifikata lilu fit‑18 ta’ Novembru 2022. Dan ir-rikors wasal quddiem il-Qorti Ġenerali biss fis‑27 ta’ Jannar 2023, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 61(5) tar-Regolament Nru 6/2002. Għaldaqstant, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma ġiex osservat. |
|
14 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 61(5) tar-Regolament Nru 6/2002, rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO għandu jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
15 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li t-termini tal-proċedura tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza. Skont il-ġurisprudenza, it-terminu fiss għal raġuni ta’ distanza previst minn dan l-artikolu japplika għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-EUIPO (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2021, Inditex vs EUIPO – Ffauf Italia (ZARA), T‑467/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:842, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
16 |
F’dan il-każ, id-Deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit‑18 ta’ Novembru 2022. It-terminu għall-preżentata ta’ rikors għalhekk skada fit‑30 ta’ Jannar 2023 f’nofsillejl, terminu għal raġuni ta’ distanza inkluż, skont ir-regoli għall-kalkolu tat-termini previsti fl-Artikolu 58 tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
17 |
Ir-rikors preżenti ġie ppreżentat mir-rikorrenti fis‑27 ta’ Jannar 2023. |
|
18 |
Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-intervenjent għandha tiġi miċħuda u dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. |
Fuq l‑ammissibbiltà tad‑dokumenti prodotti għall‑ewwel darba quddiem il‑Qorti Ġenerali
|
19 |
L-intervenjent isostni li r-ritratti tal-prodott oriġinali jew effettivament ikkummerċjalizzati ppreżentati mir-rikorrenti “bħala eżempju” fl-Anness A7 tar-rikors huma tardivi u inammissibbli. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dokumenti ma jinsabux fil-proċess tal-proċedura amministrattiva quddiem l-EUIPO u huma prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
21 |
Fil-fatt, ir‑rikors quddiem il-Qorti tal-Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal‑Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, b’mod li l-funzjoni tal‑Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 24). |
|
22 |
Għalhekk jeħtieġ li dawn id-dokumenti jiġu miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom. |
Fuq il‑fondatezza tal‑motiv uniku
|
23 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-istess regolament. |
|
24 |
Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li d-disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba li l-perspettivi kienu juru mill-inqas żewġ disinni differenti minħabba l-allegati inkoerenzi insolubbli bejn il-perspettivi u li għalhekk ma kienx hemm prodott unitarju fis-sens ta’ dan l-artikolu. Fil-fehma tagħha, dawn l-allegati inkoerenzi insolubbli jistgħu jiġu riżolti jekk l-imsemmi regolament ma jkunx is-suġġett ta’ “interpretazzjoni legalment żbaljata u li hija ostili għar-reġistrazzjoni”. Hija tallega li kien inekwivoku mill-erba’ perspettivi kollha 1.1 sa 1.4 li dan huwa oġġett unitarju, ikkostitwit minn element kwadru b’parti interna fejn naħa waħda kellha linji kontorni meta mqabbla mal-oħra. Hija ssostni għalhekk li disinn unitarju jista’ jiġi identifikat b’mod ċar mill-perspettivi tad-disinn ikkontestat, li għandu d-dehra ta’ prodott uniku fis-sens tal-imsemmi artikolu. |
|
25 |
Minn naħa, ir-rikorrenti tallega li l-ewwel ipoteżi tal-Bord tal-Appell, esposta fil-punti 34 sa 38 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-perspettivi 1.1 u 1.2 juru n-naħa ta’ quddiem u l-perspettivi 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara, hija ineżatta u żbaljata. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell jinterpreta dawn il-perspettivi b’mod li “jimplika neċessarjament l-invalidità”, filwaqt li għandu pjuttost, bħala prinċipju ta’ interpretazzjoni, jiġi preżunt, favur l-applikant, li huwa ried jippreżenta applikazzjoni valida u mhux mingħajr sens. F’dan il-każ, huwa madankollu evidenti li l-perspettiva 1.1 turi naħa tal-prodott u li l-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 juru n-naħa l-oħra tal-prodott, b’kunsiderazzjoni għal-linji ta’ kontorn. Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni, ma hemmx inkoerenza insolubbli fid-differenza bejn il-perspettivi 1.1 u 1.2. Din id-differenza tista’ tiġi faċilment solvuta billi l-perspettivi jiġu interpretati fis-sens li jirriproduċu d-disinn fuq naħa (għall-perspettiva 1.1) u fuq in-naħa l-oħra (għall-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4). |
|
26 |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-Bord tal-Appell wasal għal konklużjonijiet żbaljati mit-tieni ipoteżi tagħha, ifformulata fil-punti 39 sa 44 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-perspettiva 1.1 turi n-naħa ta’ quddiem u l-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 juru n-naħa ta’ wara. Huwa minnu li din l-ipoteżi hija eżatta u korretta, iżda dan madankollu ma jwassal għal ebda inkoerenza insolubbli bejn dawn il-perspettivi. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li ma hemm ebda inkoerenza insolubbli minħabba l-isfumar (effetti ta’ dell) fil-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4. skontha, l-interpretazzjoni turi li dawn il-perspettivi jirriproduċu sfumaturi differenti (effetti ta’ dell) tal-uniku u l-istess wiċċ tal-istess prodott, dovuti għal kundizzjonijiet ta’ illuminazzjoni differenti. Tali differenzi ta’ illuminazzjoni jirriżultaw mill-angolu u mill-pożizzjoni tal-perspettiva. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li ma hemm ebda inkoerenza minħabba l-pożizzjoni tal-perspettiva, peress li l-perspettiva 1.2 turi l-prodott kontra d-dawl u l-perspettiva 1.4 turih illuminat. Prodott identiku jkun sempliċement muri taħt kundizzjonijiet differenti ta’ illuminazzjoni. It-tieni nett, hija ssostni li ma hemm ebda inkoerenza minħabba assenza preżunta ta’ sors ta’ illluminazzjoni. Huwa normali li l-isfumaturi jintużaw f’rappreżentazzjonijiet maħluqa mill-kompjuter u dan jiġi simulat b’sors ta’ illuminazzjoni virtwali. It-tielet nett, hija ssostni li ma hemm ebda inkoerenza minħabba l-effetti ta’ illuminazzjoni. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li ma hemm ebda inkoerenza insolubbli minħabba l-linji ta’ kontorn fil-perspettivi 1.2 u 1.4. Prodott wieħed biss ikun identifikabbli. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li ma hemm ebda inkoerenza insolubbli fir-rigward tal-“fond” tal-linji ta’ kontorn fil-perspettivi 1.2 u 1.4. meta mqabbla mal-perspettiva 1.3. Id-diskrepanza tista’ tiġi spjegata faċilment mill-preżentazzjoni tal-perspettiva. Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tallega li ma hemm ebda inkoerenza insolubbli minħabba l-isfumaturi (effetti ta’ dell) tat-“tieqa” jew tal-“intern” fil-perspettivi 1.2 u 1.4 meta mqabbla mal-perspettiva 1.3. Dan l-intern huwa tieqa fl-immarkar fl-art, li sservi sabiex jiddaħħlu diversi inserzjonijiet. Id-differenzi huma dovuti wkoll għad-diversi perspettivi tal-pożizzjoniijiet tal-perspettivi. Il-perspettivi 1.2 u 1.4 juru l-prodott bilwieqfa, kważi b’perspettiva minn tieqa trasparenti, ta’ abjad uniformi, filwaqt li l-perspettiva 1.3 turi l-prodott fuq wiċċ virtwali, bi sfumaturi. Dawn l-isfumaturi huma dovuti għal effetti ta’ illuminazzjoni differenti u ma għandhom ebda effett fuq il-forma u l-konfigurazzjoni ta’ prodott. |
|
28 |
Ir-rikorrenti tikkonkludi li, fi kwalunkwe każ, mill-interpretazzjoni tal-perspettivi jirriżulta li l-allegati differenzi, dovuti b’mod partikolari għall-isfumaturi (effetti ta’ dell), ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat is-suġġett tal-protezzjoni, li huwa evidenti u viżibbli b’mod ċar. Jeżisti biss prodott wieħed u għalhekk disinn wieħed validu fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
29 |
Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet b’mod iktar speċifiku li fid-dritt tal-Unjoni kien jeżisti prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli għar-reġistrazzjoni ta’ disinn, li jirriżulta mill-“idea fundatriċi” tar-Regolament Nru 6/2002, b’mod partikolari mill-premessa 24 ta’ dan tal-aħħar. |
|
30 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
Il‑qafas leġiżlattiv u ġurisprudenzjali
|
31 |
Skont l-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn għandu jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, li skontu “disinn” ifisser “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”. |
|
32 |
Minn dan isegwi li, fil-kuntest tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 6/2002, id-dehra tikkostitwixxi element determinanti ta’ disinn (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 62; tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM,C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 25, u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Ferrari,C‑123/20, EU:C:2021:889, punt 30). |
|
33 |
L-eżami ta’ disinn skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 huwa limitat għall-kwistjoni dwar jekk ir-rappreżentazzjoni turix id-dehra ta’ prodott jew ta’ parti minn prodott. Jekk, fil-kuntest tal-eżami, l-EUIPO jikkonstata li d-disinn li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għal protezzjoni ma jissodisfax id-definizzjoni msemmija fl-imsemmi artikolu u li ma huwiex irrimedjat għar-raġuni taċ-ċaħda fit-terminu mogħti, l-EUIPO għandu jiċħad l-applikazzjoni, konformement mal-Artikolu 47(1) tal-istess regolament kif ukoll mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal‑21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimenta r-Regolament Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14). |
|
34 |
L-eżami ta’ disinn skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jsir abbażi tar-rappreżentazzjoni mniżżla fir-reġistru, jiġifieri l-perspettivi ppreżentati waqt l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li jiddeterminaw is-suġġett u l-portata tal-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Kneidinger vs EUIPO – Topseat International (Għatu tat-tojlit), T‑286/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:411, punt 44). L-osservazzjonijiet magħmula mill-applikant jew mill-proprjetarju matul il-proċedura jistgħu, bħala prinċipju, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk dawn ikunu jirriżultaw mir-rappreżentazzjoni tad-disinn. |
|
35 |
Konformement mal-Artikolu 36(1)(c) tar-Regolament Nru 6/2002, u tal-Artikolu 1(1)(c) tar-Regolament Nru 2245/2002, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju għandu jkun fiha rappreżentazzjoni tad-disinn xieraq għar-riproduzzjoni. |
|
36 |
Fid-dawl tal-analiżi letterali, teleoloġika u kuntestwali tal-Artikolu 36(1)(c) tar-Regolament Nru 6/2002, ir-rappreżentazzjoni ta’ disinn li għalih tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni għandha tippermetti li dan id-disinn, suġġett tal-protezzjoni msemmija minn din l-applikazzjoni, jiġi identifikat b’mod ċar (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, Mast-Jägermeister vs EUIPO,C‑217/17 P, EU:C:2018:534, punt 60). Għalhekk, ir-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika għandha bħala funzjoni b’mod partikolari li tiddefinixxi d-disinn sabiex tiddetermina s-suġġett eżatt tal-protezzjoni kkonferita lid-detentur tagħha mid-disinn irreġistrat, fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti u tal-operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018,Mast-Jägermeister vs EUIPO,C‑217/17 P, EU:C:2018:534, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Ferrari,C‑123/20, EU:C:2021:889, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Minn naħa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħrfu b’mod ċar u bi preċiżjoni n-natura tal-elementi li jikkostitwixxu disinn bil-għan li jkunu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jirrigwardaw l-eżami preliminari tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kif ukoll il-pubblikazzjoni u ż-żamma ta’ reġistru xieraq u preċiż tad-disinn. Min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jiżguraw ruħhom, b’ċarezza u preċiżjoni, liema huma r-reġistrazzjonijiet magħmula jew l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati mill-kompetituri attwali jew potenzjali tagħhom u b’hekk jibbenefikaw minn informazzjoni rilevanti li tikkonċerna d-drittijiet ta’ terzi. Tali rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni huwa għalhekk intiż li jiżgura ċ-ċertezza legali ta’ terzi (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Papierfabriek Doetinchem,C‑684/21, EU:C:2023:141, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Peress li r-rappreżentazzjoni ta’ disinn li għalih qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni għandha tippermetti li dan id-disinn, li huwa s-suġġett tal-protezzjoni msemmija minn din l-applikazzjoni, jiġi identifikat b’mod ċar (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), għandu, b’mod partikolari, jiġi eżaminat jekk il-perspettivi li jikkostitwixxu r-rappreżentazzjoni kollha kemm hi jurux id-dehra ta’ prodott uniku jew unitarju, jiġifieri jekk hemmx uniċità tad-disinn. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ koerenza tal-perspettivi jimplika li l-perspettivi kollha juru d-dehra tal-istess prodott wieħed (jew parti minn prodott), b’tali mod li jippermettu li jiġi identifikat b’mod ċar l-istess disinn wieħed. Inkonsistenzi jew kontradizzjonijiet bejn id-depożizzjonijiet ippreżentati jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li r-rappreżentazzjoni turi prodotti differenti, u għalhekk iktar minn disinn wieħed. Il-perspettivi jirreferu għal iktar minn disinn wieħed b’mod partikolari meta jikkostitwixxu inkorporazzjonijiet differenti (“embodiments”) jew verżjonijiet tal-istess kunċett, jew ukoll meta l-użu tal-linji intiżi sabiex jidentifikaw id-disinn jew dak tal-esklużjonijiet (“disclaimers”) ta’ ċerti karatteristiċi ma jkunx koerenti fil-perspettivi kollha. |
|
40 |
Ma jistax ikun hemm uniċità tad-disinn jekk il-perspettivi li jikkostitwixxu r-rappreżentazzjoni fl-intier tagħha huma f’inkoerenza insolubbli jew f’kontradizzjoni insormontabbli, b’tali mod li l-perspettiva ta’ prodott wieħed ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata u, għaldaqstant, ir-rappreżentazzjoni ma tippermettix li jiġi identifikat b’mod ċar disinn wieħed. Għall-kuntrarju, l-uniċità tad-disinn tista’ tiġi kkonstatata minkejja diverġenzi żgħar bejn il-perspettivi, sa fejn dawn il-perspettivi jistgħu madankollu jiġu rrikonċiljati fis-sens ta’ disinn unitarju. Dan premess, l-istanzi tal-EUIPO ma humiex obbligati jikkunsidraw il-kombinazzjonijiet kollha possibbli bejn il-perspettivi pprovduti mill-applikant fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, iżda biss il-kombinazzjonijiet li jidhru loġiċi u plawżibbli fid-dawl tal-esperjenza komuni. |
|
41 |
Disinn li ma jikkostitwixxix oġġett unitarju ma jissodisfax id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 u għalhekk għandu jiġi miċħud skont l-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regolament (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), jew iddikjarat invalidu jekk ir-raġuni ta’ invalidità stabbilita fl-Artikolu 25(1)(a) tal-imsemmi regolament tkun ġiet invokata korrettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Ball Beverage Packaging Europe vs EUIPO – Crown Hellas Can (Canettes), T‑9/15, EU:T:2017:386, punti 57 u 60). |
|
42 |
Min-naħa l-oħra, l-eżami tar-raġuni għal invalidità stabbilita fl-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jirrigwardax ir-rekwiżiti formali tar-rappreżentanza. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2245/2002 jipprevedi b’mod partikolari li r-rappreżentazzjoni ma jistax ikun fiha iktar minn seba’ perspettivi. L-irregolaritajiet li jirrigwardaw din il-kundizzjoni, li l-applikant ma jirrimedjax fit-terminu previst, iwasslu għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 45(2)(b) u l-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
43 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2245/2002 jawtorizza espressament il-preżentata ta’ diversi perspettivi tal-istess disinn. L-applikant huwa liberu li jagħżel liema eżempji jissottometti u jekk il-perspettitvi ppreżentati humiex ritratti tal-oġġett attwali, disinni tekniċi jew rappreżentazzjonijiet iġġenerati mill-kompjuter. Il-perspettivi ppreżentati jista’ jkollhom id-disinn minn angoli u perspettivi differenti, inkluż fi skali differenti. Madankollu, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ koerenza tal-perspettivi (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), l-applikant għandu l-obbligu li jiżgura li l-perspettivi jkunu koerenti, jiġifieri li jkunu jistgħu jiġu rrikonċiljati fis-sens ta’ disinn unitarju (ara l-punt 40 iktar ’il fuq) u jippermettu għalhekk li jiġi identifikat b’mod ċar disinn wieħed. |
|
44 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk il-perspettivi ppreżentati f’dan il-każ humiex koerenti u jippermettux għalhekk li jiġi identifikat b’mod ċar disinn wieħed. |
Evalwazzjoni tal‑koerenza tal‑perspettivi ineżami
– Fuq l‑allegata eżistenza ta’ prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli għall‑applikant u għall‑proprjetarju ta’ disinn Komunitarju rreġistrat
|
45 |
Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi, li jgħid li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli għall-applikant u għall-proprjetarju ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, li r-rikorrenti tallega l-eżistenza tiegħu fid-dritt tal-Unjoni u li jirriżulta mill-“idea fundatriċi” tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, anki jekk jitqies li l-eżaminatur kien iddeċieda, waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, li jirreġistra d-disinn ikkontestat, din il-pożizzjoni ma torbotx lill-Bord tal-Appell fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità dwar dan id-disinn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Canettes,T‑9/15, EU:T:2017:386, punt 54). |
|
47 |
Dan huwa minnu wkoll jekk, fil-kuntest tal-eżami previst fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-eżaminatur għandu diġà jivverifika li d-disinn li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għal protezzjoni jissodisfa d-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(a) tal-istess regolament u, għaldaqstant, jippreżenta uniċità dovuta għall-koerenza tal-perspettivi tiegħu, għall-kuntrarju tal-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni, bħan-novità jew il-karattru individwali skont l-Artikoli 4 sa 6 tal-imsemmi regolament, li ma humiex eżaminati f’dan il-kuntest. |
|
48 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li ma hemm xejn fir-Regolament Nru 6/2002 li jimponi prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli lill-applikant ta’ applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami u lanqas mingħand il-proprjetarju ta’ tali disinn fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, bħal f’dan il-każ. |
|
49 |
Il-premessa 24 tar-Regolament Nru 6/2002, invokata mir-rikorrenti, tipprovdi sempliċement li wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament huwa li l-proċedura sabiex jinkiseb disinn Komunitarju rreġistrat għandha timplika spejjeż u diffikultajiet minimi lill-applikanti, sabiex din issir faċilment disponibbli lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll lid-disinjaturi individwali. Għandu jiġi kkonstatat li n-natura ftit oneruża u konvivjali (“user-friendly”) tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni bl-ebda mod ma tippreġudika prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli għall-applikant ta’ applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami u lanqas għall-proprjetarju ta’ tali disinn fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
50 |
Għall-kuntrarju, meta disinn Komunitarju rreġistrat jibbenefika, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament Nru 6/2002, minn preżunzjoni ta’ validità fil-proċedimenti ta’ kontrafazzjoni, huwa iktar u iktar importanti li l-validità tiegħu tiġi evalwata konkretament u strettament fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-EUIPO u tal-kontrotalbiet quddiem il-qrati tad-disinni Komunitarji previsti fl-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament, konformement mar-raġunijiet ta’ invalidità stabbiliti fl-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament u mal-kundizzjonijiet ta’ invokabbiltà tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 25(2) sa (4) tal-istess regolament. |
|
51 |
Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat għandu jkun strett, f’kull każ konkret, sabiex jiġi evitat li reġistrazzjonijiet jinżammu b’mod indebitu. Fil-fatt, iż-żamma tar-reġistrazzjoni ta’ disinn tiddependi minn kriterji oġġettivi u speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni, intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk id-disinn inkwistjoni jaqax taħt raġuni għal invalidità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI,C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
Minn dan isegwi li ma jeżistix, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli għall-proprjetarju ta’ dan id-disinn. |
|
53 |
Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell la kellu, u lanqas ma seta’ jieħu inkunsiderazzjoni tali prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli għar-rikorrenti bħala proprjetarja tad-disinn ikkontestat. |
|
54 |
L-ilment tar-rikorrenti bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi f’dan ir-rigward għandu għalhekk jiġi miċħud. |
|
55 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li huwa kjarament possibbli li jiġi identifikat disinn unitarju fil-perspettivi tad-disinn ikkontestat, li huma koerenti. L-ilmenti li ġejjin huma għalhekk ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti li allegatament wettaq il-Bord tal-Appell. |
|
56 |
Għandhom jiġu eżaminati, wieħed wieħed, iż-żewġ ipoteżijiet ta’ kombinazzjonijiet bejn il-perspettivi adottati mill-Bord tal-Appell. |
– Fuq l‑ipoteżi li l‑perspettivi 1.1 u 1.2 juru n‑naħa ta’ quddiem u l‑perspettivi 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara tad‑disinn ikkontestat
|
57 |
Fil-punti 34 sa 38 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-ipoteżi li l-perspettivi 1.1 u 1.2 kienu juru n-naħa ta’ quddiem u l-perspettivi 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara kienet tikkorrispondi għal dik tal-intervenjent u li din l-ipoteżi kienet tidher “loġika fiha nnifisha u konformi mal-esperjenza ġenerali”. Għalhekk, żewġ perspettivi, waħda minn fuq u oħra prospettika, kienu jirrappreżentaw kull waħda n-naħat ta’ quddiem u ta’ wara tad-disinn. |
|
58 |
Huwa minnu li r-rappreżentazzjoni differenti tal-isfumatura setgħet tiġi spjegata bid-differenza fl-angoli. Madankollu, ma kienx possibbli li jiġi spjegat il-fatt li ma kienx hemm linji ta’ kontorn fil-perspettiva 1.1, meta dawn kienu viżibbli sew fil-perspettiva 1.2.
|
|
59 |
Dan kien japplika wkoll għall-perspettivi 1.3 u 1.4. Filwaqt li fil-perspettiva 1.3, il-linji bilkemm kienu viżibbli, dawn kienu kjarament viżibbli fil-perspettiva 1.4. Dawn kienu tant ċari li kienu jidhru qishom “linji bit-tikek”.
|
|
60 |
Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ perspettivi, il-Bord tal-Appell qies li d-differenza fl-isfumatura ma kinitx spjegata biss mid-differenza fil-perspettiva. Fil-fehma tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ sors ta’ dawl, din id-differenza ma setgħetx tirriżulta mir-riflessjoni tad-dawl fuq is-superfiċje. |
|
61 |
Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-perspettivi 1.1 u 1.2, minn naħa, u l-perspettivi 1.3 u 1.4, min-naħa l-oħra, ma setgħux għalhekk jirrappreżentaw l-istess disinn, b’tali mod li d-disinn ikkontestat kien ġie rreġistrat fir-reġistru bi ksur tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
62 |
Ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li l-perspettivi 1.1 u 1.2 kienu juru n-naħa ta’ quddiem u l-perspettivi 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara. Fil-fehma tagħha, l-imsemmi bord jinterpreta l-perspettivi b’mod li “iwassal neċessarjament għall-invalidità”. |
|
63 |
Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Bord tal-Appell, li l-fatt li l-perspettivi 1.1 u 1.2 juru n-naħa ta’ quddiem u l-perspettivi 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara, kull waħda b’perspettiva minn fuq u oħra prospettika, jidher loġiku u plawżibbli fid-dawl tal-esperjenza komuni (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). |
|
64 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fil-perspettivi 1.1 u 1.2, l-elementi ta’ inkwadrazzjoni tal-immarkar fl-art għandhom kuluri skuri simili, filwaqt li, fil-perspettivi 1.3 u 1.4, l-elementi ta’ inkwadrazzjoni għandhom min-naħa l-oħra kuluri iktar ċari. L-għażla tal-perspettiva twassal ukoll għall-ipoteżi li l-perspettivi 1.1 u 1.2 huma intiżi li juru n-naħa ta’ quddiem minn żewġ angoli differenti, minn naħa, u l-perspettivi 1.3 u 1.4 min-naħa l-oħra, in-naħa ta’ wara minn dawn iż-żewġ angoli. L-ipoteżi tar-rikorrenti li l-perspettivi 1.2 u 1.4 juru t-tnejn li huma n-naħa ta’ wara bl-istess perspettiva ma hija loġika jew plawżibbli xejn, peress li din ma tispjegax għaliex naħa hija rrappreżentata darbtejn bl-istess perspettiva u għaliex il-perspettivi 1.2 u 1.4 huma madankollu differenti. |
|
65 |
Barra minn hekk, id-differenza fil-kulur tat- “tieqa” interna bejn il-perspettivi 1.1 u 1.2 kif ukoll bejn il-perspettivi 1.3 u 1.4 tista’ ċertament tiġi spjegata mill-fatt li din it-tieqa interna tal-immarkar fl-art tinkludi madum trasparenti li huwa viżibbli biss minn perspettiva laterali. Madankollu, fil-kuntest ta’ din l-ewwel ipoteżi, huwa impossibbli li jiġi spjegat il-fatt li l-perspettiva 1.1 ma tippreżentax linji ta’ kontorn bejn l-elementi ta’ inkwadrazzjoni. Madankollu, dawn il-linji ta’ kontorn huma kjarament viżibbli fil-perspettiva 1.2. Il-perspettivi 1.1 u 1.2 għalhekk jippreżentaw inkonsistenza insolubbli.
|
|
66 |
Din l-osservazzjoni tgħodd ukoll għall-perspettivi 1.3 u 1.4. filwaqt li, fil-perspettiva 1.3, il-linji kontorni bilkemm jidhru fuq in-naħa tal-lemin, kemm fil-parti ta’ quddiem kif ukoll fil-parti ta’ wara, fil-perspettiva 1.4 huma viżibbli kjarament u jestendu fuq it-tul kollu tal-elementi tal-inkwadrazzjoni laterali, kif ukoll fil-parti interna tal-elementi tal-inkwadrazzjoni superjuri u inferjuri. Fil-perspettiva 1.4, it-tieqa interna hija inkwadrata kjarament b’linji kontorni. Il-perspettivi 1.3 u 1.4 għalhekk jippreżentaw inkonsistenza insolubbli.
|
|
67 |
Barra minn hekk, bħall-Bord tal-Appell fil-punt 37 tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ sors ta’ dawl, id-differenza fl-isfumatura bejn il-perspettivi 1.3 u 1.4 ma tistax tiġi spjegata biss bid-differanza fil-perspettiva bejn perspettiva laterali oblikwa fil-perspettiva 1.3 u perspettiva tal-pjan fil-perspettiva 1.4. Anki jekk jitqies li l-illuminazzjoni hija differenti, ma huwiex possibbli li tiġi spjegata l-gradazzjoni fil-lewn differenti fil-perspettiva 1.3, li tinbidel minn griż ċar fuq ix-xellug isfel għal griż iktar skur fuq il-lemin fuq, u tal-perspettiva 1.4, li tinbidel minn griż ċar fil-parti superjuri kollha għal griż iktar skur fil-parti inferjuri. Ir-rikorrenti naqset milli tispjega l-pożizzjoni tal-allegat sors ta’ dawl virtwali. Il-perspettivi 1.3 u 1.4 għalhekk jippreżentaw inkonsistenza insolubbli. |
|
68 |
Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li tgħid li l-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 għandhom komuni bejniethom, fuq in-naħa ta’ wara, folji li jistgħu jitneħħew għall-istiker tal-immarkar fl-art, li ma humiex viżibbli fil-perspettiva 1.1, ma tirriżultax b’mod ċar mill-perspettivi ppreżentati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 iktar ’il fuq, u għalhekk ma tistax tintlaqa’. |
|
69 |
Huwa għalhekk ġustament li, fil-punti 34 sa 38 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-uniċità tar-rappreżentazzjonijiet tad-disinn ikkontestat billi bbaża ruħu fuq l-ipoteżi li l-perspettivi 1.1 u 1.2 kienu juru n-naħa ta’ quddiem ta’ dan id-disinn u l-perspettivi 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara tiegħu, u kkonstata li dawn il-perspettivi kienu jippreżentaw inkoerenzi insolubbli. |
|
70 |
Għandu jiġi konkluż li l-perspettivi 1.1 u 1.2 kif ukoll il-perspettivi 1.3 u 1.4 ma jurux disinn unitarju, b’tali mod li d-disinn ikkontestat ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-EUIPO bi ksur tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
71 |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina wkoll l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar it-tieni ipoteżi ta’ kombinazzjoni bejn il-perspettivi, peress li din tal-aħħar hija invokata mir-rikorrenti bħala iktar favorevoli għaliha. |
– Fuq l‑ipoteżi li l‑perspettiva 1.1 turi n‑naħa ta’ quddiem u l‑perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara tad-disinn ikkontestat
|
72 |
Fil-punti 39 sa 44 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u r-rikorrenti kienu jitilqu mill-prinċipju li l-perspettiva 1.1 kienet turi n-naħa ta’ quddiem u l-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li teżamina wkoll ir-rikors abbażi ta’ din il-premessa, anki jekk xejn ma kien jippermetti li jiġi konkluż b’mod kategoriku li din l-interpretazzjoni tad-disinn ikkontestat kienet l-unika waħda korretta. |
|
73 |
Qabelxejn, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-perspettivi 1.2 u 1.4 kienu immaġni jidhru minn fuq (perspettivi superjuri) u nnota li ma kienx rilevanti li jsir magħruf jekk kinux in-naħa ta’ quddiem jew ta’ wara tal-immarkar fl-art. Kuntrarjament għall-każ tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u tar-rikorrenti, huwa qies li d-diversi sfumaturi ma setgħux jiġu attribwiti għal kundizzjonijiet ta’ illuminazzjoni differenti dovuti għall-angolu ta’ perspettiva, peress li ż-żewġ ritratti ttieħdu minn fuq. Fil-fehma tiegħu, il-perspettiva 1.3 kienet tirriproduċi d-disinn fi sfumatura addizzjonali li ma kinitx neċessarjament dovuta għall-angolu.
|
|
74 |
F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell innota li ma kienx jeżisti sors ta’ illuminazzjoni li jipprekludi riproduzzjoni differenti tal-istess kulur wieħed. Fil-fehma tagħha, minn dan kien isegwi li kienu ntużaw tliet sfumaturi differenti f’dawn it-tliet eżempji. |
|
75 |
Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-linji tal-perspettivi 1.2 u 1.4 kellhom forom differenti. Filwaqt li l-linja kienet kontinwa fil-perspettiva 1.2, din kienet bit-tikek fil-perspettiva 1.4.
|
|
76 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva li, fil-perspettivi 1.2 u 1.4, il-linji kollha kellhom l-istess fond. Madankollu, dan ma kienx il-każ fil-perspettiva 1.3, fejn il-linji għall-angoli tax-xellug kienu iktar viżibbli minn dawk tal-angoli tal-lemin.
|
|
77 |
Skont il-Bord tal-Appell, keiku l-linji jew il-kontorni kienu rrappreżentati minn ħarsa ta’ perspettiva, il-linji jew il-kontorni iktar imbiegħda setgħu jkunu inqas viżibbli f’ċerti ċirkustanzi. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, kien hemm ukoll inkoerenza insolubbli. |
|
78 |
Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies li r-raġunijiet li għalihom l-intern kellu sfumaturi skuri fil-perspettiva 1.3, filwaqt li fil-perspettivi 1.2 u 1.4, li kienu jirrappreżentaw ukoll id-disinn ikkontestat muri minn wara, l-intern kien jidher trasparenti jew abjad, kienu inkonklużivi. |
|
79 |
Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 ma setgħux għalhekk jirrappreżentaw l-istess disinn, b’tali mod li d-disinn ikkontestat kien ġie rreġistrat fir-reġistru bi ksur tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
80 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li t-tieni ipoteżi ta’ kombinazzjoni tal-perspettivi, li r-rikorrenti tinvoka bħala li hija iktar favorevoli għaliha, ma hija loġika jew plawżibbli xejn fid-dawl tal-esperjenza komuni. Fil-fatt, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, li ma ġewx stabbiliti u huma assenti f’dan il-każ, jidher illoġiku u implawżibbli li tintwera perspettiva waħda tal-parti ta’ quddiem u tliet perspettivi tan-naħa ta’ wara. |
|
81 |
Sa fejn ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli għall-applikant waqt ir-reġistrazzjoni ta’ disinn jeżiġi li l-istanzi tal-EUIPO, meta jeżaminaw il-kombinazzjonijiet possibbli tal-perspettivi, jippreżumu li dan l-applikant ried jippreżenta applikazzjoni valida u mhux mingħajr sens (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar, qabelxejn, li ma hemmx, fil-kuntest ta’ proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli għall-proprjetarju ta’ dan id-disinn (ara l-punt 52 iktar ’il fuq) u, barra minn hekk, li dawn l-istanzi ma humiex obbligati jikkunsidraw il-kombinazzjonijiet kollha possibbli bejn il-perspettivi pprovduti mill-applikant fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, iżda biss il-kombinazzjonijiet li jidhru loġiċi u plawżibbli fid-dawl tal-esperjenza komuni (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). |
|
82 |
F’dan il-każ, l-istanzi tal-EUIPO għalhekk ma kinux obbligati jikkunsidraw din it-tieni ipoteżi ta’ kombinazzjoni ta’ perspettivi. |
|
83 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li anki din it-tieni ipoteżi twassal għal inkoerenzi insolubbli bejn il-perspettivi u li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti għandhom ukoll jiġu miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
84 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li t-tieni ipoteżi tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li l-perspettiva 1.1 turi n-naħa ta’ quddiem u l-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 l-parti ta’ wara, hija ċertament korretta, iżda ma twassalx għal inkoerenza insolubbli bejn dawn il-perspettivi. Hija ssostni li ma hemm ebda inkoerenza insolubbli minħabba l-isfumaturi (effetti ta’ dell) fil-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4, la minħabba allegat nuqqas ta’ sors ta’ illuminazzjoni, u lanqas minħabba l-effetti ta’ illuminazzjoni. Hija tqis, essenzjalment, li kien hemm sors ta’ illuminazzjoni virtwali. |
|
85 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li r-rikorrenti ma pprovdiet ebda prova li, f’ambjent virtwali, dejjem kellu jkun hemm sors ta’ illuminazzjoni li jista’ joħloq effetti korrispondenti. Fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li ma kienx hemm sors ta’ illuminazzjoni. Din hija r-raġuni għaliex din tal-aħħar eskludiet il-possibbiltà li d-differenzi f’termini ta’ sfumatura u ta’ luminożità tal-kwadru (perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 fit-tieni ipoteżi) jistgħu jiġu spjegati b’effett ta’ illuminazzjoni jew minn pożizzjonijiet u angoli ta’ perspettivi differenti. |
|
86 |
Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li d-differenzi fl-isfumaturi (effetti ta’ dell) ma jistgħux jiġu attribwiti għal kundizzjonijiet ta’ illuminazzjoni differenti dovuti għall-angolu tal-perspettiva, peress li l-perspettivi 1.2 u 1.4 t-tnejn li huma ttieħdu minn fuq (l-istess angolu ta’ perspettiva), filwaqt li l-perspettiva 1.3 tirrappreżenta d-disinn fi sfumatura oħra, fl-intern iktar skur, li ma tistax tkun dovuta għall-angolu ta’ perspettiva. Għalhekk, fl-ipoteżi fejn dawn iż-żewġ perspettivi juru t-tnejn li huma l-parti ta’ wara, il-perspettivi 1.2 u 1.4 jirrappreżentaw l-istess perspettiva (dehra minn fuq), filwaqt li l-perspettiva 1.3 tirrappreżenta d-disinn muri mill-ġenb, kemxejn b’obliku. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ġustament josserva, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li l-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 jippreżentaw kull waħda mill-konfigurazzjonijiet ta’ kuluri differenti mill-elementi ta’ inkwadrazzjoni.
|
||||||||
|
87 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-elementi ta’ inkwadrazzjoni jippreżentaw sfumaturi (effetti ta’ dell) jew kuluri differenti fil-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4, madankollu, fil-perspettivi 1.2 u 1.4, it-tieqa interna trasparenti hija rrappreżentata b’mod identiku, jiġifieri bl-abjad. Ir-rikorrenti naqset milli tispjega din l-inkoerenza. Skont l-ispjegazzjonijiet tagħha, id-diversi sfumaturi (effetti ta’ dell) tal-elementi ta’ inkwadrazzjoni jirriżultaw mill-pożizzjoni differenti ta’ allegat sors ta’ illuminazzjoni. Madankollu, il-konsegwenza ta’ dan tkun li t-tieqa interna trasparenti jkollha wkoll sfumaturi (effetti ta’ dell) differenti. B’mod partikolari, fir-rigward tal-perspettiva 1.4, illuminazzjoni minn fuq għandha twassal għal riflessjoni fuq il-madum intern trasparenti li, fid-dawl tal-forma ta’ rappreżentazzjoni magħżula, imwettqa permezz ta’ disinn bil-kompjuter, għandha tirriżulta fi sfumatura iktar skura tal-imsemmi madum. |
|
88 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li sorsi ta’ illuminazzjoni differenti, anki jekk jitqies li jeżistu, ma jippermettux li jiġi spjegat għaliex il-maduma trasparenti fi ħdan id-disinn ikkontestat tidher b’mod identiku bl-abjad fil-perspettivi 1.2 u 1.4, u lanqas għaliex l-eżistenza ta’ sors ta’ illuminazzjoni differenti ma biddlitx il-ħxuna tal-linji ta’ kontorn, li l-viżibbiltà tagħhom hija identika fil-perspettivi 1.2 u 1.4. |
|
89 |
Mill-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 37 u 40 tad-Deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 60 u 74 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kklassifikax dawn id-differenzi bħala inkoerenzi insolubbli jew kontradizzjonijiet insurmontabbli li kieku kellu l-iċken indikazzjoni li tippermetti li jitqies li dawn id-diverġenzi kienu jikkostitwixxu biss sempliċi effetti ta’ illuminazzjoni. Dan huwa l-każ anki jekk diverġenzi żgħar bejn il-perspettivi ma jipprekludux li tiġi kkonstatata l-uniċità ta’ disinn, sa fejn dawn il-perspettivi jistgħu madankollu jiġu rrikonċiljati fis-sens ta’ disinn unitarju (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). Madankollu, f’dan il-każ, tali konstatazzjoni ta’ uniċità hija eskluża minn dik tal-imsemmi bord li ma kienx hemm sors ta’ illuminazzjoni. |
|
90 |
Konsegwentement, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li d-differenzi fl-isfumaturi (effetti ta’ dell) tal-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 ma għandhomx jiġu attribwiti lil sors ta’ illuminazzjoni, possibbilment wieħed virtwali, iżda li tliet sfumaturi ta’ griż differenti ntużaw f’dawn il-perspettivi. |
|
91 |
Din il-konstatazzjoni i ma tistax tiġi invalidata mill-allegazzjonijiet l-oħra tar-rikorrenti. |
|
92 |
Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-istampaturi inklużi fir-rikors ma humiex paragunabbli mal-marki fl-art ċatti rrappreżentati fid-disinn ikkontestat. L-imsemmija stampaturi għandhom superfiċje strutturata ħafna, filwaqt li l-marki fl-art għandhom biss għoli żgħir, b’tali mod li varjazzjoni fl-angolu tad-dawl ma tistax tipproduċi l-effett irrappreżentat fil-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4. |
|
93 |
Bl-istess mod, il-paragun tad-disinn ikkontestat mal-perspettivi fotografiċi ta’ skrin li ppreżentat ir-rikorrenti huwa irrilevanti. Fil-fatt, għal ritratt, il-persuni speċjalizzati jafu li differenzi bħar-riflessjoni tas-sors tad-dawl użat jirriżultaw direttament mill-għażla ta’ dan il-mod ta’ rappreżentazzjoni. Għal immaġni sintetika, min-naħa l-oħra, dawn l-istess persuni jafu wkoll li ebda sors tad-dawl ma huwa neċessarju sabiex joħloqha u li, kuntrarjament għal ritratt, tali immaġni sintetika ma teħtieġx espożizzjoni. F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li, essenzjalment, id-differenzi fl-isfumaturi fil-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 huma attribwiti lil sorsi ta’ dawl differenti hija infondata. |
|
94 |
Minn dan isegwi li teżisti inkoerenza insolubbli minħabba d-differenzi f’termini ta’ sfumaturi (effetti ta’ dell) u ta’ luminożità fil-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4. |
|
95 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li ma hemm ebda inkoerenza insolubbli minħabba l-linji kontorni fil-perspettivi 1.2 u 1.4 u li prodott wieħed biss huwa identifikabbli. |
|
96 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Bord tal-Appell, li, fil-perspettivi 1.2 u 1.4, il-linji kontorni jippreżentaw forom differenti. Fil-fatt, filwaqt li l-linja hija kontinwa fil-perspettiva 1.2, din hija bit-tikek fil-perspettiva 1.4.
|
|
97 |
Għandu jiġi kkonstatat ukoll, kif għamel il-Bord tal-Appell, li, fil-perspettivi 1.2 u 1.4, il-linji ta’ kontorni huma viżibbli bl-istess intensità. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ fil-perspettiva 1.3, fejn il-linji tal-kontorn tal-kantunieri tax-xellug huma iktar viżibbli minn dawk tal-kantunieri tal-lemin.
|
|
98 |
Anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-linji ta’ kontorn l-iktar imbiegħda jistgħu jkunu inqas viżibbli minħabba d-distanza, dan ma huwiex konsistenti mal-linji ta’ kontorn murija fil-perspettiva 1.3. Fil-fatt, il-linja ta’ kontorn fuq il-lemin isfel, l-iktar qrib mill-perspettiva tal-osservatur, hija inqas pronunzjata mil-linja fuq ix-xellug fuq, li hija l-iktar imbiegħda għall-osservatur. |
|
99 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-linji kontorni tal-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 għandhom differenzi bejniethom li la jistgħu jiġu spjegati minn perspettiva differenti u lanqas minn angolu ta’ illuminazzjoni differenti. |
|
100 |
Dawn il-konstatazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati mill-argument tar-rikorrenti dwar ir-ritratti tal-prodott oriġinali jew tal-prodott effettivament ikkummerċjalizzat ippreżentati “bħala eżempju”. |
|
101 |
F’dan ir-rigward, minbarra li d-dokumenti tal-Anness A7 tar-rikors huma inammissibbli (ara l-punti 19 sa 22 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li l-eżami ta’ disinn għandu jitwettaq abbażi tar-rappreżentazzjoni rreġistrata fir-reġistru, jiġifieri l-perspettivi ppreżentati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk dawn jirriżultaw mir-rappreżentazzjoni tad-disinn (ara l-punt 34 iktar ’il fuq). |
|
102 |
Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-disinn ikkontestat jippreżenta strixxi adeżivi trasparenti fuq l-elementi ta’ inkwadrazzjoni fuq wara ta’ marka fl-art u d-differenza fl-intensità tal-linji ta’ kontorn hija dovuta għal dawn l-istrixxi adeżivi trasparenti ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li tali ċirkustanza ma tirriżultax mir-rappreżentazzjoni tad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, l-istrixxi adeżivi allegati ma jidhru fuq ebda waħda mill-erba’ perspettivi ta’ dan id-disinn. Lanqas ma teżisti deskrizzjoni li tista’ ssostni tali ipoteżi. Il-fatt li l-linji ta’ kontorn huma marbuta ma’ strixxi adeżivi fuq l-elementi ta’ inkwadrazzjoni tal-imsemmi disinn għalhekk bl-ebda mod ma huwa evidenti u l-imsemmija allegazzjoni ma tistax tintlaqa’. |
|
103 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa preċiżament minnu li l-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati li jikkorrispondu għal disinn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-impressjoni ġenerali, dan ma għandux madankollu jservi bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali, iżda biss sabiex tiġi kkonfermata evalwazzjoni bbażata fuq ir-rappreżentazzjonijiet irreġistrati fir-reġistru. Fil-fatt, il-paragun ma’ prodotti effettivament ikkummerċjalizzati jista’ jintuża biss bħala eżempju sabiex jiġu kkonfermati l-konklużjonijiet diġà misluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic,C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 74). |
|
104 |
Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni li jiġi evalwat jekk żewġ disinni kunfliġġenti jipproduċux l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni prodotti effettivament ikkummerċjalizzati, iżda li jiġi ddeterminat jekk disinn jippreżentax uniċità jew karattru unitarju abbażi tar-rappreżentazzjoni rreġistrata fir-reġistru. Għaldaqstant, l-inkoerenzi insolubbli bejn il-perspettivi ppreżentati ma jistgħux jiġu megħluba permezz ta’ paragun ma’ prodotti allegatament ikkummerċjalizzati. |
|
105 |
Minn dan isegwi li teżisti inkoerenza insolubbli minħabba l-linji kontorni fil-perspettivi 1.2 u 1.4, minn naħa, u l-perspettiva 1.3, min-naħa l-oħra, kif ukoll bejn il-perspettivi 1.2 u 1.4 stess. |
|
106 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li ma hemm ebda inkoerenza insolubbli fir-rigward tal-“fond” tal-linji ta’ kontorn fil-perspettivi 1.2 u 1.4 meta mqabbla mal-perspettiva 1.3. Skontha, il-Bord tal-Appell kellu jirrikonoxxi li d-diskrepanza kienet tirriżulta faċilment mill-preżentazzjoni tal-perspettiva. |
|
107 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Bord tal-Appell, li, filwaqt li, fil-perspettivi 1.2 u 1.4, il-linji kollha għandhom l-istess fond, dan ma huwiex il-każ fil-perspettiva 1.3. Fil-kantunieri tax-xellug tagħha, il-linji huma iktar viżibbli mill-kantunieri tal-lemin. |
|
108 |
Fir-rigward tal-perspettiva 1.4 mill-inqas, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-perspettiva u l-angolu ta’ illuminazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġi osservat fond differenti mil-linji tal-kontorn, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti. F’din il-perspettiva, il-linji kontorni huma kollha identiċi, li ma għandux ikun il-każ b’illuminazzjoni minn fuq. Ir-rikorrenti naqset milli tispjega din l-inkoerenza. |
|
109 |
Minn dan isegwi li teżisti inkoerenza insolubbli fir-rigward tal-“fond” tal-linji ta’ kontorn fil-perspettivi 1.2 u 1.4, minn naħa, u fil-perspettiva 1.3, min-naħa l-oħra. |
|
110 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tallega li ma hemm ebda inkoerenza insolubbli minħabba l-isfumaturi (effetti ta’ dell) tat-“tieqa” interna fil-perspettivi 1.2 u 1.4 meta mqabbla mal-perspettiva 1.3. Dawn id-differenzi huma dovuti għal effetti ta’ illuminazzjoni differenti u ma għandhom ebda effett fuq il-forma u l-konfigurazzjoni tal-prodott. |
|
111 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li r-raġunijiet li għalihom, fil-perspettiva 1.3, it-tieqa interna għandha sfumaturi skuri, filwaqt li, fil-perspettivi 1.2 u 1.4, intiżi li jirrappreżentaw ukoll in-naħa ta’ wara tad-disinn, it-tieqa interna hija trasparenti jew bajda, huma inkonklużivi. Il-perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 għalhekk ma jistgħux jirrappreżentaw l-istess disinn. |
|
112 |
Minn dan isegwi li teżisti inkoerenza insolubbli minħabba l-isfumaturi tat-tieqa interna fil-perspettivi 1.2 u 1.4, minn naħa, u l-perspettiva 1.3, min-naħa l-oħra. |
|
113 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti naqset milli tispjega għaliex l-inkwadrazzjoni tat-tieqa interna, li hija ddelimitata ’il barra mil-linji ta’ kontorn, tidher iktar intensiva fil-perspettiva 1.4 milli fil-perspettiva 1.2. Jekk il-perspettiva hija l-istess, dan ma jistax jiġi spjegat b’illuminazzjoni allegatament differenti. |
|
114 |
Minn dan isegwi li teżisti inkoerenza insolubbli minħabba l-isfumaturi tal-inkwadrazzjoni bejn il-perspettivi 1.2 u 1.4. |
|
115 |
Huwa għalhekk korrettament li, fil-punti 39 sa 44 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, anki jekk tiġi aċċettata l-ipoteżi tar-rikorrenti li l-perspettiva 1.1 turi n-naħa ta’ quddiem u perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara tad-disinn ikkontestat, kien hemm kontradizzjonijiet insurmontabbli jew inkoerenzi insolubbli bejn il-perspettivi u, għaldaqstant, dawn ma kinux jirrappreżentaw disinn unitarju. |
|
116 |
Għalhekk, anki fit-tieni ipoteżi, li r-rikorrenti tinvoka bħala iktar favorevoli għaliha, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx koerenza tal-perspettivi u lanqas ta’ uniċità tad-disinn ikkontestat. |
|
117 |
Għaldaqstant, id-diversi lmenti bbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti għandhom jiġu miċħuda. |
Konklużjonijiet fuq ir‑rikors
|
118 |
Fil-punti 25, 45 u 46 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li miż-żewġ ipoteżijiet eżaminati jirriżulta li d-disinn ikkontestat kien ġie rreġistrat fir-reġistru bi ksur tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002. Huwa osserva li kombinazzjonijiet oħra bejn naħat ta’ quddiem u ta’ wara kienu prevedibbli, iżda li dawn dejjem kienu ser jagħtu lok għall-kontradizzjonijiet jew għall-inkoerenzi diġà esposti. Huwa għalhekk qies li l-perspettivi ppreżentati ma kinux konklużivi u kellhom mill-inqas żewġ disinni differenti. F’dan il-kuntest, huwa nnota wkoll li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu intiżi li jirrimedjaw żbalji eventwali mwettqa waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, b’mod li d-deċiżjoni meħuda mill-eżaminatur f’dak iż-żmien kienet irrilevanti għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq. |
|
119 |
Fil-punti 47 u 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, peress li d-disinn ikkontestat kellu jiġi ddikjarat invalidu skont l-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, ma kienx possibbli li jiġi eżaminat jekk id-disinn ikkontestat kienx nieqes ukoll minn karattru individwali jew novità abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 6 tal-istess regolament. Huwa kkonkluda li d-disinn ikkontestat kellu jiġi ddikjarat invalidu. |
|
120 |
Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet imwettqa fil-punti 45 sa 117 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma qajmitx argumenti li jistgħu jikkontestaw il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari tal-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell. |
|
121 |
Għaldaqstant, l-uniku motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
122 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
123 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
124 |
F’dan il-każ, l-intervenjent talab li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. L-EUIPO talab ukoll li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, iżda biss fil-każ ta’ żamma ta’ seduta. |
|
125 |
Peress li r-rikorrenti tilfet u nżammet seduta, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-EUIPO u mill-intervenjent, skont it-talbiet tagħhom. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Costeira Kancheva Tichy-Fisslberger Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Ottubru 2024. Firem |
Werrej
|
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
|
It‑talbiet tal‑partijiet |
|
|
Id‑dritt |
|
|
Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors |
|
|
Fuq l‑ammissibbiltà tad‑dokumenti prodotti għall‑ewwel darba quddiem il‑Qorti Ġenerali |
|
|
Fuq il‑fondatezza tal‑motiv uniku |
|
|
Il‑qafas leġiżlattiv u ġurisprudenzjali |
|
|
Evalwazzjoni tal‑koerenza tal‑perspettivi ineżami |
|
|
– Fuq l‑allegata eżistenza ta’ prinċipju ta’ interpretazzjoni favorevoli għall‑applikant u għall‑proprjetarju ta’ disinn Komunitarju rreġistrat |
|
|
– Fuq l‑ipoteżi li l‑perspettivi 1.1 u 1.2 juru n‑naħa ta’ quddiem u l‑perspettivi 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara tad‑disinn ikkontestat |
|
|
– Fuq l‑ipoteżi li l‑perspettiva 1.1 turi n‑naħa ta’ quddiem u l‑perspettivi 1.2, 1.3 u 1.4 n-naħa ta’ wara tad-disinn ikkontestat |
|
|
Konklużjonijiet fuq ir‑rikors |
|
|
Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.