SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Mejju 2024 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien indeterminat – Xoljiment ta’ kuntratt – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja – Assenza ta’ stabbiliment tal-fatti”

Fil-Kawża T‑24/23,

UF, residenti f’Woluwe-Saint-Étienne (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Orlandi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Melo Sampaio, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos (Relatur), President, S. Gervasoni u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, UF, jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat‑8 ta’ April 2022 li permezz tagħha din xoljiet il-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba f’hekk.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Fis‑16 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent ġie rreklutat mill-Kummissjoni bħala membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien indeterminat.

3

Ir-rikorrent eżerċita funzjonijiet bħala membru tal-persunal protettiv mill-qrib ta’ membri tal-Kummissjoni, fosthom il-Viċi President A u, iktar reċentement, il-Viċi President B (iktar ’il quddiem il-“Viċi President”). Il-funzjonijiet tar-rikorrent kienu jinvolvu li huwa jġorr arma.

4

Fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent kellu jissottometti ruħu regolarment għal testijiet viroloġiċi ta’ reazzjonijiet katina bil-polimerażi, imsejħa “PCR”, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwa kellux il-virus responsabbli għall-pandemija tal-COVID‑19.

5

Fit‑22 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrent ġie suġġett għal test PCR (iktar ’il quddiem it-“test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021”) għal missjoni fir-Rwanda.

6

Fil‑25 ta’ Ottubru 2021, is-superjur ġerarkiku tar-rikorrent bagħatlu messaġġ li rċieva mingħand tabib tas-Servizz Mediku tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“servizz mediku”), li fih dan tal-aħħar talab informazzjoni mis-superjuri tar-rikorrent dwar fatti li kienu seħħew waqt it-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021. Skont l-infirmier li kien wettaq dan it-test, ir-rikorrent aġixxa b’mod inadegwat, b’mod partikolari billi “għajjat ‘daqshekk biżżejjed’” u billi “laqat id [l-infirmier]”, imbagħad telaq mingħajr spjegazzjoni u mingħajr ma l-infirmier seta’ jtemm l-imsemmi test.

7

Fis‑26 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrent bagħat messaġġ elettroniku lis-superjuri tiegħu fejn sostna li huwa kien ixxokkjat bl-ilment imsemmi fil-punt 6 iktar ’il fuq. Huwa spjega li t-test PCR inkwistjoni kien itwal u iktar invażiv minn dak tas-soltu, iżda ma kienx laqat lill-infirmier. Madankollu, huwa skuża ruħu ma’ dan tal-aħħar jekk kien offendih jew jekk kien irreaġixxa b’mod li seta’ tah impressjoni ħażina. Barra minn hekk, huwa żied li l-Viċi President kien preżenti waqt it-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u seta’ ċertament jikkonferma dawn il-fatti.

8

Fit‑28 ta’ Ottubru 2021, inżammet laqgħa bejn ir-rikorrent, l-infirmier li kien wettaq it-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u s-superjuri ġerarkiċi rispettivi tagħhom.

9

Fl‑4 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent ġie suġġett għal test PCR ieħor (iktar ’il quddiem it-“test PCR tal‑4 ta’ Marzu 2022”) għal missjoni fi Franza.

10

Fil‑5 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent bagħat messaġġ elettroniku lis-Servizz Mediku li fih spjega li, bħat-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021, it-test PCR tal‑4 ta’ Marzu 2022 kien ukoll itwal u iktar invażiv mis-soltu, li kellu uġigħ u irritazzjonijiet il-ġurnata kollha wara dan it-test u li saħansitra mar l-isptar.

11

Fl‑14 ta’ Marzu 2022, l-arma tar-rikorrent ġiet issekwestrata mill-membri tal-persunal tad-Direttorat tas-Sigurtà fid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tas-Sigurtà”) u rreġistrata fl-armerija tal-bini Berlaymont tal-Kummissjoni, fl-istess jum.

12

Fit‑23 ta’ Marzu 2022, it-tim ta’ investigazzjonijiet interni tad-Direttorat tas-Sigurtà ġabar ix-xhieda bil-miktub taż-żewġ infirmiera li kienu wettqu t-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022.

13

Fir-rigward tat-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021, fix-xhieda tiegħu l-infirmier isemmi li, essenzjalment, hekk kif kien ser idaħħal l-iswab f’imnieħer ir-rikorrent, dan tal-aħħar beda jċaqlaq u jmejjel rasu, u dan irrenda t-twettiq tat-test kważi impossibbli. Meta l-infirmier kien bilkemm daħħal l-iswab f’imnieħer ir-rikorrent, dan tal-aħħar laqatlu jdejh u qal “daqshekk biżżejjed”. Ir-rikorrent ra li l-Viċi President kien diġà spiċċa t-test tiegħu u telaq miegħu. Fir-rigward tat-test PCR tal‑4 ta’ Marzu 2022, l-infirmiera indikat, essenzjalment, li hija kienet mal-infirmier li kien wettaq it-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021. Dan tal-aħħar allegatament għaraf lir-rikorrent u qal lill-infirmiera li huwa kien ser jittestja lill-Viċi President. L-infirmiera kellha twettaq żewġ testijiet, test PCR u test tal-antiġeni. Meta l-infirmiera pprovat twettaq l-ewwel test, ir-rikorrent, fil-fehma tagħha, ma waqafx iċaqlaq rasu. Hija kien għad kif irnexxielha ddaħħal l-iswab b’mod superfiċjali f’imnieħer ir-rikorrent. Wara dan l-ewwel test, hija qaltlu li kienet ser tipproċedi għat-tieni test. Ir-rikorrent allegatament qam u qal b’mod qawwi: “ma tistax tara li ġegħeltni nibki?”. L-infirmier ipprova jagħmel it-tieni test, iżda dan kien impossibbli, peress li r-rikorrent kien qiegħed iċaqlaq rasu. Imbagħad huwa qam u mar jingħaqad mal-Viċi President li, sadanittant, kien temm it-testijiet tiegħu.

14

Fl‑24 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent irċieva, permezz tas-sistema informatika ta’ komunikazzjoni interna tal-Kummissjoni ARES, komunikazzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-revoka tad-drittijiet tiegħu ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni u tal-badge tiegħu.

15

Fl‑24 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent issejjaħ għal laqgħa mad-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà, li matulha huwa ġie informat, minn naħa, li kienu ġew irċevuti lmenti min-naħa tas-Servizz Mediku dwar l-aġir tiegħu matul it-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022 u, min-naħa l-oħra, bl-intenzjoni tad-Direttorat tas-Sigurtà li jintalab, mingħand l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”), ix-xoljiment tal-kuntratt tiegħu minħabba t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja.

16

Fit‑30 ta’ Marzu 2022, id-Direttriċi tad-Direttorat “Riżorsi Umani għas-Servizzi u Siti Speċifiċi” tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta’ ASTK, bagħtet ittra, bid-data tal‑25 ta’ Marzu 2022, lir-rikorrent, fejn ikkomunikatlu l-intenzjoni li l-kuntratt tiegħu jiġi xolt abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, minħabba t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, b’konsegwenza tar-rimarki li kienu ġew ikkomunikati lilu waqt il-laqgħa msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq. Hija stiednet lir-rikorrent sabiex jippreżentalha kwalunkwe osservazzjoni f’terminu ta’ ħamest ijiem.

17

Ukoll fit‑30 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent bagħat messaġġ elettroniku lill-ASTK li fiha, minn naħa, talab estensjoni tat-terminu msemmi fil-punt 16 iktar ’il fuq sabiex ikun jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ix-xoljiment tal-kuntratt tiegħu u, min-naħa l-oħra, ippreżenta l-verżjoni tiegħu tal-fatti fir-rigward tat-test PCR tal‑4 ta’ Marzu 2022.

18

Fl‑1 ta’ April 2022, l-avukat tar-rikorrent bagħat ittra lill-ASTK fejn talab li l-fatti li fuqhom ir-rikorrent kien mitlub jagħti l-kummenti tiegħu jintbagħtulu sabiex ikun jista’ jinstema’ b’mod utli. Huwa kkontesta wkoll l-akkużi li kienu ġew ifformulati fir-rigward tiegħu fl-ittra tat‑30 ta’ Marzu 2022.

19

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-ASTK xoljiet il-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent b’applikazzjoni tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ ħames xhur.

20

Fl‑24 ta’ Ġunju 2022, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

21

Permezz tad-Deċiżjoni R/303/22 tal‑20 ta’ Ottubru 2022, l-ASTK ċaħdet l-ilment tar-rikorrent.

It‑talbiet tal‑partijiet

22

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu somma fissa ex aequo et bono bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id‑dritt

Fuq it‑talbiet għal annullament

24

Ir-rikorrent iqajjem tliet motivi insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, l-ewwel wieħed, ibbażat, minn naħa, fuq l-ineżattezza materjali tal-fatti li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq użu ħażin ta’ poter, it-tieni wieħed, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, fuq ksur tad-dmir ta’ premura, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u, it-tielet wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tad-drittijiet tad-difiża.

25

Insostenn tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq fatti materjalment stabbiliti u li hija vvizzjata b’diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll minn użu ħażin ta’ poter.

26

L-ewwel nett, fir-rigward tal-materjalità tal-fatti, ir-rikorrent jikkontesta l-kritika magħmula mill-ASTK kif ukoll il-verżjoni tal-fatti tal-infirmier li wettaq it-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021.

27

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li huwa telaq mis-Servizz Mediku mingħajr ma spiċċa l-imsemmi test. Huwa jsostni li, kieku dan kien il-każ, l-infirmier ma kienx ikun jista’ jitlob lil-laboratorju janalizza l-kampjun miġbur, huwa ma kienx ikollu r-riżultati tat-test PCR tiegħu u, konsegwentement, huwa ma kienx ikun jista’ jivvjaġġa waqt il-missjoni barra mill-pajjiż li ġiet wara l-imsemmi test PCR.

28

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li jekk fil-fatt huwa kien għajjat “daqshekk biżżejjed”, kif jallega l-infirmier (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), il-Viċi President, li kien preżenti waqt it-test, bilfors kien jisimgħu. Issa, dan tal-aħħar għamel dikjarazzjoni bil-miktub fuq l-unur li fiha huwa jsostni li, fil-fehma tiegħu, ir-rikorrent ma aġixxiex b’mod mhux xieraq.

29

Fit-tielet lok, ir-rikorrent iżid li d-dikjarazzjoni bil-miktub tal-infirmier, li hija ddatata ħames xhur wara l-fatti, tikkontradixxi dik tas-superjur ġerarkiku tal-infirmier. Fil-fatt, dan tal-aħħar jafferma li l-infirmier iddikjara li r-rikorrent kien “imbotta [l-]id” u mhux “laqat [l-]id”. Barra minn hekk, f’din id-dikjarazzjoni, is-superjur ġerarkiku jafferma li l-infirmier ma kienx “irrabjat ħafna” wara dan l-inċident, iżda ħaseb li kellu jirrapportah minħabba “l-aspett fiżiku tal-inċident”. Ir-rikorrent jikkunsidra li din l-affermazzjoni hija kontradittorja, peress li, jekk l-infirmier kien verament attakkat verbalment u fiżikament kif jallega, huwa ma kienx ikollu din il-mentalità fir-rigward tal-inċident. Għalhekk, huwa jikkunsidra li l-espożizzjoni tal-fatti, imressqa mill-Kummissjoni, la hija koerenti, la plawżibbli u lanqas kredibbli.

30

Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni li l-argument tal-ASTK li l-infirmiera għandhom “il-fiduċja tas-superjuri tagħhom” ma jfissirx li l-verżjonijiet tal-fatti tagħhom huma awtomatikament stabbiliti u li dik li huwa ppreżenta għandha tiġi miċħuda. Ir-rikorrent jikkunsidra li, fid-dawl ta’ kontradizzjonijiet dwar il-fatti, bħal f’dan il-każ, l-ASTK kellha twettaq investigazzjonijiet addizzjonali sabiex tivverifika l-allegazzjonijiet inkwistjoni.

31

Fil-ħames lok, fir-rigward tal-provi dwar l-inċidenti inkwistjoni, ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għall-argument tal-Kummissjoni, il-fatti ma setgħux jiġu stabbiliti b’mod oġġettiv u indipendenti fid-dawl tax-xhieda tal-infirmiera tas-Servizz Mediku. Fil-fatt, peress li ma kienx hemm elementi probatorji oħra li l-ASTK setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra x-xhieda tal-imsemmija infirmiera u d-dikjarazzjoni tas-superjur ġerarkiku ta’ dawn tal-aħħar, li ma kienx preżenti fil-mument tal-fatti kontenzjużi, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi l-fatti b’mod “oġġettiv u indipendenti”. Skont ir-rikorrent, huwa esklużivament abbażi tal-ilmenti tal-infirmiera li l-ASTK stabbilixxiet il-fatti, li huma, fil-fehma tiegħu, materjalment inkorretti u li huma l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

32

It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-ASTK wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u użu ħażin ta’ poter.

33

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, huwa ma naqasx milli jikkoopera matul it-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022. Fil-fatt, huwa qagħad għall-imsemmija testijiet u ma telaqx mingħajr ma dawn ġew fi tmiemhom.

34

Minn naħa, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li r-rikorrent kien irrapporta uġigħ u irritazzjonijiet (ara l-punt 10 iktar’ il fuq) kien jikkostitwixxi nuqqas ta’ kooperazzjoni. Ir-rikorrent isostni li din l-affermazzjoni tikkostitwixxi wkoll żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward, li l-irritazzjonijiet li huwa rrapporta ġew ikkonstatati minn tabib, waqt konsultazzjoni fl-emerġenza ta’ sptar wara t-test PCR tal‑4 ta’ Marzu 2022. Huwa jżid li, skont l-informazzjoni informali li ntbagħtet lill-Viċi President, id-deċiżjoni kkontestata hija dovuta għall-fatt li huwa informa lis-Servizz Mediku bl-irritazzjonijiet li nħassu wara t-test PCR tal‑4 ta’ Marzu 2022. Din l-informazzjoni ttieħdet bħala akkuża intollerabbli fir-rigward tal-infirmiera u għalhekk tat lok għad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li ma ġewx żvelati l-motivi reali ta’ dik id-deċiżjoni jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-ASTK.

35

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-uġigħ u l-irritazzjonijiet li huwa sofra huwa ksur tad-dmir ta’ premura.

36

Fit-tielet lok, ir-rikorrent jikkontesta li “tilef il-kalma tiegħu” matul iż-żewġ testijiet PCR. Huwa minnu li huwa lmenta dwar il-mod kif twettqu l-imsemmija testijiet, iżda s-sempliċi fatt li t-testijiet ġew ipperċepiti bħala indebitament invażivi, fid-dawl tad-diversi testijiet oħra mwettqa mir-rikorrent qabel, ma jistax jiġġustifika t-tkeċċija tiegħu, li hija, fi kwalunkwe każ, totalment sproporzjonata. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li jekk l-ASTK kellha l-intenzjoni tikkontesta l-kapaċitajiet tax-xogħol tiegħu u l-kalma tiegħu, hija missha staqsiet lill-Viċi President A u lill-Viċi President, li magħhom huwa wettaq ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet stressanti u perikolużi matul diversi missjonijiet.

37

Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jiddikjara li erba’ persuni kienu preżenti waqt it-test PCR tal‑4 ta’ Marzu 2022, jiġifieri, huwa stess, il-Viċi President, l-infirmiera li wettqet it-test u l-infirmier li kien wettaq it-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021. Għalhekk, peress li jikkontesta l-verżjoni tal-fatti taż-żewġ infirmiera fir-rigward taż-żewġ inċidenti, ir-rikorrent iqis li l-unika verżjoni rilevanti tal-fatti hija dik tal-Viċi President.

38

Skont ir-rikorrent, il-Viċi President seta’ jisma’ perfettament u jara l-interazzjonijiet bejnu u l-infirmiera waqt it-test PCR inkwistjoni. Fil-fatt, peress li t-testijiet saru fi kmamar separati b’sempliċi purtiera fuq ir-roti u peress li l-Viċi President kien diġà spiċċa bit-test tiegħu, huwa seta’ jara dak li seħħ fir-rigward tat-test li kien qiegħed jissottometti ruħu għalih ir-rikorrent.

39

Għalhekk, ir-rifjut tal-ASTK li tieħu inkunsiderazzjoni x-xhieda tal-Viċi President jikkostitwixxi, minbarra żball manifest ta’ evalwazzjoni, indizju addizzjonali ta’ użu ħażin ta’ poter. Ir-rikorrent isostni li, anki jekk jitqies li l-Viċi President ma kienx xhud dirett kif tallega l-Kummissjoni, l-ASTK xorta waħda kellha tisimgħu sabiex tkun konvinta minn dan, peress li huwa kien iddikjara b’mod ċar li ma kienx aġixxa b’mod mhux xieraq matul it-testijiet PCR inkwistjoni.

40

Fil-ħames lok, ir-rikorrent isostni li l-akkuża tal-ASTK, li l-aġir kollu tiegħu matul it-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022 jikkostitwixxi ħsara lill-immaġni tas-servizz, hija wkoll żball manifest ta’ evalwazzjoni. Skont ir-rikorrent, din l-allegazzjoni hija arbitrarja u turi ksur tad-dmir ta’ premura.

41

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li, fir-rigward tal-materjalità tal-fatti, l-ASTK ma għandhiex setgħa diskrezzjonali u ma tistax tafferma li d-dettalji tal-aġir tiegħu ma jikkostitwixxux elementi deċiżivi għad-deċiżjoni kkontestata. L-ASTK ibbażat ruħha esklużivament fuq il-proċessi verbali tas-smigħ tar-rikorrent, tal-infirmiera u tas-superjur ġerarkiku ta’ dawn tal-aħħar u ma fittxitx elementi oħra sabiex tistabbilixxi l-fatti, b’mod partikolari s-smigħ tal-Viċi President bħala xhud. Għaldaqstant, skont ir-rikorrent, huma biss il-fatti li jikkonċernaw iż-żewġ testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022 li wasslu għal terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja u dawn il-fatti ma ġewx debitament stabbiliti. Barra minn hekk, huwa jżid li l-Viċi President ikkonferma li huwa ma kienx tilef il-fiduċja fih. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità, sa fejn il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tinvoka terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja mingħajr ma tkun stabbilixxiet minn qabel il-fatti li fuqhom l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata.

42

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrent. L-ewwel nett, fir-rigward tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni allegati minn dan tal-aħħar (ara l-punti 32 sa 40 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ssostni li l-kuntratt kien ġie xolt wara t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bejnha u r-rikorrent. Din it-terminazzjoni kienet tirriżulta mill-aġir mhux xieraq tar-rikorrent darbtejn matul it-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022, li matulhom huwa kien verbalment jew fiżikament aggressiv fil-konfront tal-infirmiera tas-Servizz Mediku li kienu qegħdin iwettqu l-imsemmija testijiet.

43

Il-Kummissjoni ssostni li l-aġir mhux xieraq tar-rikorrent ġie stabbilit b’mod oġġettiv u indipendentement mill-kontenut tax-xhieda tal-infirmiera. Skont il-Kummissjoni, id-dettalji tal-aġir tar-rikorrent ma jikkostitwixxux l-element deċiżiv li ppermetta li tiġi stabbilita terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja. L-iktar element importanti kien jinsab fil-fatt li, darbtejn, ir-rikorrent kien aggressiv fil-konfront tal-infirmiera tas-Servizz Mediku. Dan ma kienx jikkostitwixxi perċezzjoni suġġettiva tal-avvenimenti, iżda rriżulta mid-dmir tad-Direttorat tas-Sigurtà li jiżgura s-sigurtà tal-membri tiegħu u tal-persuni preżenti fil-bini tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-ASTK ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

44

Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrent kellu juri aġir impekkabbli u jkun kapaċi jżomm il-kalma tiegħu f’kull ċirkustanza bħala membru tal-persunal tas-sigurtà mill-qrib, speċjalment peress li kellu arma fil-bini tal-Kummissjoni. Hija żżid li, sabiex jeżerċita dawn il-funzjonijiet, ir-rikorrent għandu jkollu, fl-istess ħin, il-fiduċja tal-membru li huwa jipproteġi, iżda wkoll dik tal-istituzzjoni kollha kemm hi. Ma huwiex biżżejjed, kif jallega r-rikorrent (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), li jkollu l-fiduċja tal-membri li għalihom huwa jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Għalhekk, id-Direttorat tas-Sigurtà kellu jkun ċert li r-rikorrent ma jirrappreżenta l-ebda riskju għas-sigurtà tal-membri u tal-persuni l-oħra preżenti fil-bini tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, id-Direttorat tas-Sigurtà ġustament talab ix-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrent.

45

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-ineżattezza fattwali invokata mir-rikorrent, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-infirmiera ma kellhom l-ebda raġuni sabiex jirrapportaw fatti ineżatti dwar ir-rikorrent u li huma għandhom il-fiduċja kollha tas-servizz tagħhom. Skont il-Kummissjoni, l-inċidenti inkwistjoni jirrappreżentaw l-uniċi inċidenti rrapportati matul il-pandemija u ġew trażmessi immedjatament lis-superjur ġerarkiku tal-infirmiera (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), anki jekk id-dikjarazzjoni formali dwar l-ewwel inċident kienet ġiet irreġistrata biss iktar tard.

46

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li d-dikjarazzjonijiet tal-infirmiera u tas-superjur ġerarkiku tagħhom ma humiex kontradittorji, sa fejn l-azzjoni li jintlaqat driegħ jew dik li tiġi mbottata id ma jeskludux lil xulxin. Barra minn hekk, hija żżid li l-ASTK ma bbażatx ruħha esklużivament fuq il-proċessi verbali tas-smigħ tar-rikorrent, tal-infirmiera u tas-superjur ġerarkiku tagħhom, iżda ħadet inkunsiderazzjoni t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja tad-Direttorat tas-Sigurtà fir-rigward tar-rikorrent.

47

Il-Kummissjoni żżid li l-fatt li l-infirmier li wettaq it-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 seta’ jafferma li huwa ma kienx “irrabjat ħafna” huwa dovut għall-fatt li huwa professjonist li jaf iwettaq il-kompiti tiegħu, anki f’kundizzjonijiet diffiċli. Dan juri wkoll li l-infirmier ma għandu xejn personali kontra r-rikorrent u ma kellu l-ebda raġuni sabiex jirrapporta fatti ineżistenti.

48

Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrent fuq il-motivi li ż-żewġ infirmiera kienu fir-realtà segwew bl-ilmenti tagħhom (ara l-punt 34 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ttenni li dawn l-infirmiera rrapportaw l-inċidenti immedjatament wara l-fatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent mar l-isptar biss wara t-tieni test PCR u li, fi kwalunkwe każ, id-dokumenti pprovduti juru biss li huwa lmenta dwar uġigħ fil-wiċċ, iżda ma ppreċiżax il-kawża ta’ dawn l-uġigħ.

49

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li peress li l-amministrazzjoni setgħet tqis li kellha biżżejjed informazzjoni dwar l-inċidenti kontenzjużi, ma kienx utli li tisma’ x-xhieda tal-Viċi President. Hija ssostni li l-post fejn kien jinsab eżattament il-Viċi President waqt it-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022 ma huwiex stabbilit, b’mod partikolari jekk kienx jinsab f’kabina differenti minn dik li kien jinsab fiha r-rikorrent meta dan tal-aħħar kien qiegħed jissottometti ruħu għal kull wieħed mit-testijiet kontenzjużi jew inkella fiż-żona madwar l-imsemmija kabini. Hija tenfasizza, fi kwalunkwe każ, li dawn il-kabini kienu separati u kienu jiggarantixxu l-intimità tal-proċess, b’tali mod li l-Viċi President ma setax ikun xhud dirett tal-fatti kontenzjużi. Għaldaqstant, ix-xhieda tiegħu ma kinitx rilevanti.

50

Fil-ħames lok, fir-rigward tat-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja li r-rikorrent irċieva r-riżultati tat-test, dan ma jimplikax li dan tal-aħħar kien twettaq korrettament. Fil-fatt, l-infirmier seta’ jdaħħal l-iswab biss b’mod superfiċjali sabiex iwettaq it-test qabel ma r-rikorrent kien telaq u għalhekk ma setax jispiċċa t-test. Madankollu, huwa bagħat il-kampjun miġbur għall-analiżi.

51

Fis-sitt lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li erba’ persuni kienu preżenti waqt it-test PCR tal‑4 ta’ Marzu 2022, kif jallega r-rikorrent (ara l-punt 37 iktar ’il fuq). Hija ssostni li t-testijiet PCR kienu jsiru f’kabini separati li kienu jiggarantixxu l-intimità tal-proċess. B’hekk, kienu biss ir-rikorrent u l-infirmier li wettaq it-test li kienu preżenti, u għalhekk ix-xhieda tal-Viċi President ma kinitx rilevanti.

52

It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent dwar użu ħażin ta’ poter (ara l-punti 34 u 39 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma jispjegax fiex jikkonsisti dan l-użu ħażin. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrent ma pproduċa l-ebda prova li tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter, b’mod partikolari dwar l-għanijiet li ġew segwiti mid-deċiżjoni kkontestata, minbarra dawk eċċepiti minn dik id-deċiżjoni. Għalhekk, hija tqis li l-allegazzjonijiet ta’ użu ħażin ta’ poter għandhom jiġu miċħuda bħala mhux ipprovati.

53

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-proċedura li tippermetti li jiġi xolt il-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju, mill-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li l-impjieg jintemm fi tmiem il-perijodu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg previst f’dan il-kuntratt. Barra minn hekk, l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi li, wara li tintemm il-proċedura dixxiplinari prevista fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija, ir-reklutaġġ jista’ jiġi xolt mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg għal raġunijiet dixxiplinari fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi li l-membru tal-persunal temporanju huwa obbligat iwettaq, volontarjament jew b’negliġenza.

54

Skont ġurisprudenza stabbilita, minħabba s-setgħa ta’evalwazzjoni wiesgħa li għandha l-ASTK f’każ ta’ nuqqas li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju, xejn ma jobbligaha tibda proċedura dixxiplinari kontra dan tal-aħħar pjuttost milli tirrikorri għall-possibbiltà ta’ xoljiment unilaterali tal-kuntratt prevista fl-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u huwa biss fil-każ fejn l-ASTK għandha l-intenzjoni li tkeċċi membru tal-persunal temporanju mingħajr avviż tat-temm ta’ impjieg, fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu, li huwa xieraq li tinbeda, konformement mal-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-proċedura dixxiplinari organizzata fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2021, KE vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑355/19, EU:T:2021:369, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-ASTK kienet awtorizzata xxolji l-kuntratt tar-rikorrent abbażi tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, qabel l-iskadenza tiegħu u b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ xahar għal kull sena ta’ servizz imwettaq, b’minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ għaxar xhur, mingħajr ma jkollha tipproċedi għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari.

56

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li x-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrent, li l-avviż tat-temm ta’ impjieg tiegħu ġie osservat, kien motivat mit-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent, minħabba l-aġir li ġie imputat lilu matul it-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022. Fil-fatt, l-ASTK għażlet li xxolji l-kuntratt skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u mhux skont l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

57

F’dan ir-rigward, għalkemm l-ASTK ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tas-superjur ġerarkiku tar-rikorrent bl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tar-realtà tat-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, l-ASTK għandha madankollu, qabelxejn, tivverifika jekk l-assenza jew it-telf tar-rabta ta’ fiduċja humiex effettivament invokati, sussegwentement, tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti u, fl-aħħar nett, tiżgura ruħha li, fid-dawl tal-motivi mqajma, it-talba għal xoljiment ma hijiex ivvizzjata bi ksur tad-drittijiet fundamentali jew anki minn użu ħażin ta’ poter. F’dan il-kuntest, l-ASTK tista’ b’mod partikolari tikkunsidra, fir-rigward tal-osservazzjonijiet ipprovduti mill-persuna kkonċernata, li ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw li jiġu previsti miżuri oħra flok tkeċċija, pereżempju l-assenjazzjoni tal-persuna kkonċernata f’funzjonijiet oħra fi ħdan il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, jekk istituzzjoni li tiddeċiedi li xxolji kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għal fatti materjali preċiżi li jkunu wasslu għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba telf ta’ fiduċja, il-qorti tkun obbligata tivverifika l-veraċità ta’ dawn il-fatti materjali. B’mod partikolari, sa fejn istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li jkunu wasslu għat-telf tal-fiduċja permezz tar-riferiment għal fatti materjali preċiżi, il-qorti għandha tistħarreġ li dawn ir-raġunijiet ikunu bbażati fuq fatti materjalment eżatti. B’dan il-mod, il-qorti ma tissostitwixxix l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti b’tagħha, liema evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti tgħid li t-telf ta’ fiduċja seħħ, iżda sempliċement tistħarreġ jekk il-fatti li taw lok għad-deċiżjoni spjegati mill-istituzzjoni humiex materjalment eżatti (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2013, L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 70).

59

F’dan il-każ, l-ASTK indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li x-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrent kien motivat mit-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bejn ir-rikorrent u l-istituzzjoni, minħabba “diversi inċidenti serji” matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, li huwa ġie informat bihom, jiġifieri l-aġir tiegħu matul it-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022.

60

Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 57 u 58 iktar ’il fuq, għandhom għalhekk jiġu eżaminati l-provi prodotti mill-partijiet sabiex jiġi stabbilit jekk, meħuda waħedhom, imbagħad globalment, dawn il-provi humiex ta’ natura li jikkonfermaw jew, għall-kuntrarju, iċaħħdu l-bażi tar-raġuni għax-xoljiment tal-kuntratt invokata mid-Direttorat tas-Sigurtà u milqugħa mill-ASTK.

61

Sabiex tikkontesta l-aġir li bih huwa akkużat fix-xhieda bil-miktub tal-infirmiera li wettqu ż-żewġ testijiet PCR kontenzjużi (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), ir-rikorrent ipprovda, minbarra l-verżjoni tiegħu tal-fatti inkwistjoni, dikjarazzjoni bil-miktub tal-Viċi President, li kien akkumpanjah matul it-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022 u li għalhekk kien preżenti fis-sala tas-Servizz Mediku fejn seħħew il-fatti kontenzjużi.

62

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-proċedura prekontenzjuża u f’dan ir-rikors, ir-rikorrent ikkontesta l-verżjoni tal-fatti taż-żewġ infirmiera li kienu wettqu t-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022, li hija verżjoni li l-ASTK inkludiet fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrent jikkontesta li kien aggressiv u li aġixxa b’mod mhux xieraq lejn dawn l-infirmiera. F’dak li jirrigwarda t-test PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021, huwa jikkontesta b’mod partikolari l-fatt li laqat id-driegħ jew l-id ta’ wieħed mill-infirmiera u li għajjat “daqshekk biżżejjed” (ara l-punti 7 u 29 iktar ’il fuq). Fir-rigward tat-test PCR tal‑4 ta’ Marzu 2022, huwa jikkontesta li kellu aġir mhux xieraq. Huwa għalhekk li, fid-dawl tal-kontradizzjonijiet bejn il-verżjoni tal-fatti ppreżentata, l-ewwel nett, mill-infirmiera u, it-tieni nett, mir-rikorrent, dan tal-aħħar talab, diversi drabi, li l-Viċi President jinstema’ bħala xhud (ara l-punti 7 u 39 iktar ’il fuq).

63

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 49 u 51 iktar ’il fuq, l-ASTK qieset li hija kellha informazzjoni suffiċjenti dwar il-fatti u li hija ma kellhiex bżonn tisma’ lill-Viċi President. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, fl-ewwel lok, li d-dettalji dwar l-aġir tar-rikorrent ma humiex deċiżivi u, fit-tieni lok, li dan l-aġir kien ġie stabbilit b’mod oġġettiv u indipendentement mill-kontenut speċifiku tax-xhieda tal-infirmiera (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Għall-kuntrarju, kif ġie msemmi fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni li l-post fejn kien jinsab eżattament il-Viċi President ma kienx ġie stabbilit, jiġifieri jekk kienx jinsab f’kabina differenti minn dik li fiha kien jinsab ir-rikorrent meta dan tal-aħħar kien qiegħed jissottometti ruħu għal kull wieħed mit-testijiet kontenzjużi jew inkella fiż-żona madwar l-imsemmija kabini. Il-Kummissjoni tikkonkludi li għalhekk il-Viċi President ma setax ikun xhud dirett tal-fatti.

64

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tippreċiżax liema provi oħra, minbarra x-xhieda tal-infirmiera tas-Servizz Mediku tagħha, hija użat sabiex tistabbilixxi l-fatti kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li l-uniċi elementi għad-dispożizzjoni tal-ASTK li setgħu jiġġustifikaw ix-xoljiment tal-kuntratt tar-rikorrent kienu x-xhieda bil-miktub tal-imsemmija infirmiera u tas-superjur ġerarkiku tagħhom imsemmija fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta li l-imsemmija xhieda kellhom, għall-ASTK, valur probatorju deċiżiv.

65

Issa, il-Kummissjoni ma tispjegax kif l-aġir tar-rikorrent seta’ jiġi stabbilit “b’mod oġġettiv u indipendentement mill-kontenut speċifiku” ta’ din ix-xhieda, kif hija ssostni (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Fil-fatt, hija ma tinvokax elementi oħra li setgħu jikkorroboraw tali affermazzjoni, minkejja li l-unika prova disponibbli oħra, mehmuża mir-rikorrent mal-ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, hija dikjarazzjoni bil-miktub fuq l-unur min-naħa tal-Viċi President, li fiha dan tal-aħħar isostni li, fil-fehma tiegħu, ir-rikorrent ma kienx aġixxa b’mod mhux xieraq matul it-testijiet kontenzjużi (ara l-punt 28 iktar ’il fuq).

66

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, minkejja kontradizzjonijiet bejn il-verżjoni tal-fatti ppreżentata mill-infirmiera, minn naħa, u mir-rikorrent, min-naħa l-oħra, irrifjutat li tieħu passi addizzjonali sabiex tistabbilixxi l-fatti, b’mod partikolari, hekk kif ir-rikorrent talab diversi drabi, li tisma’ bħala xhud lill-Viċi President. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tikkontestax li dan tal-aħħar kien preżenti fis-sala tas-Servizz Mediku fejn kienu installati l-kabini individwali li fihom saru t-testijiet PCR tat‑22 ta’ Ottubru 2021 u tal‑4 ta’ Marzu 2022. Il-Kummissjoni sempliċement tesprimi dubji dwar il-kwistjoni ta’ fejn, fl-imsemmija sala, kien jinsab eżattament il-Viċi President matul il-fatti kontenzjużi.

67

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tikkontradixxi lilha nnifisha f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tax-xhieda tal-Viċi President.

68

Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li l-post fejn kien jinsab eżattament il-Viċi President waqt it-testijiet PCR kontenzjużi ma kienx stabbilit (ara l-punt 49 iktar ’il fuq) u li x-xhieda tiegħu għalhekk ma hijiex utli. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li t-testijiet PCR, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, isiru f’kabini separati u li, konsegwentement, il-Viċi President ma setax ikun xhud dirett tal-fatti (ara l-punt 51 iktar ’il fuq). Issa, jekk il-post fejn kien jinsab eżattament il-Viċi President waqt it-testijiet PCR kontenzjużi ma kienx stabbilit, huwa kontradittorju li jiġi affermat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li dan tal-aħħar ma setax, fi kwalunkwe każ, ikun xhud dirett tal-fatti li seħħew matul dawn l-istess testijiet.

69

Minn dan isegwi li l-passi meħuda mill-ASTK ma ppermettewx li tiġi stabbilita, fid-dawl tal-provi miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali, l-eżistenza tal-aġir li bih huwa akkużat ir-rikorrent u li huwa l-oriġini tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja bejnu stess u l-Kummissjoni.

70

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-ASTK ivvizzjat id-deċiżjoni tagħha ta’ illegalità, billi kkunsidrat li hija kienet informata biżżejjed bix-xhieda tal-infirmiera u billi rrifjutat li twettaq verifika tal-fatti li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl ta’ provi oħra li, madankollu, kienu disponibbli, jew bl-organizzazzjoni ta’ investigazzjoni amministrattiva.

71

Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ l-argument tar-rikorrent, imressaq insostenn tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-fatti li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkontestata ma humiex stabbiliti.

72

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrent jew il-miżuri istruttorji mitluba minn dan tal-aħħar u l-ammissibbiltà tad-dokumenti li huwa pproduċa fir-replika u fl‑10 ta’ Novembru 2023.

Fuq it‑talbiet għad‑danni

73

Ir-rikorrent isostni li, minħabba t-tkeċċija abbużiva tiegħu, huwa sofra dannu morali sinjifikattiv minħabba l-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-amministrazzjoni u l-ksur tad-dmir ta’ premura. Id-deċiżjoni kkontestata ppreġudikat l-unur tiegħu u kkawżatlu dannu morali sinjifikattiv, peress li l-Kummissjoni rrifjutat, b’mod partikolari, li tagħtih aċċess għall-ilmenti bil-miktub, li tadotta miżuri sabiex tivverifika l-fatti u li tisma’ lill-Viċi President bħala xhud.

74

Ir-rikorrent jitlob, konsegwentement, li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni, ex æquo et bono, tikkumpensah għal dan id-dannu morali.

75

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Hija ssostni li huwa ma pproduċa l-ebda prova tad-dannu morali allegat tiegħu u li huwa sempliċement jinvoka attakk fuq l-unur tiegħu b’mod ġeneriku.

76

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-allegat dannu morali, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ fih innifsu jikkostitwixxi l-kumpens xieraq u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali li ma jistax jiġi kkumpensat għal kollox b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2019, FV vs Il‑Kunsill, C‑188/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:690, punt 4 (pożizzjoni tal-Avukata Ġenerali Kokott, punt 26), u s-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Correia vs KESE, T‑843/19, EU:T:2021:221, punt 86).

77

In-natura morali tad-dannu allegatament imġarrab ma tistax taqleb l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza u tal-portata tad-dannu li jaqa’ fuq ir-rikorrenti. Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea hija responsabbli biss jekk ir-rikorrent jirnexxilu juri r-realtà tad-dannu tiegħu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2021, KE vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑355/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:369, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

F’dan il-każ, ir-rikorrent ma spjegax kif jeżisti dannu morali li ma jistax jiġi kompletament ikkumpensat bl-annullament ta’ dik id-deċiżjoni. Fil-fatt, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, huwa llimita ruħu li jallega li d-deċiżjoni kkontestata kienet ippreġudikat l-unur tiegħu u kkawżatlu dannu morali, mingħajr ma speċifika la l-kontenut u lanqas il-portata ta’ dan id-dannu, u ma sostniex li huwa ġarrab dannu morali li ma jistax jiġi kompletament ikkumpensat permezz tal-annullament ta’ dik id-deċiżjoni.

79

Minn dan isegwi li r-rikorrent ma rnexxilux juri, kif kellu l-obbligu li juri fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq, li d-dannu morali li huwa jallega ma setax jiġi kompletament ikkumpensat bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li kien, bħala tali, reparabbli.

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq l‑ispejjeż

81

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

82

F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat‑8 ta’ April 2022 li xxolji l-kuntratt ta’ xogħol bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat ta’ UF hija annullata.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

da Silva Passos

Gervasoni

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Mejju 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.