25.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 338/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Karlsruhe (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Ġunju 2023 – HB vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-349/23, Zetschek (1))

(2023/C 338/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Karlsruhe

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: HB

Konvenut: Bundesrepublik Deutschland

Domandi preliminari

1)

Ikun hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2), f’sitwazzjoni fejn imħallfin federali ma jkunux jistgħu jipposponu l-irtirar tagħhom taħt l-Artikolu 48(2) tad-Deutsches Richtergesetz (il-Liġi dwar l-Imħallfin Ġermaniżi), minkejja li uffiċjali federali u, pereżempju, imħallfin fis-servizz tal-Land ta’ Baden-Württemberg jistgħu jagħmlu dan?

2)

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, l-indikazzjonijiet misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata jinkludu wkoll aspetti li bl-ebda mod ma jissemmew fil-materjal leġiżlattiv u fil-proċess leġiżlattiv parlamentari kollu iżda li jkunu tqajmu biss matul il-proċedura ġudizzjarja?

3)

Kif għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “oġġettiv” u “raġonevoli” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u liema huma l-punti ta’ riferiment għal dawn il-kunċetti? L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jirrikjedi eżami doppju tan-natura xierqa?

4)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, mill-perspettiva tal-koerenza, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill-imħallfin federali milli jipposponu l-irtirar tagħhom, filwaqt li l-uffiċjali federali u, pereżempju, l-imħallfin fis-servizz tal-Land ta’ Baden-Württemberg jistgħu jagħmlu dan?


(1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.