11.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 321/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Kroazja) fis-26 ta’ Mejju 2023 – HP – Hrvatska pošta d.d. vs Povjerenika za informiranje

(Kawża C-336/23, HP – Hrvatska pošta)

(2023/C 321/24)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Visoki upravni sud Republike Hrvatske

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: HP – Hrvatska pošta d.d.

Konvenut: Povjerenik za informiranje

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta’ “użu mill-ġdid ta’ informazzjoni”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU 2009, L 172, p. 56), ikopri l-aċċess għal kull informazzjoni prodotta jew miżmuma minn organu tas-settur pubbliku/impriża pubblika, li utent (persuna fiżika jew ġuridika) titlob għall-ewwel darba mingħand organu tas-settur pubbliku?

2)

Talba għal informazzjoni prodotta jew miżmuma minn organu tas-settur pubbliku/impriża pubblika, li tkun ġiet iġġenerata fil-kuntest tal-kompetenzi jew inkonnessjoni mal-organizzazzjoni u mal-funzjonament ta’ dan l-organu, tista’ titqies li hija talba għal informazzjoni suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva japplikaw għat-talbiet kollha għal aċċess għal informazzjoni miżmuma mill-organi tas-settur pubbliku?

3)

L-entitajiet suġġetti għall-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/1024 huma biss l-organi tas-settur pubbliku li fir-rigward tagħhom jintalab l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni, jew id-definizzjonijiet il-ġodda jirreferu għall-organi kollha tas-settur pubbliku u għall-informazzjoni kollha miżmuma minnhom, b’tali mod li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/1024 huma obbligati jikkomunikaw l-informazzjoni prodotta jew miżmuma minnhom, jew għandu jitqies li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/1024 huma obbligati jipprovdu informazzjoni fil-każ biss ta’ użu mill-ġdid ta’ informazzjoni?

4)

L-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2019/1024 jippermettu lill-organi tas-settur pubbliku jirrifjutaw li jikkomunikaw l-informazzjoni prodotta jew miżmuma minnhom, jew dawn huma eċċezzjonijiet li japplikaw biss meta l-organi tas-settur pubbliku issirilhom talba għal użu mill-ġdid?