19.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/34


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs l-Ungerija

(Kawża C-271/23)

(2023/C 216/44)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Baumgart, M. Carpus Carcea u Zs. Teleki, aġenti)

Konvenut: l-Ungerija

Talbiet

Tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/3 (1), li hija vinkolanti fuq l-Ungerija skont l-Artikolu 218(9) TFUE moqri flimkien mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, u fl-istess ħin li ndaħlet fil-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2) TFUE u kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE billi ma aderixxietx, bi tkomplija tat-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, mal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-emenda tal-inklużjoni fl-iskedar tal-kannabis u tas-sustanzi relatati mal-kannabis.

tikkundanna lil l-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv: Fis-sezzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi miżmuma fit-2 ta’ Diċembru 2020, l-Ungerija vvotat f’sens oppost għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill approvata abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE u li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, kienet obbligatorja għall-Ungerija abbażi tar-raba paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE.

It-tieni motiv: Skont l-Artikolu 3(2) TFUE id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/3 hija suġġetta għal kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni, u għalhekk l-Ungerija ma kellhiex tistabbilixxi l-pożizzjoni rispettiva tagħha f’dan ir-rigward.

It-tielet motiv: Permezz tal-vot tagħha kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni, li ma ġiex miftiehem minn qabel mal-istituzzjonijiet ta’ din tal-aħħar, l-Ungerija kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

Il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija ittra ta’ intimazzjoni fit-18 ta’ Frar 2021 u opinjoni motivata fit-12 ta’ Novembru 2021, mingħajr ma qieset li r-risposti tal-Ungerija kienu sodisfaċenti.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/3 tat-23 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li ser terġa’ titlaqqa’, dwar l-iskedar tal-kannabis u s-sustanzi relatati mal-kannabis taħt il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971 (ĠU 2021, L 4, p. 1).