30.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 189/22 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Törvényszék (l-Ungerija) fis-16 ta’ Marzu 2023 – VOLÁNBUSZ Zrt. vs Bács Kiskun Vármegyei Kormányhivatal
(Kawża C-164/23, VOLÁNBUSZ)
(2023/C 189/29)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Szegedi Törvényszék
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: VOLÁNBUSZ Zrt.
Konvenut: Bács Kiskun Vármegyei Kormányhivatal
Domandi preliminari
1) |
Il-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jirrigwarda l-post fejn is-sewwieq huwa bbażat, jiġifieri l-post, irrispettivament minn jekk dan huwiex installazzjoni, parkeġġ tal-impriża, jew inkella kull punt ġeografiku ieħor iddefinit bħala l-post minn fejn jibda l-itinerarju indikat fuq il-pjan tar-rotta, li minnu l-imsemmi sewwieq regolarment iwettaq is-servizz tiegħu u li lejh huwa jmur lura meta jtemm is-servizz, fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-funzjonijiet tiegħu u mingħajr ma jikkonforma ruħu ma istruzzjonijiet partikolari mill-persuna li timpjegah? |
2) |
Sabiex post jiġi kklassifikat bħala “ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament, huwa jew ma huwiex rilevanti l-fatt li dan ikun mgħammar b’installazzjonijiet xierqa (pereżempju, installazzjonijiet iġjeniċi, faċilitajiet għall-benesseri jew postijiet ta’ mistrieħ)? |
3) |
Sabiex post jiġi kklassifikat bħala “ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament, huwa rilevanti l-fatt li l-pożizzjonament ta’ dawn il-postijiet konkreti fejn is-sewwieq huwa bbażat huma favorevoli għall-ħaddiema (sewwieqa), sa fejn dawn huma f’kull każ eqreb għall-postijiet ta’ residenza rispettivi tagħhom mill-postijiet fejn jinsabu l-istabbilimenti jew il-fergħat tal-impriża rreġistrati fir-Reġistru Kummerċjali, b’tali mod li s-sewwieqa jkollhom ħinijiet ta’ vjaġġar iqsar milli kieku jibdew u jispiċċaw xogħolhom fil-postijiet fejn jinsabu l-istabbilimenti jew il-fergħat tal-impriża rreġistrati fir-Reġistru Kummerċjali? |
4) |
Fil-każ fejn il-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament ma jistax jiġi interpretat bħala li jkopri l-post konkret fejn is-sewwieq huwa bbażat, jiġifieri l-post, irrispettivament minn jekk dan huwiex installazzjoni, parkeġġ tal-impriża, jew inkella kull punt ġeografiku ieħor iddefinit bħala l-post minn fejn jibda l-itinerarju indikat fuq il-pjan tar-rotta, li minnu l-imsemmi sewwieq regolarment iwettaq is-servizz tiegħu u li lejh huwa jmur lura meta jtemm is-servizz, fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-funzjonijiet tiegħu u mingħajr ma jikkonforma ruħu ma istruzzjonijiet partikolari mill-persuna li timpjegah, id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett previst fir-Regolament tista’ għalhekk titqies bħala li hija miżura li tirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, li fid-dawl tagħha, meqjusa l-premessa 5 tal-istess regolament, l-imsieħba soċjali jistgħu jistabbilixxu, permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew ta’ arranġamenti oħra, dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema? |
(1) (ĠU 2006, L 102, p. 1, bir-rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83).