15.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/21


Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2023 mill-Autoridad Portuaria de Bilbao mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-14 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawża T-126/20, Autoridad Portuaria de Bilbao vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-110/23 P)

(2023/C 173/29)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Autoridad Portuaria de Bilbao (rappreżentanti: D. Sarmiento Ramírez-Escudero u X. Codina García-Andrade, abogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għar-raġunijiet esposti fit-tliet aggravji u tiddikjara li s-sentenza hija vvizzjata bi żball ta’ liġi;

tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut u l-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura, billi tiddikjara li r-rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet kkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali, ippreżentat fl-ewwel istanza mill-Autoridad Portuaria de Bilbao, għandu jintlaqa’,

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Autoridad Portuaria de Bilbao kemm fil-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll f’din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju:

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi kkonstatat li l-Exención Fiscal de Bizkaia (l-Eżenzjoni mit-Taxxa ta’ Bizkaia) hija vantaġġ mingħajr ma tevalwaha bħala arranġament kumpless.

Insostenn tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-motivazzjoni invokata mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li ma teżisti ebda miżura ta’ natura kumplessa hija bbażata fuq motivi purament formali li jitbiegħdu mill-evalwazzjoni sostantiva rikjesta tal-ġurisprudenza. tal-Qorti tal-Ġustizzja.

It-tieni aggravju:

Is-sentenza hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107 TFUE tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) u l-ġurisprudenza rilevanti, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta, billi tikkonkludi li l-Kummissjoni ma għandhiex twettaq analiżi sħiħa tad-data disponibbli fejn ikun ċar li hemm benefiċjarju wieħed biss tal-iskema ta’ għajnuna.

Insostenn tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li huwa paċifiku li entità waħda biss tibbenefika mill-Exención Fiscal de Bizkaia taħt il-liġi Spanjola (Autoridad Portuaria de Bilbao). F’dak il-każ, anki jekk il-miżura tista’ tiġi kkwalifikata bħala “skema ta’ għajnuna” għall-finijiet tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni trid twettaq analiżi sħiħa tad-data disponibbli. Dan huwa l-każ skont l-għan oriġinali tal-ġurisprudenza, li tippermetti lill-Kummissjoni li ma twettaqx tali analiżi, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta.

It-tielet aggravju:

Is-sentenza hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108 TFUE u r-Regolament 2015/1589, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, billi kkonstatat li, fil-proċeduri ta’ kooperazzjoni, l-obbligi tal-Kummissjoni huma inqas estensivi minn fi proċeduri ta’ investigazzjoni.

Insostenn tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali tindika fis-sentenza tagħha, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, li fi proċedura ta’ kooperazzjoni taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament 2015/1589, l-Istat Membru għandu inqas garanziji milli fi proċedura ta’ investigazzjoni. Fir-rigward ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li kemm il-formulazzjoni tal-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament 2015/1589 kif ukoll ir-rabta mill-qrib bejn l-Artikolu 108 TFUE, li minnu tirriżulta l-proċedura ta’ kooperazzjoni fir-Regolament 2015/1589, kif ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fl-Artikolu 4(3) TUE jfissru li l-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru.


(1)  ĠU 2015, L 248, p. 9.