17.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 134/3


Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2023 minn Trasta Komercbanka AS mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-30 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-698/16, Trasta Komercbanka et vs BĊE

(Kawża C-90/23 P)

(2023/C 134/06)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Trasta Komercbanka AS (rappreżentant: O Behrends, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), Ir-Repubblika tal-Latvja, Il-Kummissjoni Ewropea, Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV, Rikam Holding SA

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni ECB/SSM/2016-529900WIP0INFDAWTJ81/2 WOANCA-2016-0005 tal-BĊE tal-11 ta’ Lulju 2016 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”) fir-rigward tal-appellanti;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż tal-appellanti u dawk ta’ dan l-appell; u

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji fir-rigward tal-kwistjoni tar-rappreżentanza tal-appellanti, li l-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) eżaminat fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et , C-663/17 P, C-665/17 P u C-669/17 P, EU:C:2019:923.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet l-allegazzjoni tal-appellanti dwar in-nuqqas tal-BĊE li jinnotifika d-Deċiżjoni kkontestata lill-appellanti minħabba li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti tal-kawża f’dan ir-rigward u naqset milli tikkunsidra l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 72 tas-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 1999, Hoechst vs Il-Kummissjoni, C-227/92 P, EU:C:1999:360.

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-allegazzjoni tal-appellanti dwar l-assenza ta’ rappreżentanza tal-appellanti matul il-proċedura li wasslet għad-Deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti tal-kawża billi naqset milli tikkunsidra li d-Deċiżjoni kkontestata tiddikjara espressament li l-appellanti ma kinitx involuta fil-proċedura li wasslet għad-Deċiżjoni kkontestata u, fl-opinjoni tal-BĊE, ma kellhiex għalfejn tkun involuta fil-proċedura.

Fl-aħħar l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-allegazzjoni tal-appellanti li d-dritt tal-appellanti għal smigħ kien miksur u li dan l-iżball kien ibbażat ukoll fuq in-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li l-appellanti ma kinitx involuta fil-proċedura li twassal għad-Deċiżjoni kkontestata.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fir-rigward tal-mod li bih il-Qorti Ġenerali ttrattat id-deċiżjoni tal-BĊE qabel l-istħarriġ mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE (iktar 'il-quddiem il-“BAR”), minn naħa, u d-deċiżjoni tal-BĊE wara r-rieżami mill-BAR, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-aspettattivi leġittimi, li hija kienet ħolqot permezz tad-digriet tagħha tas-17 ta’ Novembru 2021, Trasta Komercbanka vs BĊE, (T-247/16 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2021:809).

It-tielet aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali bi żball tiċħad il-motiv tal-appellanti dwar ksur tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1) billi assumiet bi żball li din id-dispożizzjoni tipprevedi deċiżjoni b’effett ex tunc. Din il-fehma tal-Qorti Ġenerali tqieset żbaljata wkoll mill-Kummissjoni (ara l-punt 37 tad-digriet tas-17 ta’ Novembru 2021, Trasta Komercbanka vs BĊE, T-247/16 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2021:809).


(1)  ĠU 2013, L 287, p. 63.