|
15.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 173/17 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fit-8 ta’ Frar 2023 – MK vs K GmbH
(Kawża C-65/23, K GmbH)
(2023/C 173/25)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesarbeitsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: MK
Konvenut: K GmbH
Domandi preliminari
|
1. |
Dispożizzjoni legali nazzjonali li tkun ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 (1) tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”), bħalma huwa l-Artikolu 26(4) tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem il-“BDSG”), u li tipprovdi li l-ipproċessar ta’ data personali – li tinkludi kategoriji partikolari ta’ data personali – ta’ impjegati għall-finijiet tar-relazzjoni ta’ impjieg hija permissibbli abbażi ta’ ftehimiet kollettivi konformement mal-Artikolu 88(2) tar-RĠPD, għandha tiġi interpretata fis-sens li anki r-rekwiżiti l-oħra tar-RĠPD, bħalma huma dawk previsti fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 9(1) u (2) tar-RĠPD, għandhom jiġu osservati f’kull każ? |
|
2. |
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Dispożizzjoni nazzjonali legali adottata abbażi tal-Artikolu 88(1) tar-RĠPD, bħalma huwa l-Artikolu 26(4) tal-BDSG, tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-partijiet fi ftehim kollettiv (fil-kawża ineżami, il-partijiet fi ftehim ta’ impjieg) għandhom marġni ta’ manuvra fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ pproċessar ta’ data fis-sens tal-Artikolu 5, tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-RĠPD, li huwa suġġett biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat? |
|
3. |
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: F’tali każ, għal xiex għandu jkun limitat l-istħarriġ ġudizzjarju? |
|
4. |
L-Artikolu 82(1) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna hija intitolata għal kumpens għal dannu morali meta d-data personali tagħha tkun is-suġġett ta’ pproċessar li ma josservax ir-rekwiżiti tar-RĠPD jew id-dritt għal kumpens għal dannu morali jeħtieġ li s-suġġett tad-data jistabbilixxi li ġarrab xi tip ta’ danni morali? |
|
5. |
L-Artikolu 82(1) tar-RĠPD huwa ta’ natura preventiva speċjali jew ġenerali u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu morali li għandu jiġi kkumpensat, abbażi tal-Artikolu 82(1) tar-RĠPD, mill-kontrollur jew mill-proċessur? |
|
6. |
Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu morali li għandu jiġi kkumpensat abbażi tal-Artikolu 82(1) tar-RĠPD għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ ħtija tal-kontrollur jew tal-proċessur? B’mod partikolari, il-fatt li ma jkunx hemm ħtija jew li jkun hemm livell baxx ta’ ħtija min-naħa tal-kontrollur jew tal-proċessar jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni favur tagħhom? |
(1) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2