15.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/14


Appell ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2023 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fis-16 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-469/20, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-40/23 P)

(2023/C 173/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky, H. van Vliet, I. Georgiopoulos, rappreżentanti)

Parti oħra fil-proċedura: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tas-16 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-469/20, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni;

tiċħad ir-raba’ u l-ħames motiv fil-Kawża T-469/20;

tuża s-setgħa tagħha skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi l-kawża hija stess u tiddikjara r-rikors infondat fl-intier tiegħu, u

tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka aggravju wieħed, magħmul minn żewġ partijiet.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ikkontestata fl-ewwel istanza (1), (iktar ’il quddiem id-“id-deċiżjoni”) iddikjarat miżura bħala kompatibbli mas-suq intern, mingħajr ma ħadet deċiżjoni finali dwar jekk din il-miżura kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

L-ewwel parti tallega li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta qieset li l-Kummissjoni tista’ toħroġ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijet fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 (2) jekk l-ewwel tiddeċiedi dwar jekk il-miżura investigata tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ssostni li d-diversi metodi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jsostnux din il-konklużjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata tmur kontra l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiġi ċċarat b’ħeffa jekk miżuri jkunux kompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, jekk is-sentenza tiġi kkonfermata, dan jista’ jwassal sabiex il-Kummissjoni tkun imġiegħla twettaq investigazzjonijiet li jieħdu ż-żmien u li ma humiex neċessarji dwar jekk miżura speċifika tkoprix l-elementi kollha tal-Artikolu 107(1) TFUE, minkejja l-fatti li hija f’kull każ konvinta li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern.

It-tieni parti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta ddeċidiet li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Bil-kontra, id-deċiżjoni żiedet iċ-ċertezza legali billi ddikjarat li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern hekk kif il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2998 final tat-12 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.54537 (2020/NN) – il-Pajjiżi l-Baxxi, Projbizzjoni tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).