8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 164/30


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (il-Portugall) fis-16 ta’ Jannar 2023 – SF vs MV, Instituto da Segurança Social, IP, Autoridade Tributária e Aduaneira, Cofidis SA – Sucursal em Portugal

(Kawża C-20/23, Instituto da Segurança Social et)

(2023/C 164/39)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal da Relação do Porto

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SF

Konvenuti: MV, Instituto da Segurança Social, IP, Autoridade Tributária e Aduaneira, Cofidis SA – Sucursal em Portugal

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132) (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li hija permessa biss l-esklużjoni ta’ dejn ieħor (minbarra dawk elenkati fis-subparagrafi) meta din tkun “debitament iġġustifikat[a]”?

2)

Il-possibbiltà li l-Istati Membri jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn minn ħelsien mid-dejn (sakemm tali esklużjoni tkun debitament iġġustifikata, hekk kif previst fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023) għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li l-Istati Membri jeskludu l-krediti ta’ taxxa (mhux indikati fl-Artikolu rispettiv), b’tali mod li joħolqu sitwazzjoni pprivileġġata għalihom infushom?

3)

Fl-eventwalità li r-risposta għal dawn id-domandi tkun fl-affermattiv, liema kriterji jissodisfaw dan ir-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu osservati (tali ġustifikazzjonijiet) il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li għalihom huma suġġetti l-leġiżlatur Ewropew u dak nazzjonali [“nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità” (Artikolu 18 TFUE) u “libertà ta’ intrapriża” (Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), minbarra l-libertajiet ekonomiċi fundamentali tas-suq intern]?

4)

Fl-eventwalità li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fin-negattiv, id-definizzjoni (skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u għal skopijiet ta’ interpretazzjoni tad-direttiva inkwistjoni) ta’ “dejn li jirriżulta minn jew b’rabta ma’ pieni kriminali”, kif ukoll ta’ “dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni” jinkludi wkoll id-dejn ta’ taxxa, hekk kif previst mill-att leġiżlattiv intern ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1023 (Lei n.o 9/2022, de 11 de janeiro [il-Liġi Nru 9/2022 tal-11 ta’ Jannar])?


(1)  ĠU 2019, L 172, p. 18.