SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ April 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Avukati – Taħriġ tal-avukati bi prattika – Restrizzjoni territorjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ li parti mill-perijodu ta’ taħriġ ta’ avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika ssir ma’ avukat li jkollu s-sede tiegħu fit-territorju nazzjonali”

Fil-Kawża C‑807/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura

Katharina Plavec

vs

Rechtsanwaltskammer Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), N. Piçarra, O. Spineanu‑Matei u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Novembru 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. Plavec, minn S. Schwab u J. P. Willheim, Rechtsanwälte,

għar-Rechtsanwaltskammer Wien, minn R. Gerlach, Rechtsanwalt, u T. Simek,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, A. Bell, G. Eberhard u P. Thalmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn K. Plavec u r-Rechtsanwaltskammer Wien (il-Kamra tal-Avukati ta’ Vjenna, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem ir-“RAK”) dwar iċ-ċaħda tat-talba ta’ K. Plavec intiża li, minn naħa, jiġi inkluż isimha fil-lista tal-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika u, min-naħa l-oħra, jinħareġ ċertifikat li jixhed is-setgħa limitata tagħha ta’ rappreżentanza legali, fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Rechtsanwaltsordnung (ir-Regolament dwar il-Professjoni tal-Avukat), tal‑15 ta’ Lulju 1868 (RGBl. Nru 96/1868), fil-verżjoni tiegħu tal‑20 ta’ April 2023 (BGBl. I 39/2023) (iktar ’il quddiem ir-“RAO”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 45 TFUE jipprovdi:

“1.   Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni [Ewropea].

2.   Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

[…]”

4

Il-premessa 1 tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83), tiddikjara:

“Billi, skond l-Artikolu [26 TFUE], is-suq intern għandu jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni; billi, skond l-Artikolu [4(2)(a) TFUE], l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ l-ostakli għall-moviment liberu tal-persuni u s-servizzi jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-[Unjoni]; billi, għal ċittadini ta’ l-Istati Membri, dan ifisser fost ħwejjeġ oħra l-possibiltà li jipprattikaw professjoni, sew jekk jaħdmu għal rashom kif ukoll jekk huma salarjati, fi Stat Membri minbarra dak fejn ikunu nkisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom.”

5

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ l-avukat fuq bażi permanenti fil-kapaċità ta’ ħaddiem għal rasu jew bis-salarju fi Stat Membru minbarra dak li fih inkisbet il-kwalifika professjonali.”

6

L-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li effettivament u regolarment segwa għal perijodu ta’ lanqas tliet snin attività fl-Istat Membru li ospitah fil-liġi ta’ l-Istat inkluża l-liġi tal-Komunita għandu, invista li jikseb dħul fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru li ospitah, ikun eżentat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48/KEE [tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337)], ‘l-eżerċizzju effettiv u regolari’ jfisser taħriġ attwali ta’ l-attività mingħajr interruzzjonijiet ħlief dik li tirriżulta mill-każijiet tal-ħajja ta’ kuljum.

[…]”

Id-dritt Awstrijak

7

Skont l-Artikolu 2 tar-RAO:

“(1)   Il-prattika meħtieġa sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ avukat għandha tikkonsisti bilfors f’attività legali fi ħdan qorti jew fi ħdan uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u ma’ avukat; hija tista’ tikkonsisti wkoll f’attività legali ma’ nutar jew, meta l-attività tkun utli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, fi ħdan korp amministrattiv, università, awditur jew konsulent tat-taxxa. […] Il-prattika ma’ avukat tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk din l-attività tkun eżerċitata bħala attività professjonali prinċipali mingħajr ma tkun ostakolata minn attività professjonali oħra; […]

(2)   Il-prattika fis-sens tal-paragrafu 1 għandha ddum ħames snin, li tal-inqas seba’ xhur minnhom għandhom isiru fi ħdan qorti jew uffiċju ta’ prosekutur pubbliku u tal-inqas tliet snin għandhom isiru ma’ avukat fl-Awstrija.

(3)   Għall-perijodu tal-prattika li ma għandhiex tabilfors issir fi ħdan qorti, uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew ma’ avukat fl-Awstrija, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:

[…]

2.

prattika, fis-sens tal-paragrafu 1, tal-istess natura li tkun saret barra mill-pajjiż, meta l-attività kienet utli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat;

3.

kull attività legali prattika oħra eżerċitata fit-territorju nazzjonali jew barra mill-pajjiż, meta din l-attività kienet utli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat u kienet eżerċitata taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna jew ta’ organu debitament ikkwalifikat.

Il-Kamra tal-Avukati għandha tadotta linji gwida dwar il-kundizzjonijiet u l-punt sa fejn il-prattika fis-sens tal-punti 2 u 3 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni; […] Il-linji gwida għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit internet tal-Kamra tal-Avukati u għandhom jibqgħu hemmhekk b’mod permanenti.

[…]”

8

L-Artikolu 15(3) u (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“(3)   Meta r-rappreżentanza minn avukat ma tkunx meħtieġa mil-liġi, l-avukat jista’ jibgħat sabiex jirrappreżentah, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, quddiem kwalunkwe qorti u kwalunkwe amministrazzjoni, avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika tiegħu miegħu; madankollu, avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika ma jistax jiffirma rikorsi ppreżentati quddiem qorti jew amministrazzjoni.

(4)   Il-Kamra tal-Avukati hija obbligata tagħti lil avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika tiegħu ma’ avukat ċertifikati li jixhdu […] is-setgħa limitata ta’ rappreżentanza tiegħu, fis-sens tal-paragrafu 3.”

9

L-Artikolu 30(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet tal-inklużjoni fil-lista tal-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika, fil-mument li fih tibda l-prattika ma’ avukat, għandha tintbagħat notifika lill-Kamra tal-Avukati, flimkien mal-prova taċ-ċittadinanza Awstrijaka, taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, kif ukoll mal-prova tal-ikkompletar tal-kors tad-dritt Awstrijak […] Il-perijodu ta’ prattika ma’ avukat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss mill-jum li fih tasal din in-notifika.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

K. Plavec ħadmet minn Jannar 2022 bħala impjegata fi ħdan id-ditta legali Jones Day, fi Frankfurt‑am‑Main (il-Ġermanja), fejn hija kienet għamlet prattika ma’ KI, avukat Awstrijak u soċju fi ħdan din id-ditta. Permezz ta’ ittra elettronika tal‑14 ta’ Jannar 2022, hija talbet lir-RAK tinkludi isimha fil-lista tal-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika u toħroġ ċertifikat li jixhed is-setgħa limitata ta’ rappreżentanza legali fis-sens tal-Artikolu 15(3) tal-Kodiċi tal-Avukati.

11

Fuq talba tar-RAK, K. Plavec ipprovdiet, permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Marzu 2022, id-dettalji li ġejjin. Id-domiċilju u r-residenza abitwali tagħha kienu fi Frankfurt‑am‑Main u kellha residenza sekondarja fi Vjenna (l-Awstrija). Hija indikat li l-attività tagħha kienet tirrigwarda esklużivament id-dritt Awstrijak. Awtorizzat biss jagħtiha istruzzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-kawżi li jinvolvu d-dritt Awstrijak, is-superviżur tagħha, KI kien jeżerċita attività ta’ konsulenza fid-dritt Awstrijak ma’ klijenti Awstrijaċi u barranin tad-ditta legali Jones Day, u kien jirrappreżentahom quddiem organi amministrattivi u qrati Awstrijaċi. Tul il-prattika tagħha, K. Plavec kienet għalhekk tiġi f’kuntatt diversi drabi fil-ġimgħa ma’ organi amministrattivi u qrati Awstrijaċi fil-kuntest tar-rappreżentanza tal-klijenti ta’ KI.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2022, id-dipartiment kompetenti tar-RAK ċaħad, abbażi tal-Artikolu 30(1) tar-RAO, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tiegħu, it-talba ta’ K. Plavec, minħabba li l-prattika tagħha ma kinitx saret ma’ avukat stabbilit fl-Awstrija.

13

Fil‑31 ta’ Awwissu 2022, K. Plavec telqet mid-ditta legali Jones Day.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Settembru 2022, il-Bord tar-RAK ċaħad l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2022. Din id-deċiżjoni tas‑6 ta’ Settembru 2022 issemmi, fost oħrajn, li KI huwa membru tal-Bord tal-Eżamijiet għall-Aċċess għall-Professjoni Legali fl-Awstrija u li huwa jaħdem bħala avukat u jirrappreżenta partijiet f’kawżi fl-Awstrija taħt is-sistema tal-għajnuna legali. F’dan ir-rigward, minbarra dak fi Frankfurt‑am‑Main, KI għandu uffiċċju fi Vjenna, li għalih huwa ħatar avukat Awstrijak ieħor bħala sostitut, u dan skont ir-RAO. B’hekk huwa ilu ddikjarat assenti mill‑15 ta’ Novembru 2016 minħabba residenza għal żmien twil barra mill-pajjiż.

15

K. Plavec u KI appellaw mid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Settembru 2022 quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn talbu li din id-deċiżjoni tiġi annullata u li r-RAK tiġi ordnata tinkludi lil K. Plavec fil-lista tal-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika għall-perijodu mill‑14 ta’ Jannar 2022 sal‑31 ta’ Awwissu 2022.

16

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-suġġett tat-tilwima li għandha quddiemha issa jikkonċerna biss il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għal inklużjoni fil-lista tal-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika kinux ġew issodisfatti minn K. Plavec, u jekk iva ż-żmien li matulu kienu ġew hekk issodisfatti, billi hija telqet mid-ditta legali Jones Day fil‑31 ta’ Awwissu 2022. Barra minn hekk, billi KI ma kellux interess proprju li K. Plavec tiġi inkluża retroattivament fil-lista tal-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-appell tiegħu bħala inammissibbli.

17

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-Artikolu 2(2) u mill-Artikolu 30(1) tar-RAO, moqrija flimkien, jirriżulta li, tul perijodu totali ta’ ħames snin ta’ prattika obbligatorja sabiex wieħed isir avukat, perijodu ta’ mill-inqas tliet snin u seba’ xhur għandu jsir fit-territorju Awstrijak, li minnu tal-inqas tliet snin għandhom isiru ma’ avukat. Dik il-qorti tirrileva li, meta l-post tax-xogħol ta’ avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika jkun jinsab barra mill-Awstrija, il-Kamra tal-Avukati Awstrijaka ma tistax tmur fl-uffiċċju fejn ikun jaħdem dan l-avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika sabiex twettaq il-kompitu legali tagħha li tissorvelja lil dan tal-aħħar u lill-avukat superviżur, liema avukat superviżur għandu l-obbligu jiżgura li l-imsemmi avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika jitħarreġ b’mod sħiħ għall-professjoni ta’ avukat.

18

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-punt 2 tal-Artikolu 2(3) tar-RAO, il-parti mill-prattika ta’ K. Plavec li saret ma’ KI tista’, mill-banda l-oħra, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-parti mill-prattika li tista’ ssir barra mill-pajjiż.

19

Fir-rigward tal-fatti tal-kawża mressqa quddiemha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-prattika ta’ K. Plavec ma saritx fl-Awstrija, anki jekk hija ħadmet taħt id-direzzjoni ta’ avukat irreġistrat ma’ kamra tal-avukati Awstrijaka u fil-qasam tad-dritt Awstrijak.

20

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, hawnhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li parti mill-perijodu ta’ taħriġ prattiku ta’ kandidat għall-professjoni ta’ avukat għandha ssir tabilfors fit-territorju nazzjonali humiex inkompatibbli mal-moviment liberu tal-ħaddiema, u dan filwaqt li parti oħra minn dan il-perijodu tista’ ssir barra mill-pajjiż.

21

Hija tqis li tali dispożizzjonijiet huma, fi kwalunkwe każ, xierqa u konformi mal-valuri protetti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/5 jissuġġetta l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ospitanti ta’ avukat li jkun qiegħed jipprattika taħt it-titolu professjonali maħruġ mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu għall-prova ta’ attività effettiva u regolari ta’ mill-inqas tliet snin f’dan l-ewwel Stat Membru. Jekk dan ir-rekwiżit ta’ esperjenza prattika fi Stat Membru ospitanti japplika għall-avukati li diġà jkollhom titolu li jawtorizzahom jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom u li jkunu diġà pprattikaw hemmhekk, l-aċċess tal-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika għall-professjoni ta’ avukat jista’, a fortiori, ikun suġġett għal tali rekwiżit.

22

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li attività bħal dik eżerċitata minn K. Plavec fi Frankfurt‑am‑Main ma jistax, anki jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni, ikollha l-grad ta’ intensità fil-kuntatt mal-qrati u mal-organi amministrattivi Awstrijaċi li jista’ jkollu taħriġ f’ditta legali stabbilita fl-Awstrija. Barra minn hekk, ma tantx huwa realistiku, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, li wieħed jassumi li K. Plavec kellha l-ħsieb li tiċċaqlaq speċifikament minn Frankfurt‑am‑Main sabiex tieħu sehem f’seduti quddiem il-qrati u l-organi amministrattivi Awstrijaċi, fid-dawl tal-fatt li ċ-ċertifikat li hija kienet biħsiebha tikseb jagħti biss dritt ta’ rappreżentanza limitat ħafna, jiġifieri f’kawżi ċivili li jaqgħu essenzjalment taħt il-ġurisdizzjoni tal-Bezirksgerichte (il-Qrati Distrettwali, l-Awstrija). Fl-aħħar nett, hija żżid tgħid li l-avukat superviżur ta’ K. Plavec kien jipprattika prinċipalment il-liġi Awstrijaka tal-arbitraġġ, u dan meta l-avukati superviżuri huma obbligati, taħt ir-RAO, jagħtu taħriġ sħiħ lill-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li bħala prerekwiżit għall-iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati bi prova Awstrijaċi, parti mill-prova prattika (perijodu ta’ taħriġ) ta’ avukat bi prova għandha obbligatorjament titwettaq bħala avukat bi prova ma’ avukat stabbilit fl-Awstrija, jiġifieri fit-territorju nazzjonali […], filwaqt li għal din il-parti mit-taħriġ prattiku (perijodu ta’ taħriġ) ma huwiex suffiċjenti li attività ssir ma’ avukat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, anki jekk din l-attività titwettaq taħt is-superviżjoni ta’ avukat iskritt fil-kamra tal-avukati Awstrijaka fil-qasam tad-dritt Awstrijak?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tkun teħtieġ li parti ddeterminata mill-prattika, liema prattika hija neċessarja għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat u li matulha l-avukat li jkun qiegħed jagħmilha jkollu ċerta setgħa ta’ rappreżentanza quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, issir ma’ avukat stabbilit fl-imsemmi Stat Membru, filwaqt li teskludi l-possibbiltà li din il-parti mill-prattika ssir ma’ avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor, minkejja li dan l-avukat ikun irreġistrat ma’ kamra tal-avukati tal-ewwel Stat Membru u li l-attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ din il-prattika jkunu jikkonċernaw id-dritt ta’ dan l-ewwel Stat Membru.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għal professjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddefinixxu l-konoxxenzi u l-kwalifiki neċessarji sabiex tiġi eżerċitata din il-professjoni (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Billi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat ta’ persuna li ma tkunx awtorizzata, f’ebda Stat Membru, teżerċita din il-professjoni għadhom, sal-lum, ma ġewx armonizzati fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu dawn il-kundizzjonijiet (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 25).

27

Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat għall-pussess tal-konoxxenzi u tal-kwalifiki meqjusa neċessarji (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C-218/19, EU:C:2020:1034, punt 26), inkluż l-ikkompletar ta’ perijodu ta’ prattika.

28

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE u d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkostitwixxu ostakolu mhux iġġustifikat għall-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali ggarantiti, b’mod partikolari, mill-Artikolu 45 TFUE (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C-218/19, EU:C:2020:1034, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għandu jitqies li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, anki jekk tirregola l-prattika li tagħmel parti mit-taħriġ li jippermetti l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, peress li l-ġuristi kkonċernati jagħmlu l-prattika tagħhom bħala impjegati li jirċievu remunerazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser, C‑313/01, EU:C:2003:612, punt 60). F’dan il-każ, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li K. Plavec ġiet irremunerata matul il-prattika tagħha fi ħdan id-ditta legali Jones Day.

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni, inkluż l-Artikolu 45 TFUE, huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta dawn ikunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (Trasferiment tal-valur tad-drittijiet għall-pensjoni), C‑459/22, EU:C:2023:878, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

B’hekk, dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprekludu jew jiddisswadu lil ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru milli jħalli l-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq din il-libertà, anki jekk dawn ikunu japplikaw indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, A, C‑716/17, EU:C:2019:598, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi, bħala prinċipju, miżura nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ esperjenza professjonali għall-finijiet tal-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, li tkun inkisbet fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru awtur ta’ din il-miżura, li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, inkluż dawk tal-Istat Membru awtur tal-imsemmija miżura, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 30). L-istess jgħodd għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali li għandha tinkiseb fil-kuntest ta’ parti ddeterminata mill-prattika neċessarja għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat għas-sempliċi raġuni li din il-parti mill-prattika ssir ma’ avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor.

33

Dan ifisser li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tkun teħtieġ li parti ddeterminata mill-prattika neċessarja għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat issir ma’ avukat stabbilit f’dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi tabilħaqq restrizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment iggarantita fl-Artikolu 45 TFUE, peress li tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà ta’ moviment, billi tillimita l-possibbiltà, għal dawn iċ-ċittadini, li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom, bħala avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika, ma’ avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor.

34

Din il-konstatazzjoni ma hijiex kontradetta, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, mill-fatt li, skont din il-leġiżlazzjoni, prattika għal diversi xhur barra mill-pajjiż tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala li tikkostitwixxi parti oħra mill-prattika. Fil-fatt, peress li huwa meqjus li t-tliet snin ta’ prattika ma’ avukat, li jikkorrispondu għall-parti mill-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom tabilfors isiru ma’ avukat stabbilit fl-Awstrija, l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprekludi lill-ġuristi li jkunu jixtiequ jidħlu fil-professjoni ta’ avukat milli jinvokaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE matul din l-aħħar parti mill-prattika.

35

Tali restrizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment tista’ tiġi aċċettata biss kemm‑il darba, fl-ewwel lok, tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, fit-tieni lok, tkun tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, u li għalhekk li tkun xierqa sabiex tiżgura, b’mod konsistenti u sistematiku, li jintlaħaq l-għan imfittex u li ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq l-għan ta’ protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi legali u dak ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dawn l-għanijiet huma fost dawk li jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei, C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Barra minn hekk, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-benefiċċju tal-inklużjoni fil-lista tal-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika għall-kundizzjoni li parti mill-prattika ssir ma’ avukat stabbilit f’dan l-Istat Membru ma tidhirx, fiha nnifisha, li ma hijiex xierqa sabiex tiżgura li jintlaħqu l-imsemmija għanijiet.

38

Minn naħa, tali leġiżlazzjoni tista’ tgħin sabiex jiġi żgurat li l-ġurista li jkun jixtieq isir avukat fi Stat Membru jikseb, qabel ma jkun jista’ jeżerċita din il-professjoni, esperjenza reali tal-prattika tad-dritt f’dan l-Istat Membru u tar-regoli li jorbtu lill-avukati u tal-użanzi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-qrati u mal-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti normalment ikunu għalhekk jistgħu jissorveljaw faċilment il-kundizzjonijiet ta’ tali prattika u, b’mod partikolari, l-adegwatezza tal-kontenut ta’ din il-prattika fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali. B’mod partikolari, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, li tagħti lill-kamra tal-avukati Awstrijaka kompetenti, fil-kuntest tal-kompitu legali tagħha li tissorvelja lill-avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika u lill-avukat superviżur, aċċess għall-uffiċċju ta’ dan tal-aħħar sabiex tara li t-taħriġ tal-avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika jkun jikkorrispondi għar-rekwiżiti speċifiċi għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat.

39

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, peress li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiżgura, kif jirriżulta mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, li l-avukat ikun kiseb esperjenza sodisfaċenti tal-prattika tad-dritt nazzjonali u tal-kuntatt mal-awtoritajiet u mal-qrati Awstrijaċi sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja mfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kundizzjoni li ġurista għandu jagħmel parti ddeterminata mill-prattika tiegħu ma’ avukat stabbilit fl-Istat Membru kkonċernat tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

40

Effettivament, li l-ġuristi għandhom jagħmlu l-prattika tagħhom ma’ avukat irreġistrat ma’ kamra tal-avukati Awstrijaka, iżda li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor, flimkien mar-rekwiżit li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw il-prova li dan il-perijodu ta’ prattika jkun ta’ natura li jagħti esperjenza ekwivalenti għal dik li tagħti prattika ma’ avukat stabbilit fl-Awstrija, jikkostitwixxi miżura li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tidher inqas restrittiva mir-restrizzjoni li timponi din il-leġiżlazzjoni.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li ma jistax jiġi preżunt, b’mod ġenerali, li ġurista li jagħmel il-prattika tiegħu ma’ avukat irreġistrat ma’ kamra tal-avukati Awstrijaka, iżda li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor, la jista’ jirċievi taħriġ xieraq u lanqas jikseb biżżejjed esperjenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-prattika tad-dritt Awstrijak ekwivalenti għal dawk li minnhom jibbenefika avukat li jagħmel il-prattika tiegħu fl-Awstrija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, obbligu li jinġiebu biżżejjed provi tal-fatt li l-attivitajiet effettivament imwettqa matul tali prattika huma ta’ natura li jipprovdu taħriġ u esperjenza ekwivalenti għal dawk li tipprovdi prattika ma’ avukat stabbilit fl-Awstrija jidher li jista’ jiżgura li l-għanijiet ta’ din il-prattika jkunu ntlaħqu tassew.

42

Fit-tieni lok, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet kompetenti jibqgħu f’pożizzjoni li jissorveljaw b’mod effettiv il-kundizzjonijiet tal-prattika.

43

L-ewwel nett, huma jistgħu, kemm‑il darba jqisu li dan ikun utli fid-dawl tal-informazzjoni li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, iħarrku lill-avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika u lill-avukat superviżur tiegħu sabiex jingħataw spjegazzjonijiet dwar l-iżvolġiment tal-prattika, billi, jekk ikun il-każ, jordnaw l-interruzzjoni ta’ din il-prattika jew jirrifjutaw li jeħduha inkunsiderazzjoni fil-każ li dawn tal-aħħar jirrifjutaw li jieħdu konjizzjoni ta’ din it-taħrika. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjonijiet tar-RAK, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li hija tagħmel tali taħrikiet meta jkun hemm dubji ġġustifikati dwar l-osservanza, f’każijiet partikolari, tar-rekwiżiti li jimponi t-taħriġ tal-avukati li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika fir-rigward tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat.

44

It-tieni nett, peress li, fil-każ imsemmi mill-qorti tar-rinviju, kemm l-avukat li għamel il-prattika kif ukoll l-avukat superviżur huma rreġistrati f’kamra tal-avukati tal-Istat Membru li taħtha jaqa’ t-taħriġ għall-professjoni ta’ avukat, l-awtoritajiet professjonali huma normalment kompetenti sabiex jimponu fuqhom sanzjonijiet dixxiplinari jekk dawn jipprovaw iqarrqu bl-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kontenut tal-prattika jew jipprovaw ma jikkonformawx ruħhom mal-miżuri ta’ kontroll implimentati sabiex jiġi żgurat li din il-prattika tmur kif suppost.

45

Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet kompetenti mhux neċessarjament ikunu jistgħu jaċċedu għall-uffiċċju tal-avukat superviżur għal finijiet ta’ sorveljanza, tali aċċess ma jistax jitqies li huwa indispensabbli sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, mill-informazzjoni pprovduta mir-RAK waqt is-seduta jirriżulta li fil-prattika hija għamlet użu minn miżuri ta’ kontroll inqas restrittivi mis-sorveljanza in situ fl-uffiċċji tal-avukati sabiex tivverifika jekk l-għanijiet tal-prattika jkunux qegħdin jintlaħqu.

46

Il-fatt li, taħt id-dritt Awstrijak, l-avukat li jkun qiegħed jagħmel il-prattika jkollu, wara perijodu ta’ 18‑il xahar ta’ prattika ma’ avukat stabbilit fl-Awstrija, awtorizzazzjoni ta’ rappreżentanza wiesgħa ħafna ma jistax jixħet dubju fuq dak premess, sa fejn, skont leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-esperjenza li ġurista jikseb wara li jkun għamel dan il-perijodu ta’ prattika ma’ avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor hija ekwivalenti għal dik miksuba fi tmiem l-istess perijodu minn avukat li jkun għamel il-prattika tiegħu ma’ avukat stabbilit fl-Awstrija.

47

Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq loġika paragunabbli ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/5, għandu jiġi kkonstatat li l-għażla li għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta din id-direttiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri li l-Istati Membri huma awtorizzati jimponu fuq l-avukati li, wara li jkunu kisbu l-kwalifika professjonali tagħhom fi Stat Membru ieħor, ikunu jixtiequ jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fit-territorju tagħhom ma tistax tillimita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE għal sitwazzjoni mhux koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tkun teħtieġ li parti ddeterminata mill-prattika, liema prattika tkun neċessarja għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat u li matulha l-avukat li jkun qiegħed jagħmilha jkollu ċerta setgħa ta’ rappreżentanza quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, issir ma’ avukat stabbilit fl-imsemmi Stat Membru, filwaqt li teskludi l-possibbiltà li din ssir ma’ avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor, minkejja li dan l-avukat ikun irreġistrat ma’ kamra tal-avukati tal-ewwel Stat Membru u minkejja li l-attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ din il-prattika jkunu jikkonċernaw id-dritt ta’ dan l-ewwel Stat Membru, u ma tippermettix għalhekk lill-ġuristi kkonċernati jagħmlu parti mill-imsemmija prattika fi Stat Membru ieħor, kemm‑il darba dawn tal-aħħar jagħtu l-prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li, hija u ssir, din il-parti mill-prattika tista’ tagħtihom taħriġ u esperjenza ekwivalenti għal dawk li tagħtihom il-prattika ma’ avukat stabbilit fl-ewwel Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tkun teħtieġ li parti ddeterminata mill-prattika, liema prattika tkun neċessarja għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat u li matulha l-avukat li jkun qiegħed jagħmilha jkollu ċerta setgħa ta’ rappreżentanza quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, issir ma’ avukat stabbilit fl-imsemmi Stat Membru, filwaqt li teskludi l-possibbiltà li din ssir ma’ avukat stabbilit fi Stat Membru ieħor, minkejja li dan l-avukat ikun irreġistrat ma’ kamra tal-avukati tal-ewwel Stat Membru u minkejja li l-attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ din il-prattika jkunu jikkonċernaw id-dritt ta’ dan l-ewwel Stat Membru u ma tippermettix għalhekk lill-ġuristi kkonċernati jagħmlu parti mill-imsemmija prattika fi Stat Membru ieħor, kemm‑il darba dawn tal-aħħar jagħtu l-prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li, hija u ssir, din il-parti mill-prattika tista’ tagħtihom taħriġ u esperjenza ekwivalenti għal dawk li tagħtihom il-prattika ma’ avukat stabbilit fl-ewwel Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.