SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Artikolu 5 – Projbizzjonijiet intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-għasafar – Artikolu 9 – Derogi – Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Projbizzjoni ta’ qtugħ ta’ siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-għasafar”
Fil-Kawża C‑784/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura
OÜ Voore Mets,
AS Lemeks Põlva
vs
Keskkonnaamet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan, J. Passer (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2024,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal OÜ Voore Mets, minn I. Veso, vandeadvokaat, |
|
– |
għal AS Lemeks Põlva, minn A. Hainsoo u M. Paloots, |
|
– |
għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo u M. Pere, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Svediż, minn F.‑L. Göransson u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Parlament Ewropew, minn M. Allik u W. D. Kuzmienko, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Alver u A. Maceroni, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Randvere u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Frar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(a), (b) u (d) u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”), kif ukoll tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, rispettivament, OÜ Voore Mets u AS Lemeks Põlva mal-Keskkonnaamet (l-Uffiċċju għall-Ambjent, l-Estonja) dwar ordnijiet li permezz tagħhom dan tal-aħħar issospenda l-qtugħ tas-siġar sabiex jipproteġi r-riproduzzjoni tal-għasafar. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva dwar l-għasafar
|
3 |
Il-premessi 3, 5, 7, 8 u 10 tad-Direttiva dwar l-għasafar jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi: “Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L- Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali.” |
|
6 |
L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jiddisponi: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:
|
|
7 |
Skont kliem l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar: “L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:
|
Id-Direttiva dwar il-habitats
|
8 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”) jiddisponi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:
2. Għal dawn l-ispeċi, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu ż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew skambju, u offerta għall-bejgħ jew skambju, ta’ kampjuni meħuda mis-selvaġġ, ħlief għal dawk meħuda b’mod legali qabel ma tiġi implimentata din id-Direttiva. 3. Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) u fil-paragrafu 2 tgħodd għall-istadji kollha tal-ħajja ta’ l-annimali li għalihom japplika dan l-Artikolu. […]” |
Id-dritt Estonjan
Il-MS
|
9 |
L-Artikolu 28 tal-metsaseadus (MS) (il-Liġi dwar il-Foresti), tas‑7 ta’ Ġunju 2006 (RT I 2006, 30, 232), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (RT I, 4.1.2021, 10) (iktar ’il quddiem il-“MS”), jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu: “Il-qtugħ għall-manutenzjoni għandu jsir sabiex: […]
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 29(1) tal-MS jiddisponi: “Fil-każ ta’ tqaċċit totali tas-siġar, is-siġar kollha ta’ żona ta’ art għandhom jinqatgħu wara sena, bl-eċċezzjoni ta’:
[…]
|
|
11 |
L-Artikolu 40 tal-MS jipprevedi: “[…] (2) L-Uffiċċju għall-Ambjent għandu d-dritt li joħroġ ordni billi juża l-għarfien espert dwar il-protezzjoni tal-foresti sabiex jipprevjeni l-ħsara lill-foresti u li din il-ħsara tinxtered. Minbarra r-referenzi previsti fil-punti 1 sa 5 u 7 sa 9 tal-Artikolu 25(9) ta’ din il-liġi, l-ordni għandha tinkludi, fid-dispożittiv tagħha, ordni sabiex titwaqqaf l-attività ta’ ħsara jew sabiex ma ssir ebda attività li tista’ tikkawża ħsara, sabiex jiġi eliminat is-sors tal-perikolu u sabiex jitneħħew il-konsegwenzi tal-ħsara kkawżata. L-ordni għandha tiġi nnotifikata lid-destinatarju tal-obbligi li hija tistabbilixxi fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 25(8) ta’ din il-liġi. […] (10) Sabiex jiġu protetti l-annimali matul l-istaġun tar-riproduzzjoni tagħhom, il-Ministru responsabbli għall-qasam jista’, permezz ta’ regolament, jillimita l-qtugħ fil-popolazzjoni multifrontali u l-popolazzjoni mħallta fil-perijodu bejn il‑15 ta’ April u l‑15 ta’ Ġunju. […]” |
|
12 |
L-Artikolu 41 tal-MS huwa fformulat kif ġej: “(1) Il-proprjetarju tal-foresta jew ir-rappreżentant tiegħu […] għandu jissottometti komunikazzjoni forestali lill-Uffiċċju għall-Ambjent:
[…] (8) Jekk il-qtugħ ippjanat ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni, l-Uffiċċju għall-Ambjent għandu d-dritt li jirrifjuta li jirreġistrah, filwaqt li jagħti raġunijiet bil-miktub għar-rifjut tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex l-attività ssir konformi mal-leġiżlazzjoni. (81) Jekk il-qtugħ ippjanat ikun konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni, l-Uffiċċju għall-Ambjent għandu jirreġistrah fir-reġistru tal-foresti. […]” |
Il-LoKS
|
13 |
Konformement mal-Artikolu 2 tal-loomakaitseseadus (LoKS) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Annimali), tat‑13 ta’ Diċembru 2000 (RT I 2001, 3, 4), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (RT I, 30.12.2020, 12) (iktar ’il quddiem il-“LoKS”): “(1) Għall-finijiet ta’ din il-liġi, […] għasfur […] huwa annimal. […]” |
|
14 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-LoKS: “(1) Sabiex tiġi evitata l-mewt ta’ annimali selvaġġi, l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi għandhom id-dritt: […]
[…]” |
Il-LKS
|
15 |
L-Artikolu 55 tal-looduskaitseseadus (LKS) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura), tal‑21 ta’ April 2004 (RT I 2004, 38, 258), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (RT I, 30.12.2020, 7) (iktar ’il quddiem il-“LKS”), jiddisponi: “(1) Il-qtil intenzjonali ta’ kampjun ta’ speċi protetta, ħlief għall-finijiet ta’ ewtanażja, huwa pprojbit. […] (3) Il-qtil ta’ kampjun ta’ speċi protetta fil-Kategorija II jew III għandu jkun awtorizzat: […]
[…] (5) Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 […] u fil-punti 2 sa 5 tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-qtil tal-annimal għandu jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju għall-Ambjent. (51) L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 u fil-punti 1 u 2 tal-paragrafu 61 ta’ dan l-artikolu tista’ tingħata jekk ma jeżistux miżuri oħra li jagħmlu inqas ħsara lill-annimali u lill-għasafar sabiex tiġi riżolta s-sitwazzjoni. Il-permess għandu jsemmi
[…] (61) Fil-każ ta’ għasafar selvaġġi, dawn li ġejjin għandhom ikunu pprojbiti:
[…]” |
Il-Kodiċi tal-Amministrazzjoni tal-Foresti
|
16 |
L-Artikolu 22 tal-metsa majandamise eeskiri (il-Kodiċi tal-Amministrazzjoni tal-Foresti) (RTL 2007, 2, 16), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (RT I, 6.4.2021, 8), jipprevedi: “[…] (5) L-inizjattiva tal-għarfien espert dwar il-protezzjoni tal-foresti għandha tittieħed mill-Uffiċċju għall-Ambjent abbażi tal-informazzjoni miksuba permezz ta’ komunikazzjoni forestali jew bi kwalunkwe mezz ieħor:
[…] (6) Sabiex jiġi kkummissjonat għarfien espert dwar il-protezzjoni tal-foresti, il-proprjetarju tal-foresta għandu jissottometti lill-Uffiċċju għall-Ambjent komunikazzjoni ta’ ħsara forestali intiża għar-riforestazzjoni ta’ foresta li tkun inqerdet wara maltempata, għargħar, nirien forestali fuq skala kbira jew ħsarat sinjifikattivi oħra kkawżati minn fenomenu naturali […], jew li tkun f’saħħa ħażina minħabba fatturi naturali, kif ukoll ir-riforestazzjoni ta’ popolazzjoni forestali li jkollha fenotip difettuż jew li, għal raġuni indipendenti mill-proprjetarju tal-foresta, ikollu żona ta’ art u densità baxxa. […]” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
|
17 |
Fir-rebbiegħa 2021, Voore Mets qatgħet is-siġar fuq l-art ta’ Pällo-Reino, li tinsab fil-Komun ta’ Jõgeva (l-Estonja), abbażi ta’ komunikazzjoni forestali rreġistrati. Dan kien jikkonsisti fi tqaċċit totali tas-siġar, fis-sens tal-Artikolu 29(1) tal-MS. |
|
18 |
Min-naħa tagħha, Lemeks Põlva xtrat mingħand il-proprjetarju tal-art ta’ Järveääre, li tinsab fil-Komun ta’ Põlva (l-Estonja), id-dritt ta’ użu ta’ injam mhux maqtugħ. Il-komunikazzjonijiet forestali tagħha tal‑4 ta’ Mejju 2021 kienu jipprevedu t-twettiq ta’ qtugħ tas-siġar tal-kenn, fis-sens tal-Artikolu 28(7) tal-MS, fuq żona ta’ din l-art u tqaċċit totali tas-siġar fuq erba’ żoni oħra tal-imsemmija art. |
|
19 |
Permezz ta’ ordnijiet tas‑17 u tal‑21 ta’ Mejju 2021, l-Uffiċċju għall-Ambjent issospenda, inizjalment sal‑21 ta’ Mejju 2021, imbagħad sal‑31 ta’ Lulju 2021, il-qtugħ tas-siġar imwettaq minn Voore Mets fuq l-art ta’ Pällo-Reino. Permezz ta’ ordnijiet tal‑21 u tas‑26 ta’ Mejju 2021, l-Uffiċċju għall-Ambjent issospenda wkoll, inizjalment sas‑26 ta’ Mejju 2021, imbagħad sal‑15 ta’ Lulju 2021, il-qtugħ tas-siġar imwettaq minn Lemeks Põlva fuq l-art ta’ Järveääre. |
|
20 |
Dawn l-ordnijiet ġew adottati abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 7(1) tal-LoKS u tal-Artikolu 55(61) tal-LKS. L-ewwel ordnijiet, jiġifieri dik indirizzata lil Voore Mets fis‑17 ta’ Mejju 2021 u dik indirizzata lil Lemeks Põlva fil‑21 ta’ Mejju 2021, huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li tgħid li huwa xjentifikament ipprovat li kull foresta tospita mill-inqas koppja waħda ta’ għasafar li jbejtu għal kull ettaru, b’tali mod li t-tkomplija tal-qtugħ tas-siġar toħloq riskju reali ta’ tfixkil tal-għasafar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija, kif ukoll ta’ qerda jew ta’ ħsara tal-bejtiet. It-tieni ordnijiet, jiġifieri dik indirizzata lil Voore Mets fil‑21 ta’ Mejju 2021 u dik indirizzata lil Lemeks Põlva fis‑26 ta’ Mejju 2021, jindikaw, barra minn hekk, li ż-żjarat fuq l-artijiet ikkonċernati ppermettew li jiġi kkonstatat, f’kull wieħed miż-żewġ każijiet, li kien hemm tfisqija ċerta, probabbli jew possibbli ta’ għaxar speċi differenti ta’ għasafar fuq l-artijiet ikkonċernati. |
|
21 |
B’mod iktar preċiż, minn naħa, skont l-ordni tal‑21 ta’ Mejju 2021, indirizzata lil Voore Mets, kienu nstemgħu għasafar jgħannu fuq l-art ta’ Pällo-Reino waqt żjara fil-post organizzata fl-istess jum u l-għasafar li ġejjin, li fir-rigward tagħhom jista’ raġonevolment jiġi preżunt li huma jbejtu fl-istess settur, kienu ġew identifikati permezz tal-għana jew tal-apparenza tagħhom: il-vjolin ħadrani (Phylloscopus sibilatrix), il-bumistur ewrasjatiku (Troglodytes troglodytes), il-malvizz iswed (Turdus merula), il-malvizz (Turdus philomelos) u l-isponsun (Fringilla coelebs). Barra minn hekk, ġiet ikkonstatata tfisqija probabbli tal-bulewż (Sitta europaea) u tal-bugeddum (Pyrrhula pyrrhula). Barra minn hekk, f’din l-ordni ġie rrilevat li kien probabbli ħafna li l-art ikkonċernata tospita wkoll il-vjolin tax-xitwa (Phylloscopus collybita), il-vjolin pastard (Phylloscopus trochilus) u ż-żanżarell sidru aħmar (Ficedula parva). F’dan il-kuntest, l-imsemmija ordni li tippreċiża s-sospensjoni tal-attivitajiet ta’ qtugħ tas-siġar sal‑31 ta’ Lulju tiżgura l-protezzjoni ta’ għasafar li jfaqqsu tard bħall-vjolin ħadrani. |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, skont l-ordni tas‑26 ta’ Mejju 2021, indirizzata lil Lemeks Põlva, iż-żjara fuq il-post ta’ Järveääre ppermettiet li tiġi identifikata tfisqija ċerta tat-tektieka (Dendrocopos major) u tal-isponsun, tfisqija probabbli tal-fjorentin (Parus major) u tas-sultan taċ-ċawl (Garrulus glandarius), kif ukoll possibbilment tfisqija tal-vjolin tax-xitwa, tal-vjolin ħadrani, tal-bekkafik (Sylvia borin), tal-bumistur ewrasjatiku, taż-żiemel (Prunella modularis) u tal-pitirross (Erithacus rubecula). |
|
23 |
Ir-rikors, li permezz tiegħu Voore Mets titlob il-kumpens għad-dannu marbut mal-immobilizzazzjoni u sussegwentement mat-trasferiment tal-materjal forestali tagħha, li ġie kkawżat lilha mill-Uffiċċju għall-Ambjent minħabba żewġ ordnijiet li jikkonċernawha, ġie miċħud mit-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja). Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja). |
|
24 |
Fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati minn Lemeks Põlva bl-għan tal-konstatazzjoni tal-illegalità tal-ordnijiet li jikkonċernawha, it-Tartu Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tartu, l-Estonja) laqgħet parzjalment dawn ir-rikorsi u kkonstatat l-illegalità tal-ordni tas‑26 ta’ Mejju 2021, minħabba, b’mod partikolari, li hija ma tindirizzax il-kwistjoni tal-proporzjonalità ta’ projbizzjoni totali tal-qtugħ tas-siġar għal madwar xahar u nofs fir-rigward tan-numru ta’ għasafar li jbejtu fuq l-art, il-perijodi ta’ tfisqija ta’ dawn l-għasafar u l-interessi ta’ din ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li din tal-aħħar ma kinitx instemgħet. Madankollu, it-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tartu, l-Estonja) annullat din id-deċiżjoni sa fejn din kienet laqgħet l-imsemmija rikorsi. |
|
25 |
Adita b’appelli minn Voore Mets u minn Lemeks Põlva, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ “intenzjonalità”, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar, għandux jinftiehem bl-istess mod bħal fil-każ tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Habitats, jiġifieri f’dan is-sens, b’mod partikolari, li l-kundizzjoni dwar in-natura intenzjonali għandha titqies li hija ssodisfatta mhux biss meta jiġi stabbilit li l-awtur tal-att ried il-qtil jew it-tfixkil ta’ kampjun tal-għasafar jew ukoll il-qerda jew il-ħsara tal-bejtiet jew tal-bajd tagħhom, iżda wkoll meta jiġi stabbilit li huwa, tal-inqas, aċċetta l-possibbiltà ta’ tali qtil, tfixkil, qerda jew ħsara. |
|
26 |
Fil-każ li dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fit-tieni lok, liema huma ċ-ċirkustanzi li huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li teżisti tali aċċettazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tqis li l-preżenza ta’ koppja ta’ għasafar għal kull ettaru, irrilevata fl-ewwel ordnijiet abbażi ta’ data xjentifika, ma teċċedix neċessarjament il-limitu li minnu l-operatur forestali għandu jitqies li aċċetta l-possibbiltà li għasafar jinqatlu jew jiġu mfixkla, jew li l-bejtiet jew il-bajd tagħhom jiġu meqruda jew issirilhom ħsara. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju hija a priori tal-opinjoni li, mill-mument li fih jeżistu ċ-ċirkustanzi addizzjonali kkonstatati fit-tieni ordnijiet, hemm neċessarjament aċċettazzjoni tal-possibbiltà li t-tqaċċit totali tas-siġar imwettaq matul il-perijodu ta’ tfisqija jikkawża l-mewt tal-għasafar u l-qerda tal-bejtiet u tal-bajd tagħhom. Madankollu, tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk it-twettiq ta’ qtugħ jistax jitqies li huwa qtil, tfixkil, qerda jew ħsara intenzjonali, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar, jekk xejn ma jippermetti li jiġi preżunt tfisqija tal-għasafar fil-perikolu fiż-żona tal-qtugħ u jekk l-attività kkonċernata għandhiex l-għan li toqtol jew li tfixkel l-għasafar jew ukoll li teqred jew li tagħmel ħsara lill-bejtiet. Il-fatt li l-ispeċi kollha ta’ għasafar għandhom jaqgħu taħt sistema ta’ protezzjoni ma jfissirx neċessarjament li l-għasafar kollha għandhom jiġu protetti bl-istess mod. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni teleoloġika, jiġifieri li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. |
|
27 |
Fit-tielet lok, għalkemm fil-qtugħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jitqies li hemm intenzjoni li jinqatlu jew li jiġu mfixkla l-għasafar jew ukoll li jinqerdu jew li ssir ħsara lill-bejtiet jew lill-bajd tagħhom, huwa neċessarju, skont il-qorti tar-rinviju, li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar jippermettix deroga mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(a), (b) u (d) tagħha. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-għoti ta’ deroga ma huwiex possibbli jew huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti wisq jista’, minħabba n-natura sproporzjonata tiegħu, imur kontra l-libertà ta’ intrapriża u d-dritt fundamentali għall-proprjetà stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, b’tali mod li tqum, jekk ikun il-każ, il-kwistjoni tal-konformità tad-Direttiva dwar l-għasafar mat-Trattati u tal-validità tagħha. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
30 |
Voore Mets u Lemeks Põlva jqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ammissibbli. Fil-fehma tagħhom, id-domandi kollha magħmula, essenzjalment, diġà rċevew risposta fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699) u bl-ebda mod ma jirriżulta mis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166), li l-kunċett ta’ “intenzjonalità” msemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar għandu jiġi interpretat fl-istess sens bħal dak li jinsab fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats. Barra minn hekk, l-assenza ta’ diffikultà legali li teħtieġ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonfermata mill-fatt li ebda Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Estonja ma jissospendi, abbażi tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva dwar l-għasafar, l-attivitajiet ta’ qtugħ matul il-perijodu tar-rebbiegħa u tas-sajf fil-foresti intiżi għal użu forestali u li ma jibbenefikawx minn protezzjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-għasafar. Voore Mets iżżid li l-eżami tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jwassal sabiex jinqabeż it-terminu raġonevoli għat-trattament tal-kawżi prinċipali. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali għandhom l-iktar possibbiltà wiesgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża, li hija l-unika waħda li taf id-dritt nazzjonali tagħha u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika kif ukoll jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domanda (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, GE Auto Service Leasing,C‑294/20, EU:C:2021:723, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Minn dan jirriżulta li l-fatt li r-risposta għad-domandi preliminari tista’ tiġi dedotta mill-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699) u mis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166), u ma joħloq ebda diffikultà legali, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma huwiex ta’ natura li jirrendi t-talba għal deċiżjoni preliminari inammissibbli. |
|
33 |
Fil-fatt, minn naħa, anki fil-preżenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jżommu l-fakultà l-iktar wiesgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati jkunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma huwa pprojbit għal qorti nazzjonali li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari li, fl-opinjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-risposta ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria,C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li t-tul tat-tilwima quddiem il-qrati nazzjonali ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn waħda minn dawn il-qrati skont l-Artikolu 267 TFUE. |
|
35 |
Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja huma obbligati josservaw il-prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ f’terminu raġonevoli li huwa riprodott fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
36 |
Fil-fatt, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB tikkostitwixxi limitu minimu ta’ protezzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tagħha tad-drittijiet korrispondenti riprodotti fl-Artikolu 47 tal-Karta fid-dawl tal-Artikolu 52(3) ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Ordre des avocats du Barreau de Luxembourg,C‑432/23, EU:C:2024:791, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tul ta’ proċedura quddiem qorti nazzjonali kisirx id-dritt previst fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan jippreġudika s-sistema stabbilita f’dan l-Artikolu 267 u l-għan essenzjalment imfittex mill-imsemmi Artikolu 267 (Qorti EDB, 26 ta’ Frar 1998, Pafitis et vs Il‑Greċja, CE:ECHR:1998:0226JUD002032392, punt 95, u Qorti EDB, 30 ta’ Settembru 2003, Koua Poirrez vs Franza, CE:ECHR:2003:0930JUD004089298, punt 61). |
|
38 |
Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
|
39 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Voore Mets tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi domandi differenti minn dawk magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-partijiet fil-kawża prinċipali li tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Is-setgħa li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, T‑Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic, C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Minn dan isegwi li risposta għad-domandi magħmula mill-partijiet fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, risposta għal dawn id-domandi tmur kontra l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, T‑Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic, C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Voore Mets. |
Fuq l-ewwel domanda
|
43 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-għan tal-attività tal-bniedem ikkonċernata ma jkunx il-qbid, il-qtil jew it-tfixkil tal-għasafar jew il-qerda jew il-ħsara tal-bejtiet jew tal-bajd tagħhom, il-projbizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni japplikaw biss sa fejn dawn ikunu neċessarji sabiex tinżamm jew tiġi adattata l-popolazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għal livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, fid-dawl tar-rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali. |
|
44 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar jobbliga lill-Istati Membri, bla ħsara għall-Artikoli 7 u 9 ta’ din id-direttiva, jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar kollha msemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. Din is-sistema tinkludi, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 5(a), (b) u (d) tal-istess direttiva, il-projbizzjoni ta’, l-ewwel nett, “il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu”, it-tieni nett, “il-qerda, jew il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u l-bajd tagħhom jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom” u, it-tielet nett, “it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva”. |
|
45 |
Fl-ewwel lok, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar moqri fid-dawl tal-Artikolu 1(1) ta’ din tal-aħħar, kif ukoll mill-kuntest tal-imsemmi Artikolu 5 kif ukoll mill-għan u mill-iskop ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-projbizzjonijiet previsti f’dan l-aħħar artikolu japplikaw għall-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalih it-Trattati jkunu applikabbli, mingħajr ma l-applikazzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet tkun, għaldaqstant, limitata għal ċerti speċi ta’ għasafar konkreti jew għal speċi li huma mhedda f’ċertu livell jew li l-popolazzjoni tagħhom turi tendenza ta’ tnaqqis fit-tul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen,C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punti 36, 37 u 45). |
|
46 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura intenzjonali li tinsab fl-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar, għandu jiġi rrilevat li, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jipprevedi projbizzjonijiet analogi għal dawk stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 5 (a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, għandu jiġi stabbilit li l-awtur tal-att ried il-qbid jew il-qtil ta’ kampjun ta’ speċi ta’ annimali protetta, it-tfixkil ta’ dawn l-ispeċi jew il-qerda tal-bajd, jew, tal-inqas, aċċetta l-possibbiltà ta’ tali qbid, qtil, tfixkil jew qerda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen,C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Issa, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ unità u ta’ koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati mill-atti adottati fl-istess qasam għandu jkollhom l-istess tifsira (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Marvesa Rotterdam,C‑7/23, EU:C:2024:257, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, fid-dawl tax-xebh, minn naħa, tat-termini tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar u, min-naħa l-oħra, tal-pożizzjoni li dawn l-artikoli jokkupaw fil-kuntesti regolatorji rispettivi tagħhom, il-kunċett ta’ “intenzjonalità” li jinsab fl-imsemmi Artikolu 5 għandu jingħata l-istess interpretazzjoni bħal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
48 |
Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “intenzjonalità” fis-sens stabbilit fil-punt 46 ta’ din is-sentenza tirriżulta mis-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑103/00, EU:C:2002:60, punti 34 sa 36), u tat‑18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑221/04, EU:C:2006:329, punt 71). Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott li, meta adotta matul is-sena 2009, id-Direttiva dwar l-għasafar, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi naqas milli jintroduċi preċiżazzjonijiet dwar il-kundizzjoni dwar in-natura intenzjonali li tinsab fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, sabiex, b’mod partikolari, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-atti li ma għandhomx bħala għan il-qbid, il-qtil jew it-tfixkil tal-għasafar jew il-qerda jew il-ħsara tal-bejtiet jew tal-bajd tagħhom, ried li din il-kundizzjoni tingħata l-istess tifsira bħal dik li huwa għandu fil-kuntest tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
49 |
Minn dan isegwi li l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar japplikaw mhux biss għall-attivitajiet tal-bniedem li l-għan tagħhom huwa l-qbid, il-qtil u t-tfixkil tal-għasafar, jew il-qerda jew il-ħsara tal-bejtiet u tal-bajd tagħhom, iżda wkoll għall-attivitajiet tal-bniedem li, għalkemm ma għandhomx manifestament tali għan, jinkludu l-aċċettazzjoni tal-possibbiltà ta’ tali qbid, qtil, tfixkil, qerda jew ħsara. |
|
50 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni dwar jekk, meta l-għan ta’ attività tal-bniedem ikun manifestament differenti mill-qbid, mill-qtil u mit-tfixkil ta’ għasafar jew il-qerda jew il-ħsara tal-bejtiet jew tal-bajd tagħhom, il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar japplikaw biss sa fejn dawn ikunu neċessarji sabiex tinżamm jew tiġi adattata l-popolazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għal livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, fid-dawl tar-rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss l-Artikolu 5(d) tal-imsemmija direttiva li jipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fiha, jiġifieri dik ta’ tfixkil tal-għasafar intenzjonalment, b’mod partikolari matul il-perijodu tar-riproduzzjoni u tat-trobbija, tapplika “sakemm dan it-tfixkil jista jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet [tad-Direttiva dwar l-għasafar]”. |
|
51 |
Fir-rigward tal-portata ta’ din il-kundizzjoni, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva dwar l-għasafar jikkonsisti, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 3, 5, 7 u 8 tagħha, fil-protezzjoni, fl-amministrazzjoni u fir-regolamentazzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalih it-Trattati jkunu applikabbli sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tagħhom bħala patrimonju tal-popli Ewropej, li jimplika protezzjoni fit-tul billi tinżamm jew tiġi stabbilita mill-ġdid diversità u żona suffiċjenti tal-habitats. Fid-dawl ta’ dan l-għan, din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 10 tagħha, l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi ta’ għasafar għal livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, fid-dawl tar-rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali, b’mod li jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala sodisfaċenti. Għalhekk, il-frażi “sakemm dan it-tfixkil jista jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet [tad-Direttiva dwar l-għasafar]”, li tinsab fl-Artikolu 5(d) tal-imsemmija direttiva, għandha, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tiġi interpretata fis-sens li t-tfixkil, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija, għandu jiġi pprojbit sa fejn dan ikollu effett sinjifikattiv fuq l-għan li l-popolazzjoni tal-imsemmija speċi ta’ għasafar tinżamm jew tiġi adattata għal livell sodisfaċenti. |
|
52 |
Għall-kuntrarju, l-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-għasafar ma jipprevedix kundizzjoni analoga għal dik li tinsab fl-imsemmija frażi tal-Artikolu 5 (d) ta’ din id-direttiva. |
|
53 |
Għalhekk, fl-assenza, fl-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-għasafar, ta’ kundizzjoni analoga għal dik li tinsab fl-Artikolu 5(d) ta’ din id-direttiva, u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 46 sa 49 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 5(a) u (b) ma hijiex suġġetta għal tali kundizzjoni, u dan indipendentement mill-fatt jekk l-attivitajiet tal-bniedem ikkonċernati għandhomx bħala għan jew le l-qbid jew il-qtil ta’ għasafar, jew il-qerda jew il-ħsara tal-bejtiet jew tal-bajd tagħhom. |
|
54 |
Konsegwentement, b’differenza mill-Artikolu 5(d) tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Artikolu 5(a) u (b) ta’ din id-direttiva ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-attivitajiet tal-bniedem li ma jinvolvux ir-riskju li jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-għan li tinżamm jew tiġi adattata għal livell sodisfaċenti l-popolazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar, b’tali mod li l-eżami tal-effett ta’ attività tal-bniedem fuq il-livell tal-popolazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
55 |
Tali eżami huwa, għall-kuntrarju, rilevanti fil-kuntest tad-derogi għal dawn il-projbizzjonijiet, adottati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen,C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punt 58). |
|
56 |
Fil-fatt, huwa fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn id-derogi li għandha titwettaq, b’mod partikolari, sabiex tiġi vverifikata l-proporzjonalità tad-deroga mitluba, evalwazzjoni kemm tal-effett tal-attività inkwistjoni fuq il-livell tal-popolazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati kif ukoll tan-neċessità ta’ din l-attività kif ukoll tas-soluzzjonijiet alternattivi li jippermettu li jintlaħaq l-għan invokat insostenn tal-imsemmija deroga (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen,C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punt 59). |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandu jiġi interpretat fis-sens li, hija biss il-projbizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 5(d) li tapplika sa fejn din tkun neċessarja sabiex jiġu evitati tfixkil li jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-għan, previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li tinżamm jew tiġi adattata l-popolazzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalih it-Trattati jkunu applikabbli f’livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, fid-dawl tar-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi. Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(a) u (b) tal-imsemmija direttiva ma hijiex suġġetta għal tali kundizzjoni, anki meta l-għan tal-attività tal-bniedem ikkonċernata jkun differenti mill-qbid jew il-qtil tal-għasafar jew il-qerda jew il-ħsara tal-bejtiet jew tal-bajd tagħhom. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
|
58 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta d-data xjentifika u l-osservazzjonijiet ta’ diversi għasafar jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-foresta li għandha tkun imnaddfa kompletament (tqaċċit totali tas-siġar) jew li fiha parti biss mis-siġar ser jitqaċċtu (qtugħ tas-siġar tal-kenn) tospita madwar għaxar koppji ta’ għasafar li jbejtu għal kull ettaru, mingħajr ma tiġi stabbilita l-preżenza ta’ tfisqija ta’ speċi ta’ għasafar fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli fiż-żona li ser titqaċċat, it-twettiq ta’ tali tqaċċit matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija ta’ għasafar jaqa’ taħt il-projbizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni. |
|
59 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-fatt li d-data xjentifika u l-osservazzjonijiet tad-diversi għasafar inkwistjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-preżenza, fuq l-artijiet ikkonċernati, ta’ speċi ta’ għasafar fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ma huwiex limitat biss għall-ispeċi ta’ għasafar f’tali stat ta’ konservazzjoni. |
|
60 |
Fit-tieni lok, meta t-tfisqija ta’ madwar għaxar koppji ta’ għasafar li jbejtu għal kull ettaru tkun ikkonstatata f’foresta li għandha tkun suġġetta għal operazzjoni ta’ tqaċċit, il-fatt li hemmhekk jiġi pprattikat tqaċċit totali tas-siġar u qtugħ tas-siġar tal-kenn, matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-għasafar, jimplika l-aċċettazzjoni tal-possibbiltà li għasafar jinqatlu jew jiġu mfixkla matul dan il-perijodu, jew li l-bejtiet jew il-bajd tagħhom jinqerdu jew issirilhom ħsara. Għalhekk, konformement mal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 46 sa 56 ta’ din is-sentenza, l-atti intiżi għall-prattika ta’ tali qtugħ jaqgħu, fi kwalunkwe każ, taħt il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-għasafar u sa fejn it-tfixkil li dawn jinvolvu jkollu effett sinjifikattiv fuq l-għan li tinżamm jew tiġi adattata f’livell sodisfaċenti l-popolazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati, jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5(d) ta’ din id-direttiva. |
|
61 |
Fit-tielet lok, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, ma jidhirx li huwa inġustifikat li l-konstatazzjoni ta’ tfisqija ta’ ċertu numru ta’ koppji ta’ għasafar għal kull ettaru tiġi bbażata fuq id-data xjentifika u fuq l-osservazzjonijiet ta’ diversi għasafar, u b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, fuq it-tip u l-età tal-foresta kif ukoll fuq l-identifikazzjoni, waqt spezzjoni tal-artijiet ikkonċernati, ta’ xi kampjuni. |
|
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta d-data xjentifika u l-osservazzjonijiet ta’ diversi għasafar jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-foresta li għandha tkun imnaddfa kompletament (tqaċċit totali tas-siġar) jew li fiha parti biss mis-siġar ser jitqaċċtu (qtugħ tas-siġar tal-kenn) tospita madwar għaxar koppji ta’ għasafar li jbejtu għal kull ettaru, mingħajr ma tiġi stabbilita l-preżenza ta’ tfisqija ta’ speċi ta’ għasafar fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli fiż-żona li ser titqaċċat, it-twettiq ta’ tali tqaċċit matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija ta’ għasafar jaqa’ taħt il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(a) u (b) ta’ din id-direttiva u, sa fejn it-tfixkil li dan it-tqaċċit jinvolvi jkollu effett sinjifikattiv fuq l-għan li tinżamm jew tiġi adattata f’livell sodisfaċenti l-popolazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati, jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5(d) tal-imsemmija direttiva. |
Fuq ir-raba’ sas-seba’ domanda
|
63 |
Permezz tar-raba’ sas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar, moqri flimkien mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti deroga mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(a), (b) u (d) tal-imsemmija direttiva sabiex jitwettaq tqaċċit totali tas-siġar jew qtugħ tas-siġar tal-kenn matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-għasafar, sabiex tiġi evitata ħsara sinjifikattiva lill-foresta bħala forma ta’ proprjetà u, fil-każ kuntrarju, jekk din l-istess direttiva hijiex konformi mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. |
|
64 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija tal-vittma tat-traffikar tal-bnedmin),C‑66/21, EU:C:2022:809, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
F’dan ir-rigward, it-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari sabiex jipprevjenu ħsara serja lill-foresti. |
|
66 |
Barra minn hekk, tali deroga tidher li tista’ tingħata, fid-dritt Estonjan, fil-forma ta’ awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju għall-Ambjent, konformement mal-Artikolu 55(3) sa (51) tal-LKS. |
|
67 |
Issa, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-awtoritajiet Estonjani jippermettulhom jidderogaw mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar, billi jagħtuhom awtorizzazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 55(3) sa (51) tal-LKS. F’dak li jirrigwarda, barra minn hekk, b’mod partikolari, Lemeks Põlva, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-appell, ġie kkonstatat li hija ma invokatx l-eżistenza ta’ wieħed mill-motivi ta’ deroga previsti f’din id-dispożizzjoni. |
|
68 |
Peress li r-raba’ sas-seba’ domanda huma għalhekk ta’ natura ipotetika, huma inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
69 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.