SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ Settembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/77/KE – Drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju tax-xandir diġitali terrestri għar-radju u t-televiżjoni – Konverżjoni tad-drittijiet ta’ użu – Allokazzjoni tad-drittijiet ta’ użu – Protezzjoni ġudizzjarja – Indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali”
Fil-Kawżi magħquda C‑764/23 sa C‑766/23,
li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 ta’ Diċembru 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2023, fil-proċeduri
Cairo Network Srl (C‑764/23),
Europa Way Srl (C‑765/23),
Persidera SpA (C‑766/23)
vs
Ministero delle Imprese e del Made in Italy (C‑764/23 u C‑766/23),
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,
Presidenza del Consiglio dei Ministri (C‑765/23),
Ministero dell’Economia e delle Finanze (C‑765/23),
Ministero dello Sviluppo economico (C‑765/23),
fil-preżenza ta’:
Radiotelevisione italiana SpA (RAI),
Persidera SpA (C‑764/23 u C‑765/23),
Mediaset SpA (C‑764/23 u C‑765/23),
Elettronica Industriale SpA,
Premiata Ditta Borghini e Stocchetti di Torino Srl,
Europa Way Srl (C‑764/23 u C‑766/23),
Prima TV SpA,
Associazione di Categoria Aeranti-Corallo (C‑764/23),
3lettronica Industriale SpA (C‑765/23 u C‑766/23),
Espansione Srl (C‑766/23),
Cairo Network Srl (C‑765/23 u C‑766/23),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, N. Piçarra, O. Spineanu-Matei u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Cairo Network Srl, minn R. Perfetti, avvocato, |
|
– |
għal Europa Way Srl, minn F. Ferraro u A. Terranova, avvocati, |
|
– |
għal Persidera SpA, minn E. Apa, V. La Rosa, M. Montinari u I. Picciano, avvocati, |
|
– |
għal Radiotelevisione italiana SpA (RAI), minn G. de Vergottini, E. Lenzi u M. Petitto, avvocati, |
|
– |
għal Mediaset SpA u Elettronica Industriale SpA, minn C. E. Cazzato, D. Lipani, G. M. Roberti, G. Rossi u M. Serpone, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u G. Galluzzo, avvocati dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u O. Gariazzo, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Marzu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 3, 5, 7 u 14 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni”), tal-Artikolu 3(3) u (3a), tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) kif ukoll tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), tal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas‑16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kompetizzjoni”), tal-premessi 11 u 20 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/899 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017 dwar l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470–790 MHz fl-Unjoni (ĠU 2017, L 138, p. 131), tal-Artikoli 5, 6, 8, 9, 31 u 45 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, u rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164, u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwità, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza. |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Cairo Network Srl (C‑764/23), Europa Way Srl (C‑765/23) u Persidera SpA (C‑766/23) u, min-naħa l-oħra, il-Ministero delle Imprese e del Made in Italy (il-Ministeru għall-Intrapriża u għall-Made in Italy, l-Italja) (C‑764/23 u C‑766/23), l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Komunikazzjonijiet, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCOM”), il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja) (C‑765/23), il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) (C‑765/23) u l-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) (C‑765/23) dwar proċeduri, imwettqa fil-kuntest tar-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 694–790 MHz (iktar ’il quddiem il-“banda ta’ frekwenzi 700 MHz”), għall-konverżjoni ta’ drittijiet eżistenti ta’ użu ta’ multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T fi drittijiet ta’ użu ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni f’multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T 2 u ta’ allokazzjoni ta’ dan l-aħħar tip ta’ drittijiet ta’ użu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni
|
3 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jiddefinixxi r-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet ġenerali applikabbli għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. |
|
4 |
L-Artikolu 5(2) u (6) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “2. Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali ta’ użi ta’ frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża għall-provvista ta’ netwerks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 3, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 11(1)(c) ta’ din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi skont id-Direttiva [Qafas]. Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni bil-għan li jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali skont il-liġi Komunitarja, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali, u, fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva [Qafas]. Tista’ tapplika eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ proċeduri miftuħa f’każijiet fejn l-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornuturi ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja. […] 6. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-frekwenzi tar-radju jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv skont l-Artikoli 8(2) u 9(2) tad-Direttiva [Qafas]. Huma għandhom jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta mill-ebda trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju. Għal tali finijiet, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri adatti bħall-obbligu ta’ bejgħ jew kiri ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju”. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni: “Fejn l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jeħtieġ li ma jkunx limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawn id-drittijiet fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Kull wieħed minn dawn il-kriterji tal-għażla jrid jagħti l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva [Qafas] u tar-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu ta’ dik id-Direttiva”. |
|
6 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Emendi tad-drittijiet u l-obbligi”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijet għall-użu jew id-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet jistgħu jkunu emendati biss fil-każi li jkunu oġġettivament ġustifikati u b’mod proporzjonat, b’kont meħud, fejn adatt, tal-kondizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għad-drittijiet trasferibbli ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. […] 2. L-Istati Membri m’għandhomx jillimitaw jew jirtiraw id-drittijiet li jkunu installati l-faċilitajiet jew id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju qabel ma jagħlaq il-perijodu li għalih huma kienu ngħataw ħlief meta dan ikun iġġustifikat u jkun applikabbli b’konformità mal-Anness u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti dwar il-kumpens għall-irtirar tad-drittijiet”. |
Id-Direttiva Qafas
|
7 |
Il-premessa 11 tad-Direttiva Qafas hija fformulata kif ġej: “Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali regolatorji bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-ħtieġa ta’ l-indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligazzjonijiet kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri jew tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tas-sidien tal-proprjetà preskritta f’Artikolu [345 TFUE]. […]” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva, l-“awtorità nazzjonali regolatorja” (iktar ’il quddiem l-“ARN”) tfisser “il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi”. Mill-punt (1) ta’ dan l-Artikolu 2 isegwi li d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni hija waħda mid-“Direttivi Speċifiċi”. |
|
9 |
Il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140, li emendat id-Direttiva Qafas, tistipula: “L-indipendenza tal-[ARN] għandha tissaħħaħ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u biex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali biex jiġi żgurat li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, l-[ARN] responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tkun protetta mill-interventi esterni jew pressjoni politika li jistgħu jipperġudikaw l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ materji li jiġu quddiemha. Din l-influwenza esterna tirrendi l-entità leġiżlattiva nazzjonali mhux adatta biex taġixxi bħala [ARN] taħt il-qafas regolatorju. […]” |
|
10 |
L‑Artikolu 3(1) sa (3a) tad‑Direttiva Qafas jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f’din id-Direttiva u fid-Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti. 2. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-[ARN] billi jassiguraw li jkun legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew jikkontrollaw intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi għandhom jassiguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjoni regolatorja mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u tempestiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom. 3a. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, l-[ARN] responsabbli għal regolazzjoni tas-suq ex-ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn impriżi […] għandhom jaġixxu indipendentement u m’għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi Komunitarja. Dan ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali. Il-korpi ta’ appell biss stabbiliti skont l-Artikolu 4 għandu jkollhom is-setgħa li jissospendu jew ibiddlu deċiżjonijiet mill-[ARN]. […]” |
|
11 |
L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jistipula: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-[ARN] jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti. Din l-entità, li tista’ tkun qorti, għandu jkollha l-kompetenza xierqa biex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jitqiesu kif xieraq u li jkun hemm mekkaniżmu ta’ appell effettiv. Sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell, id-deċiżjoni tal-[ARN] għandha tibqa’ tgħodd, sakemm ma jkunux ingħataw miżuri interim skont il-liġi nazzjonali.” |
|
12 |
L-Artikolu 8(1) sa (4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-[ARN] jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri. […] 2. L-[ARN] għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi […] 3. L-[ARN] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern […] 4. L-[ARN] għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea […]” |
|
13 |
L-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva jistipula: “B’kont debitu meħud tal-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effettiva ta’ frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fit-territorju tagħhom skont l-Artikolu 8 u 8a. Huma għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni tal-ispettur użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu ta’ tali frekwenzi tar-radju minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati. Bl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu qegħdin jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti, inklużi r-Regolamenti tal-[Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU)] ITU tar-Radju, u jkunu jistgħu jqisu l-prospettivi tal-politika pubblika”. |
Id-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni
|
14 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni jistabbilixxi regoli dwar id-drittijiet esklużivi u speċjali għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. |
|
15 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi”, jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri biex jagħtu drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju lil min jipprovdi s-servizzi tal-kontenut tax-xandir tar-radju jew tat-televiżjoni bil-ħsieb li jfittxu għanijiet ta’ interess ġenerali konformi mal-liġi tal-Komunità:
|
Id-Deċiżjoni 2017/899
|
16 |
Il-premessi 8, 9, 11, 15 u 20 tad-Deċiżjoni 2017/899 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
|
|
17 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi: “Sat‑30 ta’ Ġunju 2020, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-użu tal-[banda ta’ frekwenzi 700 MHz] għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili […] L-Istati Membri jistgħu, madankollu, idewmu li jippermettu l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz sa massimu ta’ sentejn abbażi ta’ raġuni ġustifikata kif xieraq waħda jew aktar stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. […] Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-proċess ta’ awtorizzazzjoni jew jemendaw id-drittijiet eżistenti rilevanti għall-użu tal-ispettru skont id-Direttiva 2002/20/KE, sabiex jippermettu t-tali l-użu”. |
Id-Direttiva 2018/1972
|
18 |
L-Artikolu 124(1) tad-Direttiva 2018/1972 huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal‑21 ta’ Diċembru 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni [Ewropea]. L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill‑21 ta’ Diċembru 2020. […]” |
Id-dritt Taljan
|
19 |
L-Artikolu 1(1031) tal-legge n. 205 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2018 e bilancio pluriennale per il triennio 2018‑2020 (il-Liġi Nru 205 dwar il-baġit tal-Istat għas-sena finanzjarja 2018 u baġit pluriannwali għat-tliet snin 2018‑2020) tas‑27 ta’ Diċembru 2017 (GURI Nru 302 tad‑29 ta’ Diċembru 2017), kif emendata mil-legge n. 145 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2019 e bilancio pluriennale per il triennio 2019‑2021 (il-Liġi Nru 145 dwar il-baġit tal-Istat għas-sena 2019 u l-baġit pluriannwali għall-perijodu 2019‑2021) tat‑30 ta’ Diċembru 2018 (GURI Nru 302 tal‑31 ta’ Diċembru 2018) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 205/2017”), jipprovdi: “B’mod konformi mal-għanijiet tal-politika awdjoviżiva Ewropea u nazzjonali ta’ koeżjoni soċjali, ta’ pluraliżmu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u ta’ diversità kulturali, u bil-għan li l-ispettru jiġi amministrat bl-iktar mod effiċjenti possibbli bl-użu tal-iktar teknoloġiji avvanzati, il-frekwenzi kollha allokati fil-livell nazzjonali u lokali lis-servizz [DTT] u allokati fil-banda III VHF u 470‑694 MHz għandhom jiġu rrilaxxati skont l-iskeda msemmija fil-paragrafu 1032. Għall-istess skopijiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel sentenza, id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi miżmuma fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi mill-operaturi ta’ networks nazzjonali jiġu kkonvertiti fi drittijiet għall-użu tal-kapaċità ta’ trażmissjoni fil-multiplexes nazzjonali ta’ għamla ġdida tat-teknoloġija DVB‑T2, skont il-kriterji ddefiniti mill-[AGCOM] sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2019, għall-iskopijiet tal-allokazzjoni tad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi. [L-AGCOM] għandha tistabbilixxi sal‑31 ta’ Marzu 2019 il-kriterji li skonthom id-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi previsti skont il-paragrafu 1030 għas-servizz [DTT] għandhom jiġu allokati, fil-livell nazzjonali, lill-operaturi ta’ networks nazzjonali [fil-banda 470‑694 MHz UHF] filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi żgurat il-kontroll tal-ispejjeż eventwali tat-trasformazzjoni u l-implimentazzjoni tan-networks, it-tnaqqis tat-tul tal-perijodu tranżitorju msemmi fil-paragrafu 1032, u l-minimizzazzjoni tal-ispejjeż u l-impatti fuq l-utenti finali. Sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2019, il-[Ministero dello sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja)] għandu jagħti d-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi msemmija fit-tielet sentenza lill-operaturi tan-networks nazzjonali fuq il-bażi tal-kriterji ddefiniti mill-[AGCOM] fis-sens tal-istess sentenza. […]” |
|
20 |
L-Artikolu 1(1031a) tal-Liġi Nru 205/2017 jipprevedi: “L-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trażmissjoni supplimentari disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-frekwenzi terrestri, flimkien ma’ dawk intiżi għall-konverżjoni tad-drittijiet għall-użu msemmija fil-paragrafu 1031 u previsti mill-[AGCOM] fil-[pjan nazzjonali għall-allokazzjoni tal-frekwenzi], li għandhom jiġu allokati lis-servizz [DTT] għall-operaturi ta’ networks nazzjonali u l-konċessjonarju tas-servizz pubbliku tar-radju, tat-televiżjoni u tal-multimedja, għandha ssir permezz tal-proċedura bi ħlas mingħajr kompetizzjoni, miftuħa fit‑30 ta’ Novembru 2019 mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, b’applikazzjoni tal-proċeduri stabbiliti sat‑30 ta’ Settembru 2019 mill-[AGCOM] […], fuq il-bażi tal-prinċipji u tal-kriterji segwenti:
|
|
21 |
L-Artikolu 1(1037) tal-Liġi Nru 205/2017 jistipula: “It-tilwim li jikkonċerna l-allokazzjoni tad-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi, is-sejħiet għall-applikazzjonijiet u l-proċedura l-oħra msemmija fil-paragrafi 1026 sa 1036, b’mod partikolari, il-proċeduri għar-rilaxx tal-frekwenzi għas-servizz [DTT], jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti amministrattiva […] Minħabba l-interess nazzjonali suprem fir-rilaxx u fl-allokazzjoni malajr tal-frekwenzi, l-annullament tal-atti u tal-miżuri adottati fil-kuntest tal-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1026 sa 1036 ma jwasslux għar-reintegrazzjoni tas-sitwazzjoni preċedenti jew għal rimedju in natura, u l-eventwali kumpens għad-danni dovuti, jekk ikun il-każ, isir biss fuq bażi ekwivalenti. Il-portata tal-miżuri kawtelatorji hija limitata għall-ħlas ta’ depożitu”. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
|
22 |
Cairo Network u Europa Way huma operaturi ta’ netwerks ta’ DTT li kienu, kull wieħed minnhom, detenturi ta’ drittijiet ta’ użu ta’ multiplex tat-teknoloġija DVB‑T. Persidera hija operatur ta’ netwerks ta’ DTT li kienet detentriċi ta’ drittijiet ta’ użu għal ħames multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T. |
|
23 |
Il-leġiżlatur Taljan qies li r-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz kienet teħtieġ li jiġu lliberati numru ta’ frekwenzi sabiex tkun tista’ tiġi mnehdija t-telefonija tal-ħames ġenerazzjoni (iktar ’il quddiem il-“5G”). Konsegwentement, dan il-leġiżlatur awtorizza lill-AGCOM tadotta deċiżjonijiet intiżi, minn naħa, għall-konverżjoni tad-drittijiet eżistenti ta’ użu tal-multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T fi drittijiet ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni f’multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T2 u, min-naħa l-oħra, għall-allokazzjoni, permezz ta’ proċedura bi ħlas, tad-drittijiet ta’ użu tal-kapaċità ta’ trażmissjoni supplimentari permezz tat-tranżizzjoni bejn it-teknoloġiji DVB‑T u DVB‑T2. |
|
24 |
Għal dan l-għan, l-AGCOM adottat sensiela ta’ deċiżjonijiet. |
|
25 |
B’mod partikolari, permezz tad-Deċiżjoni 39/19/CONS, hija ddefinixxiet pjan nazzjonali ġdid għall-allokazzjoni tal-frekwenzi intiżi għad-DTT. Dik id-deċiżjoni pprevediet b’mod partikolari numru totali ta’ 12‑il multiplex nazzjonali tat-teknoloġija DVB‑T2 u parametri ta’ konfigurazzjoni li abbażi tagħhom ġie stabbilit il-prinċipju tas-sostituzzjoni tal‑20 multiplex nazzjonali tat-teknoloġija DVB‑T b’10 multiplex nazzjonali tat-teknoloġija DVB‑T2. |
|
26 |
Permezz tad-Deċiżjoni 129/19/CONS, l-AGCOM iddefinixxiet il-kriterji applikabbli għall-konverżjoni tad-drittijiet ta’ użu tal-multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T fi drittijiet ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni f’multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T2 u għall-allokazzjoni, fuq livell nazzjonali, tad-drittijiet ta’ użu tal-kapaċità ta’ trażmissjoni addizzjonali. |
|
27 |
Permezz tad-Deċiżjoni 562/20/CONS, l-AGCOM iddefinixxiet il-modalitajiet tal-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas tad-drittijiet ta’ użu ta’ din il-kapaċità ta’ trażmissjoni addizzjonali. Permezz tad-Deċiżjoni 564/20/CONS, hija bdiet din il-proċedura. |
|
28 |
Skont il-kriterji ta’ konverżjoni ddefiniti mill-AGCOM, Persidera ngħatat drittijiet ta’ użu ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni f’2,5 multiplex tat-teknoloġija DVB‑T2, filwaqt li Cairo Network u Europa Way ibbenefikaw, kull waħda minnhom, minn drittijiet ta’ użu ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni f’0,5 multiplex ta’ dan it-tip. Fi tmiem il-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas, Cairo Network u Persidera akkwistaw, kull waħda minnhom, drittijiet addizzjonali ta’ użu ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni f’0,5 multiplex tat-teknoloġija DVB‑T2. |
|
29 |
Cairo Network, Europa Way u Persidera ppreżentaw rikorsi għal annullament kontra diversi atti adottati fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, fosthom id-deċiżjonijiet tal-AGCOM 39/19/CONS u 129/19 CONS. |
|
30 |
Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda permezz ta’ sentenzi tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja). |
|
31 |
Cairo Network, Europa Way u Persidera appellaw minn dawk is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appelli tagħhom, dawn il-kumpanniji sostnew b’mod partikolari li l-leġiżlatur Taljan ma kienx osserva l-indipendenza tal-AGCOM, li d-drittijiet ta’ użu ta’ multiplex tat-teknoloġija DVB‑T kienu ġew miksura u li l-proċedura ta’ rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz kienet saret b’mod irregolari, peress li ma ħax inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li ċerti operaturi kienu preċedentement kisbu illegalment pożizzjoni favorevoli fis-suq tad-DTT. |
|
32 |
Peress li jqis li huwa kkonfrontat b’diversi diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, fl-ewwel lok, fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23, dwar in-natura effettiva tal-protezzjoni ġudizzjarja li jistgħu jibbenefikaw minnha Cairo Network u Europa Way. Huwa jiddubita, fil-fatt, li l-esklużjoni ta’ kull possibbiltà ta’ stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti jew ta’ kumpens in natura tippermetti li tiġi ggarantita protezzjoni suffiċjenti lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tat-teknoloġija DVB‑T u li jiġi ssalvagwardjat l-interess ġenerali. |
|
33 |
Fit-tieni lok, dik il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlatur Taljan naqqasx eċċessivament il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-AGCOM, u b’hekk ippreġudika l-indipendenza tagħha. Huwa jirrileva, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjonijiet adottati mill-AGCOM fil-kuntest tal-proċess ta’ rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz ġew influwenzati b’mod sinjifikattiv mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana. Għalhekk, il-koeffiċjent ta’ konverżjoni tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju ġie ddeterminat mill-AGCOM, b’mod partikolari bl-għan li jippermetti t-twettiq ta’ proċedura bi ħlas ordnata minn dan il-leġiżlatur. Barra minn hekk, din tal-aħħar issuġġettat din il-proċedura għal kriterji u għal prinċipji li ddeterminat hija stess, b’mod partikolari billi awtorizzat il-parteċipazzjoni fl-imsemmija proċedura tal-operaturi storiċi dominanti s-suq inkwistjoni. |
|
34 |
Fit-tielet lok, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iqis li n-natura parzjali tal-konverżjoni tad-drittijiet preċedenti ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-koeffiċjent ta’ konverżjoni stabbilit mill-AGCOM, żvantaġġat lill-operaturi detenturi ta’ dritt ta’ użu ta’ multiplex wieħed ta’ teknoloġija DVB‑T, billi obbligathom jirrikorru għall-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ drittijiet ta’ użu jew jikkonkludu bejniethom ftehimiet sabiex ikunu jistgħu jiksbu kapaċitajiet ta’ trażmissjoni ekwivalenti għal dawk li kellhom qabel il-konverżjoni tad-drittijiet preċedenti tagħhom ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. |
|
35 |
Fir-raba’ lok, dik il-qorti tistaqsi dwar in-natura suffiċjenti, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-awtoritajiet Taljani, tas-sitwazzjoni rispettiva ta’ kull wieħed mill-operaturi inkwistjoni fid-dawl tal-evoluzzjoni storika tas-settur awdjoviżiv Taljan. |
|
36 |
Fil-fatt, l-organizzazzjoni ta’ dan is-settur kienet ikkaratterizzata minn diversi irregolaritajiet, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwarhom fis-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59), u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C‑112/16, EU:C:2017:597). Fid-dawl tad-diversi miżuri li diġà ġew adottati sabiex jiġu rrimedjati dawn l-irregolaritajiet, l-AGCOM ikkunsidrat li l-adozzjoni, matul il-proċess ta’ rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, ta’ miżuri strutturali ma hijiex xierqa u jkollha effetti li jmorru lil hinn mill-ibbilanċjar mill-ġdid tas-suq li sar neċessarju sabiex jiġu rrimedjati l-imsemmija irregolaritajiet. Għaldaqstant, hija qieset li kien suffiċjenti li jiġu previsti regoli asimetriċi intiżi sabiex jiffavorixxu l-pluraliżmu u l-kompetizzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ din l-għażla tal-AGCOM. |
|
37 |
Fil-ħames u l-aħħar lok, fil-Kawża C‑764/23, dik il-qorti tiskopri elementi li hija tqis li huma ta’ natura li jistabbilixxu, fir-rigward ta’ Cairo Network, aspettattivi leġittimi li jistħoqqilhom protezzjoni. Hija tenfasizza għalhekk li din il-kumpannija kisbet id-drittijiet preċedenti tagħha ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju fil-kuntest ta’ proċedura bi ħlas li s-sejħa għal applikazzjonijiet tagħha kienet tispeċifika li kienet intiża għall-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju għas-sistemi DVB, jiġifieri l-istandard DVB‑T, iżda wkoll għall-iżviluppi teknoloġiċi ulterjuri tagħha, li l-offerent rebbieħ kien ser jikseb frekwenza tal-istess kopertura kif ukoll tal-istess tul fil-mument tal-liberalizzazzjoni tal-frekwenzi għall-finijiet tal-allokazzjoni tagħhom lill-operaturi tat-telekomunikazzjoni u li l-frekwenza kienet ser tkun attribwita għal perijodu ta’ 20 sena. |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑764/23, id-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑765/23, erba’ domandi preliminari analogi għall-ewwel sar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑764/23. |
|
40 |
Fl-istess ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑766/23, żewġ domandi preliminari analogi għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑764/23, kif ukoll it-tielet domanda preliminari li ġejja: “Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 8 u 9 tad-[Direttiva Qafas], l-Artikoli 3, 5, 7 u 14 tad-[Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni], l-Artikoli 2 u 4 tad-[Direttiva dwar il-Kompetizzjoni], il-premessi 11 u 20 tad-Deċiżjoni 2017/899, il-prinċipji ta’ ekwità, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u ta’ aspettattivi leġittimi, kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema bħal dik introdotta fid-dritt Taljan mill-Artikolu 1(1101 sa 1108) tal-[Liġi Nru 145/18], mill-Artikolu 1(1030), (1031), (1031a), (1031c), 1032, 1033, 1034 u 1037 tal-[Liġi Nru 205/2017], mid-Deċiżjonijiet 39/19/CONS […], 128/19/CONS u 129/19/CONS tal-AGCOM u mid-deċiżjonijiet korrispondenti li jagħtu d-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi għas-servizz tat-televiżjoni diġitali, inkwantu din is-sistema ma tinkludix miżuri ta’ natura strutturali [u –] anki fil-preżenza ta’ miżuri ta’ kumpens u/jew ta’ ekwilibriju mill-ġdid mhux strutturali – sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza stabbilita preċedentement, tipprevedi proċedura bi ħlas li timponi spejjeż u ħlasijiet addizzjonali fuq l-operatur, u dawn ir-regoli tad-dritt [tal-Unjoni], wara li jitqiesu, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza, kif ukoll il-prinċipji stabbiliti bis-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C‑112/16, EU:C:2017:597), jipprekludu sistema bħal dik indikata, anki fid-dawl tal-evoluzzjoni ġenerali tas-sistema u tal-‘anomaliji’, tal-‘lakuni’ u tal-‘irregolaritajiet’ tagħha kkonstatati mill-ġurisprudenza nazzjonali u supranazzjonali u rrilevati fil-motivazzjoni ta’ dan id-digriet, jew inkella, għall-kuntrarju, il-miżuri ta’ natura mhux strutturali adottati mill-AGCOM sabiex tekwilibra mill-ġdid s-sistema huma suffiċjenti?” |
|
41 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2024, il-Kawżi C‑764/23 sa C‑766/23 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
42 |
Radiotelevisione italiana SpA (RAI) issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għall-ewwel u għar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 kif ukoll għat-tielet domanda fil-Kawża C‑766/23, peress li, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mad-dritt tal-Unjoni u dwar il-legalità ta’ atti adottati mill-AGCOM. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata skont dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwidi kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1985, Celestri & C., 172/84, EU:C:1985:137, punt 12; tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 30, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 35). |
|
44 |
F’dawn il-kawżi magħquda, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden preċiżament lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi tali elementi ta’ interpretazzjoni, b’tali mod li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi. |
Fuq l-ammissibbiltà
|
45 |
RAI u Mediaset SpA jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha jew parti minnhom. |
|
46 |
Fl-ewwel lok, RAI u Mediaset isostnu li d-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jinkludux l-elementi neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi għad-domandi kollha magħmula. B’mod iktar preċiż, qabel kollox, RAI tqis li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx deskrizzjoni kompleta tal-proċess ta’ rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz. Sussegwentement, Mediaset issostni li dik il-qorti la esponiet ir-raġunijiet li għalihom id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fit-tielet domanda fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 kif ukoll fit-tieni domanda fil-Kawża C‑766/23 huma applikabbli f’dawn il-kawżi, u lanqas dawk li wassluha sabiex ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fl-aħħar nett, skont Mediaset, l-imsemmija qorti ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja elementi suffiċjenti sabiex tkun tista’ tirrispondi għall-ħames domanda fil-Kawża C‑764/23. |
|
47 |
Fit-tieni lok, RAI u Mediaset iqisu li ma huwiex neċessarju, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kawżi prinċipali, li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 kif ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑766/23. Fil-fatt, il-miżuri diġà adottati mill-awtoritajiet Taljani kienu suffiċjenti sabiex jirrimedjaw għall-konsegwenzi tal-illegalitajiet passati fis-settur awdjoviżiv Taljan li ssemmi l-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, l-espożizzjoni ta’ dawn l-illegalitajiet li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tinkludi żbalji kif ukoll approssimazzjonijiet. Barra minn hekk, dawn id-domandi jirrigwardaw, parzjalment, il-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ drittijiet ta’ użu ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni f’multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T2, filwaqt li din il-proċedura ma hijiex is-suġġett tal-kawżi prinċipali. |
|
48 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, ladarba d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ April 1988, Pardini, 338/85, EU:C:1988:194, punt 8, u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 61). |
|
49 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C‑36/99, EU:C:2000:405, punt 20, u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 62). |
|
50 |
F’dan il-kuntest, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tal-argumenti ibbażati fuq in-natura allegatament inkompleta tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li jidħlu fih id-domandi magħmula jew, tal-inqas, li din tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Barra minn hekk, huwa indispensabbli, bħalma jistabbilixxi dan l-Artikolu 94(c), li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun tinkludi espożizzjoni tal-motivi li jkunu wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punt 6; digriet tat‑28 ta’ Ġunju 2000, Laguillaumie, C‑116/00, EU:C:2000:350, punt 16, kif ukoll is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentativa ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 48). |
|
51 |
F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet tar-rinviju jesponu, b’mod iddettaljat, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula kif ukoll ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni. |
|
52 |
Minn dan isegwi li dawn id-deċiżjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura u li għalhekk jinkludu elementi suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi. |
|
53 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti bbażati fuq l-assenza ta’ neċessità li tingħata risposta għal uħud mill-imsemmija domandi sabiex jiġu deċiżi l-kawżi prinċipali huma bbażati, parzjalment, fuq deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li hija differenti minn dik adottata mill-qorti tar-rinviju. RAI u Mediaset jikkritikaw għalhekk il-preżentazzjoni, li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, tal-illegalitajiet tal-passat fis-settur awdjoviżiv Taljan u tal-konsegwenzi tagħhom. |
|
54 |
Issa, fil-kuntest tas-separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, EU:C:1978:69, punt 4, u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 28). |
|
55 |
Għaldaqstant, l-argumenti ta’ RAI u ta’ Mediaset marbuta mal-evalwazzjoni rispettiva tagħhom tal-illegalitajiet tal-passat fis-settur awdjoviżiv Taljan u tal-konsegwenzi tagħhom ma jistgħux iwasslu sabiex jitqies li wħud mid-domandi magħmula huma inammissibbli. |
|
56 |
Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li r-rikorsi fil-kawża prinċipali ma jirrigwardawx direttament l-atti tal-AGCOM li jirregolaw il-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ma hijiex biżżejjed sabiex turi li d-domandi magħmula għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli sa fejn jirrigwardaw din il-proċedura. |
|
57 |
Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li dawn id-domandi huma intiżi sabiex jipprovdu lill-qorti tar-rinviju elementi li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-proċedura ta’ konverżjoni tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. Issa, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jsegwi li, fil-kuntest tar-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz fl-Italja, din il-proċedura hija implimentata b’mod ikkoordinat ma’ dik ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, b’tali mod li ma jistax jitqies li l-aspetti tal-imsemmija domandi li jirrigwardaw din il-proċedura tal-aħħar huma manifestament nieqsa minn rabta mal-kawżi prinċipali. |
|
58 |
Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi kollha magħmula. |
Fuq il-mertu
|
59 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-domandi magħmula jirrigwardaw b’mod partikolari l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2018/1972, mill-Artikolu 124(1) tagħha jirriżulta li l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli intiżi li jittrasponu din id-direttiva mill‑21 ta’ Diċembru 2020. Għaldaqstant, peress li dawn id-domandi jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni Taljana li ġiet adottata qabel din id-data, hemm lok li l-imsemmija domandi jiġu eżaminati abbażi tal-atti tal-Unjoni fis-seħħ qabel l-imsemmija data. |
Fuq l-ewwel domanda fil-kawżi C‑764/23 u C‑765/23
|
60 |
Permezz tal-ewwel domandi tagħha fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23, li huma identiċi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, moqri fid-dawl tal-Artikoli 6 u 19 TUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tillimita l-effetti tar-rikorsi ppreżentati minn operaturi ekonomiċi kontra atti relatati mal-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, fil-kuntest tar-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju u, min-naħa l-oħra, tillimita l-portata tal-miżuri kawtelatorji li jistgħu jiġu ordnati fl-istennija tal-eżami ta’ tali rikors għall-ħlas ta’ depożitu. |
|
61 |
Għalkemm dawn id-domandi jagħmlu riferiment għall-Artikolu 6 TUE, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li din hija dispożizzjoni ta’ natura ġenerali li hija irrilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-imsemmija domandi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 98). |
|
62 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu mekkaniżmi ta’ appell effettivi li jippermettu lil kull utent jew lil kull impriża li tipprovdi netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u li jkunu affettwati minn deċiżjoni meħuda minn ARN, jippreżentaw rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem organu indipendenti li jkollu kompetenzi xierqa sabiex ikun jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu effettivament. |
|
63 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-proċedura, id-deċiżjoni tal-ARN għandha tinżamm, sakemm ma jingħatawx miżuri provviżorji konformement mad-dritt nazzjonali. |
|
64 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jikkostitwixxi emanazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u li għalih jirreferi l-Artikolu 19(1) TUE, li jipprovdi li l-qrati tal-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication, C‑426/05, EU:C:2008:103, punt 30, kif ukoll tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel, C‑231/15, EU:C:2016:769, punt 20). |
|
65 |
Madankollu, l-Artikolu 4 tal-istess direttiva ma jistabbilixxix regoli proċedurali preċiżi intiżi li jimplimentaw l-obbligu li huwa jimponi fuq l-Istati Membri li jipprevedu mekkaniżmi ta’ rimedji effikaċi u, b’mod partikolari, ma jiddefinixxix is-setgħat li għandu jkollha qorti nazzjonali mitluba tiddeċiedi dwar rikors ippreżentat kontra att dwar l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. |
|
66 |
Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu dawn is-setgħat fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, bil-kundizzjoni madankollu li l-imsemmija setgħat ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas wiesgħa minn dawk li għandha qorti msejħa sabiex tiddeċiedi dwar sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li l-portata tal-istess setgħat ma tagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel (C‑231/15, EU:C:2016:769, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti tar-rinviju indikat li s-sistema li hija s-suġġett tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 tapplika mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq id-dritt nazzjonali u fuq id-dritt tal-Unjoni. |
|
68 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 25 u 31 tas-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel (C‑231/15, EU:C:2016:769), li qorti nazzjonali adita b’rikors kontra deċiżjoni tal-ARN għandha tkun tista’ tannullaha b’effett retroattiv, jekk hija tqis li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-impriża li ppreżentat dan ir-rikors. |
|
69 |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-prinċipju ta’ effettività jimplika neċessarjament li qorti nazzjonali adita b’tali rikors għandha tkun tista’ tannulla kull deċiżjoni ta’ ARN li taqa’ taħt id-Direttiva Qafas. |
|
70 |
Fil-fatt, qabelxejn, id-domanda magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel (C‑231/15, EU:C:2016:769), ma kinitx intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jimponix li qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ARN ikollha s-setgħa li tannulla dik id-deċiżjoni, iżda biss jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li din is-setgħa tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta, minn leġiżlazzjoni nazzjonali, lil tali qorti. |
|
71 |
Sussegwentement, din il-kwistjoni kienet tirrigwarda espliċitament, kif barra minn hekk irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta tagħha, sitwazzjoni li fiha l-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża kienet diġà stabbilixxiet li kien neċessarju li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-impriża kkonċernata. Għall-kuntrarju, permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23, il-qorti tar-rinviju tistieden preċiżament lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa sa fejn tali annullament jista’ jitqies li huwa neċessarju sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tar-rikorrenti f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali |
|
72 |
Fl-aħħar nett, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel (C‑231/15, EU:C:2016:769), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija dwar il-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li timponi l-aġġustament ta’ tariffi marbuta ma’ netwerk ta’ telefonija mobbli. Issa, peress li tali deċiżjoni tipproduċi effetti ta’ natura differenti minn dawk ta’ deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, ma jistax jiġi preżunt li s-setgħat li l-qorti kompetenti għandu jkollha sabiex teżamina r-rikorsi ppreżentati kontra dawn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet huma neċessarjament simili. |
|
73 |
F’dan il-kuntest, sabiex jiġi ddeterminat jekk sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha meħuda kollha f’daqqa, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
F’dan ir-rigward, bħalma tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-għoti ta’ kumpens finanzjarju, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-ħlas ta’ pagament, ċertament ma huwiex ta’ natura, bħala tali, li jiggarantixxi li s-sitwazzjoni illegali li tirriżulta minn allokazzjoni irregolari ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju tiġi effettivament ikkontestata u li l-operatur li ppreżenta r-rikors ikun jista’ jikseb l-għoti tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li huwa jkollu dritt għalihom. |
|
75 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-annullament ta’ att dwar l-allokazzjoni ta’ tali drittijiet ta’ użu jew is-sospensjoni fit-tul tal-effetti ta’ tali att fl-istennija ta’ deċiżjoni dwar rikors jista’ jkollu konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-użu tal-frekwenzi tar-radju li fil-prattika jirriskjaw li jostakolaw il-konfigurazzjoni mill-ġdid tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz meħtieġa mid-Deċiżjoni 2017/899. |
|
76 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 1(1) ta’ dik id-deċiżjoni jirriżulta li din ir-rikonfigurazzjoni, li hija intiża sabiex tippermetti l-użu tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz minn servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi broadband mingħajr fili, kellha sseħħ, bħala prinċipju, fit‑30 ta’ Ġunju 2020 u mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2022, u posponiment tal-imsemmija rikonfigurazzjoni għal din l-aħħar data kellha tiġi kkomunikata lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni u tkun ibbażata fuq raġunijiet debitament iġġustifikati. |
|
77 |
Barra minn hekk, mill-premessi 8, 9 u 15 tal-imsemmija deċiżjoni jsegwi li dewmien fil-liberazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz fi Stat Membru mhux biss huwa ta’ natura li jostakola l-introduzzjoni tal‑5G f’dan l-Istat Membru, iżda jista’ wkoll jikkawża interferenza dannuża fi Stati Membri oħra, riskju li barra minn hekk invoka l-Gvern Kroat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
78 |
Issa, l-annullament ta’ atti relatati mal-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju adottati sabiex tkun tista’ ssir ir-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz jimplika loġikament l-allokazzjoni mill-ġdid tal-frekwenzi tar-radju kkonċernati lill-proprjetarji preċedenti tagħhom, inkluż wara d-dati msemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, bir-riskju li din ir-rikonfigurazzjoni tinġieb fix-xejn u b’hekk jiġi ppreġudikat il-funzjonament tajjeb tal‑5G fl-Unjoni. |
|
79 |
Bl-istess mod, sospensjoni fit-tul tal-effetti ta’ atti relatati mal-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju tista’ jew tipprekludi l-iżvilupp tal‑5G, jekk il-frekwenzi tar-radju kkonċernati jibqgħu koperti mid-drittijiet preċedenti ta’ użu, jew tostakola l-kontinwità tax-xandir tad-DTT, jekk dawn il-frekwenzi tar-radju jiġu lliberati mingħajr ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tax-xandara tad-DTT frekwenzi tar-radju oħra li jippermettulhom ikomplu l-attivitajiet tagħhom. |
|
80 |
Barra minn hekk, għalkemm miżura ta’ kumpens in natura, li tikkonsisti fl-allokazzjoni mill-ġdid diretta tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju li l-allokazzjoni tagħhom kienet irregolari, tista’, bħala prinċipju, ma tostakolax l-introduzzjoni tal‑5G, hija tista’, min-naħa l-oħra, tippreġudika l-kontinwità tax-xandir tad-DTT, peress li, fid-dawl tal-portata tal-investimenti neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi operat netwerk ta’ xandir tad-DTT, ma jistax jiġi eskluż li allokazzjoni mill-ġdid a posteriori ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li diġà ġew eżerċitati tippreġudika l-kontinwità ta’ dan ix-xandir. |
|
81 |
Barra minn hekk, l-annullament ta’ att dwar l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju jew miżura ta’ kumpens in natura li tikkonsisti fl-allokazzjoni mill-ġdid diretta tad-drittijiet ta’ użu diġà attribwiti jista’, f’ċerti każijiet, jippreġudika d-drittijiet ta’ operaturi in bona fide li ngħataw dawn id-drittijiet ta’ użu. |
|
82 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li rikors bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandu l-għan uniku li jiddefendi l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi attivi fis-settur awdjoviżiv, interessi li normalment għandhom ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni materjali u, għaldaqstant, ta’ kumpens finanzjarju. |
|
83 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-limitazzjoni tas-setgħat tal-qorti kompetenti sabiex teżamina rikorsi ppreżentati kontra atti relatati mal-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, fil-kuntest tar-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju ma tistax titqies li hija neċessarjament inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. |
|
84 |
Madankollu, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti ta’ tali kumpens huwa ta’ natura li jagħti protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati biss sa fejn il-modalitajiet ta’ dan il-kumpens jippermettu li jiġu kkumpensati b’mod sħiħ id-danni mġarrba minn dawn l-operaturi ekonomiċi minħabba l-applikazzjoni tal-att li l-qorti kompetenti qieset illegali. |
|
85 |
Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-miżuri provviżorji, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddeterminax b’mod preċiż it-tip ta’ miżuri provviżorji li għandhom ikunu jistgħu jingħataw mill-qorti kompetenti, għandu jitqies li, meta s-setgħa li dik il-qorti tista’ teżerċita fi tmiem l-eżami tar-rikors li hija adita bih kienet validament limitata għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju, il-ħlas ta’ depożitu huwa biżżejjed sabiex jiżgura protezzjoni provviżorja li tippermetti li jiġi antiċipat, jekk ikun hemm bżonn, ir-riżultat finali ta’ dan ir-rikors. |
|
86 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, moqri fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tillimita l-effetti tar-rikorsi ppreżentati minn operaturi ekonomiċi kontra atti relatati mal-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, fil-kuntest tar-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju u, min-naħa l-oħra, tillimita l-portata tal-miżuri kawtelatorji li jistgħu jiġu ordnati fl-istennija tal-eżami ta’ tali rikors għall-ħlas ta’ depożitu, sakemm il-modalitajiet ta’ dan il-kumpens finanzjarju jippermettu li jiġu kkumpensati b’mod sħiħ id-danni mġarrba minn dawn l-operaturi ekonomiċi minħabba l-applikazzjoni ta’ dawn l-atti. |
Fuq it-tieni domanda fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 kif ukoll fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑766/23
|
87 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 kif ukoll permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑766/23, li huma simili, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3, 8 u 9 tad-Direttiva Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlatur nazzjonali jipprevedi li l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ kapaċità ta’ trażmissjoni addizzjonali, mogħtija fil-kuntest tat-tranżizzjoni bejn żewġ teknoloġiji ta’ xandir, issir permezz ta’ proċedura bi ħlas li l-leġiżlatur innifsu jiddefinixxi ċerti karatteristiċi tagħha relatati mal-kundizzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ dawn id-drittijiet u mal-operaturi li jistgħu jipparteċipaw f’din il-proċedura. |
|
88 |
Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mill-kompiti assenjati lill-ANR f’din id-direttiva u fid-direttivi speċifiċi jkun issodisfatt minn korp kompetenti. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 3(2) u (3) ta’ din id-direttiva, moqri fi-dawl tal-premessa 11 tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-ANR sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw il-poteri tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti kif ukoll meta meħtieġ (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Filwaqt li l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, fil-verżjoni inizjali tagħha, kien essenzjalment intiż, konformement ma’ din il-premessa 11, li jiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ANR billi tiġi żgurata s-separazzjoni tal-funzjonijiet regolamentari u operazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, permezz tad-Direttiva 2009/140, u kif isegwi mill-premessa 13 tagħha, li jsaħħaħ l-indipendenza tal-ARN sabiex jiżgura applikazzjoni iktar effiċjenti tal-qafas regolamentari u jżid l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
90 |
Dan l-għan ta’ tisħiħ tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ ANR huwa espress fl-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva Qafas. Konformement mal-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, bla ħsara għall-każijiet ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra previsti f’dan l-artikolu, l-ARN responsabbli mir-regolamentazzjoni tas-suq ex ante jew mir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa u la għandhom jitolbu u lanqas jaċċettaw struzzjonijiet mingħand kwalunkwe korp ieħor fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti li jkunu ġew assenjati lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 53). |
|
91 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi speċifikat li d-Direttiva Qafas tagħti lill-ARN kompiti speċifiċi ta’ regolamentazzjoni, li huma ddefiniti fl-Artikoli 8 sa 13 ta’ din id-direttiva. Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, l-allokazzjoni tal-ispettru għall-finijiet tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali u tad-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, huma parti mill-kompiti speċifiċi ta’ dawn l-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 54). |
|
92 |
Għaldaqstant, l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, bħall-proċeduri ta’ konverżjoni tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u ta’ allokazzjoni bi ħlas inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ kompitu regolatorju, fis-sens tad-Direttiva Qafas, li jaqa’ fuq ARN. |
|
93 |
Minn dan isegwi li l-interventi ta’ leġiżlatur nazzjonali fl-organizzazzjoni ta’ tali proċeduri huma limitati mill-obbligu li tiġi osservata l-indipendenza tal-ARN. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-indipendenza ta’ tali awtorità tkun kompromessa li kieku entitajiet esterni, bħal leġiżlatur nazzjonali, kienu awtorizzati jissospendu, jew saħansitra jannullaw, minbarra l-każijiet ta’ sorveljanza jew ta’ appelli previsti mid-Direttiva Qafas, proċedura ta’ selezzjoni għall-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju pendenti organizzata taħt ir-responsabbiltà ta’ din l-awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 56). |
|
94 |
Madankollu, id-domandi magħmula f’dawn il-kawżi magħquda jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ intervent ta’ leġiżlatur nazzjonali intiż mhux li jikkontesta proċedura ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju mmexxija minn ARN wara li tkun tnediet, iżda li jiddefinixxi, b’mod antiċipat, ċerti rekwiżiti li l-ARN għandha tikkonforma ruħha magħhom waqt l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ tali proċedura. |
|
95 |
Issa, għalkemm il-prinċipju tal-indipendenza tal-ARN bl-ebda mod ma jipprekludi li tibqa’ suġġetta għall-osservanza tal-liġi, xorta jibqa’ l-fatt li leġiżlatur nazzjonali ma jistax, mingħajr ma jikser l-indipendenza tal-ARN, ineħħilha s-setgħat mogħtija lilha mid-Direttiva Qafas u mid-direttivi speċifiċi jew jeżerċita dawn is-setgħat minflok l-ARN (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73), C‑718/18, EU:C:2021:662, punti 126 u 130). |
|
96 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas jipprevedi li l-ARN għandhom, fit-twettieq tal-kompiti regolatorji speċifiċi imposti fuqhom, jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti f’dan l-artikolu, li jikkonsistu fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern u sabiex jiġu sostnuti l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, TDC, C‑556/12, EU:C:2014:2009, punt 39). |
|
97 |
F’dan il-kuntest, huma l-ARN, u mhux il-leġiżlaturi nazzjonali, li għandhom jibbilanċjaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑424/07, EU:C:2009:749, punt 91). |
|
98 |
Madankollu, għalkemm l-Artikolu 9(1) tad- Direttiva Qafas jipprevedi ċertament li huma l-ARN li għandhom jallokaw id-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju, din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li ma humiex speċifikament l-ARN, iżda l-“Istati Membri”, b’mod iktar ġenerali, li għandhom jiżguraw li din l-allokazzjoni tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati. |
|
99 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, abbażi b’mod partikolari tal-imsemmija dispożizzjoni, marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu li jissostitwixxu proċedura ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju bi proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ tali drittijiet, f’kuntest fejn din id-deċiżjoni kienet ittieħdet mil-leġiżlatur nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punti 65 u 71). |
|
100 |
Għaldaqstant, fid-dawl tar-rwoli hekk mogħtija rispettivament lill-ARN u lill-korpi politiċi tal-Istati Membri, għandu jitqies li l-prinċipji li għandhom jiggwidaw l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, li għandhom jiggarantixxu l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas, jistgħu jiġu ddefiniti minn leġiżlatur nazzjonali. |
|
101 |
Fl-istess ħin, peress li l-intervent ta’ dan il-leġiżlatur fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-proċeduri ma jistax iwassal sabiex l-ARN jitneħħilha l-kompitu speċifiku ta’ regolamentazzjoni tagħha f’dan il-qasam, l-imsemmi leġiżlatur ma jistax jadotta regoli li għandhom bħala konsegwenza li l-ARN ma jkollhiex iktar marġni ta’ evalwazzjoni sostanzjali fid-definizzjoni tal-modalitajiet tekniċi tal-proċedura ta’ allokazzjoni ta’ dawn id-drittijiet u li hija għandha għalhekk sempliċement timplimenta proċedura ddefinita mill-istess leġiżlatur. |
|
102 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dan ir-rekwiżit huwiex osservat fil-kawżi prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, mill-elementi tal-proċess, tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunulha utli fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 41). |
|
103 |
F’din il-perspettiva, għandu, qabel kollox, jitfakkar li, bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, huwa bħala prinċipju possibbli għal leġiżlatur nazzjonali li jagħżel, jekk iqis li huwa xieraq, proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. |
|
104 |
Fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu leġiżlatur nazzjonali, ma jistax jitqies, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fejn tranżizzjoni teknoloġika tinvolvi l-allokazzjoni ta’ multiplexes ġodda li għandhom kapaċità ta’ trażmissjoni nettament ogħla minn dik tal-multiplexes attribwiti preċedentement, li l-għażla tan-natura mingħajr ħlas jew bi ħlas tal-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ użu tal-kapaċità ta’ trażmissjoni addizzjonali li tirriżulta minn din it-tranżizzjoni għandha neċessarjament taqa’ taħt il-kompetenzi tal-ARN. |
|
105 |
F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-modalitajiet tal-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ dawn id-drittijiet ta’ użu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Taljan adotta sensiela ta’ prinċipji li jirregolaw din il-proċedura. Dawn il-prinċipji jikkonċernaw essenzjalment id-definizzjoni tad-daqs tal-lottijiet mogħtija fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, l-obbligu li jiġi ddeterminat valur minimu tal-offerti u l-iffissar ta’ sensiela ta’ għanijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-għażla tal-offerti. |
|
106 |
Fid-dawl tan-natura ġenerali tal-imsemmija prinċipji, jidher, prima facie, li l-istabbiliment ta’ tali prinċipji minn leġiżlatur nazzjonali ma għandux l-effett li jċaħħad lill-ARN minn marġni ta’ evalwazzjoni sostanzjali fid-determinazzjoni tal-modalitajiet preċiżi tal-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell tal-valur minimu tal-offerti, fir-rigward tal-kriterji konkreti li abbażi tagħhom l-offerti għandhom finalment jiġu evalwati kif ukoll fir-rigward tal-ponderazzjoni ta’ dawn il-kriterji jew ukoll fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu previsti regoli asimetriċi ta’ aċċess għal din il-proċedura. |
|
107 |
Għalkemm huwa minnu li prinċipji bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jidhru li jimplikaw, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li l-operaturi li storikament jiddominaw is-settur awdjoviżiv tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura ta’ allokazzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex turi li l-ARN ma għandhiex marġni ta’ evalwazzjoni sostanzjali fl-organizzazzjoni ta’ din il-proċedura, kif barra minn hekk jikkonferma l-fatt li l-AGCOM finalment iddeċidiet li wħud biss mil-lottijiet setgħu jiġu allokati lil dawn l-operaturi u li hija stabbilixxiet regoli intiżi sabiex jiffavorixxu operaturi oħra. |
|
108 |
Fl-aħħar nett, għalkemm mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jsegwi li l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jorganizza proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ttieħdet inkunsiderazzjoni, flimkien ma’ fatturi oħra, fid-definizzjoni, mill-ARN, tal-modalitajiet ta’ konverżjoni tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, tali teħid inkunsiderazzjoni jikkostitwixxi sempliċement konsegwenza tal-possibbiltà li għandu dan il-leġiżlatur li jagħżel proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju f’kuntest fejn il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni disponibbli oġġettivament żdiedu. Għaldaqstant, tali ċirkustanza ma tistax titqies li tistabbilixxi li l-leġiżlatur nazzjonali ppreġudika l-kompetenzi rispettivi tal-ARN. |
|
109 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 kif ukoll għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑766/23 għandha tkun li l-Artikoli 3, 8 u 9 tad-Direttiva Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li leġiżlatur nazzjonali jipprevedi li l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ kapaċità ta’ trażmissjoni addizzjonali, mogħtija fil-kuntest tat-tranżizzjoni bejn żewġ teknoloġiji ta’ xandir, issir permezz ta’ proċedura bi ħlas li dan il-leġiżlatur innifsu jiddefinixxi ċerti karatteristiċi tagħha dwar il-kundizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ dawn id-drittijiet u l-operaturi li jistgħu jipparteċipaw f’din il-proċedura, sakemm l-imsemmi leġiżlatur sempliċement jiddefinixxi prinċipji li ma għandhomx bħala konsegwenza li l-ARN ma jkollhiex iktar marġni ta’ evalwazzjoni sostanzjali fid-definizzjoni tal-modalitajiet tekniċi tal-proċedura ta’ allokazzjoni tal-imsemmija drittijiet u li hija għandha għaldaqstant sempliċement timplimenta proċedura ddefinita mill-istess leġiżlatur. |
Fuq it-tielet u l-ħames domanda fil-Kawża C‑764/23, it-tielet domanda fil-Kawża C‑765/23 kif ukoll it-tieni domanda fil-Kawża C‑766/23
|
110 |
Permezz tat-tielet u tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑764/23, tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑765/23 kif ukoll tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑766/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva Qafas, l-Artikoli 3, 5, 7 u 14 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li, waqt tranżizzjoni teknoloġika li takkumpanja r-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, ma tipprevedix konverżjoni ekwivalenti tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u timponi għalhekk fuq operatur li jixtieq iżomm il-kapaċità ta’ trażmissjoni tiegħu l-obbligu li jipparteċipa fi proċedura bi ħlas jew li jikkonkludi ftehim ma’ operatur ieħor. |
|
111 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, li jiddefinixxi r-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet ġenerali applikabbli għan-networks u għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni, li jistabbilixxi regoli relatati mad-drittijiet esklużivi u speċjali għal dawn in-netwerks u dawn is-servizzi, ma jinkludux elementi utli sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi. |
|
112 |
Wara li saret din il-preċiżazzjoni, għandu jiġi rrilevat li la d-Direttiva Qafas, la d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u lanqas id-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni ma jinkludu dispożizzjonijiet li jipprevedu espliċitament obbligu ġenerali ta’ konverżjoni ekwivalenti tad-drittijiet eżistenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju meta dawn id-drittijiet għandhom jiġu allokati mill-ġdid fil-kuntest ta’ tranżizzjoni teknoloġika. |
|
113 |
Ċertament, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jistabbilixxi li d-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju jistgħu jiġu emendati biss f’każijiet oġġettivament iġġustifikati u b’mod proporzjonat. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li dawn id-drittijiet ta’ użu jistgħu jiġu ristretti jew irtirati qabel l-iskadenza tal-perijodu li għalih ikunu ngħataw biss f’każijiet iġġustifikati. |
|
114 |
Madankollu, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li fiha Stat Membru huwa obbligat jipproċedi għar-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz u jixtieq, f’din l-okkażjoni, iwettaq tranżizzjoni teknoloġika bejn l-istandards ta’ xandir DVB‑T u DVB‑T2, timplika kemm tnaqqis tan-numru ta’ multiplexes li jistgħu jiġu allokati lil operaturi ekonomiċi għall-finijiet tax-xandir tad-DTT kif ukoll evoluzzjoni sinjifikattiva tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni ta’ kull multiplex imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-operaturi. |
|
115 |
Minħabba f’hekk, tali sitwazzjoni għandha titqies li tikkostitwixxi każ fejn il-modifika, ir-restrizzjoni jew l-irtirar ta’ drittijiet eżistenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju jistgħu jiġu ġġustifikati skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. |
|
116 |
Għaldaqstant, dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri, f’din is-sitwazzjoni, l-obbligu li jiggarantixxu l-preżervazzjoni tad-drittijiet kollha eżistenti ta’ użu ta’ multiplex tat-teknoloġija DVB‑T billi jikkonvertuhom fi drittijiet ta’ użu ta’ multiplex tat-teknoloġija DVB‑T2. |
|
117 |
Barra minn hekk, filwaqt li d-Deċiżjoni 2017/899 tistabbilixxi regoli li jirregolaw ir-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, li timplika neċessarjament allokazzjoni mill-ġdid parzjali tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, għandu jiġi kkonstatat li dik id-deċiżjoni bl-ebda mod ma tipprevedi li din l-allokazzjoni mill-ġdid għandha neċessarjament timplika konverżjoni ekwivalenti tad-drittijiet eżistenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, inkluż meta l-imsemmija allokazzjoni mill-ġdid tkun ikkombinata ma’ tranżizzjoni teknoloġika, kif tipprevedi l-premessa 20 tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
118 |
Madankollu, minn dak li ntqal iktar ’il fuq ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri għandhom, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, setgħa kompletament diskrezzjonali sabiex jattribwixxu d-drittijiet ta’ użu tal-multiplex tat-teknoloġija DVB‑T2. |
|
119 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni kif ukoll mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas, jirriżulta li d-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju għandhom jiġu attribwiti abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati. Dawn il-kriterji għandhom jiġu osservati mhux biss matul l-allokazzjoni inizjali tal-frekwenzi tar-radju, iżda wkoll f’kull allokazzjoni sussegwenti, f’tiġdid jew f’konverżjoni ta’ frekwenzi tar-radju fil-kuntest ta’ tranżizzjoni teknoloġika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punti 39 u 40). |
|
120 |
Għalkemm allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ġodda ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-operaturi li kienu detenturi ta’ drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, kif tipprevedi l-qorti tar-rinviju, tista’ tkun kompatibbli ma’ dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 70), mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jsegwix li tali konverżjoni ta’ dawn id-drittijiet ta’ użu tirriżulta neċessarjament mill-imsemmi rekwiżit. |
|
121 |
Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ma tinsabx fost il-prinċipji previsti mid-dritt tal-Unjoni li abbażi tagħhom għandhom jiġu organizzati l-proċeduri ta’ selezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 64). |
|
122 |
Għaldaqstant, għalkemm id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 119 ta’ din is-sentenza ma jipprekludux, bħala prinċipju, li l-Istati Membri jimplimentaw ir-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz billi jgħaqqdu proċedura ta’ konverżjoni parzjali tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, huma jimponu, min-naħa l-oħra, l-obbligu li dawn il-proċeduri jitwettqu abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati u li l-imsemmija proċeduri jkunu konformi mal-għanijiet imfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 66). |
|
123 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għażla li ssir il-konverżjoni tad-drittijiet preċedenti kollha ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju bl-użu ta’ koeffiċjent uniku, skont liema dritt ta’ użu ta’ multiplex tat-teknoloġija DVB‑T jiġi kkonvertit fi dritt ta’ użu ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni f’ 0,5 multiplex ta’ teknoloġija DVB‑T2, mingħajr ma tiġi prevista sistema iktar favorevoli għall-operaturi ekonomiċi li kellhom drittijiet ta’ użu biss għal multiplex ta’ teknoloġija DVB‑T (iktar ’il quddiem l-“operaturi ż-żgħar”). |
|
124 |
Fir-rigward ta’ dawn id-dubji, li jirrigwardaw essenzjalment ir-rekwiżit, imsemmi fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, li proċedura ta’ konverżjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji nondiskriminatorji, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi mhux biss li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, iżda wkoll li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. In-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet għandha, b’mod partikolari, tiġi ddeterminata u evalwata fid-dawl tal-għan u tal-fini tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li dan l-att jaqa’ taħthom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 69). |
|
125 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ konverżjoni differenti għal operaturi mqiegħda f’sitwazzjoni paragunabbli tikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn dawn l-operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 49). |
|
126 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li operaturi li operaw kanali analogi jinsabu, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni paragunabbli għall-finijiet tal-konverżjoni ta’ dawn il-kanali f’netwerks diġitali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 47). |
|
127 |
Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li operaturi li għandhom drittijiet ta’ użu ta’ diversi multiplexes ta’ teknoloġija DVB‑T jistgħu, fid-dawl b’mod partikolari tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni li huma għandhom u tal-pożizzjoni tagħhom fis-settur awdjoviżiv, jitqiesu li jinsabu, għall-finijiet tal-konverżjoni ta’ dawn id-drittijiet ta’ użu, f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-operaturi ż-żgħar. |
|
128 |
Sabiex jiġi evalwat jekk tali evalwazzjoni hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-għanijiet ta’ proċedura ta’ konverżjoni ta’ drittijiet eżistenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, għandu jiġi enfasizzat li din il-proċedura għandha tosserva l-għanijiet kollha msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, li tfakkru fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, u n-neċessità ta’ ġestjoni effikaċi tal-frekwenzi tar-radju, kif meħtieġ mill-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 51). |
|
129 |
F’dan il-każ, id-differenza, prevista mill-qorti tar-rinviju, bejn is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-operaturi li għandhom drittijiet ta’ użu ta’ diversi multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T u dik li jinsabu fiha l-operaturi ż-żgħar hija marbuta mal-fatt li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ konverżjoni uniku tista’ tostakola t-tkomplija tal-attività ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li trattament differenti ta’ dawn is-sitwazzjonijiet jirriżulta mill-għan ta’ promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. |
|
130 |
Peress li dan l-għan jagħmel parti mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas u li għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ konverżjoni iktar favorevoli għall-operaturi ż-żgħar kinitx effettivament neċessarja, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tagħhom, sabiex tiġi promossa l-kompetizzjoni fis-settur awdjoviżiv Taljan wara r-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, mingħajr madankollu ma jinkiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jiġu prodotti effetti li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-promozzjoni ta’ din il-kompetizzjoni. |
|
131 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel tali evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, bħalma jsegwi mill-punt 102 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, abbażi ta’ elementi fil-proċess, tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni. |
|
132 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jsegwi li l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent iktar favorevoli għall-operaturi ż-żgħar tiggarantixxi li dawn ikunu jistgħu jkomplu l-attività tagħhom b’mod awtonomu wara r-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, peress li ma huwiex teknikament possibbli li ssir distribuzzjoni awtonoma mingħajr ma jkollhom il-multiplex kollu tat-teknoloġija DVB‑T2 u li l-applikazzjoni għall-operaturi kollha ta’ koeffiċjent uniku ta’ konverżjoni timplika li operatur żgħir ma jkollux drittijiet ta’ użu ta’ multiplex sħiħ tat-teknoloġija DVB‑T2. |
|
133 |
Madankollu, it-tieni, peress li mill-punti 112 sa 117 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix obbligu ta’ konverżjoni permezz ta’ ekwivalenti tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha, sabiex tevalwa l-konsegwenzi tal-impossibbiltà teknika li jiġu diviżi l-frekwenzi tar-radju inkwistjoni, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-effetti tal-proċedura ta’ konverżjoni tad-drittijiet preċedenti ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju, iżda dawk tal-proċeduri kollha implimentati mill-awtoritajiet Taljani bl-għan li tiġi żgurata r-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz u t-tranżizzjoni teknoloġika bejn l-istandards ta’ xandir DVB‑T u DVB‑T2. |
|
134 |
Issa, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn l-awtoritajiet stabbilixxew diversi mekkaniżmi intiżi sabiex jippermettu lill-operaturi ż-żgħar jaċċedu b’mod preferenzjali għar-riżorsi neċessarji sabiex ikunu jistgħu jikkompletaw id-dritt ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni ta’ 0,5 multiplex ta’ teknoloġija DVB‑T2 miksuba, mingħajr ħlas, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konverżjoni ta’ drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. L-imsemmija awtoritajiet għalhekk, qabel kollox, iddefinixxew għal dan l-għan il-modalitajiet tal-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas tad-drittijiet ta’ użu, sussegwentement, awtorizzaw lill-operaturi kkonċernati jikkonkludu ftehimiet bl-għan li jgħaqqdu d-drittijiet rispettivi tagħhom ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni ta’ multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T2 u, fl-aħħar nett, nedew proċedura ġdida intiża sabiex tippermetti lil żewġ operaturi żgħar jaċċedu għal drittijiet ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni ta’ multiplex ta’ teknoloġija DVB‑T2 li inizjalment ma kinux ġew allokati. |
|
135 |
Abbażi tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari u tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li d-diversi mekkaniżmi implimentati mill-awtoritajiet Taljani sabiex jippreżervaw l-attivitajiet tal-operaturi ż-żgħar ħadmu b’mod effettiv, fejn kull wieħed minnhom intuża, skont l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn uħud mill-operaturi ż-żgħar attivi fis-settur awdjoviżiv Taljan sabiex ikomplu l-attività tagħhom wara r-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz. |
|
136 |
It-tielet, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju tidher li tipprevedi l-applikazzjoni għall-operaturi ż-żgħar ta’ koeffiċjent ta’ konverżjoni speċifiku, li jippermetti lil kull operatur żgħir li jkollu, wara l-konverżjoni tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, id-dritt li juża multiplex. Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T2 indikata mill-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni ta’ tali koeffiċjent ta’ konverżjoni kienet twassal għal żieda netta tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni ta’ dawn l-operaturi ż-żgħar. |
|
137 |
Tali żieda ma tistax titqies li normalment għandha tirriżulta minn proċedura ta’ konverżjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li miżura li twassal sabiex l-operaturi diġà preżenti fis-suq jingħataw numru ta’ frekwenzi tar-radju ikbar minn dak li jkun suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-offerta tagħhom tista’ tkun sproporzjonata u tippreġudika l-aċċess għas-suq ta’ operaturi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 76, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 53). |
|
138 |
Min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju dwar in-numru ta’ multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T2 disponibbli u dwar in-numru ta’ operaturi li għandhom drittijiet ta’ użu ta’ multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T jidher li l-għoti ta’ multiplex tat-teknoloġija DVB‑T2 lil kull wieħed mill-operaturi ż-żgħar kien jimplika wkoll tnaqqis sinjifikattiv tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni tal-operaturi l-oħra. |
|
139 |
Issa, tali differenza fit-trattament bejn id-diversi tipi ta’ operaturi preżenti fl-istess suq tista’, fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha, tikkostitwixxi miżura proporzjonata biss jekk tkun tidher indispensabbli sabiex tiġi ppreżervata l-kompetizzjoni fis-settur awdjoviżiv inkwistjoni. |
|
140 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-assenza ta’ konverżjoni ekwivalenti tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. |
|
141 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni u għandu jiġi osservat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat li huma mogħtija lilhom mid-direttivi tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
142 |
Id-dritt li wieħed igawdi minn dan il-prinċipju jestendi għal kull individwu li fir-rigward tiegħu awtorità amministrattiva tkun ħolqot aspettattivi fondati minħabba garanziji preċiżi li hija tkun tagħtu. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata, konkordanti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi assigurazzjoni li tista’ toħloq tali aspettattivi, irrispettivament mill-forma li biha tkun ġiet ikkomunikata (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Europa Way u Persidera, C‑560/15, EU:C:2017:593, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
143 |
Madankollu, operatur ekonomiku ma jistax jibbaża l-aspettattivi tiegħu biss fuq l-assenza totali ta’ emenda leġiżlattiva, iżda jista’ biss jikkontesta l-modalitajiet ta’ tali emenda (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
144 |
Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li operatur ikun detentur ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fil-fatt li dawn id-drittijiet jibqgħu intanġibbli u li, fil-każ ta’ tranżizzjoni teknoloġika, dawn id-drittijiet ser jiġu neċessarjament ikkonvertiti sabiex jippermettulu juża frekwenzi tar-radju ġodda li joffrulu kapaċitajiet ta’ trażmissjoni ekwivalenti jew superjuri. Barra minn hekk, mill-punti 114 sa 116 ta’ din is-sentenza jsegwi li tranżizzjoni teknoloġika bħal dik inkwistjoni f’dawn il-kawżi magħquda tikkostitwixxi, għall-kuntrarju, sitwazzjoni li tista’ tiġġustifika, fid-dawl tal-Artikolu 14 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, il-modifika, ir-restrizzjoni jew l-irtirar ta’ drittijiet eżistenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. |
|
145 |
Min-naħa l-oħra, operatur għandu d-dritt li jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jekk awtorità amministrattiva tkun ipprovdietlu garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti fir-rigward tal-fatt li eventwali tranżizzjoni teknoloġika ma tkunx ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni d-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li ġew attribwiti lilu jew li, f’tali ipoteżi, huwa jkollu dritt għal konverżjoni ta’ dawn id-drittijiet ta’ użu sabiex tiġi żgurata lilu kapaċità ta’ trażmissjoni tal-inqas ekwivalenti għal dik li huwa kellu taħt l-imsemmija drittijiet ta’ użu. |
|
146 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li Cairo Network kisbet id-drittijiet tagħha ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju fil-kuntest ta’ proċedura bi ħlas li s-sejħa għal applikazzjonijiet tagħha kienet tispeċifika li kienet intiża għall-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju għas-sistemi DVB, jiġifieri l-istandard DVB‑T, iżda wkoll għall-iżviluppi teknoloġiċi ulterjuri tagħha, li l-offerent rebbieħ kien ser jikseb frekwenza tal-istess kopertura kif ukoll tal-istess tul fil-mument tal-liberalizzazzjoni tal-frekwenzi għall-finijiet tal-allokazzjoni tagħhom lill-operaturi tat-telekomunikazzjoni u li l-frekwenza kienet ser tkun attribwita għal perijodu ta’ 20 sena. |
|
147 |
Tali indikazzjonijiet għandhom jitqiesu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala suffiċjenti sabiex jippermettu lill-operatur li rċevihom jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma jew tal-konverżjoni ekwivalenti tad-drittijiet li huwa kiseb waqt ir-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz bħala waqt it-tranżizzjoni teknoloġika bejn l-istandards DVB‑T u DVB‑T2. |
|
148 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għall-ħames domanda fil-Kawża C‑764/23, għat-tielet domanda fil-Kawża C‑765/23 kif ukoll għat-tieni domanda fil-Kawża C‑766/23 għandha tkun li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva Qafas, l-Artikoli 5, 7 u 14 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li, waqt tranżizzjoni teknoloġika li sseħħ mar-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, ma tipprevedix konverżjoni ekwivalenti tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u b’hekk timponi fuq operatur li jixtieq iżomm il-kapaċità ta’ trażmissjoni tiegħu li jipparteċipa fi proċedura bi ħlas jew li jikkonkludi ftehim ma’ operatur ieħor, sakemm tali konverżjoni ma tkunx neċessarja sabiex tinżamm il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat u sakemm l-operaturi inkwistjoni ma jkunux irċevew, min-naħa tal-awtoritajiet amministrattivi, garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti fir-rigward taż-żamma tal-kapaċità ta’ trażmissjoni tagħhom fil-każ ta’ rikonfigurazzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. |
Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 kif ukoll fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑766/23
|
149 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 kif ukoll permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑766/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva Qafas, l-Artikoli 3, 5, 7 u 14 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni kif ukoll l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema ta’ rikonfigurazzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li ma tinkludix miżuri strutturali intiżi sabiex jikkumpensaw illegalitajiet relatati ma’ proċeduri preċedenti ta’ allokazzjoni ta’ tali drittijiet jew mal-kundizzjonijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. |
|
150 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, li jiddefinixxi r-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet ġenerali applikabbli għan-networks u għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni, li jistabbilixxi regoli relatati mad-drittijiet esklużivi u speċjali għal dawn in-netwerks u dawn is-servizzi, ma jinkludux elementi utli sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi. |
|
151 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-ARN jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi li jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jiżguraw li ma jkunx hemm distorsjoni ta’ jew ostakolu għall-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u billi jneħħu l-aħħar ostakoli għall-provvista tal-imsemmija servizzi fil-livell tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
152 |
Bħalma ġie rrilevat fil-punti 96 u 119 ta’ din is-sentenza, l-ARN għandhom, fit-twettiq tal-kompitu tagħhom ta’ allokazzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi għat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas u jipproċedu għal din l-allokazzjoni abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati. |
|
153 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jsegwi li l-ARN għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba, b’mod partikolari, l-akkumulazzjoni tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju. |
|
154 |
Minn dawn id-dispożizzjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-qafas regolatorju l-ġdid komuni għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għar-riżorsi u għas-servizzi assoċjati huwa, b’mod partikolari, ibbażat fuq għan ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta u huwa intiż għall-iżvilupp tagħha, b’osservanza b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 42). |
|
155 |
B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u l-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni, jipprekludu miżuri nazzjonali li għandhom bħala effett li jiffriżaw l-istrutturi tas-suq nazzjonali u li jipproteġu l-pożizzjoni tal-operaturi nazzjonali diġà attivi fl-imsemmi suq billi jipprekludu jew jirrestrinġu l-aċċess għal operaturi ġodda f’dan is-suq, sakemm tali miżuri ma jkunux iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali u stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
156 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jkun ukoll kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li jiġi estiż, jew saħansitra msaħħaħ, vantaġġ kompetittiv indebitu favur operatur diġà preżenti fis-suq, li jkun inkiseb bi ksur tar-rekwiżiti legali u kuntrarjament għall-għan ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta, filwaqt li jiġi prekluż jew ristrett l-aċċess għas-suq ta’ operaturi ġodda (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 44). |
|
157 |
Bħalma tirrileva l-qorti tar-rinviju, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li kanali analogi operati illegalment ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fi proċedura ta’ konverżjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju mwettqa fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali, peress li l-konverżjoni tad-drittijiet ta’ użu kkonċernati twassal sabiex jiġi mtawwal, jew saħansitra msaħħaħ, vantaġġ kompetittiv indebitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 45). |
|
158 |
Għalkemm din is-soluzzjoni hija loġikament trasponibbli fir-rigward ta’ proċedura ta’ konverżjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija nettament differenti minn dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Persidera (C‑112/16, EU:C:2017:597). |
|
159 |
Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jsegwi li l-multiplexes kollha tat-teknoloġija DVB‑T li d-drittijiet ta’ użu tagħhom kienu s-suġġett tal-proċedura ta’ konverżjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienu, qabel ir-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, użati konformement mar-regoli Taljani applikabbli. |
|
160 |
Madankollu, ma jistax jiġi kompletament eskluż li, anki f’tali sitwazzjoni, l-ARN tista’ tkun obbligata, sabiex tilħaq l-għan ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta msemmi fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, li tadotta miżuri li jidhru neċessarji sabiex jiġu rrimedjati distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn illegalitajiet relatati ma’ proċeduri preċedenti ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju jew mal-kundizzjonijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. |
|
161 |
Dan ikun il-każ jekk jiġi stabbilit li tali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu intiżi li jippersistu fis-settur ikkonċernat wara r-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz. |
|
162 |
Madankollu, ma jistax jitqies li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-ARN, sabiex jirrimedjaw għal tali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, l-obbligu li jirrikorru b’mod preferenzjali għal miżuri strutturali li jimplikaw bidla fl-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. Għall-kuntrarju, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tippermetti lill-ARN jadottaw tali miżuri biss meta miżuri iktar limitati ma jkunux jistgħu jippermettulhom jilħqu l-għanijiet imfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza. |
|
163 |
Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk hemmx lok li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-AGCOM li tgħid li l-miżuri diġà adottati mill-awtoritajiet Taljani huma suffiċjenti sabiex jirrimedjaw id-distorsjonijiet kunsiderevoli tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minn illegalitajiet relatati ma’ proċeduri preċedenti ta’ allokazzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju jew mal-kundizzjonijiet passati ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, imwettqa fis-settur awdjoviżiv Taljan. |
|
164 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, bħalma jsegwi mill-punti 102 u 131 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, u fuq il-bażi tal-elementi fil-proċess, tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni. |
|
165 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssemmi diversi illegalitajiet li seta’ kellhom influwenza fuq is-settur awdjoviżiv Taljan. Qabelxejn, fiż-żmien meta t-televiżjoni kienet is-suġġett ta’ xandir analoġiku, RAI u Mediaset kienu jużaw, kull waħda minnhom, stazzjon b’mod irregolari. Sussegwentement, fl-istess żmien, Centro Europa 7 Srl, li magħha hija marbuta Europa Way, ingħatat konċessjoni għax-xandir televiżiv mingħajr madankollu ma kisbet frekwenza li tippermettilha teżerċita l-attività tagħha. Fl-aħħar nett, matul it-tranżizzjoni diġitali, il-leġiżlatur Taljan annulla illegalment proċedura ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u l-awtoritajiet Taljani użaw metodu ta’ konverżjoni tad-drittijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju sfavorevoli għal Persidera. |
|
166 |
Madankollu, dik il-qorti ma tesponix b’liema mod dawn l-illegalitajiet passati għadu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni bejn operaturi fis-settur awdjoviżiv Taljan. Tali effetti lanqas ma jirriżultaw mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, minn dan il-fajl jirriżulta b’mod partikolari li, anki qabel ir-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, Europa Way kienet detentriċi ta’ drittijiet ta’ użu ta’ multiplex tat-teknoloġija DVB‑T li kienu jippermettulha teżerċita l-attività tagħha u li Persidera kellha drittijiet ta’ użu għan-numru massimu ta’ multiplexes tat-teknoloġija DVB‑T li operatur seta’ jopera konformement mad-dritt Taljan. |
|
167 |
Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tar-rinviju jindikaw li l-awtoritajiet Taljani adottaw diversi miżuri intiżi sabiex jirrimedjaw l-effetti tal-illegalitajiet imsemmija fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari billi imponew obbligi speċifiċi fuq RAI u fuq Mediaset kif ukoll billi organizzaw proċeduri ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li kienu jipprevedu miżuri li jiffavorixxu lill-operaturi li ġew affettwati b’mod negattiv minn dawn l-illegalitajiet jew li ma kinux stabbiliti sew fis-settur awdjoviżiv Taljan. Miżuri bħal dawn jidhru wkoll li ġew previsti waqt ir-rikonfigurazzjoni tal-banda ta’ frekwenzi 700 MHz, peress li l-proċedura ta’ allokazzjoni bi ħlas tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju implimentata f’din l-okkażjoni kienet tinkludi ċerti regoli intiżi sabiex jiffavorixxu lill-operaturi ż-żgħar u lil Persidera. |
|
168 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jsegwix li l-karatteristiċi ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri strutturali li jinvolvu bidla fl-allokazzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju sabiex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi ta’ illegalitajiet fil-passat. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk minn elementi li hija ma semmietx fid-deċiżjonijiet tar-rinviju jsegwix li l-adozzjoni ta’ miżuri strutturali hija neċessarja għal dan l-għan. |
|
169 |
Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑764/23 u C‑765/23 kif ukoll għat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑766/23 għandha tkun li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva Qafas, l-Artikoli 5, 7 u 14 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kompetizzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux sistema ta’ rikonfigurazzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li ma tinkludix miżuri strutturali intiżi sabiex jikkumpensaw illegalitajiet relatati ma’ proċeduri preċedenti ta’ allokazzjoni ta’ tali drittijiet jew mal-kundizzjonijiet preċedenti ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju, sakemm miżuri oħrajn adottati mill-awtoritajiet kompetenti jkunu suffiċjenti sabiex jirrimedjaw id-distorsjonijiet kunsiderevoli tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minn dawn l-illegalitajiet. |
Fuq l-ispejjeż
|
170 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.