SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

5 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħlas ta’ allowance tal-irtirar lill-imħallfin u lill-prosekuturi pubbliċi – Sospensjoni u tneħħija ta’ dan il-ħlas għal raġunijiet marbuta ma’ restrizzjonijiet ta’ tneħħija tad-defiċit baġitarju – Artikolu 2 TUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Kompetenza tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva tal-Istati Membri biex inaqqsu r-remunerazzjoni tal-imħallfin – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑762/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura

RL,

QN,

MR,

JT,

VS,

AX

vs

Curtea de Apel Bucureşti,

fil-preżenza ta’:

Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. Gavalec (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Ghiţă, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn Ș. Ciubotaru, K. Herrmann u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RL, QN, MR, JT, VS u AX, li huma ex maġistrati, u l-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) dwar l-assenza ta’ ħlas lilhom ta’ allowance tal-irtirar.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Liġi Nru 24/2000

3

L-Artikolu 66 tal-Legea nr. 24/2000 privind normele de tehnică legislativă pentru elaborarea actelor normative (il-Liġi Nru 24/2000 dwar ir-regoli ta’ teknika leġiżlattiva għat-tfassil ta’ atti leġiżlattivi) tas-27 ta’ Marzu 2000 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 260 tal‑21 ta’ April 2010), jipprovdi:

“1.   F’każijiet partikolari, l-applikazzjoni ta’ att leġiżlattiv tista’ tiġi sospiża permezz ta’ att leġiżlattiv ieħor tal-istess livell jew ta’ livell ogħla. F’din is-sitwazzjoni, id-data li fiha sseħħ is-sospensjoni kif ukoll it-tul determinat tagħha għandhom jiġu espressament previsti.

[…]

3.   L-estensjoni tas-sospensjoni jew l-emenda jew it-tħassir tad-dispożizzjoni jew tal-att leġiżlattiv sospiż tista’ tkun is-suġġett ta’ dispożizzjoni jew ta’ att leġiżlattiv espliċitu, b’effett mid-data ta’ skadenza tas-sospensjoni.

[…]”

Il-liġi dwar l-istatus preċedenti tal-membri tal-ġudikatura

4

L-Artikolu 74 tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi) tat‑28 ta’ Ġunju 2004 (ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 826 tat‑13 ta’ Settembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-istatus preċedenti tal-membri tal-ġudikatura”), kien jipprevedi:

“1.   Għax-xogħol tagħhom, l-imħallfin u l-prosekuturi għandhom dritt għal remunerazzjoni speċifika skont il-livell tal-qorti jew tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, il-funzjoni okkupata, l-anzjanità fil-ġudikatura u kriterji oħra previsti mil-liġi.

2.   Id-drittijiet salarjali tal-imħallfin u tal-prosekuturi jistgħu jitnaqqsu jew jiġu sospiżi biss fil-każijiet previsti minn din il-liġi. Is-salarji tal-imħallfin u tal-prosekuturi huma stabbiliti permezz ta’ liġi speċjali. […]”

5

Skont l-Artikolu 81 tal-Liġi dwar l-istatus preċedenti tal-membri tal-ġudikatura:

“1.   L-imħallfin u l-prosekuturi li għandhom anzjanità kontinwa ta’ 20 sena fil-ġudikatura jirċievu, mal-irtirar tagħhom jew mal-waqfien tal-funzjonijiet tagħhom għal raġunijiet oħra li ma humiex imputabbli lilhom, allowance ugwali għal seba’ allowances ta’ klassifikazzjoni mensili gross, li huwa impost konformement mal-liġi.

2.   L-allowance prevista fil-paragrafu 1 għandha tingħata darba biss matul il-karriera ta’ mħallef jew ta’ prosekutur u għandha tiġi rreġistrata, skont il-liġi.

[…]”

Il-Liġi Nru 285/2010

6

Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-Legea nr. 285/2010 privind salarizarea în anul 2011 a personalului plătit din fonduri publice (il-Liġi Nru 285/2010 dwar ir-remunerazzjoni għall‑2011 tal-persunal imħallas minn fondi pubbliċi) tat‑28 ta’ Diċembru 2010 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 878 tat‑28 ta’ Diċembru 2010, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 285/2010”), “[f]l‑2010, minkejja titjib żgħir fis-sitwazzjoni ekonomika, il-kundizzjonijiet finanzjarji rriżultaw iktar diffiċli milli kien previst inizjalment, peress li l-attività ekonomika fir-Rumanija matul l-aħħar xhur kienet għadha kkaratterizzata mir-reċessjoni”.

7

L-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Għas-sena 2011, id-dispożizzjonijiet legali dwar l-għoti tal-għajnuna jew, skont il-każ, tal-allowances tal-irtirar, tat-tkeċċija, tat-tmiem tal-funzjonijiet jew tal-assenjazzjoni għall-armata ta’ riżerva ma japplikawx”.

8

Is-sospensjoni tal-ħlas ta’ dawn l-allowances ġiet estiża kull sena sas-sena 2023 inkluża, fl-aħħar lok, mill-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 168/2022 privind unele măsuri fiscal-bugetare, prorogarea unor termene, precum și pentru modificarea și completarea unor acte normative (id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 168/2022 dwar ċerti miżuri fiskali u baġitarji, li jestendi ċerti termini kif ukoll li jemenda u li jissupplimenta ċerti atti leġiżlattivi) tat‑8 ta’ Diċembru 2022 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1186 tad‑9 ta’ Diċembru 2022).

Il-liġi dwar l-istatus il-ġdid tal-membri tal-ġudikatura

9

Il-Legea nr. 303/2022 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2022 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi) tal‑15 ta’ Novembru 2022 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1102 tas‑16 ta’ Novembru 2022, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-istatus il-ġdid tal-membri tal-ġudikatura”), li daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Diċembru 2022, ħassret il-liġi dwar l-istatus preċedenti tal-membri tal-ġudikatura.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma ex membri tal-ġudikatura, ma rċevewx, fil-mument tal-irtirar tagħhom, l-allowance ugwali għal seba’ allowances ta’ klassifikazzjoni mensili grossi, previst fl-Artikolu 81(1) tal-Liġi dwar l-istatus preċedenti tal-membri tal-ġudikatura (iktar ’il quddiem il-“bonus tat-tluq”). Fil-fatt, l-Artikolu 13(1) tal-Liġi Nru 285/2010 u d-dispożizzjonijiet li estendew mingħajr interruzzjoni s-sospensjoni tal-ħlas tal-bonus tat-tluq, sas-sena 2023 inkluża, kellhom l-effett li jissospendu l-ħlas ta’ dan il-bonus għal tlettax-il sena konsekuttiva, sat-tħassir tiegħu, fis‑16 ta’ Diċembru 2022, permezz tal-Liġi dwar l-Istatus il-Ġdid tal-Imħallfin.

11

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) b’rikors intiż, b’mod partikolari, għall-kontestazzjoni tas-sospensjoni tal-ħlas tal-bonus tat-tluq u għall-ksib tal-ħlas ta’ danni li jikkorrispondu għall-ammont ta’ dan il-bonus li huma ma rċevewx.

12

Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2023, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors bħala prematur, għar-raġuni, essenzjalment, li, fid-dawl tas-sospensjoni repetuta tal-Artikolu 81(1) tal-Liġi dwar l-istatus preċedenti tal-membri tal-ġudikatura, permezz ta’ atti leġiżlattivi suċċessivi meqjusa li huma konformi mal-Kostituzzjoni Rumena, il-bonus tat-tluq ma daħalx fil-patrimonju tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li d-dritt għal dan il-bonus kien suġġett għal manifestazzjoni ġdida tal-leġiżlatur.

13

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, billi sostnew, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, li jirriżulta mill-Artikolu 19 TUE, ir-rifjut li jingħatalhom il-bonus tat-tluq kien jikser id-dritt għall-proprjetà. Huma jqisu wkoll li s-sospensjoni tal-ħlas ta’ dan il-bonus, li kienet iġġustifikata mill-kriżi ekonomika kbira li r-Rumanija għaddiet minnha matul is-sena 2010, kellha tkun biss ta’ natura temporanja. Għaldaqstant, it-tħassir tal-Artikolu 81(1) tal-Liġi dwar l-istatus preċedenti tal-membri tal-ġudikatura huwa sproporzjonat.

14

Il-qorti tar-rinviju tfakkar, preliminarjament, li l-bonus tat-tluq, li kien intiż sabiex jirringrazzja lill-imħallfin talli eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod mhux interrott u f’kundizzjonijiet rispettabbli għal mill-inqas għoxrin sena, kien ikkunsidrat bħala allowance ta’ natura salarjali jew remunerazzjoni, peress li dan kien jirriżulta direttament minn relazzjoni ta’ xogħol.

15

Dik il-qorti tindika li s-sospensjoni tal-ħlas ta’ dan il-bonus, għas-snin 2010 sa 2022, kienet ġiet deċiża minħabba rekwiżiti imperattivi marbuta mat-tneħħija tad-defiċit baġitarju eċċessiv tal-Istat Rumen. Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-espożizzjoni tal-motivi ta’ diversi digrieti ta’ urġenza adottati mill-Gvern, li ssospendew il-ħlas tal-bonus ta’ tluq, kienet turi r-riskju li, fin-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis salarjali ta’ dan it-tip, id-defiċit baġitarju tar-Rumanija jaqbeż il-limitu ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) previst fl-Artikolu 126(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, anness mat-Trattati UE u FUE, li jista’ jwassal lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċedura għal defiċit eċċessiv kontra dan l-Istat Membru.

16

Minkejja li l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) qieset li d-dritt għall-bonus tat-tluq ma kienx jaqa’ taħt il-kategorija ta’ drittijiet fundamentali, b’tali mod li l-leġiżlatur Rumen kien liberu li jneħħi l-ħlas tiegħu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sospensjoni fit-tul ta’ tali ħlas, segwita mit-tneħħija ta’ tali bonus, tippreġudikax il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, li joħroġ mill-Artikolu 19 TUE. Fil-fatt, l-istabbiltà finanzjarja tal-imħallfin, inklużi l-imħallfin irtirati, hija waħda mill-garanziji tal-indipendenza ġudizzjarja. Barra minn hekk, diversi strumenti internazzjonali jenfasizzaw dan il-punt, b’mod partikolari l-punt 54 tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010) 12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, intitolat “L-Imħallfin: indipendenza, effikaċja u responsabbiltajiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], adottata fis‑17 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem ir-“rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tas-sena 2010”) u l-punt 6.4 tal-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin, adottata fi Strasbourg fl‑10 ta’ Lulju 1998 mill-Kunsill tal-Ewropa.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 TUE) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin jipprekludi r-revoka, fil-każ ta’ mħallfin Rumeni li jkollhom 20 sena ta’ anzjanità kontinwa fil-ġudikatura, tad-dritt li jirċievu, fid-data tal-irtirar tagħhom jew tat-tmiem tas-servizz tagħhom għal raġunijiet oħra li ma humiex attribwibbli lilhom, somma ugwali għal seba’ allowances ta’ klassifikazzjoni mensili grossi, meta, qabel ir-revoka, dan id-dritt ta’ salarju ġie sospiż b’mod kontinwu u għal perijodu twil, għal raġunijiet prinċipalment relatati ma’ restrizzjonijiet sabiex jiġi eliminat defiċit baġitarju eċċessiv (il-leġiżlatur jinvoka espressament il-limitu ta’ 3 % tal-prodott gross domestiku previst mit-Trattat FUE)?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin jipprekludi li titħassar, wara li tkun ġiet sospiża b’mod kontinwu għal perijodu twil, għal raġunijiet marbuta b’mod partikolari mar-restrizzjonijiet ta’ tneħħija ta’ defiċit baġitarju eċċessiv tal-Istat Membru kkonċernat, il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat li tipprovdi li l-membri tal-ġudikatura li għandhom għoxrin sena ta’ anzjanità kontinwa fil-maġistratura jirċievu, fil-mument tal-irtirar tagħhom jew tat-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom għal raġunijiet oħra li ma kinux imputabbli lilhom, allowance tal-irtirar.

19

Bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, dawn huma madankollu obbligati, fl-eżerċizzju tagħha, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 111, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 33).

20

L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-oneru li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-individwi jisiltu minn dan id-dritt. Għal dan il-għan, il-preżervazzjoni tal-indipendenza ta’ dawn l-istanzi hija primordjali. Dan ir-rekwiżit, li huwa inerenti fil-kompitu li tingħata deċiżjoni, fil-fatt jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 4748 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Il-kunċett ta’ “indipendenza tal-imħallfin” jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew għal subordinazzjoni fil-konfront ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, sabiex b’dan il-mod tkun protetta minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Issa, bħall-impossibbiltà tat-tneħħija tal-membri tal-istanza kkonċernata, li huma jirċievu livell ta’ remunerazzjoni adegwat meta mqabbel mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw jikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-imħallfin (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Minkejja li, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza ġudizzjarja għandha tkun iggarantita fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva ta’ Stat Membru, is-sempliċi fatt li dawn is-setgħat ikunu involuti fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin la huwa, bħala tali, ta’ natura li joħloq dipendenza tal-imħallfin fil-konfront tal-imsemmija setgħat u lanqas li joħloq dubji dwar l-indipendenza tagħhom jew l-imparzjalità tagħhom. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fit-tfassil tal-baġit tagħhom u fl-ibbilanċjar bejn id-diversi kapi ta’ nfiq pubbliku. Dan il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ jinkludi d-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż u, b’mod partikolari, tar-remunerazzjoni tal-imħallfin, peress li s-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva nazzjonali huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest soċjoekonomiku partikolari tal-Istat Membru li fih dan il-baġit għandu jitfassal u l-indipendenza tal-imħallfin iggarantita (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 5051).

23

Xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-Imħallfin ma għandhomx joħolqu, f’moħħ l-individwi f’kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-Imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom. Għal dan l-għan, il-karti, ir-rapporti u d-dokumenti l-oħra mfassla mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-preżenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 5253).

24

Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė (C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 65), is-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva ta’ Stat Membru jistgħu jidderogaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddefinixxi b’mod oġġettiv il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin, billi jiddeċiedu li jnaqqsu l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni, bil-kundizzjoni li jissodisfaw ċertu numru ta’ rekwiżiti.

25

L-ewwel, konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, miżura ta’ tnaqqis fis-salarji tal-imħallfin jew tal-pensjoni tagħhom għandha tiġi ddeterminata mil-liġi, tkun oġġettiva, prevedibbli u trasparenti. Din il-liġi tista’ tipprevedi l-intervent tal-imsieħba soċjali, b’mod partikolari tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-imħallfin ikkonċernati. F’dan il-kuntest, it-trasparenza li għandha l-proċedura leġiżlattiva tikkontribwixxi sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-imħallfin (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 5466).

26

It-tieni, miżura ta’ tnaqqis tas-salarju tal-imħallfin jew tal-pensjoni tagħhom għandha tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali, bħal rekwiżit ta’ tneħħija ta’ defiċit pubbliku eċċessiv, fis-sens tal-Artikolu 126(1) TFUE, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka tali rekwiżit ma tippreżupponix il-ftuħ kontrih ta’ proċedura skont il-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, anness mat-Trattati UE u FUE (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 6768 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Ir-raġunijiet baġitarji li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżura li tidderoga mir-regoli tad-dritt komuni fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-imħallfin għandhom jiġu spjegati b’mod ċar. Barra minn hekk, bla ħsara għal ċirkustanzi eċċezzjonali debitament iġġustifikati, dawn il-miżuri ma għandux ikollhom bħala l-mira speċifika tagħhom biss il-membri tal-qrati nazzjonali u għandhom ikunu jifformaw parti minn qafas iktar ġenerali intiż li numru ikbar ta’ membri tas-servizz pubbliku nazzjonali jikkontribwixxu għall-isforz baġitarju mfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses,C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 49, u tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 69).

28

Bħalma jipprevedi l-punt 54 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tas-sena 2010, “[d]ispożizzjonijiet legali speċifiċi għandhom jiġu introdotti bħala salvagwardja kontra tnaqqis fir-remunerazzjoni mmirat speċifikament għall-Imħallfin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, bħalma jippreċiża l-punt 57 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din ir-rakkomandazzjoni, “[i]d-dispożizzjoni intiża sabiex ma tiġix imnaqqsa r-remunerazzjoni tal-imħallfin speċifikament ma tipprekludix tnaqqis tar-remunerazzjoni li jidħol fil-kuntest tal-politika pubblika intiża għat-tnaqqis ġenerali tas-salarji tal-membri tas-servizzi pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

29

Konsegwentement, meta Stat Membru jadotta miżuri ta’ restrizzjoni baġitarja li jaffettwaw lill-uffiċjali u lill-aġenti pubbliċi tiegħu, huwa jista’, f’soċjetà kkaratterizzata mis-solidarjetà, bħalma jenfasizza l-Artikolu 2 TUE, jiddeċiedi li japplika dawn il-miżuri wkoll għall-Imħallfin nazzjonali (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 71).

30

It-tielet, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett),C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 31), miżura intiża li tnaqqas ir-remunerazzjoni tal-imħallfin għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ilħiq tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex, għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq u ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-imsemmi għan, li jimplika li l-importanza ta’ dan tal-aħħar għandha tiġi mwieżna mal-gravità tal-indħil fil-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin.

31

F’dan ir-rigward, miżura ta’ din in-natura, li tidher adatta sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali msemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, għandha tibqa’ eċċezzjonali u temporanja, inkwantu ma għandhiex tapplika lil hinn mit-tul neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex, bħat-tneħħija ta’ defiċit pubbliku eċċessiv. Barra minn hekk, l-effett tal-imsemmija miżura fuq ir-remunerazzjoni tal-imħallfin ma għandux ikun sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punti 7374).

32

Madankollu, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ rrikonoxxut lill-Istati Membri meta jfasslu l-baġit tagħhom u jibbilanċjaw id-diversi kapi ta’ nfiq pubbliku, bħalma tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, Stat Membru jista’ jadotta miżura leġiżlattiva intiża, mhux li tidderoga mil-leġiżlazzjoni bażika li tistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-imħallfin sabiex jaffaċċja kriżi baġitarja, iżda li temenda din il-leġiżlazzjoni għall-futur, billi tnaqqas ir-remunerazzjoni tagħhom, sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni baġitarja tiegħu fit-tul.

33

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, ma jistax jipprekludi tali emenda, anki jekk ma hijiex limitata ratione temporis, sakemm il-livell ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin, li jkun għadu kif ġie stabbilit, jibqa’ suffiċjenti sabiex jiżgura l-indipendenza tagħhom.

34

Iż-żamma tal-indipendenza tal-Imħallfin teżiġi fil-fatt li, minkejja l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ miżura ta’ restrizzjoni baġitarja, il-livell tar-remunerazzjoni tagħhom għandu dejjem ikun xieraq meta mqabbel mal-importanza tal-karigi li huma jaqdu, sabiex jibqgħu protetti minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tal-ġudizzju tagħhom u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

35

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel (C‑49/18, EU:C:2019:106, punti 70, 7173), isegwi li l-livell ta’ remunerazzjoni tal-Imħallfin għandu jkun għoli biżżejjed, fid-dawl tal-kuntest soċjoekonomiku tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex jagħtihom indipendenza ekonomika ċerta ta’ natura li tipproteġihom kontra r-riskju li eventwali interventi jew pressjonijiet esterni jkunu jistgħu jippreġudikaw in-newtralità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Għalhekk, il-livell ta’ din ir-remunerazzjoni għandu jkun ta’ natura li jipproteġi lill-Imħallfin mir-riskju ta’ korruzzjoni.

36

L-evalwazzjoni tan-natura adegwata tar-remunerazzjoni tal-imħallfin tippreżupponi, b’mod partikolari, li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat. Minn din il-perspettiva, huwa xieraq li r-remunerazzjoni medja tal-imħallfin titqabbel mas-salarju medju fl-imsemmi Stat (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 62).

37

Il-kunsiderazzjonijiet esposti fiż-żewġ punti preċedenti japplikaw mutatis mutandis għall-imħallfin irtirati. Fil-fatt, il-fatt li l-imħallfin attivi jkollhom il-garanzija li huma ser jirċievu, wara l-irtirar tagħhom, pensjoni għolja biżżejjed huwa ta’ natura li jipproteġihom kontra r-riskju ta’ korruzzjoni matul il-perijodu ta’ attività tagħhom.

38

Għandu jissemma, f’dan ir-rigward, il-punt 54 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tas-sena 2010 li jipprovdi li “għandu jiġi ggarantit […] il-ħlas ta’ pensjoni li l-livell tagħha għandu jkun raġonevolment relatat ma’ dak tar-remunerazzjoni tal-imħallfin fil-kariga” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, mill-punt 6.4 tal-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza jsegwi li dan l-istatus għandu jiggarantixxi lill-imħallfin “li jkunu laħqu l-età legali ta’ tmiem tal-funzjonijiet tagħhom[,] wara li jkunu wettquhom b’mod professjonali għal żmien determinat[,] il-ħlas ta’ pensjoni li l-livell tagħha għandu jkun kemm jista’ jkun qrib dak tal-aħħar remunerazzjoni tagħhom għal attività ġudizzjarja”.

39

Ir-raba’, miżura ta’ tnaqqis tas-salarju għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont il-modalitajiet proċedurali previsti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat.

40

Minkejja li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex il-kompitu tagħha li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha u sabiex tipprovdi risposta utli lill-qrati tar-rinviju, tagħtihom indikazzjonijiet ta’ natura li jippermettu lil dawn il-qrati jiddeċiedu (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li t-tħassir tal-Artikolu 81(1) tal-Liġi dwar l-istatus preċedenti tal-membri tal-ġudikatura permezz tal-Liġi dwar l-istatus il-ġdid tal-Imħallfin, f’dan il-każ, kien immotivat minn rekwiżiti marbuta mat-tneħħija tad-defiċit baġitarju eċċessiv tal-Istat Membru kkonċernat, kif kienet tindika b’mod partikolari l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi Nru 285/2010, kif imsemmi fil-punt 6 ta’ din is-sentenza. B’mod iktar ġenerali, bħalma jsegwi mill-punt 15 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-espożizzjoni tal-motivi ta’ diversi digrieti ta’ urġenza adottati mill-Gvern, li ssospendew il-ħlas tal-bonus inizjali, uriet ir-riskju li d-defiċit baġitarju tar-Rumanija jaqbeż il-limitu ta’ 3 % tal-PDG previst mill-Artikolu 126(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati UE u FUE, kif ukoll ir-riskju, għal dan l-Istat Membru, li jkollu jaffaċċja l-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura għal defiċit eċċessiv, fl-assenza ta’ adozzjoni b’urġenza ta’ miżuri ta’ tnaqqis fis-salarji.

42

Fit-tieni lok, it-tneħħija tal-bonus ta’ tluq twassal għal tnaqqis limitat tal-ammont tar-remunerazzjoni tal-imħallfin Rumeni. Barra minn hekk, din il-miżura ma taffettwax ir-remunerazzjoni prinċipali tal-imħallfin Rumeni, iżda żieda fir-remunerazzjoni li setgħet tinġabar darba biss, fil-mument tal-irtirar. Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, it-tneħħija ta’ dan il-bonus ma tidhirx sproporzjonata.

43

Fit-tielet lok, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha billi bbażat ruħha fuq il-grafika 34 tal-Komunikazzjoni COM (2023) 309 final tagħha, intitolata “Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal‑2023”, fil-bidu tal-karriera u għall-imħallfin tal-qrati superjuri, is-salarju annwali medju tal-imħallfin Rumeni jirrappreżenta, rispettivament, 2.9 darbiet u 5.8 darbiet is-salarju gross medju annwali Rumen.

44

Miż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li, minkejja t-tħassir tal-Artikolu 81(1) tal-Liġi dwar l-istatus preċedenti tal-imħallfin, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin Rumeni għadha adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw.

45

Fir-raba’ lok, is-sospensjoni, imbagħad it-tħassir ta’ din id-dispożizzjoni, jagħmlu parti minn politika usa’ ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-persunal tas-servizz pubbliku Rumen. Għalhekk, l-Artikolu 13(1) tal-Liġi Nru 285/2010 kien jipprovdi li, “[g]ħas-sena 2011, id-dispożizzjonijiet legali dwar l-għoti tal-għajnuna jew, skont il-każ, tal-allowances tal-irtirar, tat-tkeċċija, tat-tmiem tal-funzjonijiet jew tal-assenjazzjoni għall-armata ta’ riżerva ma japplikawx”. Issa, bħalma indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-tneħħija tal-għajnuna mal-assenjazzjoni lill-armata ta’ riżerva kienet tikkonċerna s-suldati, il-pulizija kif ukoll l-uffiċjali li jibbenefikaw minn status partikolari fis-sistema ta’ ġestjoni penitenzjarja.

46

Fil-ħames lok, fil-kuntest ta’ din il-kawża, it-tħassir tal-Artikolu 81(1) tal-Liġi dwar l-istatus preċedenti tal-membri tal-ġudikatura, wara li din id-dispożizzjoni ġiet sospiża b’mod kontinwu għal tlettax-il sena, ikkontribwixxa sabiex jiġi ċċarat l-istat tad-dritt nazzjonali u, b’dan il-mod, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali.

47

Barra minn hekk, u bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħu jinvokaw ebda aspettattiva leġittima fir-rigward taż-żamma tal-benefiċċju tal-bonus tat-tluq. Bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “[l]-aspettattiva leġittima li wieħed jibqa’ jgawdi mill-proprjetà għandha tkun ibbażata fuq ‘bażi suffiċjenti fid-dritt nazzjonali’, pereżempju meta tkun ikkonfermata minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-qrati jew meta tkun ibbażata fuq dispożizzjoni leġiżlattiva jew fuq att legali li jikkonċerna l-interess patrimonjali inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 2014, Valle Pierimpiè Società Agricola S.P.A vs L-Italja, CE:ECHR:2014:0923JUD004615411, punt 38).

48

Issa, f’dan il-każ, kemm mill-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), imsemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-Artikolu 66(3) tal-Liġi Nru 24/2000 imsemmija fil-punt 3 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, mis-sena 2010, id-dritt li wieħed jibbenefika minn bonus tat-tluq ma jistax jitqies li huwa bbażat fuq bażi suffiċjenti fid-dritt Rumen. Fil-fatt, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset li d-dritt għall-bonus tat-tluq ma kienx jikkostitwixxi dritt fundamentali, u l-leġiżlatur Rumen kien liberu li jneħħi l-ħlas tiegħu. Fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 66(3), dan jipprevedi li t-tħassir ta’ dispożizzjoni li tkun ġiet sospiża jista’ jkun is-suġġett ta’ dispożizzjoni espressa, b’effett mid-data ta’ skadenza tas-sospensjoni.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin ma jipprekludix it-tħassir, wara li tkun ġiet sospiża b’mod kontinwu għal perijodu twil, għal raġunijiet marbuta b’mod partikolari mar-restrizzjonijiet ta’ tneħħija ta’ defiċit baġitarju eċċessiv tal-Istat Membru kkonċernat, tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat li tipprovdi li l-membri tal-ġudikatura li għandhom għoxrin sena ta’ anzjanità kontinwa fil-maġistratura jirċievu, fil-mument tal-irtirar tagħhom jew tat-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom għal raġunijiet oħra mhux imputabbli lilhom, allowance tal-irtirar.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

l-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin ma jipprekludix it-tħassir, wara li tkun ġiet sospiża b’mod kontinwu għal perijodu twil, għal raġunijiet marbuta b’mod partikolari mar-restrizzjonijiet ta’ tneħħija ta’ defiċit baġitarju eċċessiv tal-Istat Membru kkonċernat, tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat li tipprovdi li l-membri tal-ġudikatura li għandhom għoxrin sena ta’ anzjanità kontinwa fil-maġistratura jirċievu, fil-mument tal-irtirar tagħhom jew tat-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom għal raġunijiet oħra mhux imputabbli lilhom, allowance tal-irtirar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.