SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Direttiva 2014/40/UE – Artikolu 7(12) – Artikolu 11(6) – Direttiva Delegata (UE) 2022/2100 – Validità – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni Ewropea – Prodotti tat-tabakk ġodda – Prodotti tat-tabakk imsaħħan – Setgħa li jiġu rtirati l-eżenzjonijiet relatati mal-projbizzjonijiet tat-togħmiet u r-rekwiżiti ta’ ttikkettjar – Bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi”

Fil-Kawża C‑759/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura

PJ Carroll & Company Ltd,

Nicoventures Trading Ltd

vs

The Minister for Health,

Ireland,

The Attorney General,

fil-preżenza ta’:

Philip Morris Ltd,

Philip Morris Products SA,

Philip Morris Manufacturing & Technology Bologna SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, M. Gavalec, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal PJ Carroll & Company Ltd u Nicoventures Trading Ltd, C. Barrett, K. O’Connor, N. Skelton, solicitors, M. Schonberg u L. Van den Hende, advocaten,

għal The Minister for Health, Ireland u The Attorney General, M. Browne, Chief State Solicitor, A. Burke, A. Joyce, S. Sheehy, aġenti, assistiti minn E. Barrington, SC, u L. Mooney, BL,

għal Philip Morris Ltd, Philip Morris Products SA u Philip Morris Manufacturing & Technology Bologna SpA, minn N. Buckley, BL, M. Byrne, H. Kelly, R. McKittrick, R. Walsh, solicitors, E. McCullough, SC, u H. Saugmandsgaard Øe, advokat,

għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda, M. de Lisi u B. Travard, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino u F. Meloncelli, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Schmidt u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad‑Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/2100 tad‑29 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan (ĠU 2022, L 283, p. 4, rettifika fil-ĠU 2023, L 188, p. 62).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn PJ Carroll & Company Ltd u Nicoventures Trading Ltd minn naħa waħda u The Minister of Health (Ministru għas-Saħħa, l-Irlanda), Ireland (l-Irlanda) u The Attorney General (il-Prosekutur Ġenerali, l-Irlanda) min-naħa l-oħra, dwar il-validità tal-European Union (Manufacturer, Presentation and Sale of Tobacco and Related Products) (Amendment) Regulations 2023 (ir-Regoli tal-Unjoni Ewropea tal‑2023 (Manifattura, Preżentazzjoni u Bejgħ ta’ Prodotti tat-Tabakk u Prodotti Relatati) (Modifiki)) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2023”), li jittrasponu fid-dritt Irlandiż id-Direttiva Delegata 2022/2100.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id‑Direttiva 2014/40/UE

3

Il-premessi 19, 26 u 34 tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24), jipprovdu:

“(19)

Meta jitqies il-fokus tad-Direttiva fuq iż-żgħażagħ, il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim, għandhom jingħataw eżenzjoni minn ċerti rekwiżiti dwar l-ingredjenti sakemm ma jkunx hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi f’termini ta’ volumi ta’ bejgħ jew xejriet tal-konsum taż-żgħażagħ.

[…]

(26)

Għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip, għajr is-sigaretti u l-prodotti tat-tabakk tal-brim, li prinċipalment jiġu kkunsmati minn konsumaturi ta’ età akbar u gruppi żgħar tal-popolazzjoni, għandhom jistgħu jibqgħu jingħataw eżenzjoni minn ċerti rekwiżiti tat-tikkettar sakemm ma jkunx hemm bidla sostanzjali ta’ ċirkostanzi f’termini ta’ volumi ta’ bejgħ jew fix-xejriet tal-konsum taż-żgħażagħ. It-tikkettar ta’ dawn il-prodotti l-oħra tat-tabakk għandu jsegwi regoli speċifiċi għalihom. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-viżibbiltà tat-twissijiet tas-saħħa fuq prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux. It-twissijiet tas-saħħa għandhom, għalhekk, jitqiegħdu fuq iż-żewġ uċuħ ewlenin tal-pakkett tal-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux. Fir-rigward tat-tabakk tal-pipi tal-ilma, li spiss huwa meqjus bħala ta’ inqas ħsara mill-prodotti tat-tabakk tradizzjonali għat-tipjip, is-sistema sħiħa tat-tikkettar għandha tapplika sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa.

[…]

(34)

Il-prodotti kollha tat-tabakk għandhom il-potenzjal li jikkawżaw mortalità, morbożità u diżabilità. Għalhekk il-manifattura, id-distribuzzjoni u l-konsum tagħhom għandhom jiġu rregolati. Għalhekk, huwa importanti li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi rigward prodotti tat-tabakk ġodda. Il-manifatturi u l-importaturi għandhom ikunu obbligati li jippreżentaw notifika dwar il-prodotti tat-tabakk ġodda, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Istati Membri li jipprojbixxu jew jawtorizzaw tali prodotti ġodda”.

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”.

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4)

‘prodotti tat-tabakk’ tfisser prodotti li jistgħu jiġu kkunsmatiu li jikkonsistu, anki parzjalment, mit-tabakk, kemm jekk ġenetikament modifikati kemm jekk le;

[…]

14)

‘prodott tat-tabakk ġdid’ tfisser prodott tat-tabakk li:

a)

ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji li ġejjin: sigaretti, tabakk tal-brim, tabakk tal-pipa, tabakk tal-pipa tal-ilma, sigarri, sigarri żgħar, tabakk tal-magħda, tabakk tal-imnieħer jew tabakk għall-użu orali; u

b)

jitqiegħed fis-suq wara d‑19 ta’ Mejju 2014;

[…]

28)

‘bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi’ tfisser żieda tal-volumi tal-bejgħ skont il-kategorija tal-prodotti b’mill-inqas 10 % f’mill-anqas ħames Stati Membri abbażi tad-data tal-bejgħ trażmessa f’konformità mal-Artikolu 5(6) jew żieda tal-livell ta’ prevalenza tal-użu fil-grupp tal-konsumaturi li għandhom inqas minn 25 sena b’mill-anqas ħames punti perċentwali f’mill-anqas ħames Stati Membri għall-kategorija tal-prodott rispettiva bbażata fuq ir-rapport Speċjali tal-Ewrobarometru nru 385 ta’ Mejju 2012 jew studji ta’ prevalenza ekwivalenti; fi kwalunkwe każ ma jkunx meqjus li seħħet bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi jekk il-volum tal-bejgħ tal-kategorija ta’ prodott fil-livell bl-imnut ma jeċċedix 2,5 % tal-bejgħ totali tal-prodotti tat-tabakk fil-livell tal-Unjoni;

[…]”

5

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Rappurtar tal-ingredjenti u l-emissjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi 5 u 6 tiegħu:

“5.   Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi u jekk meħtieġ taġġorna l-format għall-preżentazzjoni u d-disponibbiltà tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 6 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 6. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

6.   […] L-Istati Membri għandhom jirrikjedu ukoll li l-manifatturi u l-importaturi jirrappurtaw il-volumi tal-bejgħ tagħhom għal kull ditta u tip, irrappurtat f’unitajiet jew kilogrammi, u għal kull Stat Membru fuq bażi annwali li tibda mill‑1 ta’ Jannar 2015. L-Istati Membri għandhom jipprovdu kwalunkwe data oħra dwar il-volum tal-bejgħ li hija disponibbli għalihom”.

6

Qabel ma ġie emendat bid-Direttiva Delegata 2022/2100, l-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Regolamentazzjoni ta’ ingredjenti”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti.

[…]

7.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità ta’ duħħan tagħhom. Il-filtri, il-karti u l-kapsuli ma għandux ikun fihom tabakk jew nikotina.

[…]

12.   Il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 7. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27, sabiex tirtira dik l-eżenzjoni għal kategorija partikolari ta’ prodott jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni.

[…]”

7

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/40 jirrigwarda t-twissija ġenerali u l-messaġġ ta’ informazzjoni li għandhom jidhru fuq il-pakketti individwali u fuq l-imballaġġ estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip. L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jippreċiża min-naħa tiegħu l-obbligi relatati mat-twissijiet tas-saħħa li għandhom jissemmew fuq kull pakkett individwali jew fuq kull imballaġġ estern ta’ dawn il-prodotti.

8

Qabel ma ġie emendat bid-Direttiva Delegata 2022/2100, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/40 li kien intitolat “It-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipi tal-ilma”, kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipi tal-ilma mill-obbligi li jintwera l-messaġġ tal-informazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 9(2) u t-twissijiet tas-saħħa kkombinati stipulati fl-Artikolu 10. […]

[…]

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27, sabiex tirtira l-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet għal kwalunkwe kategorija partikolari tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni għall-kategorija ta’ prodotti kkonċernata”.

9

Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Notifika dwar prodotti tat-tabakk ġodda”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ġodda jippreżentaw notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe tali li beħsiebhom iqiegħdu fis-swieq nazzjonali kkonċernati. In-notifika għandha tkun sottomessa f’forma elettronika sitt xhur qabel it-tqegħid maħsub fis-suq. Hija għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni dettaljata tal-prodott tat-tabakk ġdid ikkonċernat kif ukoll struzzjonijiet dwar l-użu tiegħu u informazzjoni dwar l-ingredjenti u l-emissjonijiet skont l-Artikolu 5. Il-manifatturi u l-importaturi li jippreżentaw notifika ta’ prodott tat-tabakk ġdid għandhom ukoll jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bi:

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-manifatturi u l-importaturi ta’ prodotti tat-tabakk ġodda jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom kwalunkwe informazzjoni ġdida jew aġġornata dwar l-istudji, ir-riċerka u informazzjoni oħra msemmija fil-punti (a) sa (c) fil-paragrafu 1. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-manifatturi jew l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ġodda li jwettqu testijiet addizzjonali jew jissottomettu informazzjoni addizzjonali. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li jirċievu skont dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu sistema għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk ġodda. L-Istati Membri jistgħu jimponu tariffi proporzjonati lill-manifatturi u l-importaturi għal dik l-awtorizzazzjoni.

4.   Prodotti tat-tabakk ġodda imqiegħda fis-suq għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. Liema mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw għall-prodotti tat-tabakk ġodda tiddependi fuq jekk dawn il-prodotti ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx jew ta’ prodott tat-tabakk għat-tipjip”.

10

L-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rapport”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Mhux aktar tard minn ħames snin mill‑20 ta’ Mejju 2016, u kull meta jkun meħtieġ wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[…]

2.   Fir-rapport, il-Kummissjoni għandha tindika, b’mod partikolari, l-elementi tad-Direttiva li għandhom jiġu riveduti jew adattati fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi, inkluż l-iżvilupp ta’ regoli miftehma internazzjonalment u standards dwar it-tabakk u prodotti relatati. Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lil:

[…]

b)

l-iżviluppi tas-suq li jikkonċernaw prodotti tat-tabakk ġodda li jieħdu inkonsiderazzjoni, inter alia, in-notifiki li jkunu waslu skont l-Artikolu 19;

(c)

l-iżviluppi tas-suq li jikkostitwixxu bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi;

[…]

L-Istati Membri għandhom jassistu lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni disponibbli kollha għat-twettiq tal-valutazzjoni u t-tħejjija tar-rapport.

3.   Ir-rapport għandu jiġi segwit minn proposti li jemendaw din id-Direttiva, li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tadattah — sal-punt meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern — għall-iżviluppi fil-qasam tat-tabakk u l-prodotti konnessi, u biex jingħata kont ta’ żviluppi ġodda bbażati fuq fatti xjentifiċi u żviluppi dwar standards għat-tabakk u għall-prodotti relatati miftiehma internazzjonalment”.

Id-Direttiva Delegata 2022/2100

11

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva Delegata 2022/2100:

“Id-Direttiva [2014/40] hija emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 7(12) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12. Il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 7. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27, sabiex tirtira dik l-eżenzjoni għal kategorija partikolari ta’ prodott jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ‘prodott tat-tabakk imsaħħan’ tfisser prodott tat-tabakk ġdid li jissaħħan biex jipproduċi emissjoni li jkun fiha n-nikotina u sustanzi kimiċi oħra, li mbagħad tinġibed man-nifs mill-utent(i), u li, skont il-karatteristiċi tiegħu, huwa prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx jew prodott tat-tabakk għat-tipjip.”

2)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

a)

l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“Artikolu 11

‘It-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr sigaretti, it-tabakk tal-brim, it-tabakk tal-pipi tal-ilma u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan’;

b)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim, it-tabakk tal-pipi tal-ilma u t-tabakk imsaħħna kif definit fl-Artikolu 7(12), it-tieni subparagrafu mill-obbligi li jintwera l-messaġġ tal-informazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 9(2) u t-twissijiet tas-saħħa kkombinati stipulati fl-Artikolu 10. F’dak il-każ, u flimkien mat-twissija ġenerali prevista fl-Artikolu 9(1), kull pakkett individwali u kwalunkwe ppakkjar estern ta’ tali prodotti għandhom juru waħda mill-kitbiet ta’ twissijiet elenkati fl-Anness I. It-twissija ġenerali speċifikata fl-Artikolu 9(1) għandha tinkludi referenza għas-servizzi ta’ waqfien mit-tipjip imsemmija tal-Artikolu 10(1)(b).’”

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2186

12

L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2186 tal‑25 ta’ Novembru 2015 li tistabbilixxi l-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodotti tat-tabakk u biex din issir disponibbli (ĠU 2015, L 312, p. 5), jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk jagħtu l-informazzjoni dwar l-ingredjenti, l-emissjonijiet u l-volumi tal-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva [2014/40], kif ukoll il-modifiki li jsiru fil-prodotti u l-irtirar mis-suq tagħhom, skont il-format previst fl-Anness.”

Id-dritt Irlandiż

13

Ir-Regolament tal‑2023 jittrasponi d-Direttiva Delegata 2022/2100 fid-dritt Irlandiż. L-avviż dwar l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament ġie ppubblikat fl-Iris Oifigiúil (Ġurnal Uffiċjali Irlandiż) tat‑30 ta’ Ġunju 2023. L-imsemmi regolament daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Ottubru 2023.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

PJ Carroll & Company u Nicoventures Trading (iktar ’il quddiem, flimkien, “PJ Carroll”), kif ukoll Philip Morris, Philip Morris Products u Philip Morris Manufacturing & Technology Bologna (iktar ’il quddiem, flimkien, “Philip Morris”) jikkummerċjalizzaw jew jippjanaw li jikkummerċjalizzaw, fl-Unjoni Ewropea kollha, prodotti tat-tabakk imsaħħan li fihom “togħmiet karatterizzanti” jew togħmiet fil-komponenti tagħhom.

15

PJ Carroll tqis li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa tadotta d-Direttiva Delegata 2022/2100. Għaldaqstant, hija tqis li din hija invalida u li, konsegwentement, ir-Regolament tal‑2023, li jittrasponiha fid-dritt Irlandiż, huwa illegali.

16

Fil‑11 ta’ Jannar 2023, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju, awtorizzat lil PJ Carroll tibda proċedura ta’ reviżjoni ġudizzjarja (judicial review) intiża, b’mod partikolari, sabiex tinkiseb dikjarazzjoni li tgħid li r-Regolament tal‑2023 huwa invalidu. Din il-qorti tosserva li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni u li għalhekk huwa neċessarju li tistaqsi minn qabel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tqis li PJ Carroll invokat argumenti intiżi li juru li, billi adottat id-Direttiva Delegata 2022/2100, il-Kummissjoni eżerċitat b’mod illegali l-kompetenzi tal-leġiżlatur tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 290 TFUE. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni ma evalwatx b’mod validu l-eżistenza ta’ “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi”, fis-sens tal-punt 28 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40.

17

Fir-rigward tal-validità tad-Direttiva Delegata 2022/2100, il-qorti tar-rinviju tirrileva, essenzjalment, li, billi ddefinixxiet, f’din id-direttiva delegata, kategorija ġdida ta’ prodotti tat-tabakk, jiġifieri l-prodotti tat-tabakk imsaħħan, u billi ddeċidiet li kellu jiġi rtirat, għal din il-kategorija ġdida ta’ prodotti, il-benefiċċju tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40, il-Kummissjoni għamlet b’mod illegali għażla politika. Skont din il-qorti, il-projbizzjoni, abbażi tal-volum tal-bejgħ, ta’ kategorija ta’ prodotti tat-tabakk li ma kinitx teżisti fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva u li ma kinitx is-suġġett ta’ evalwazzjonijiet politiċi u sanitarji speċifiċi mil-leġiżlatur tal-Unjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dan il-leġiżlatur u mhux tal-Kummissjoni.

18

Mill-istruttura tad-Direttiva 2014/40 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirregola t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk ġodda fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku mwettaq. Il-projbizzjoni totali ta’ tali prodotti taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni bażika skont l-għażliet politiċi magħmula minn dan il-leġiżlatur fir-rigward tal-aħjar mod li bih jiġu rregolati dawn il-prodotti l-ġodda. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-imsemmija prodotti ġodda ma jistgħux jiġu kklassifikati faċilment bħala prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux jew bħala prodotti tat-tabakk għat-tipjip u jista’ jkollhom kontenut ta’ tabakk differenti mill-prodotti eżistenti.

19

Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġi sostnut li d-definizzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ prodotti, li jaqgħu kemm taħt il-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux kif ukoll taħt il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip, sabiex tiġi pprojbita immedjatament verżjoni b’togħma ta’ dawn il-prodotti l-ġodda, tippreġudika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE. Fil-fatt, billi adottat tali definizzjoni, il-Kummissjoni lleġiżlat fuq “element essenzjali” tad-Direttiva 2014/40 peress li l-portata, il-kontenut u l-għan wara tali definizzjoni ma ġewx iddefiniti espliċitament f’din id-direttiva. Sabiex id-Direttiva Delegata 2022/2100 tkun valida, il-Kummissjoni kellha żżomm is-setgħa ddelegata li tippermettilha tirtira l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40 għall-prodotti l-ġodda kollha tat-tabakk bit-togħma li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ volum ta’ bejgħ previsti fil-punt 28 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, indipendentement mill-kontenut tagħhom ta’ tabakk jew mill-impatt tagħhom fuq is-saħħa meta mqabbla mal-prodotti eżistenti.

20

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-“bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi”, fis-sens tal-punt 28 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, il-qorti tar-rinviju tqis li, fl-analiżi kwantitattiva tagħha tal-volum tal-bejgħ, il-Kummissjoni pparagunat elementi li ma kinux paragunabbli meta eżaminat jekk il-livell ta’ penetrazzjoni tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan fis-suq kienx ta’ natura li jiġġustifika l-projbizzjoni ta’ tali prodotti bit-togħma.

21

Skont din il-qorti, wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-Direttiva 2014/40 huwa l-protezzjoni tas-saħħa fir-rigward tal-effetti ta’ ħsara tat-tabakk. Għaldaqstant, il-kontenut tat-tabakk tal-prodotti tat-tabakk huwa preokkupazzjoni kbira li fuqha huma bbażati l-miżuri leġiżlattivi previsti f’din id-direttiva. Approċċ li kien iċċentrat fuq il-kontenut globali tat-tabakk tal-prodotti u li kien jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-volum tal-bejgħ fuq din il-bażi kien ikun iktar konformi ma’ dan l-għan. Issa, il-Kummissjoni ma ppruvatx, fl-elaborazzjoni tal-metodoloġija tagħha, tarmonizza l-kriterji ta’ kejl tal-kontenut tat-tabakk tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan u tas-sigaretti kif ukoll tal-prodotti l-oħra tat-tabakk. Tali armonizzazzjoni kienet madankollu neċessarja sabiex jiġi ggarantit li l-paragun meħtieġ jirrigwarda elementi paragunabbli.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva Delegata [2022/2100] hija invalida għar-raġuni li teċċedi s-setgħat mogħtija mill-Artikolu 7(12) u mill-Artikolu 11(6) tad-Direttiva [2014/40], moqrija fid-dawl tal-Artikolu 290 TFUE u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-[punt 14 tal-Artikolu 2] u tal-Artikoli 19 u 28 [ta’ din id-direttiva]?

2)

Id-Direttiva Delegata 2022/2100 hija invalida għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt tikkonkludi li kien hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi fis-sens tal-Artikolu 7(12) u/jew tal-Artikolu 11(6) u/jew tal-[punt 28 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2014/40]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva Delegata 2022/2100 hijiex invalida għar-raġuni li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 290 TFUE kif ukoll tal-punt 14 tal-Artikolu 2 u tal-Artikoli 19 u 28 ta’ din id-direttiva.

24

L-Artikolu 7(12) u l-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40 jawtorizzaw lill-Kummissjoni tadotta atti delegati, f’każ ta’ bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi, sabiex tirtira l-eżenzjonijiet li jibbenefikaw minnhom ċerti prodotti tat-tabakk imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet. Dawn l-eżenzjonijiet jikkonċernaw, minn naħa, il-projbizzjoni tal-użu ta’ togħmiet karatterizzanti f’dawn il-prodotti u l-projbizzjoni tat-togħmiet fil-komponenti tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jitwaħħal messaġġ ta’ informazzjoni u twissijiet tas-saħħa kkombinati fuq il-pakketti individwali jew l-imballaġġ estern tal-imsemmija prodotti.

25

PJ Carroll u Philip Morris isostnu, essenzjalment, li din id-delega ta’ setgħa hija limitata għall-“kategoriji partikolari ta’ prodotti” speċifikati minn din id-direttiva. L-imsemmija delega ta’ setgħa għalhekk ma tikkonċernax il-“prodotti tat-tabakk ġodda”, fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva. Minn dan isegwi li, billi ħolqot u ddefinixxiet kategorija ġdida ta’ prodotti permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva Delegata 2022/2100, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat li ġew iddelegati lilha fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40.

26

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li mill-Artikolu 290(1) TFUE jirriżulta li att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan l-att leġiżlattiv. Skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-għanijiet, il-kontenut, il-portata kif ukoll it-tul tad-delega ta’ setgħa għandhom jiġu ddefiniti b’mod espress fl-att leġiżlattiv li jagħti tali delega. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan ir-rekwiżit jimplika li l-għoti ta’ setgħa ddelegata huwa intiż għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit mill-att leġiżlattiv bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 38; tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 30, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 49).

27

Barra minn hekk, huwa wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-elementi essenzjali ta’ att leġiżlattiv bażiku huma dawk li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet stess tal-leġiżlatur tal-Unjoni, inkwantu din timplika ponderazzjoni tal-interessi diverġenti inkwistjoni abbażi ta’ evalwazzjonijiet multipli, jew jekk din tippermetti interferenzi fi drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ta’ tali importanza li l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni jkun neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 65, 7677, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑696/15 P, EU:C:2017:595, punt 78).

28

Fir-rigward tad-Direttiva 2014/40, il-qafas regolamentari li fih għandhom jiġu inklużi s-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40 huwa bbażat fuq l-għażliet politiċi li l-leġiżlatur tal-Unjoni esprima fil-paragrafi 1 u 7 tal-Artikolu 7, fl-Artikoli 9 u 10 ta’ din id-direttiva kif ukoll fl-Artikolu 19(4) tagħha.

29

Permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni, l-ewwel, għażel li jistabbilixxi sistema ġenerali ta’ użu tat-togħmiet u ta’ obbligi ta’ ttikkettjar billi jipprojbixxi l-użu ta’ togħmiet karatterizzanti fil-prodotti tat-tabakk kif ukoll l-użu tat-togħmiet fil-komponenti tagħhom u billi jimponi t-twaħħil ta’ messaġġ ta’ informazzjoni u twissijiet tas-saħħa kkombinati fuq il-pakketti individwali jew fuq l-imballaġġ estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip.

30

It-tieni nett, dan il-leġiżlatur qies li ċerti prodotti tat-tabakk, li l-konsum tagħhom huwa prinċipalment magħmul minn konsumaturi ta’ età ikbar u minn grupp ta’ popolazzjoni mnaqqsa, huma eżentati minn din is-sistema ġenerali. Madankollu, l-imsemmi leġiżlatur iddeċieda li dawn l-eżenzjonijiet kellhom jiġu rtirati, mill-Kummissjoni, fl-ipoteżi fejn “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi”, kif iddefinita fil-punt 28 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, moqri fid-dawl tal-premessi 19 u 26 tagħha, kellha tiġi kkonstatata fil-livell tal-volum tal-bejgħ ta’ wieħed mill-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew tad-drawwiet tal-konsum taż-żgħażagħ fir-rigward ta’ dan il-prodott.

31

It-tielet nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jissuġġetta l-“prodotti tat-tabakk ġodda” għar-rekwiżiti stabbiliti bid-Direttiva 2014/40, peress li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ “prodott tat-tabakk ġdid” huma stabbiliti fil-punt 14 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

32

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat id-Direttiva Delegata 2022/2100 sabiex tirtira, għall-prodotti tat-tabakk il-ġodda li jikkostitwixxu l-prodotti tat-tabakk imsaħħan, il-benefiċċju tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40, il-Kummissjoni aġixxiet fl-osservanza tal-qafas regolatorju miġbur fil-qosor fil-punti 28 sa 31 ta’ din is-sentenza u ma wettqet ebda għażla politika li taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet proprji tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

33

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dawn il-prodotti u dik tal-evoluzzjoni tal-konsum tagħhom hija bbażata fuq il-kriterji oġġettivi msemmija fil-punti 14 u 28 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40.

34

It-tieni, abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni applikat għall-imsemmija prodotti d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jikkonkretizzaw legalment l-għażliet politiċi magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri, minn naħa, dak li jipprojbixxi l-użu ta’ togħmiet karatterizzanti fil-prodotti tat-tabakk u togħmiet fil-komponenti tagħhom, u, min-naħa l-oħra, dak li jimponi t-twaħħil ta’ messaġġ ta’ informazzjoni u ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati fuq il-pakketti individwali jew fuq l-imballaġġ estern.

35

Ebda argument invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jista’ jikkontesta l-validità tad-Direttiva Delegata 2022/2100.

36

Ċertament, il-Kummissjoni daħħlet id-definizzjoni tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan barra mil-lista tad-definizzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40. Madankollu, l-Artikolu 7(12) u l-Artikolu 11(6) ta’ din id-direttiva ma jirreferux għall-kategoriji ta’ prodotti li jinsabu fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva f’dak li jirrigwarda l-irtirar tal-benefiċċju ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex għażla oħra ħlief li tiddefinixxi l-“prodott tat-tabakk il-ġdid” li huwa s-suġġett tad-Direttiva Delegata 2022/2100, sa fejn il-kategorija ta’ “prodotti tat-tabakk ġodda” hija neċessarjament miftuħa u intiża li tiġi ppreċiżata skont l-introduzzjoni u l-iżvilupp ta’ dawn il-prodotti ġodda fis-suq.

37

Barra minn hekk, kif spjega l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 u 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżerċizzju tas-setgħa delegata tal-Kummissjoni fir-rigward tal-“prodotti tat-tabakk ġodda” jippermetti li jirrispondi għal għan doppju tad-Direttiva 2014/40, li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati, filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 143220, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match,C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 67).

38

F’dan ir-rigward, PJ Carroll ma tistax tiġi segwita fl-argumenti tagħha meta tinvoka, insostenn tal-invalidità tad-Direttiva Delegata 2022/2100, l-Artikolu 168(5) TFUE, li jipprovdi li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa prekluż milli jarmonizza l-politika tas-saħħa fil-qasam tat-tabakk u li minnu jirriżulta li l-kompetenza li jiġi awtorizzat il-bejgħ ta’ ċerti prodotti tat-tabakk ġodda, b’mod partikolari dawk li jippreżentaw riskji mnaqqsa għas-saħħa meta mqabbla ma’ prodotti oħra tat-tabakk, hija rriżervata għall-Istati Membri.

39

Huwa minnu li, għalkemm, skont din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jadotta, b’mod partikolari, miżuri li għandhom direttament bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa pubblika f’dak li jirrigwarda t-tabakk, dan huwa, madankollu, bl-esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri.

40

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2014/40 ma hijiex ibbażata fuq l-imsemmija dispożizzjoni, iżda fuq l-Artikolu 114 TFUE, li jippermetti l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dan l-artikolu jkun jista’ jintuża bħala bażi legali jiġu ssodisfatti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi ostakolat milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija determinanti fl-għażliet li għandhom isiru (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 62; tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 39, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 60).

41

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 168(1) TFUE jipprevedi li għandu jkun iggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-istrateġiji u tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u li l-Artikolu 114(3) TFUE espliċitament jeżiġi li, fl-armonizzazzjoni li titwettaq, jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 62; tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 40, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 61).

42

Ma jistax ikun differenti għad-Direttiva Delegata 2022/2100 peress li din id-direttiva delegata ġiet adottata mill-Kummissjoni abbażi ta’ delega ta’ setgħa mil-leġiżlatur tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40, konformement mal-Artikolu 290 TFUE.

43

Għalhekk, mill-interdipendenza taż-żewġ għanijiet intiżi mid-Direttiva 2014/40 jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet leġittimament teżerċita s-setgħa delegata tagħha sabiex il-“prodotti tat-tabakk imsaħħan” ikunu suġġetti għas-sistema ġenerali ta’ użu ta’ togħmiet kif ukoll għal obbligi ta’ ttikkettjar imposti mid-Direttiva 2014/40 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 222).

44

Barra minn hekk, billi ssuġġettat fid-Direttiva Delegata 2022/2100 il-prodotti tat-tabakk imsaħħan għall-projbizzjoni tat-togħmiet u għall-obbligi ta’ ttikkettjar imposti mid-Direttiva 2014/40, il-Kummissjoni fl-ebda każ ma ostakolat il-kompetenza tal-Istati Membri, kif iddefinita fl-Artikolu 19(1) sa (3) tad-Direttiva 2014/40, fir-rigward tal-“prodotti tat-tabakk ġodda”. Dawn l-Istati jibqgħu, b’mod partikolari, liberi li jissuġġettaw dawn il-prodotti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

45

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/40, huwa minnu li l-Kummissjoni għandha, skont il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva, tagħti attenzjoni partikolari, b’mod partikolari, lill-evoluzzjoni tas-suq tal-prodotti tat-tabakk ġodda u lil dik li tikkostitwixxi bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi.

46

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tikkontradixxix l-Artikolu 19(4) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li l-prodotti tat-tabakk ġodda mqiegħda fis-suq għandhom, minn issa, u għalhekk indipendentement minn kull proposta tal-Kummissjoni li ssegwi rapport ta’ evalwazzjoni, ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-istess direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/40 ma jistax jiġi interpretat bħala regola li tillimita l-eżerċizzju tas-setgħa ddelegata lill-Kummissjoni għall-Artikolu 7(12) u għall-Artikolu 11(6) ta’ din id-direttiva.

47

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eżami tal-ewwel domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva Delegata 2022/2100.

Fuq it-tieni domanda

48

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva Delegata 2022/2100 hijiex invalida minħabba li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq il-kontenut globali ta’ tabakk tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan sabiex tikkonkludi li kien hemm “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi”, fis-sens tal-Artikolu 7(12) u tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40, moqrija flimkien mal-punt 28 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, iktar milli fuq in-numru ta’ unitajiet mibjugħa.

49

L-eżistenza ta’ “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi” hija rekwiżit sabiex tiġi attivata s-setgħa ddelegata tal-Kummissjoni li hija imposta kemm fl-Artikolu 7(12) kif ukoll fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40.

50

Dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 28 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva b’riferiment għall-volumi ta’ bejgħ tal-kategorija ta’ prodotti tat-tabakk ikkonċernata. Din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma ssemmi l-piż tat-tabakk jew, b’mod iktar ġenerali, il-kwantità ta’ tabakk preżenti f’kategorija ta’ prodotti partikolari. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għad-data dwar il-bejgħ ikkomunikata skont l-Artikolu 5(6) tal-imsemmija direttiva. Issa, mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-produtturi u lill-importaturi jiddikjaraw kull sena l-volum tal-bejgħ tagħhom skont it-trade mark u skont it-tip, espress f’numru ta’ sigaretti, ta’ sigarri, sigarri żgħar jew f’kilogrammi.

51

F’dan ir-rigward, kif spjega l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/2186, li tispeċifika l-karatteristiċi tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa mill-Istati Membri, tirreferi wkoll għall-volum tal-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk għal kull unità jew piż fil-mudell obbligatorju li għalih din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tirreferi fl-Artikolu 2 tagħha.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tevalwa l-eżistenza ta’ “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi” ta’ kategorija ta’ prodotti tat-tabakk speċifika billi tikkalkola l-volum tal-bejgħ ta’ din il-kategorija fuq il-bażi, kemm tan-numru ta’ unitajiet tal-prodott ikkonċernat mibjugħa, kif ukoll tal-kwantità ta’ tabakk preżenti fih skont il-piż.

53

Fi kwalunkwe każ, il-kejl tal-“bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi” fid-dawl tal-volum ta’ bejgħ ikkalkolat għal kull unità ta’ prodott huwa konformi mal-għan speċifiku li fuqu huma bbażati l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(12) u fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

54

Fil-fatt, minn naħa, mill-premessi 19 u 26 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, sa fejn din tiffoka fuq iż-żgħażagħ, dawn l-eżenzjonijiet ma għandhomx jibqgħu japplikaw jekk bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi tiġi kkonstatata mill-perspettiva tal-bejgħ jew tad-drawwiet ta’ konsum ta’ din il-kategorija tal-popolazzjoni. Min-naħa l-oħra, minn qari flimkien tal-premessa 34 tal-imsemmija direttiva u mid-definizzjoni ta’ “prodotti tat-tabakk” mogħtija fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva jirriżulta li, f’għajnejn il-leġiżlatur tal-Unjoni, kull prodott kompost minn tabakk, anki jekk parzjalment, huwa sors potenzjali ta’ mortalità, morbidità u inkapaċità.

55

Minn din il-perspettiva, ma jistax jitqies li r-riferiment għall-piż tat-tabakk li jinsab fi prodott sabiex tiġi evalwata l-evoluzzjoni tad-drawwiet tal-konsum taż-żgħażagħ hija l-unika metodoloġija ammissibbli. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kellhiex neċessarjament tibbaża ruħha fuq il-kontenut globali ta’ tabakk tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan sabiex tikkonkludi li kien hemm “bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi”, fis-sens tal-Artikolu 7(12) u tal-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2014/40.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eżami tat-tieni domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva Delegata 2022/2100.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domandi magħmula mill-High Court (Qorti Għolja, l-Irlanda) ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/2100 tad‑29 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.