SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
5 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 3, 5, 7 u l-punt 1(e) tal-Anness – Kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal terminu fiss – Klawżola li timponi penali kuntrattwali fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas – Natura proporzjonata tal-ammont tal-penali – Natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli – Direttiva (UE) 2019/944 – Inapplikabbiltà”
Fil-Kawża C‑749/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Okresní soud v Teplicích (il-Qorti Distrettwali ta’ Teplicích, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
innogy Energie s.r.o.
vs
QS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn N. Jääskinen (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal innogy Energie, s.r.o., minn P. Dub, avukat, |
|
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u P. Ondrůšek, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikoli 3, 5, u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), kif ukoll tal-punt 1(e) tal-Anness ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn innogy Energie, s.r.o., kumpannija li tipprovdi l-enerġija, u QS, konsumatur, dwar talba ta’ din il-kumpannija intiża għall-ħlas ta’ penali abbażi ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż miegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 93/13
|
3 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: “1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. 2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel. Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel. Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu. 3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.” |
|
4 |
L-Artikolu 4 ta din id-direttiva jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu[.]” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva: “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom [dejjem] ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
|
7 |
L-Anness tad-Direttiva 93/13 huwa intitolat “Klawżoli Msemmija fl-Artikolu 3(3)”. Il-punt 1(e) ta’ dan l-anness huwa fformulat kif ġej: “Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li: […]
|
Id-Direttiva 2019/944
|
8 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Dritt għall-[bdil u] regoli dwar tariffi marbuta mal-bdil”, jipprovdi: “1. Il-bdil ta’ fornitur jew ta’ parteċipant tas-suq involut f’aggregazzjoni għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li klijent li jixtieq jibdel il-fornituri jew il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni, filwaqt li jirrispetta l-kondizzjonijiet kuntrattwali, jkun intitolat għal tali bidla fi żmien massimu ta’ tliet ġimgħat mid-data tat-talba. Sa mhux aktar tard mill‑2026, il-proċess tekniku tal-bdil tal-fornitur m’għandux jieħu aktar minn 24 siegħa u għandu jkun possibbli fi kwalunkwe jum ta’ xogħol. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-inqas il-klijenti domestiċi u l-intrapriżi ż-żgħar ma jeħlu l-ebda tariffi marbuta mal-bdil. 3. B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-fornituri jew lill-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni jimponu fuq il-klijenti tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt fejn dawk il-klijenti volontarjament itemmu kuntratti għal terminu fiss, bi prezz fiss ta’ provvista tal-elettriku qabel dawn ma jkunu mmaturaw, dment li tali tariffi jkunu parti minn kuntratt li l-klijent ikun daħal għalih volontarjament u li tali tariffi jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-klijent qabel ma jidħol għall-kuntratt. Tariffi bħal dawn għandhom ikunu proporzjonati u m’għandhomx jeċċedu t-telf ekonomiku dirett għall-fornitur jew il-parteċipanti tas-suq impenjat fl-aggregazzjoni li jirriżultaw mit-terminazzjoni mill-klijent tal-kuntratt, inkluż l-ispejjeż ta’ kwalunkwe investimenti magħquda jew servizzi li diġà jkunu ġew provduti lill-klijent bħala parti mill-kuntratt. L-oneru li jiġi pprovat it-telf ekonomiku dirett għandu jkun fuq il-fornitur jew fuq il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni, u l-permissibbilà tat-tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt għandha tiġi mmonitorjata mill-awtorità regolatorja, jew minn awtorità kompetenti nazzjonali oħra.” |
|
9 |
L-Artikolu 71 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-[…] Artikoli 11 sa 24, […] sal‑31 ta’ Diċembru 2020 […]” |
Id-dritt Ċek
Il-Liġi Nru 89/2012 dwar il-Kodiċi Ċivili
|
10 |
L-Artikolu 1811 taz-zákon č. 89/2012 Sb., občanský zákoník (il-Liġi Nru 89/2012 dwar il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull komunikazzjoni lill-konsumatur għandha ssir mill-kummerċjant b’mod ċar u li jinftiehem, bil-lingwa li fiha jiġi konkluż il-kuntratt.” |
|
11 |
L-Artikolu 2048(1) ta’ din il-liġi jistabbilixxi: “Jekk il-partijiet jipprevedu, fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali, penali kuntrattwali ta’ ammont speċifiku jew il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-penali kuntrattwali, il-kreditur jista’ jeżiġi l-penali kuntrattwali, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt dwar jekk il-ksur tal-obbligu ggarantit [mill-penali kuntrattwali] ikkawżalu dannu. Penali kuntrattwali tista’ tiġi miftiehma wkoll taħt forma oħra li ma hijiex pekunjarja.” |
Il-Liġi Nru 458/2000 dwar l-Enerġija
|
12 |
L-Artikolu 28 taz-zákon č. 458/2000 Sb., energetický zákon (il-Liġi Nru 458/2000 dwar l-Enerġija), jipprevedi, fil-paragrafi 1(e) u 2(l) tiegħu: “1. Il-klijent għandu d-dritt: […]
[…] 2. Il-klijent huwa obbligat: […]
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13 |
Fl‑24 ta’ Jannar 2020, QS u innogy Energie kkonkludew kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal terminu fiss għall-bżonnijiet domestiċi li jipprevedi prezz tal-elettriku, iggarantit matul it-tul kollu tal-kuntratt, inqas minn dak applikat fil-kuntest tal-kuntratti ta’ provvista tal-elettriku għal żmien indeterminat. |
|
14 |
Dan il-kuntratt ta’ adeżjoni, li jikkorrispondi għal formola elettronika stabbilita minn qabel li tinkludi żewġ paġni, kien jistipula l-ħlas ta’ akkont mensili ta’ ammont ta’ CZK 1200 (koruna Ċeka) (madwar EUR 48) għal konsum previst ta’ 1.8 MWh/sena. Fl-ewwel paġna tal-kuntratt, fil-parti intitolata “Konklużjoni u tul tal-kuntratt”, kien issemma li dan kien konkluż għal terminu fiss ta’ 30 xahar, li jikkorrispondi għat-“tul bażiku”, u li ma setax jiġi xolt b’mod antiċipat matul dan il-perijodu. |
|
15 |
Barra minn hekk, dan il-kuntratt kien jistipula, fil-parti intitolata “Klawżoli oħra” li tinsab fl-ewwel paġna, li l-klijent kien obbligat li jagħti mingħajr dewmien inġustifikat lil innogy Energie l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni tal-kuntratt u, b’mod partikolari, li ma jkollux aġir legali jew aġir ieħor li jostakola l-eżekuzzjoni ta’ tali impenn, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li għalihom kien awtorizzat mil-liġi. Fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, l-imsemmi kuntratt kien jipprevedi klawżola li tipprovdi li l-klijent kien obbligat iħallas lil innogy Energie penali ta’ CZK 3000 (madwar EUR 120). Bl-istess mod, fil-każ, b’mod partikolari, ta’ ksur repetut tal-obbligu ta’ ħlas tal-prezz tal-elettriku, penali kuntrattwali li tinkludi kumpens eventwali għad-dannu subit minn innogy Energie għan-nuqqas ta’ teħid tal-elettriku miftiehem, setgħet tintalab mingħand il-klijent. Din il-penali kienet tikkorrispondi għal ammont ta’ CZK 400 (madwar EUR 16) għal kull xahar kalendarju wara l-jum tax-xoljiment tal-kuntratt jew tas-sospensjoni tal-provvista tal-elettriku sal-iskadenza tat-tul tiegħu. |
|
16 |
Il-kuntratt konkluż bejn QS u innogy Energie ġie kkompletat mill-impjegati ta’ din il-kumpannija b’mod elettroniku. QS kellu l-possibbiltà li jarah fuq l-iskrin ta’ kompjuter qabel jiffirmah permezz ta’ tablet diġitali. Il-kuntratt finali ffirmat intbagħat bil-posta elettronika lill-klijent li seta’ jitlob verżjoni stampata fi kwalunkwe stadju tan-negozjati. |
|
17 |
Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Lulju 2020, innogy Energie stiednet lil QS iħallas il-ħlasijiet akkont ta’ CZK 1200 (madwar EUR 48) għax-xahar ta’ Ġunju u għax-xahar ta’ Lulju 2020. Minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ QS li jħallas debitament il-prezz tal-elettriku, din il-kumpannija, fil‑11 ta’ Settembru 2020, temmet, konformement mal-liġi nazzjonali applikabbli, il-provvista tal-elettriku lil QS u sussegwentement, permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Settembru 2020, talbet lil dan tal-aħħar, bħala penali kuntrattwali, il-ħlas sa mhux iktar tard mit‑23 ta’ Settembru 2020 tas-somma ta’ CZK 8800 (madwar EUR 360), jiġifieri CZK 400 (madwar EUR 16) għal kull wieħed mit‑22 xahar li kien fadal sat-tmiem tal-kuntratt inizjalment previst. QS għamel ħlas parzjali fl-ammont ta’ CZK 2 190.34 (madwar EUR 90). Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Settembru 2020, innogy Energie xoljiet il-kuntratt konkluż ma’ dan tal-aħħar minħabba li, minkejja intimazzjoni ripetuta, huwa ma kienx ħallas is-somom dovuti abbażi ta’ dan il-kuntratt. Din il-kumpannija stabbilixxiet ukoll kontabbiltà finali li turi ammont ta’ CZK 316.36 (madwar EUR 12) li kien inġabar żejjed, għall-perijodu mill‑4 ta’ Frar 2020 sal‑11 ta’ Settembru 2020. |
|
18 |
F’dan il-kuntest, innogy Energie ppreżentat rikors quddiem l-Okresní soud v Teplicích (il-Qorti Distrettwali ta’ Teplicích, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb il-kundanna ta’ QS, abbażi tal-klawżola li tipprevedi din il-penali, għall-ħlas tas-somma ta’ CZK 6 609.66 (madwar EUR 270), jiġifieri l-ammont li kien għadu dovut abbażi tal-imsemmija penali. |
|
19 |
Il-Qorti tar-rinviju tfakkar, qabelxejn, li fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Jannar 2014, l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), ikkonstatat li, sabiex klawżola li tistabbilixxi penali kuntrattwali ma titqiesx inġusta, hija għandha tagħmel parti mit-test stess tal-kuntratt konkluż ma’ konsumatur, għandha tkun suffiċjentement leġibbli, ċara u ppreżentata b’mod loġiku sabiex il-konsumatur medju jkun jista’ jifhimha kif ukoll ta’ daqs ta’ karattri suffiċjenti u ma tkunx inkluża f’taqsima ta’ dan il-kuntratt li tista’ tagħti l-impressjoni lil dan il-konsumatur li din hija klawżola anċillari. |
|
20 |
Hija tirrileva, sussegwentement, li innogy Energie użat metodu ta’ inklużjoni tal-klawżoli penali fil-kuntratt li wassalha sabiex tistaqsi dwar jekk ir-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 humiex issodisfatti. Hija tirreferi, b’mod partikolari, għat-tqegħid tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq l-ewwel paġna tal-kuntratt, fit-taqsima intitolata “Klawżoli oħra”, jiġifieri fil-parti tal-kuntratt li ma tinkludi ebda klawżola li kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali kuntrarjament għal dawk li jinsabu fit-tieni paġna ta’ dan il-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ din il-klawżola mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi sa fejn din tinsab f’paġna ta’ kuntratt ta’ adeżjoni li ma teħtieġx li tiġi kkompletata, u dan jagħmilha inqas viżibbli għall-klijent. |
|
21 |
Din il-qorti tosserva li, f’każ fejn il-kuntratt jiġi tterminat minħabba n-nuqqas ta’ osservanza mill-klijent tal-obbligi pekunjarji tiegħu, innogy Energie tapplika penali kuntrattwali fl-ammont ta’ CZK 400 (madwar EUR 16) fix-xahar, għal kull xahar li matulu ma tkunx saret l-imposta prevista mill-kuntratt għal terminu fiss, mingħajr ma jkun hemm obbligu għal din il-kumpannija li turi l-ammont tat-telf ekonomiku dirett reali subit. Għall-kuntrarju, meta l-kuntratt jiġi tterminat mill-konsumatur minħabba bidla fil-fornitur matul it-tul tal-impenn tiegħu, il-fornitur ikollu dritt għal kumpens li jikkorrispondi għall-penali kuntrattwali miftiehma, li tammonta għat-telf ekonomiku subit, telf li l-fornitur għandu juri. |
|
22 |
Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li, fil-kawża prinċipali, ma hemmx arretrati fir-rigward tal-prezz li għandu jitħallas għall-provvista tal-enerġija, iżda li, għall-kuntrarju, jeżisti dħul żejjed lejn innogy Energie minkejja li QS ma ħallasx mill-inqas żewġ ħlasijiet mensili li jammontaw għal CZK 1200 (madwar EUR 48). |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresní soud v Teplicích (il-Qorti Distrettwali ta’ Teplicích) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda
|
24 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness tagħha “u/jew” mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2019/944, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku bi prezz fiss u għal terminu fiss minn fornitur minħabba nuqqas tal-konsumatur li jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu u l-applikazzjoni ta’ penali kuntrattwali li tkopri t-telf ekonomiku dirett subit minn dan il-fornitur wara dan ix-xoljiment, dan tal-aħħar huwa obbligat jipprova r-realtà ta’ dan it-telf. |
|
25 |
Innogy Energie tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari peress li din tirreferi għall-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2019/944 sa fejn din id-dispożizzjoni kienet għadha ma ġietx trasposta b’mod sħiħ fid-dritt Ċek fil-mument tal-konklużjoni u tax-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, hija nieqsa minn kull rilevanza f’din il-kawża. |
|
26 |
Għandu jitfakkar li dispożizzjoni ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li, għalkemm hija ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Ikun mod ieħor, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali, biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Banco Santander (Riferiment għal indiċi uffiċjali), C‑265/22, EU:C:2023:578, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Għalhekk, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-direttivi, huma biss, bħala regola ġenerali, is-sitwazzjonijiet legali miksuba wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva li jaqgħu, ratione temporis, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Banco Santander (Riferiment għal indiċi uffiċjali), C‑265/22, EU:C:2023:578, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva 2019/944, l-Istati Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020 id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom, b’mod partikolari, mal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ċeka ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-verżjoni emendata tal-Liġi Nru 458/2000 dwar l-Enerġija, daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2022. Issa, minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li l-kuntratt ta’ provvista tal-elettriku inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fl‑24 ta’ Jannar 2020 u ġie xolt minn innogy Energie fit‑23 ta’ Settembru 2020, għaxart ijiem wara t-talba tagħha għall-ħlas tal-penali kuntrattwali, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2019/944. |
|
29 |
Minn dan isegwi li d-Direttiva 2019/944 ma kinitx applikabbli la fid-data tal-konklużjoni u lanqas f’dik tax-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
30 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2019/944 ma għandhiex rabta mas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’tali mod li t-tieni domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq il-mertu
|
31 |
Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, l-ewwel nett, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness tagħha u l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal terminu fiss u bi prezz fiss li jippermetti lill-fornitur li jkun xoljieha, qabel l-iskadenza tagħha, minħabba nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur, li timponi fuq dan tal-aħħar b’mod awtomatiku penali b’rata fissa, indipendentement mit-telf ekonomiku dirett effettivament subit minn dan il-fornitur, tista’ tkun ta’ natura inġusta, u t-tieni nett, jekk din il-klawżola, mill-istruttura u l-pożizzjoni tagħha f’dan il-kuntratt u ċ-ċirkustanzi relatati mal-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar, b’mod elettroniku, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13. |
|
32 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. |
|
33 |
Kif jistabbilixxi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, l-anness ta’ din id-direttiva jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti. Fost il-klawżoli li huma elenkati f’dan l-anness hemm, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 1(e) ta’ dan l-anness, dawk li għandhom l-għan jew l-effett li “jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”. |
|
34 |
Għalkemm il-kontenut tal-imsemmi anness ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi awtomatikament u waħdu n-natura inġusta ta’ klawżola kontenzjuża, dan jikkostitwixxi, madankollu, element essenzjali li fuqu l-qorti kompetenti tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola (sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Minn dan isegwi li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija din il-qorti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ osservanza possibbli tar-rekwiżit ta’ bona fide u, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk teżamina jekk il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, tosservax ir-rekwiżit ta’ bona fide meħtieġ, u min-naħa l-oħra, jekk jeżistix żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur u, b’mod iktar preċiż, jekk il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst f’din il-klawżola huwiex sproporzjonalment għoli fis-sens tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13. |
|
37 |
Fir-rigward tal-punt dwar f’liema ċirkustanzi jinħoloq tali żbilanċ “kontra l-ħtieġa ta’ buona fede [minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide]”, għandu jitfakkar li, fid-dawl tas-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan l-għan jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, billi jkun ittratta mal-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet f’dan is-sens, peress li l-qorti nazzjonali tista’ għalhekk ikollha tevalwa, fil-kuntest ta’ analiżi komparattiva, jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika wkoll li l-ammont tal-penali kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa xieraq sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnu u li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 74). |
|
40 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jippreċiża li n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-merkanzija jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tiegħu, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha ta’ dan il-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqhom. |
|
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżoli tal-kuntratt li jidhru li jistabbilixxu sanzjonijiet awtomatiċi u sproporzjonati meta mqabbla man-natura tan-nuqqas eventwali tal-konsumatur, għandhom ikunu jistgħu jiġu ddikjarati inġusti, abbażi tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Topaz, C‑211/17, EU:C:2019:906, punt 59). |
|
42 |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-penali kuntrattwali ta’ CZK 400 (madwar EUR 16) ġiet applikata għal QS minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ żewġ ħlasijiet akkont mensili fl-ammont ta’ CZK 1200 (madwar EUR 48), u dan għal kull xahar wara t-tmiem tal-provvista tal-elettriku u għat-tul kollu li jifdal tal-kuntratt inizjalment iffissat għal 30 xahar. Din il-penali tista’ għalhekk tikkostitwixxi sanzjoni awtomatika u “sproporzjonatament għolja” fis-sens tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju. |
|
43 |
Din il-qorti għandha tivverifika wkoll waqt dan l-eżami, jekk l-ammont tal-imsemmija penali huwiex xieraq sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnha u jekk imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-penali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta minn klawżola kuntrattwali inkluża f’kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku għal terminu fiss għal bżonnijiet domestiċi li tipprevedi prezz tal-elettriku, iggarantit matul it-tul kollu tal-kuntratt, inqas minn dak applikat fil-kuntest tal-kuntratti ta’ provvista tal-elettriku għal żmien indeterminat. Għalhekk, din il-klawżola tidher li għandha l-għan li tirrimedja l-eventwali danni kkawżati lill-fornitur li jirriżultaw min-nuqqas ta’ teħid tal-enerġija miftiehma għall-klijent, mixtrija minn qabel mill-fornitur għall-klijent fi swieq bl-ingrossa volatili, fil-kuntest tal-kuntratti għal terminu fiss, għat-tul kollu miftiehem tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bilanċ finali stabbilit mill-fornitur juri ħlas żejjed, u dan minkejja li QS ma kienx ħallas iż-żewġ ħlasijiet akkont mensili dovuti. |
|
44 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ trasparenza, li jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 u li jipprevedi li l-klawżoli kuntrattwali bil-miktub għandhom dejjem ikunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem, għandu jitfakkar li dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola. Madankollu, mill-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-fatt li klawżola ma tkunx ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem ma huwiex, waħdu, ta’ natura li jagħtiha natura inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Banco Santander (Riferiment għal indiċi uffiċjali), C‑265/22, EU:C:2023:578, punt 66). |
|
45 |
L-imsemmi rekwiżit ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali ta’ dawn il-klawżoli. Fil-fatt, sa fejn is-sistema ta’ protezzjoni implimentata minn din id-direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, ir-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali u, konsegwentement, ta’ trasparenza, stabbilit mill-imsemmija direttiva, għandu jinftiehem b’mod estensiv (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 30). |
|
46 |
Għaldaqstant, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem bħala li jimponi wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll, fejn applikabbli, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw għalih minn dan il-kuntratt (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Din id-domanda għandha tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom ir-reklamar u l-informazzjoni kkomunikata mill-fornitur fil-kuntest tan-negozjati tal-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
B’mod iktar preċiż, l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali, għaliex huwa preċiżament abbażi ta’ din l-informazzjoni li l-konsumatur se jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ bejjiegħ jew fornitur billi jaderixxi mal-kundizzjonijiet redatti minn qabel minnu (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola kuntrattwali hijiex ċara u li tinftiehem, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-livell ta’ attenzjoni li jista’ jkun mistenni, fir-rigward ta’ tali klawżola, minn konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 44). |
|
50 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-pożizzjoni u l-istruttura ta’ klawżola kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermettu li jiġi stabbilit jekk din tikkostitwixxix element importanti tal-kuntratt, sa fejn dawn l-elementi joffru lill-konsumatur il-possibbiltà li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 46). |
|
51 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 44 sa 50 ta’ din is-sentenza, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-klawżola li tipprevedi l-penali kuntrattwali tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13. |
|
52 |
F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, taċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ provvista tal-elettriku, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kuntratt jikkorrispondi għal formola stabbilita minn qabel f’forma elettronika, peress li QS kellu l-possibbiltà li jitlob li jistampaha, fi kwalunkwe stadju tan-negozjati. Issa, għandu jiġi rrilevat kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-imsemmi kuntratt ġie kkompletat, mhux mill-konsumatur, iżda mill-impjegati tal-kumpannija kontraenti li kkontrollaw il-formalizzazzjoni tiegħu matul il-fażi kollha tan-negozjati. Minn dan jirriżulta wkoll li QS jidher li kkonsulta l-kuntratt inkwistjoni biss permezz tal-iskrin ta’ kompjuter qabel ma ffirmah permezz ta’ tablet diġitali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għall-evalwazzjonijiet li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li ma jidhirx ċert li l-konsumatur kellu l-possibbiltà li jsir jaf biżżejjed bil-kontenut u bil-funzjonament tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. |
|
53 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix preċiżazzjonijiet dwar l-informazzjoni pprovduta minn innogy Energie qabel il-konklużjoni tal-kuntratt dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni. |
|
54 |
Fir-rigward, it-tielet nett, tal-pożizzjoni partikolari u tal-istruttura tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma kienet is-suġġett ta’ ebda negozjati individwali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din tinsab fl-ewwel paġna ta’ kuntratt ta’ adeżjoni li jikkorrispondi għal formola stabbilita minn qabel ta’ żewġ paġni. Issa, sa fejn il-kuntratt ġie konkluż b’mod elettroniku, permezz ta’ kompjuter, u li n-navigazzjoni fit-test ta’ dan il-kuntratt ġiet żgurata mill-impjegati tal-kumpannija innogy Energie, jidher li QS kellu biss possibbiltà limitata li jaċċedi għad-dokument kollu. Għalhekk, jidher li din il-klawżola, minkejja li tinsab fl-ewwel paġna, x’aktarx li ma kienx ser jinduna biha jew ma tiġborx l-attenzjoni ta’ QS bl-istess mod bħall-informazzjoni li taħtha tinsab il-firma tiegħu. Fil-fatt, it-tieni paġna ta’ dan il-kuntratt, li hija l-unika waħda li ġiet ikkompletata minn dawn l-impjegati, u li ġiet iffirmata minn QS, sempliċement issemmi l-klawżoli individwali kollha. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ddaħħlet fit-taqsima tal-imsemmi kuntratt intitolata “Klawżoli oħra”, li jista’ jagħti x’jifhem li din hija dispożizzjoni ta’ inqas importanza. |
|
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex suffiċjentement leġibbli, ċar u ppreżentat b’mod loġiku sabiex il-konsumatur medju normalment informat, raġonevolment attent u avżat ikun jista’ jsir jaf bil-klawżoli kuntrattwali u, b’mod partikolari, jekk l-inklużjoni tal-klawżola li tipprevedi l-penali f’taqsima partikolari tal-imsemmi kuntratt hijiex ta’ natura li tagħti x’tifhem lill-konsumatur li din hija klawżola aċċessorja. |
|
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness tagħha u mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal terminu fiss u bi prezz fiss li tippermetti lill-fornitur li jkun xoljieh, qabel l-iskadenza tiegħu, minħabba nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur, jimponi fuq dan tal-aħħar b’mod awtomatiku penali b’rata fissa, indipendentement mit-telf ekonomiku dirett effettivament subit minn dan il-fornitur, tista’ tkun ta’ natura inġusta. Din il-klawżola tissodisfa r-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jekk l-istruttura u l-pożizzjoni tal-imsemmija klawżola fil-kuntratt kif ukoll iċ-ċirkustanzi relatati mal-konklużjoni b’mezzi elettroniċi ta’ dan tal-aħħar, inkluża l-informazzjoni li l-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur, ikunu ta’ natura li jippermettu lil konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat li jsir jaf bil-kontenut u bil-funzjonament tal-klawżola li timponi fuqu l-ħlas ta’ penali b’rata fissa u li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din il-konklużjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
57 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness tagħha u l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
klawżola ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal terminu fiss u bi prezz fiss li tippermetti lill-fornitur li jkun xoljieh, qabel l-iskadenza tiegħu, minħabba nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur, jimponi fuq dan tal-aħħar b’mod awtomatiku penali b’rata fissa, indipendentement mit-telf ekonomiku dirett effettivament subit minn dan il-fornitur, tista’ tkun ta’ natura inġusta. Din il-klawżola tissodisfa r-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jekk l-istruttura u l-pożizzjoni tal-imsemmija klawżola fil-kuntratt kif ukoll iċ-ċirkustanzi relatati mal-konklużjoni b’mezzi elettroniċi ta’ dan tal-aħħar, inkluża l-informazzjoni li l-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur, ikunu ta’ natura li jippermettu lil konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat li jsir jaf bil-kontenut u bil-funzjonament tal-klawżola li timponi fuqu l-ħlas ta’ penali b’rata fissa u li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn din il-konklużjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.