SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
13 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti ta’ miżura favur impriżi attivi fis-settur tal-fonderiji tal-azzar fil-każ ta’ għeluq parzjali jew totali tas-siti ta’ produzzjoni tagħhom – Kontribuzzjoni finanzjarja – Vantaġġ”
Fil-Kawżi magħquda C‑746/23 u C‑747/23,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Diċembru 2023, fil-proċeduri
Cividale SpA,
Flag Srl (C‑746/23),
Duferco Italia Holding SpA,
Duferco Sertubi SpA (C‑747/23)
vs
Ministero dello Sviluppo economico,
Direzione generale per l’incentivazione delle attività imprenditoriali del Ministero dello Sviluppo economico,
Dipartimento per lo Sviluppo e la Coesione economica del Ministero dello Sviluppo economico,
Direzione generale per l’incentivazione delle attività imprenditoriali del Ministero dello Sviluppo economico-Divisione X,
fil-preżenza ta’:
Fonderia di Torbole SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), N. Piçarra, O. Spineanu-Matei u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Cividale SpA u Flag Srl, minn S. Grassani u S. Mendolia, avvocati, |
|
– |
għal Duferco Italia Holding SpA u Duferco Sertubi SpA, minn S. Grassani u S. Mendolia, avvocati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u B. Stromsky, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [89 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, rispettivament, Cividale SpA u Flag Srl, fil-Kawża C‑746/23, kif ukoll Duferco Italia Holding SpA u Duferco Sertubi SpA, fil-Kawża C‑747/23, u l-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“MISE”), id-Direzione generale per l’incentivazione delle attività imprenditoriali del Ministero dello Sviluppo economico (id-Direttorat Ġenerali inkarigat mill-inċentivi għall-impriżi tal-MISE, l-Italja), id-Dipartimento per lo Sviluppo e la Coesione economica del Ministero dello Sviluppo economico (id-Dipartiment għall-Iżvilupp u għall-Koeżjoni Ekonomika tal-MISE, l-Italja) u d-Direzione generale per l’incentivazione delle attività imprenditoriali del Ministero dello Sviluppo economico-Divisione X (id-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-inċentivi għall-impriżi tal-MISE — Diviżjoni X, l-Italja) dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-MISE awtorizza, favur Flag u Duferco Sertubi, il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom fi programm ta’ razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-fonderiji, ta’ ammont inqas minn dak li kien ġie stabbilit preċedentement u provviżorjament. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Ir-Regolament Nru 659/1999 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 jibqgħu applikabbli għalihom. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 659/1999: “1. Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu [89 KE] jew għal kull disposizzjoni relevanti [ta’ dan it-Trattat], kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej] f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat. Il-Kummisjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri mingħajr dewmien dwar ir-riċevuta ta’ notifika. 2. F’notifika, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7 (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘notifika kompluta’).” |
|
5 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi: “Għajnuna notifikabbli skond l-Artikolu 2(1) m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni ma tkun ħadet, jew tinftiehem li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza din l-għajnuna.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament: “L-Istat Membru kkonċernat jista’ jirtira n-notifika fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 2 f’ħin tajjeb qabel ma l-Kummisjsoni tkun ħadet deċiżjoni skond l-Artikolu 4 jew 7.” |
Id-dritt Taljan
Il-Liġi Nru 273/2002
|
7 |
L-Artikolu 12 tal-legge n. 273 – Misure per favorire l’iniziativa privata e lo sviluppo della concorrenza (il-Liġi Nru 273 dwar il-Miżuri intiżi li jinkoraġġixxu l-Inizjattiva mill-Privat u l-Iżvilupp tal-Kompetizzjoni), tat‑12 ta’ Diċembru 2002 (GURI Nru 293, tal‑14 ta’ Diċembru 2002, Suppliment Ordinarju Nru 230), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 273/2002”), jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Krediti li jammontaw għal EUR 11900000 għas-sena 2002 u għal EUR 13500000 għal kull waħda mis-snin 2003 u 2004 huma awtorizzati għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ programm ta’ razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-fonderiji tal-ħadid fondut u tal-azzar. 2. Il-programm imsemmi fil-paragrafu 1 għandu, fl-osservanza tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, ifittex li jilħaq l-għanijiet li ġejjin:
[…]” |
Id-Digriet Ministerjali Nru 73/2004
|
8 |
L-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 73 – Regolamento recante norme di attuazione dell’ articolo 12 della legge 12 dicembre 2002, n. 273, concernente il sostegno del programma nazionale di razionalizzazione del comparto delle fonderie di ghisa e di acciaio (id-Digriet Ministerjali Nru 73 – Regolament li jistabbilixxi Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 273/2002 dwar l-Appoġġ għall-Programm Nazzjonali ta’ Razzjonalizzazzjoni tas-Settur tal-Fonderiji tal-Ħadid Fondat u tal-Azzar), tat‑13 ta’ Jannar 2004 (GURI Nru 69, tat‑23 ta’ Marzu 2004), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 73/2004”), jipprovdi: “1. Għall-finijiet tar-riorganizzazzjoni tas-settur [tal-fonderiji tal-ħadid fondat u tal-azzar], peress li s-sistema ta’ produzzjoni hija kkaratterizzata minn kapaċità żejda ta’ produzzjoni, inċentivi għandhom isostnu l-programmi ta’ qerda fiżika tal-installazzjonijiet u tal-makkinarju li jikkostitwixxu ċ-ċiklu ta’ produzzjoni, li jwasslu għall-għeluq tas-sit ta’ produzzjoni kkonċernat. […] 2. L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja huwa ddeterminat skont l-ogħla wieħed miż-żewġ valuri previsti mill-Komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea C (2002) 315, tas‑7 ta’ Marzu 2002, jiġifieri l-‘marġni ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż fissi’ u l-‘valur residwu tal-installazzjonijiet li għandhom jiġu skrappjati’, u jikkorrispondi
3. Il-valuri msemmija hawn fuq għandhom jiġu ddeterminati kif ġej: […]
[…] 5. L-impriżi li jitolbu kontribuzzjoni finanzjarja għandhom ukoll:
6. Il-qerda tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni għandha tikkonsisti fl-eliminazzjoni tal-partijiet tal-installazzjonijiet elenkati fl-Anness C. L-ispejjeż ta’ dawn l-operazzjonijiet għandhom jitnaqqsu mir-rikavat mill-bejgħ tal-iskart li jirriżulta mill-qerda. […] 8. Ir-rikavat mill-bejgħ tal-iskart li jirriżulta mill-qerda miksub mill-impriżi li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż sostnuti għall-operazzjonijiet ta’ ossidazzjoni u ta’ demolizzjoni tal-installazzjonijiet ikkonċernati, għandu jitħallas fil-baġit tal-Istat, u dan, fi kwalunkwe każ, wara li jiġi rċevut l-ammont kollu tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta għall-qerda ta’ dawn l-installazzjonijiet. […]” |
|
9 |
L-Artikolu 9 ta’ dan id-Digriet Ministerjali jipprevedi: “1. L-impriżi li jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji huma pprojbiti milli jerġgħu jistabbilixxu l-kapaċità ta’ produzzjoni eliminata fi żmien ħames snin mid-data tal-ħlas tagħhom. 2. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-impriżi kkonċernati jitilfu d-dritt għall-benefiċċju tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji sal-ammont tal-kapaċità ta’ produzzjoni stabbilita mill-ġdid, u huma obbligati, konsegwentement, iħallsu lura l-kontribuzzjoni finanzjarja korrispondenti, li tinkludi wkoll l-interessi legali u r-rivalutazzjoni. 3. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim bejn impriżi msemmi fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan id-Digriet Ministerjali, l-impriża kkonċernata titlef id-dritt għall-benefiċċju tal-ogħla kontribuzzjoni finanzjarja. 4. Konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti japplikaw għall-kumpanniji omm, għas-sussidjarji jew, fi kwalunkwe każ, għall-kumpanniji affiljati tal-impriżi benefiċjarji ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet finanzjarji. […]” |
Id-Digriet Ministerjali tas-6 ta’ Frar 2006
|
10 |
L-Artikolu 2 tad-decreto – Definizione dei criteri applicativi del regolamento attuativo 13 gennaio 2004, n. 73, per l’attribuzione dei benefici previsti in favore del comparto delle fonderie di ghisa e di Acciaio, previsto dall’ articolo 12 della legge 12 dicembre 2002, n. 273 (id-Digriet dwar id-Definizzjoni tal-Kriterji ta’ Applikazzjoni tad-Digriet Ministerjali Nru 73/2004 għall-Għoti tal-Benefiċċji previsti favur is-Settur tal-Fonderiji tal-Ħadid Fondat u tal-Azzar, previst fl-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 273/2002), tas‑6 ta’ Frar 2006 (GURI Nru 36, tat‑13 ta’ Frar 2006), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali tas‑6 ta’ Frar 2006”), jipprovdi: “Il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 1 jitħallas wara li l-impriża kkonċernata tkun tħassret mir-reġistru tal-kummerċ skont l-Artikolu 2495 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili) jew, fil-każ ta’ impriżi kkostitwiti minn diversi fergħat ta’ attività, wara t-trasferiment tal-fergħa ta’ attività ta’ fonderija lil impriża oħra li tkun għadha kif inħolqot, wara li tkun wettqet l-operazzjonijiet u l-obbligi relatati mal-qerda fiżika tal-installazzjonijiet ikkonċernati, ma tibqax teżerċita l-attività inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, dan il-kumpens ma jistax jitħallas jekk dawn l-installazzjonijiet ma jinqerdux fi żmien sena mill-pubblikazzjoni ta’ dan id-Digriet Ministerjali fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana.” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑746/23
|
11 |
Flag, kumpannija attiva fis-settur tal-fonderiji tal-ħadid fondat u tal-azzar u proprjetà sħiħa ta’ Cividale, kellha stabbiliment ta’ fonderija f’Marcon (l-Italja), li kien jikkonsisti f’żewġ unitajiet ta’ produzzjoni distinti. |
|
12 |
Wara li kkonkludiet ftehim ma’ Cividale li kien jinkludi soluzzjoni għall-problemi ta’ impjieg, fit‑18 ta’ Ġunju 2004, Flag ippreżentat lill-MISE talba intiża għall-kisba tal-kontribuzzjoni finanzjarja allokata mill-awtoritajiet Taljani għall-qerda ta’ waħda mill-unitajiet ta’ produzzjoni tagħha, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meqjusa flimkien tal-Artikolu 12(2)(a) tal-Liġi Nru 273/2000 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Digriet Ministerjali Nru 73/2004. |
|
13 |
Permezz ta’ nota tal‑14 ta’ Settembru 2006, wara investigazzjoni intiża li jiġi ddeterminat il-valur tal-installazzjoni li kellha tiġi żarmata, il-MISE stabbilixxa, provviżorjament, il-kontribuzzjoni finanzjarja li kellha titħallas lil Flag għal ammont ta’ madwar EUR 1645000. Il-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja kien suġġett, minn naħa, għall-verifika, minn kummissjoni ministerjali ad hoc, tal-qerda ta’ din l-installazzjoni u, min-naħa l-oħra, għat-trasferiment tal-fergħa ta’ attività kkonċernata lil kumpannija oħra, maħluqa esklużivament sabiex tiżgura din il-qerda. |
|
14 |
Permezz ta’ att tat‑28 ta’ Diċembru 2006, Flag ittrasferixxiet din il-parti ta’ attività lil Flag Fonderia Acciaio Marcon Srl, kumpannija maħluqa bl-għan li teqred l-imsemmija installazzjoni, tbigħ ir-ruttam li jirriżulta minn din il-qerda u tirreġistra r-rikavat minn dan il-bejgħ fil-baġit tal-Istat. Din il-kumpannija tal-aħħar sussegwentement tqiegħdet fi stralċ u tħassret mir-reġistru tan-negozju. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-direttur tagħha tas‑17 ta’ April 2009, id-Direzione generale per la politica industriale e la competitività del Ministero dello Sviluppo economico (id-Direttorat Ġenerali tal-Politika Industrijali u tal-Kompetittività tal-MISE, l-Italja) ikkonferma li l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja li kellha titħallas lil Flag kellu jiġi ddeterminat skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 2(2) u (3) tad-Digriet Ministerjali Nru 73/2004. |
|
16 |
Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2013, il-MISE awtorizza biss il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 200000 lil Flag, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat “de minimis”. |
|
17 |
Cividale u Flag ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni, billi sostnew, b’mod partikolari, il-ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll tar-Regolament Nru 659/1999. Skont dawn iż-żewġ kumpanniji, il-kontribuzzjoni finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex għajnuna mill-Istat, iżda sempliċi kumpens li ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku. |
|
18 |
It-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto, l-Italja) ċaħdet dan ir-rikors, minħabba li l-kontribuzzjoni finanzjarja inizjalment prevista ma setgħetx tingħata fl-assenza ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108 TFUE. |
|
19 |
Din il-qorti rrilevat li, fl‑24 ta’ Settembru 2003, il-MISE kien “ipprova” jinnotifika l-programm ta’ razzjonalizzazzjoni previst mil-Liġi Nru 273/2002 u d-Digriet Ministerjali Nru 73/2004, bħala proġett ta’ għajnuna, lill-Kummissjoni, skont il-modalitajiet previsti mir-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, din in-notifika ġiet irtirata wara komunikazzjoni tal-Kummissjoni, bid-data tal‑21 ta’ Novembru 2003, li fiha kienet intalbet informazzjoni addizzjonali. L-iskambji mal-Kummissjoni allegatament wasslu lill-MISE sabiex iqis li d-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dan il-programm mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kienet fi kwalunkwe każ negattiva. Għal din ir-raġuni, il-MISE ma kompliex il-proċedura ta’ notifika sa tmiemha. |
|
20 |
Cividale u Flag appellaw mis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto) quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) li hija l-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu b’mod partikolari li l-kontribuzzjoni finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, peress li ma tagħti ebda vantaġġ sinjifikattiv u li la hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas ta’ natura li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, u b’hekk ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107 TFUE. Insostenn ta’ dan l-argument, huma jsostnu, qabelxejn, li l-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja huwa suġġett għall-qerda definittiva tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni kkonċernati u għall-waqfien tal-attività tal-entità li hija l-proprjetarja tagħhom. L-imsemmija kontribuzzjoni finanzjarja tikkostitwixxi, sussegwentement, sempliċi kumpens għat-telf tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ din l-entità. Fl-aħħar nett, l-ammont tal-istess kontribuzzjoni finanzjarja, iddeterminat skont il-kriterji ta’ kalkolu ddefiniti fid-Digrieti Ministerjali Nru 73/2004 u tas‑6 ta’ Frar 2006, huwa allegatament nettament inqas mill-valur tal-installazzjoni meqruda, fid-dawl tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ din tal-aħħar. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex titqies bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Hija tqis li huwa diffiċli li jiġi ddeterminat liema huwa l-vantaġġ ekonomiku miksub mill-impriża benefiċjarja ta’ tali kontribuzzjoni finanzjarja, u dan iktar u iktar meta, bħal fil-każ ineżami, din tal-aħħar ma tikkorrispondix għall-valur tas-suq tal-installazzjoni żarmata u tal-kapaċità tagħha li tiġġenera dħul. |
|
22 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward l-elementi li ġejjin. Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jidher li jippreżumi li l-impriża benefiċjarja tkompli teżisti. Madankollu, kontribuzzjoni finanzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali titħallas bħala korrispettiv għall-qerda fiżika ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni u għall-waqfien simultanju tal-attività jew tal-fergħa ta’ attività kkonċernata tal-impriża proprjetarja ta’ dawn l-installazzjonijiet u benefiċjarja ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja. Għaldaqstant, din tal-aħħar tieħu l-forma ta’ miżura li tiffaċilita l-waqfien tal-attività ta’ din l-impriża jew ta’ waħda mill-fergħat ta’ attività tagħha. |
|
23 |
Barra minn hekk, din il-qorti tenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprekludi li l-imsemmija kontribuzzjoni finanzjarja tkun tista’ titħallas lil impriża li, wara li tkun ikkonkludiet ftehim mal-impriża li tipproċedi sabiex iżżarma l-installazzjonijiet ikkonċernati, timpenja ruħha li tieħu lura l-kapaċità ta’ produzzjoni u l-persunal. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tipprevedi li l-entità li tibbenefika minn tali kontribuzzjoni finanzjarja ma tistax tistabbilixxi mill-ġdid il-kapaċità ta’ produzzjoni kkonċernata matul il-ħames snin ta’ wara li tkun tħallset. |
|
24 |
L-imsemmija qorti tesponi wkoll li l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkalkolat skont il-valur kontabbli tal-installazzjonijiet ikkonċernati, wara li jitnaqqsu d-deprezzamenti diġà mwettqa, jew, jekk dan ikun ogħla minn dak preċedenti, il-valur attwalizzat tal-marġni kontributtiv tar-rendiment ta’ dawn l-installazzjonijiet, għas-snin 2000 sa 2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-kontribuzzjoni finanzjarja, li ma hijiex iddeterminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur globali tal-investiment u l-kapaċità li jiġi ġġenerat dħul, iżda biss fid-dawl ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn l-elementi, ma tirrappreżentax il-valur li l-għodda ta’ produzzjoni jista’ jkollha wara n-negozjati. |
|
25 |
B’kuntrast ma’ dan, il-ftehimiet konklużi ma’ impriża oħra għat-tkomplija tal-produzzjoni u għaż-żamma tal-impjiegi, li jagħtu dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja bir-rata ta’ 100 %, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Digriet Ministerjali Nru 73/2004, jippermettu li l-klijentela u d-dħul mill-bejgħ tal-impriża li tipproċedi għaż-żarmar jiġu orjentati mill-ġdid lejn impriża waħda oħra, li tikseb vantaġġ minnhom. Tali ftehimiet, a fortiori jekk ikunu marbuta ma’ tranżazzjonijiet reali ta’ fużjoni, jistgħu jikkostitwixxu konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li jistgħu, bħala prinċipju, jaffettwaw il-kompetizzjoni. Il-leġiżlazzjoni dwar ir-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-fonderiji madankollu ma tinkludi ebda dispożizzjoni li żżomm l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni tista’ twassal sabiex anki konċentrazzjonijiet ta’ importanza għall-Unjoni Ewropea ma jiġux innotati. |
|
26 |
Fl-aħħar nett, din il-qorti tqis li huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn il-miżura prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Digriet Ministerjali Nru 73/2004 u dik prevista fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ dan id-digriet ministerjali, peress li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja bir-rata ta’ 60 %. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja limitata għal 60 % ta’ wieħed miż-żewġ valuri msemmija f’dan l-Artikolu 2(2), favur l-impriża li żżarma l-installazzjonijiet ikkonċernati u twaqqaf l-attivitajiet tagħha mingħajr ma tikkonkludi ftehim ma’ operatur ieħor sabiex ikompli l-produzzjoni u jieħu lura l-persunal, fejn il-klijentela mogħtija minn din l-impriża titqassam liberament bejn l-impriżi tas-settur ikkonċernat. |
Il-Kawża C‑747/23
|
27 |
Duferco Sertubi talbet li tipparteċipa fil-programm inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma kkonkludiet ftehim ma’ impriża oħra, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Digriet Ministerjali Nru 73/2004. Għaldaqstant, hija talbet il-kontribuzzjoni finanzjarja bir-rata ta’ 60 % prevista fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ dan id-digriet ministerjali. Minbarra dan il-fatt, il-fatti msemmija u l-motivazzjoni esposta fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑747/23 huma analogi għal dawk imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑746/23. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑746/23 u C‑747/23:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
29 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat”, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji previsti fil-kuntest ta’ programm ta’ razzjonalizzazzjoni li minnu jistgħu jibbenefikaw l-impriżi tas-settur tal-fonderiji tal-ħadid fondat u tal-azzar, li jammontaw għal 100 % tal-valur kontabbli tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni żarmati mill-impriża li tagħmel it-talba, wara li jitnaqqsu d-deprezzamenti diġà mwettqa, jew tal-valur attwalizzat tal-marġni ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż fissi tar-rendiment ta’ dawn l-installazzjonijiet għal perijodu preċedenti għall-adozzjoni ta’ dan il-programm, jekk dan il-valur tal-aħħar ikun ogħla, meta t-tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni jkun akkumpanjat minn fużjoni jew minn ftehim bejn impriżi ta’ dan is-settur, li waħda minnhom tkun din l-impriża li tagħmel it-talba, li jipprovdu, b’mod partikolari, għal soluzzjoni xierqa għall-problemi ta’ impjieg, jew 60 % tal-ogħla wieħed minn dawn iż-żewġ valuri fil-każ ta’ sempliċi żarmar tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-imsemmija impriża li tagħmel it-talba. |
|
30 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kif jissemma fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑747/23 jirriżulta b’mod ċar li t-talba ta’ Duferco Sertubi intiża sabiex tikseb il-benefiċċju tal-kontribuzzjoni finanzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’din il-kawża tressqet abbażi tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Digriet Ministerjali Nru 73/2004. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan, it-tieni domanda preliminari ma hijiex ta’ natura ipotetika u hija, għaldaqstant, ammissibbli. |
|
31 |
Bil-benefiċċju ta’ din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri huma obbligati, min-naħa, jinnotifikaw il-miżuri kollha lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tiġi introdotta jew immodifikata għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżuri, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, kif ippreċiżat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 659/1999, sakemm din l-istituzzjoni tal-Unjoni ma tkunx adottat deċiżjoni finali rigward din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK,C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et, C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettu lil dawn tal-aħħar jevalwaw il-konformità ta’ skema jew ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni bil-għan li jinqatgħu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, hija tista’ tipprovdi lill-imsemmija qrati l-elementi ta’ interpretazzjoni li, abbażi tagħhom, ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk skema jew miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, jekk tali klassifikazzjoni jkollha tiġi aċċettata, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-iskema jew ta’ din il-miżura mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Fallimento Esperia u GSE, C‑558/22, EU:C:2024:209, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin. L-ewwel nett, din il-miżura għandha tikkostitwixxi intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, huwa għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Ir-Renju Unit et vs Il-Kummissjoni (Tassazzjoni tal-profitti taċ-CFC),C‑555/22 P, C‑556/22 P u C‑564/22 P, EU:C:2024:763, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Mit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jirriżulta li huwa importanti, b’mod iktar partikolari, li jiġi eżaminat jekk il-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jikkostitwixxu vantaġġ għall-benefiċjarji tagħhom li joħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, filwaqt li jitfakkar li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni sħiħa sabiex teżamina jekk il-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti humiex issodisfatti. |
|
35 |
Fl-ewwel lok, mill-punt 33 tas-sentenza preżenti jirriżulta li ma huwiex meħtieġ li miżura ta’ għajnuna jkollha effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew toħloq distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni. Huwa biżżejjed li din il-miżura tkun tista’ taffettwa dan il-kummerċ u tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, Fallimento Esperia u GSE, C‑558/22, EU:C:2024:209, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, tali kundizzjoni tkun issodisfatta meta, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ miżura ta’ għajnuna, tkun teżisti sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat sabiex intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES,C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr ma jkun neċessarju li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech,C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Fl-aħħar nett, ma jeżisti l-ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma huwiex affettwat. L-ammont relattivament żgħir ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux a priori l-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi affettwat (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech,C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fil-każ ineżami, huwa stabbilit li s-settur tal-fonderiji tal-ħadid fondat u tal-azzar kien miftuħ għall-kompetizzjoni u kien is-suġġett ta’ kummerċ transkonfinali fil-mument tal-implimentazzjoni tal-programm li jipprevedi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
38 |
Minn dan isegwi li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni. |
|
39 |
Fit-tieni lok, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux vantaġġ, peress li, minn naħa, huma marbuta mat-tnaqqis, jew saħansitra mal-għajbien, tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-impriżi benefiċjarji u, min-naħa l-oħra, ma jikkorrispondux għall-valur li l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li għandhom jinqerdu jista’ jkollhom wara negozjati. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull miżura statali li, tkun xi tkun il-forma u l-għanijiet tagħha, tista’ tiffavorixxi direttament jew indirettament impriża waħda jew iktar, jew li tagħtihom vantaġġ li huma ma setgħux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq tikkostitwixxi vantaġġ, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 tas-sentenza preżenti (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Volotea u easyJet vs Il‑Kummissjoni, C‑331/20 P u C‑343/20 P, EU:C:2022:886, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Għaldaqstant, il-vantaġġi mogħtija jistgħu jirriżultaw minn benefiċċji pożittivi, bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment ikunu ta’ piż għall-baġit ta’ impriża (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Sātiņi-S,C‑238/20, EU:C:2022:57, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
B’kuntrast ma’ dan, il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma jistax ikopri miżura mogħtija favur impriża permezz ta’ riżorsi tal-Istat meta din setgħet tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq. L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom ikun ingħata tali vantaġġ issir, bħala prinċipju, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, sakemm ma tkun teżisti ebda possibbiltà li l-aġir statali inkwistjoni f’dan il-każ jiġi pparagunat ma’ dak ta’ operatur privat, għaliex dan l-aġir ikun marbut b’mod inseparabbli mal-eżistenza ta’ infrastruttura li ebda operatur privat qatt ma seta’ jikkostitwixxi jew li l-Istat aġixxa fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Volotea u easyJet vs Il-Kummissjoni, C‑331/20 P u C‑343/20 P, EU:C:2022:886, punt 108 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, jekk il-kriterju ta’ operatur privat jistax jiġi applikat jiddependi finalment, minn jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx ta vantaġġ ekonomiku, fil-kwalità tiegħu ta’ operatur privat u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, lil impriża. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza, in-natura u l-għan tal-miżura inkwistjoni, il-kuntest tagħha, kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta din il-miżura jistgħu, b’mod partikolari, ikunu rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 81 u 86, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 73). |
|
43 |
Huwa abbażi ta’ dawn l-elementi li l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tevalwa l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, ser tintalab tiddetermina jekk il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux jagħtu vantaġġ lill-impriżi li huma d-destinatarji tagħhom. B’dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja għad għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lil din il-qorti indikazzjonijiet fid-dawl tal-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-osservazzjonijiet bil-miktub li ġew ippreżentati quddiemha, ta’ natura li jippermettu lill-imsemmija qorti tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Bayerische Ärzteversorgung et, C‑758/22 u C‑759/22, EU:C:2024:989, punti 47 u 48). Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju għandha tingħata l-preċiżazzjonijiet li ġejjin sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi b’mod utli fil-kawżi li għandha quddiemha. |
|
44 |
L-ewwel nett, minn imkien fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jingħataw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ttieħdu mill-Istat Taljan bħala operatur ekonomiku privat. Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx possibbli, fil-każ ineżami, li jiġi applikat il-kriterju tal-operatur privat sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxux vantaġġ selettiv. |
|
45 |
It-tieni nett, mill-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(2)(a) tal-Liġi Nru 273/2002, jiġifieri titjib fil-produzzjoni, b’mod partikolari billi tiġi organizzata mill-ġdid il-kapaċità ta’ produzzjoni u billi jiġu żviluppati kundizzjonijiet favorevoli għall-konċentrazzjoni tagħha, jidher li jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi li jtaffu, tal-inqas parzjalment, l-ispejjeż marbuta mal-waqfien tal-produzzjoni f’settur ikkaratterizzat minn ċerta kapaċità żejda ta’ produzzjoni. Issa, tali spejjeż jagħmlu parti minn dawk li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża, fis-sens tal-punt 41 tas-sentenza preżenti. |
|
46 |
It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkalkolati skont il-valur kontabbli tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni żarmati mill-impriża li tagħmel it-talba, wara li jitnaqqsu d-deprezzamenti diġà mwettqa, jew, jekk dan ikun ogħla minn dak preċedenti, tal-valur attwalizzat tal-marġni ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż fissi tar-rendiment ta’ dawn l-installazzjonijiet għal perijodu preċedenti għall-adozzjoni tal-programm li jistabbilixxi dawn il-kontribuzzjonijiet finanzjarji. |
|
47 |
Minn dan il-qorti tar-rinviju tidher li tiddeduċi li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ ammont inqas mill-valur intrinsiku tal-unitajiet żarmati, fejn dan il-valur għandu jiġi kkalkolat, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, billi jiġi akkumulat il-valur tal-investiment li tikkostitwixxi l-unità ta’ produzzjoni żarmata u dak li jirriżulta mill-kapaċità ta’ din l-unità li tiġġenera dħul. |
|
48 |
Madankollu, tali ċirkustanza ma hijiex biżżejjed, fil-każ ineżami, sabiex teskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, ma tantx huwa prevedibbli li unità ta’ produzzjoni tista’ tiġi ttrasferita bi prezz li jirrifletti l-valur intrinsiku tagħha, meta s-suq ikkonċernat ikun ikkaratterizzat, bħal fil-każ ineżami, minn produzzjoni żejda. Għaldaqstant, jidher probabbli li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa fil-kuntest ta’ programm li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-impriżi jżarmaw ċerti unitajiet ta’ produzzjoni preżenti f’suq ikkaratterizzat minn produzzjoni żejda, ikunu ekonomikament iktar vantaġġużi mill-korrispettiv li dawn l-impriżi setgħu jiksbu, fil-kundizzjonijiet speċifiċi għal tali suq, sabiex jeħilsu minn dawn l-unitajiet. |
|
49 |
Għaldaqstant, għandu jitqies, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku li l-impriżi benefiċjarji ma setgħux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 tas-sentenza preżenti. |
|
50 |
Ir-raba’ nett, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, lanqas ma jidher mill-proċess li għandha quddiema l-Qorti tal-Ġustizzja li l-benefiċjarji tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex “impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li l-attività tagħhom hija l-unika waħda msemmija f’din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punt 27). |
|
51 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tas‑6 ta’ Frar 2006 jidher li jirriżulta li impriża li tagħmel it-talba tista’ sempliċement tittrasferixxi l-fergħa ta’ attività ta’ fonderija lil impriża oħra li tkun għada kif inħalqet li, wara li tkun wettqet l-operazzjonijiet u l-obbligi relatati mal-qerda fiżika tal-installazzjonijiet ikkonċernati, ma tibqax teżerċita l-attività inkwistjoni. Fil-każ ineżami, mill-proċess li għandha quddiema l-Qorti tal-Ġustizzja jidher ukoll li jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu sempliċement jittrasferixxu waħda mill-unitajiet ta’ produzzjoni tagħhom lil tali impriża ġdida sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti f’dan l-Artikolu 2. |
|
52 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji previsti fil-kuntest ta’ programm ta’ razzjonalizzazzjoni li jistgħu jibbenefikaw minnu l-impriżi tas-settur tal-fonderiji tal-ħadid fondat u tal-azzar, li jammontaw jew għal 100 % tal-valur kontabbli tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni żarmati mill-impriża li tagħmel it-talba, wara li jitnaqqsu d-deprezzamenti diġà mwettqa, jew tal-valur attwalizzat tal-marġni ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż fissi tar-rendiment minn dawn l-installazzjonijiet għal perijodu preċedenti għall-adozzjoni ta’ dan il-programm, jekk dan l-aħħar valur ikun ogħla, meta t-tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni jkun akkumpanjat minn fużjoni jew minn ftehimiet bejn impriżi ta’ dan is-settur, li waħda minnhom tkun din l-impriża li tagħmel it-talba, li jipprevedu, b’mod partikolari, soluzzjoni xierqa għall-problemi ta’ impjieg, jew għal 60 % tal-ogħla valur minn dawn iż-żewġ valuri fil-każ ta’ sempliċi żarmar tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-imsemmija impriża li tagħmel it-talba, jagħtu vantaġġ li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit, minn naħa, li l-istess impriża ma setgħetx tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, li jkun hemm sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq. |
Fuq l-ispejjeż
|
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji previsti fil-kuntest ta’ programm ta’ razzjonalizzazzjoni li jistgħu jibbenefikaw minnu l-impriżi tas-settur tal-fonderiji tal-ħadid fondat u tal-azzar, li jammontaw jew għal 100 % tal-valur kontabbli tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni żarmati mill-impriża li tagħmel it-talba, wara li jitnaqqsu d-deprezzamenti diġà mwettqa, jew tal-valur attwalizzat tal-marġni ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż fissi tar-rendiment minn dawn l-installazzjonijiet għal perijodu preċedenti għall-adozzjoni ta’ dan il-programm, jekk dan l-aħħar valur ikun ogħla, meta t-tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni jkun akkumpanjat minn fużjoni jew minn ftehimiet bejn impriżi ta’ dan is-settur, li waħda minnhom tkun din l-impriża li tagħmel it-talba, li jipprevedu, b’mod partikolari, soluzzjoni xierqa għall-problemi ta’ impjieg, jew għal 60 % tal-ogħla valur minn dawn iż-żewġ valuri fil-każ ta’ sempliċi żarmar tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-imsemmija impriża li tagħmel it-talba, jagħtu vantaġġ li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit, minn naħa, li l-istess impriża ma setgħetx tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, li jkun hemm sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.