SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Lulju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 273 – Artikolu 49(3) u Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi għall-istess ksur – Sanzjoni pekunjarja u ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali – Eżekuzzjoni provviżorja tal-issiġillar – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑733/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Аdministrativen sad Burgas (il-Qorti Amministrattiva ta’ Bourgas, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura

“Beach and bar management” EOOD

vs

Nachalnik na otdel “Operativni deynosti” – Burgas pri Direktsia “Operativni deynosti” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin, I. Ziemele u S. Gervasoni, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Beach and bar management” EOOD, minn M. Yakimov,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u S. Ruseva, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u D. Drambozova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, l-ewwel nett, tal-Artikolu 325 TFUE, it-tieni nett, tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll, it-tielet nett, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47, tal-Artikolu 48(1), tal-Artikolu 49(3) u tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija kummerċjali “Beach and bar management” EOOD au Nachalnik na otdel “Operativni deynosti” – Burgas v pri Direktsia “Operativni deynosti” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite (il-Kap tad-Diviżjoni “Attivitajiet Operazzjonali” — il-belt ta’ Burgas, fi ħdan id-Direttorat “Attivitajiet Operazzjonali” fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”), dwar miżura amministrattiva ta’ infurzar imposta wara l-konstatazzjoni ta’ ksur amministrattiv li huwa wkoll suġġett għal sanzjonijiet pekunjarji, imposti b’mod kumulattiv fuq din il-miżura.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

It-Trattat FUE

3

L-Artikolu 325 TFUE:

“1.   L-Unjoni [Ewropea] u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom li tkun immirata sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni kontra l-frodi. Għal dan l-għan huma għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti.

4.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, wara li jikkonsultaw l-Qorti ta’ l-Awdituri, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa fl-oqsma ta’ prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni bl-għan li joffru protezzjoni effettiva u ekwivalenti fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

5.   Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha kull sena tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-miżuri meħuda għall-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu.”

Il-Karta

4

L-Artikolu 49(3) tal-Karta huwa fformulat kif ġej:

“Is-severità tal-piena m’għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat.”

5

L-Artikolu 50 tal-Karta jistipula:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

Id-Direttiva dwar il-VAT

6

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-kunsinni ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

7

Skont l-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.”

Id-dritt Bulgaru

Il-Liġi dwar il-VAT

8

L-Artikolu 118(1) taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) DV Nru°63 tal‑4 ta’ Awwissu 2006), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-fatti tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:

“Kull persuna rreġistrata jew le għall-finijiet ta’ din il-liġi hija obbligata li tirreġistra u li żżomm bil-miktub il-kunsinni u l-bejgħ li hija tkun wettqet fi proprjetà kummerċjali billi toħroġ rċevuta fiskali ġġenerata permezz ta’ apparat fiskali (rċevuta tal-cash register) jew ta’ rċevuta ġġenerata permezz ta’ sistema awtomatika integrata ta’ ġestjoni tal-attività kummerċjali (rċevuta tas-sistema), u dan irrispettivament minn jekk jintalabx dokument ieħor ta’ sostenn fiskali. Id-destinatarju għandu jirċievi r-rċevuta tal-cash register jew ir-rċevuta tas-sistema u jżommhom sakemm joħroġ mill-proprjetà.”

9

L-Artikolu 185(1) u (2) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(1)   In-nuqqas li jinħareġ dokument ta’ sostenn imsemmi fl-Artikolu 118(1) huwa ssanzjonat, għall-persuni fiżiċi li ma humiex negozjanti, b’multa ta’ 100 sa 500 [lev Bulgaru] BGN) [madwar 50 sa 250 euro] u, għall-persuni ġuridiċi u n-negozjanti individwali, b’sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 500 sa BGN 2000 [madwar 250 sa 1000 euro].

(2)   Minbarra l-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull min iwettaq jew jippermetti li jitwettaq ksur imsemmi fl-Artikolu 118 jew f’att normattiv ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, huwa suġġett, fil-każ ta’ persuni fiżiċi li ma humiex negozjanti, għal multa ta’ BGN 300 sa BGN 1000 [madwar 150 sa 500 euro], jew, fil-każ tal-persuni ġuridiċi u n-negozjanti individwali, għal sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 3000 sa BGN 10000 [madwar 1500 sa 5000 euro]. Fejn l-effett tal-ksur ma jkunx li ma jiġix indikat id-dħul fiskali, għandhom jiġu imposti s-sanzjonijiet previsti fil-paragrafu 1.”

10

L-Artikolu 186 tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)   Il-miżura amministrattiva ta’ infurzar ta’ ssiġillar ta’ proprjetà għal perijodu massimu ta’ 30 jum, indipendentement mill-multi jew mis-sanzjonijiet pekunjarji previsti, tapplika għal persuna li:

1.

tonqos milli

(a)

toħroġ dokument li jservi ta’ prova tal-bejgħ konformement mal-Artikolu 118.

[…]

(3)   Il-miżura amministrattiva ta’ infurzar skont il-paragrafu 1 għandha tiġi applikata permezz ta’ ordni motivata tad-dipartiment tad-dħul jew ta’ uffiċjal awtorizzat minn dan id-dipartiment.

(4)   L-ordni msemmija fil-paragrafu 3 tista’ tiġi appellata konformement mal-proċedura prevista mill-Administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) (DV Nru 30, tal‑11 ta’ April 2006), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali)].”

11

L-Artikolu 187(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Fejn tiġi applikata l-miżura amministrattiva ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 186(1), l-aċċess għall-proprjetà jew għall-proprjetajiet kummerċjali tal-persuna huwa pprojbit ukoll u l-beni li jinsabu f’din il-proprjetà u fl-imħażen tal-madwar għandhom jitneħħew mill-persuna jew mir-rappreżentant tagħha. Il-miżura tapplika għall-proprjetà jew għall-proprjetajiet fejn ikun ġie kkonstatat il-ksur, inkluż fejn ikunu ġestiti minn terz fil-mument li jingħalqu b’siġilli, jekk dan it-terz ikun jaf li l-proprjetà ser tiġi ssiġillata. L-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku għandha tippubblika fuq il-paġna internet tagħha l-listi ta’ proprjetajiet kummerċjali li għandhom jiġu ssiġillati u fejn jinsabu. Il-persuna titqies li taf bl-issiġillar tal-proprjetà, fejn jitqiegħed avviż permanenti ta’ ssiġillar fuq il-post, jew fejn tiġi ppubblikata informazzjoni fuq il-paġna internet tal-amministrazzjoni għad-dħul dwar il-proprjetà kummerċjali li għandha tingħalaq b’siġilli u fejn din tinsab.”

12

Skont l-Artikolu 188(1) tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

“Il-miżura amministrattiva ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 186(1) hija suġġetta għal eżekuzzjoni provviżorja fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(1) sa (7) [tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.]”

Il-liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi

13

L-Artikolu 22 taż-Zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi) (DV Nru 92, tat‑28 ta’ Novembru 1969), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Miżuri amministrattivi ta’ infurzar jistgħu jiġu applikati sabiex jiġi evitat u sabiex jitwaqqaf il-ksur amministrattiv, kif ukoll sabiex jiġu evitati u eliminati l-konsegwenzi dannużi tiegħu.”

14

L-Artikolu 27(1), (2), (4) u (5) ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“(1)   Is-sanzjoni amministrattiva hija stabbilita konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi fil-limiti previsti għall-ksur li jkun twettaq.

(2)   Fid-determinazzjoni tas-sanzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni s-severità tal-ksur, ir-raġunijiet li għalihom ikun twettaq u ċirkustanzi oħra attenwanti u aggravanti, kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja tal-awtur.

[…]

(4)   Ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 15(2), is-sanzjonijiet marbuta mal-ksur ma jistgħux jiġu ssostitwiti b’sanzjonijiet ta’ natura inqas severa.

(5)   Lanqas ma huwa awtorizzat li tiġi ffissata sanzjoni taħt il-minimu previst, sew jekk tkun multa u sew jekk tkun ċaħda temporanja tad-dritt li tiġi eżerċitata professjoni jew attività partikolari.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Beach and bar management hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt Bulgaru li topera proprjetà kummerċjali li tinkludi bar u ristorant.

16

Fl‑4 ta’ Awwissu 2022, waqt kontroll li sar f’dan il-bini, spetturi tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku kkonstataw li Beach and bar management kienet naqset milli tirreġistra 85 bejgħ permezz ta’ rċevuti fiskali tal-cash register, li għalhekk ma kinux inħarġu lill-klijenti. B’kollox, ġew stabbiliti 85 att ta’ konstatazzjoni ta’ ksur amministrattiv tal-Liġi dwar il-VAT abbażi ta’ dan.

17

Fit‑12 ta’ Awwissu 2022, l-awtorità tat-taxxa ħarġet ordni li timponi miżura amministrattiva ta’ infurzar ta’ “ssiġillar tal-proprjetà u projbizzjoni ta’ aċċess għall-bini” għal erbatax-il jum. Din il-miżura kienet akkumpanjata minn digriet li jawtorizza l-eżekuzzjoni provviżorja tagħha.

18

Il-miżura ta’ ssiġillar kif ukoll id-digriet ta’ eżekuzzjoni provviżorja, integrat fl-ordni stess, kienu s-suġġett ta’ rikors quddiem l-Administrativen sad Burgas (il-Qorti Amministrattiva ta’ Burgas, il-Bulgarija), fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri distinti. Ir-rikorsi inkwistjoni ġew miċħuda. Il-miżura ta’ ssiġillar u ta’ projbizzjoni ta’ aċċess għal erbatax-il jum ġiet eżegwita.

19

Barra minn hekk, għal kull wieħed mill-85 ksur imwettaq minn Beach and bar management, ġiet imposta sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 500 (madwar 250 euro). Għalhekk, is-sanzjoni totali għal dawn l-istanzi ta’ ksur kollha kienet tammonta għal BGN 42500 (madwar 21250 euro), filwaqt li l-ammont totali tal-VAT evaża minħabba li ma nħarġux rċevuti tal-cash register għall-pagamenti kollha li jikkorrispondu għall-imsemmi ksur, imwettqa permezz ta’ cash register, kien jammonta għal BGN 268.02 (madwar 134 euro).

20

Hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-legalità tal-85 miżura ta’ sanzjonijiet pekunjarji ġiet ikkontestata quddiem ir-Rayonen sad Burgas (il-Qorti Distrettwali ta’ Burgas, il-Bulgarija). Din il-qorti ċaħdet ir-rikorsi li jikkonċernaw dawn il-miżuri qabel ma ngħatat is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, MV — 98 (C‑97/21, EU:C:2023:371). Fil-motivi tad-deċiżjonijiet li hija tat, l-imsemmija qorti la ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, wara l-ordnijiet li jimponu l-miżura amministrattiva ta’ infurzar għall-85 istanza ta’ ksur kollha u wara l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ din il-miżura, l-issiġillar tal-proprjetà kummerċjali kkonċernata u l-projbizzjoni ta’ aċċess għaliha matul perijodu ta’ erbatax-il jum kienu ġew eżegwiti, u lanqas ma eżaminat u ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti legali ta’ din l-eżekuzzjoni fuq il-proċedura relatata mal-istħarriġ tal-legalità tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti b’mod parallel.

21

Il-85 deċiżjoni tal-imsemmija qorti kienu kollha s-suġġett ta’ rikors quddiem l-Administrativen sad Burgas (il-Qorti Amministrattiva ta’ Burgas), li hija l-qorti tar-rinviju.

22

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 118(1) tal-Liġi dwar il-VAT, din tipprevedi mhux biss, fl-Artikolu 185 tagħha, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja, iżda wkoll, fl-Artikolu 186 tagħha, l-obbligu li tingħata, minħabba l-istess fatti, miżura ta’ infurzar ta’ ssiġillar tal-proprjetà inkwistjoni.

23

Hija tippreċiża li s-sanzjoni pekunjarja u l-issiġillar huma deċiżi fi tmiem proċeduri distinti u awtonomi u li, fil-każ ta’ rikors kontra dawn iż-żewġ miżuri, kull waħda minnhom taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza ta’ qrati differenti, jiġifieri r-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) għas-sanzjoni pekunjarja u l-Administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva) għall-issiġillar, u li r-regoli proċedurali Bulgari ma jipprevedux il-possibbiltà li tiġi sospiża proċedura sa ma tintemm l-oħra, b’tali mod li ma jeżistix mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li għalkemm, fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV — 98 (C‑97/21, EU:C:2023:371), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li miżura amministrattiva ta’ infurzar ta’ ssiġillar hija ta’ natura kriminali u repressiva, hija tal-fehma li, fil-każ ineżami, in-natura preventiva tipprevali fuq in-natura repressiva ta’ din il-miżura, li hija intiża biss sabiex tillimita l-portata tal-konsegwenzi dannużi għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

24

Fl-aħħar nett, dik il-qorti tqis li wieħed ma jistax, mingħajr ma jikser l-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, japplika r-raġunament tas-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV — 98 (C‑97/21, EU:C:2023:371) għas-sanzjoni ta’ 85 istanzi ta’ ksur distinti, peress li l-assenza ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni imposta ma tippermettix li jiġi vverifikat jekk il-miżuri adottati għandhomx effett realment dissważiv u joffrux protezzjoni effettiva sabiex jiġi ggarantit l-irkupru tal-ammont eżatt tal-VAT evaża, kif ukoll għall-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad Burgas (il-Qorti Amministrattiva ta’ Burgas), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 325 [TFUE], l-Artikolu 273 tad-Direttiva [dwar il-VAT] u l-Artikolu 50 tal-Karta […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ diversi istanzi ta’ ksur ta’ obbligi fiskali tista’ tiġi imposta, bħala sanzjoni, miżura ġenerali waħda li tinvolvi l-‘issiġillar tal-istabbiliment kummerċjali marbut ma’ projbizzjoni ta’ aċċess għal dan l-istabbiliment’, meta fejn l-għan ta’ din il-miżura jkun biss li jiġu limitati l-effetti dannużi tal-ksur, inklużi d-danni għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u mhux li jiġi ppenalizzat l-awtur tal-ksur, u meta din il-miżura ma tillimitax il-possibbiltà li jiġu implimentati, fil-konfront ta’ dan l-awtur tal-ksur u għal kull waħda mill-istanzi ta’ ksur ta’ obbligi fiskali, proċeduri distinti u awtonomi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq il-kontribwent, u dan f’sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali hija meħtieġa teżamina u tiddetermina, f’kull każ partikolari, liema huwa l-għan tal-miżura ġenerali diġà imposta li tinvolvi l-‘issiġillar tal-istabbiliment kummerċjali marbut ma’ projbizzjoni ta’ aċċess għal dan l-istabbiliment’, jiġifieri jekk huwiex għan ta’ prevenzjoni jew ta’ sanzjoni?

2)

L-Artikolu 325 TFUE, l-Artikolu 273 tad-Direttiva [dwar il-VAT] u l-Artikolu 49(3) tal-Karta […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema ta’ sanzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, irrispettivament min-natura u mill-gravità tal-ksur, sanzjoni pekunjarja li l-ammont minimu tagħha huwa wieħed kunsiderevoli, mingħajr ma huwa possibbli li din is-sanzjoni tiġi imposta f’ammont inqas minn dan l-ammont minimu jew li tiġi ssostitwita b’sanzjoni inqas oneruża?

3)

L-Artikolu 325 TFUE, l-Artikolu 273 tad-Direttiva [dwar il-VAT] kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47, l-Artikolu 48(1) u l-Artikolu 49(3) tal-Karta […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li diversi istanzi ta’ ksur ta’ obbligi fiskali jistgħu jkunu suġġetti għal miżura ġenerali waħda li tinvolvi l-‘issiġillar tal-istabbiliment kummerċjali marbut ma’ projbizzjoni ta’ aċċess għal dan l-istabbiliment’, li tista’ tiġi eżegwita b’mod provviżorju qabel ma ssir definittiva, u dan mingħajr ma jkunx possibbli, la għall-qorti u lanqas għall-awtur tal-ksur stess, li jevalwaw jekk din il-miżura hijiex proporzjonata mal-gravità ta’ kull wieħed mid-diversi istanzi ta’ ksur amministrattiv ikkunsidrati b’mod iżolat?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

26

Skont il-Gvern Bulgaru, l-ewwel u t-tielet domanda huma inammissibbli, peress li ma għandhomx rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali peress li jirrigwardaw l-impożizzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar. Il-qorti tar-rinviju ma għandhiex bżonn l-interpretazzjoni mitluba sabiex tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha.

27

Barra minn hekk, Beach and bar management issostni li t-tielet domanda hija inammissibbli, peress li l-qorti tar-rinviju ma hijiex adita b’rikors kontra miżura amministrattiva ta’ infurzar.

28

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tqis li l-ewwel domanda tista’ tiġi fformulata mill-ġdid biex b’hekk issir ammissibbli filwaqt li t-tielet domanda ma hijiex ammissibbli.

29

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija responsabbli li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2025, Stadt Wuppertal,C‑130/24, EU:C:2025:340, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fil-każ ineżami, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax rikors kontra l-issiġillar tal-proprjetà kummerċjali inkwistjoni, li jikkostitwixxi miżura amministrattiva ta’ infurzar. Konsegwentement, it-tielet domanda preliminari għandha tiġi ddikjarata bħala manifestament inammissibbli, fin-nuqqas ta’ rabta mas-suġġett tat-tilwima tal-kawża prinċipali.

31

Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din it-talba jirriżulta li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tiddetermina jekk is-sanzjonijiet pekunjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u li din id-domanda manifestament tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Ifformulata mill-ġdid b’dan il-mod, l-ewwel domanda għandha titqies li hija ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 325 TFUE, l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 50 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li sanzjoni pekunjarja tiġi imposta fuq persuna taxxabbli minħabba li hija ma tkunx ħarġet rċevuti tal-cash register relatati ma’ bejgħ imwettaq meta dan il-ksur ikun diġà ta lok għall-impożizzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar ta’ ssiġillar tal-proprjetà kummerċjali li fih twettaq l-imsemmi ksur, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ aċċess għaliha.

33

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet skont l-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel wieħed huwa l-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt intern, it-tieni tikkonċerna n-natura stess tal-ksur u t-tielet hija relatata mal-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV ‑ 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-proċeduri u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” fid-dritt nazzjonali iżda testendi, indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt nazzjonali, għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li huma ta’ natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħra li jissemmew fl-imsemmi punt 33 tas-sentenza preżenti. Fil-fatt, tali natura tista’ tirriżulta min-natura stess tal-ksur inkwistjoni u mill-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet li dan jista’ jwassal għalihom (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fil-każ ineżami, għandu jitfakkar qabelxejn li l-issiġillar għal perijodu li jista’ jestendi għal 30 jum jista’, b’mod partikolari għal negozjant individwali, li jkollu biss proprjetà kummerċjali waħda, jiġi kklassifikat bħala sever, speċjalment fejn dan iżommu milli jeżerċita l-attività tiegħu u b’hekk iċaħħdu mid-dħul tiegħu (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 47)

36

Għal dak li jirrigwarda s-sanzjoni pekunjarja, minn naħa, il-fatt li l-ammont tagħha, għall-ewwel ksur, ma jistax ikun ta’ inqas minn BGN 500 (madwar 250 euro) u jista’ jitla’ sa BGN 2000 (madwar 1000 euro) u, min-naħa l-oħra, il-fatt li r-relazzjoni bejn il-VAT evaża billi ma nħarġux rċevuti tal-cash register għall-pagamenti kollha li jikkorrispondu għall-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri ammont totali ta’ BGN 268.02 (madwar 134 euro), u s-sanzjoni mogħtija, li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, tammonta għal BGN 42500 (madwar 21250 euro) tidher partikolarment għolja, juru n-natura severa tal-imsemmija sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV — 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 48).

37

F’dan il-kuntest, għalkemm, is-sanzjoni pekunjarja inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala sanzjonijiet ta’ natura kriminali, għandu jitqies li l-akkumulazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet toħloq limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, MV — 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 49).

38

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 50 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha jista’ jiġi impost fuq persuna taxxabbli, għall-istess ksur ta’ obbligu fiskali u fi tmiem proċeduri distinti u awtonomi, miżura ta’ sanzjoni pekunjarja u miżura ta’ ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali, liema miżuri jistgħu jiġu kkontestati quddiem qrati differenti, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tiżgurax koordinazzjoni tal-proċeduri li tippermetti li jitnaqqas, sa fejn strettament neċessarju, il-piż addizzjonali li jirriżulta mill-akkumulazzjoni tal-imsemmija miżuri u ma tippermettix li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet kollha imposti tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur ikkonċernat (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV — 98, C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 63).

39

Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni stabbilita fis-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV — 98, (C‑97/21, EU:C:2023:371) ma hijiex neċessarjament trasponibbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, peress li, fil-każ inkwistjoni, miżura amministrattiva ta’ infurzar waħda tissanzjona 85 istanzi ta’ ksur distinti. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura repetittiva jew saħansitra “sistematika” tal-aġir issanzjonat, din il-miżura hija intiża biss sabiex tillimita l-portata tal-konsegwenzi dannużi għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’tali mod li n-natura preventiva tagħha tista’ tipprevali fuq in-natura repressiva tagħha.

40

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju ma tistax tintlaqa’, peress li l-parti preventiva tal-miżura ta’ ssiġillar tal-proprjetà kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex imposta b’mod li tipprevali fuq il-parti repressiva ta’ din il-miżura.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-prinċipju li s-sempliċi fatt li sanzjoni li għandha għan repressiv għandha wkoll għan preventiv ma huwiex tali li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha bħala sanzjoni kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 31).

42

Fid-dawl tal-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 40 tas-sentenza preżenti, isegwi li l-miżura ta’ infurzar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma titlifx il-klassifikazzjoni tagħha bħala sanzjoni kriminali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li hija għandha wkoll għan preventiv.

43

Fi kwalunkwe każ, hekk kif tfakkar fil-punt 34 tas-sentenza preżenti, hija s-severità intrinsika tal-miżura ta’ ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali li tiġġustifika l-klassifikazzjoni kriminali tagħha u twassal għall-applikabbiltà tal-Artikolu 50 tal-Karta. Din is-severità ma hijiex affettwata mill-fatt li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-numru kbir ta’ ksur imwettaq fil-każ ineżami seta’ saħansitra jwassal sabiex jiġi applikat għall-proprjetà kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali perijodu ta’ ssiġillar kunsiderevolment itwal.

44

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura amministrattiva ta’ ssiġillar u ta’ projbizzjoni ta’ aċċess għal proprjetà kummerċjali għal erbatax-il jum iżżomm in-natura repressiva tagħha, kemm jekk tiġi deċiża b’risposta għal ksur konkret wieħed tal-liġi dwar il-VAT kif ukoll jekk wara t-twettiq, matul perijodu determinat, ta’ 85 istanzi ta’ ksur ta’ din il-liġi, meħuda flimkien.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 325 TFUE, l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT u l-Artikolu 50 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li sanzjoni pekunjarja tiġi imposta fuq persuna taxxabbli minħabba li hija ma tkunx ħarġet rċevuti tal-cash register relatati ma’ bejgħ imwettaq meta dan il-ksur ikun diġà ta lok għall-impożizzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar ta’ ssiġillar tal-proprjetà kummerċjali li fiha twettaq l-imsemmi ksur, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ aċċess għaliha.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħala sanzjoni amministrattiva, tipprevedi miżura pekunjarja ta’ ammont għoli mingħajr ma l-qorti adita b’kontestazzjoni ta’ din il-miżura jkollha l-possibbiltà proċedurali li timponi ammont inqas minn dak previst minn din il-leġiżlazzjoni jew tip ieħor ta’ piena inqas oneruża.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li konformement mal-Artikolu 49(3) tal-Karta, is-severità tal-piena ma għandhiex tkun sproporzjonata għall-ksur. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ miżuri leġiżlattivi tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jiddeterminaw in-natura u l-livell ta’ dawn is-sanzjonijiet, fl-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, G. ST. T. (Proporzjonalità tal-piena f’każ ta’ kontrafazzjoni), C‑655/21, EU:C:2023:791, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement ma’ dan il-prinċipju tal-aħħar, il-miżuri repressivi permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li din il-leġiżlazzjoni leġittimament tfittex li tilħaq. Is-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, G. ST. T. (Proporzjonalità tal-piena f’każ ta’ kontrafazzjoni), C‑655/21, EU:C:2023:791, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li, fid-determinazzjoni tas-sanzjoni kif ukoll fl-iffissar tal-ammont tal-multa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, G. ST. T. (Proporzjonalità tal-piena f’każ ta’ kontrafazzjoni), C‑655/21, EU:C:2023:791, punt 67).

50

Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet, il-possibbiltà li għandha l-qorti nazzjonali li temenda l-klassifikazzjoni meta mqabbla ma’ dik li tinsab fl-att ta’ akkuża, peress li din il-possibbiltà hija tali li twassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni inqas severa, u dik li s-sanzjoni tiġi aġġustata meta mqabbla mal-gravità tal-ksur ikkonstatat (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, G. ST. T. (Proporzjonalità tal-piena f’każ ta’ kontrafazzjoni), C‑655/21, EU:C:2023:791, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Issa, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, possibbiltà li tiġi emendata l-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni tidher li hija nieqsa fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

52

Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja għall-ewwel ksur ma jistax, skont din il-leġiżlazzjoni, ikun inqas minn BGN 500 (madwar 250 euro) u li dan l-ammont huwa kważi 200 darba ogħla minn dak tal-VAT evaża għal kull ksur imwettaq fil-każ ineżami, jiġifieri BGN 2,70 (madwar 1.35 euro), jidher estremament diffiċli li tiġi stabbilita sanzjoni li l-intensità tagħha ma teċċedix il-gravità tal-ksur ikkonstatat.

53

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 49(3) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, bħala sanzjoni amministrattiva, miżura pekunjarja ta’ ammont għoli mingħajr ma l-qorti adita b’kontestazzjoni ta’ din il-miżura jkollha l-possibbiltà proċedurali li timponi ammont inqas minn dak previst minn din il-leġiżlazzjoni jew tip ieħor ta’ piena inqas oneruża.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 325 TFUE, l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li sanzjoni pekunjarja tiġi imposta fuq persuna taxxabbli minħabba li hija ma tkunx ħarġet rċevuti tal-cash register relatati ma’ bejgħ imwettaq meta dan il-ksur ikun diġà ta lok għall-impożizzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar ta’ ssiġillar tal-proprjetà kummerċjali li fiha twettaq l-imsemmi ksur, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ aċċess għaliha.

 

2)

L-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, bħala sanzjoni amministrattiva, miżura pekunjarja ta’ ammont għoli mingħajr ma l-qorti adita b’kontestazzjoni ta’ din il-miżura jkollha l-possibbiltà proċedurali li timponi ammont inqas minn dak previst minn din il-leġiżlazzjoni jew tip ieħor ta’ piena inqas oneruża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.